Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-ħidma tal-Konferenza ta' The Hague wara l-adeżjoni tal-Komunità
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea fil-Konferenza ta' The Hague dwar il-Liġi Internazzjonali Privata (COM(2005)0639),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2006 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea fil-Konferenza ta' The Hague dwar il-Liġi Internazzjonali Privata(1),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-adeżjoni tal-Komunità għall-Konferenza ta' The Hague dwar il-Liġi Internazzjonali Privata(CODIP) għandha ttejjeb il-konsistenza fl-oqsma tal-liġi internazzjonali ċivili u kummercjali u tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità u għandha żżid b'mod konsiderevoli l-influwenza tal-Komunità f'dan il-forum,
B. billi l-konvenzjonijiet CODIP huma punt ta' riferenza indispensabbli fid-dritt ċivili u kummerċjali,
C. billi, sa mit-Trattat ta' Amsterdam, il-Komunità kellha l-ħila tadotta miżuri relatati ma' koperazzjoni ġudizzjali fi kwistjonijiet ċivili li għandhom implikazzjonijiet transkonfinali kemm kien meħtieġ għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern,
D. billi l-Parlament huwa involut bħala ko-leġiżlatur għall-adozzjoni ta' dawn il-miżuri, fejn huwa mhux sempliċement ikkonsultat,
E. billi numru ta' strumenti adottati jew kontemplati mill-Komunità jidħlu f'xulxin bi kwistjonijiet li ġew ittrattati jew jistgħu jiġu ttrattati fil-futur mill-Konferenza ta' The Hague,
F. billi barra minn dan il-Komunità sejra tintalab tipparteċipa b'mod attiv biex jiġu ffissati l-prijoritajiet tal-CODIP u biex tiżgura li dawn jgħaqqdu mal-programm ta' The Hague dwar koperazzjoni ġudizzjali, mal-pjan ta' azzjoni dwar servizzi finanzjarji u l-istrateġija tas-suq intern u, b'mod aktar ġenerali, mal-programm tax-xogħol tal-Kummissjoni,
G. billi jeħtieġ li l-Kummissjoni tikkonsulta lill-Parlament dwar abbozz ta' mandati għan-negozjazzjoni u dwar il-bżonn ta' klawsoli ta' distakkament,
H. billi hemm għalhekk il-bżonn li l-Parlament ikun involut mill-viċin fil-proċeduri tal-Konferenza ta' The Hague u li jkun ikkonsultat dwar il-riżultat tad-deliberazzjonijiet tagħha biex jiżgura wkoll skrutinju aktar demokratiku tal-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni fil-Konferenza bħala l-uniku rappreżentant tal-Komunità nnifisha, u miżura akbar ta' trasparenza u ftuħ għall-proċeduri tagħha, li huma ta' interess konsiderevoli għaċ-cittadini komuni u għall-esperti legali,
1. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jistaqsu lill-Parlament biex jagħti l-fehmiet tiegħu każ b'każ dwar il-bżonn li l-Komunità tidħol fil-konvenzjonijiet eżistenti li ġew ratifikati minn numru sinifikanti ta' l-Istati Membri;
2. Jiddeċiedi li jinvestiga sewwa mal-Konferenza modi oħra ta' koperazzjoni u li jkun ta' l-ewwel biex iwaqqaf 'forum parlamentari' b'membri parlamentari nazzjonali li jsegwu x-xogħol tal-Konferenza u wkoll jagħtu informazzjoni dwaru;
3. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jipproponu proċeduri xierqa biex il-Parlament ikun jista' jagħmel l-irwol tiegħu proprju fil-kuntest tal-Konferenza ta' The Hague dwar id-Dritt Privat Internazzjonali;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.