Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Pjan ta' Azzjoni 2006 - 2008 għas-simplifikazzjoni u t-titjib tal-Politika Komuni tas-Sajd (2006/2053(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament intitolata "Pjan ta' Azzjoni 2006 - 2008 għas-simplifikazzjoni u t-titjib tal-Politika Komuni tas-Sajd" (COM(2005)0647),
– wara li kkunsdira l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Perspettivi għas-simplifikazzjoni u t-titjib ta' l-ambjent regolatorju tal-Politika Komuni tas-Sajd" (COM(2004)0820), u d-dokument ta' ħidma taql-persunal tal-Kummissjoni intitolata "Analiżi tal-possibilitajiet li l-ambjent regolatorju tal-Politika Komuni tas-Sajd ikun simplifikat, imtejjeb u implimentat" (SEC(2004)1596),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni intitolata "L-implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta' Liżbona: Strateġija għas-simplifikazzjoni ta' l-ambjent regolatorju" (COM(2005)0535),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' April 2005 rigward il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Perspettivi ta' simplifikazzjoni u ta' titjib ta' l-ambjent regolatorju tal-Politika Komuni tas-Sajd" (8077/2005),
– wara li kkunsidra l-ftehim interistituzzjonali dwar leġiżlar aħjar li kien konkluż fis-16 ta' Diċembru 2003 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni(1),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A6-0228/2006),
A. billi t-titjib u s-simplifikazzjoni ta' l-ambjent leġiżlattiv, bil-għan li jsir aktar effiċjenti u trasparenti, hu prijorità ta' l-Unjoni Ewropea għall-benefiċċju taċ-ċittadini fil-qafas ta' l-infurzar tal-kompetittività, tat-tkabbir u ta' l-iżvilupp sostenibbli, b'hekk jikkontribwixxi għall-objettivi ta' Liżbona,
B. billi l-korpi amministrattivi fl-Istati Membri u dawk li jaħdmu fil-qasam tas-sajd jiddeploraw it-tixrid u l-ikkuntrastar ta' miżuri, in-nuqqas ta' ċarezza u ta' aċċessibilità fil-każ ta' testi eżistenti u ta' diffikultajiet li jirriżultaw minn piż amministrattiv maħluq minn għadd kbir ta' rekwiżiti li uħud minnhom huma żejda,
C. billi s-simplifikar tar-regoli tal-Politika Komuni dwar is-Sajd (CFP) jitlob għal involviment estensiv tas-sajjieda u ta' partijiet oħra kkonċernati,
D. D billi l-industrija tas-sajd għandha tkun konsultata fi skadenzi li jippermettu l-partiċipazzjoni effettiva tagħha u l-involviment minn qabel fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet,
E. billi l-effikaċja tas-CFP hija marbuta mill-qrib ma' l-introduzzjoni ta' sistema armonizzata ta' ispezzjoni u monitoraġġ li tapplika għall kull min jaħdem fis-settur tas-sajd,
1. Jilqa' dan il-pjan ta' azzjoni settorali li huwa mfassal sabiex iħaffef u jtejjeb is-CFP;
2. Jappoġġa bis-sħiħ l-objettivi stabbiliti mill-Kummissjoni, b'mod partikolari dawk impenjati fis-simplifikazzjoni, ċarezza u aktar aċċessibilta ta' dokumenti eżistenti, b'hekk il-piż tax-xogħol u ta' l-ispejjeż amministrattivi tal-korpi amministrattivi responsabbli mis-sajd titħaffef, u jonqsu l-piż u r-restrizzjonijiet imposti fuq is-sajjieda;
3. Jilqa' l-metodu propost mill-Kummissjoni, b'mod partikolari l-abbozzar ta' plan ta' azzjoni għal tliet snin li jkopru l-perijodu 2006-2008;
4. Jaqbel ma' l-opinjoni tal-Kummissjoni li l-isforzi biex isir simplifikar għandhom jiffokaw fuq il-politika ta' konservazzjoni u l-monitoraġġ ta' l-attivitajiet tas-sajd;
5. Jikkunsidra li għandu jkun hemm konsultazzjoni aktar ġenwina u estensiva qabel leġiżlar mal-partijiet kollha affettwati mill-miżuri kkontemplati u din il-konsultazzjoni sa fejn hu possibbli għandha tkun magħmula fi stadju avvanzat sabiex partijiet interessati ikunu jistgħu jagħtu kontribut effettiv lejn ix-xogħol preparatorju li jsir qabel kull proposta leġiżlattiva;
6. Jikkunsidra li qabel kull proposta leġiżlattiva għandha ssir analiżi ta' l-impatt; li għandu jkun ibbażat fuq informazzjoni preċiża, oġġettiva u komprensiva u għandha tkun pubblika fil-ħin opportun;
7. Jikkunsidra li għandu jkun hemm perjodu xieraq bejn id-data tal-adozzjoni u d-data ta' l-implimentazzjoni ta' regoli ġodda, sabiex il-partijiet ikkonċernati ikunu jistgħu jadattaw rwieħom;
8. Jikkunsidra li t-testi regolatorji għandhom jiġu abbozzati b'mod aktar preċiż u b'mod li jifhmuhom il-partijiet interessati;
9. Jikkunsidra li l-istimi rigward l-effikaċja u l-implimentazzjoni tal-miżuri adottati għandhom isiru sistematikament fuq il-bażi ta' objettivi u ta' indikaturi definiti b'mod ċar;
10. Jinsisti li l-korpi konsultattivi (b'mod partikolari l-Kumitati Konsultattivi Reġjonali u l-Kumitati Konsultattivi dwar is-Sajd u l-Akwakultura) għandu jkollhom rwol integrali fil-proċess tas-simplifikazzjoni u f'dak ta' l-evalwazzjoni u ta' implimentazzjoni ta' miżuri eżistenti u dawk ġodda; jikkonsdira li konsultazzjoni aktar mill-qrib ma' dawn il korpi għandha bla dubju tagħti r-riżultat li dawk involuti fis-settur tas-sajd jifhmu aktar il-leġiżlazzjoni dwar is-sajd;
11. Jikkunsidra li l-istruttura legali u d-dispożizzjonijiet rigward il-miżuri tekniċi, il-miżuri ta' l-immaniġġjar tas-sajd, il-miżuri ta' monitoraġġ u l-limiti ta' qbid għandhom ikunu irreveduti bil-għan li t-testi ikunu ċċarati, biex isiru aktar konsistenti u jiffaċilitaw il-qari, billi jħassru dispożizzjonijiet skaduti u jqassru u jikkonsolidaw id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw kull aspett tas-CFP;
12. Jappoġġa s-simplifikazzjoni tal-linji gwida mniżżla fil-pjan ta' azzjoni għar-regolamentazzjoni tal-qbid totali permess (TACs)/kwoti u l-isforz tas-sajd, b'mod partikolari it-trattament separat ta' komponenti diversi eżistenti, immirati lejn deċiżjonijiet ta' gruppi uniformi u l-iżvlupp ta' approċi multiannwali;
13. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirriforma leġiżlazzjoni eżistenti billi bil-mod jgħaqqad flimkien miżuri tekniċi relatati mas-sajd, u fl-istess ħin jiċċara d-dispożizzjonijiet fis-seħħ u jiżgura li r-regoli kollha huma konsistenti u koordinati aħjar;
14. Jiċħad il-possibilità mogħtija mill-Kummissjoni li tissottometti lill-Kunsill regolament 'qasir' dwar il-miżuri tekniċi, li warajh għandhom isegwu regolamenti dettaljati tal-Kummissjoni, ladarba l-korp ta' miżuri tekniċi li minnu l-flotta tal-Komunità qed tiġi gwidata ma tistax titneħħa mid-dibattitu u mill-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill;
15. Huwa ta' l-opinjoni li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-possibilità li l-Istati Membri jkunu awtorizzati li jadottaw ċertu miżuri tekniċi applikabbli lokalment; bil-għan li jipprevjeni li dawn is-soluzzjonijiet ikollhom impatt ambjentali negattiv, jikkunsidra li għandhom isiru evalwazzjonijiet perjodiċi ta' l-implimentazzjoni tagħhom;
16. Jinnota li l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta' l-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd skond l-Politika għas-Sajd Komuni(2) diġà jippermetti lill-Istati Membri li jadottaw miżuri mhux diskriminatorji għall-konservazzjoni u l-immaniġġjar tar-riżorsi tas-sajd u li jnaqqsu kemm jista' jkun l-effett tas-sajd fuq il-konservazzjoni ta' l-ekosistemi tal-baħar sa 12-il mil nawtiku mill-linji ta' bażi tagħhom; iħeġġeġ il-Kummissjoni sabiex tipproċedi bil-mod b'estenzjoni ta' dan il-prinċipju, għaliex awtorizazzjoni sabiex jiġu adottati ċertu miżuri tekniċi lokali jista' jirriżulta f'kundizzjonijiet diskriminatorji fl-Istati Membri kkonċernati;
17. Japprova l-iżvilupp ta' metodi immirati każ b'każ għal reġjuni individwali jew industriji tas-sajd individwali, ibbażati sewwa fuq kriterji ta' protezzjoni tar-riżorsi u analiżi ta' impatt soċjo-ekonomiku magħmul bir-reqqa, u jikkunsidra li l-partijiet kollha kkonċernati għandhom ikunu involuti mill-qrib fl-iżvilupp ta' dawn l-approċi;
18. Jikkunsidra li l-pjanijiet ta' l-irkupru u ta' l-immaniġġjar proposti mill-Kummissjoni bħala parti mis-CFP għandhom ikunu flessibbli bi qbil ma ċirkostanzi attwali tas-sajd fid-diversi Stati Membri;
19. Japprova l-użu akbar mill-kompjuters, mit-teknoloġiji ta' l-informatizzjoni u mill-awtomatizzazzjoni sabiex l-aċċess għal-leġiżlazzjoni Komunitarja jkun iffaċilitat u sabiex il-ġbir u t-trasferiment tad-data intiża għall-amministraturi fl-Istati Membri u għan-nies li jaħdmu fis-settur jkun razzjonali u ffaċilitat;
20. Jikkunsidra li l-informazzjoni dwar leġiżlazzjoni m'għandhiex tkun biss mogħddija mill-mezzi istituzzjonali imma għandha tasal ukoll għand partijiet interessati b'mod dirett, permezz ta' assoċjazzjonijiet, ta' kunsilli konsultattivi reġjonali, ta' l-internet u ta' l-abbozzar ta' kodiċijiet ta' mġieba;
21. Jikkunsidra li l-użu ta' teknoloġija ġdida fuq il-bastimenti tas-sajd għandhom ikunu miżjuda bil-mod, u għandhom isiru eżenzjonijiet fil-każ ta' l-iżgħar bastimenti u b'perjodi ta' tranżizzjoni adekwatament twal li għandhom jiġu stabbiliti sabiex is-settur ikun jista' jadatta ruħu;
22. Jikkunsidra li l-għajnuna Komunitarja għandha tingħata għall-iżvilupp ta' teknolġiji ġodda u għal taħriġ speċifiku meħtieġ;
23. Jikkunsidra li d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-aspetti kollha relatati mal-monitoraġġ u s-sorveljanza ta' l-attivitajiet tas-sajd għandhom ikunu ikkonsolidati u riformulati;
24. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tirrevedi d-dispożizzjonijiet komunitarji rigward id-daqsijiet minimi bil-għan li jkunu armonizzati;
25. Jerġa' jiddikjara li sistema armonizzata ta' ispezzjoniet u monitoraġġ li tapplika għal dawk kollha li jaħdmu fis-settur u li tkun akkompanjata b'sett uniformi ta' dispożizzjonijiet ta' interpretazzjoni u ta' proċedura ta' penali għandha tkun imwaqqfa b'urġenza sabiex tissaħħaħ il-fiduċja tas-sajjieda fil-prinċipju bażiku ta' trattament ugwali; jikkunsidra li l-Aġenzija Komunitarja għall-Monitoraġġ ta' l-industrija tas-sajd għandha tikkontribwixxi lejn dan l-objettiv;
26. Jilqa' l-prinċipju ġenerali rigward ir-razzjonalizzazzjoni tar-rekwiżiti tar-rappurtaġġ imposti fuq l-Istati Membri u fuq is-settur imma jenfasizza l-irwol kruċjali li ċertu rapporti tal-Kummissjoni għandhom, partikolarment dawk li jservu ta' monitoraġġ ta' l-implimetazzjoni tas-CFP;
27. Jikkunsidra li l-amministrazzjoni ta' l-awtoritajiet barra l-ibħra tal-Komunità (u tad-data dwar il-qbid u l-isforz rigward dawn l-attivitajiet) għandhom ikunu iċċarati, imtejba u kompjuterizzati, u jilqa' l-inizjattivi li l-Kummissjoni diġà ħadet f'dan il-qasam;
28. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-proċeduri kumplessi u twal applikati mill-Unjoni Ewropea sabiex issir traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Organizzazzjonijiet Reġjunali tas-Sajd fil-liġi Komunitarja mhumiex mixtieqa, imma huwa ta' l-opinjoni li ħafna mill-kumplessitajiet fit-traspożizzjojni ġejjin mill-burokrazija eċċessiva fi ħdan il-Kummissjoni nnifisha u għalhekk jirrifjjuta kategorikament il-possibilità li jsir proċess ta' simplifikazzjoni li jkollu r-riżultat li l-Parlament Ewropew ikun misruq mir-responsabbilitajiet tiegħu f'dak li jirrigwarda l-intervent tiegħu fil-proċessi leġiżlattivi;
29. Jistieden ukoll lill-Kummissjoni sabiex tiffinalizza 'ftehim standard' għaż-żewġ kategoriji prinċipali ta' ftehimiet ta' sħubija tas-sajd (dawk imħalltin u dawk tat-tonn) fuq il-bażi ta' liema d-drittijiet u l-obligazzjoniet taż-żewġ partijiet (il-Komunità u pajjiż terz) ikunu imsejsa;
30. Jikkunsidra li l-proċess ta' negozjar u t' monitoraġġ tal-ftehimiet ta' sħubija tas-sajd għandhu, bħala prijorità, ikun maħdum mill-ġdid u ssimplifikat u jilqa' l-isforzi li l-Kummissjoni għamlet reċentement f'dan il-qasam;
31. Huwa lest li jikkontribwixxi b'mod attiv lejn l-isforz neċessarju sabiex ikun implimentat il-proċess ta' simplifikazzjoni u jistieden għal djalogu interistituzzjonali kontinwu dwar leġiżlar aħjar fir-rigward tas-CFP;
32. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.