Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2050(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0260/2006

Testi mressqa :

A6-0260/2006

Dibattiti :

PV 07/09/2006 - 5
CRE 07/09/2006 - 5

Votazzjonijiet :

PV 07/09/2006 - 7.11
CRE 07/09/2006 - 7.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2006)0355

Testi adottati
PDF 310kWORD 60k
Il-Ħamis, 7 ta' Settembru 2006 - Strasburgu
Il-wirt naturali, arkitettoniku u kulturali Ewropew f'reġjuni rurali u insulari
P6_TA(2006)0355A6-0260/2006

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ħarsien tal-wirt naturali, arkitettoniku u kulturali Ewropew f'reġjuni rurali u insulari (2006/2050(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 151 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' l-UNESCO tas-16 ta' Novembru 1972 dwar il-Ħarsien tal-Wirt Kulturali u Naturali Dinji,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa tat-3 ta' Ottubru 1985 dwar il-Ħarsien tal-Wirt Arkitettoniku ta' l-Ewropa (Granada),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa tas-16 ta' Jannar 1992 dwar il-Ħarsien tal-Wirt Arkitettoniku ta' l-Ewropa (Valletta),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Pajsaġġ ta' l-20 ta' Ottubru 2000 adottata mill-Kunsill ta' l-Ewropa (Firenze),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Qafas tal-Kunsill ta' l-Ewropa tas-27 ta' Ottubru 2005 dwar il-Valur tal-Wirt Kulturali għas-Soċjetà (Faro),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-13 ta' Mejju 1974 dwar il-ħarsien tal-wirt kulturali Ewropew(1), ta' l-14 ta' Settembru 1982 dwar il-ħarsien tal-wirt arkitettoniku u arkeoloġiku Ewropew(2), tat-28 ta' Ottubru 1988 dwar il-konservazzjoni tal-wirt arkitettoniku u arkeoloġiku tal-Komunità(3), tat-12 ta' Frar 1993 dwar il-preservazzjoni tal-wirt arkitettoniku u l-ħarsien tal-beni kulturali(4) u tas-16 ta' Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Ħarsien tal-Wirt Kulturali u Naturali Dinji fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea(5),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 508/2000/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-14 ta' Frar 2000 li tistabbilixxi l-programm Culture 2000(6),

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2005 fl-ewwel qari bil-mira li tiġi adottata d-Deċiżjoni Nru .../2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-programm Culture 2007 (2007-2013)(7),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A6-0260/2006),

A.   billi l-wirt kulturali huwa element ewlieni fl-identità u fl-iżvilupp storiku tal-ġnus ta' l-Ewropa,

B.   billi l-'wirt kulturali' jinkludi kemm elementi tanġibbli kif ukoll intanġibbli, li b'mod kostanti jistagħnew mill-kontribuzzjonijiet kulturali u kreattivi ta' kull ġenerazzjoni suċċessiva,

C.   billi l-wirt kulturali jinkludi kemm il-wirt arkitettoniku kif ukoll il-wirt naturali ikkaratterizzati mill-mod ta' għajxien tal-bniedem matul iż-żminijiet u f'postijiet differenti,

D.   billi l-Unjoni Ewropea hija ddedikata għall-ħidma li tippromwovi u tikkonserva d-diversità kulturali u l-kwalità tal-ħajja u tħares l-ambjent,

E.   billi l-konservazzjoni ta' bosta elementi tal-wirt kulturali toħloq il-pedament għal aktar żvilupp soċjali u ekonomiku u b'hekk issaħħaħ il-ħarsien ambjentali, l-opportunitajiet ta' impjieg u l-integrazzjoni Ewropea,

F.   billi l-wirt kulturali huwa ta' importanza sinifikanti f'zoni rurali li, filwaqt li jagħmlu 90% tat-territorju Ewropew, qed ibatu mill-konsegwenzi ta' l-abbandun, tat-tnaqqis fil-popolazzjoni u ta' l-istaġnar ekonomiku,

G.   billi l-gżejjer Ewropej, b'mod partikulari l-iżgħar fosthom, irnexxielhom bejn wieħed u ieħor jippreservaw mingħajr bidliet il-konfigurazzjonijiet oriġinali tagħhom u l-wirt kulturali konsiderevoli tagħhom jeħtieġu appoġġ, ħarsien u promozzjoni,

H.   billi huwa importanti li jiġu konservati u żviluppati mhux biss monumenti iżda wkoll elementi kulturali oħrajn li jiffurmaw u jagħmlu possibbli kundizzjonijiet ta' l-għajxien xieraq għall-abitanti ta' l-UE ta' llum,

I.   billi l-wirt kulturali Ewropew fis-sħuħija tiegħu, indipendentement mid-dimensjoni Ewropea, nazzjonali jew lokali tiegħu, huwa ta' valur fondamentali għaċ-ċittadini Ewropej,

1.  Jistieden lill-Kunsill biex jirrikonoxxi b'mod espliċitu l-kontribuzzjoni tal-wirt kulturali għall-integrazzjoni Ewropea fir-rigward ta' l-identità u ċ-ċittadinanza Ewropea, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli, l-iskambji interkulturali u d-diversità kulturali;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni biex fit-tfassil tal-proposti leġiżlattivi tagħha, timplimenta b'mod effettiv il-klawsola orizzontali ta' l-Artikolu 151(4) tat-Trattat KE fir-rigward tal-kultura, u tikkunsidra fid-dettall l-implikazzjonijiet tal-leġiżlazzjoni proposta għall-kultura u għall-wirt kulturali bil-għan li tiżgura li miżuri għall-promozzjoni tagħhom ikunu inkorporati fil-linji politiċi ta' l-Unjoni Ewropea;

3.  Huwa tal-fehma li l-wirt kulturali jrid jitħares bħala xi ħaġa sħiħa indiviżibbli li teħtieġ l-adozzjoni ta' miżuri konġunti ta' ħarsien;

4.  Jenfasizza li l-iżvilupp sostenibbli jeħtieġ li jkun hemm approċċ integrat lejn l-ambjent kulturali, naturali u arkitettoniku kemm f'zoni urbani kif ukoll f'dawk rurali waqt li jisħaq li hemm bżonn li tingħata attenzjoni b'mod partikulari għall-wirt kulturali Ewropew f'zoni rurali;

5.  Jenfasizza wkoll li trid tingħata attenzjoni partikulari għall-ħarsien u l-promozzjoni tal-wirt naturali u arkitettoniku taz-zoni insulari Ewropej;

6.  Huwa tal-fehma li kull azzjoni li tittieħed f'zoni rurali u insulari trid tqis dawn il-prinċipji li ġejjin:

   - bilanċ sostenibbli bejn il-popolazzjoni u l-ambjent,
   - approċċ integrat għal zoni li tradizjonalment huma agrikoli,
   - parteċipazzjoni mill-popolazzjoni lokali fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta' linji politiċi u l-alinjament bejn il-fehmiet tagħhom u d-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-awtoritajiet ċentrali;
   - djalogu kontinwu ma' organizzazzjonijiet soċjali, privati u volontarji li huma involuti b'mod attiv fil-qasam tal-wirt kulturali,

7.  Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea, lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet lokali u lill-organizzazzjonijiet kulturali u mhux governattivi biex jieħdu azzjoni biex jipproteġu u jirrijabilitaw il-wirt kulturali ta' l-Ewropa, b'mod partikulari komunitajiet żgħar tradizzjonali, u li titqajjem kuxjenza mal-pubbliku dwar l-importanza ta' dan;

8.  Jaħseb li l-fatturi li għandhom jitqiesu sabiex jiġi żviluppat dan is-settur partikolari, b'kunsiderazzjoni xierqa għall-prinċipju ta' sussidjarjetà, għandhom jinkludu:

   - stħarriġ sistematiku tal-wirt rurali,
   - il-ħolqien ta' qafas leġiżlattiv biex jiġi garantit il-ħarsien tiegħu, li jinkorpora kemm inċentivi għall-konservazzjoni ta' bini u komunitajiet tradizzjonali kif ukoll miżuri li jiżguraw li attivitajiet fir-rigward ta' bini ġdid ikunu kompatibbli ma' bini storiku li jinsab fil-viċinanzi u ma' l-arkitettura lokali,
   - għajnuna finanzjarja għar-restawr ta' monumenti lokali u t-tkomplija ta' metodi tradizzjonali tal-biedja,
   - restawr komprensiv ta' abitazzjonijiet tradizzjonali u ta' forom tradizzjonali ta' l-arkitettura, li jinvolvu l-użu xieraq ta' materjali moderni u l-inkorporazzjoni ta' utilitajiet moderni fi strutturi tradizzjonali b'mod li ma jaffettwawx il-karattru tagħhom,
   - konservazzjoni tal-kompetenza lokali u tal-professjonijiet tradizzjonali;

9.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jipprovdu meta meħtieġ inċentivi għat-twaqqigħ jew il-modifikazzjoni ta' bini li jistona u li jnaqqas mill-karattru arkitettoniku partikolari tal-komunità jew lokalità fejn jinsabu jew ma' l-ambjent naturali u l-bini ieħor fil-viċinanzi;

10.  Jistieden lill-Istati Membri, b'koperazzjoni mal-Kummissjoni, biex jippromwovu l-ħarsien u l-konservazzjoni tal-wirt kulturali tagħhom permezz tal-fondi strutturali u ta' inizjattivi li jeżistu bħal LEADER +, URBAN II u INTERREG III li fil-perjodu finanzjarju li jmiss (2007-2013) se jiġu inkorporati fl-istrumenti finanzjarji l-ġodda ta' koeżjoni politika u tal-politika agrikola komuni;

11.  Jistieden lill-Istati Membri biex iżommu f'moħħhom li strateġiji ta' inċentivi finanzjarji jridu jinvolvu koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali u lokali u korpi u istituzzjonijiet lokali oħrajn (mingħajr ma wieħed jinsa li l-biċċa l-kbira tal-wirt reġistrat huwa ta' natura reliġjuża) waqt li jfittxu biex jipproteġu u jtejbu l-ambjent naturali u kulturali tal-lokalitajiet ikkonċernati;

12.  Jikkunsidra li jista' jsir użu sinifikanti mill-wirt naturali, arkitettoniku u kulturali Ewropew permezz ta' l-iżvilupp, f'zoni rurali u insulari, ta' forom alternattivi ta' turiżmu, bħat-turiżmu kulturali, dak tal-mixi, dak ekoloġiku u dak marittimu; jisħaq dwar il-bżonn li jiġu promossi politiki li jippermettu liċ-ċittadini Ewropej kollha sabiex igawdu l-benefiċċji tat-turiżmu alternattiv;

13.  Jistieden lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu u jappoġġjaw l-iżvilupp ta' turiżmu alternattiv sostenibbli, li jagħtu prijorità lil komunitajiet tradizzjonali żgħar bl-għajnuna ta' strumenti finanzjarji tal-Komunità bħall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Ewropew għas-Sajd, eċċ.;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni, fi ħdan il-qafas tal-programmi Komunitarji preżenti, bħall-Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni, biex jippromwovu miżuri biex jappoġġjaw is-snajja', l-arti applikata u l-attivitajiet professjonali, b'mod partikulari dawk li huma fil-periklu li jisparixxu u li huma meħtieġa għal restawr u konservazzjoni xierqa tal-wirt arkitettoniku;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu t-taħriġ għal professjonisti speċjalizzati fl-użu u fil-ġestjoni ta' l-ispazju, ta' l-arkitettura, tar-restawr u t-tiswija tal-bini u attivitajiet relatati, sabiex jiġu kkonservati l-kwalitajiet partikulari tal-wirt kulturali waqt li jkunu konformi mal-ħtiġijiet ta' llum; jistieden ukoll li jkun hemm miżuri biex jittejjeb it-taħriġ ta' ħaddiema tas-sengħa u ta' fornituri ta' materjali tradizzjonali u għall-għażla ta' metodi li jinvolvu l-użu kontinwu tagħhom;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni, fi ħdan il-qafas tas-Seba' Programm ta' Qafas għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta' dimostrazzjoni (2007-2013) biex tappoġġja l-isforzi biex jiġu żviluppati għodod, tekniki u metodi ġodda ta' konservazzjoni tal-wirt kulturali;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ma jipprovdux fondi Komunitarji għal proġetti li jista' jintwera biċ-ċar li se jwasslu għall-qerda ta' elementi ta' valur tal-wirt kulturali tagħna;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni, fi ħdan il-qafas ta' programmi Komunitarji preżenti, biex tadotta miżuri li jiffaċilitaw aktar aċċessibilità u jinkoraġixxu kumpanniji żgħar, snajja' u negozji tradizzjonali u tradizzjonijiet u drawwiet lokali, permezz ta' kampanja kbira biex jiġu promossi rħula u komunitajiet fl-Istati Membri, sabiex tikkontribwixxi b'mod deċiżiv lejn l-iżvilupp ta' l-ekonomija lokali u sabiex twaqqaf l-esodu rurali;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi l-qsim u l-iskambju ta' esperjenzi f'dan il-qasam permezz ta' konferenzi u laqgħat internazzjonali;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni, l-aktar fi ħdan il-qafas tal-programm 'Kultura' (2007-2013) biex tagħti l-opportunità lil networks sħab fl-Istati Membri varji li jimplimentaw proġetti plurijennali biex jippromwovu komunitajiet tradizzjonali ppreservati tajjeb b'popolazzjoni ta', ngħidu aħna, inqas minn 1000 ruħ;

21.  Iqis li miżuri bħal dawn se jippermettu li jiġu organizzati attivitajiet kulturali li jfittxu li jiżviluppaw il-wirt kulturali ta' dawn il-komunitajiet bil-mira iktar fit-tul li tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn komunitajiet tradizzjonali fl-Ewropa u jkunu jistgħu jiżviluppaw il-kulturi lokali speċifiċi tagħhom flimkien mad-dimensjoni Ewropea tagħhom;

22.  Jixtieq l-iżvilupp fil-ġejjieni ta' azzjoni favur komunitajiet żgħar, tradizzjonali simili għal dik li tistabilixxi l-bliet kapitali tal-kultura;

23.  Iqis li l-'Premju ta' l-Unjoni Ewropea għall-Wirt Kulturali' li huwa amministrat mill-'Europa Nostra' huwa inizjattiva ta' valur li għandha titkompla fil-ġejjieni; jaħseb li f'dan ir-rigward u f'kuntest aktar wiesgħa għandha tiġi introdotta kategorija ġdida ta' premji għall-aqwa restawr f'sens ġenerali ta' komunità tradizzjonali sabiex dawk il-komunitajiet li jirnexxielhom jikkonservaw bis-sħiħ jew parti mill-elementi tradizzjonali tagħhom jitħeġġu jsaħħu l-isforzi tagħhom f'dan il-kamp;

24.  Jilqa' l-proposta riċenti fi ħdan il-qafas tal-Kunsill għat-tfassil ta' lista tal-Wirt Ewropew u jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġjaha; huwa tal-fehma li f'dan il-kuntest, għandha tingħata importanza partikulari lill-wirt kulturali lokali ta' zoni rurali u insulari, u jridu jitqiesu wkoll l-aspetti intanġibbli tal-wirt kulturali; huwa tal-fehma li pajjiżi kandidati għandhom ukoll jiġu mistiedna biex jipparteċipaw f'din l-inizjattiva;

25.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jippromwovu 'Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali' sabiex il-pubbliku Ewropew isir iktar konxju ta' l-importanza li jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiġi promoss il-wirt kulturali tagħhom;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkooperaw mal-Kunsill ta' l-Ewropa bil-għan li jsir iktar promozzjoni ta' komunitajiet tradizzjonali u tal-wirt arkitettoniku f'zoni rurali u insulari bħala parti mill-inizjattiva 'Jiem Ewropej tal-Wirt Kulturali' sabiex il-pubbliku Ewropew isir iktar konxju tal-valur ta' monumenti arkitettoniċi lokali;

27.  Jitlob lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex iqisu d-diversi konvenzjonijiet tal-Kunsill ta' l-Ewropa u tal-UNESCO dwar il-ħarsien tal-wirt naturali, arkitettoniku u kulturali Ewropew, u sabiex isaħħu l-koperazzjoni tagħhom ma' dawk l-organizzazzjonijiet skond l-Artikolu 151, paragrafu 3 tat-Trattat KE;

28.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri u lill-Kunsill ta' l-Ewropa.

(1) ĠU C 62, 30.5.1974, p 5.
(2) ĠU C 267, 11.10.1982, p 25.
(3) ĠU C 309, 5.12.1988, p 423.
(4) ĠU C 72, 15.3.1993, p 160.
(5) ĠU C 262, 18.9.2001, p 48.
(6) ĠU L 63, 10.3.2000, p 1.
(7) Testi adottati P6_TA(2005)0397.

Avviż legali - Politika tal-privatezza