Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0467/2006

Dibattiti :

PV 05/09/2006 - 17
CRE 05/09/2006 - 17

Votazzjonijiet :

PV 07/09/2006 - 7.7

Testi adottati :


Testi adottati
PDF 206kWORD 40k
Il-Ħamis, 7 ta' Settembru 2006 - Strasburgu
L-iffalsifikar tal-prodotti mediċinali
P6_TA(2006)0351RC-B6-0467/2006

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-iffalsifikar tal-prodotti mediċinali

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-istqarrija dwar il-ġlieda kontra l-iffalsifikar tal-Kapijiet ta' Stat u tal-Gvern tal-G8 waqt is-samit ta' San Pietruburgu fil-15,16 u 17 ta' Lulju 2006.

–   wara li kkunsidra l-istqarrija ta' Ruma waqt il-Konferenza Internazzjonali tad-WTO tat-18 ta' Frar 2006,

–   wara li kkunsidra l-inizjattivi tal-Kummissjoni fil-qasam ta' l-osservanza tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali u l-pjan ta' azzjoni tiegħu kontra l-iffalsifikar u l-piraterija, adottati f'Ottubru 2005,

–   wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tat-13 ta' Settembru 2005 (C-176/03) li saħħet il-kapaċità tal-Komunità Ewropea li tilleġiżla sanzjonijiet penali fil-qasam ta' l-iffalsifikar,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tad-WTO dwar is-saħħa pubblika, l-innovazzjoni, ir-riċerka essenzjali u l-proprjetà intelletwali, li ġiet ivvutata fid-29 ta' Mejju 2006,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   wara li kkunsidra l-konsegwenzi estremament gravi ta' l-iffalsifikar tal-mediċini, li jirriskja wkoll li jipperikola s-saħħa u l-ħajja ta' miljuni ta' persuni;

B.   wara li kkunsidra li skond id-WHO mediċina falsifikata hi mediċina li, deliberatament u b'mod frawdalenti, ikollha tikketta li jkun fiha informazzjoni falza rigward l-identità u s-sors veru tagħha. Din tista' tkun speċjalità oriġinali jew ta' prodott ġeneriku u, fost il-prodotti foloz, hemm uħud li jkun fihom ingredjenti tajbin jew ingredjenti ħżiena, jew inkella l-ebda prinċipji attivi u hemm oħrajn li l-prinċipji attivi tagħhom ikunu fi kwantità mhux suffiċjenti jew li l-pakkett tiegħu jkun ġie ffalsifikat,

C.   wara li nnota li dawn il-mediċini foloz qed jiċċirkolaw essenzjalment fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u li qed jintużaw bir-riskju ta' mard mortali bħall-malarja, it-tuberkulożi u l-HIV/AIDS,

D.   wara li kkunsidra li l-iffalsifikar tal-mediċini llum jolqot, skond l-istimi tad-WTO, 10% tas-suq dinji u filwaqt li skond il-US Food and Drug Administration il-perċentwal hu ta' 10%; filwaqt li sa 70% tal-mediċini kontra l-malarja li jiċċirkolaw fil-Kamerun huma fil-fatt foloz, ċifra li hi kkonfermata għal sitt pajjiżi oħra Afrikani mid-WHO fl-2003; filwaqt li 25% tal-mediċini li jintużaw fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw aktarx li huma foloz (50% fil-Pakistan jew fin-Niġerja),

E.   wara li nnota li, skond id-WHO, minn miljun mewta annwali kkaġunata mill-malarja, 200 000 minnhom huma kkawżati minn mediċini mogħtija ħażin jew mit-teħid ta' mediċini foloz,

F.   wara li kkunsidra li l-iffalsifikar tal-mediċini qed jolqot lill-kontinenti kollha u prinċipalment l-Afrika, l-Asja, l-Amerika t'Isfel u r-Russja,

G.   wara li kkunsidra li l-fatturi l-iktar komuni indikati mid-WHO li jiffavorixxu l-eżistenza ta' mediċini foloz huma: in-nuqqas ta' leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-iffalsifikar tal-mediċini, id-dgħjufija tas-sanzjonijiet penali, id-dgħjufija jew l-assenza ta' l-awtoritajiet nazzjonali ta' rregolar farmaċewtiku, in-nuqqas ta' mediċini jew il-provvisti mhux konsistenti tagħhom, in-nuqqas ta' kontroll tal-mediċini għall-esportazzjoni, it-trażazzjonijiet kummerċjali li jimplikaw diversi intermedjarji, il-korruzzjoni u l-kunflitti ta' interess;

H.   billi dan l-ittraffikar ta' mediċini foloz hu wkoll konsegwenza ta' nuqqas ta' konoxximent u impenn politiċi, sistemi regulatorji dgħajfa, kapaċità inadegwata ta' infurzar u, speċjalment f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, in-nuqqas ta' aċċess tal-popolazzjonijiet għal mediċini ġenwini, ikkontrollati mill-awtoritajiet pubbliċi;

I.  Jiddispjaċih li l-Unjoni Ewropea daħlet biss tard ħafna fil-qasam tal-ġlieda internazzjonali kontra l-iffalsifikar, filwaqt li l-porożità qed iżżid il-fruntieri u t-teknoloġiji l-ġodda (Internet) qed jirriskjaw li jkabbru l-fenomenu tal-piraterija;

1.  Iqis li l-Unjoni Ewropea għandha, b'kull urġenza, issib il-mezzi biex tmexxi sew il-ġlieda tagħha kontra l-prattiċi illiċiti fil-qasam tal-piraterija u ta' l-iffalsifikar tal-mediċini;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tmur lilhinn mill-komunikazzjoni tagħha intitolata 'Strateġiji għall-infurzar ta' l-osservanza tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali fil-pajjiżi terzi'; jinkoraġġixxi, b'mod partikulari, lill-Unjoni Ewropea biex tieħu l-miżuri adegwati biex tiġġieled kontra l-pesta ta' l-iffalsifikar tal-mediċini fit-territorju tagħha;

3.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea biex tieħu inizjattivi biex, fil-pajjiżi li jkollhom riżorsi dgħajfa, issaħħaħ il-kapaċitajiet ta' rregolar u ta' kontroll tal-kwalità tal-prodotti u materjal mediċinali li jitpoġġew fis-suq u li ttejjeb l-aċċess għal mediċini għal prezz aċċessibbli;

4.  Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea biex ikollha rwol mexxej fil-promozzjoni ta' Konvenzjoni dinjija li jkollha l-għan li fil-leġiżlazzjoni ta' kull pajjiż toħloq inkriminazzjoni penali speċifika (reat jew delitt) li tikkonċerna l-iffalsifikar ta' mediċini jew il-ħabi jew it-tixrid ta' mediċini foloz;

5.  Jitlob li tissaħħaħ il-kooperazzjoni kemm fuq il-livell nazzjonali kif ukoll fuq dak transnazzjonali bejn l-awtoritajiet differenti imdaħħla fl-azzjonijiet ta' kontra l-iffalsifikar;

6.  Jinsisti fuq l-importanza tal-miżuri preventivi fil-programmi ta' azzjoni: fl-istabbiliment ta' strutturi, il-kooperazzjoni, kampanji ta' sensibilizzazzjoni li preferibilment jitmexxew mill-awtoritajiet pubbliċi, il-volontà politika, fl-aħħar minn l-aħħar, biex l-azzjonijiet tagħhom iħallu frott;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lis-Segretarju Ġenerali tad-WHO.

Avviż legali - Politika tal-privatezza