Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (COM(2005)0181 - COM(2006)0213 - C6-0234/2005 - 2005/0090(CNS))
− wara li kkunsidra l-Artikolu 279 tat-Trattat KE u l-Artikolu 183 tat-Trattat Euratom, skond liema Trattati l-Kunsill ikkonsulta lill-Parlament (C6-0234/2005),
− wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-immaniġjar finanzjarju sod(3),
− wara li kkunsidra l-konsultazzjoni mill-ġdid miegħu min-naħa tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2006 (C6-0207/2006),
− wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2006(4) u tas-6 ta' Lulju 2006(5),
− wara li kkunsidra l-Artikoli 54(3) u 56 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu.
1. Jinnota li l-Kummissjoni bidlet il-proposta tagħha skond l-Artikolu 250(2) tat-Trattat KE u, b'mod partikulari, li l-prinċipju ta' proporzjonalità, it-talba għal iktar trasparenza, id-database tal-parteċipanti esklużi u r-rapporti annwali ta' l-Istati Membri ġew inkorporati, kif mitlub mill-Parlament waqt il-votazzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2006;
2. Jilqa' b'sodisfazzjoni l-inkorporazzjoni tal-prinċipju ta' kontroll intern effettiv u effiċjenti, inkluż livell ta' riskju tollerabbli;
3. Japprova l-proposta modifikata tal-Kummissjoni tat-18 ta' Mejju 2006 sakemm din tikkunsidra l-emendi tal-Parlament, madanakollu bla preġudizzju għall-pożizzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2006, u tas-6 ta' Lulju 2006, li għadhom japplikaw mingħajr riservi;
4. Jistieden lill-Kunsill sabiex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
5. Jiġbed l-attenzjoni lejn l-Artikolu 45 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-immaniġjar finanzjarju sod u lejn id-Dikjarazzjoni Nru 6 annessa magħha; jistieden lill-Kunsill sabiex jadotta l-linji gwida konġunti tiegħu u sabiex jibda l-proċedura ta' konċiljazzjoni skond id-Dikjarazzjoni Konġunta ta' l-4 ta' Marzu 1975(6);
6. Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sostanzjali;
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.