Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea ta" l-Awdituri Nru 5/2005: L-infiq fuq l-interpretazzjoni magħmul mill-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill (2006/2001(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea ta" l-Awdituri Nru 5/2005: L-infiq fuq l-interpretazzjoni magħmul mill-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill, flimkien mar-risposti ta" l-Istituzzjonijiet(1),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 248(4), it-tieni subparagrafu, l-Artikolu 276(3) u l-Artikolu 280(5) tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A6-0261/2006),
Rispett għall-multilingwiżmu
1. Jikkunsidra li l-multilingwiżmu hu wieħed mill-karatteristiċi ewlenin ta" l-Unjoni Ewropea, li jenfasizza d-diversità kulturali u lingwistika u jiżgura trattament ugwali taċ-ċittadini ta" l-UE;
2. Jikkunsidra li l-multilingwiżmu jiggarantixxi d-dritt taċ-ċittadini li jikkomunikaw ma" l-istituzzjonijiet ta" l-UE fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tagħha, b'hekk jagħmilha possibbli li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta" kontroll demokratiku;
3. Jikkunsidra li s-servizzi lingwistiċi ta" l-istituzzjonijiet ta" l-UE jiffaċilitaw il-komunikazzjoni, u li, filwaqt li jagħmlu dan, l-istituzzjonijiet jibqgħu miftuħa għaċ-ċittadini ta" l-Ewropa;
4. Jikkunsidra li l-ispiża totali tas-servizzi lingwistiċi kollha ta" l-istituzzjonijiet ta" l-UE, it-traduzzjoni u l-interpretazzjoni f'daqqa, jirrappreżentaw biss 1% tal-baġit totali ta" l-UE;
5. Jikkunsidra li r-Regoli ta" Proċedura tiegħu jistipulaw li l-Membri jistgħu jitkellmu fil-lingwa uffiċjali ta" l-għażla tagħhom u li interpretazzjoni għal-lingwi l-oħra tkun ipprovduta; jikkunsidra li, barra minn hekk, l-użu ta" lingwi uffiċjali hu rregolat mill-'Kodiċi tal-Kondotta fuq il-Multilingwiżmu' tiegħu, aġġornat fl-2004;
6. Jikkunsidra li l-multilingwiżmu hu espressjoni tad-diversità kulturali ta" l-UE, li trid tiġi mħarsa, u li, għalhekk, filwaqt li n-numru jiżdied ta" lingwi uffiċjali jitlob soluzzjonijiet prammatiċi fix-xogħol preparatorju fi ħdan l-istituzzjonijiet, il-multilingwiżmu jrid jiġi garantit biex jiżgura l-leġittimità u d-diversità ta" l-Unjoni Ewropea;
Rigward l-istituzzjonijiet kollha
7. Jilqa" b'sodisfazzjoni il-kwalità għolja ta" interpretazzjoni fl-istituzzjonijiet ta" l-UE; barra dan hu ta" l-opinjoni li l-kwalità għolja ta" interpretazzjoni trid tiġi evalwata u garantita kontinwament;
8. Jinnota li l-ispiża totali ta" interpretazzjoni fl-2003 kienet EUR 57 000 000 fir-rigward tal-Parlament Ewropew u EUR 106 000 000 fir-rigward tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, tal-Kumitat tar-Reġjuni u ta" xi aġenziji;
9. Hu, iżda, imħasseb ħafna li fl-2003 madwar 16% (EUR 25 900 000) ta" l-ispejjeż totali ta" interpretazzjoni ta" EUR 163 000 000 kienu spejjeż għal servizzi pprovduti iżda mhux użati u għal arranġamenti ta" stand-by;
10. Hu ta" l-opinjoni li l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jagħmlu sforz biex inaqqsu 'xogħol ta" stand-by impliċitu jew espliċitu', b'dawn l-arranġamenti jinvolvu EUR 18 000 000 li ntefqu fuq servizzi ta" interpretazzjoni pprovduti iżda mhux użati; jinnota li interpreti ta" riserva għandhom ikunu disponibbli għal laqgħat ad hoc mitluba f'ħin qasir;
11. Jistieden lill-amministrazzjoni tiegħu, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex itejbu l-koperazzjoni interistituzzjonali;
12. Jistieden lis-servizzi ta" interpretazzjoni tal-Parlament u tal-Kummissjoni, sabiex ikunu iktar effiċjenti, biex jagħmlu skambju ta" interpreti u joħolqu timijiet imħallta ta" interpretazzjoni, u biex jagħmlu possibbli l-użu ta" interpreti disponibbli fejn u meta jkunu mitluba sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet reali;
13. Jistieden lill-istituzzjonijiet biex jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw l-użu ta" 'interpreti lokali', fejn l-għaqda lingwistika tippermetti, u jenfasizza li d-disposizzjonijiet amministrattivi nazzjonali ma jridux ikunu ta" ostaklu; jinnota li trid tiġi garantita kwalità għolja ta" interpretazzjoni;
14. Jikkunsidra li l-Parlament u l-Kummissjoni għandhom jistabbilixxu deskrizzjoni fil-qosor tal-proporzjon uffiċjali/ free-lance għal kull lingwa fil-ħin għall-kwittanza ta" l-2006;
15. Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrinforza, f'koordinazzjoni ma" istituzzjonijiet oħra, il-koperazzjoni ma" Stati Membri fit-taħriġ ta" interpreti mill-pajjiżi rispettivi tagħhom;
16. Jistieden lill-istituzzjonijiet ta" l-UE biex jinnegozjaw mill-ġdid il-ftehim ma" l-Interpreti Awżiljarji tal-Konferenzi (ACI) rigward l-arranġamenti ta" l-ivvjaġġar, il-ħlas, il-koperazzjoni interistituzzjonali u s-simplifikazzjoni amministrattiva;
17. Jinnota s-sehem għoli ta" l-ispejjeż ta" l-ivvjaġġar u ta" l-akkomodazzjoni; iħeġġeġ lil organizzaturi ta" laqgħat u lil servizzi ta" interpretazzjoni biex inaqqsu l-ispejjeż ta" l-ivvjaġġar u ta" l-akkomodazzjoni; jitlob għal koordinazzjoni, ippjanar u organizzazzjoni aħjar ta" arranġamenti ta" l-ivvjaġġar u ta" l-akkomodoazzjoni;
Rigward il-Parlament
18. Jistenna lill-amministrazzjoni tiegħu tipprovdi l-estimi ta" l-ispiża totali medja ta" ġurnata ta" l-ACIs u ta" l-interpreti permanenti fil-ħin għar-rapport ta" kwittanza ta" l-2005;
19. Jinnota li l-ispiża sħiħa għal ġurnata ta" interpretazzjoni hi kważi 30% ogħla fil-Parlament milli fil-Kunsill jew fil-Kummissjoni, raġuni waħda tkun li wisq ftit interpreti lokali jistgħu jintużaw matul is-sessjonijiet ta" Strasburgu, li żżid l-ispejjeż ta" interpretazzjoni tal-Parlament fi Strasburgu bi 13%;
20. Jinnota r-rifjut tiegħu li jieħu parti f'evalwazzjoni bil-ħsieb li jinħoloq uffiċċju interistituzzjonali li jipprovdi servizz ta" interpretazzjoni lill-istituzzjonijiet kollha, dan kien ġie kkunsidrat mill-Bureau fl-4 ta" Settembru 2005, bħala inkompatibbli ma" l-interessi tal-Parlament;
21. Jistieden lill-amministrazzjoni tiegħu biex tkompli tħejji b'reqqa rapporti ta" sessjonijiet rilevanti, u ċioe rapporti mill-kap ta" tim ta" interpretazzjoni dwar l-użu attiv u passiv tal-lingwi waqt laqgħat tal-gruppi, tal-kumitati u tad-delegazzjonijiet, u biex tirrapporta lura dwar dak li tkun sabet fil-ħin għall-proċedura ta" kwittanza ta" l-2005;
22. Iħeġġeġ lill-amministrazzjoni tiegħu biex iżżid l-għarfien tal-Membri dwar l-ispejjeż ta" interpretazzjoni; isaqsi jekk tagħmilx l-aħjar użu possibbli tal-profili tal-lingwa tal-Membri; jenfasizza li dan m'għandux iwassal għal klassifikazzjoni tal-lingwi uffiċjali ta" l-UE;
23. Ifakkar li, skond l-Artikolu 1 tal-Kodiċi tal-Kondotta fuq il-Multilingwiżmu tad-19 ta" April 2004, ir-riżorsi għandhom jiġu allokati filwaqt li jingħata każ tal-ħtiġijiet reali ta" l-utenti;
24. Jistieden lill-amministrazzjoni tiegħu biex teżamina kif is-sistema ta" talba tal-Kunsill, is-sistema interna tal-ħruġ tal-kontijiet tal-Kunsill ta" l-Ewropa , jew is-sistema ta" kwota għall-interpretazzjoni tal-UNESCO tista" tintuża mill-Parlament;
25. Jinnota li fl-2003, nefaq EUR 4 000 000 fuq servizzi ta" interpretazzjoni li saru disponibbli iżda ma ntużawx minħabba talbiet li saru tard jew tħassir; jitlob li t-tħassir fl-aħħar minuta u t-talbiet fl-aħħar minuta jkunu skuraġġiti; barra minn hekk jistieden lis-servizzi ta" interpretazzjoni biex ikunu iktar flessibbli fis-sistema tagħhom ta" ppjanar u ta" talba;
26. Jistieden lill-entitajiet responsabbli tiegħu biex jadattaw il-kalendarju tal-ġimgħat ta" sessjoni tal-kumitati, tal-gruppi u tas-sessjonijiet plenarji biex jintlaħaq bilanċ aħjar bejn il-ħtiġijiet u r-riżorsi disponibbli;
o o o
27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti Ewropea ta" l-Awdituri.