Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0495/2006

Dibattiti :

PV 07/09/2006 - 11.3
CRE 07/09/2006 - 11.3

Votazzjonijiet :

PV 07/09/2006 - 12.3
CRE 07/09/2006 - 12.3

Testi adottati :


Testi adottati
PDF 238kWORD 49k
Il-Ħamis, 7 ta' Settembru 2006 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe
P6_TA(2006)0358RC-B6-0495/2006

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Jannar 2004(1), tas-16 ta' Diċembru 2004(2) u tas-7 ta' Lulju 2005(3),

–   wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2006/51/CFSP tat-30 ta' Jannar 2006 li ġġedded miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe sa l-20 ta' Frar 2007(4),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 898/2005(5) tal-15 ta' Ġunju 2005 li jestendi l-lista ta' dawk il-persuni fiż-Żimbabwe li fuqhom hemm miżuri restrittivi,

–   wara li kkunsidra r-rapport ta' l-International Crisis Group ta' l-24 ta' Awissu 2006 'Żimbabwe: Strateġija ta' Oppożizzjoni',

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi s-sitwazzjoni umanitarja, politika u ekonomika tal-biża' fiż-Żimbabwe qed tkompli tmur għall-agħar, u minħabba l-hekk imsejħa 'Operazzjoni Murambatsvina' (inkeċċu l-ħmieġ) 700,000 ruħ spiċċaw b'xejn, 4 miljun ruħ huma f'riskju li jmutu bil-ġuħ u qed jgħixu permezz ta' għajnuniet ta' ikel, u r-repressjoni politika qed tkompli b'pass mgħaġġel,

B.   billi l-gvern taż-Żimbabwe ppropona Abbozz ta' Liġi dwar l-Interċettazzjoni tal-Komunikazzjonijiet, li għandha tippermetti lis-servizzi militari ta' intelliġenza, lill-pulizija u lill-uffiċċju tal-President li jimmoniterjaw il-korrispondenza elettronika, l-aċċess għall-internet u l-konversazzjonijiet bit-telefown,

C.   billi l-elezzjonijiet għas-Senat tas-26 ta' Novembru 2005 kienu att ċiniku ta' patroċinju politiku mmirat biex jikkonsolida l-poter awtoritarju ta' Zanu-PF fuq iż-Żimbabwe,

D.   billi l-oppożizzjoni ewlenija fiż-Żimbabwe, il-Moviment għal Bidla Demokratika (MDC), b'dispjaċir inqasam f'żewġ partiti f'Ottubru 2005,

E.   billi l-iżvilupp ta' l-Afrika huwa prijorità għad-demokraziji tal-Punent; jirrikonoxxi, madankollu, li l-għajnuna biss issolvi ftit problemi u li l-gvernijiet ta' l-Afrika huma mistennija li jagħmlu dak li wiegħdu permezz ta' impenn għad-demokrazija, għall-istat tad-dritt u għar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem,

F.   billi r-rata tal-qgħad fiż-Żimbabwe hija ta' aktar minn 70 fil-mija u r-rata ta' l-inflazzjoni hija l-ogħla waħda fid-dinja,

G.   huwa mħasseb dwar rapporti minn organizzazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem li migranti miż-Żimbabwe huma vulnerabbli għat-trattament ħażin u għall-abbuż fl-Afrika ta' Isfel,

H.   billi l-Unjoni Afrikana (AU), il-Komunità għall-Iżvilupp ta' l-Afrika ta' Isfel (SADC) u, b'mod partikulari, l-Afrika ta' Isfel, ma rnexxilhomx jieħdu pożizzjoni b'saħħitha biżżejjed kontra r-reġim taċ-ċanfir ta' Mugabe,

1.  Jikkundanna d-dittatura ta' Mugabe għall-oppressjoni bla waqfien tal poplu taż-Żimbabwe u jesprimi d-dispjaċir kbir tiegħu għaliex partijiet reġjonali bħall-AU, l-SADC u l-Afrika ta' Isfel irrifjutaw li jieħdu pożizzjoni iktar b'saħħitha kontra l-abbużi tar-reġim u naqsu milli jinsistu li l-gvern taż-Żimbabwe għandu jirranġa għemilu u jerġa' jdaħħal id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

2.  Jesiġi li r-reġim ta' Mugabe jżomm il-wegħda tiegħu li jipprovdi djar biżżejjed għal dawk kollha li tkeċċew minn darhom waqt il-kampanja atroċi 'Operazzjoni Murambatsvina';

3.  Jiddispjaċih li l-progress taż-Żimbabwe fil-ġlieda kontra l-HIV-AIDS qed tiddgħajjef minħabba l-prattiki abużivi tal-gvern bħall-programm tiegħu ta' żgumbrament li ostakola l-aċċess għall-kura tas-saħħa u minħabba linji politiċi ta' 'welfare' soċjali mhux xierqa li komplew iżidu l-vulnerabilità ta' pazjenti bl-AIDS;

4.  Jinnota bi tħassib kbir li bħalissa fiż-Żimbabwe hemm waħda mill-agħar epidemiji ta' l-HIV-AIDS fid-dinja, u aktar minn 3,200 ruħ fil-ġimgħa qed imutu minħabba l-marda; jitlob lill-Gvern taż-Żimbabwe biex jieħu azzjoni urġenti biex itejjeb l-aċċess għall-kura antiretrovirali, li bħalissa qed jeħduha biss 8% ta' dawk infettati bil-marda;

5.  Jirrifjuta li jirrikonoxi l-leġittimità tas-'Senat' imwaqqaf reċentement fiż-Żimbabwe peress li 15 fil-mija biss tal-poplu taż-Żimbabwe ħadu sehem fil-proċess skreditat ta' l-elezzjoni, u r-riżultat kien ukoll iggarantit minn qabel biex jiffavurixxi lil Zanu-PF;

6.  Jitlob li jiġu rtirati l-Abbozz ta' Liġi dwar l-Interċettazzjoni tal-Komunikazzjonijiet, l-Abbozz ta' Liġi dwar it-Trażżin tat-Terroriżmu u l-Abbozz ta' Liġi dwar l-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi, li kollha kemm huma se jintużaw bħala skużi għal trażżin iktar b'saħħtu ta' kwalunkwe avversarju tar-reġim ta' Mugabe;

7.  Jesprimi kosternazzjoni kbira għall-attentati sigrieti tar-reġim ta' Mugabe biex jieħu l-kontroll tas-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar taż-Żimbabwe (ZRCS), billi jirrakkomanda bil-forza l-impjieg ta' membri u partitarji tar-reġim; jinnota li l-akbar donaturi taż-ZRCS huma d-Danimarka, ir-Renju Unit u Stati Membri oħra ta' l-UE; jibża' li din il-mossa hija l-bidu ta' l-użu ta' l-appoġġ ta' l-ikel taż-ZRCS bħala arma politika, u b'hekk ħafna nies vulnerabbli taż-Żimbabwe ma jirċivux l-għajnuna vitali;

8.  Jinsisti bil-qawwa li r-reġim ta' Mugabe m'għandu jieħu l-ebda benefiċċju jew propaganda kemm mit-tħejjija għat-Tazza tad-Dinja ta' l-2010 kif ukoll mit-turnew innifsu; għalhekk, jistieden lill-Afrika ta' Isfel, li se tospitaha, u lill-FIFA, biex jeskludu liż-Żimbabwe milli tieħu sehem fil-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja, milli tilgħab logħbiet ta' ħbiberija jew milli tilqa' timijiet nazzjonali involuti fl-avveniment;

9.  Jistieden lil Robert Mugabe biex iżomm il-wegħda tiegħu stess li jirriżenja mill-aktar fis possibbli, riżenja li tkun l-akbar pass wieħed possibbli biex jerġgħu jitqajmu s-soċjetà, il-politika u l-ekonomija taż-Żimbabwe, u biex jibdew negozjati pożittivi transizzjonali bejn Zanu-PF, il-partiti ta' l-MDC u movimenti oħra ta' l-oppożizzjoni;

10.  Jilqa' l-laqgħa li saret bejn iż-żewġ partiti ta' l-MDC fl-Afrika ta' Isfel fis-26 ta' Awissu 2006 u jistieden lil dawk kollha li jopponu r-reġim ta' min jikkundannah ta' Mugabe biex jingħaqdu u jiżguraw li l-attivitajiet tagħhom jagħtu lin-nies taż-Żimbabwe oppożizzjoni soda demokratika, rappreżentattiva u magħquda, lesta mill-aspetti kollha li tassumi r-responsabilitajiet ta' gvern, u biex iġġib bidla politika u ekonomika għall-ġid taż-Żimbabwe;

11.  Ifaħħar il-Kungress tat-Trejdjunjins taż-Żimbabwe għall-protesti tiegħu kontra l-kundizzjonijiet ta' għajxien tal-biża' imposti fuq il-poplu taż-Żimbabwe mir-reġim ta' Mugabe u jinsisti li dimostrazzjonijiet bħal dawn għandhom jitħallew isiru mingħajr ma jkunu ostakolati mill-pulizija;

12.  Jirrikonoxxi li s-sanzjonijiet immirati ta' l-UE kontra kemm iż-Żimbabwe kif ukoll kontra ċerti individwi fiż-Żimbabwe naqsu milli jkollhom l-impatt mixtieq fuq dawk li huma responsabbli b'mod dirett għat-tifqir taż-Żimbabwe u għat-tbatijiet li ġarrab il-poplu taż-Żimbabwe; jistieden lill-Kunsill biex jiżgura li l-Istati Membri kollha japplikaw l-miżuri restrittivi eżistenti b'mod strett, inklużi l-embargo ta' l-armi u l-projbizzjoni tal-vjaġġi, u għandhom jeżaġeraw aktar fl-istrettezza milli fil-permissività;

13.  Barra minn hekk jistieden lill-Kunsill biex iwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tas-sanzjonijiet u minbarra biex iżid il-lista ta' individwi - li bħalissa fiha 120 ruħ - sabiex tinkludi ħafna iktar ministri tal-gvern taż-Zimbabwe, deputati u gvernaturi, membri, partitarji u ħaddiema ta' Zanu-PF, minbarra l-membri tal-familji tagħhom, u negozjanti u individwi prominenti oħra assoċjati ma' Zanu-PF;

14.  Jistieden liċ-Ċina u lil pajjiżi oħra li jkomplu jfornu l-armi u appoġġ ieħor lir-reġim ta' Mugabe biex jieqfu u jingħaqdu mal-komunità internazzjonali fl-isforzi tagħha biex tbiddel is-sitwazzjoni għall-ġid taż-Żimbabwe;

15.  Jikkundanna l-fatt li filwaqt li n-Nazzjonijiet Uniti qed titlob 257 miljun USD f'għajnuna umanitarja għaż-Żimbabwe, ir-reġim ta' Mugabe għadu kif xtara b'240 miljun USD tnax-il ajruplan militari tat-tip K8 miċ-Ċina; jinnota wkoll li l-armata taż-Żimbabwe ħabbret li xtrat 127 karozza għal uffiċjali għolja, u li se tixtri 194 karozza oħra fix-xhur li ġejjin;

16.  Iħeġġeġ lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jagħmel rapport urġenti dwar is-sitwazzjoni politika u s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiż-Żimbabwe;

17.  Itenni t-talba tiegħu biex l-SADC tagħlaq iċ-ċentru reġjonali tagħha għat-taħriġ fiż-żamma tal-paċi f'Harare u li terġa' tiftħu fit-territorju ta' stat membru ieħor ta' l-SADC;

18.  Jinsisti li l-għajnuna kollha għaż-Żimbabwe trid tingħata permezz ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi ġenwini u għandha tasal għan-nies li għalihom hija intiża, bl-anqas involviment mir-reġim ta' Mugabe; huwa inkwetat li l-UE ffinanzjat seba' proġetti fiż-Żimbabwe fl-2005 bi spiża ta 70 miljun EUR, u proġetti oħra fl-2006, inklużi 3.7 miljun EUR permezz ta' l-Istruttura ta' l-Ilma ta' l-UE, u jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti l-garanziji tagħha li xejn mil l-għajnuna ma kienet ta' benefiċċju għar-reġim ta' Mugabe;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri, lill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-G8, lill-gvern u lill-parlament taż-Żimbabwe u lill- Afrika ta' Isfel, lis-Segretarju Ġenerali tal-'Commonwealth', lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, liċ-'Chairmen' tal-Kummissjoni u tal-Kunsill Eżekuttiv ta' l-Unjoni Afrikana, lill-Parlament Panafrikan lis-Segretarju Ġenerali ta' l-SADC, u lill-President tal-FIFA.

(1) ĠU C 92 E, 16.4.2004, p. 417.
(2) ĠU C 226 E, 15.9.2005, p.358.
(3) ĠU C 157 E, 6.7.2006, p. 491.
(4) ĠU L 26, 31.1.2006, p. 28.
(5) ĠU L 153, 16.6.2005, p. 9.

Avviż legali - Politika tal-privatezza