Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2005/2189(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0219/2006

Testi mressqa :

A6-0219/2006

Dibattiti :

PV 06/09/2006 - 15
CRE 06/09/2006 - 15

Votazzjonijiet :

PV 07/09/2006 - 7.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2006)0347

Testi adottati
PDF 216kWORD 51k
Il-Ħamis, 7 ta' Settembru 2006 - Strasburgu
Is-sistemi ta' l-ittikkettar tal-prodotti tas-sajd
P6_TA(2006)0347A6-0219/2006

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tnedija ta' dibattitu dwar approċċ komunitarju rigward is-sistemi ta' l-ittikkettar tal-prodotti tas-sajd (2005/2189(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lil Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew li biha jitnieda dibattitu dwar approċċ komunitarju rigward is-sistemi ta' l-ittikkettar tal-prodotti tas-sajd (COM(2005)0275),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

–  Wara li kkunsidra r-Rapport Nru 780 tas-26 sessjoni tal-Kumitat għas-Sajd ta' l-Organizzjazzjoni ta' l-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) tan-NU li saret f'Ruma bejn is-7 u l-11 ta' Marzu 2005,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Pjan ta' Azzjoni komunitarju għall-integrazzjoni tar-rekwiżiti tal-ħarsien ta' l-ambjent fil-politika komuni dwar is-sajd (COM(2002)0186),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar "Il-futur għas-suq tal-prodotti tas-sajd fl-Unjoni Ewropea : respsonsabbiltà, sħubija u kompetitività"(COM(1997)0719),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta' l-20 ta' Diċembru 2002, dwar il-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni tas-Sajd(1),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  Wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel (A6-0219/2006),

A.   billi t-tqegħid fis-suq ta' prodotti tas-sajd sostanzjati minn ċertifikazzjoni ta' min joqgħod fuqha li l-qbid, it-trobbija, il-ġbir jew l-ipproċessar tagħhom sar skond kriterji ta' sostenibbiltà ambjentali jista' jikkontribwixxi b'mod sinifikattiv biex kemm il-produtturi kif ukoll il-konsumaturi jappoġġjaw aktar l-objettivi tas-sajd sostenibbli,

B.   billi, madankollu, m'hemmx kriterju wieħed adottat internazzjonalment dwar it-tifsira tas-sostenibbiltà fir-rigward tal-prodotti tas-sajd,

C.   billi fi skema ta' l-ittikettar ekoloġiku tal-prodotti, l-approċċ ekoloġiku għandu jkun dejjem ibbażat fuq evalwazzjonijiet ta' firxa wiesgħa,

D.   billi, fi programm ta' ttikettar u ċertifikazzjoni ekoloġika, trid tingħata prijorità lil skema ta' kjarifika bbażata fuq numru ta' kriterji,

E.   billi l-FAO ilha tistudja l-aspetti ta' l-ittikettar ekoloġiku għall-prodotti tas-sajd u ta' l-akwakultura mill-1998, u l-Kumitat tas-Sajd tagħha ħareġ linji gwida dwar dan f'Mejju ta' l-2005,

F.   billi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) studjat il-kwistjoni wara l-laqgħa f'Doha fl-2001, fejn deher ċar il-biża' tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li l-ittikettar ekoloġiku jista' jwassal għal mekkaniżmu ta' protezzjoniżmu għall-prodotti tal-pajjiżi iktar żviluppati,

G.   billi l-ittikettar ekoloġiku tal-prodotti tas-sajd ser iservi biex jittejjeb il-ġbir ta' informazzjoni dwar attivitajiet speċifiċi tas-sajd (itejjeb il-kwantità u l-affidabilità tad-data),

H.   billi l-proliferazzjoni attwali ta' tiketti ekoloġiċi u kriterji għall-ittikettar ekoloġiku, u n-nuqqas ta' fiduċja u l-konfużjoni li dawn joħolqu fil-konsumaturi, tista' twassal biex dan l-istrument ikun skreditat,

I.  Billi l-Komunità Ewropea reċentement iffirmat il-Ftehima dwar il-Programm Internazzjonali għall-Konservazzjoni tad-Dniefel u l-iskema ta' ċertifikazzjoni ekoloġika marbuta magħha ('Dolphin Safe'),

J.  Billi kien ippruvat ukoll li hemm konfużjoni bejn tikketta ekoloġika u tikketta ta' kwalità,

K.  Billi, skond ir-Regolament (KE) Nru 2371/2002, kull attività ta' sajd li ssir fl-Unjoni Ewropea għandha bilfors tkun sostenibbli peress li trid tkun konformi man-normi komunitarji,

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li biha nediet id-dibattitu dwar approċċ komunitarju rigward is-sistemi ta' l-ittikkettar tal-prodotti tas-sajd;

2.  Jiddispjaċih, iżda, għad-dewmien min-naħa tal-Kummissjoni biex tippreżenta l-Komunikazzjoni tagħha, li ppermetta l-proliferazzjoni ta' l-ittikettar ekoloġiku privat mingħajr ebda forma ta' kontroll pubbliku, bil-problemi ta' kredibbiltà u konfużjoni għall-konsumaturi u l-produtturi li din iġġib magħha;

3.  Jiġbed l-attenzjoni, barra minn hekk, għall-objettivi reali ta' ħafna minn dawn it-tikketti li, meta wieħed jikkunsidra l-importanza dejjem akbar li l-konsumaturi jagħtu lill-iżvilupp sostenibbli, huma sempliċiment użati bħala mezz biex jiżdied il-bejgħ, mingħajr ma l-konsumatur jingħata garanzija reali tal-benefiċċji ta' dawn il-prodotti għas-sostenibbiltà;

4.  Iqis li l-varjetà ta' skemi eżistenti jżid il-kumplessità tal-problema u li l-proposti futuri għandhom ikunu mfassla b'mod li ma jagħtix vantaġġ kummerċjali lil dawk li diġà qed joperaw fis-suq;

5.  Jifhem li l-uniku għan tal-Kummissjoni huwa li tiftaħ dibattitu ġenerali u li għalissa ma tapprofondixxix il-kriterji li jridu jmexxu l-ittikettar ekoloġiku komunitarju; madankollu, jiddispjaċih li bil-Komunikazzjoni tagħha l-Kummissjoni ftit li xejn qed tikkontribwixxi għad-dibattitu li hi stess qed tipproponi li tniedi, li issa jidher li tħalla miftuħ iżżejjed u b'nuqqas ta' riflessjoni;

6.  Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' ambizzjoni tal-Komunikazzjoni u jqis li l-għażla li saret (li tikkonsisti f'li jkunu stabbiliti rekwiżiti minimi għal programmi fakultattivi ta' l-ittikkettar ekoloġiku) ma tweġibx b'mod sħiħ għall-kwistjonijiet imqajjma; tqis li l-ittikkettar kollu li jintuża fis-suq għandu jkun ikkontrollat b'mod indipendenti, biex ikun affidabbli u kredibbli għall-konsumatur;

7.  Jitlob rikonoxximent akbar fuq skala Ewropea tas-sajd mhux industrijali; jitlob, għaldaqstant, li qabel it-twaqqif possibbli ta' sistema ta' ttikkettar ekoloġiku, jiġu kkonsultati l-partijiet ikkonċernati, inklużi r-rappreżentanti tas-sajd mhux industrijali, u li jitqiesu s-suġġerimenti tagħhom;

8.  Iqis li tikketta se tkun effikaċi bis-sħiħ biss jekk tkun unika u tinftiehem faċilment mill-konsumaturi, u tippermettilhom li jorjentaw l-għażla tagħhom lejn prodotti li jippreservaw is-sostenibbiltà tar-riżorsi tas-sajd;

9.  Jinkoraġġixxi għalhekk lill-Kummissjoni biex tippromwovi iktar dibattitu wiesa' li fih jistgħu jipparteċipaw il-partijiet kollha kkonċernati, u li fih tista' ssir riflessjoni fil-fond dwar l-ammont u l-importanza tal-kwistjonijiet li għadhom miftuħa;

10.  Jaqbel, fil-prinċipju, ma' l-għanijiet tas-sostenibbiltà, l-armonizzazzjoni, it-traċċabilità, it-trasparenza, l-oġġettività u n-non-diskriminazzjoni, li jissemmew fil-punt 4 tal-Komunikazzjoni; iqis li l-ħolqien ta' tikketta ekoloġika unika ta' l-UE huwa kkumplikat mill-lat burokratiku;

11.  Huwa konvint li l-użu ta' tikketti ekoloġiċi ta' min joqgħod fuqhom huwa strument effettiv ħafna fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux regolat u mhux rapportat, minħabba li dan jirrikjedi dokumentazzjoni ċara ħafna li fiha jrid jintwera minn fejn hu ġej il-ħut, li tagħmel aktar diffiċli l-aċċess tas-sajd illegali fis-swieq;

12.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiċċara il-fehim tagħha ta' tikketta pubblika komunitarja, peress li fl-analiżi tagħha ta' l-għażla 2 ('Il-ħolqien ta' sistema waħda Komuunitarja ta' ttikettar ekoloġiku għal ħut u l-prodotti tas-sajd') u ta' l-għażla 3 ('Twaqqif ta' rekwiżiti minimi għal sistemi volontarji ta' ttikettar ekoloġiku) fil-Komunikazzjoni tinħoloq konfużjoni dwar jekk humiex qed ikunu meqjusa l-kunsiderazzjonijiet li saru f'fora internazzjonali dwar is-sidien ta' sistema ta' ttikettar ekoloġiku;

13.  Iqis li, ladarba jkun stabbilit programm ta' ttikettar u ċertifikazzjoni ekoloġika, il-Kummissjoni trid tippromwovih u tispjegah lill-parteċipanti kollha fil-proċess; barra minn hekk il-Kummissjoni għandha tiżgura wkoll li l-fiduċja tista' tkun garantita b'mod sħiħ fir-rigward ta' l-osservanza tar-regoli stipulati mill-entitajiet responsabbli mill-ittikettar u ċ-ċertifikazzjoni sabiex il-konsumaturi ma jkunux mqarrqa;

14.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, f'perjodu ta' sitt xhur, tfassal Komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skond il-konklużjonijiet ta' dibattitu wiesa', dwar ir-rekwiżiti minimi u linji gwida li magħhom trid tkun konformi sistema komunitarja ta' ttikettar ekoloġiku għall-prodotti tas-sajd;

15.  Iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni biex tqis kriterji internazzjonali f'dan ir-rigward, b'mod partikolari l-kriterji stabbilit mill-FAO fit-tfassil tal-bażi ta' sistema ta' ttikettar ekoloġiku għall-prodotti tas-sajd fl-UE, u fosthom li s-sistema:

   a) tkun konsistenti kemm mal-Kodiċi ta' Kondotta ta' l-FAO għal Sajd Responsabbli kemm mar-riżoluzzjonijiet ta' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, fosthom in-NU u d-WTO;
   b) hija volontarja u tiggarantixxi ħarsien akbar ta' l-ambjent mingħajr ma tagħti lok għall-interpretazzjoni li prodott mhux ittikettat ekoloġikament huwa ta' kwalità inferjuri;
   c) tkun trasparenti fil-fażijiet kollha tagħha, inkluża l-istruttura organika tagħha u d-dispożizzjonijiet finanzjarji;
   d) ma tkunx diskriminatorja u ma toħloqx ostakli għall-kummerċ, b'mod partikulari fir-rigward ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw, waqt li tiggarantixxi kompetizzjoni ġusta;
   e) tkun promossa mill-Kummissjoni, li tkun responsabbli biex tistabbilixxi r-regoli tat-tħaddim tas-sistema, waqt li tiggarantixxi l-indipendenza ta' entitajiet speċjalizzati fl-akkreditazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni, strumenti essenzjali ta' garanzija tal-proċess u tal-kredibbiltà ta' dak li hemm fit-tikketta;
   f) tinkopora ċerti kriterji ta' sostenibbiltà li jridu jkunu stabbiliti fl-livell ta' strettezza akbar minn dawk li japplikaw għas-sistema komunitarja ta' l-immaniġġjar tar-riżorsi u li jridu jkunu bbażati fuq analiżi xjentifiċi serji; dawn il-kriterji jistgħu jkunu kemm ġenerali kemm speċifiċi skond il-prodotti tas-sajd differenti;
   g) tiżgura li t-tikketti jkun fihom informazzjoni li tgħid il-verità, li tfisser li qed tingħata garanzija tal-katina ta' kustodja tal-prodott mill-bastiment tas-sajd sal-konsumatur aħħari, jiġifieri tiżgura l-monitoraġġ ta' ċertifikazzjoni, biex b'hekk taċċerta li l-prodott jikkonforma ma' l-ispeċifikazzjonijiet previsti;
   h) tinkorpora proċedimenti ta' awditjar u verifika ta' min joqgħod fuqhom u indipendenti;
   i) tiżgura l-ammont ta' riklamar essenzjali tas-sistema;
   j) tagħżel tikketta li fiha jkun inkluż ir-riżultat finali ta' l-evalwazzjoni tal-prodott miktub b'mod faċli u li jinftiehem mill-konsumatur;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri.

(1) ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

Avviż legali - Politika tal-privatezza