Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar mudell soċjali Ewropew għall-futur ((2005/2248(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-valuri Ewropej fid-dinja globalizzata (COM(2005)0525),
– wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa(1),
– wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Jannar 2006 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar il-Prospettiva Finanzjarja u dwar it-tiġdid tal-Ftehima Interistituzzjonali 2007-2013(2),
– wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet ta' l-ILO dwar l-istandards internazzjonali tax-xogħol u ta' l-ambjent,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2006 dwar il-ħarsien soċjali u l-inklużjoni soċjali(3),
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-ġejjieni tal-politika soċjali fl-Unjoni Ewropea mkabbra ta' Mejju 2004,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Aġenda Soċjali 2006-2010 (COM(2005)0033),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar il-Finanzjament Sostenibbli tal-Politiki Soċjali fl-Unjoni Ewropea (SEC(2005)1774),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-politiki Ewropej dwar iż-żgħażagħ - Indirizzar tal-problemi taż-żgħażagħ fl-Ewropa - l-implimentazzjoni tal-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ u t-tmexxija 'l quddiem ta' ċittadinanza attiva (COM(2005)0206),
– wara li kkunsidra l-'working paper' tal-Kummissjoni dwar il-qagħda soċjali fl-Unjoni Ewropea - 2004 (SEC(2004)0636),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A6-0238/2006),
A. billi l-mudell soċjali Ewropew jirrifletti sett komuni ta' valuri, imsejjes fuq il-ħarsien tal-paċi, il-ġustizzja soċjali, l-ugwaljanza, is-solidarjetà, il-promozzjoni tal-libertà u tad-demokrazija, u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem,
B. billi wieħed mill-pedamenti tal-mudell soċjali Ewropew huwa l-ekonomija soċjali,
C. billi fl-aħħar 60 sena, is-sett ta' valuri komuni rifless fil-mudell soċjali Ewropew ippermetta l-UE li kienet qed tikber biex issir b'suċċess zona ta' prosperità ekonomika u ġustizzja soċjali ikbar,
D. billi, minkejja li l-Istati Membri għandhom sistemi soċjali differenti, u implimentaw dawn il-valuri b'modi differenti, ilkoll jimmiraw biex jiksbu bilanċ imsejjes fuq interdipendenza attiva bejn it-tkabbir ekonomiku u s-solidarjetà soċjali, u dan jidher fil-mudell soċjali Ewropew bħala unità ta' valuri b'varjetà ta' sistemi,
E. billi l-Istati Membri u l-UE taw prijorità liż-żamma tal-valuri assoċjati mal-mudell soċjali Ewropew, kif juru l-objettivi ta' l-Istrateġija ta' Liżbona, li tagħmel mill-iżvilupp soċjali wieħed mill-pilastri ta' l-iżvilupp sostenibbli,
F. billi hemm ħtieġa ċara li l-mudell soċjali Ewropew jiġi mmodernizzat u rriformat biex jirreaġixxi għall-bidliet demografiċi, jilqa' l-isfida tal-globalizzazzjoni, u jkabbar l-adattabilità tar-riżorsi umani għall-evoluzzjoni teknoloġika mgħaġġla, sabiex jikseb aħjar l-inklużjoni soċjali, il-ġustizzja soċjali, u l-qirda tal-faqar,
G. billi l-mudell soċjali Ewropew għandu jipprovdi miżuri li jilqgħu l-isfida ta' aktar emigrazzjoni u immigrazzjoni u l-implikazzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-koeżjoni soċjali,
H. billi kwalunkwe riforma tal-mudell soċjali Ewropew m'għandhiex tnaqqas is-saħħa tal-valuri li jikkostitwixxu l-essenza tiegħu,
I. billi element bażiku tal-mudell soċjali Ewropew huwa l-ħlas indaqs għall-istess xogħol fil-post tax-xogħol,
J. billi, għas-sostenibilità ta' l-istandards soċjali Ewropej, huwa ta' importanza kbira li jkun hemm tkabbir ekonomiku ikbar, u billi l-istandards soċjali huma intrinsiċi għat-tkabbir sostenibbli,
K. billi huwa fundamentali, għall-inklużjoni soċjali u għall-parteċipazzjoni fis-soċjetà, li jkun hemm dħul xieraq kif ukoll ħajja dinjituża,
L. billi l-politiki soċjali, meta mfassla kif xieraq, m'għandhomx jitqiesu bħala spiża iżda bħala fattur pożittiv fit-tkabbir ekonomiku ta' l-UE, mhux biss billi jżid il-produttività u l-kompetittività, imma wkoll billi jiġġenera l-koeżjoni soċjali, jgħolli l-livelli ta' l-għixien għaċ-ċittadini, u jiżgura aċċess għad-drittijiet fundamentali u għall-ugwaljanza, u b'hekk isir fattur importanti għal garanzija ta' paċi soċjali u ta' stabilità politika, li mingħajr dawn, ma jista' jkun hemm l-ebda progress ekonomiku dejjiemi,
M. billi tali politiki soċjali għandhom jirrikonoxxu li l-biċċa l-kbira ta' min iħaddem huma intrapriżi ta' daqs żgħir jew medju (SMEs), u li dawn iħaddmu l-biċċa l-kbira ta' l-impjegati,
N. billi s-servizzi ta' interess ġenerali (l-SGIs) u s-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (l-SGEIs) ġew rikonoxxuti b'mod espliċitu għall-ewwel darba fit-Trattat ta' Amsterdam bħala elementi bażiċi ta' kif l-Istati Membri jiżguraw il-koeżjoni soċjali u territorjali u bħala oqsma li l-Istati Membri żammew id-dritt li jiddefinuhom u jiffinanzjawhom, u billi din il-pożizzjoni ġiet imsaħħa fit-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa,
O. billi l-kunċett tal-mudell soċjali Ewropew huwa rifless fit-Trattat Kostituzzjonali propost, u huwa sostnut mill-prinċipji ta' l-ugwaljanza, tas-solidarjetà u ta' non-diskriminazzjoni,
P. billi l-Istati Membri għandhom jimxu mal-Mappa tat-Toroq għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2006-2010 (COM(2006)0092), u l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza Bejn is-Sessi, u jpoġġu b'mod sħiħ il-leġiżlazzjoni Komunitarja kurrenti kontra d-diskriminazzjoni fil-liġi nazzjonali,
Q. billi l-UE għandha l-kapaċità li tinfluwenza, pożittivament jew negattivament, l-ekonomiji f'bosta partijiet oħra tad-dinja, bil-mod kif tmexxi l-kummerċ, kemm bl-irwol tagħha fid-WTO kif ukoll fil-kundizzjonijiet li tapplika u fil-ftehimiet li tagħmel ma' reġjuni u pajjiżi inqas żviluppati,
R. billi l-implimentazzjoni ta' politika ta' kummerċ imsejsa fuq preferenzi kollettivi Ewropej u fuq valuri globalment komuni, u politika ta' għajnuna mmirata lejn il-promozzjoni ta' l-edukazzjoni u lejn it-tneħħija tax-xogħol magħmul mit-tfal, il-promozzjoni ta' standards bażiċi tax-xogħol u ta' l-ambjent, u ta' standards ta' trasparenza u ta' tmexxija tajba, se jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-piż politiku ta' l-UE f'istituzzjonijiet internazzjonali,
Ir-Riforma tal-Mudell Soċjali Ewropew
1. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu ppreservati u msaħħa l-valuri assoċjati mal-mudell soċjali Ewropew - l-ugwaljanza, is-solidarjetà, id-drittijiet u r-responsabilitajiet individwali, li ma ssirx diskriminazzjoni u r-ridistribuzzjoni b'aċċess għaċ-ċittadini kollha għal servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja - u l-istandards soċjali għolja diġà milħuqa;
2. Jinsisti li l-UE tista' tkun b'saħħitha biżżejjed biex tħares l-interessi tagħha biss jekk tkun imsejsa fuq il-koeżjoni ekonomika u soċjali li tipproteġi l-valuri komuni tagħha;
3. Huwa konvint li m'hemmx alternattiva għal riforma b'urġenza tas-sistemi ekonomiċi u soċjali fejn dawn ma jissodisfawx il-kriterji ta' l-effiċjenza u ta' l-iżvilupp soċjalment sostenibbli, u fejn m'humiex adegwati biex jindirizzaw l-isfidi tal-bidla demografika, tal-globalizzazzjoni u tar-rivoluzzjoni ta' l-IT;
4. Jesprimi d-diżappunt kbir tiegħu fir-rigward tar-rata ta' tkabbir kurrenti fl-UE, li tagħmilha estremament diffiċli biex issir riforma strutturali;
5. jinsab konxju mit-tħassib mifrux fost iċ-ċittadini ta' l-UE dwar il-qgħad - speċjalment il-qgħad fost iż-żgħażagħ - l-esklużjoni, il-faqar, l-insigurtà fis-suq tax-xogħol, u l-falliment potenzjali tas-sistemi tas-sigurtà soċjali;
6. Jemmen li fejn il-bidliet demografiċi u l-qgħad jaffettwaw lil ċerti gruppi b'mod disproporzjonat l-Unjoni Ewropea għandha timmira biex tiżgura aċċess ugwali għal impjiegi ta' kwalità għolja;
7. Iqis bħala importanti ħafna l-ħtieġa li jiġġedded l-impenn ta' l-UE għal Ewropa soċjali biex iċ-ċittadini jerġa' jkollhom fiduċja fil-proġett ta' l-UE, li jipprovdi x-xogħol, it-tkabbir u l-prosperità;
8. Jinsab konxju sew li x-xogħol u l-politika soċjali sustanzjalment jibqgħu fil-kompetenza nazzjonali, iżda jisħaq li anki l-UE għandha kompetenzi f'dan il-qasam, kif stipulat fit-Trattati, u li hemm bżonn li l-UE toħloq qafas ekonomiku u soċjali aktar b'saħħtu, sabiex tippermetti lill-Istati Membri jimplimentaw ir-riformi kif meħtieġ fil-livell nazzjonali, skond iċ-ċirkustanzi ekonomiċi, soċjali u politiċi individwali tagħhom;
9. Jitlob lill-Kummissjoni biex tieħu aktar inizjattivi sabiex tikseb l-implimentazzjoni sħiħa tas-suq intern li, jekk jitlesta għal kollox, joħloq tkabbir ekonomiku u kompetittività, u biex tagħmel dan b'rispett għall-ħtieġa li jiġi żgurat li ma jkunx hemm xi ġirja biex jitnaqqsu l-istandards soċjali, tal-konsumatur jew ambjentali;
10. Jappoġġja lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex tinkoraġġixxi l-ħolqien u s-suċċess ta' l-intrapriżi Ewropej, b'riferenza partikulari għall-SMEs, li jikkontribwixxu bil-kbir għall-ekonomija ta' l-UE u li jħaddmu l-maġġoranza l-kbira ta' l-impjegati fis-settur privat;
11. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jirrispettaw it-trijangolu ekwilaterali tal-bidu ta' l-Istrateġija ta' Liżbona u biex jiżviluppaw metodu li jkun iktar ibbilanċjat bejn il-koordinazzjoni ekonomika fuq in-naħa l-waħda u x-xogħol u l-politika soċjali fuq l-oħra;
12. Jesprimi d-diżappunt tiegħu għall-fatt li bosta Stati Membri għadhom 'il-bogħod milli jilħqu l-objettivi ta' l-Istrateġija ta' Liżbona, għaldaqstant itenni s-sejħa lill-Istati Membri biex jimplimentaw b'mod sħiħ il-mappa riveduta ta' l-Istrateġija ta' Liżbona, li hija meqjusa bħala l-uniku mod sostenibbli biex jinkiseb it-tkabbir ekonomiku, biex tiżdied il-kompetittività u biex jinħolqu aktar impjiegi u impjiegi aħjar; jistieden lill-Istati Membri biex jilħqu, b'mod partikulari, il-miri speċifiċi li saru fir-rigward tax-xogħol, speċjalment dak tan-nisa u taż-żgħażagħ, ta' l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp, tas-servizzi fejn jieħdu ħsieb it-tfal u tat-tagħlim tul il-ħajja kollha; iqis l-objettivi ta' l-istrateġija ta' Liżbona bħala miri minimi, li huma vitali jekk l-Istati Membri jridu jwettqu r-riformi strutturali meħtieġa;
13. Jirrakkomanda li l-Istati Membri jsaħħu l-koperazzjoni u l-iskambju ta' l-aħjar prattika permezz ta' metodu ta' koordinazzjoni miftuħ u mtejjeb, biex b'hekk jipprovdu strument effiċjenti biex issir il-politika fl-oqsma tax-xogħol, tal-ħarsien soċjali, ta' l-esklużjoni soċjali, ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol, tal-pensjonijiet, u tas-servizzi tas-saħħa; jemmen li l-metodu miftuħ ta' koperazzjoni għandu jsaħħaħ l-irwol tal-parlamenti, tas-sħab soċjali u ta' l-organizzazzjonijiet rilevanti;
14. Isejjaħ lill-Kummissjoni biex il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni tagħmlu wieħed demokratiku, billi tiżgura li mhux biss il-Parlament Ewropew imma wkoll il-parlamenti nazzjonali jkollhom rwol sħiħ fl-iffissar u fl-ilħuq tal-miri tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri;
15. Jisħaq fuq l-importanza li jkunu mnedija kampanji pubbliċi biex jispjegaw u jinnegozjaw il-bażi ta' l-objettivi tar-riforma li fiha l-istituzzjonijiet ta' l-UE, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet pubbliċi, l-imsieħba soċjali, u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi jkollhom rwol attiv;
16. Jafferma l-appoġġ tiegħu għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Jannar 2005 dwar it-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa(4)u dwar il-kampanja '3D' tal-Kummissjoni imsejsa fuq id-djalogu, id-dibattitu u d-demokrazija;jistieden lill-Kummissjoni biex f'dan il-mument tinkorpora d-dimensjonijiet soċjali fl-analiżi tagħha dwar l-impatti skond il-klawżola soċjali li jipprovdi għaliha t-Trattat kostituzzjonali;
17. Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrispetta l-ekonomija soċjali u biex tippreżenta komunikazzjoni dwar dan il-pedament tal-mudell soċjali Ewropew; kif ukoll twaqqaf statut ta' reċiproċità Ewropea u ta' assoċjazzjoni Ewropea;
Il-finanzjament tar-riforma
18. Jistieden lill-Istati Membri biex iwettqu riformi bil-għan li jiżguraw is-sostenibilità finanzjarja tas-sistemi soċjali nazzjonali, mingħajr ħsara għad-drittijiet miksuba, għall-appoġġ reċiproku u għas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, filwaqt li jagħtu kas tas-soċjetà u tas-suq tax-xogħol li qed jinbidlu, tal-bidla demografika, tal-globalizzazzjoni u ta' l-iżviluppi teknoloġiċi; jagħmel osservazzjoni li xi wħud mill-iżjed Stati Membri li rnexxew diġà wettqu tali riformi, filwaqt li żammew is-sostenibilità u l-effettività tas-sistemi soċjali tagħhom; huwa tal-fehma, għaldaqstant, li għandhom isiru analiżi komparattivi tar-riformi li diġà saru, flimkien ma' analiżi SWOT (punti ta' saħħa, punti ta' dgħjufija, opportunitajiet u theddidiet) ta' dawk li għad iridu jiġu implimentati; jisħaq fuq l-importanza li tiġi promossa l-kapaċità għolja, inter alia billi l-prattika tajba titpoġġa flimkien għall-użu komuni;
19. Huwa konxju li f'xi Stati Membri l-kontribuzzjonijiet kurrenti għas-sistemi tal-ħarsien soċjali jistgħu ma jkunux adegwati biex jissodisfaw l-aspettattivi taċ-ċittadini; huwa tal-fehma li, filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju tas-solidarjetà u s-sussidjarjetà, l-Istati Membri għandhom jirriflettu fuq modi alternattivi biex jiffinanzjaw dawk is-sistemi, li jkunu jippromwovu riformi dinamiċi filwaqt li ma jaffettwawx ħażin il-pagi, pereżempju billi jutilizzaw il-valur miżjud li jipproduċu l-kumpaniji; billi jippromwovu l-prinċipju tas-sussidjarjetà vertikali jew orizzontali bejn l-istituzzjonijiet u l-pubbliku;
20. Isejjaħ għal koordinazzjoni aħjar tal-politiki ta' l-Istati Membri dwar it-taxxi bil-ħsieb li tiġi evitata l-kompetizzjoni fit-taxxi li tagħmel il-ħsara, sabiex ikun hemm garanzija ta' finanzjament sostenibbli għall-ħarsien soċjali u sabiex il-politika dwar it-taxxi ssir aktar favorevoli għax-xogħol; jinnota l-fatt li, b'mod ġenerali, ir-rati tat-taxxa fuq il-kapital u fuq il-konsum baqgħu stabbli fl-aħħar 30 sena filwaqt li r-rati reali tat-taxxa fuq ix-xogħol għolew fl-istess perjodu, jirrakkomanda li l-Istati Membri jirriflettu b'mod koordinat fuq il-possibilitajiet biex itejbu s-sistemi ta' taxxa eżistenti fl-Unjoni, minħabba li riformi tat-taxxa ta' dan it-tip jagħmlu ġid lis-sostenibilità finanzjarja tas-sistemi soċjali nazzjonali;
21. jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħu l-fondi strutturali u ta' koeżjoni sabiex iqisu l-koeżjoni ekonomika u soċjali u jistieden lill-Istati Membri biex jutilizzaw fondi ta' l-UE, bħall-Fondi Strutturali, b'mod aktar effiċjenti sabiex jikkofinanzjaw riformi nazzjonali; jiddeplora l-fatt li l-ftehima riċenti dwar il-Qafas Finanzjarju kienet manifestament insuffiċjenti għal finanzjament xieraq ta' programmi favur il-koeżjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ, it-tagħlim tul il-ħajja kollha, il-mobilità u d-djalogu soċjali;
22. Jisħaq li kwalunkwe riforma għandha titqies fil-kuntest tal-marġni baġitarju ta' l-immanuvrar ta' l-Istati Membri, iżda jissuġġerixxi li l-Patt ta' Stabilità u Tkabbir irriformat għandu joffri opportunitajiet għal investiment soċjali li qabel ma kinux disponibbli;
L-SGIs u l-SGEIs
23. Ifakkar li l-SGIs u l-SGEIs huma element essenzjali tal-mudell soċjali Ewropew, u li huma fundamentali biex jaslu għand iċ-ċittadini kollha s-servizzi tas-saħħa, ta' l-edukazzjoni u tat-trasport pubbliku, kif ukoll il-provvista ta' l-ilma u ta' l-elettriku; huwa tal-fehma li huwa essenzjali li, waqt li jiġu rriformati s-sistemi soċjali ta' l-UE, jiġu rrispettati l-SGIs u l-SGEIs, meta wieħed iqis l-irwol ewlieni tagħhom mhux biss biex iċ-ċittadini jkollhom kwalità ta' ħajja aħjar, imma wkoll biex titjieb il-kapaċità tan-negozji fejn jidħlu l-effiċjenza u l-aċċess tagħhom għal ħaddiema ta' kwalità għolja;
24. Jinnota l-ħtieġa li jiġu indirizzati b'mod xieraq it-tipi ġodda ta' familja, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà, u li jitwessa' l-ambitu tas-servizzi soċjali, bħas-servizzi aċċessibbli ta' fejn jieħdu ħsieb it-tfal ('childcare'), ta' fejn jieħdu ħsieb lil dawk bi bżonnijiet speċjali jew b'diżabilitajiet, u ta' fejn jieħdu ħsieb l-anzjani fuq perjodu twil ta' żmien; filwaqt li jinżamm livell għoli ta' konsultazzjoni fl-ippjanar fuq perjodu medju u fuq perjodu tul ta' żmien;
Id-Djalogu Soċjali
25. Ifakkar li d-djalogu soċjali fil-manifestazzjonijiet varji tiegħu huwa element essenzjali fit-tradizzjonijiet ta' l-Istati Membri u, skond id-drawwiet u l-prattiki nazzjonali, li kwalunkwe riforma b'suċċess tas-sistemi soċjali għandha tkun tinvolvi lil dawk kollha li għandhom interess, b'mod partikulari l-imsieħba soċjali; jagħmel stedina għat-tiġdid tad-djalogu soċjali fil-livelli kollha, kemm nazzjonali kif ukoll Ewropej, u għall-iżvilupp ta' rwol ikbar għat-trijalogu fuq livell Ewropew;
26. Jagħraf l-irwol pożittiv li jista' jkollha r-responsabilità korporattiva soċjali fil-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali permezz tal-mod kif l-imġieba tal-kumpaniji taffettwa l-ħajja ta' kuljum tal-komunitajiet fejn huma involuti u billi titjieb ir-responsabilità tal-kumpaniji lejn dawk li għandhom interessi fihom; jirrakkomanda l-użu ta' rekwiżiti soċjali u ambjentali ta' rrappurtar u miżuri pubbliċi bħall-akkwist pubbliku, bil-għan li jistimulaw imġieba responsabbli min-naħa tal-kumpaniji;
Ir-Riżorsi Umani
27. Jinsisti li bħala element ċentrali tal-modernizzazzjoni tas-sistemi soċjali l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkoperaw fil-ħolqien ta' programmi u inizjattivi konkreti li jikkonċentraw fuq it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta' l-għixien u fuq l-iżvilupp sostenibbli tar-riżorsi umani, bħall-iffissar ta' miri u standards biex jitjieb is-servizz tas-saħħa;
28. Jagħmel stedina għal dibattitu wiesa' dwar id-dritt ta' kulħadd għal pensjonijiet ta' livell aċċettabbli; jagħraf il-biża' li r-riformi tal-pensjonijiet, li nbdew f'bosta Stati Membri, se jżid l-għadd ta' pensjonanti li diġà qed jgħixu fil-faqar; jenfasizza l-ħtieġa urġenti għal azzjoni pożittiva sabiex tinkoraġġixxi u tagħmilha possibbli għal ħaddiema kbar fl-età biex jibqgħu fis-suq tax-xogħol jew jerġgħu jidħlu fih, tagħti aċċess ġust u iktar flessibilità fl-għażla ta' skemi tal-pensjoni u ta' l-irtirar; jistieden lill-Kummissjoni biex tistudja l-isforzi nazzjonali biex jiġi indirizzat l-impatt tal-bidliet demografiċi fuq is-sostenibilità tal-pensjonijiet u l-faqar tal-pensjonanti; u biex tikkontrolla b'mod aktar effettiv l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' l-età;
29. Jiġbed l-attenzjoni għall-qagħda tan-nisa li d-dritt tagħhom għall-pensjoni m'għandux jitnaqqas minħabba l-istat miżżewweġ tagħhom jew waqfien mix-xogħol minħabba liv tal-maternità jew tal-ġenituri, jew waqfien biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb uliedhom;
30. Jagħraf il-vantaġġi tas-sistemi ta' 'flessigurtà' li l-Istati Membri għandhom jadottaw, skond iċ-ċirkustanzi tagħhom, sabiex iħarsu l-kapaċità tal-ħaddiema li jżommu/jsibu x-xogħol permezz tal-mobilità u/jew billi jtejbu l-ħiliet professjonali permezz ta' taħriġ fuq il-post tax-xogħol u tagħlim tul il-ħajja kollha u għandhom iqisuhom bħala mezz kif jippromwovu r-rikonċiljazzjoni tal-kunċetti tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja u taċ-ċiklu tax-xogħol u tal-ħajja;
31. Jinnota l-ħolqien ta' Fond għall-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, li jista' jiżvolġi rwol kumplimentari għall-Fond Soċjali Ewropew, kif ukoll l-isforzi ta' l-Istati Membri fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali biex jipprovdu għajnuna speċifika lill-ħaddiema li qed ifittxu impjieg ġdid jew impjieg aħjar;
32. Ifakkar li l-ugwaljanza fuq il-bażi tas-sess u tar-razza u l-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni skond l-Artikolu 13 tat-Trattat KE, li jipprovdi bażi legali għal azzjoni xierqa biex tikkumbatti d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, in-nisel razzjali jew etniku, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, għandhom jiddaħħlu sistematikament f'kull politika soċjali; huwa tal-fehma li l-politiki emerġenti ta' l-UE dwar l-integrazzjoni huma fil-fatt forma konkreta ta' politika soċjali, li għandha tkun żviluppata; jemmen li l-assigurazzjoni li kull: mara, raġel, grupp ta' minoranza, u immigrant, jintegraw ruħhom sew tkun ta' benefiċċju għas-soċjetà u ġġib magħha benefiċċji soċjali f'termini ta' koeżjoni u ta' preparazzjoni għall-post tax-xogħol;
33. Jagħmel enfasi b'mod partikolari fuq l-importanza li jittieħdu miżuri ta' inklużjoni soċjali u li jgħinu fl-integrazzjoni fid-dinja tax-xogħol għal persuni li jkollhom diffikultà biex jidħlu, mingħajr għajnuna, fis-suq tax-xogħol, kif previst fir-Regolament (KE) nru 2204/2002 tal-Kummissjoni tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat dwar l-Għajnuna ta' l-Istat għall-impjiegi(5), kemm biex tiġi mgħejuna l-prattikabilità konkreta tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, kif ukoll biex jinħoloq mhux biss mezz għall-kisba ta' dħul u ta' awtonomija iżda wkoll strument ta' tkabbir u ta' integrazzjoni għall-persuni kkonċernati, li jieħu post jew jikkumplimenta l-ħarsien soċjali;
Il-Ħarsien Soċjali
34. Jenfasizza li s-sistemi tal-ħarsien soċjali għandhom ikunu effiċjenti fil-kisba ta' l-għanijiet tagħhom li jilqgħu għall-faqar u l-esklużjoni soċjali u jissieltu kontrihom, b'enfasi partikulari fuq il-qirda ta' sitwazzjonijiet li jwasslu għall-faqar;
35. Huwa tal-fehma li x-xogħol huwa fattur deċiżiv fil-kisba ta' l-inklużjoni soċjali; għalhekk, jagħmel stedina għal riformi li jindirizzaw l-infiq pubbliku lejn it-tkabbir tar-rati tax-xogħol u tar-ritorn lejn ix-xogħol u li jipprovdu inċentivi għax-xogħol billi jeqirdu s-sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu għall-faqar u forom oħra ta' esklużjoni soċjali, u jindirizzaw b'urġenza l-għadd ta' nisa u xi minoritajiet etniċi li jinsabu qiegħda, li bosta minnhom isibu ma' wiċċhom ostakli soċjali u/jew strutturali meta jiġu biex jidħlu fis-suq tax-xogħol; jikkunsidra wkoll li l-problemi speċifiċi li jħabbtu wiċċhom magħhom in-nisa minn minoritajiet etniċi u n-nisa immigranti għandhom ikunu studjati u indirizzati;
36. Jagħraf li, fil-metodu tal-'flessigurtà', il-ħolqien u ż-żamma ta' mekkaniżmi adegwati ta' ħarsien soċjali huwa prerekwiżit indispensabbli għall-flessibilità, bħalma huwa l-ħarsien strett kontra t-tkeċċija inġusta;
Id-dimensjoni esterna
37. Jafferma mill-ġdid li jkun biss jekk l-UE jirnexxilha tippreserva l-koeżjoni ekonomika u soċjali tagħha li tkun kapaċi tiddefendi b'suċċess l-interessi ta' l-UE fuq livell internazzjonali;
38. Jagħraf li, minkejja l-effetti pożittivi tagħha, il-globalizzazzjoni qed tipproduċi żbilanċi ekonomiċi u soċjali, u b'hekk qed tqajjem tħassib serju fost iċ-ċittadini ta' l-Ewropa, speċjalment fl-Istati Membri b'rati għolja ta' qgħad u r-reġjuni li huma l-iktar affettwati mir-rilokazzjoni tal-kumpaniji; jistieden lill-Istati Membri, għaldaqstant, biex iwettqu r-riformi strutturali li huma meħtieġa sabiex l-UE tibqa' interessanti fix-xena dinjija, bi prodotti u servizzi ta' valur għoli;
39. Jisħaq li l-UE għandha tippromwovi b'fiduċja l-valuri soċjali tagħha tas-solidarjetà u l-ġustizzja soċjali fin-negozjati u l-ftehimiet kollha ta' kummerċ u żvilupp;
40. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jadottaw azzjonijiet politiċi fir-rigward ta' pajjiżi terzi bi tkabbir ekonomiku kbir (il-Brażil, ir-Russja, l-Indja u ċ-Ċina) sabiex jiksbu mudell ta' żvilupp li jaħseb għar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, għad-demokrazija, għall-libertà, għall-istandards tax-xogħol u ta' l-ambjent u għall-ġustizzja soċjali; iħeġġeġ lill-UE biex tgħin ħalli jinstab bilanċ globali bejn it-tkabbir ekonomiku u standards soċjali u ambjentali għolja;
41. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw linja konsistenti f'fora bħall-ILO, l-OECD, u aġenziji ambjentali multilaterali; jemmen, b'mod partikulari, li x-xogħol ta' l-ILO għandu jkun integrat iktar mill-qrib fil-ftehimiet tad-WTO u huwa tal-fehma li l-istandards bażiċi tax-xogħol għandhom ikunu integrati fl-istrateġiji ta' l-UE fir-rigward tad-WTO u tan-negozjati bilaterali; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura, permezz ta' ftehim bilaterali, li l-istandards ta' l-ILO ikunu, għall-inqas, irrispettati sabiex jitneħħa x-xogħol magħmul mit-tfal u jkun hemm garanzija ta' kundizzjonijiet umani tax-xogħol;
42. Jilqa' l-introduzzjoni tas-sistema Ġeneralizzata ta' preferenzi plus (GSP+), li tipprovdi inċentivi għal standards soċjali u ambjentali ogħla, u jagħmel stedina biex dan il-metodu jiġi estiż għall-ftehimiet bilaterali dwar il-kummerċ; jinnota l-ħtieġa li l-Kummissjoni tikkontrolla mill-qrib l-implimentazzjoni ta' l-iskema bil-ħsieb li tiżgura li jkun hemm konformità ma' dawn l-istandards;
o o o
43. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.