Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0469/2006

Dibattiti :

PV 06/09/2006 - 12
CRE 06/09/2006 - 12

Votazzjonijiet :

PV 07/09/2006 - 7.4

Testi adottati :


Testi adottati
PDF 298kWORD 77k
Il-Ħamis, 7 ta' Settembru 2006 - Strasburgu
Is-Sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani
P6_TA(2006)0348RC-B6-0469/2006

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani

Il-Parlament Ewropew,

-   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, partikularment ir-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-1 ta' Ġunju 2006 dwar il-kriżi umanitarja fit-territorji Palestinjani u l-irwol ta' l-UE(1),

-   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1701(2006), 1559(2004), 520(1982), 426(1978), 338(1973) u 242(1967),

-   wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlament Ewropew ta' l-20 ta' Lulju 2006,

-   wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Ko-chairperson tal-Konferenza ta' Ruma dwar il-Libanu li saret fis-26 ta' Lulju 2006,

-   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill straordinarju dwar l-Affarjiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni (GAERC) tal-25 ta' Awissu 2006,

-   wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Bureau ta' l-Assembleja Parlamentari Ewro-Mediterranja (EMPA) adottata fl-24 ta' Awissu 2006,

-   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenza ta' Stokkolma għar-Rikostruzzjoni Bikrija tal-Libanu li saret fil-31 ta' Awissu 2006,

-   wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra dwar il-liġi umanitarja internazzjonali,

-   wara li kkunsidra l-intervent tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fit-Territorji Okkupati Palestinjani, waqt is-sessjoni speċjali tal-Kunsill tan-NUgħad-Drittijiet tal-Bniedem, tal-5 ta' Lulju 2006, f'Ġinevra;

-   wara li kkunsidra l-Artikoli 15, 16 u 19 tat-Trattat UE,

-   wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi l-kunflitt fil-Libanu irriżulta f'katastrofi umanitarja li ħalliet mijiet mejta u mġarrba fuq iż-żewġ naħat, ħsara kbira fl-infrastruttura ċivili u mijiet ta' eluf ta' nies barra minn posthom, u liema katastrofi ma ntemmitx mal-waqfien l-isparar,

B.   maħsud ħafna bl-esplużjoni ta' l-ostilitajiet fin-nofsinhar tal-Libanu, bl-attakki tal-Hizbollah, ir-reazjoni esagerata fl-użu tal-forza mill-armata Iżraelita, li kienet theddida serja għall-paċi internazzjonali u għas-sigurtà,

C.   jinnota s-sejħa mill-Kummissarju l-Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU sabiex isir eżami ta' ksur tal-liġi internazzjonali waqt il-kunflitt,

D.   jikkunsidra l-gravità tal-bumbardamenti Iżraeliti u ta' l-isparar ta' ròkits mill-Hizbollah u l-militanti Palestinjani kontra l-popolazzjoni ċivili,

E.   billi r-riżoluzzjoni 1701 talbet lill-Gvern Libaniż sabiex jestendi l-awtorità tiegħu fuq it-territorju tal-pajjiż permezz tal-forżi leġittimi tiegħu, u ddeċidiet li żżid is-saħħa tal-Forza Interim tan-NU tal-Libanu (UNIFIL) u testendi l-mandat tagħha,

F.   billi r-riżoluzzjoni 1701 tistieden lill-Gvern Izraelit sabiex jirtira t-truppi tiegħu kollha minn Nofsinhar tal-Libanu sabiex jibda l-iskjerament tal-UNIFIL u jtemm l-imblokk ta' l-ajruporti u tal-portijiet fil-Libanu,

G.   jinsisti li l-Libanu kompletament demokratiku u sovran għandu rwol importanti fl-implimentazzjoni ta' soluzzjoni waħda għall-kriżi mal-Lvant Nofsani u fl-iżvilupp ta' Sħubija Ewro-Meditarranja b'saħħitha,

H.   jenfasizza li l-kriżi umanitarja fit-Territorji Okkupati qegħda teħżien minkejja l-Mekkaniżmu Temporanju Internazzjonali (TIM) imwaqqaf mill-Komunità Internazzjonali sabiex titkompla l-assistenza lill-poplu Palestinjan,

I.   peress li l-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani jinsab f'falliment politiku u diplomatiku għalkemm hemm bżonn ta' soluzzjoni ġusta u dejjiema għall-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina sabiex ikunu stabbiliti l-paċi u s-sigurtà fir-reġjun kollu,

J.   billi l-Unjoni Ewropea għandha responsabiltà speċjali għall-paċi u s-sigurtà fil-Lvant Nofsani, li huwa l-viċinat ta' l-Ewropa, u għalhekk l-istrumenti u l-metodi għall-koordinazzjoni tal-Politika Barranija u tas-Sigurtà Komuni (CFSP) għandhom jittejbu billi tkun adottata Pożizzjoni Komuni fil-qafas tas-CFSP u skond l-Artikolu 15 u 16 tat-Trattat ta' l-UE,

1.  Jesprimi t-tħassib serju dwar l-estensjoni u l-intensità tal-kunflitt militari fin-Nofsinhar tal-Libanu u jiddispjaċih għall-midruba ċivili fil-Libanu u fl-Iżrael, għas-suldati u l-osservaturi tan-NU fil-Libanu u/jew fl-Iżrael, u l-qerda kbira fl-infrastruttura; jerġa' jikkonferma li m'hemmx soluzzjoni militari għall-kunflitt fil-Lvant Nofsani;

2.  F'dan is-sens jenfasizza li l-ebda waqfien l-isparar ma jista' jinżamm għal żmien twil mingħajr rieda tajba politika tal-partijiet involuti direttament u ta' dawk involuti indirettament sabiex ifejqu l-għeruq u l-kawżi ta' din il-kriżi riċenti;

3.  Itenni t-talba għar-rilaxx immedjat tas-suldati Israeliti miżmuma u tal-membri tal-Gvern Palestinjan u tal-membri tal-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan miżmuma fil-ħabs mill-Iżrael;

4.  Jilqa' l-adozzjoni unanima tar-Riżoluzzjoni 1701 mill-NUSC, li taħseb għall-kundizzjonijiet sabiex jitwaqfu l-operazzjonijiet militari u ssaħħaħ il-UNIFIL permezz ta' mandat b'saħħtu immirat sabiex iżid il-kapaċità li jkun evitat ksur tal-waqfien l-isparar, jassisti l-Gvern Libaniż fl-eżerċizzju sħiħ tas-sovranità u fil-kontroll effettiv fuq it-territorju tal-pajjiż, inklużi l-ibħra territorjali, jappoġġja l-implimentazzjoni sħiħa tar-Riżoluzzjoni tal-UNSC 1559 u jikkontribwixxi lejn il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivi u ta' l-UNIFIL innifisha;

5.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Gvern Libaniż sabiex iqiegħed it-truppi tiegħu fin-nofsinhar tal-Libanu u l-ftehim ta' l-armata Iżraelita li tirtira wara l-Linja l-Blu kif maħsub mill-UNSC 1701; jilqa' l-appoġġ qawwi tal-gvern Libaniż għal rwol imsaħħaħ ta' l-UNIFIL;

6.  Jikkunsidra li l-mandat ta' l-UNIFIL għandu jirrapreżenta impenn serju sabiex tkun provduta għajnuna xierqa lill-Gvern Libaniż fl-istabbiliment ta' kontroll effettiv u arranġamenti ta' sigurtà kif determinat fir-Riżoluzzjonijiet UNSC 1559 u 1701;

7.  Jilqa' l-esitu tal-laqgħa tal-GAERC imsemma hawn fuq, partikolarment l-appoġġ sħiħ tal-Kunsill fl-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1701, u l-impenn ta' l-Istati Membri li jipprovdu madwar 7000 suldat minn massimu ta' 15000 truppa ta' l-UNIFIL;

8.  Jissottolinea l-irwol attiv li ħadu Franza u l-Italja; jappoġġja bi sħiħ id-deċiżjoni li Franza tkompli tmexxi l-UNIFIL sa Frar ta' l-2007 u wara tieħu t-tmexxija u l-kontroll l-Italja; jenfasizza li, minkejja kollox, id-duplikazzjoni ta' l-istrutturi ta' tmexxija għandhom ikunu evitati;

9.  Madankollu jenfasizza l-importanza li l-mandat u r-regoli ta' ingaġġ ikunu definiti tajjeb, li l-istruttura u l-kompetenzi ta' l-UNIFIL, jekk ikun neċessarju ikunu miftehma f'Riżoluzzjoni ġdida tan-NUSC Uniti li għandha tikkunsidra l-lezzjonijiet meħudha minn ingaġġi għaż-żamma tal-paċi preċedenti tan-Nazzjonijiet Uniti, notament fil-Bosnja u fil-Herzegovina;

10.  Jikkunsidra vitali li kull importazzjoni ta' armamenti fil-Libanu jaslu biss għand l-armata Libaniża uffiċjali u jitlob lill-gvern Libaniż sabiex jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tar-riżoluzzjoni 1559, b'koperazzjoin ma' l-UNIFIL; jenfasizza wkoll l-importanza li l-Istati Membri kollha ta' l-UE jieħdu passi skond ir-rekwiżiti tar-Riżoluzzjoni 1701 rigward il-provvista ta' l-armi (ġodda); u jenfasizza li dan għandu jwassal għad-disarmament tal-milizja kollha, inkluża dik tal-Hizbollah, u tevita d-dħul ta' l-armi fil-Libanu;

11.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jirrispettaw b'mod rett il-Kodiċi ta' Imġieba ta' l-Esportazzjoni ta' l-Armi f'dak li jirrigwarda l-konsenja ta' l-armi lir-reġjun;

12.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea biex tinvolvi ruħha f'ħidma mal-partijiet kollha kkonċernati u tappella lil dawn ta' l-aħħar sabiex jirrispettaw b'mod skrupluż l-impenji tagħhom għall-implimentazzjoni sħiħa tar-Rizoluzzjoni 1701 tal-UNSC, b'mod li jippermettu l-aċċess għall-għajnuna umanitarja b'urġenza u r-ritorn ta' persuni spustati taħt l-aħjar kundizzjonijiet ta' sigurtà; f'dan ir-rigward, jitlob b'insistenza t-tneħħija ta' l-imblukkar bil-baħar u bl-ajru fuq il-Libanu u, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Riżoluzzjoni 1701 tal-UNSC, ifakkar li l-ħolqien ta' miżuri effettivi, fil-qasam ta' l-armi, ta' materjal relatat, ta' taħriġ u assistenza, huwa prijorità;

13.  Jinnota li sforzi qawwija, urġenti u effettivi huma neċessarji għar-rikostruzzjoni tal-Libanu; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Konferenza ta' Stokkolma għar-Rikostruzzjoni tal-Libanu, fejn pajjiżi donaturi ddeċidew li jikkontribwixxu għall-bini mill-ġdid tal-pajjiż, u l-Kummissjoni u l-Istati Membri ħabbru li se jagħtu EUR120 miljun f'għajnuna umanitarja;

14.  Jistieden lill-Kunsill u l-Kummissjoni biex ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jistabbilixxu sħubija ħajja mal-forzi politiċi demokratiċi u mas-soċjetà ċivili sabiex jappoġġjaw demokrazija akbar fil-Libanu wara l-ġrajjiet ta' Marzu 2005;

15.  Jistieden b'urġenza lill-Iran u lis-Sirja biex ikollhom irwol kostruttiv, b'mod speċjali fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjonijiet 1559 u 1701; jistieden partikolarment lis-Sirja biex issaħħaħ il-kontrolli fuq in-naħa tagħha tal-fruntiera Libaniża-Sirjana bi qbil mar-Riżoluzzjoni 1701, li tobbliga lill-pajjiżi ġirien li jżommu milli armi jiġu forniti lil entitajiet mhux governattivi;

16.  Jistieden lill-Kunsill u l-Kummissjoni biex jerġgħu jibdew djalogu ġenwin mas-Sirja sabiex idaħħlu dan il-pajjiż fl-isforzi għall-paċi għal soluzzjoni komprensiva tal-konflitt; jistenna li r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU previst fir-Riżoluzzjoni 1701 dwar id-delineazzjoni tal-fruntieri internazzjonali fil-Libanu, inkluża l-kwistjoni dwar ir-reġjun ta' l-irziezet ta' Shebaa, jikkontribwixxi għall-progress f'din il-kwistjoni;

17.  Jitlob li ssir inkjesta komprensiva internazzjonali u ta' livell għoli, taħt il-patroċinju tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, fil-Libanu u l-Iżrael bil-mandat li tinvestiga rapporti dwar ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, it-tbatija tal-vittmi, il-ksur tal-liġi umanitarja;

18.  Iqis f'dan il-kuntest li l-Unjoni Ewropea, bħala donatur prinċipali, u l-komunita internazzjonali għandhom jistudjaw il-metodi għal kundizzjonijiet possibbli ta' responsabilità;

19.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-azzjoni bikrija taċ-ċentru ta' monitorjar u ta' informazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea biex jittratta l-problema taż-żejt li kkontamina aktar minn 50km tal-kosta Libaniża; Jenfasizza l-bżonn li jittieħdu miżuri għall-ġlieda kontra t-tniġġis ta' ċerti reġjuni u speċjalment kontra l-impatt diżastruż tat-safef ta' żejt max-xatt tal-Libanu; Jistieden l-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jipprovdu assistenza u reazzjoni fi ħdan il-qafas tal-Protokoll dwar il-prevenzjoni ta' u r-reazzjoni għat-tniġġis tal-Konvenzjoni ta' Barċellona u ċ-Ċentru Reġjonali għal Reazzjoni Urġenti għat-Tniġġis tal-Baħar għall-Mediterran li topera fi ħdan il-qafas tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Mediterran;

20.  Jiddeplora bil-qawwa s-sitwazzjoni deterjoranti tal-popolazzjoni u l-infrastruttura ċivili f'Gaza u fix-Xatt tal-Punent; Jitlob lin-naħat kollha biex iwaqqfu ċ-ċirku vizzjuż ta' attakki u kontrattakki li rriżultaw f'mijiet ta' mwiet u fi ħsarat estensivi fl-infrastruttura ċivili;

21.  Jenfasizza l-bżonn li l-Proċess ta' Paċi għall-Lvant Nofsani jerġa' jitpoġġa fuq nett fl-aġenda politika internazzjonali; Jistieden lill-Kwartett (NU, UE, USA u Russja) biex jerġa' jqajjem mill-ġdid ir-Roadmap fid-dawl ta' l-Assemblea Ġenerali annwali tan-NU ta' Settembru 2006; jerġa' jafferma li s-soluzzjoni ta' żewġ stati, bi stat Iżraeljan u stat Palestinjan jeżistu ma ġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà, hija kundizzjoni essenzjali għal soluzzjoni paċifika u dejjiema fil-Lvant Nofsani;

22.  Jistieden lill-Kunsill u l-Kummissjoni sabiex ikomplu jiggarantixxu mal-komunità internazzjonali l-għajnuna umanitarja essenzjali għall-popolazzjoni Palestinjana; jitlob li t-TIM jiġi msaħħaħ u estiż fiż-żmien u fir-riżorsi; jistieden lill-gvern Israeljan biex jerġa' jistabbilixxi b'urġenza t-trasferiment tat-taxxi u d-dħul mid-dwana Palestinjani miżmuma; jistieden l-Iżrael sabiex jippermetti l-moviment ta' persuni fir-rispett tal-Ftehim dwar il-Moviment u l-Aċċess f'Refah u bejn il-fruntieri f'Gaza;

23.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-President ta' l-Awtorità Palestinjana, Mahmoud Abbas, fl-isforzi tiegħu li jippromwovi djalogu nazzjonali bejn il-partiti Palestinjani differenti, bil-għan li jistabbilixxi gvern ġdid Palestinjan;

24.  Iqis li l-preżenza ta' forza multinazzjonali fil-Libanu tista' titqies bħala mudell li għandu jservi ta' eżempju fil-proċess ta' negozjati għal soluzzjoni tal-konflitt bejn Iżrael u l-Palestina;

25.  Jistieden lill-Kunsill sabiex jagħmel kull sforz biex isejjaħ għal konferenza internazzjonali għall-paċi - bħall-Konferenza ta' Madrid ta' l-1991 - biex tinstab soluzzjoni komprensiva, dejjiema u vijabbli għall-problemi fir-reġjun, ibbażata fuq riżoluzzjonijiet rilevanti tan-NUSC, li jinkludu d-dritt ta' Iżrael li jgħix f'konfini sikuri u rikonoxxuti u d-dritt ta' stat vijabbli għall-Palestinjani bbażat fuq it-Territorji Okkupati u jittrattaw kwistjonijiet dwar is-sigurtà u diżarm b'mod komprensiv; jikkunsidra li approċċ unilaterali mill-partijiet kollha konċernati għandu jiġi miċħud;

26.  Jikkunsidra essenzjali, f'dan il-kuntest, l-involviment tal-Lega tal-pajjiżi Għarab jikkunsidra li l-"Pjan ta' Bejrut" ta' l-2002, li sar qbil dwaru fost il-Pajjiżi Membri tal-Lega tal-pajjiżi Għarab, u l-Inizjattiva ta' Ġinevra bħala kontribuzzjonijiet għan-negozjati li għandhom jiġu kkunsidrati b'mod xieraq;

27.  Jikkunsidra li l-EMPA, l-unika istituzzjoni parlamentari tal-Proċess ta' Barċellona li tgħaqqad il-membri eletti tal-poplu tax-xatt ta' nofsinhar tal-Mediterran u l-Unjoni Ewropea, għandha tassumi r-responsabilità bil-ħsieb li tiffaċilita d-djalogu u l-koperazzjoni bejn il-partijiet konċernati mis-sitwazzjoni tal-Lvant Nofsani; jappoġġa t-talba tal-Bureau ta' l-EMPA biex isejjaħ laqgħa straordinarja tal-Kunsill tal-Euromed tal-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin tal-Proċess ta' Barċellona kemm jista' jkun malajr;

28.  Jemmen li fi żmien medju u twil, il-bini ta' istituzzjonijiet li jgħaqqdu l-pajjiżi tal-baċir Mediterran, bħal Bank għall-Iżvilupp Ewro-Mediterranju, ikunu l-aqwa garanzija għal paċi dejjiema u żvilupp uman; u jistieden lill-Istati Membri biex iħabirku għall-ħolqien ta' istituzzjonijiet bħal dawn, pjuttost milli jfittxu ftehimiet bilaterali;

29.  Huwa favur li tintbagħat delegazzjoni investigattiva l-Libanu, il-Palestina u Iżrael sabiex timmonitorja s-sitwazzjoni, u tiffoka b'mod speċjali fuq il-kundizzjonijiet umanitarji u politiċi;

30.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti ta' l-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti ta' Iżrael, tal-Libanu u ta' l-Awtorità Palestinjana, lis-Sirja u l-Iran, lill-Istati Uniti ta' l-Amerika u lir-Russja, lis-segretarju Ġenerali tal-Lega tal-pajjiżi Għarab.

(1) Testi Adottati, P6_TA(2006)0237.

Avviż legali - Politika tal-privatezza