Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 10 ta' Lulju 2025 - Strasburgu
Il-każ ta’ Ryan Cornelius f’Dubai
 L-arrest arbitrarju u t-tortura tar-riċerkatur Belġjan-Portugiż Joseph Figueira Martin fir-Repubblika Ċentru-Afrikana
 Il-ħtieġa urġenti li jiġu protetti l-minoranzi reliġjużi fis-Sirja b’segwitu għall-attakk terroristiku reċenti fuq il-knisja ta’ Mar Elias f’Damasku
 Emenda tar-Regolament (UE) 2023/1542 fir-rigward tal-obbligi tal-operaturi ekonomiċi li jikkonċernaw il-politiki tad-diliġenza dovuta tal-batteriji
 Il-futur tas-settur tal-bijoteknoloġija u tal-bijomanifattura tal-UE: l-isfruttament tar-riċerka, l-istimolu tal-innovazzjoni u t-tisħiħ tal-kompetittività
 L-indirizzar tar-restrizzjonijiet imposti miċ-Ċina fuq l-esportazzjonijiet ta’ materja prima kritika

Il-każ ta’ Ryan Cornelius f’Dubai
PDF 125kWORD 46k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Lulju 2025 dwar il-każ ta’ Ryan Cornelius f’Dubai (2025/2796(RSP))
P10_TA(2025)0161RC-B10-0328/2025

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 19/2022 tal-Grupp ta’ Ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Detenzjoni Arbitrarja (UNWGAD),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 150(5) u l-Artikolu 136(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi Ryan Cornelius, ċittadin Brittaniku ta’ 71 sena miżżewweġ lil ċittadina tal-UE, ilu miżmum b’mod arbitrarju fl-Emirati Għarab Magħquda (UAE) mill-2008, wara kundanna fuq akkużi foloz ta’ frodi relatati ma’ self minn Dubai Islamic Bank (DIB) għal proġett ta’ żvilupp ta’ proprjetà;

B.  billi inizjalment ġie kkundannat għal 10 snin ħabs u, eżatt qabel il-ħelsien skedat tiegħu fl-2018, is-sentenza tiegħu ġiet estiża b’20 sena addizzjonali skont il-Liġi ta’ Dubai 37 tal-2009, applikata b’mod retroattiv u bi ksur tal-istandards legali internazzjonali;

C.  billi skont l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, il-Gvern tal-Emirati Għarab Magħquda għandu rekord inkwetanti ta’ detenzjoni arbitrarja, proċessi inġusti u allegazzjonijiet ta’ tortura;

D.  billi skont awdituri indipendenti, l-iżvilupp tal-proprjetà immobbli li Dubai Islamic Bank issekwestra mingħand Ryan Cornelius jiswa evidentement ħafna drabi l-ammont tad-dejn pendenti tiegħu lill-bank;

E.  billi l-UNWGAD iddikjara li l-priġunerija kontinwa tiegħu kien ksur tad-dritt internazzjonali, billi allega nuqqas ta’ proċess ġust, konfessjonijiet furzati, reklużjoni, ċħid ta’ konsulenza legali u ffirmar furzat ta’ dokumenti bl-Għarbi;

F.  billi Ryan Cornelius għadu miżmum b’kundizzjonijiet fil-ħabs inumani, bis-saħħa tiegħu li qed tiddeterjora u mingħajr aċċess xieraq għall-kura tas-saħħa;

G.  billi l-Liġi ta’ Dubai 37 tal-2009 tiddikjara fl-Artikolu 7(1) li l-persuna kkundannata (id-debitur) ma għandhiex tiġi kkundannata għall-ħabs jekk dik il-persuna jkollha aktar minn 70 sena; billi Ryan Cornelius għalaq 70 sena fl-2024 u bħala tali għandu jingħata eżenzjoni skont din il-liġi;

1.  Jikkundanna d-detenzjoni arbitrarja u mtawla ta’ Ryan Cornelius u jitlob li huwa u l-persuni l-oħra kollha detenuti arbitrarjament jinħelsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet;

2.  Jitlob li jingħata dritt infurzabbli għal kumpens u riparazzjonijiet oħra, f’konformità mad-dritt internazzjonali;

3.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet ta’ Dubai jagħtuh aċċess għal trattament u kura medika adegwati skont l-istandards internazzjonali dwar it-trattament tal-priġunieri, u jiżguraw investigazzjoni indipendenti dwar id-detenzjoni arbitrarja tiegħu;

4.  Jiddenunzja l-applikazzjoni retroattiva tal-Liġi 37 tal-2009 u jħeġġeġ lill-Emirati Għarab Magħquda jiżguraw proċessi ġusti u jabolixxu l-prattika ta’ priġunerija relatata mad-dejn; jinnota li Ryan Cornelius għadu l-ħabs minkejja li l-awtoritajiet issekwestraw assi vvalutati għal aktar mid-doppju tad-dejn oriġinali tiegħu;

5.  Jesprimi solidarjetà mal-familja tiegħu;

6.  Jistieden lir-Renju Unit jieħu l-azzjoni kollha meħtieġa biex jiżgura l-ħelsien ta’ Ryan Cornelius; iħeġġeġ lill-VP/RGħ, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Istati Membri u lid-Delegazzjoni tal-UE għall-Emirati Għarab Magħquda biex iqajmu l-każ tiegħu fl-impenji bilaterali kollha mal-Emirati Għarab Magħquda u jimmonitorjaw mill-qrib il-kundizzjonijiet tad-detenzjoni tiegħu;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-VP/RGħ, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Istati Membri, u lill-gvernijiet tar-Renju Unit u tal-Emirati Għarab Magħquda.


L-arrest arbitrarju u t-tortura tar-riċerkatur Belġjan-Portugiż Joseph Figueira Martin fir-Repubblika Ċentru-Afrikana
PDF 125kWORD 46k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Lulju 2025 dwar l-arrest arbitrarju u t-tortura tar-riċerkatur Belġjan-Portugiż Joseph Figueira Martin fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (2025/2797(RSP))
P10_TA(2025)0162RC-B10-0327/2025

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 150(5) u l-Artikolu 136(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi Joseph Figueira Martin, riċerkatur umanitarju li jaħdem għall-NGO FHI 360 u li għandu ċittadinanza doppja Belġjana u Portugiża, inħataf fis-26 ta’ Mejju 2024 fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (RĊA) mill-Grupp Wagner u aktar tard ingħata f’idejn l-awtoritajiet tar-RĊA;

B.  billi r-RĊA ressqet akkużi kontrih abbażi ta’ akkużi infondati, inklużi l-ispjunaġġ u t-terroriżmu, li għalihom jista’ jiffaċċja priġunerija tul il-ħajja u xogħol furzat;

C.  billi nżamm fl-Uffiċċju Ċentrali għat-Trażżin tal-Brigantaġġ (OCRB) f’Bangui f’reklużjoni u ġie ttorturat u mhedded bil-mewt; billi baqa’ f’detenzjoni taħt kundizzjonijiet inumani u mingħajr proċess għal aktar minn sena, u talba għar-rilaxx kundizzjonali tiegħu ma ġietx imwieġba, bi ksur tal-liġi kriminali tar-RĊA;

D.  billi saħħtu ddeterjorat b’mod drammatiku u l-valutazzjonijiet mediċi jiddikjaraw li jeħtieġ evakwazzjoni urġenti;

E.  billi l-gruppi armati li joperaw fir-RĊA wettqu arresti u detenzjonijiet illegali u arbitrarji;

F.  billi r-RĊA hija affettwata serjament mill-kampanji ta’ diżinformazzjoni Russi u tospita wieħed mill-akbar kontinġenti tal-merċenarji tal-Grupp Wagner;

G.  billi l-UE tappoġġja l-popolazzjoni tar-RĊA, billi tipprovdi għajnuna umanitarja, ta’ sigurtà u ta’ żvilupp;

H.  billi l-każ tas-Sur Martin ġie identifikat min-NU u mill-UE bħala wieħed li jirrifletti xejra usa’ ta’ diżinformazzjoni u retorika kontra l-Punent imrawma minn atturi marbuta mar-Russja fir-RĊA;

1.  Jitlob li l-awtoritajiet tar-RĊA jeħilsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lis-Sur Martin, minħabba n-nuqqas ta’ evidenza kredibbli u sostanzjata li tiġġustifika d-detenzjoni tiegħu;

2.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-RĊA jippermettu l-evakwazzjoni medika tiegħu u jiżguraw l-aċċess tiegħu għar-rappreżentanza legali, l-assistenza konsulari u l-kura xierqa skont l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

3.  Jikkundanna bil-qawwa l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq permezz tad-detenzjoni arbitrarja, kontinwa u inumana tas-Sur Martin, li jhedded serjament il-ħajja u s-saħħa tiegħu;

4.  Jinsisti li kwalunkwe proċediment ġudizzjarju jikkonforma strettament mal-garanziji ta’ proċess ġust minquxa fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u d-dispożizzjonijiet applikabbli tal-qafas legali nazzjonali tar-RĊA;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet tar-RĊA jiżguraw li l-gruppi armati li joperaw fir-RĊA jiddeżistu minnufih milli jarrestaw u jattakkaw illegalment u arbitrarjament lill-ħaddiema umanitarji u tal-NGOs;

6.  Jitlob li tiġi żgurata r-responsabbiltà għall-ksur u l-abbużi tad-drittijiet;

7.  Jikkundanna l-indħil barrani politikament motivat li dejjem qed jikber fir-RĊA, inkluż permezz tal-forzi paramilitari Russi u kampanji ta’ diżinformazzjoni; itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill biex jirreġistra l-Grupp Wagner fuq il-lista tal-organizzazzjonijiet terroristiċi;

8.  Jenfasizza li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huwa kruċjali għal kooperazzjoni tajba bejn l-UE u r-RĊA;

9.  Jistieden lill-VP/RGħ tieħu l-passi kollha possibbli, f’koordinazzjoni mal-awtoritajiet Belġjani u Portugiżi, inkluż billi tqajjem il-każ tas-Sur Martin fid-djalogu politiku UE-RĊA, biex tiżgura l-ħelsien tiegħu u tiżgura li drittijietu jiġu rispettati; jenfasizza l-ħtieġa ta’ miżuri mmirati tal-UE jekk l-awtoritajiet tar-RĊA jkomplu jiksru drittijietu;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-VP/RGħ, lill-Gvern u lill-Parlament tar-RĊA, lill-Unjoni Afrikana (AU) u lin-Nazzjonijiet Uniti (NU).


Il-ħtieġa urġenti li jiġu protetti l-minoranzi reliġjużi fis-Sirja b’segwitu għall-attakk terroristiku reċenti fuq il-knisja ta’ Mar Elias f’Damasku
PDF 128kWORD 46k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Lulju 2025 dwar il-ħtieġa urġenti li jiġu protetti l-minoranzi reliġjużi fis-Sirja b’segwitu għall-attakk terroristiku reċenti fuq il-knisja ta’ Mar Elias f’Damasku (2025/2798(RSP))
P10_TA(2025)0163RC-B10-0335/2025

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kelliem tas-SEAE tal-11 ta’ Marzu, tas-7 ta’ Mejju u tat-23 ta’ Ġunju 2025 dwar is-Sirja,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 2025 dwar is-Sirja u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta’ Ġunju 2025 dwar il-Lvant Nofsani,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 150(5) u l-Artikolu 136(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi s-soċjetà tas-Sirja, b’diversi reliġjonijiet u etniċitajiet, sofriet għal aktar minn għaxar snin taħt l-idejn tar-reġim vjolenti u diviżiv ta’ Assad u ta’ gruppi terroristiċi, speċjalment id-Da’esh, u dan affettwa l-komunitajiet kollha, inklużi l-Għarab, il-Kurdi, is-Sunnis, ix-Xiiti, l-Alawiti, l-Insara, id-Drużi u l-Yazidi;

B.  billi mewġa ta’ vjolenza mifruxa, inkluża l-vjolenza sesswali, tul il-kosta Sirjana mmirata lejn il-komunità Alawita bdiet f’Marzu 2025 u għadha għaddejja, b’aktar minn 1 200 vittma ċivili; billi n-nisa Alawiti huma vittmi ta’ xejra allarmanti u li qed tikber ta’ ħtif tal-massa u ta’ skjavitù sesswali;

C.  billi l-ġlied settarju mifrux f’April 2025 qatel aktar minn 10 persuni ċivili Drużi;

D.  billi fit-22 ta’ Ġunju 2025, attakk terroristiku suwiċida fuq il-Knisja Ortodossa Griega Mar Elias f’Damasku qatel mill-anqas 25 persuna u darab aktar minn 60, l-aktar attakk fatali kontra l-Insara fi snin sħaħ; billi grupp terroristiku Iżlamista li għadu kif ġie ffurmat, Saraya Ansar al-Sunna, ħa r-responsabbiltà ta’ dan l-attakk;

E.  billi għalkemm l-awtoritajiet Sirjani ta’ tranżizzjoni għamlu assigurazzjonijiet ta’ protezzjoni u inklużjoni lill-komunitajiet reliġjużi, l-iżviluppi reċenti jalimentaw il-klima ta’ biża’ u jixħtu dubju fuq il-kapaċità tal-awtoritajiet ta’ tranżizzjoni li jipproteġu kif xieraq il-komunitajiet reliġjużi;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakk terroristiku trawmatiku kontra l-knisja Mar Elias u t-theddid kollu kontra siti ta’ qima, xi wħud storikament sinifikanti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sirjani jtejbu l-miżuri ta’ sikurezza u jirrestawraw il-knisja Mar Elias;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakki kollha mmirati lejn komunitajiet reliġjużi u etniċi u jirrikonoxxi li żdiedet il-biżgħa fost dawn il-komunitajiet, seba’ xhur wara t-tranżizzjoni politika; jesprimi solidarjetà mal-vittmi kollha;

3.  Jinnota, bi tħassib, li ħafna membri Hay’ at Tahrir al-Sham (HTS) b’rekords serji ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem assumew rwoli fi ħdan l-amministrazzjoni ta’ tranżizzjoni, b’implikazzjonijiet potenzjalment ta’ tħassib għal-libertà reliġjuża, kif muri mir-rikorrenza ta’ inċidenti li jinvolvu uffiċjali Sirjani;

4.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sirjani ta’ tranżizzjoni jiffaċilitaw investigazzjonijiet rapidi, trasparenti u indipendenti dwar dawn l-atti, u jieħdu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex iwaqqfu l-vjolenza settarja, jiżguraw li tintrefa’ r-responsabbiltà, inkluż billi jħarrku l-awturi tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u lil dawk li jgħinuhom bħal fil-każ ta’ Mar Elias, jiddefendu l-libertà tar-reliġjon u jipproteġu l-komunitajiet kollha;

5.  Itenni l-appoġġ tal-UE, ukoll permezz tat-tneħħija kundizzjonali tas-sanzjonijiet, għal tranżizzjoni politika bbażata fuq id-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja, b’ġustizzja tranżizzjonali, bil-ġlieda kontra l-impunità, bil-projbizzjoni tal-vjolenza arbitrarja, b’garanzija kostituzzjonali ta’governanza inklużiva u ta’ rappreżentanza adegwata tal-komunitajiet reliġjużi u etniċi, b’Assemblea tal-Poplu, kif ukoll bir-rispett tad-dritt internazzjonali bħala prerekwiżiti għas-suċċess tagħha; jistieden lill-awtoritajiet Sirjani ta’ tranżizzjoni jippreżentaw skeda ta’ żmien speċifika għall-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet kredibbli, ħielsa, ġusti u inklużivi; jappella biex l-UE tistabbilixxi fond ta’ rikostruzzjoni għas-Sirja, bil-kundizzjoni li jkun jista’ jintwera progress fuq dawn il-prijoritajiet u f’koordinazzjoni mal-istituzzjonijiet internazzjonali rilevanti, li jippromwovi d-djalogu interkonfessjonali, ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u r-rikonċiljazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tagħti prijorità lill-Konferenza mas-soċjetà ċivili Sirjana;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jinkludu l-protezzjoni tal-komunitajiet reliġjużi u l-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin fid-djalogu tagħhom mal-awtoritajiet ta’ tranżizzjoni fis-Sirja;

7.  Jenfasizza l-vulnerabbiltà tal-komunitajiet Insara fis-Sirja u t-theddid kostanti kontra l-prattikanti fidili, li l-protezzjoni tagħhom għandha tiġi ggarantita mill-awtoritajiet; jenfasizza d-diversità kbira fi ħdan il-gruppi konfessjonali tas-Sirja, kif muri mill-Knejjes Ortodossi Griegi, Ortodossi Sirjani, Armen Apostoliċi, Kaldej u Maroniti; jissottolinja l-importanza li jippreservaw u jgħożżu l-kontribuzzjonijiet tal-komunitajiet tagħhom u ta’ komunitajiet oħra għall-wirt reliġjuż u kulturali tas-Sirja u jappella biex l-arkitettura politika l-ġdida tas-Sirja tirrifletti din id-diversità;

8.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sirjani ta’ tranżizzjoni jagħmlu progress dwar kwistjonijiet pendenti bħar-restituzzjoni ta’ proprjetà reliġjuża kkonfiskata taħt ir-reġim ta’ Assad;

9.  Jistieden lill-Kunsill iżomm u jimponi sanzjonijiet aktar immirati fuq l-atturi responsabbli għall-ksur tal-libertà reliġjuża fis-Sirja;

10.  Jappella biex l-awtoritajiet Sirjani ta’ tranżizzjoni, l-UE u l-Istati Membri, kif ukoll is-sħab internazzjonali tal-Koalizzjoni Globali kontra d-Da’esh, javvanzaw l-isforzi kontra t-terroriżmu Iżlamiku, jipproteġu lis-Sirjani kollha u jindirizzaw is-sitwazzjoni fil-kampijiet al-Hol u Roj; iwissi kontra r-riskju serju għas-sigurtà internazzjonali li jista’ jikkawża d-diżimpenn f’daqqa tal-Istati Uniti fir-reġjun f’dan il-kuntest inċert; jappella biex l-integrità territorjali tas-Sirja tiġi rispettata;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill u lill-awtoritajiet Sirjani.


Emenda tar-Regolament (UE) 2023/1542 fir-rigward tal-obbligi tal-operaturi ekonomiċi li jikkonċernaw il-politiki tad-diliġenza dovuta tal-batteriji
PDF 130kWORD 46k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Lulju 2025 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2023/1542 fir-rigward tal-obbligi tal-operaturi ekonomiċi li jikkonċernaw il-politiki tad-diliġenza dovuta tal-batteriji (COM(2025)0258 – C10-0089/2025 – 2025/0129(COD))
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-10 ta’ Lulju 2025 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2025/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2023/1542 fir-rigward tal-obbligi tal-operaturi ekonomiċi li jikkonċernaw il-politiki ta’ diliġenza dovuta tal-batteriji
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Lulju 2025 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2023/1542 fir-rigward tal-obbligi tal-operaturi ekonomiċi li jikkonċernaw il-politiki tad-diliġenza dovuta tal-batteriji (COM(2025)0258 – C10-0089/2025 – 2025/0129(COD))
P10_TA(2025)0164A10-0134/2025

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2025)0258),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C10‑0089/2025),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-18 ta’ Ġunju 2025(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 60 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, il-Klima u s-Sikurezza tal-Ikel (A10-0134/2025),

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari, li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni terġa’ tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b’mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b’mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-10 ta’ Lulju 2025 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2025/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2023/1542 fir-rigward tal-obbligi tal-operaturi ekonomiċi li jikkonċernaw il-politiki ta’ diliġenza dovuta tal-batteriji

P10_TC1-COD(2025)0129


(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja(3),

Billi:

(1)  Ir-Regolament (UE) 2023/1542 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(4) jimponi obbligi ta’ diliġenza dovuta tal-batteriji fuq l-operaturi ekonomiċi li jkopru l-akkwist, l-ipproċessar u n-negozjar tal-kobalt, tal-grafit naturali, tal-litju u tan-nikil użati għall-manifattura tal-batteriji. Dawk l-obbligi ta’ diliġenza dovuta għandhom jiġu applikati mit-18 ta’ Awwissu 2025.

(2)  Fi żmien meta x-xenarju ġeopolitiku qed ikompli jinbidel, jeħtieġ li jingħelbu diversi sfidi, inkluż fir-rigward tal-akkwist tal-materja prima. B’riżultat ta’ dan, il-manifatturi tal-batteriji jeħtieġu ż-żmien biex janalizzaw u, fejn meħtieġ, jaġġustaw il-ktajjen ta’ provvista tagħhom.

(3)  L-obbligi ta’ diliġenza dovuta tal-batteriji stipulati fir-Regolament (UE) 2023/1542 jinkludu rekwiżiti li jkopru l-verifika minn partijiet terzi minn korpi notifikati. Madankollu, il-ħatra ta’ tali korpi notifikati qed tieħu aktar żmien milli mistenni. L-iskemi ta’ diliġenza dovuta rikonoxxuti mill-Kummissjoni f’konformità mar-Regolament (UE) 2023/1542 jiffaċilitaw il-ħidma tal-operaturi ekonomiċi u tal-korpi notifikati. Madankollu, l-iskemi ta’ diliġenza dovuta li jindirizzaw il-materja prima preżenti fil-batteriji għad iridu jiġu żviluppati u implimentati aktar, u sussegwentement jgħaddu mill-proċess ta’ rikonoxximent tal-ekwivalenza tagħhom mill-Kummissjoni.

(4)  Sabiex jingħata biżżejjed żmien għan-notifika tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità u sabiex l-operaturi ekonomiċi li jqiegħdu batteriji fis-suq ikunu f’pożizzjoni li jikkonformaw mal-obbligi tagħhom, id-data tal-applikazzjoni tal-obbligi ta’ diliġenza dovuta tal-batteriji stipulata fir-Regolament (UE) 2023/1542 jenħtieġ li tiġi posposta b’sentejn.

(5)  Id-Direttiva (UE) 2024/1760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5) tistabbilixxi regoli u obbligi sabiex jiġi żgurat li l-kumpaniji jidentifikaw u jindirizzaw l-impatti negattivi reali u potenzjali fuq id-drittijiet tal-bniedem u fuq l-ambjent fl-operazzjonijiet tal-kumpanija stess, l-operazzjonijiet tas-sussidjarji tagħhom u, meta relatati mal-ktajjen ta’ attivitajiet tagħhom, l-operazzjonijiet tas-sħab kummerċjali tagħhom.

(6)  Il-Kummissjoni għandha tippubblika, f’konformità mar-Regolament (UE) 2023/1542, linji gwida fir-rigward tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta tal-batteriji. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli, f’konformità mad-Direttiva (UE) 2024/1760, linji gwida fir-rigward tal-gwida u tal-aħjar prattiki dwar kif titwettaq id-diliġenza dovuta. Minħabba li l-konsistenza bejn ir-Regolament (UE) 2023/1542 u d-Direttiva (UE) 2024/1760 hija importanti għall-kumpaniji fil-katina tal-provvista tal-batteriji, jenħtieġ li d-dati rispettivi għall-pubblikazzjoni u d-disponibbiltà ta’ dawk il-linji gwida jiġu armonizzati.

(7)  Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jikkontribwixxi għall-funzjonament effiċjenti tas-suq intern, filwaqt li jipprevjeni u jnaqqas l-impatti negattivi tal-batteriji u tal-iskart ta’ batteriji fuq l-ambjent u li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(8)  Għalhekk, ir-Regolament (UE) 2023/1542 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(9)  Minħabba l-urġenza tal-kwistjoni u biex tiġi pprovduta ċertezza legali mill-iktar fis possibli, jitqies li huwa xieraq li tiġi invokata l-eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat prevista fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l- Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika.

(10)  Dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) 2023/1542

L-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) 2023/1542 huwa emendat kif ġej:

(a)  fil-paragrafu 1, id-data “Mit-18 ta’ Awwissu 2025” hija sostitwita b’“Mit-18 ta’ Awwissu 2027”;

(b)  fil-paragrafu 5, id-data “Sat-18 ta’ Frar 2025” hija sostitwita b’“Sas-26 ta’ Lulju 2026”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi ...,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

(1) Għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.
(2)Għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.
(3) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Lulju 2025.
(4)Ir-Regolament (UE) 2023/1542 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2023 dwar il-batteriji u l-iskart ta’ batteriji, li jemenda d-Direttiva 2008/98/KE u r-Regolament (UE) 2019/1020 u li jħassar id-Direttiva 2006/66/KE (ĠU L 191, 28.7.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1542/oj).
(5)Id-Direttiva (UE) 2024/1760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar id-diliġenza dovuta korporattiva dwar is-sostenibbiltà u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 u r-Regolament (UE) 2023/2859 (ĠU L, 2024/1760, 5.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1760/oj).


Il-futur tas-settur tal-bijoteknoloġija u tal-bijomanifattura tal-UE: l-isfruttament tar-riċerka, l-istimolu tal-innovazzjoni u t-tisħiħ tal-kompetittività
PDF 185kWORD 64k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Lulju 2025 dwar il-futur tas-settur tal-bijoteknoloġija u tal-bijomanifattura tal-UE: l-isfruttament tar-riċerka, l-istimolu tal-innovazzjoni u t-tisħiħ tal-kompetittività (2025/2008(INI))
P10_TA(2025)0165A10-0123/2025

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b’mod partikolari l-Artikoli 9, 151, 152 u l-Artikolu 153(1) u (2) tiegħu, kif ukoll l-Artikoli 173 u 179 tiegħu, dwar il-politika industrijali tal-UE u r-riċerka u li jirreferu, fost affarijiet oħra, għall-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni u għat-tisħiħ tal-bażijiet xjentifiċi u teknoloġiċi tal-Unjoni,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 5(3) tiegħu u l-Protokoll Nru 2 tiegħu dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Marzu 2024 bit-titolu “Nibnu l-futur bin-natura: It-tisħiħ tal-Bijoteknoloġija u l-Bijomanifattura fl-UE” (COM(2024)0137),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta’ Mario Draghi tad-9 ta’ Settembru 2024 bit-titolu “The future of European competitiveness” (Il-futur tal-kompetittività Ewropea),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Jannar 2025 bit-titolu “Boxxla għall-Kompetittività tal-UE” (COM(2025)0030),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Frar 2025 bit-titolu “Il-Patt għal Industrija Nadifa: Pjan direzzjonali konġunt għall-kompetittività u d-dekarbonizzazzjoni”(COM(2025)0085),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 bit-titolu “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” (COM(2019)0640),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta’ Enrico Letta tal-10 ta’ April 2024 bit-titolu “Much more than a market” (Ħafna aktar minn suq),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Frar 2025 bit-titolu “Viżjoni għall-Agrikoltura u għall-Ikel – Insawru flimkien settur tal-biedja u tal-ikel attraenti għall-ġenerazzjonijiet futuri” (COM(2025)0075),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 55 u l-Artikolu 148(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A10-0123/2025),

A.  billi s-settur tal-bijoteknoloġija u tal-bijomanifattura tal-UE ġie rikonoxxut bħala wieħed minn 10 setturi teknoloġiċi strateġiċi għall-kompetittività, għas-sigurtà ekonomika u għas-sostenibbiltà tal-Ewropa; billi s-settur huwa kkaratterizzat minn produttività, tkabbir u rata ta’ impjieg għoljin ħafna u jipprovdi soluzzjonijiet globalment kompetittivi u mill-aktar avvanzati fil-kura tas-saħħa, fix-xjenzi tal-ħajja, fil-produzzjoni u t-trasformazzjoni industrijali, fil-bijomanifattura sostenibbli, fl-enerġija u fis-sigurtà tal-ikel; billi l-bijoteknoloġija u l-bijomanifattura huma faċilitaturi importanti tal-bijoekonomija b’mod ġenerali; billi l-bijoteknoloġija u l-bijomanifattura jistgħu jgħinu fit-tisħiħ tal-awtonomija strateġika, ir-reżiljenza u ċ-ċirkolarità tal-UE billi jnaqqsu d-dipendenza tal-industrija mill-input ibbażat fuq il-fjuwils fossili u minn dipendenzi esterni oħra f’diversi setturi; billi s-settur tal-bijoteknoloġija u tal-bijomanifattura għadu qed jiffaċċja ostakli regolatorji u finanzjarji u suq intern mhux komplut; billi l-Kummissjoni hija mistennija tippreżenta att tal-UE dwar il-bijoteknoloġija, strateġija aġġornata tal-UE dwar il-bijoekonomija, strateġija tal-UE dwar ix-xjenzi tal-ħajja, att tal-UE dwar l-innovazzjoni u att tal-UE dwar l-ekonomija ċirkolari;

B.  billi, skont l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), il-bijoteknoloġija hija definita bħala l-applikazzjoni tax-xjenza u t-teknoloġija għal organiżmi ħajjin, kif ukoll għal partijiet, prodotti u mudelli tagħhom, biex jinbidlu materjali ħajjin jew mhux ħajjin għall-produzzjoni ta’ għarfien, ta’ oġġetti u ta’ servizzi; billi l-bijomanifattura mhijiex definita b’mod ċar u l-Kummissjoni għandha għalhekk tipproponi tali definizzjoni; billi d-definizzjoni ta’ bijomanifattura għandha tibqa’ valida fil-futur, tkun miftuħa għal żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi, u tkun newtrali fir-rigward tat-teknoloġija, sabiex tinkludi b’mod wiesa’ l-użu tal-bijoteknoloġija jew ta’ teknoloġiji oħra għall-produzzjoni ta’ prodotti u soluzzjonijiet ta’ materjal b’bażi bijoloġika inklużi, iżda mhux biss, proċessi kimiċi, mekkaniċi jew termali;

C.  billi l-industriji tal-bijoteknoloġija u tal-bijomanifattura mexxew l-iżvilupp u l-varar ta’ innovazzjonijiet rivoluzzjonarji fil-kura tas-saħħa, bħall-vaċċini abbażi tal-mRNA; billi l-proċessi tal-bijoteknoloġija jistgħu jintużaw biex jimmanifatturaw ingredjenti farmaċewtiċi attivi u inputs tal-manifattura ewlenin għall-mediċini;

D.  billi l-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat l-importanza li jkun hemm ktajjen tal-valur tal-materja prima u kapaċitajiet tal-manifattura robusti fl-Ewropa, biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista ta’ prodotti kritiċi u jiġu mmitigati n-nuqqasijiet, pereżempju, ta’ mediċini essenzjali;

E.  billi l-intelliġenza artifiċjali (IA) tista’ tgħin biex tiġi xprunata l-innovazzjoni fil-bijoteknoloġija, pereżempju fil-mediċina personalizzata u fl-iskoperta ta’ prodotti mediċinali, u dan jirriżulta f’benefiċċji għas-saħħa u għall-ambjent; billi l-użu tal-IA fil-bijoteknoloġija jista’ jippreżenta wkoll sfidi u riskji etiċi, relatati mal-protezzjoni tad-data privata, u dawn jeħtieġ li jiġu indirizzati sabiex jinżammu l-fiduċja u l-aċċettazzjoni tal-pubbliku;

F.  billi l-bijoteknoloġija hija applikata f’diversi aspetti tal-agrikoltura bbażata fuq l-annimali u l-pjanti kif ukoll b’mod indirett permezz tal-użu tagħha f’attivitajiet bħall-ġestjoni tal-iskart;

G.  billi l-bijoteknoloġija tista’ ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-foresti u, fil-każ tal-bijomanifattura, is-settur tal-foresti jista’ joffri materja prima rinnovabbli, riċiklabbli u prodotta b’mod sostenibbli li tista’ tintuża fi prodotti, materjali u applikazzjonijiet innovattivi ta’ valur għoli;

H.  billi l-UE hija mexxej globali fir-riċerka u fil-kapaċità tal-bijomanifattura, iżda l-potenzjal tagħha jibqa’ mhux sfruttat minħabba n-nuqqas ta’ qafas ta’ politika kkoordinat biżżejjed li jippermetti l-espansjoni effiċjenti tal-innovazzjoni, l-attrazzjoni tal-investimenti u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda; billi l-approċċ ta’ “one in, one out” jiżgura li l-piżijiet kollha introdotti mill-inizjattivi tal-Kummissjoni jitqiesu u l-piżijiet amministrattivi jittaffew billi jitneħħew piżijiet ta’ valur ekwivalenti fl-istess qasam ta’ politika fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri; billi l-Parlament appella biex il-baġit tal-UE għar-riċerka jiġi rduppjat; billi l-investiment privat tal-UE fir-riċerka, fl-iżvilupp u fl-innovazzjoni għadu lura meta mqabbel ma’ ta’ ekonomiji ewlenin oħra; billi l-promozzjoni tal-investiment f’impjanti tal-produzzjoni ta’ dimostrazzjoni u kummerċjali pijunieri tista’ tħaffef il-kummerċjalizzazzjoni tal-innovazzjoni tal-UE fl-industriji b’bażi bijoloġika:

I.  billi jeħtieġ li tittieħed azzjoni urġenti, koerenti u konsistenti matul il-ftit snin li ġejjin biex l-Ewropa ssir mexxej globali fil-bijoteknoloġija, fil-bijomanifattura u fix-xjenzi tal-ħajja, u dan iġib livell kuraġġuż ta’ bidla, f’konformità ma’ proċess ġust u appoġġjat minn kontrolli tal-kompetittività u finanzjament adegwat;

J.  billi l-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni mtawla u kumplessi, b’mod partikolari dwar iż-żmien għall-approvazzjoni, jirrappreżentaw żvantaġġ kompetittiv għall-operaturi tal-UE u jġiegħlu lill-iżviluppaturi tal-proġetti jitilqu mill-UE, u jxekklu l-varar u t-tkabbir industrijali;

K.  billi l-oqfsa regolatorji attwali tal-UE ma jindirizzawx preċiżament l-ispeċifiċitajiet tal-prodotti b’bażi bijoloġika; billi l-proċessi ta’ awtorizzazzjoni regolatorja eżistenti għall-prodotti tal-bijoteknoloġija jeħtieġ li jiġu indirizzati b’urġenza biex jiġi żgurat li l-UE tibqa’ kompetittiva globalment; billi qafas regolatorju effettiv biex titwettaq ir-riċerka klinika huwa essenzjali għall-kompetittività tal-aspetti l-aktar intensivi fl-innovazzjoni tas-setturi tal-farmaċewtika u tal-bijoteknoloġija tal-UE; billi l-Kummissjoni għandha tqis l-oqfsa regolatorji ta’ pajjiżi mhux tal-UE li huma minn ta’ quddiem fis-settur tal-bijoteknoloġija u tal-bijomanifattura, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni eżistenti u futura tal-UE li tkopri l-industrija, biex tiġi żgurata l-kompatibbiltà mingħajr ma jitnaqqsu l-istandards eżistenti tal-UE dwar is-sikurezza u l-ambjent;

L.  billi l-ekosistema tal-investiment u tal-kapital ta’ riskju fil-bijoteknoloġija u fil-bijomanifattura tal-UE għadha frammentata; billi l-prezzijiet għoljin tal-enerġija, il-piżijiet regolatorji, l-ostakli u n-nuqqas ta’ feedstock, materja prima u komponenti ewlenin disponibbli qed jillimitaw il-kapaċità tal-kumpaniji start-up u ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) oħra milli jespandu, u jillimitaw il-varar fuq skala kbira; billi l-kapaċità tal-bijomanifattura u r-reżiljenza tal-katina tal-provvista tal-UE, inkluża d-disponibbiltà tal-feedstock, huma essenzjali biex titnaqqas id-dipendenza minn atturi mhux tal-UE; billi ktajjen tal-provvista globali effettivi, inklużi sħubijiet strateġiċi ma’ atturi globali affidabbli, huma wkoll importanti biex jiżguraw aċċess stabbli għal riżorsi kritiċi, jevitaw tfixkil fil-provvista u jrawmu innovazzjoni kontinwa f’teknoloġiji essenzjali;

M.  billi l-feedstocks b’bażi bijoloġika, bħall-bijomassa b’forniment sostenibbli, l-iskart riċiklat u l-qbid tas-CO2 minn sorsi bijoġeniċi, jistgħu jintużaw bħala feedstocks alternattivi għall-manifattura ta’, pereżempju, polimeri, plastiks, solventi, żebgħa, deterġenti, kożmetiċi u farmaċewtiċi, u b’hekk jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-UE, għall-effiċjenza fir-riżorsi u għall-awtonomija strateġika; billi l-UE tista’ tkompli tinċentiva d-domanda tas-suq u l-adozzjoni mis-suq għal prodotti u materjali sostenibbli b’bażi bijoloġika;

N.  billi huwa vitali li jiżdied l-użu tal-materja prima sostenibbli b’bażi bijoloġika bħala parti mill-mezzi biex jintlaħqu l-miri klimatiċi tal-UE għall-2050; billi l-bijoteknoloġija għandha l-potenzjal li tittrasforma l-industrija tar-raffinerija u dik kimika lejn il-bijomanifattura, u b’hekk jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra f’konformità mal-objettivi klimatiċi tal-UE;

O.  billi l-bijoteknoloġija u l-bijomanifattura huma rregolati f’ħafna oqfsa regolatorji differenti; billi l-oqfsa regolatorji attwali tal-UE għall-bijoteknoloġija u għall-bijomanifattura huma inkonsistenti fost is-setturi, u dan joħloq inċertezza legali u jnaqqas ir-ritmu tal-aċċess għas-suq għal soluzzjonijiet innovattivi; billi l-proċessi ta’ awtorizzazzjoni mtawla, b’mod partikolari dwar iż-żmien għall-approvazzjoni, jeħtieġ li jiġu indirizzati u mtejba b’mod urġenti, filwaqt li jinżamm approċċ ibbażat fuq ir-riskju u fuq ix-xjenza, biex jikkompetu mal-perjodi ta’ żmien korrispondenti barra mill-UE; billi l-użu tal-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja għandu jiġi estiż biex jiġi żgurat li t-teknoloġiji emerġenti jkollhom perkors ta’ żvilupp ċar; billi regolament ġdid fl-UE kollha fil-forma ta’ att tal-UE dwar il-bijoteknoloġija għandu jkun iġġustifikat kif xieraq abbażi ta’ eżempji ta’ lakuni u nuqqasijiet konkreti fil-leġiżlazzjoni u fl-implimentazzjoni attwali, filwaqt li jenfasizza l-ispeċifiċitajiet tal-industrija;

P.  billi qafas ta’ proprjetà intellettwali (PI) koerenti, robust u li jibqa’ validu fil-futur huwa essenzjali, u idealment jirriżulta f’benefiċċji ekonomiċi, ambjentali u soċjetali;

Q.  billi s-sensibilizzazzjoni pubblika fl-UE tal-prodotti tal-bijoteknoloġija u tal-bijomanifattura għandhom jissaħħu aktar sabiex tingħata spinta lill-aċċettazzjoni tal-pubbliku; billi għandhom jitqiesu l-aspetti etiċi tal-bijoteknoloġija; billi l-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati għandha rwol kruċjali fit-tfassil ta’ politiki tal-bijoteknoloġija responsabbli u etiċi; billi s-soċjetà ċivili jista’ jkollha rwol essenzjali fl-iżgurar tal-fiduċja pubblika;

R.  billi l-inġinerija tad-DNA u tal-organiżmi qed issir dejjem aktar f’bijofunderiji awtomatizzati, li jipproduċu ammont kbir ta’ data u disinji u għarfien imtejba tal-funzjonijiet bijoloġiċi;

S.  billi l-qafas regolatorju tal-UE jeħtieġ li jindirizza b’mod adegwat ir-riskji, l-opportunitajiet u r-responsabbiltajiet li qed jevolvu u li huma assoċjati mat-trattament, man-negozju u mas-sinteżi ta’ materjal bijoloġiku, b’mod partikolari fil-kuntest tal-bijoloġija sintetika; billi l-lakuni eżistenti fil-bijosigurtà jeħtieġ li jiġu indirizzati mill-UE u permezz ta’ kooperazzjoni internazzjonali;

Kriterji għal att komprensiv tal-UE dwar il-bijoteknoloġija

1.  Jenfasizza l-potenzjal tat-tkabbir tas-settur Ewropew tal-bijoteknoloġija u tal-bijomanifattura u l-ħtieġa li l-UE tibqa’ ta’ quddiem nett fid-dinja f’dan il-qasam; jissottolinja l-impenn għall-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar u t-tfassil aħjar tal-liġijiet, is-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv; jissottolinja li s-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE ma trid tipperikola l-ebda dritt fundamentali taċ-ċittadini, tal-ħaddiema u tan-negozji jew tirriskja l-inċertezza regolatorja; jemmen li kwalunkwe proposta ta’ simplifikazzjoni ma għandhiex tiġi mgħaġġla jew proposta mingħajr kunsiderazzjoni, konsultazzjoni u valutazzjonijiet tal-impatt xierqa; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni, jekk tipproponi regolament ġdid fl-UE kollha fil-forma ta’ att tal-UE dwar il-bijoteknoloġija, tindirizza l-lakuni u n-nuqqasijiet konkreti fil-leġiżlazzjoni u l-implimentazzjoni attwali, u tippreżenta leġiżlazzjoni li tista’ tiġi riveduta, simplifikata, razzjonalizzata, imħassra u li tnaqqas il-piżijiet burokratiċi, filwaqt li tiffoka fuq l-ispeċifiċitajiet tal-industrija u żżomm l-istandards rilevanti dwar is-sikurezza u s-sigurtà; jitlob li att tal-UE dwar il-bijoteknoloġija jadotta kamp ta’ applikazzjoni transsettorjali komprensiv u li jkun akkumpanjat minn valutazzjoni tal-impatt u tal-kostijiet, kontrolli tal-kompetittività kif ukoll valutazzjoni komprensiva mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju, filwaqt li jitqiesu kif xieraq l-impatt fuq l-SMEs, il-kumpaniji start-up u l-kumpaniji scale-up, kif ukoll l-interazzjoni ma’ inizjattivi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi rilevanti oħra, inklużi proposti li bħalissa għaddejjin mill-proċedura koleġiżlattiva;

2.  Ifakkar li skont l-OECD, il-bijoteknoloġija hija definita bħala l-applikazzjoni tax-xjenza u t-teknoloġija għal organiżmi ħajjin, kif ukoll għal partijiet, prodotti u mudelli tagħhom, biex jinbidlu materjali ħajjin jew mhux ħajjin għall-produzzjoni ta’ għarfien, ta’ oġġetti u ta’ servizzi; jinnota, madankollu, li l-bijomanifattura mhijiex definita b’mod ċar u jistieden lill-Kummissjoni tipproponi tali definizzjoni;

3.  Jirrakkomanda r-razzjonalizzazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-inizjattivi eżistenti u futuri relatati mal-bijoteknoloġija u l-bijomanifattura, bil-għan li tissaħħaħ l-industrija tal-bijoteknoloġija u tal-bijomanifattura permezz ta’ kompetenzi ċari industrijali u tar-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż);

4.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura l-koerenza u l-konsistenza fl-inizjattivi u l-miżuri leġiżlattivi kollha li jistgħu jaffettwaw l-innovazzjonijiet tal-bijoteknoloġija u tal-bijomanifattura u l-kumpaniji, speċjalment il-kumpaniji start-up u l-kumpaniji scale-up;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe inizjattiva leġiżlattiva rilevanti futura jkollha kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ biżżejjed biex tkopri l-industrija kollha tal-bijoteknoloġija u tal-bijomanifattura u l-firxa sħiħa tagħha ta’ applikazzjonijiet; jirrakkomanda oqfsa regolatorji ċari li jiffaċilitaw l-adozzjoni rapida u effiċjenti tal-bijoteknoloġija u tal-bijomanifattura;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta miżuri fl-istrutturi tagħha sabiex tiżgura l-koordinazzjoni, il-koerenza u l-komplementarjetà fid-direttorati ġenerali rilevanti tagħha kollha, u tippermetti espansjoni u kummerċjalizzazzjoni aktar effiċjenti tar-riżultati tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni; jenfasizza l-importanza tal-isforzi biex jittejbu l-koerenza u l-koordinazzjoni tal-politika fil-livell nazzjonali;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-oqfsa regolatorji ta’ pajjiżi mhux tal-UE li huma minn ta’ quddiem fis-settur tal-bijoteknoloġija u tal-bijomanifattura, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni eżistenti u futura tal-UE li tkopri l-industrija, tiżgura l-kompatibbiltà, meta possibbli u mingħajr ma tikkomprometti s-sikurezza tal-konsumatur, u l-kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji tal-bijoteknoloġija tal-UE li jikkompetu internazzjonalment, u titgħallem mill-aħjar prattiki minn barra l-UE mingħajr ma tnaqqas l-istandards eżistenti tal-UE;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali fil-qasam tal-bijoteknoloġija u tal-bijomanifattura, liema rapport jidentifika wkoll il-lakuni u l-ostakli regolatorji potenzjali li jxekklu t-tkabbir tal-industriji li japplikaw dawn it-teknoloġiji u l-proċessi tal-manifattura, inklużi l-ostakli għat-titjib tal-awtosuffiċjenza tal-UE fir-rigward ta’ feedstocks, materja prima u komponenti ewlenin; ifakkar fil-prinċipju ta’ prekawzjoni stabbilit fl-Artikolu 191 tat-TFUE; iħeġġeġ, f’dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tikkondividi mal-Parlament is-sejbiet preliminari tal-istudju tagħha dwar il-piż regolatorju u l-ħtieġa potenzjali li l-leġiżlazzjoni relatata mal-bijoteknoloġija u mal-bijomanifattura tiġi rieżaminata; jappella għas-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti attwali għas-settur fl-oqfsa regolatorji kollha biex tippermetti proċeduri ta’ approvazzjoni u aċċess għas-suq aktar rapidu, filwaqt li jinżamm approċċ ibbażat fuq ir-riskju u fuq ix-xjenza u tiġi evitata l-inċertezza regolatorja;

9.  Jilqa’ ċ-Ċentru tal-Bijoteknoloġija u tal-Bijomanifattura li ġie varat reċentement; jitlob li l-Kummissjoni tipprovdi gwida ulterjuri lill-kumpaniji tal-bijoteknoloġija u tal-bijomanifattura tal-UE u lill-Istati Membri fir-rigward tal-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti(1) u l-Patt għal Industrija Nadifa il-ġdid f’termini ta’ permessi u finanzjament, u tikkunsidra l-ħolqien ta’ ċentri ta’ appoġġ, sabiex ittejjeb il-gwida u l-pariri lill-kumpaniji li jinnavigaw fil-qafas regolatorju;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni biex b’urġenza tirrazzjonalizza, tissimplifika u tqassar iż-żmien meħtieġ għall-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni, b’mod partikolari l-perjodu ta’ żmien għall-approvazzjoni, għall-materjali u għall-prodotti tal-bijoteknoloġija tul iċ-ċiklu tal-manifattura u tal-ħajja tagħhom, u tiffaċilita l-adozzjoni mis-suq ta’ soluzzjonijiet b’bażi bijoloġika, inkluż il-forniment ta’ gwida ta’ qabel l-awtorizzazzjoni, filwaqt li żżomm approċċ ibbażat fuq ir-riskju u fuq ix-xjenza, b’mod partikolari fil-kuntest tar-rieżami regolari li hija tagħmel tal-aġenziji tal-UE bħall-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-aġenziji rilevanti tal-UE jkollhom ir-riżorsi adegwati, biex issaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jwettqu l-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni fi żmien xieraq;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-possibbiltà ta’ proċedura ta’ approvazzjonijiet simplifikata għall-prodotti tal-bijoteknoloġija li jkunu diġà ġew approvati minn korpi regolatorji fdati f’pajjiżi tal-istess fehma bi standards ekwivalenti għal dawk tal-UE;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tissimplifika l-prattiki tat-tikkettar, bħall-użu tal-kodiċijiet QR, u tiżgura kundizzjonijiet tas-suq ġusti bejn il-prodotti tal-bijoteknoloġija u prodotti oħra, bħall-kummerċjalizzazzjoni u r-reklamar, mingħajr ma tikkomprometti s-sikurezza tal-konsumatur jew l-aċċess għall-informazzjoni rilevanti tal-konsumatur;

13.  Ifakkar li regoli armonizzati, prevedibbli, li jibqgħu validi fil-futur u li huma internazzjonalment kompetittivi dwar il-protezzjoni tal-PI u tad-data għall-privattivi tal-bijoteknoloġija u tal-bijomanifattura huma essenzjali għall-iżvilupp tal-industrija, għar-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista u għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli; jissottolinja l-importanza li jittejbu r-regoli dwar il-protezzjoni tal-PI permezz ta’ termini itwal għat-teknoloġiji protetti bi privattiva biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-UE, jitrawmu l-innovazzjoni u l-awtonomija strateġika tal-UE, jiġu protetti t-teknoloġiji mill-aktar avvanzati, jiġu ppremjati l-investimenti fit-tul, u tiġi appoġġjata r-riċerka ta’ riskju għoli; jikkunsidra li qafas tal-PI koerenti, robust u li jibqa’ validu fil-futur huwa essenzjali; jilqa’, f’dan ir-rigward, is-sistema tal-privattiva unitarja tal-UE li ġiet stabbilita reċentement;

14.  Jappella għal qafas komuni tal-provi kliniċi bi proċeduri ta’ approvazzjoni razzjonalizzati fl-Istati Membri kollha biex jiġu mminimizzati l-piżijiet amministrattivi u d-dewmien, u li jippermetti l-użu ta’ evidenza mid-dinja reali għat-terapiji tal-bijoteknoloġija; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta s-sitwazzjoni attwali f’dan ir-rigward, kif ukoll it-titjib potenzjali; jappella għall-implimentazzjoni rapida tar-Regolament dwar il-Provi Kliniċi(2) u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Provi Kliniċi tal-UE;

15.  Jissottolinja l-importanza strateġika li ekosistema tal-bijoteknoloġija b’saħħitha għandha għall-UE biex tappoġġja r-riċerka u l-iżvilupp, il-manifattura u l-aċċess tal-pazjenti għal mediċini innovattivi; jirrimarka li l-proċessi tal-bijoteknoloġija jistgħu jintużaw biex jiġu mmanifatturati ingredjenti farmaċewtiċi attivi u inputs tal-manifattura ewlenin kemm għal mediċini li skaditilhom il-privattiva kif ukoll għal mediċini innovattivi;

16.  Jirrakkomanda l-użu tal-ġenerazzjoni li jmiss ta’ ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja biex jiġu vvalutati l-impatti u l-possibbiltajiet speċifiċi ta’ applikazzjonijiet emerġenti tal-bijoteknoloġija u tal-bijomanifattura, filwaqt li jiġi żgurat li jkunu jistgħu jsiru provi tat-teknoloġiji ġodda f’ambjent regolatorju kkontrollat iżda flessibbli u li jibqa’ validu fil-futur; jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat li l-politika tal-UE tqis l-iżviluppi teknoloġiċi u xjentifiċi biex tissalvagwardja l-kompetittività globali tal-UE;

17.  Jirrakkomanda l-iżvilupp ta’ strateġija biex jingħata appoġġ lill-kumpaniji tal-bijoteknoloġija u tal-bijomanifattura li jkunu qed jgħaddu mir-reġim ta’ ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja għall-aċċess sħiħ għas-suq; jitlob li l-istrateġija tinkludi, iżda mhux biss, mekkaniżmi ta’ appoġġ, assistenza regolatorja u gwida dwar il-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE;

Il-ħtieġa li jiġu promossi l-vantaġġi u l-ispeċifiċitajiet tal-industrija tal-bijoteknoloġija u tal-bijomanifattura

18.  Jissottolinja li l-espansjoni b’mod effettiv tal-bijoteknoloġija u tal-bijomanifattura fl-UE tiddependi minn bijoekonomija robusta, kompetittiva u ċirkolari; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija aġġornata dwar il-bijoekomomija, li tqis l-isfidi attwali u ssaħħaħ id-dimensjoni industrijali tal-bijoekonomija u r-rabtiet tagħha mal-bijoteknoloġija u l-bijomanifattura, filwaqt li tinċentivizza l-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ materjali, prodotti u soluzzjonijiet b’bażi bijoloġika sostenibbli, innovattivi u b’valur miżjud għoli, biex tikkontribwixxi għall-kompetittività u l-awtonomija strateġika tal-UE;

19.  Jirrikonoxxi r-rwol importanti li għandha l-bijomassa fil-bijomanifattura; ifakkar, f’dan ir-rigward, fl-importanzali jiġi adottat approċċ li jkun miftuħ għal teknoloġiji sostenibbli differenti tal-bijomassa msejsa fuq analiżi robusta, u bil-għan li jissaħħaħ l-aċċess għall-feedstock u l-użu tagħha, kif ukoll li jiġu sfruttati l-ktajjen tal-provvista internazzjonali, filwaqt li jiġu evitati l-esternalitajiet ambjentali mhux intenzjonati;

20.  Jissottolinja l-ħtieġa li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-karbonju bijoġeniku, tal-prodotti u tal-proċessi b’bażi bijoloġika, u li dawn jiġu ddifferenzjati mill-prodotti petrokimiċi u l-prodotti mill-fjuwils fossili, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tal-UE u dik nazzjonali dwar is-sustanzi kimiċi, il-materjali u l-ambjent;

21.  Jirrimarka li komponenti essenzjali, bħall-enzimi, il-batterji tal-aċidu lattiku u mikroorganiżmi oħra jirriskjaw li jiġu pprojbiti jew diżinċentivati bla bżonn mir-Regolamenti tal-UE primarjament imfassla għas-sustanzi petrokimiċi u dawk sintetiċi, bħar-Regolament REACH(3);

22.  Jinsab imħasseb li l-mod kif il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jinterpreta l-kriterji tas-sostenibbiltà skont il-qafas ta’ allinjament ta’ Pariġi tal-Grupp tal-BEI jista’ jwassal biex l-aċċess għall-finanzjament għal materjali u proġetti b’bażi bijoloġika jiġi miċħud; jitlob lill-Kummissjoni teżamina d-definizzjonijiet rilevanti kif xieraq u tinkoraġġixxi interpretazzjonijiet li jkunu favur il-bijoteknoloġija u l-bijomanifattura; jistieden lill-BEI jipproponi strumenti tat-tneħħija tar-riskji għall-bijoteknoloġija u għall-bijomanifattura, sabiex jiġi ġġenerat il-kapital; jistieden, barra minn hekk, lill-BEI jtejjeb is-sensibilizzazzjoni, l-appoġġ konsultattiv u l-informazzjoni dwar strumenti u opportunitajiet ta’ finanzjament għall-proġetti eliġibbli tal-bijoteknoloġija u tal-bijomanifattura, b’mod partikolari l-SMEs, il-kumpaniji start-up u l-kumpaniji scale-up;

23.  Jissottolinja l-benefiċċju u l-kontribut tal-prodotti u l-proċessi b’bażi bijoloġika għall-objettivi tal-UE biex jitnaqqas is-CO2, li, bil-potenzjal ta’ dawn il-prodotti li jżidu s-sostenibbiltà u jnaqqsu l-impronta ambjentali tal-UE, jeħtieġ li jiġu riflessi fil-valutazzjonijiet rispettivi taċ-ċiklu tal-ħajja, fl-informazzjoni għall-konsumaturi u fl-akkwist pubbliku;

24.  Jikkunsidra li, sabiex tiġi aċċellerata s-sostituzzjoni ta’ feedstocks mill-fjuwils fossili, id-domanda tas-suq u l-adozzjoni mis-suq ta’ prodotti b’bażi bijoloġika sostenibbli jistgħu jiġu inċentivati aktar fl-UE; jikkunsidra li l-feedstocks b’bażi bijoloġika, bħall-bijomassa b’forniment sostenibbli, l-iskart riċiklat u l-qbid tas-CO2 minn sorsi bijoġeniċi, jistgħu jintużaw bħala feedstocks alternattivi għall-manifattura ta’ diversi prodotti, u b’hekk jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, l-effiċjenza fir-riżorsi u l-awtonomija strateġika tal-UE; ifakkar, f’dan il-kuntest, fl-impenn previst fil-Boxxla għall-Kompetittività tal-UE li jiġu żviluppati politiki li jippremjaw lil dawk li jaġixxu kmieni; jikkunsidra li għandhom jiġu żgurati kriterji tas-sostenibbiltà koerenti u adegwati għall-bijomassa;

25.  Jissottolinja l-importanza li jiġu rispettati l-istandards għolja tal-UE dwar is-sikurezza tal-ikel u tal-konsumatur u l-potenzjal tal-applikazzjonijiet tal-bijoteknoloġija meta jkunu qed jiġu vvalutati l-applikazzjonijiet tal-bijoteknoloġija fl-ikel u fl-għalf biex tiġi protetta s-saħħa tal-konsumatur, jiġi vvalutat l-impatt fuq iċ-ċirkolarità u s-sostenibbiltà, u jiġu kkunsidrati l-aspetti soċjali, etiċi, ekonomiċi, ambjentali u kulturali tal-innovazzjoni tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika rotot bla xkiel għas-suq għal applikazzjonijiet sikuri tal-bijoteknoloġija fil-prodotti tal-ikel, filwaqt li jtenni li tali applikazzjonijiet tal-bijoteknoloġija jeħtieġ li jiġu eżaminati kif xieraq, qabel kwalunkwe awtorizzazzjoni futura u l-introduzzjoni sussegwenti fis-suq tal-UE, inkluż il-ġbir ta’ informazzjoni tossikoloġika u studji kliniċi u prekliniċi meta rilevanti, u l-iżgurar tat-traċċabbiltà;

26.  Jissottolinja li r-riskji tal-bijosigurtà, inklużi l-kunsiderazzjonijiet bijoetiċi, iridu jiġu indirizzati flimkien mal-innovazzjoni tal-bijoteknoloġija u tal-bijomanifattura, filwaqt li jiġi żgurat l-aċċess responsabbli għall-għodod tal-bijoloġija sintetika, għat-teknoloġiji tal-editjar ġenetiku u għall-materjali bijoloġiċi u l-użu responsabbli tagħhom; jappella biex jiġi stabbilit reġistru tal-UE tal-bijosigurtà għad-DNA sintetika, it-tagħmir ta’ sinteżi benchtop u l-għodod tal-inġinerija ġenetika, li jtejjeb il-mekkaniżmi tat-trasparenza u tal-valutazzjoni tar-riskju, f’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, bħall-industrija u s-soċjetà ċivili, u filwaqt li jiġi żgurat li d-data sensittiva tkun protetta b’mod adegwat; jisħaq fuq l-importanza tal-awtonomija strateġika tal-UE fil-ktajjen tal-provvista tal-bijoteknoloġija, li tiżgura li l-inputs tal-bijomanifattura kritika u l-għarfien espert jibqgħu fl-Ewropa; jappella għal kooperazzjoni internazzjonali aktar b’saħħitha fl-istandards tal-bijosigurtà, inklużi standards internazzjonali tal-iskrinjar obbligatorji, li tiżgura li l-kumpaniji tal-bijoteknoloġija u tal-bijomanifattura bbażati fl-UE jibbenefikaw mill-aħjar prattiki globali filwaqt li tinżamm il-kompetittività;

27.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq studju dwar il-materjali bijoloġiċi u tippreżenta komunikazzjoni aġġornata u pjan ta’ azzjoni dwar ir-riskji kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari, b’mod partikolari fir-rigward tal-bijoterroriżmu u r-riskji bijoloġiċi;

Kwistjonijiet orizzontali

28.  Jissottolinja l-importanza għas-sigurtà tal-katina tal-provvista li tiġi żgurata provvista suffiċjenti, stabbli u kompetittiva ta’ feedstock, materja prima u komponenti essenzjali, bħall-bijomassa u l-enzimi sostenibbli għall-kumpaniji tal-bijoteknoloġija u tal-bijomanifattura; jappella biex ir-riskji, il-lakuni u d-dipendenzi potenzjali jiġu mmonitorjati mill-qrib filwaqt li d-data sensittiva tal-kumpaniji u l-funzjonament tas-suq intern jiġu ssalvagwardjati;

29.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġu żviluppati l-ktajjen tal-valur tal-materja prima u l-manifattura tal-UE, u li tissaħħaħ l-awtosuffiċjenza meta possibbli, filwaqt li jitrawmu wkoll sħubijiet strateġiċi u kooperazzjoni ma’ pajjiżi mhux tal-UE tal-istess fehma biex jiġi żgurat aċċess reżiljenti u diversifikat għall-inputs kritiċi tal-industriji tal-bijoteknoloġija u tal-bijomanifattura fl-UE;

30.  Jisħaq li, f’kuntest ġeopolitiku dejjem aktar mimli tensjoni, il-bijoteknoloġija u l-bijomanifattura għandhom jiġu sfruttati bis-sħiħ biex tissaħħaħ l-awtonomija strateġika tal-UE, tissaħħaħ is-sigurtà tal-ikel u titnaqqas id-dipendenza fuq pajjiżi mhux tal-UE; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu stimulati d-domanda tas-suq u l-adozzjoni mis-suq ta’ prodotti b’bażi bijoloġika sabiex jiżdiedu t-tkabbir, il-kompetittività u s-sostenibbiltà tas-settur tal-bijoteknoloġija u tal-bijomanifattura tal-UE;

31.  Jinnota li l-espansjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tar-riżultati tar-riċerka għadhom sfida ewlenija fl-UE, u jisħaq fuq il-ħtieġa li jittejjeb it-trasferiment tal-għarfien u tat-teknoloġija bejn l-akkademja u l-industrija biex jiġi żgurat li r-riċerka dwar il-bijoteknoloġija u l-bijomanifattura ffinanzjata mill-UE twassal għal applikazzjonijiet kummerċjali u użu industrijali; jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ il-kollaborazzjoni pubblika-privata u li jiġu appoġġjati l-universitajiet u l-istituzzjonijiet tar-riċerka b’livelli għolja ta’ trasferiment tat-teknoloġija, spin-offs, u ħolqien ta’ kumpaniji start-up, pereżempju billi jiġi applikat il-mudell CERN tal-bini ta’ studios ta’ kumpaniji start-up fi ħdan l-istituzzjonijiet tar-riċerka; jappella għal investimenti strateġiċi f’infrastruttura kondiviża tal-UE – bħal faċilitajiet pilota, bijobanek jew aċċelleraturi tal-innovazzjoni – biex jappoġġjaw l-espansjoni tal-prototipi u l-adozzjoni mis-suq ta’ soluzzjonijiet innovattivi tal-bijoteknoloġija u tal-bijomanifattura; jissottolinja li l-innovazzjoni ma tistax isseħħ biss għall-benefiċċju ekonomiku fuq terminu qasir, u li l-innovazzjoni tal-bijoteknoloġija u tal-bijomanifattura għandha tkun xprunata permezz ta’ approċċ minn isfel għal fuq fl-ambitu tal-programm qafas awtonomu u fit-tul; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-ħolqien ta’ ċentri tar-riċerka minn ta’ quddiem nett fil-livell dinji għall-bijoteknoloġija u l-bijomanifattura biex jixprunaw l-innovazzjoni u l-kollaborazzjoni bejn l-akkademja, l-industrija u l-kapital ta’ riskju; jenfasizza l-ħtieġa ta’ faċilitajiet robusti ta’ ttestjar fiżiku fis-settur tal-bijoteknoloġija u tal-bijomanifattura biex jixprunaw l-innovazzjoni u jiffaċilitaw il-produzzjoni u l-aċċess għas-suq għall-SMEs u l-kumpaniji start-up;

32.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat l-aċċess għal enerġija affordabbli għall-operaturi tal-bijoteknoloġija u tal-bijomanifattura, minħabba l-intensità għolja ta’ enerġija tal-proċessi ta’ produzzjoni bijoloġika fuq skala kbira; jissottolinja l-importanza li jiġu ffaċilitati l-awtorizzazzjoni u l-validazzjoni ta’ impjanti industrijali kbar, bħall-bijoreatturi, li huma essenzjali għall-espansjoni iżda li jiffaċċjaw ukoll riskji sinifikanti tal-kostruzzjoni u tal-operat; jilqa’ l-aħħar reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli(4) u d-dispożizzjonijiet tagħha biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri għall-għoti tal-permessi, u jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw malajr miżuri rilevanti biex jappoġġjaw l-użu ta’ infrastruttura tal-bijoteknoloġija u tal-bijomanifattura;

33.  Jissottolinja l-ħtieġa ta’ forza tax-xogħol Ewropea diversa u b’ħiliet speċjalizzati fis-settur tal-bijoteknoloġija u tal-bijomanifattura u li jiġu promossi l-ħiliet intraprenditorjali, f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-industrija u mal-istituzzjonijiet tar-riċerka; jappella għal aktar investiment fl-edukazzjoni dwar il-bijoteknoloġija u l-bijomanifattura u għal taħriġ professjonali mmirat, inkluż – iżda mhux biss – f’oqsma bħall-konformità regolatorja, l-assigurazzjoni tal-kwalità u l-inġinerija tal-proċessi; jappoġġja l-iżvilupp ta’ ċentri tal-kompetenza u inizjattivi ta’ taħriġ pubbliċi-privati fl-Istati Membri kollha biex jippermettu t-titjib tal-ħiliet, it-taħriġ mill-ġdid u t-tagħlim tul il-ħajja biex tiġi ssalvagwardjata l-attraenza tal-industrija tal-bijoteknoloġija u tal-bijomanifattura; jenfasizza l-importanza li l-kurrikuli edukattivi jiġu adattati għall-ħtiġijiet li qed jevolvu tas-settur, u li jiġu promossi s-suġġetti tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM), b’enfasi partikolari biex aktar bniet u nisa jiġu attirati lejn karrieri fil-bijoteknoloġija u l-bijomanifattura; iħeġġeġ aktar sensibilizzazzjoni pubblika dwar l-opportunitajiet ta’ karriera fil-qasam biex jiġi attirat it-talent minn pajjiżi mhux tal-UE u jissuġġerixxi li jiġi esplorat il-potenzjal ta’ kooperazzjoni trans-Atlantika; jilqa’ l-iskema pilota “Choose Europe for Science” li ġiet varata reċentement biex tattira lejn l-Ewropa l-aqwa riċerkaturi, xjenzati u akkademiċi mhux mill-UE;

34.  Jappella biex titlesta b’mod urġenti l-Unjoni tas-Swieq Kapitali bil-għan li tattira investituri istituzzjonali lejn l-industrija tal-bijoteknoloġija u tal-bijomanifattura, inklużi l-kapital ta’ riskju, il-fondi tal-pensjonijiet u l-ekwità privata; jissottolinja li s-settur huwa kkaratterizzat minn livelli għolja ta’ riskju u li t-tnaqqis tal-kost tal-falliment fl-UE huwa meħtieġ biex jiġi attirat investiment kapitali fuq skala kbira; jappella għal appoġġ iddedikat biex jiġi żgurat li l-SMEs, il-kumpaniji start-up u l-kumpaniji scale-up tal-bijoteknoloġija u tal-bijomanifattura jkunu jistgħu jaċċessaw finanzjament suffiċjenti u jikkompetu globalment; jisħaq li l-ostakli għall-investiment transfruntier iridu jitnaqqsu biex jiġi ffaċilitat l-investiment fil-kumpaniji scale-up tal-bijoteknoloġija u tal-bijomanifattura;

35.  Jinnota li s-sħubijiet pubbliċi-privati u l-istrateġiji ta’ investiment tal-UE mmexxija mill-missjonijiet, bħall-Impriża Konġunta Ewropa Ċirkolari b’Bażi Bijoloġika, huma essenzjali biex jitneħħew ir-riskji għall-innovazzjoni tal-bijoteknoloġija u tal-bijomanifattura u biex tiżdied il-probabbiltà li l-PI u l-kapaċità industrijali jibqgħu fl-Ewropa; iħeġġeġ it-tisħiħ tal-istrumenti ta’ investiment tal-UE, bħall-programm InvestEU, biex jappoġġjaw il-proġetti tal-bijoteknoloġija u tal-bijomanifattura u li huma meqjusa ta’ riskju għoli mill-perspettiva ta’ investiment; jissottolinja li s-settur huwa kkaratterizzat minn konċentrazzjoni għolja ta’ SMEs, li jiffaċċjaw ostakli sproporzjonati fl-aċċess għall-kapital minkejja li huma xprunaturi kritiċi tal-innovazzjoni; jappoġġja l-esplorazzjoni ta’ Proġett Importanti tal-bijoteknoloġija ta’ Interess Ewropew Komuni biex jiffaċilita l-użu industrijali u l-investimenti ta’ min jidħol l-ewwel f’sustanzi kimiċi, materjali,prodotti u soluzzjonijiet b’bażi bijoloġika;

36.  Jinnota li s-sensibilizzazzjoni pubblika dwar il-bijoteknoloġija u l-prodotti bijomanifatturati fl-UE għandha tissaħħaħ aktar biex tingħata spinta lill-aċċettazzjoni pubblika; jirrakkomanda li ċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jkunu involuti biexjiġu kkomunikati lilhom il-karatteristiċi, il-benefiċċji u l-implikazzjonijiet tal-preżenza dejjem akbar ta’ prodotti u servizzi bbażati fuq il-bijoteknoloġija fis-suq Ewropew;

Riċerka u innovazzjoni li jibqgħu validi fil-futur

37.  Jiddispjaċih li l-investiment privat Ewropew fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni għadu lura meta mqabbel ma’ ekonomiji ewlenin oħra u li l-espansjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tar-riżultati tar-riċerka għadhom sfida ewlenija fl-Ewropa; jenfasizza l-fatt li s-sistemi pubbliċi Ewropej u nazzjonali għall-finanzjament tar-riċerka u l-iżvilupp għadhom kumplessi u mhux ikkoordinati biżżejjed, u dan jirriżulta f’duplikazzjonijiet u ineffiċjenzi; jappella għal approċċ mifrux mal-UE kollha għall-koordinazzjoni tal-investiment pubbliku fir-riċerka u l-iżvilupp għall-bijoteknoloġija u l-bijomanifattura, bl-objettiv doppju li jingħalqu d-distakki fl-eċċellenza u fl-innovazzjoni u li tiġi aċċellerata l-kummerċjalizzazzjoni; jissottolinja l-importanza tat-tisħiħ tal-kollaborazzjoni Ewropea, l-akkomunament tal-għarfien u r-riżorsi, u l-ingranaġġ tal-finanzjament pubbliku b’investiment privat; ifakkar fir-rwol ewlieni tal-programmi qafas bħal Orizzont Ewropa fit-trawwim tal-eċċellenza xjentifika, l-innovazzjoni u l-iżvilupp tekniku u jappella għal investiment immirat fis-suboqsma strateġiċi tal-bijoteknoloġija u tal-bijomanifattura, bħall-bijoteknoloġija industrijali, ambjentali, tal-baħar, tas-saħħa u agroalimentari;

38.  Itenni t-talba li l-baġit tal-UE għar-riċerka jiġi rduppjat u li tintlaħaq il-mira li, sal-2030, 3 % tal-prodott domestiku gross Ewropew ikunu ddedikati għar-riċerka u l-iżvilupp;

39.  Jinnota r-rwol dejjem akbar tal-bijoloġija sintetika, tal-bijoinformatika, tad-data u tar-riċerka rivoluzzjonarja dwar il-bijoteknoloġija u l-bijomanifattura mmexxija mill-IA; jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-innovazzjoni tal-bijoteknoloġija u tal-bijomanifattura fl-istrateġiji diġitali u tal-IA tal-UE, filwaqt li tiżgura l-interoperabbiltà bejn l-infrastruttura tad-data tal-bijoteknoloġija u tal-bijomanifattura u l-pjattaformi tas-sejbien ibbażati fuq l-IA; jinnota li l-kapaċitajiet tal-IA huma dipendenti mil-użu effiċjenti tad-data; jikkunsidra li l-ħolqien ta’ spazji tad-data industrijali għall-bijoteknoloġija u l-bijomanifattura huwa importanti għall-kondiviżjoni effiċjenti tad-data;

40.  Jirrikonoxxi li, filwaqt li s-sistemi tal-IA u l-computing kwantistiku jistgħu jħaffu b’mod sinifikanti r-riċerka u jwasslu għal innovazzjonijiet ġodda, u b’hekk jippermettu disinji komputazzjonali aħjar tas-sistemi bijoloġiċi, dawn jistgħu jżidu wkoll ir-riskju ta’ theddid bijoloġiku; jissottolinja, għalhekk, il-ħtieġa li jiġi applikat approċċ ibbażat fuq ir-riskju għall-użu tal-IA fir-riċerka xjentifika u fil-manifattura;

41.  Jikkunsidra li l-użu etiku tal-IA, tal-bijoinformatika u tal-bijoloġija sintetika huwa kruċjali biex tinbena l-fiduċja u biex is-soċjetà ġenerali tibbenefika minn dawn it-teknoloġiji; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu ssalvagwardjati l-privatezza tad-data, is-sigurtà tad-data, it-trasparenza u s-sorveljanza mill-bniedem tal-użu tas-sistemi tal-IA fis-settur tal-bijoteknoloġija tas-saħħa;

o
o   o

42.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Ir-Regolament (UE) 2024/1735 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tal-manifattura ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724, ĠU L, 2024/1735, 28.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1735/oj).
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 536/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar il-provi kliniċi fuq prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, u li jħassar id-Direttiva 2001/20/KE (ĠU L 158, 27.5.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/536/oj).
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni, (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1907/oj).
(4) Id-Direttiva (UE) 2023/2413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 li temenda d-Direttiva (UE) 2018/2001, ir-Regolament (UE) 2018/1999 u d-Direttiva 98/70/KE fir-rigward tal-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/652 (ĠU L, 2023/2413, 31.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/2413/oj).


L-indirizzar tar-restrizzjonijiet imposti miċ-Ċina fuq l-esportazzjonijiet ta’ materja prima kritika
PDF 138kWORD 53k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Lulju 2025 dwar l-indirizzar tar-restrizzjonijiet imposti miċ-Ċina fuq l-esportazzjonijiet ta’ materja prima kritika (2025/2800(RSP))
P10_TA(2025)0166RC-B10-0324/2025

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iċ-Ċina,

–  wara li kkunsidra s-summit li jmiss bejn l-UE u ċ-Ċina ppjanati għall-24 u l-25 ta’ Lulju 2025,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1252 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 li jistabbilixxi qafas li jiżgura provvista sigura u sostenibbli tal-materja prima kritika u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 168/2013, (UE) 2018/858, (UE) 2018/1724 u (UE) 2019/1020(1), magħruf ukoll bħala l-Att dwar il-Materja Prima Kritika – CRMA),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1735 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tal-manifattura ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724(2) (l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Mexxejja tal-G7 dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Minerali Kritiċi tal-G7,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Frar 2025 bit-titolu “Il-Patt għal Industrija Nadifa: Pjan direzzjonali konġunt għall-kompetittività u d-dekarbonizzazzjoni”(COM(2025)0085),

–  wara li kkunsidra s-sħubijiet kummerċjali u ta’ investiment nodfa li qed jiġu nnegozjati mill-UE, u s-sħubijiet tal-UE dwar il-materja prima kritika,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tal-20 ta’ Ġunju 2023 dwar “Strateġija Ewropea ta’ Sigurtà Ekonomika” (JOIN(2023)0020), u d-diskorsi dwar it-tneħħija tar-riskji tal-President tal-Kummissjoni, Ursula von der Leyen, fiċ-Ċentru tal-Politika Ewropea fit-30 ta’ Marzu 2023 u fil-Parlament fit-18 ta’ April 2023,

–  wara li kkunsidra t-13-il Djalogu Strateġiku UE-Ċina, li sar fi Brussell fit-2 ta’ Lulju 2025 bejn il-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, Kaja Kallas, u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ċiniż, Wang Yi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-President tal-Kummissjoni, Ursula von der Leyen, fis-summit tal-G7 f’Kananaskis, il-Kanada, mis-16 sas-17 ta’ Ġunju 2025,

–  wara li kkunsidra r-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), b’mod partikolari l-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni u tat-trasparenza fir-rigward tar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tad-WTO dwar is-soluzzjoni ta’ tilwim DS431, DS432 u DS433 rigward ir-restrizzjonijiet taċ-Ċina fuq l-esportazzjonijiet ta’ materjali tal-art rari,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar l-Intrapriżi u d-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 136(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-4 ta’ April 2025, iċ-Ċina bdiet timponi restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ seba’ mis-17-il element tal-materjali tal-art rari (REEs) u fuq il-kalamiti permanenti prodotti minnhom, u introduċiet sistema għal liċenzji mhux awtomatiċi, u semmiet kunsiderazzjonijiet ta’ użu doppju u ta’ sigurtà bħala ġustifikazzjoni; billi l-lista tal-oġġetti koperti bir-restrizzjonijiet tinkludi elementi tal-materjali tal-art rari medji u tqal (samarju, gadolinju, terbju, disprożju, lutezju, skandju u ittriju);

B.  billi l-materja prima kritika hija input essenzjali għal firxa wiesgħa ta’ prodotti u proċessi industrijali, inkluż f’setturi kritiċi bħat-teknoloġiji nodfa, it-teknoloġiji diġitali, il-kura tas-saħħa u d-difiża; billi provvista sigura u sostenibbli tal-materja prima kritika hija fundamentali biex jintlaħqu l-objettivi diġitali, tal-klima, tal-kompetittività u tad-difiża tal-Unjoni;

C.  billi ġie rrapportat li l-volumi tal-esportazzjoni tnaqqsu b’sa 80 %, u dan qed ikollu impatt qawwi fuq firxa wiesgħa ta’ setturi, fosthom l-elettronika u t-teknoloġija tal-konsumatur, l-enerġija ekoloġika u l-enerġija rinnovabbli, l-industrija tal-karozzi, l-ajruspazju u l-kura tas-saħħa;

D.  billi d-dipendenza tal-UE fuq iċ-Ċina għal materja prima kritika kompliet tikber jew, fl-aħjar każ, għadha għolja ħafna; billi l-katina tal-provvista globali tal-elementi tal-materjali tal-art rari hija kkonċentrata ħafna fiċ-Ċina, li għandha kontroll ta’ madwar 75 % tal-output tal-estrazzjoni u ta’ 85 % tal-kapaċità tal-ipproċessar, u tilħaq aktar minn 95 % fil-każ ta’ xi elementi tal-materjali tal-art rari bħat-terbju, l-ittriju u d-disprożju; billi l-UE għadha tiddependi żżejjed minn pajjiżi mhux tal-UE għall-provvista ta’ materja prima kritika u hija kważi kompletament dipendenti miċ-Ċina għall-provvista tal-elementi tal-materjali tal-art rari tqal; billi l-UE tkopri 98 % tad-domanda tagħha għal kalamiti permanenti u 92 % tad-domanda tagħha għall-kalamiti NdFeB, b’importazzjonijiet miċ-Ċina;

E.  billi ċ-Ċina espandiet b’mod sinifikanti d-dominanza tagħha fl-estrazzjoni, fl-ipproċessar u fir-raffinar globali tal-materja prima kritika u tal-prodotti intermedji, u ħolqot dipendenzi strateġiċi tul il-ktajjen tal-valur ewlenin, li, xi drabi, ġew ingranati deliberatament permezz ta’ miżuri kummerċjali restrittivi; billi ċ-Ċina l-ewwel illimitat l-esportazzjoni tal-elementi tal-materjali tal-art rari fl-2010 minħabba tilwima territorjali mal-Ġappun, u l-Korp tal-Appell iddikjara li din ir-restrizzjoni hija inkompatibbli mar-regoli tad-WTO; billi ċ-Ċina applikat ukoll restrizzjonijiet estensivi fuq l-esportazzjoni ta’ minerali mhux ipproċessati kklassifikati bħala strateġiċi u/jew kritiċi mill-UE, inklużi l-gallju u l-ġermanju mill-1 ta’ Awwissu 2023, il-grafit minn Diċembru 2023, il-prodotti tal-antimonju mill-15 ta’ Settembru 2024, it-tungstenu u l-bismut mill-4 ta’ Frar 2025, u l-iskandju mis-17 ta’ April 2025;

F.  billi l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni diġà bdiet tikkawża tfixkil serju għall-industrija fl-UE, inkluża l-industrija tal-karozzi, b’sa 17-il linja ta’ assemblaġġ li esperjenzaw għeluq temporanju f’Mejju 2025; billi firxa wiesgħa ta’ setturi jistgħu jiffaċċjaw tfixkil, bħall-kura tas-saħħa, l-ispazju u d-difiża – inklużi l-inġenji tal-ajru tal-ġlied, il-frejgati, id-droni u s-sistemi ta’ armi ggwidati minn preċiżjoni – it-turbini eoliċi u l-batteriji, kif ukoll it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali b’mod aktar ġenerali;

G.  billi l-proċedura tal-ħruġ ta’ liċenzji taċ-Ċina tirrikjedi li l-applikanti jiżvelaw informazzjoni sensittiva lill-awtoritajiet Ċiniżi, u dan jikser is-segretezza ekonomika; billi l-qafas aġġornat ta’ kontroll tal-esportazzjoni taċ-Ċina ta’ Diċembru 2024 jagħti setgħat diskrezzjonali akbar lill-Ministeru għall-Kummerċ Ċiniż, lill-Kunsill tal-Istat u lill-Kummissjoni Militari Ċentrali biex l-oġġetti mhux formalment elenkati bħala oġġetti b’użu doppju jiġu soġġetti għall-kontrolli tal-esportazzjoni; billi dawn ir-regolamenti l-ġodda jinkludu miżuri b’applikazzjonijiet ekstraterritorjali;

H.  billi l-UE tapplika kontrolli tal-esportazzjoni għal ċerti tipi ta’ materjali kritiċi u avvanzati, iżda dawn il-kontrolli jiffokaw b’mod ċar fuq tipi ta’ materjali li għandhom parametri tekniċi preċiżi relatati mal-użu tagħhom f’applikazzjonijiet militari speċifiċi, ma jaffettwawx il-kummerċ fi prodotti kummerċjali mhux sensittivi u jirrappreżentaw biss sehem żgħir tal-esportazzjonijiet totali tal-materjali inkwistjoni;

I.  billi ċ-Ċina deliberatament segwiet strateġija ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet tas-suq globali filwaqt li żammet is-suq nazzjonali tagħha magħluq, b’mod ġenerali għall-benefiċċju tal-intrapriżi tal-istat, u dan tagħmlu flimkien ma’ skemi enormi ta’ sussidju, li jwasslu għal distorsjonijiet sinifikanti fil-kompetizzjoni globali u jipperikolaw l-isforzi reċenti mill-UE u l-Istati Membri biex iżommu l-bqija tas-setturi tal-estrazzjoni tal-UE f’wiċċ l-ilma;

J.  billi f’April 2024, l-UE adottat l-Att dwar il-Materja Prima Kritika bħala l-punt tat-tluq tal-isforzi lejn it-titjib tar-reżiljenza u l-awtonomija tal-provvista tal-UE ta’ materja prima kritika u materja prima strateġika; billi l-Att dwar il-Materja Prima Kritika jindirizza kemm in-naħa tal-provvista kif ukoll in-naħa tad-domanda, inkluż permezz ta’ miri tal-produzzjoni, permezz tal-effiċjenza fir-riżorsi mmirata lejn il-moderazzjoni tal-konsum, u permezz tas-sostituzzjoni tal-materja prima strateġika; billi ċ-ċirkolarità hija fil-qalba tal-Att dwar il-Materja Prima Kritika, li għandu l-għan li jkopri 25 % tal-ħtiġijiet tal-materja prima strateġika tal-Unjoni permezz tar-riċiklaġġ sal-2030 u għandu l-objettiv li jiġu rriċiklati ammonti sostanzjalment akbar ta’ kull materja prima strateġika mill-iskart, inkluż għall-kalamiti permanenti;

K.  billi s-summit li jmiss bejn l-UE u ċ-Ċina huwa opportunità biex isir djalogu filwaqt li tinżamm pożizzjoni b’saħħitha kontra l-koerċizzjoni;

L.  billi ċ-Ċina għad għandha fis-seħħ sanzjonijiet kontra eks Membru tal-PE, membri tal-parlamenti tal-Istati Membri u gruppi ta’ riflessjoni Ewropej;

1.  Jikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni taċ-Ċina li timponi restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ materjali tal-art rari, liema deċiżjoni waqqfet l-esportazzjonijiet u fixklet b’mod sinifikanti l-ktajjen tal-provvista vitali għall-industrija tal-karozzi, il-manifatturi fis-settur tad-difiża, il-kumpaniji tas-semikondutturi, it-teknoloġiji ekoloġiċi, l-applikazzjonijiet tal-kura tas-saħħa u għal ħafna setturi oħra fl-UE u madwar id-dinja; iqis li l-azzjoni taċ-Ċina mhijiex ġustifikata u għandha intenzjoni koerċittiva, li tibni fuq l-ingranaġġ enormi li tipprovdi l-pożizzjoni kważi monopolistika tagħha fis-suq globali;

2.  Jemmen li ċ-Ċina qed tuża dawn ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ħalli ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ negozjar tagħha; jisħaq li l-UE jeħtiġilha tirrifjuta bil-qawwa kwalunkwe tentattiv miċ-Ċina li tuża dawn ir-restrizzjonijiet biex tisforza konċessjonijiet fuq ostakli kummerċjali kontinwi oħra, u jemmen li kwalunkwe konċessjoni liċ-Ċina f’dan ir-rigward tagħmel ħsara lill-kapaċità tal-UE li tipproteġi lilha nnifisha mill-koerċizzjoni attwali u futura;

3.  Jissottolinja l-importanza li jiġi espress tħassib dwar ir-restrizzjonijiet taċ-Ċina fuq l-esportazzjoni tal-elementi tal-materjali tal-art rari u l-implikazzjonijiet usa’ ta’ dawn ir-restrizzjonijiet għall-ktajjen tal-provvista globali fis-summit li jmiss bejn l-UE u ċ-Ċina; huwa konvint li l-kontrolli tal-esportazzjoni għandhom ikunu parti minn approċċ multilaterali mfassal biex jipproteġi s-sigurtà internazzjonali u jiżgura kundizzjonijiet ekwi globali, jinsisti li l-kontrolli unilaterali jridu jkunu limitati għal dawk li jkunu strettament meħtieġa minħabba kunsiderazzjonijiet ta’ sigurtà nazzjonali, b’regoli trasparenti u definiti b’mod ċar, u għaldaqstant jisħaq li l-azzjonijiet taċ-Ċina jmorru kontra r-regoli u l-prattiki multilaterali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu pożizzjoni soda u unifikata, jaħdmu maċ-Ċina biex isibu soluzzjoni strutturali u jkomplu d-djalogu maċ-Ċina f’dan ir-rigward;

4.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jsegwu b’mod tanġibbli l-proposta tagħhom u jneħħu bis-sħiħ ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni; jieħu nota, sadanittant, tal-proposta reċenti tal-awtoritajiet Ċiniżi biex jiġu stabbiliti l-hekk imsejħa “korsiji ħodor” bl-għan li jiġu ssimplifikati l-proċeduri għall-kumpaniji Ewropej;

5.  Jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li l-UE ssaħħaħ l-ingranaġġ strateġiku u l-indispensabbiltà tagħha billi tidentifika, topera u ssaħħaħ l-oqsma li fihom għandha vantaġġi kritiċi fuq iċ-Ċina fi prodotti u teknoloġiji essenzjali, bl-objettiv li ssaħħaħ l-awtonomija strateġika tal-UE, jew billi tillimita l-aċċess għas-suq intern tal-UE għal bejjiegħa Ċiniżi b’riskju għoli f’konformità mad-dritt kummerċjali tal-UE u dak internazzjonali;

6.  Iqis li l-miżuri taċ-Ċina huma użu mhux ġustifikat tal-linji tal-provvista tal-materja prima kritika tagħha, li jagħmilha sors mhux affidabbli ta’ input għal setturi kritiċi u theddida għall-interessi ekonomiċi u essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni;

7.  Jesprimi tħassib serju dwar ir-rekwiżiti, imposti mill-awtoritajiet Ċiniżi, li l-applikanti jeħtiġilhom jiżvelaw data sensittiva meta japplikaw għal permessi ta’ esportazzjoni, u dwar ir-riskju konsiderevoli tal-iżvelar tat-teknoloġiji assoċjat ma’ dan fir-rigward tal-katina tal-valur tal-bażi industrijali tad-difiża u s-sigrieti tas-sigurtà nazzjonali, filwaqt li jenfasizza li dan jista’ jintuża għal koerċizzjoni futura; iqis li huwa essenzjali li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jivvalutaw u jimmitigaw l-implikazzjonijiet tas-sigurtà ta’ tali trasferimenti ta’ data, f’konformità mal-istrateġija Ewropea ta’ sigurtà ekonomika;

8.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-Att dwar il-Materja Prima Kritika; jisħaq fuq ir-rwol importanti tal-Bord Ewropew għall-Materja Prima u tas-sottogruppi tiegħu għall-implimentazzjoni rapida u effiċjenti tal-Att dwar il-Materja Prima Kritika; ifakkar fil-miri ċari u ambizzjużi stabbiliti biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-UE għall-estrazzjoni, l-ipproċessar u r-riċiklaġġ tal-materja prima kritika fuq livell nazzjonali sal-2030; jenfasizza l-għażla tal-ewwel 60 proġett strateġiku fl-ambitu tal-Att dwar il-Materja Prima Kritika;

9.  Jiddispjaċih għall-fatt li l-Att dwar il-Materja Prima Kritika ma kienx akkumpanjat minn baġit iddedikat tal-UE, minkejja li n-nuqqas ta’ finanzjament huwa l-ostaklu ewlieni; jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li jiġu żgurati investimenti fil-proġetti strateġiċi approvati fl-ambitu tal-Att dwar il-Materja Prima Kritika u fi proġetti oħra biex tingħata spinta lill-estrazzjoni, lir-raffinar, lill-ipproċessar u lir-riċiklaġġ li jikkontribwixxu għat-tneħħija tar-riskji miċ-Ċina u għall-kisba tal-parametri referenzjarji tal-Att dwar il-Materja Prima Kritika; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiddedika aktar appoġġ fil-livell tal-UE għad-diversifikazzjoni tal-provvista tal-elementi tal-materjali tal-art rari u tal-materja prima kritika, u tiggarantixxi li l-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss jinkludi linja baġitarja biex jitrawwem l-investiment fl-estrazzjoni, fl-ipproċessar, fiċ-ċirkolarità, fir-riċerka u fl-innovazzjoni, inkluż għas-sostituzzjoni tal-materja prima kritika;

10.  Jissottolinja l-ħtieġa li l-UE tagħmel estrazzjonijiet fit-territorju tagħha u tistabbilixxi mill-ġdid il-kapaċità tal-ipproċessar; jissottolinja li ż-żieda fl-effiċjenza tal-użu tar-riżorsi permezz tal-innovazzjoni teknoloġika hija waħda mill-objettivi tal-Att dwar il-Materja Prima Kritika; jenfasizza l-potenzjal tar-riċiklaġġ u tal-estrazzjoni urbana biex jittaffew ir-restrizzjonijiet tal-provvista fuq perjodu qasir ta’ żmien u jitlob lill-Kummissjoni tieħu miżuri immedjati biex ittejjeb il-ġbir u ż-żamma tal-elementi tal-materjali tal-art rari fis-suq intern;

11.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat l-argument għall-vijabbiltà fit-tul għall-investimenti fil-ktajjen tal-valur tal-materja prima kritika u l-vijabbiltà tagħhom, inkluż permezz ta’ appoġġ finanzjarju bħall-prezzijiet minimi, l-appoġġ għax-xiri u l-kumulazzjoni ta’ riżerva strateġika; jistieden lill-Istati Membri jitolbu li l-kumpaniji l-kbar li jipproduċu teknoloġiji f’setturi strateġiċi jwettqu kif xieraq u b’mod regolari attivitajiet u miżuri ta’ tħejjija għar-riskji biex jimmitigaw in-nuqqas ta’ provvista, inkluż permezz tal-kumulazzjoni ta’ riżervi;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, tivvaluta l-livell minimu għall-UE ta’ stokkijiet strateġiċi ta’ elementi tal-materjali tal-art rari elenkati bħala materja prima strateġika (neodimju, praseodimju, terbju, disprożju, gadolinju, samarju u ċerju) u l-applikazzjonijiet tal-użu finali korrispondenti, inklużi dawk marbuta mal-industrija tad-difiża;

13.  Jitlob, barra minn hekk, impenn aktar b’saħħtu biex jiġu konklużi sħubijiet għal kummerċ u investimenti nodfa u sħubijiet strateġiċi bilaterali dwar il-materja prima li huma bbażati fuq sħubijiet ta’ benefiċċju għal kulħadd u li jissodisfaw standards għoljin ta’ sostenibbiltà u drittijiet tal-bniedem; jinsisti fuq il-ħtieġa li nimxu lejn ftehimiet vinkolanti dwar il-materja prima kritika biex tiġi żgurata s-sigurtà fit-tul tal-provvisti tal-UE, tiġi ggarantita aktar trasparenza u jiġi żgurat li l-Parlament ikollu setgħat ta’ skrutinju; jissottolinja l-importanza ta’ ftehimiet ta’ kummerċ ħieles u l-inizjattiva Global Gateway biex jissaħħaħ l-aċċess għall-materja prima kritika;

14.  Iħeġġeġ li jintużaw klawżoli ta’ preferenza għall-akkwist ta’ elementi tal-materjali tal-art rari minn fornituri tal-UE u sħab fdati fil-leġiżlazzjoni rilevanti dwar l-akkwist; jitlob koordinazzjoni akbar ma’ sħab internazzjonali tal-istess fehma, b’mod partikolari fi ħdan l-oqfsa tal-G7 u tan-NATO u mal-Organizzazzjoni tal-Ġappun għall-Metalli u s-Sigurtà tal-Enerġija, sabiex ittejjeb it-trasferiment tal-għarfien, tallinja s-sigurtà tal-katina tal-provvista, l-investimenti konġunti u l-istrateġiji ta’ kumulazzjoni ta’ riżerva, u tiżviluppa standards ta’ sorsi fdati għal setturi u proġetti strateġiċi;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

(1) ĠU L, 2024/1252, 3.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1252/oj.
(2) ĠU L, 2024/1735, 28.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1735/oj.

Avviż legali - Politika tal-privatezza