Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2614(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0460/2006

Dibattiti :

PV 05/09/2006 - 4

Votazzjonijiet :

PV 07/09/2006 - 7.5
CRE 07/09/2006 - 7.5

Testi adottati :

P6_TA(2006)0349

Testi adottati
PDF 313kWORD 68k
Il-Ħamis, 7 ta' Settembru 2006 - Strasburgu
In-nirien fil-foresti u l-għargħar
P6_TA(2006)0349RC-B6-0460/2006

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar in-nirien tal-foresti u l-għargħar

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 6 u 174 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Jannar 2006 dwar ir-riżultat tal-Konferenza ta' Montreal dwar il-bidla fil-klima(1), ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Settembru 2002 dwar l-għargħar fl-Ewropa(2), ir-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' April 2005 dwar in-nixfa fil-Portugall(3), ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2005 dwar in-nixfa fi Spanja(4), ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2005 dwar id-diżastri naturali (in-nirien u l-għargħar) fl-Ewropa(5) u r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-18 ta' Mejju 2006 dwar id-diżastri naturali (in-nirien fil-foresti, in-nixfa u l-għargħar) - aspetti dwar l-agrikoltura(6), aspetti dwar żvilupp reġjonali(7) u aspetti dwar l-ambjent(8),

–   wara li kkunsidra l-Protokoll ta' Kyoto għall-Konvenzjoni ta' Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima (UNFCCC) tal-11 ta' Diċembru 1997 u r-ratifika mill-Komunità tal-Protokoll ta' Kyoto fil-31 ta' Mejju 2002,

–   wara li kkunsidra r-regolament 'Forest Focus', ir-Regolament (KE) Nru 2152/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003(9),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-18 ta' Novembru 1998 dwar Strateġija għall-Foresti għall-Unjoni Ewropea (COM(1998)0649), u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-16 ta' Frar 2006 dwar l-implimentazzjoni ta' Strateġija għall-Foresti ta' l-Unjoni Ewropea(10)0,

–   wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni tad-29 ta' Settembru 2004 għal regolament dwar l-Istrument Finanzjarju għall-Ambjent (LIFE+) (COM(2004)0621 u l-Posizzjoni tal-Parlament tas-7 ta' Lulju 2005(11)1,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1698/2005 tal-Kunsill dwar il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/144/KE dwar il-linji gwida strateġiċi tal-Komunità għall-iżvilupp rurali,

–   wara li kkunsidra l-istrument ta' reazzjoni rapida u ta' tlestija għal emerġenzi kbar (COM(2005)0113),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-titjib tal-Mekkaniżmi għall-Protezzjoni tal-Komunita' Ċivili (COM(2005)0137 u s-sejħa ta' Michel Barnier għall-ħolqien ta' korp għall-protezzjoni Ċivili Ewropea, li għandu jissejjaħ 'Assistenza Ewropea',

–   wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' Fond Ewropew ta' Solidarjeta' (COM(2005)0108) u l-Posizzjoni tal-Parlament tat-18 ta' Mejju 2006(12),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar pjan ta' Azzjoni għall-Bijomassa (COM(2005)0628) u dwar Strateġija ta' l-UE għall-bijofjuwils (COM(2006)0034),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2006 dwar l-istrateġija riveduta għall-iżvilupp sostenibbli(13),

–   wara li kkunsidra l-punt numru 12 tal-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell tal-15 u s-16 ta' Ġunju 2006 dwar ir-risposta ta' l-Unjoni f'każ ta' emerġenzi, kriżi u diżastri,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi fl-2006 l-Unjoni Ewropea ġarrbet nirien tal-foresti qerrieda, speċjalment fl-Istati Membri tan-nofsinhar, li kkawżaw imwiet u ħsara materjali konsiderevoli,

B.   billi fl-UE l-erja totali ta' veġetazzjoni u msaġar affettwati min-nirien hija ta' aktar minn 200,000 ettaru, li nofshom huma fi Spanja; billi l-Istati Membri l-oħra affettwati ma jinkludux biss il-Portugall, il-Greċja, Franza, l-Italja u Ċipru, iżda wkoll oħrajn li tradizzjonalment jitqiesu li għandhom riskju inqas, bħall-Olanda, l-Irlanda, il-Litwanja, ir-Renju Unit, l-Awstrija, l-Iżvezja, ir-Repubblika Ċeka u l-Polonja,

C.   billi n-nirien fil-foresti kienu serji ħafna f'reġjuni bħall-Galicia, fejn sa l-14 ta' Awissu 2006 kienu affettwati 88,473 ettaru, u dan wassal biex mietu 4 persuni, indarbu 514-il ruħ, inqatlu annimali u saret ħsara materjali u ekoloġika konsiderevoli, anke fi 17-il Sit ta' Importanza Komunitarja (SCIs) inklużi fin-Netwerk Natura 2000 u f'zoni oħra ta' importanza ekoloġika, li uħud minnhom jiffurmaw kanali għal speċji bejn siti protetti,

D.   billi fi snin reċenti nixfiet persistenti u temperaturi għoljin wasslu għall-proliferazzjoni ta' nirien fil-foresti fl-Ewropa, u b'hekk żdiedet id-deżertifikazzjoni f'ħafna reġjuni u ġew affettwati l-agrikoltura, it-trobbija ta' l-annimali u l-wirt tal-foresti,

E.   billi l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) bassret li fl-Ewropa tan-nofsinhar se jiżdied l-istress min-nixfa, li n-nirien fil-foresti se jseħħu iktar spiss u li se jiżdied l-istress mis-sħana, filwaqt li fit-tramuntana ta' l-Ewropa se tiżdied ix-xita, u f'ħafna reġjuni ta' l-Ewropa se jiżdiedu l-kobor u l-frekwenza ta' l-għargħar minħabba l-bidla fil-klima,

F.   billi l-vulnerabilità ta" l-Ewropa għan-nixfa li qed dejjem aktar tkun minħabba użu mhux sostenibbli ta" l-ilma, tal-ħamrija u tar-riżorsi bijoloġiċi, kif ukoll minħabba bidla fil-klima, li wkoll toħloq riskju għall-provvista ta' l-ikel ta" l-Ewropa,

G.   billi dawn in-nirien parzjalment ġew ikkaġunati min-nixfa u mit-temperaturi għolja ta' dan is-sajf kif ukoll mill-bidliet soċjoekonomiċi u kulturali li seħħew fl-aħħar snin fi nħawi rurali: abbandun ta' nħawi rurali, żamma insuffiċjenti ta' foresti, tħawwil ta' varjetajiet insuffiċjenti ta' siġar u inċidenza konsiderevoli ta' attività kriminali,

H.   billi l-abbandun ta' nħawi rurali, kif ukoll tnaqqis fil-profitt miksub mill-foresti u l-ispejjeż kbar għaż-żamma tagħhom, affettwaw l-immaniġġjar tajjeb min-naħa tas-sidien, bil-konsegwenza li kien hemm żieda fil-bijomassa fil-veġetazzjoni ta' taħt is-siġar il-kbar u tfaċċaw żoni kbar ta' msaġar b'siġar li jikbru sfiq f'xulxin u li jaqbdu malajr, filwaqt li f'dawk il-postijiet fejn il-foresti huma rilevanti soċjoekonomikament in-nirien huma sustanzjalment inqas komuni,

I.   billi l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali ta' diżastri naturali li huma ta' ħsara għall-ekonomiji reġjonali, l-attività produttiva u t-turiżmu,

J.   billi l-ħsara kbira lid-djar, lill-infrastruttura u lill-agrikoltura kkawżata mill-għargħar, b'mod partikulari fl-Awstrija, fl-Ungerija, fil-Polonja u f'partijiet oħra ta' l-Ewropa,

K.   billi n-nirien u l-għargħar huma spiss transnazzjonali fin-natura tagħhom u għalhekk huwa neċessarju li jissaħħu l-miżuri konġunti għall-ġlieda kontra d-diżastri naturali u li jissaħħu l-mekkaniżmi tal-Komunità għall-protezzjoni ċivili,

L.   billi l-politika għall-iżvilupp rurali m'hijiex se tkun biżżejjed biex tingħeleb din il-problema u l-intestatura għall-għajnuna lill-bdiewa għall-ħolqien u l-manutenzjoni ta' waqqafa tan-nar m'għadhiex tidher fir-regolament ta' qafas għall-Fond Ewropew Agrikolu l-ġdid għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD),

M.   billi l-Kunsill Ewropew ta' Brussell tal-15 u s-16 ta' Ġunju 2006 adotta r-rapport tal-President dwar it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' reazzjoni ta' l-Unjoni f'każijiet ta' emerġenza u kriżi, u laqa' r-rapport ippreżentat minn Michel Barnier f'Mejju 2006,

N.   billi, wara l-konklużjonijiet tal-Presidenza ta' dak il-Kunsill, il-grupp ta' tmexxija ta' kriżi ad hoc ibbażat fi Brussell għandu jibda jaħdem mill-1 ta' Lulju 2006,

O.   billi l-Parlament bi ħsiebu jkompli x-xogħol tiegħu dwar id-diżastri naturali, li sar b'mod partikulari minn Awissu 2005 'l hawn, permezz ta' seduta ta' smigħ pubblika dwar in-nirien u l-għargħar li għandha ssir f'Ottubru 2006,

P.   billi m'hemm l-ebda leġiżlazzjoni Ewropea speċifika biex taffronta n-nixfiet u n-nirien, għalkemm qed titlesta direttiva speċifika dwar il-prevenzjoni ta' l-għargħar,

1.  Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-qraba ta' dawk li mietu kif ukoll ma' l-abitanti taz-zoni li saritilhom il-ħsara, b'mod partikulari fil-Galicia, u jirringrazzja lil dawk kollha - professjonisti u voluntiera - li għenu biex jintfew in-nirien u biex jiġu salvati l-vittmi ta' l-għargħar;

2.  Jagħraf is-solidarjetà li wrew l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u pajjiżi oħra mar-reġjuni milquta kemm fl-Istati Membri kif ukoll fil-pajjiżi applikanti u l-għajnuna ta' min ifaħħarha li ġiet ipprovduta lill-awtoritajiet u s-servizzi tas-salvataġġ tagħhom; huwa tal-fehma li d-dimensjonijiet ta' dawn il-fenomeni u l-konsegwenzi tagħhom imorru lil hinn mil-livell reġjonali u nazzjonali u jitolbu impenn Ewropew effettiv u urġenti;

3.  Huwa mħasseb dwar l-għadd, li qed jikber, ta' diżastri li, skond l-esperti, jista' jiġi attribwit l-aktar għall-bidla fil-klima; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri biex jagħmlu dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu l-għanijiet ta' Kyoto, u jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu inizjattivi sabiex tiggarantixxi l-konformità ma' l-impenji ta' Kyoto u li jkun hemm żviluppi fuqhom; jemmen li l-ħsara kkaġunata mill-avvenimenti ta' dan l-aħħar tkompli tenfasizza li l-mitigazzjoni se tkun tiswa ħafna inqas mill-konsegwenzi tat-tisħin globali;

4.  Huwa tal-fehma li r-riżoluzzjoni tiegħu fuq imsemmija tal-15 ta' Ġunju 2006 fiha elementi u prinċipji importanti li għandhom jiġu kkunsidrati u jitlob għall-implimentazzjoni f'waqtha ta' l-istrateġija;

5.  Jemmen li l-prevenzjoni globali u reġjonali, aktar milli t-tiswija tal-ħsara, għandu jkollha l-irwol ewlieni; jinnota wkoll li l-ħsara kkaġunata mid-diżastri naturali setgħet tkun parzjalment evitata u li għandha sservi bħala inċentiv għall-iżvilupp u għall-implimentazzjoni ta' politiki ta' prevenzjoni u ta' leġiżlazzjoni adegwata dwar il-konservazzjoni u l-użu xieraq ta' l-art, inklużi prattiki sostenibbli għall-farms u għall-foresti u mmaniġġjar effiċjenti tar-riskji;

6.  Jemmen li diżastri bħal dawn jistgħu jiġu indirizzati b'mod effiċjenti biss fil-livell Komunitarju, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà: jagħtu lok għal rispons effettiv fuq livell Ewropew imtejjeb, jekk ikun meħtieġ permezz ta' strumenti Komunitarji ġodda għall-prevenzjoni u l-affrontar tal-problema;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni biex timmobilizza l-Fond ta' l-Unjoni Ewropea għas-Solidarjetà sabiex jiġi applikat bi flessibilità, u b'hekk iħaffef l-implimentazzjoni tiegħu sabiex jindirizza l-ħsara serja kkaġunata min-nirien, meta wieħed iżomm quddiem għajnejh li l-ħsara taffettwa l-mod kif tgħix il-popolazzjoni, speċjalment fir-reġjuni l-inqas prosperi li jridu jħabbtu wiċċhom ma' l-effetti negattivi fuq l-infrastruttura, il-potenzjal ekonomiku, ix-xogħol, il-wirt naturali u kulturali, l-ambjent u t-turiżmu, li lkoll għandhom effett negattiv fuq il-koeżjoni ekonomika u soċjali;

8.  Jagħmel stedina sabiex jiġu allokati riżorsi adegwati lill-protezzjoni ċivili għal emerġenzi kbar, u huwa ddispjaċut bir-rispons biered tal-Kunsill għall-proposta biex jinħoloq korp Ewropew tal-protezzjoni ċivili (Rapport Barnier);

9.  Jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni sabiex tittejjeb il-kapaċità ta' l-UE li tirreaġixxi malajr f'każ ta' diżastri;

10.  Jagħmel stedina għal użu aħjar tar-riżorsi finanzjarji u tekniċi eżistenti u għal titjib xjentifiku fir-rigward tal-prevenzjoni tad-diżastri u tat-taffija tal-konsegwenzi tagħhom;

11.  Jistieden sabiex tiġi adottata skond il-proċedura ta' ko-deċiżjoni, u lill-Istati Membri biex jimplimentaw kemm jista' jkun malajr, il-leġislazzjoni proposta li tistabilixxi mekkaniżmu Komunitarju ta' protezzjoni ċivili u rigward l-evalwazzjoni u l-immaniġġjar ta' l-għargħar;

12.  Jistieden lill-Presidenza Finlandiża ta' bħalissa biex tagħti attenzjoni partikulari lill-iżvilupp tal-kapaċità ta' l-Unjoni biex tirreaġixxi malajr għal tali diżastri u lill-proposti magħmula mill-Kummissjoni u mill-Parlament Ewropew dwar it-tisħiħ tal-kapaċità tal-Komunità fil-protezzjoni ċivili u sabiex tipproponi l-adozzjoni ta' l-istrumenti legali sa tmiem l-2006, skond il-mandat mogħti mill-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta' Ġunju 2006;

13.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex toħloq programm ta' tpartit ta' esperjenza dwar l-implimentazzjoni ta' teknoloġiji ġodda għall-kontroll tar-riskji u ta' l-effetti tan-nirien tal-foresti u għall-azzjoni ulterjuri dwarhom, kif ukoll it-tħejjija ta' proċedura Ewropea ta' approvazzjoni għall-kwalifikazzjoni ta' personal tekniku, sabiex jitjieb it-taħriġ tagħhom;

14.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li l-għanijiet tar-Regolament 'Forest Focus' fil-qasam tal-prevenzjoni ma ntlaħqux; jinnota li l-għadd ta' nirien fl-inħawi li nħarqu, minflok ċkien, kiber minn mindu daħal fis-seħħ; jistieden lill-Kummissjoni biex, fir-rapport li tippreżenta qabel tmiem l-2006, tinkludi proposti speċifiċi sabiex issolvi dawn il-problemi;

15.  Jinnota li, minkejja l-fatt li s-Sistema għal Informazzjoni dwar Nirien fil-Foresti Ewropea (EFFIS) irnexxielha tarmonizza d-dejta dwar in-nirien fl-Istati Membri u tipprovdi tagħrif aġġornat dwar il-fatturi ta' riskju naturali, ma tippermettix l-investigazzjoni tan-nisel antropoġeniku, ma tiddeterminax il-fatturi soċjoekonomiċi ta' riskju u ma tevalwax ir-riperkussjonijiet tan-nirien; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposta sabiex tissuplimenta din is-sistema b'dejta oħra li tagħmilha possibbli li jiġu kkoreġuti dawn in-nuqqasijiet;

16.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreżenta, fil-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Bijomassa, proposti konkreti għall-foresti fin-nofsinhar ta' l-Ewropa rigward l-użu ta' bijomassa tal-foresta għal skopijiet ta' enerġija, li jinvolvu għajn ġdida ta' dħul għas-sid u fl-istess ħin jikkontribwixxu għal immaniġġjar aħjar tal-foresti;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-'Pjan ta' Azzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar sostenibbli tal-foresti' l-ġdid, tmexxi 'l quddiem il-politika Ewropea dwar il-foresti, u b'hekk tagħti preminenza lill-bosta funzjonijiet tal-biedja Ewropea b'għan li jinqasam fi tnejn: biex iżżomm u tipprovdi x-xogħol għall-popolazzjoni rurali u żżid sustanzjalment il-massa ta' foresta; hekk ukoll jitlob li jittieħdu miżuri li jgħinu l-prevenzjoni tan-nirien fis-silvikultura sabiex is-sidien u l-organizzazzjonijiet tagħhom jiġu mgħejuna jimplimentaw attivitajiet bħat-tqaċċit tas-siġar minn fuq, iż-żbir mhux kummerċjali, il-qtugħ, it-tneħħija tal-bijomassa tal-foresta, il-ħolqien ta' linji ta' kontroll u ta' waqqafa tan-nirien, il-bini ta' toroq fil-foresti u d-depożitu ta' l-ilma;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq komunikazzjoni sabiex fis-soċjetà jinħoloq għarfien dwar il-valur tal-foresti tagħna u tar-riżorsi tagħhom u tal-benefiċċji li ġġib magħha l-konservazzjoni tagħhom, b'mod li jippromwovi l-involviment tas-soċjetà ċivili permezz tal-volontarjat organizzat jew ta' modi oħra, pereżempju l-involviment ta' assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-foresti u ta' l-inħawi naturali;

19.  Jistieden lill-Istati Membri biex isaħħu l-pieni għal atti kriminali li jagħmlu ħsara lill-ambjent u b'mod partikulari għal dawk li jikkaġunaw nirien tal-foresti, u jemmen li investigazzjoni fil-pront u effettiva li tiddetermina r-responsabilitajiet, segwiti minn kastig proporzjonat, jiskuraġġixxi mġiba negliġenti u deliberatament kriminali;

20.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tressaq proposti speċifiċi għal direttiva dwar il-ġlieda kontra n-nirien tal-foresti u nixfiet fl-Unjoni, bil-ħsieb li titjieb il-koordinazzjoni tal-politiki ta' l-Istati Membri u li jsir l-aħjar użu mill-istrumenti Komunitarji eżistenti;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel analiżi fil-fond tal-konsegwenzi u tar-riperkussjonijiet tad-diżastri naturali, speċjalment dawk li jolqtu l-foresti ta' l-Unjoni, inkluż l-impatt fuq in-Netwerk tan-Natura 2000, u biex tressaq proposti għall-iżvilupp ta' politika Komunitarja għall-kontroll tan-nirien tal-foresti u għal protokoll konġunt dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra nirien bħal dawn;

22.  Huwa favur strateġija komunitarja għall-koordinazzjoni tal-miżuri għall-prevenzjoni tan-nirien fil-qafas tar-regolament dwar l-iżvilupp rurali; jagħmel stedina għal politika ta' rijafforestazzjoni msejsa fuq ir-rispett għall-karatteristiċi bijoklimatiċi u ambjentali, li tuża varjetajiet li jirreżistu aħjar in-nar u n-nixfa u li jkunu adattati aktar għall-klima;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tintroduċi mill-ġdid l-għajnuniet lill-bdiewa biex joħolqu u jżommu waqqafa tan-nar bħala parti mir-regoli ta' implimentazzjoni għall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (l-EAFRD) il-ġdid;

24.  Huwa tal-fehma li l-Azzjoni Volontarja ta' Protezzjoni Ċivili għandha tiġi promossa u appoġġjata mingħajr telf ta' żmien, b'attivitajiet bażiċi ta' taħriġ u b'tagħmir li jista' jutilizza teknoloġiji avvanzati, minħabba li din hija wieħed mill-ikbar riżorsi disponibbli għall-Istati Membri biex jaffrontaw stati ta' emerġenza maħluqa minn diżastri naturali;

25.  Jiddipjaċih li r-Russja ttraskurat il-koperazzjoni mal-pajjiżi ġirien tagħha meta seħħewlha n-nirien tal-foresti ta' dan l-aħħar; jitlob li l-Kummissjoni tqajjem din il-kwistjoni fil-qafas tal-Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn l-UE u r-Russja;

26.  Jistieden lill-Bureau tiegħu sabiex jawtorizza delegazzjoni għall-iktar zoni li ntlaqtu ħażin, qabel is-smigħ pubbliku li hu ppjanat għal Ottubru 2006, li matulu se jiġi kkunsidrat ir-rapport Barnier;

27.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali milquta min-nirien u mill-għargħar.

(1) Testi adottati, P6_TA(2006)0019.
(2) ĠU C 272 E, 13.11.2003, p. 471.
(3) ĠU C 33 E, 9.2.2006, p.599.
(4) ĠU C 92 E, 20.4.2006, p. 414.
(5) ĠU C 193 E, 17.8.2006, p.322.
(6) Testi adottati, P6_TA(2006)0222.
(7) Testi adottati, P6_TA(2006)0223.
(8) Testi adottati, P6_TA(2006)0224.
(9)9 ĠU L 324, 11.12.2003, p. 1.
(10)10 Testi adottati, P6_TA(2006)0068.
(11)11 ĠU C 157 E, 6.7.2006, p. 451.
(12) Test adottati, P6_TA(2006)0218.
(13) Testi adottati. P6_TA(2006)0272.

Avviż legali - Politika tal-privatezza