Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2058(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0249/2006

Testi mressqa :

A6-0249/2006

Dibattiti :

PV 05/09/2006 - 18
CRE 05/09/2006 - 18

Votazzjonijiet :

PV 06/09/2006 - 7.6
CRE 06/09/2006 - 7.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2006)0341

Testi adottati
PDF 332kWORD 90k
L-Erbgħa, 6 ta' Settembru 2006 - Strasburgu
Titjib tas-saħħa mentali tal-popolazzjoni - lejn strateġija għall-Unjoni Ewropea dwar is-saħħa mentali
P6_TA(2006)0341A6-0249/2006

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-titjib tas-saħħa mentali tal-popolazzjoni - lejn strateġija għall-Unjoni Ewropea dwar is-saħħa mentali (2006/2058(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Green Paper mill-Kummissjoni - "It-titjib tas-saħħa mentali tal-popolazzjoni. Lejn strateġija għall-Unjoni Ewropea dwar is-saħħa mentali" (COM(2005)0484),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 13 u 152 tat-Trattat tal-KE,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea(1),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li stabbilixxiet qafas ġenerali għat-trattament ugwali fl-impieg u fix-xogħol(2),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Novembru 1999 dwar il-promozzjoni tas-saħħa mentali(3),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Konferenza Ministerjali Ewropea ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tal-15 ta' Jannar 2005 dwar l-itrattar ta' l-isfidi tas-saħħa mentali fl-Ewropa u l-bini ta' soluzzjonijiet,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Marzu 2006 dwar l-isfidi demografiċi u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet(4),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impiegi u l-Affarjiet Soċjali u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza tas-Sessi (A6-0249/2006),

A.   billi wieħed minn kull erba' persuni fl-Ewropa jgħaddu minn mill-anqas episodju sinjifikanti wieħed ta' mard mentali matul il-ħajja tagħhom; billi l-mard mentali jaffettwa lil kulħadd fl-Ewropa kemm direttament jew indirettament, u tul kwalunkwe sena 18.4 miljun persuna fl-Unjoni Ewropea ta' bejn it-18 u 65 sena huma stmati li jbatu minn dipressjoni qawwija; billi saħħa mentali tajba tippermetti liċ-ċittadini jkunu intellettwalment u emozjonalment kuntenti u li jkunu integrati fil-ħajja soċjali, edukattiva u professjonali; billi, min-naħa l-oħra, saħħa mentali ħażina tagħti lok għal spiża, għall-esklużjoni soċjali u għall-istigmatizzazzjoni,

B.   billi l-kundizzjonijiet tas-saħħa mentali jnaqqsu sostanzjalment il-kwalità tal-ħajja ta' dawk effetwati direttament u ta' dawk affetwati indirettament,

C.   billi l-ispiża ekonomika tal-mard mentali għas-soċjeta hija kbira ħafna, b'xi stimi li jwasslu bejn it-3% u 4% tal-GDP fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea;

D.   billi l-kundizzjonijiet tas-saħħa mentali diġà għandhom impatt ekonomiku, sanitarju u soċjali sinifikanti, li huwa mistenni li jiżdied maż-żieda tar-rata ta' l-inċidenza, meta jitqies li l-popolazzjoni qiegħeda tixjieħ u l-bidliet fis-soċjetà;

E.   billi madwar 58,000 ċittadin ta' l-Unjoni Ewropea jagħmlu suwiċidju kull sena, aktar mill-imwiet kull sena kaġun ta' inċidenti tat-traffiku jew HIV/AIDS, u billi għaxar darbiet din il-figura jagħmlu attentat ta' suwiċidju;

F.   billi, meta wieħed jikkunsidra t-tqassim tal-kompetenzi fit-Trattat tal-KE, il-valur miżjud ta' strateġija Komunitarja fuq is-saħħa mentali tan-nies ta' l-Ewropa jiffoka primarjament fuq il-qasam tal-prevenzjoni;

G.   billi f'ċerti pajjiżi Ewropej sa 85% tal-flus ivvotati għas-saħħa mentali jintefqu fuq il-manteniment ta' istituzzjonijiet kbar;

H.   billi nuqqas ta' għarfien u investiment fil-promozzjoni tas-saħħa mentali kkontribwew għad-detriment tas-saħħa u tad-diżabilitajiet fost l-individwi u tal-problemi tas-soċjetà;

I.   billi madwar 40% tal-ħabsin kollha għandhom xi tip ta' disturb mentali u billi huma għandhom il-possibilità ta' seba' darbiet aktar li jagħmlu suwiċidju minn nies fil-komunità, u billi detenzjoni mhux xierqa tista' tiggrava d-disturb u xxekkel ir-riabilitazzjoni;

J.   billi fl-Unjoni Ewropea ma ngħatawx biżżejjed attenzjoni jew riżorsi lis-saħħa mentali tat-tfal u taż-żgħażagħ, u dan anki jekk il-mard mentali qed jiżdied b'mod sinjifikanti fost iż-żgħażagħ;

K.   billi hemm dimensjoni ta' sessi ċara fil-kwistjoni tas-saħħa, partikolarment f'dak li jirrigwarda d-disturb fil-prattiċi ta' l-ikel, id-disturbi newrodeġenerattivi, l-iskiżofrenja, d-disturb fil-burdata, l-ansjetà, il-paniku, id-depressjoni, l-abbuż mill-alkoħol u minn sustanzi psikoattivi oħra, kif ukoll is-suwiċidju u d-delinkwenza, oqsma li ukoll għandhom bżonn ta' riċerka sistematika;

L.   billi n-nisa jfittxu għajnuna mis-servizzi aktar mill-irġiel u għalhekk jiġu ordnati lilhom mediċinali psikotropiċi d-doppju ta' kemm ordnt lill-irġiel; billi l-istudji farmakokinetiċi wrew li n-nisa għandhom tolleranza aktar baxxa għal dawn il-prodotti;

M.   billi l-prevenzjoni, l-identifikazzjoni minn kmieni, l-intervenzjoni u t-trattament ta' mard mentali jnaqqas b'mod sinjifikanti r-riperkussjonijiet personali, finanzjarji u soċjali;

N.   billi numru kbir ta' persuni jsofru minn disturbi newrodegenerattivi u dan in-numru huwa mistenni li jiżdied minħabba, inter alia, it-tul tal-ħajja u ż-żieda fil-popolazzjoni anzjana li takkumpanjaha;

O.   billi f'ħafna Stati Membri ta' l-Unjoni Ewropea kien hemm ċaqlieqa lejn kura istituzzjonalizzata fit-tul, kemm għat-tfal bi problemi ta' żvilupp u ta' imġieba li jipperikolaw l-iżvilupp normali tagħhom, partikolarment fil-qasam ta' l-edukazzjoni, u kemm għall-adulti b'disturbi kroniċi u severi u għal dawk b'diżabilitajiet marbuta mat-tagħlim, lejn għajxien imsostni mill-komunità, imma billi dan kien mingħajr ippjanar xieraq u mingħajr ma nstabu r-riżorsi għas-servizzi tal-komunità;

P.   billi l-problemi tas-saħħa mentali relatati mal-vjolenza fuq in-nisa u t-tfajliet huma ftit li xejn identifikati; billi statistika tal-vittmi ma tiġix ikkunsidrata regolarment u ħafna nisa u tfajliet m'humiex disposti jagħtu rendikont ta' abbuż vjolenti sakemm it-tobba jew l-istaff mediku ma jistaqsux direttament dwar l-abbuż;

Q.   billi kundizzjoni minn qabel għas-saħħa mentali tajba hija trobbija f'ambjent ta' familja b'saħħitha li tipprovdi għas-siġurtà psikoloġika u għall-mħabba tal-ġenituri;

1.   jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni għall-promozzjoni tas-saħħa mentali; jistieden għal aktar prijorità fil-politika tas-saħħa, b'enfasi fuq il-prevenzjoni, u fil-politika ta' riċerka ta' l-Unjoni, u jemmen li dan għandu jkun inkluż fil-politiki u fil-leġiżlazzjoni ta' kull Direttorat tal-Kummissjoni u tal-ministeri ta' kull Stat Membru, li għandhom jieħdu impenn sabiex jarmonizzaw l-indikaturi tas-saħħa mentali kurrenti nazzjonali u internazzjonali, bil-għan li jkun żgurat sett komparabbli ta' dejta fuq il-livell ta' l-UE;

2.   jikkunsidra li d-dimensjoni ta' bejn is-sessi għadha ma ġietx ikkunsidrata fil-Green Paper; għalhekk jistieden sabiex din id-dimensjoni tkun ikkunsidrata b'mod sistematiku fil-miżuri proposti għall-promozzjoni tas-saħħa mentali, fil-miżuri ta' prevenzjoni u fir-riċerka, li s'issa kienu insuffiċċjenti u mhux xierqa, sal-punt li l-progress dwar il-prevenzjoni u l-kura tal-mard mentali kien b'mod sinjifikanti inqas minn dak magħmul fil-qasam ta' mard ieħor;

3.   jikkunsidra li l-irwol tat-tobba fil-monitoraġġ tal-pazjenti huwa ta' importanza kbira;

4.   jemmen li saħħa mentali tajba hija ħtieġa minn qabel għal saħħa ġenerali u l-benessri taċ-ċittadini Ewropej u għal twettiq ekonomiku b'saħħtu fl-UE; jinkoraġġixxi u jappoġġa l-miżuri kollha li għandhom l-għan li jgħinu u jipprevjenu d-disturbi mentali;

5.   jenfasiżża l-bżonn li jinħaseb l-aħjar mod sabiex jintużaw l-istrumenti Komunitarji disponibbli, bħas-seba' programm ta' qafas ta' riċerka sabiex tinbena kapaċità li tista' tappoġġja r-riċerka fis-saħħa mentali fl-Unjoni;

6.   jemmen li kwalunkwe proposta futura tal-Kummissjoni rigward is-saħħa mentali għandha tinvolvi sħubija u konsultazzjoni ma' dawk li għaddew jew qegħdin jgħaddu minn problemi ta' saħħa mentali, kif ukoll il-parteċipazzjoni tagħhom, tal-familji tagħhom u tal-kuraturi u l-appoġġ ta' l-NGOs, l-assoċjazzjonijiet tal-membri familjari u partijiet oħra interessati, sabiex il-proċess ta' deċiżjonijiet ikun aktar rappreżentattiv u jinkludi lil kulħadd, u għandha tippromwovi l-għaqda bejn qraba u l-pazjenti psikjatriċi;

7.   jenfasizza d-differenzi imdaqqsa fl-ispiża fuq is-saħħa mentali fl-Istati Membri individwali, kemm fl-ammont assolut u kemm bħala proporzjon ta' spiża fuq il-kura tas-saħħa b'mod ġenerali;

8.   jemmen li se jkun hemm bżonn ta' azzjonijiet differenti sabiex jintlaħqu t-tliet għanijiet tal-promozzjoni tas-saħħa mentali, it-titjib tas-saħħa mentali u l-prevenzjoni tad-disturbi mentali; jemmen li l-għanijiet ta' dawn l-azzjonijiet għandhom jipprovdu informazzjoni xierqa, sabiex jinkiseb l-għarfien relevanti u jiżviluppaw attitudnijiet xierqa u għarfien speċjalizzat sabiex tkun protetta s-saħħa mentali u fiżika u tittejjeb il-kwalità ta' l-għajxien taċ-ċittadini Ewropej;

9.   jenfasizza l-bżonn li termini bħal "Mard Mentali", "Disturbi Mentali", "Mard Mentali Qawwi" u "Disturb fil-Personalità" jkunu użati b'attenzjoni;

10.   jenfasizza l-importanza tal-bżonn ta' monitoraġġ minn kmieni, ta' sejbien u djanjosi u ta' kura integrata, u mfassla għal dak li jkun;

11.   jenfasizza l-bżonn li b'azzjoni xierqa jiġu miġġielda l-inugwaljanzi fit-trattament tal-mard mentali li huma evidenti f'dan il-qasam;

12.   jistieden sabiex nies b'diżabilità fit-tagħlim ikunu inklużi fi kwalunkwe strateġija futura, għaliex huma jaffaċċjaw kwistjonijiet simili għal dawk ta' nies b'disturbi mentali, inkluż ukoll l-esklużjoni soċjali, l-istituzzjonalizzazzjoni, l-abbuż mid-drittijiet tal-bniedem, id-diskriminazzjoni, l-istigma u n-nuqqas ta' appoġġ lejhom infushom u lejn il-familji tagħhom u l-kuraturi; fl-istess ħin jistieden għal aktar sforzi sabiex tfal u żgħażagħ b'don konjittiv ikunu identifikati u appoġġjati b'mod aħjar;

13.   jenfasizza l-importanza ta' għajnuna reċiproka u l-irwol kbir ta' l-esperjenzi tat-trattament ta' persuni, il-mard u l-irkupru;

14.   jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni enfasizzat bħala gruppi speċifiċi lit-tfal, l-impjegati, l-anzjani u l-membri tas-soċjetà żvantaġġjati, imma kieku tagħmel estenzjoni sabiex tinkludi, per eżempju, dawk b'mard mentali qawwi, dawk b'mard fit-tul u terminali, dawk b'diżabilità, il-ħabsin, il-gruppi ta' minoranza etnika u gruppi oħra, u l-kwistjonijiet ta' mard mentali speċifiċi għan-nisa;

15.   jirrikonoxxi li d-disturbi fil-personalità joffru sfidi ta' djanjosi partikulari, it-trattament jew l-immaniġġjar u l-kura, u jitolbu aktar riċerka u politiki distinti; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħti aktar attenzjoni lill-aggressjoni, il-fatturi ta' imġieba agressiva u l-konsegwenzi psikoloġiċi;

16.   jirrikonoxxi li l-irġiel u n-nisa jista' jkollhom bżonnjiet ta' saħħa mentali differenti, u jappella għal aktar riċerka partikularment fil-konnessjoni bejn kura in-patient obbligatorja u li wieħed iweġġa' lilu nnifsu u r-rata għola ta' preskrizzjoni ta' mediċinali psikotropiċi fost in-nisa;

17.   jenfasizza l-bżonn ta' riċerka fil-varjetajiet pruvati fl-istruttura u fl-attività ta' l-imħuħ maskili u dawk femminili, sabiex jiġu żviluppati avviċinamenti separati u kura għaż-żewġ sessi fil-qasam tal-mard mentali;

18.   jistieden għall-appoġġ għall-ommijiet fil-perjodi ta' qabel it-twelid u ta' wara sabiex id-dipressjoni jew kundizzjonijiet oħra psikopatoloġiċi li jimmanifestaw ruħhom f'numru sinjifikanti ta' każi f'dawn is-sitwazzjonijiet ikunu evitati;

19.   jemmen li s-saħħa mentali tajba ta' l-ommijiet u tal-ġenituri tgħin lit-tfal jiżviluppaw mingħajr xkiel u jsiru adulti f'saħħithom;

20.   jistieden għal tweġiba multi-dixxiplinarja u b'ħafna aġenziji sabiex ikunu kkurati sitwazzjonijiet kumplessi ta' mard mentali, bħal kif l-aħjar ikunu appoġġjati t-tfal jew l-adolexxenti bi problemi ta' żvilupp jew ta' imġieba jew ta' disturbi fil-prattiċi ta' l-ikel, u/jew kif il-ġenituri nfushom f'ħafna mid-drabi huma stess ikunu jsofru minn saħħa mentali ħażina (jew qed jinżammu fit-tul f'istituzzjonijiet);

21.   jinnota li stampi soċjalment definiti ta' kif l-immaġini tat-tfajliet u tan-nisa għandhom ikunu għandhom impatt fuq is-saħħa mentali u l-benessri tan-nisa u tat-tfajliet, bir-riżultat inter alia ta' disturbi tal-prattiċi ta' l-ikel;

22.   jirrimarka li nuqqas ta' saħħa mentali u disturbi mentali b'mod komuni jsibu l-għeruq tagħhom fit-tfulija u jirrimarka l-importanza tar-riċerka fi tfulija b'saħħitha;

23.   jenfasizza l-importanza ta' taħriġ kontinwu u taħriġ tan-nies intermedjarji waqt ix-xogħol: l-għalliema, il-ħaddiema tas-sanità, is-serviżżi soċjali u ġuridiċi u min iħaddem;

24.   jilqa' l-fatt li l-Green Paper tirrikonoxxi li fatturi soċjali u ta' l-ambjent bħal l-esperjenzi personali, il-familja u l-appoġġ soċjali; il-kundizzjonijiet ta' l-għajxien bħall-faqar, l-għajxien fi bliet kbar, u l-iżolament rurali; u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, bħan-nuqqas ta' siġurtà tax-xogħol, il-qgħad u s-siegħat twal tax-xogħol għandhom rwol fis-saħħa mentali tan-nies; jenfasizza li d-disturbi mentali huma waħda mir-raġunijiet ta' rtirar mix-xogħol kmieni u l-pensjonijiet ta' diżabilità;

25.   jikkunsidra li kundizzjonijiet tajba tax-xogħol jikkontribwixxu lejn is-saħħa mentali u jistieden lil min iħaddem sabiex jintroduċi politiki ta' "Saħħa Mentali fuq ix-Xogħol" bħala parti neċessarja tar-responsabbilità tagħhom fil-qasam tas-saħħa u sikurezza fuq ix-xogħol, bil-għan li jkunu żgurati "l-aħjar impjiegi possibbli" għal u għall-aħjar inklużjoni fis-suq tax-xogħol ta' nies b'disturbi mentali, u li dawn għandhom ikunu publikati u għandu jsir monitoraġġ fil-limitu tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar saħħa u sikurezza, filwaqt li jkunu kkunsidrati l-bżonnijiet u l-opinjonijiet tal-ħaddiema;

26.   jilqa' l-inizjattivi soċjali fi ħdan il-politika soċjali u ta' l-impiegi sabiex ikunu promossi t-trattament mhux diskriminatorju ta' individwi b'mard mentali, l-integrazzjoni soċjali ta' individwi b'diżabilitajiet mentali, u l-prevenzjoni tat-tensjoni fuq il-post tax-xogħol;

27.   f'dak li jirrigwarda l-istrateġija ta' l-impiegi ta' l-UE, jenfasizza l-influwezna tas-saħħa mentali fuq l-impjiegi kif ukoll l-influenza tal-qgħad fuq is-saħħa mentali tan-nies;

28.   jemmen li l-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien sabiex isibu u jimplimentaw strateġiji effettivi li jnaqqsu s-suwiċidju, partikularment fost iż-żgħażagħ u gruppi oħra fir-riskju;

29.   jistieden għal rikonoxximent akbar tal-konnessjoni bejn id-diskriminazzjoni, il-vjolenza u s-saħħa mentali ħażina, li tenfasizza l-importanza li kull forma ta' vjolenza u diskriminazzjoni għandha tiġi miġġielda bħala parti minn strateġija għall-promozzjoni ta' saħħa mentali permezz tal-prevenzjoni;

30.   jikkunsidra li l-popolazzjoni Ewropea li dejjem qed tixjieħ bħala waħda mill-akbar sfidi tas-saħħa mentali u jinkoraġġixxi aktar enfasi fuq ir-riċerki f'mekkaniżmi u kawzi ta' mard newrodiġenerattiv u mard ieħor psikjatriku fix-xjuħ u l-prevenzjoni tagħhom kif ukoll il-kura tagħhom, inkulż l-iżviluppar ta' terapiji ġodda;

31.   jemmen ukoll li għandha ssir enfasi fuq il-konnessjoni bejn il-konsum ta' l-alkoħol u d-drogi illegali u l-mard mentali; jikkunsidra li l-alkoħol u d-dipendenza mid-drogi jikkawżaw problemi ta' saħħa mentali u fiżiċi serji u problemi lis-soċjeta b'mod ġenerali; jistieden lill-Kummisjoni sabiex tirrevedi bla dewmien liema programmi ta' diżintossikazzjoni u metodi ta' kura huma l-aktar effettivi;

32.  32 jenfasizza li nies b'disturbi mentali għandhom ikunu trattati u kkurati b'dinjità u umanità u li l-kura medika u s-servizzi ta' l-appoġġ għandhom ikunu effettivi u ta' kwalità għolja, aċċessibbli għal kull min isofri minn mard mentali u għandhom ikunu universali; għandu jkun hemm fehim aktar ċar dwar id-drittijiet tagħhom jekk għandhomx ikunu kkurati; li għandhom ikunu kapaċi jipparteċipaw fid-deċiżjonijiet dwar il-kura tagħhom stess u kkonsultati kollettivament dwar is-servizzi; li meta jkunu ordnati mediċinali, l-effetti negattivi li jagħmlu għandhom ikunu l-inqas possibli; u għandu jkun hemm informazzjoni u pariri għal dawk li jkunu jixtiequ jwaqqfu l-mediċinali b'mod sikur;

33.   jemmen li l-użu tal-forza huwa kontroproduċenti, bħalma hu l-użu obligatorju tal-mediċini; jemmem li kull forma ta' kura in-patient u medikazzjoni obligatorja għandha jkollha limitu u għandha, fejn possibli, tkunu eżaminata regolarment u tkun suġġetta għall-kunsens tal-pazjent jew, fl-assenza ta' dan il-kunses, għall-awtorizzazzjoni minn awtoritajiet xierqa u dan biss bħala l-aħħar għażla;

34.   huwa ta' l-opinjoni li kull restrizzjoni għal-libertajiet personali għandha tkun evitata, b'referenza partikulari għad-detenzjoni fiżika li teħtieġ il-monitoraġġ, il-verifika u l-viġilanza minn istituzzjonijiet demokratiċi responsabbli mill-ħarsien tad-drittijiet individwali, sabiex ikun hemm protezzjoni kontra l-abbużi;

35.   jistieden sabiex ir-rebħa fuq l-istigma tkun iċ-ċentru ta' kull strateġija futura, eżempju billi jkunu stabbiliti kampanji annwali dwar kwistjonijiet ta' saħħa mentali sabiex jingħelbu l-injoranza u l-inġustizzja bħall-istigma konnessa mal-mard mentali li twassal għar-rifjut mis-soċjeta f'kull qasam mill-impjieġ sal-familja, u mill-komunità sa l-professjonisiti fil-qasam tas-saħħa; jikkunsidra wkoll li bil-għan li jkunu mtejba s-saħħa mentali u l-kundizzjonijiet tal-pazjenti, id-drittijiet soċjali bażiċi u d-drittijiet ċivili għandhom ikunu garantiti, bħad-dritt għal abitazzjoni u appoġġ ekonomiku għal dawk li ma jistgħux jaħdmu u d-dritt taż-żwieġ u d-dritt li wieħed jimmaniġġja l-affarjiet personali; jemmen ukoll li l-istigma hija forma ta' diskriminazzjoni u għandha tkun ikkunsidrata minn liġijiet kontra d-diskriminazzjoni;

36.   jirrikonoxxi li l-element ta' l-istigma huwa l-perċezzjoni mifruxa li disturbi fis-saħħa mentali huma kbar u għal tul il-ħajja kollha, meta huwa importanti li jkun enfasizzat li, b'għajnuna xierqa, in-nies jistgħu jirkupraw, u oħrajn jagħmlu progress fuq livell suffiċċjenti ta' funzjonalità jew stabbilità;

37.   jenfasizza l-bżonn ta' riforma fis-servizzi relatati mas-saħħa mentali sabiex jissejsu fuq kura komunitarja ta' kwalità għolja fid-dar jew f'akkomodazzjoni protetta b'aċċess għall-kura soċjali u tas-saħħa xierqa; b'monitoraġġ regolari u b'evalwazzjoni; b'kura ta' mistrieħ għal nies bi problemi mentali u għall-kuraturi tagħhom; b'avviċinament permezz ta' ċentri apposta li jservu għal kollox sabiex ikun hemm aċċess għall-benefiċċji tas-saħħa, soċjali, tad-djar, tat-taħriġ, tat-trasport u tas-servizzi l-oħra; jenfasizza li dan għandu jkun appoġġjat minn medda ta' servizzi in-patient għal bżonnijiet kbar, kroniċi jew sikuri imma għandu jkun hemm dejjem monitoraġġ indipendenti ta' kull min jirċievi kura obbligatorja b'żamma fl-isptar;

38.   meta jżomm f'moħħu dan, jenfasizza l-bżonn li koperattivi iffurmati minn pazjenti psikjatriċi u l-attivitajiet kollha bil-għan li jinkludu l-utenti u dawk li kienu pazjenti jkunu appoġġjati u r-riżorsi għat-taħriġ ta' l-istaff ikunu identifikati sabiex ikunu jistgħu jikkunsidraw il-bżonnijiet tal-pazjenti psikjatriċi;

39.   jenfasizza l-bżonn ta' taħriġ kontinwu dwar kwistjonijiet ta' saħħa mentali għat-tobba tal-familja u professjonisti oħra fis-servizzi tal-kura tas-saħħa primarji;

40.   jirrikonoxxi li l-gvern lokali għandu rwol integrali fil-promozzjoni ta' saħħa mentali tajba, fl-appoġġ ta' dawk b'saħħa mentali dgħajfa fil-komunità lokali tagħhom u sabiex ilaqqgħa punti diversi ta' avviċinament b'ħafna agenziji għat-twassil ta' servizzi tas-saħħa mentali;

41.   jemmen li d-dijanjosi doppja ta' nies bi problemi ta' saħħa mentali u bi problemi ta' dipendenza għandhom iwasslu għal trattament simultanju;

42.   jenfasizza li l-aspetti mentali u fiżiċi tas-saħħa huma magħquda u li d-disturbi mentali jistgħu jkollhom bażi bijoloġika, soċjali, emozzjonali jew storika li għandha tkun indirizzta sabiex avviċinamenti oħra jkunu ta' suċċess;

43.   jistieden għal attenzjoni akbar lill-konsegwenzi psikoloġiċi u s-sintomi ta' mard somatiku; jenfasizza l-bżonn li tingħata importanza ugwali lill-benessri mentali u fiżiku fil-protokolli tal-kura fl-isptar, inkulż it-trattament ta' mard serju u/jew li m'hemmx kura għalih; u jemmen li huwa essenzjali għall-personàl mediku u paramediku li jaħdem f'oqsma speċjalizzati li jingħata taħriġ kontinwu fil-psikopatoloġija għaliex ħafna drabi d-disturbi jibqgħu bla dijanjosi jew ikunu sottovalutati;

44.   jappoġġja l-kummenti tal-Kummissjoni fuq id-deistituzzjonalizzazzjoni, għax qagħda fit-tul f'istituzzjonijiet pskikjatriċi tista' twassal għal tkomplija u għal aggravament ta' kundizzjonijiet psikopatoloġiċi, l-infurzar ta' l-istigma u l-esklużjoni soċjali, imma jirrikonoxxi li għandhom isiru sforzi akbar sabiex il-pubbliku jkun konvint li jinkisbu riżultati aħjar meta nies b'disturbi mentali kbar u disturbi relatati mat-tagħlim jingħataw kura fil-komunità;

45.   jissuġġerixxi li l-Kummissjoni, permezz tal-Programm ta' Saħħa Pubblika, għandha tiġbor dejta dwar il-mard mentali, ir-rati ta' l-irkupru ta' pazjenti li jkunu ħadu l-kura u l-effikaċja ta' l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-soċjeta;

46.   jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tidentifika siti u eżempji ta' prassi tajba u xxerred id-dettalji tagħhom ma' l-Istati Membri kollha, u li dawn is-"Siti ta' Dimostrazzjoni" jkunu kumparabbli mas-siti tal-WHO tal-programm tan-"Nazzjonijiet għas-Saħħa Mentali"; jikkunsidra li s-siti ta' demostrazzjoni, il-"kuri ta' dimostrazzjoni" u d-"dimostrazzjoni ta' l-istrateġiji ta' prevenzjoni" jistgħu jkunu metodi importanti kif jitnaqqsu l-inugwaljanzi fis-saħħa mentali bejn l-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinvolvi istituzzjonijiet ta' għarfien fl-identifikazzjoni ta' siti ta' dimostrazzjoni, ta' kura ta' dimostrazzjoni u ta' dimostrazzjoni ta' l-istrateġiji ta' prevenzjoni;

47.   jemmen li, minħabba li l-persuni kollha (skond ir-Riżoluzzjoni 46/199 ta' l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tas-17 ta' Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-persuni b'mard mentali u t-titjib tal-kura tas-saħħa mentali) għandhom id-dritt għall-aħjar kura tas-saħħa mentali disponibbli, l-aħjar prassi għandhom jinxterdu u jkun disponibbli għaċ-ċittadini kollha l-informazzjoni rilevanti;

48.   jemmen li l-kelma "kura" għandha tkun interpretata b'mod wiesa', b'enfasi fuq l-identifikar u l-eliminazzjoni tal-fatturi soċjali u ambjentali, u l-użu ta' mediċini għandu jkun l-aħħar għażla, partikularment fil-każ ta' tfal u żgħażagħ; jikkritika t-tkattir tal-medikalizzazzjoni u l-ippatoliġiżżar ta' l-istadji tal-ħajja, mingħajr tfittix komprensiv għall-kawżi; jistieden sabiex jiġu kkunsidrati fatturi bħall-esperjenzi personali, il-familja, l-appoġġ soċjali u l-kundizzjonijiet ta' l-għejxien u tax-xogħol li għandhom irwol importanti fil-mard mentali kif ukoll fil-fatturi ġenetiċi;

49.  Jiġbed l-attenzjoni dwar in-numru kbir ta" tfal li jikbru f'istituzzjonijiet ta" kura statali f'uħud mill-Istati Membri, speċjalment f'uħud minn dawk ġodda; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja b'mod aktar effettiv il-ħolqien ta" sistemi alternattivi, li għandhom jgħinu lill-ġenituri li ġejjin mill-gruppi fir-riskju li jieħdu ħsieb ta" wliedhom kif suppost; jitlob għall-proġett "Is-saħħa mentali tat-tfal u l-adoloxxenti f'Ewropa mkabbra: l-iżvilupp ta" linji politiċi u prattiki effettivi,"li jikkoordina l-progress fl-istrateġija tas-saħħa mentali fit-tfal fl-Istati Membri ta" l-UE, li jibda mill-aktar fis possibbli u implimentat b'mod effettiv;

50.   jemmen ukoll li barra mill-kura, l-ambjent soċjali u tax-xogħol xieraq, kif ukoll l-appoġġ tal-familja u tal-komunita' huma bżonnjużi għall-prevenzjoni tal-problemi relatati mas-saħħa mentali u mat-titjib u l-promozzjoni tal-benessri u ta' l-istrateġija terapewtika għar-rijabilitazzjoni ta' min isofri minn disturb mentali; jenfasizza l-bżonn ta' riċerka fl-ambjenti li jwasslu għas-saħħa mentali u l-irkupru;

51.   iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja riformi kontinwi fi kwalunkwe Stat Membru li kien jipprattika l-abbuż tal-psikjatrija, l-użu tal-mediċini aktar mill-bżonn, prattiki inumani bħas-soddod f'għamla ta' ġaġġa jew l-użu eċċessiv ta' ċelel ta' iżolament, partikolarment f'uħud mill-Istati Membri l-ġodda; jisħaq li f'uħud mill-Istati Membri l-ġodda l-indikaturi tas-saħħa mentali fis-soċjetà bħala regola huma mexjin fid-direzzjoni l-ħażina, b'ħafna suwiċidji, vjolenzi u dipendenzi, speċjalment fuq l-alkoħol; jenfasizza li dawn il-pajjiżi wirtu sistemi ta" kura inadegwati fis-saħħa mentali u ħafna istituzzjonijiet psikjatriċi u ta" kura li jżidu l-esklużjoni soċjali u l-istigma, filwaqt li fl-istess ħin hemm nuqqas ta" servizzi fil-komunità li jeħtieġu jkunu integrati f'sistemi ta" saħħa ġenerali u protezzjoni soċjali; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tpoġġi r-riforma tal-psikjatrija fuq l-aġenda tan-negozjati għas-sħubija ma' l-UE; jikkunsidra li l-ħabs mhux ambjent xieraq għal dawk li jbatu minn mard tal-moħħ u li għandhom jinstabu alternattivi;

52.   jistieden għal aktar riċerka fl-intervenzjonijiet terapewtiċi u psikoloġiċi, fl-iżvilupp ta' mediċini aktar effettivi u b'inqas effetti mhux mixtieqa, fil-fatturi li jwasslu għad-disturbi mentali u s-suwiċidju, fl-eżitu ta' miżuri għall-investiment fil-promozzjoni tas-saħħa mentali u fil-metodi li jikkontribbwixxu għall-irkupru b'suċċess u għat-titfija; b'mod partikolari jistieden sabiex tingħata attenzjoni speċjali lir-riċerka f'mediċini aktar adattati għat-tfal; jenfasizza wkoll li r-riċerka m'għandhiex tkun limitata għall-prodotti farmaċewtiċi imma għandha testendi wkoll għal studji epidemoloġiċi, psikoloġiċi u ekonomiċi dwar il-komunità u l-fatturi soċjali tal-mard mentali; jistieden ukoll għal żieda fl-involviment ta' l-utenti tas-servizzi f'kull aspett tar-riċerka fil-mard mentali;

53.   jemmen li hemm bżonn aktar riċerka fil-fatturi li jwasslu għall-istigma u l-metodi ta' kif tista' tintgħeleb; l-esperjenza ta' utenti individwali tas-servizz u tal-kuraturi tagħhom; relazzjonijiet li jaħdmu bejn servizzi differenti u l-professjonijiet u l-utenti preċedenti tas-servizz; u d-dispożizzjoni lilhinn mill-fruntieri;

54.   jemmen li s-servizzi għas-saħħa mentali għandhom jirċievu biżżejjed fondi sabiex jirriflettu l-ispiża fuq id-disturbi mentali għall-individwi, għas-servizzi tas-saħħa u dawk soċjali, u għas-soċjetà ġenerali, sabiex tkun effettiva u tispira l-fiduċja tal-pubbliku;

55.   jemmen li huwa essenzjali li jkunu applikati metodi individwali ta' kwalità għolja sabiex tkun promossa s-saħħa mentali, b'mod li jitqiesu il-bżonnijiet partikulari ta' l-individwi u l-gruppi fil-mira;

56.   jirrikonoxxi l-kontribut siwi li l-membri tal-familja u l-kuraturi informali jagħtu fl-appoġġ ta' nies bi problemi mentali, u bl-istess mod jirrikonoxxi li ħafna minnhom ikollhom il-bżonnijiet ta' kura tagħhom infushom, u jkollhom bżonn ta' informazzjoni u appoġġ minn nies professjonali jekk ikunu jridu jkomplu jipprovdu kura; jirrikonoxxi wkoll il-kontribut siwi li l-utenti tas-servizz jagħtu fl-appoġġ lil xulxin;

57.   jenfasizza l-bżonn li jkunu użati vokabularju u terminoloġija li jgħinu fil-ġlieda kontra l-istigma, per eżempju miżuri li jneħħu l-preġudizzi, li jibdlu l-attitudnijiet u li jikkritikaw l-isterjotipi fir-rigward ta' kull kategorija ta' disturb mentali;

58.   jistieden għall-formazzjoni ta' "Grupp għall-Koordinazzjoni u l-Monitoraġġ tas-Saħħa Mentali" stabbilit mill-Kummissjoni sabiex tinġabar informazzjoni dwar il-prassi fis-saħħa mentali u l-promozzjoni fl-UE, sabiex ssir evalwazzjoni tas-suffiċċjenza (kemm ta' numru u kemm ta' taħriġ) tan-nies professjonali u ta' l-infrastruttura eżistenti fil-kamp tas-saħħa mentali; jenfasizza li l-organizzazzjonijiet tal-pazjenti li jipprovdu t-trattament, l-istituzzjonijiet ta' kura u l-istituzzjonijiet ta' għarfien għandhom ikunu involuti f'dan il-Grupp ta' Koordinazzjoni u Monitoraġġ;

59.   jistieden lill-Kummissjoni sabiex issegwi l-Green Paper bi proposta għal direttiva dwar is-saħħa mentali fl-Ewropa u d-difiża ta' tad-drittijiet ċivili u d-drittijiet fundamentali tal-persuni li jsofru minn disturbi mentali u tar-rispett għalihom;

60.   iħeġġeġ lill-UE u l-pajjiżi ta' l-ACP sabiex jaħdmu mill-qrib fl-investiment f'saħħa mentali tajba permezz ta' l-iżvilupp u l-politiki ta' Kotonou;

61.   jagħti istuzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri, lill-pajjiżi li qed jaderixxi u lill-pajjiżi kandidati, lill-pajjiżi ta' l-ACP u lid-WHO Ewropa.

(1) ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1.
(2) ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.
(3) ĠU C 86, 24.3.2000, p. 1.
(4) Testi adottati, P6_TA(2006)0115.

Avviż legali - Politika tal-privatezza