Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2005/0221(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0262/2006

Testi mressqa :

A6-0262/2006

Dibattiti :

PV 25/09/2006 - 17
CRE 25/09/2006 - 17

Votazzjonijiet :

PV 26/09/2006 - 7.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2006)0365

Testi adottati
PDF 494kWORD 145k
It-Tlieta, 26 ta' Settembru 2006 - Strasburgu
Kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja ***I
P6_TA(2006)0365A6-0262/2006
Riżoluzzjoni
 Test konsolidat

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew dwar il-proposta għal rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (COM(2005)0548 – C6-0375/2005 – 2005/0221(COD))

(Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2005)0548)(1),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikoli 149(4) u 150(4) tat-Trattat KE, skond liema Artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0375/2005),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0262/2006),

1.  Japprova l-proposta mill-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-proposta lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Għadu mhux ippubblikat fil-ĠU.


Pożizzjoni tal-parlament ewropeW adottata fl-ewwel qari fis-26 ta' Settembru 2006 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni ta' Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim matul il-ħajja
P6_TC1-COD(2005)0221

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA" L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-trattat li stabbilixxa l-Komunità Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 149(4) u l-Artikolu 150(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni(2),

Waqt li jaġixxu skond il-proċeduri stipulati fl-Artikolu 251 tat-Trattat(3),

Billi:

(1)  Il-Kunsill Ewropew ta" Lisbona tat-23 u l-24 ta' Marzu 2000 ikkonkluda li qafas Ewropew għandu jiddefinixxi l-ħiliet bażiċi ġodda bħala miżura importanti fir-reazzjoni ta" l-Ewropa għall-globalizzazzjoni u ċ-ċaqliq lejn ekonomiji bbażati fuq it-tagħrif, u enfasizza li n-nies huma l-assi ewlenin ta" l-Ewropa. Minn dak iż-żmien, dawn il-konklużjonijiet ġew dikjarati mill-ġdid b'mod regolari, inkluż fil-Kunsilli Ewropej ta' Brusell ta' l-20 u l-21 ta' Marzu 2003 u tat-22 u t-23 ta' Marzu 2005, u fl-Istrateġija ta" Lisbona varata mill-ġdid li kienet approvata fl-2005.

(2)  Il-Kunsilli Ewropej ta" Stokkolma (23 u 24 ta' Marzu 2001) u ta" Barċellona (15 u 16 ta' Marzu 2002) approvaw uffiċjalment l-għanijiet futuri konkreti tas-sistemi ta" edukazzjoni u taħriġ Ewropej u programm ta" xogħol (il-programm ta" xogħol "Edukazzjoni u Taħriġ 2010") li għandu jwettaqhom sas-sena 2010. Dawn l-għanijiet jinkludu l-iżvilupp tal-ħiliet għal soċjetà ta" għarfien u għanijiet speċifiċi għall-promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi, l-iżvilupp ta" l-ispirtu ta" l-intraprenditorija u l-ħtieġa ġenerali ta" titjib fid-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni.

(3)  Il-Komunikat tal-Kummissjoni dwar it-tagħlim matul il-ħajja u r-Riżoluzzjoni sussegwenti tal-Kunsill tas-27 ta" Ġunju 2002 dwar it-tagħlim matul il-ħajja(4) identifikaw il-"ħiliet bażiċi ġodda" bħala prijorità, u enfasizzaw li t-tagħlim matul il-ħajja għandu jkopri minn qabel l-età ta" l-iskola sa wara l-irtirar.

(4)  Fil-kuntest tat-titjib tar-rendiment tal-Komunità fl-impjiegi, il-Kunsilli Ewropej ta" Marzu 2003 u ta" Diċembru 2003 enfasizzaw il-ħtieġa li jiżviluppaw it-tagħlim matul il-ħajja b'enfazi partikolari fuq miżuri attivi u preventivi għan-nies qiegħda u persuni inattivi. Dan bena fuq ir-rapport tat-Taskforce dwar L-Impjiegi, li enfasizza l-ħtieġa li n-nies ikunu kapaċi jaddattaw għall-bidla, l-importanza li n-nies ikunu integrati fis-suq tax-xogħol u r-rwol importanti tat-tagħlim matul il-ħajja.

(5)  Ir-rapport tal-Kunsill dwar ir-rwol aktar wiesgħa ta" l-edukazzjoni adottat f'Novembru 2004 enfasizza li l-edukazzjoni tikkontribwixxi sabiex tippreserva u ġġedded l-isfond kulturali komuni fis-soċjetà u sabiex wieħed jitgħallem valuri soċjali u ċiviċi essenzjali bħaċ-ċittadinanza, l-ugwaljanza, it-tolleranza u r-rispett, u hija ta" importanza partikolari fi żmien meta l-Istati Membri kollha għandhom l-isfida tal-kwistjoni ta" kif jittrattaw id-diversità soċjali u kulturali li dejjem qed jiżdiedu. Barra minn hekk, li tippermetti lin-nies li jidħlu u jibqgħu fil-ħajja tax-xogħol hija parti importanti mir-rwol ta" l-edukazzjoni fit-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali.

(6)  Ħames livelli ta" referenza Ewropej (benchmarks) kienu adottati mill-Kunsill f'Mejju 2003, li juri impenn lejn titjib li jista" jitkejjel fir-rendiment medju ta" l-Ewropa. Il-livelli ta" referenza relatati mal-qari, it-tluq kmieni mill-iskola, it-tlestija ta" l-edukazzjoni sekondarja għolja u l-parteċipazzjoni ta" l-adulti fit-tagħlim tul il-ħajja huma marbuta mill-qrib ma" l-iżvilupp tal-kompetenzi ewlenin.

(7)  Ir-Rapport adottat mill-Kummissjoni fl-2005 dwar il-progress lejn l-għanijiet ta" Lisbona fl-edukazzjoni u t-taħriġ indika li ma sar l-ebda progress fit-tnaqqis tal-persentaġġ ta" dawk li jkollhom livelli baxxi fil-qari u l-kitba fl-età ta" 15-il sena, jew biex tiżdied ir-rata ta" dawk li jlestu l-edukazzjoni sekondarja għolja. Seħħ xi progress fit-tnaqqis tat-tluq kmieni mill-iskola, iżda bir-rati attwali l-livelli ta" referenza Ewropej għall-2010 adottati fil-Kunsill ta" Mejju 2003 mhumiex sejrin jintlaħqu. Il-partiċipazzjoni ta" l-adulti fit-tagħlim mhuwiex qiegħed jikber biżżejjed sabiex jilħaq il-livell ta" referenza ta" l-2010 u t-tagħrif jindika li n-nies b'ħiliet ta" livell baxx huma anqas probabbli li jipparteċipaw f'aktar taħriġ.

(8)  Il-Qafas ta" Azzjonijiet għall-Iżvilupp Tul il-Ħajja tal-Kompetenzi u l-Kwalifikazzjonijiet, adottat mill-isħab soċjali Ewropej f'Marzu ta" l-2002, jenfasizza l-ħtieġa li n-negozju jadatta l-istrutturi tiegħu b'mod aktar mgħaġġel sabiex jibqa" kompetittiv. It-teamwork, it-tnaqqis ta" ġerarkiji, responsabbiltajiet devoluti u ħtieġa akbar għall-multi-tasking qegħdin iwasslu għat-tkabbir ta" l-organizzazzjonijiet tat-tagħlim. F'dan il-kuntest, l-abbiltà ta" l-organizzazzjonijiet li jidentifikaw il-kompetenzi, li jimmobilizzawhom u jirrikonoxxuwhom u li jinkoraġġixxu l-iżvilupp tagħhom għall-impjegati kollha jiffurmaw il-bażi għal strateġiji ġodda kompetittivi.

(9)  L-Istudju ta" Maastricht dwar l-Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali jindika differenza sinifikanti bejn il-livell ta" edukazzjoni mitlub mill-impjiegi l-ġodda u l-livell ta" edukazzjoni milħuq mill-ħaddiema Ewropej. Aktar minn terz tal-ħaddiema Ewropej (80 miljun ruħ) għandhom livell ta" ħiliet baxx waqt li huwa stmat li, sas-sena 2010 kważi 50% ta" l-impjiegi ġodda jkunu jitolbu kwalifiki ta" livell terzjarju, kważi 40% jkunu jitolbu edukazzjoni sekondarja għolja u jkunu biss madwar 15% li jkun adattati għal dawk b'edukazzjoni bażika.

(10)  Ir-Rapport Konġunt tal-Kunsill/Kummissjoni dwar il-programm ta" xogħol "Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010", adottat fl-2004, isaħħaħ il-ħtieġa li jkun żgurat li ċ-ċittadini kollha jkollhom il-kompetenzi li jeħtieġu bħala parti mill-istrateġija ta" l-Istati Membri għat-tagħlim matul il-ħajja. Sabiex jinkoraġġixxi u jiffaċilita r-riforma, ir-rapport jissuġġerixxi l-iżvilupp ta" referenzi u prinċipji Ewropej komuni u jagħti prijorità lill-Qafas ta" Kompetenzi Ewlenin.

(11)  Il-patt Ewropew għaż-Żgħażagħ anness mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell (22-23 Marzu 2005) saħaq fuq il-bżonn li l-iżvilupp ta' sett komuni tal-ħiliet l-aktar importanti jiġi mħeġġeġ.

(12)  Il-ħtieġa li ż-żgħażagħ jingħataw il-kompetenzi ewlenin meħtieġa u li jkun hemm titjib fil-livelli ta" edukazzjoni milħuqa hija parti integrali mill-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi 2005-2008, approvati mill-Kunsill Ewropew ta" Ġunju 2005. B'mod partikolari, il-Linji Gwida dwar l-Impjiegi jsejħu għall-adattament tas-sistemi ta" edukazzjoni u taħriġ bħala reazzjoni għall-ħtiġiet dwar kompetenzi ġodda permezz ta" identifikazzjoni aħjar tal-ħtiġijiet vokazzjonali u l-kompetenzi ewlenin bħala parti mill-programmi ta" riforma ta" l-Istati Membri. Barra minn hekk, il-Linji gwida jitolbu li jkunu żgurati integrazzjoni bejn is-sessi u ugwaljanza bejn is-sessi fil-ħidmiet kollha u biex tintlaħaq rata medja ta" impjiegi għall-Unjoni Ewropea ta" 70% u ta" mill-inqas 60% għan-nisa.

(13)  Din ir-Rakkomandazzjoni għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta" edukazzjoni ta" kwalità orjentata għall-futur u mfassla għall-bżonnijiet tas-soċjetà Ewropea billi tappoġġa u tikkumplimernta l-azzjonijiet ta" l-Istati Membri maħsuba sabiex jiżguraw li s-sistemi tagħhom għall-edukazzjoni u t-taħrig bikrija joffru liż-żgħażagħ kollha l-mezzi sabiex jiżviluppaw il-kompetenzi ewlenin sa livell li jħejjihom għal aktar taħriġ il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja adulta b'mod ġenerali u li l-adulti jkunu jistgħu jiżviluppaw u jaġġornaw il-kompetenzi ewlenin tagħhom permezz ta" provvediment koerenti u komprensiv għat-tagħlim matul il-ħajja. Hija għandha wkoll tipprovdi qafas Ewropew ta" referenza komuni dwar il-kompetenzi ewlenin għal dawk li jifformulaw il-politika, dawk li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ, is-sħab soċjali u dawk li jipprovdu l-impjieg u l-istudenti nnifishom, sabiex tiffaċilita r-riformi nazzjonali u l-bdil tat-tagħrif bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fi ħdan il-programm ta" xogħol "Edukazzjoni u Taħriġ 2010" bl-għan li jintlaħqu l-livelli ta" referenza Ewropej kif miftiehma. Barra minn hekk, ir-Rakkomandazzjoni għandha tappoġġa politika oħra relatata bħal politika dwar l-impjieg u soċjali u politika oħra li teffettwa ż-żgħażagħ.

(14)  Din ir-Rakkomandazzjoni hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà msemmi fl-Artikolu 5 tat-Trattat safejn l-għan tagħha huwa li tappoġġa u tissupplimenta l-azzjonijiet ta" l-Istati Membri billi tistabbilixxi punt ta" referenza komuni li jinkoraġġixxi u jiffaċilita r-riformi nazzjonali u aktar kooperazzjoni ma" l-Istati Membri. Din ir-Rakkomandazzjoni hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità imsemmi f'dak l-Artikolu minħabba l-fatt li tħalli l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni f'idejn l-Istati Membri u ma tmurx lilhinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jitwettaq l-għan mixtieq.

B'DAN JIRRIKMANDAW LI L-ISTATI MEMBRI:

Jiżviluppaw il-provediment ta" kompetenzi ewlenin għal kulħadd bħala parti mill-istrateġiji tagħhom għat-tagħlim matul il-ħajja, inklużi l-istrateġiji tagħhom biex jiksbu litteriżmu universali, u jużaw il-"Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Matul il-Ħajja – Qafas Ewropew" fl-Anness għal dan id-dokument bħala għodda ta" referenza, bil-ħsieb li jkun żgurat li:

Li l-edukazzjoni u t-taħriġ bikrija joffru liż-żgħażagħ kollha l-mezzi sabiex jiżviluppaw il-kompetenzi ewlenin sa livell li jippreparahom għall-ħajja adulta u li jikkostitwixxu bażi għal aktar tagħlim u għall-ħajja tax-xogħol;

Jiżguraw li jkun hemm provvediment xieraq għal dawk iż-żgħażagħ li, minħabba żvantaġġi fl-edukazzjoni kkawżati minn ċirkostanzi personali, soċjali jew kulturali, ikunu jeħtieġu appoġġ partikolari sabiex iwettqu l-potenzjal edukattiv tagħhom;

L-adulti jkunu jistgħu jiżviluppaw u jaġġornaw il-kompetenzi ewlenin matul ħajjithom u li jkun hemm enfażi partikolari fuq gruppi ta" mira identifikati bħala prijorità fil-kuntesti nazzjonali, reġjonali u/jew lokali, bħal individwi li jkollhom bżonn jaġġornaw il-ħiliet tagħhom;;

Infrastruttura xierqa għat-tkomplija ta" l-edukazzjoni ta" l-adulti, inklużi l-għalliema u t-trainers, proċeduri ta" validazzjoni u evalwazzjoni, miżuri bil-għan li jiżguraw l-aċċess kemm għal tagħlim matul il-ħajja u kemm għas-suq tax-xogħol,u appoġġ għall-istudent li jagħraf il-ħtiġijiet u l-kompetenzi differenti ta" l-adulti;

Koerenza tal-provvediment ta" l-edukazzjoni u t-taħriġ għall-adulti għaċ-ċittadini individwali permezz ta" rbit mill-qrib mal-politika dwar l-impjieg u l-politika soċjali, il-politika kulturali, il-politika dwar l-innovazzjoni u politiki oħra li teffettwa ż-żgħażagħ u b'kollaborazzjoni ma" l-isħab soċjali u partijiet interessati oħra;

JAGĦTU KONT TA" L-INTENZJONI TAL-KUMMISSJONI SABIEX:

Tikkontribwixxi għall-isforzi ta" l-Istati Membri sabiex jiżviluppaw is-sistemi ta" edukazzjoni u taħriġ tagħhom u sabiex jimplimentaw u jxerrdu din ir-Rakkomandazzjoni, inkluż l-użu tal-"Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Matul il-Ħajja – Qafas Ewropew" bħala referenza sabiex tiffaċilita t-tagħlim mill-pari u mit-tpartit ta" prattika tajba u sabiex ikunu segwiti l-iżviluppi u jkun hemm rappurtaġġ dwar il-progress permezz tar-rapporti ta" progress ta" kull sentejn tal-programm ta" xogħol "Edukazzjoni u Taħriġ 2010".

Tuża l-"Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Matul il-Ħajja – Qafas Ewropew" bħala referenza fl-implimentazzjoni tal-programmi ta" Edukazzjoni u Taħriġ tal-Komunità u tiżgura li jippromwovu l-akkwist tal-kompetenzi ewlenin;

Tippromwovi l-użu aktar wiesgħa tal-"Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Matul il-Ħajja – Qafas Ewropew" fil-politika relatata tal-Komunità u, b'mod partikolari, fl-implimentazzjoni tal-politika dwar l-impjieg, iż-żgħażagħ u l-politika kulturali u soċjali u tiżviluppa aktar irbit mas-sħab soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn li jaħdmu f'dan il-qasam;

Tirrevedi l-impatt tal-Qafas ta' Referenza fil-kuntest tal-programm ta" xogħol Edukazzjoni u Taħriġ 2010 u tirraporta, sa…(5), lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, dwar l-esperjenza miksuba u l-implikazzjonijiet għall-ġejjieni.

Magħmul,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

ANNESS

Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Matul il-Ħajja - Qafas Ewropew ta" Referenza

Introduzzjoni

Peress li l-globalizzazzjoni qed tkompli toffri sfidi ġodda lill-Unjoni Ewropea, kull ċittadin se jkollu bżonn firxa wiesgħa ta" kompetenzi ewlenin biex jadatta b'mod flessibbli għal dinja li qed tinbidel malajr u interkonnessa ħafna.

L-edukazzjoni fl-irwol doppju tagħha - kemm soċjali u kemm ekonomiku - għandha rwol ewlieni x'taqdi biex tassigura li ċ-ċittadini Ewropej jakkwistaw il-kompetenzi ewlenin meħtieġa biex ikunu jistgħu jadattaw b'mod flessibbli għal tali bidliet.

B'mod partikolari, fuq il-bażi ta" kompetenzi individwali diversi, il-ħtiġijiet differenti ta" min qed jitgħallem għandhom jintlaħqu billi jiġu assigurati l-ekwità u l-aċċess għal dawk il-gruppi li, minħabba żvantaġġi edukattivi kkawżati minn ċirkustanzi personali, soċjali, kulturali jew ekonomiċi, għandhom bżonn appoġġ partikolari biex jilħqu l-potenzjal edukattiv tagħhom, bħal persuni b'ħiliet bażiċi baxxi, partikolarment litteriżmu baxx, dawk li ħallew l-iskola kmieni, dawk li ilhom qiegħda u dawk li jkunu deħlin lura għax-xogħol wara perjodu ta" liv fit-tul, persuni ikbar fl-età, migranti, u persuni b'diżabilitajiet.

F'dan il-kuntest, l-għanijiet prinċipali ta" dan il-Qafas ta" Referenza propost huma li:

   1) ikunu identifikati u definiti l-kompetenzi ewlenin neċessarji għal twettiq personali, ċittadinanza attiva, koeżjoni soċjali u possibilità ta'impjieg f'soċjetà ta" l-għerf;
   2) ikun appoġġjat ix-xogħol ta" l-Istati Membri biex ikun żgurat li sat-tmiem ta" l-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali, iż-żgħażagħ ikunu żviluppaw il-kompetenzi ewlenin sa livell li jkunu preparati għall-ħajja adulta, u li l-adulti jkunu jistgħu jiżviluppawhom u jaġġornawhom matul ħajjithom;
   3) tkun ipprovduta għodda ta" referenza fil-livell Ewropew - il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim matul il-Ħajja - Qafas ta" Referenza Ewropew għal dawk li jfasslu l-politika, dawk li jipprovdu l-edukazzjoni, dawk li jħaddmu, u dawk stess li qed jitgħallmu biex ikun iffaċilitat l-isforz fil-livell nazzjonali u Ewropew biex jintlaħqu objettivi miftiehma b'mod komuni;
   4) ikun ipprovdut qafas għal iktar azzjoni fil-livell tal-Komunità kemm fil-programm ta" ħidma Edukazzjoni u Taħriġ 2010 u kemm fil-Programmi ta" Edukazzjoni u Taħriġ tal-Komunità.

Dan il-Qafas jiddefinixxi tmien kompetenzi ewlenin:

Komunikazzjoni f'ilsien l-art tat-twelid;

Komunikazzjoni f'ilsna barranin;

3.  Kompetenza fil-matematika u kompetenzi bażiċi fix-xjenza u t-teknoloġija;

4.  Kompetenza "diġitali";

5.  Kapaċità għat-tagħlim;

6.  Kompetenza interpersonali u ċiviċi:

7.  Sens ta" inizjattiva u Intraprenditorija; u

8.  Għarfien u espressjoni kulturali.

7.  Kompetenzi huma mfissra hawn bħala kombinament ta" għarfien, ħiliet u attitudni xierqa fil-kuntest. Il-kompetenzi Ewlenin huma dawk li kull individwu jeħtieġ għat-twettiq u l-iżvilupp personali, iċ-ċittadinanza attiva, l-inklużjoni soċjali, u l-impjieg.

8.  Huma kkunsidrati bħala importanti indaqs, għax kull wieħed minnhom jista" jikkontribwixxi għal ħajja ta" suċċess f'soċjetà ta" l-għerf. Ħafna mill-kompetenzi jikkoinċidu u jorbtu ma" xulxin: aspetti essenzjali f'qasam wieħed ikunu ta" appoġġ għall-kompetenzi f'qasam ieħor. Il-Kompetenza fil-ħiliet bażiċi tal-lingwa, qari u kitba, matematika u ICT hija pedament essenzjali għat-tagħlim, u t-tagħlim dwar kif titgħallem jappoġġa l-attivitajiet ta" tagħlim kollha. Hemm numru ta" temi li huma applikati fil-Qafas kollu kemm hu: il-ħsieb kritiku, il-kreattività, it-twettiq ta" l-inizjattiva, is-soluzzjoni tal-problemi, il-valutazzjoni tar-riskji, it-teħid tad-deċiżjonijiet u l-immaniġġar tas-sentimenti b'mod kostruttiv għandhom rwol fit-tmien kompetenzi ewlenin kollha.

Kompetenzi Ewlenin

1.  Komunikazzjoni f'ilsien l-art tat-twelid(6)

Definizzjoni:

Il-komunikazzjoni f'ilsien l-art tat-twelid hija l-abbiltà li persuna tkun tista" tesprimi u tinterpreta kunċetti,ħsibijiet, sentimenti u fatti u opinjonijiet f'forma kemm orali kif ukoll bil-kitba (smigħ, taħdit, qari u kitba), u li tirrelata lingwistikament b'mod xieraq u kreattiv f'firxa sħiħa ta" kuntesti soċjali u kulturali – edukazzjoni u taħriġ, id-dar u waqt il-ħin liberu.

…Tagħrif, ħiliet u attitudni essenzjali relatati ma" din il-kompetenza

Il-kompetenza komunikattiva tiġi mill-akkwist ta' l-ilsien nattiv, li hija intrinsikament marbuta ma' l-iżvilupp ta l-ħila konjittiva ta' l-individwu li jinterpreta d-dinja u jirrelata ma' l-oħrajn. Il-komunikazzjoni f'ilsien l-art tat-twelid titlob li persuna jkollha l-għarfien ta" vokabularju, grammatika funzjonali u l-funzjonijiet ta" l-ilsien. Tinkludi għarfien tat-tipi ewlenin ta" l-interazzjoni verbali, firxa ta" testijiet letterarji u mhux-letterarji, il-karatteristiċi ewlenin ta" l-istili u r-reġistri differenti ta" l-ilsien u l-varjabbiltà tal-lingwa u l-komunikazzjoni f'kuntesti differenti.

L-individwi għandu jkollhom il-ħiliet sabiex jikkomunikaw b'mod orali u bil-miktub f'varjetà ta" sitwazzjonijiet li jitolbu l-komunikazzjoni u li jimmonitorjaw u jadattaw il-komunikazzjonijiet tagħhom skond kif titlob is-sitwazzjoni. Din il-kompetenza tinkludi wkoll il-ħiliet li jsir distinzjoni bejn u użu minn testijiet differenti, it-tfittix, il-ġabra u l-ipproċessar tat-tagħrif, l-użu ta" l-għodod, il-formulazzjoni u l-espressjoni ta" l-argumenti orali u miktubin b'mod konvinċenti u xieraq skond il-kuntest.

Attitudni pożittiva lejn il-komunikazzjoni f'ilsien l-art tat-twelid tinvolvi diżpożizzjoni lejn djalogu kritiku u kostruttiv, apprezzament tal-kwalitajiet estetiċi u rieda li jsir sforz sabiex dawn jinkisbu, u interess fl-interazzjoni ma" oħrajn. Dan jimplika għarfien ta' l-impatt tal-lingwa fuq l-oħrajn u l-bżonn li wieħed jifhem u juża l-lingwa b'mod pożittiv u soċjalment responsabbli.

2.  Komunikazzjoni f'ilsna barranin(7)

Definizzjoni:

Il-komunikazzjoni f'ilsna barranin ġeneralment taqsam il-karatteristiċi ta" ħiliet ewlenin mal-komunikazzjoni f'ilsien l-art tat-twelid: hija bbażata fuq l-abbiltà li persuna tkun tista" tesprimi u tinterpreta l-ħsibijiet, sentimenti u fatti u l-opinjonijiet f'forma kemm orali kif ukoll bil-kitba (smigħ, taħdit, qari u kitba), u f'firxa xierqa ta" kuntesti soċjali u kulturali edukazzjoni u taħriġ, xogħol, dar u ħin liberu – skond ix-xewqat u l-ħtiġiet individwali.. Il-komunikazzjoni f'ilsna barranin titlob ukoll għal ħiliet bħal medjazzjoni u għarfien interkulturali. Il-livell ta" kapaċità ta" l-individwi jista" jvarja bejn l-erba" dimensjonijiet, (is-smigħ, it-taħdit, il-qari u l-kitba) u bejn l-ilsna differenti u skond l-isfond, l-ambjent u l-ħtiġijiet/interessisoċjali u kulturali ta' dak l-individwu.

Tagħrif, ħiliet u attitudni essenzjali relatati ma" din il-kompetenza

Il-kompetenza f'ilsna barranin teħtieġ għarfien ta" vokabularju u grammatika funzjonali u konoxxenza tat-tipi ewlenin ta" l-interazzjoni verbali u r-reġistri ta" l-ilsien. Għarfien tal-konvenzjonijiet soċjali, u l-aspetti kulturali u l-varjabbiltà ta" l-ilsna huwa importanti.

Il-ħiliet essenzjali jikkonsistu fl-abbiltà li persuna tifhem messaġġi orali, li tibda, tmantni u tikkonkludi konverżazzjoni u li taqra u tifhem u tipproduċi testijiet adattati għall-ħtiġijiet ta" l-individwu. L-individwi għandhom ikunu wkoll kapaċi li jużaw l-għodda adattati, u li jitgħallmu l-ilsna b'mod informali wkoll bħala parti mit-tagħlim matul il-ħajja.

Attitudni pożittiva tinvolvi l-apprezzament tad-diversità kulturali, u interess u kurżità dwar l-ilsna u l-komunikazzjoni interkulturali.

3.  Kompetenza fil-matematika u kompetenzi bażiċi fix-xjenza u t-teknoloġija

Definizzjoni:

A.  Il-kompetenza matematika hija l-abbiltà li persuna tiżviluppa u tapplika ħsieb matematiku sabiex issolvi firxa ta" problemi f'sitwazzjonijiet ta" kuljum. Filwaqt li tinbena fuq padrunanza soda tal-matematika, l-enfażi huwa fuq il-proċess u l-attività, kif ukoll fuq l-għarfien. Il-kompetenza matematika tinvolvi – fi gradi differenti – l-abbiltà u r-rieda li persuna tuża metodi ta" ħsieb (ħsieb loġiku u spazjali) u preżentazzjoni (formoli, mudelli, constructs, graffs/ċarts) matematiċi.

B.  Il-kompetenza xjentifika tirreferi għall-abbiltà u r-rieda li persuna tuża l-korp ta" għarfien u l-metodoloġija użati biex tispjega d-dinja naturali, sabiex tidentifika l-mistoqsijiet u tasal għal konklużjonijiet ibbażati fuq ix-xhieda. Il-kompetenza fit-teknoloġija hija meqjusa bħala l-applikazzjoni ta" l-għarfien u l-metodoloġija bħala reazzjoni għal dawk li jidhru bħala xewqat jew ħtiġijiet tal-bniedem. Iż-żewġ oqsma ta" din il-kompetenza jinvolvu l-għarfien tal-bidliet ikkawżati mill-attività umana u r-responsabbiltajiet bħala ċittadin individwali.

Tagħrif, ħiliet u attitudni essenzjali relatati mal-kompetenza

A.  Għarfien neċessarju fil-matematika jinkludi għarfien sod tan-numri, kejl u strutturi, operazzjonijiet bażiċi u preżentazzjonijiet matematiċi bażiċi, għarfien tat-termini u kunċetti matematiċi, u tal-mistoqsijiet fejn il-matematika tista" tipprovdi risposta.

Kull individwu għandu jkollu l-ħiliet sabiex japplika l-prinċipji u proċessi matematiċi bażiċi f'kuntesti ta" kuljum fuq ix-xogħol u d-dar, u sabiex isegwi u jivvaluta argument. Għandhom ikunu kapaċi li jirraġunaw b'mod matematiku, jifhmu prova matematika u jikkomunikaw bil-lingwa tal-matematika, u jużaw l-għodda adattati.

Attitudni pożittiva fil-matematika hija bbażata fuq ir-rispett lejn il-verità u r-rieda li persuna tfittex ir-raġunijiet u tistma l-validità tagħhom.

B.  Fix-xjenza u t-teknoloġija l-għarfien essenzjali jinkludi l-prinċipji bażiċi tad-dinja naturali, kunċetti xjentifiċi, prinċipji u metodi fundamentali, teknoloġija u prodotti u proċessi teknoloġiċi kif ukoll għarfien ta' l-impatt tax-xjenza u tat-teknoloġija fuq id-dinja naturali. Sussegwentament, dawn il-kompetenzi għandhom jgħinu lill-individwi biex jifhmu aħjar l-avvanzi, l-limitazzjonijiet u r-riskji tat-teoriji xjentifiċi, l-applikazjonijiet u t-teknoloġija fis-soċjetà in ġenerali (b'relazzjoni mat-teħid tad-deċiżjonijiet, valuri, kwistjonijiet morali, kultura, eċċ), kemm f'oqsma speċifiċi tax-xjenza bħal mediċina, u wkoll għarfien ta" l-impatt tax-xjenza u t-teknoloġija fuq id-dinja naturali.

Il-ħiliet jinkludu l-abbiltà li persuna tuża u timmanipula għodod u magni teknoloġiċi kif ukoll tagħrif xjentifiku sabiex tilħaq għan jew tasal għal deċiżjoni jew konklużjoni bbażata fuq ix-xhieda. L-individwi għandhom ikunu kapaċi wkoll li jagħrfu l-karatteristiċi essenzjali ta" inkjesta xjentifika u jkollhom l-abbiltà li jikkomunikaw il-konklużjonijiet u r-raġunar li jkun wassal għalihom.

Il-kompetenzi jinkludu attitudni ta" apprezzament kritiku u kurżità, interess fi kwistjonijiet ta" etika u rispett kemm għas-sigurezza kif ukoll is-sostenibbiltà – b'mod partikolari fir-rigward tal-progress xjentifiku u teknoloġiku fir-rigward ta" l-individwu stess, il-familja, is-soċjetà u kwistjonijiet globali.

4.  Kompetenza "diġitali"

Definizzjoni:

Il-kompetenza diġitali tinvolvi l-użu kritiku u b'fiduċja tat-Teknoloġija tas-Soċjetà tat-Tagħrif (IST) għax-xogħol, il-ħin ħieles u l-komunikazzjoni. Hija sostnuta mill-ħiliet bażiċi fl-ICT: l-użu tal-kompjuters sabiex il-persuna ssib, tivvaluta, taħżen, tippreżenta u tpartat it-tagħrif, u tikkomunika u tipparteċipa f'netwerks kollaborattivi permezz ta" l-internet.

Tagħrif, ħiliet u attitudni essenzjali relatati mal-kompetenza

Il-kompetenza diġitali teħtieġ konoxxenza u għarfien sodi tan-natura, ir-rwol u l-opportunitajiet tal-IST fil-ħajja ta" kuljum: fil-ħajja personali u soċjali kif ukoll fuq ix-xogħol. Dan jinkludi l-applikazzjonijiet ewlenin tal-komputer bħal word-processing, spreadsheets, bażijiet tat-tagħrif, ħażna u maniġġar tat-tagħrif, u konoxxenza ta" l-opportunitajiet u riskji potenzjali li joffru l-Internet u l-komunikazzjoni permezz tal-medja elettronika (posta elettronika, għodod tan-netwerks) għax-xogħol, għal-ħin ħieles, tpartit tat-tagħrif u kollaborazzjoni fin-netwerking, tagħlim u riċerka. L-individwi għandhom jifhmu wkoll kif l-IST jista" jappoġġa l-kreattività u l-innovazzjoni, u jkunu konxji tal-kwistjonijiet relatati mal-validità u l-affidabbiltà tat-tagħrif disponibbli u tal-prinċipji legali u etiċi involuti fl-użu interattiv ta" l-IST.

Il-ħiliet meħtieġa jinkludu: il-kapaċità li persuna tfittex, tiġbor u tipproċessa t-tagħrif u tagħmel użu minnu b'mod kritiku u sistematiku, tivvaluta r-rilevanza u tiddistingwi r-reali mill-virtwali waqt li tirrikonoxxi l-irbit. L-individwi għandu jkollhom il-ħiliet li jużaw l-għodod sabiex jipproduċu, jippreżentaw u jifhmu tagħrif kumpless u l-abbiltà li jilħqu, jużaw u jfittxu f'servizzi bbażati fuq l-internet; għandhom ikunu wkoll kapaċi jużaw l-IST bħal appoġġ għal ħsieb kritiku, il-kreattività u l-innovazzjoni

L-użu ta" l-IST jeħtieġ attitudni kritika u ta" riflessjoni lejn it-tagħrif disponibbli u użu responsabbli tal-medja interattiva; interess f'impenn fil-komunitajiet u n-netwerks għal għanijiet kulturali, soċjali u/jew professjonali huwa wkoll ta" appoġġ għal kompetenza.

5.  Kapaċità għat-tagħlim

Definizzjoni:

"Kapaċità għat-tagħlim" hija l-kapaċità li individwu jfittex u jippersisti fit-tagħlim. L-individwi għandhom ikunu kapaċi li jorganizzaw it-tagħlim tagħhom stess, inkluż permezz ta" l-immaniġġar tal-ħin u t-tagħrif, kemm bħala individwi u kemm bħala gruppi. Il-kompetenzi jikludu konoxxenza tal-proċess ta" tagħlim u l-ħtiġiet ta" l-individwu, l-identifikazzjoni ta" l-opportunitajiet disponibbli, u l-kapaċità li l-individwu jissupera l-ostakoli sabiex ikollu suċċess fit-tagħlim. Dan ifisser il-kisba, l-ipproċessar u l-assimilazzjoni ta" għarfien u ħiliet ġodda kif ukoll it-tfittix u l-użu tal-pariri. Il-kapaċità għat-tagħlim timpenja l-istudenti sabiex jibnu fuq it-tagħlim preċedenti u l-esperjenza tal-ħajja sabiex jużaw u japplikaw l-għarfien u l-ħiliet f'varjetà ta" kuntesti – id-dar, fuq ix-xogħol, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ. Il-motivazzjoni u l-kunfidenza huma kruċjali għall-kompetenza ta" individwu.

Tagħrif, ħiliet u attitudni essenzjali relatati mal-kompetenza

Fejn it-tagħlim huwa indirizzat lejn xi xogħol partikolari jew miri fil-karriera, l-individwu għandu jkollu għarfien tal-kompetenzi, għarfien, ħiliet u kwalifikazzjonijiet meħtieġa. F'kull każ, il-kapaċità għat-tagħlim teħtieġ li individwi jkunu jafu u jifhmu l-istrateġiji tat-tagħlim ippreferuti, il-qawwa u d-djufija tal-ħiliet u l-kwalifikazzjonijet tagħhom u jkunu kapaċi li jfittxu l-opportunitajiet ta" edukazzjoni u taħriġ u l-pariri/appoġġ li jkun hemm disponibbli għalihom.

Il-ħtiġiet tal-kapaċità għat-tagħlim jeħtieġu, l-ewwelnett, l-akkwist tal-ħiliet bażiċi fundamentali bħall-qari u l-kitba, il-matematika u l-ICT li huma meħtieġa għal aktar tagħlim. Billi jibni fuq dan, l-individwu għandu jkun kapaċi jilħaq, jakkwista, jipproċessa u jassimila tagħrif u ħiliet ġodda. Dan jeħtieġ maniġġar effettiv tal-modi ta" tagħlim, karriera u xogħol u, b'mod partikolari, il-kapaċità li l-individwu jippersisti fit-tagħlim, li jikkonċentra għal perijodi twal u li jirrifletti b'mod kritiku dwar l-għanijiet u l-miri tat-tagħlim. L-individwi għandhom ikunu kapaċi li jiddedikaw ħin għat-tagħlim minn jeddhom u b'dixxiplina, iżda wkoll li jaħdmu ma" oħrajn bħala parti mill-proċess ta" tagħlim, jipprofittaw mill-benefiċċji ta" grupp eteroġenu u jaqsmu dak li jkunu tgħallmu ma" oħrajn. Għandhom ikunu kapaċi jivvalutaw ix-xogħol tagħhom stess u jfittxu parir, tagħrif u appoġġ meta jkun xieraq.

Attitudni pożittiva tinkludi l-motivazzjoni u l-kunfidenza li l-individwu jsegwi u jirnexxi fit-tagħlim matul il-ħajja. Attitudni problem-solving tappoġġa kemm it-tagħlim kif ukoll l-abbiltà ta" l-individwu li jiffaċċja l-ostakoli u l-bidla. Ix-xewqa li jkun applikat it-tagħlim u l-esperjenzi tal-ħajja preċedenti u l-kurżità li l-individwu jfittex l-opportunitajiet sabiex jitgħallem u japplika t-tagħlim f'varjetà ta" kuntesti matul il-ħajja huma elementi essenzjali ta" attitudni pożittiva.…..

6.  Kompetenza soċjali u ċiviċi;

Definizzjoni:

Dawn il-kompetenzi - personali, interpersonali, interkulturali soċjali u ċivika - jkopru kull forma ta" aġir li jħejju l-individwi sabiex jipparteċipaw b'mod effettiv u kostruttiv fil-ħajja soċjali u tax-xogħol u, b'mod partikolari, f'soċjetajiet dejjem aktar diversi u, fejn ikun meħtieġ, jirrisolvu l-konflitti. Il-kompetenza ċivili tħejji l-individwi sabiex jipparteċipaw b'mod sħiħ fil-ħajja ċivili, bis-saħħa ta" l-għarfien tal-kunċetti u strutturi soċjali u politiċi u impenn għal parteċipazzjoni attiva u demokratika.

Tagħrif, ħiliet u attitudni essenzjali relatati mal-kompetenza

A.  Il-benesseri personali u soċjali jitlob konoxxenza ta" kif l-individwi jistgħu jiżguraw saħħa fiżika u mentali mill-aqwa , inkluż bħala riżors kemm għall-individwu nnifsu kif ukoll għall-familja tiegħu, u għall-ambjent soċjali qrib tiegħu,u l-għarfien ta" kif stil ta" ħajja tajjeb għas-saħħa jista" jikkontribwixxi għal dan. Sabiex ikun hemm parteċipazzjoni interpersonali u soċjali tajba, huwa essenzjali li jkun hemm għarfien tal-kodiċi ta" kondotta u manjieri ġeneralment aċċettati fis-soċjetajiet u ambjenti differenti (eż. fuq ix-xogħol), Huwa ugwalment importanti li jkun hemm ukoll għarfien tal-kunċetti bażiċi relatati ma" l-individwi, gruppi, organizzazzjonijiet tax-xogħol, ugwaljanza bejn is-sessi, u non-diskriminazzjoni, soċjetà u kultura. L-għarfien tad-dimensjonijiet multikulturali u soċjoekonomiċi tas-soċjetajiet Ewropej u kif l-identità kulturali nazzjonali tirrelata ma" l-identità Ewropea huwa essenzjali.

Il-ħiliet sabiex l-individwu jikkomunika b'mod kostruttiv f'ambjenti differenti, ikun tolleranti, jesprimi u jifhem opinjonijiet differenti, jinnegozja bil-kapaċità li jispira fiduċja u jħoss l-empatija huma l-qalba ta" din il-kompetenza. L-individwi għandhom ikunu kapaċi li jifilħu t-tensjoni u l-frustrazzjoni u jesprimuhom b'mod kostruttiv u għandhom ukoll jiddistingwu bejn l-oqsma personali u professjonali.

Fir-rigward ta" l-attitudni, il-kompetenza hija bbażata fuq il-kollaborazzjoni, kif l-individwu jasserixxi ruħu u l-integrità. L-individwi għandu jkollhom interess fl-iżvilupp soċoekonomiku, il-komunikazzjoni interkulturali, jgħożżu d-diversità u jirrispettaw lill-oħrajn u jkun lesti kemm li jirbħu l-preġudizzi kif ukoll li jaslu għal kompromessi.

B.  Il-kompetenza ċivili hija bbażata fuq l-għerf tad-demokrazija, il-ġustizzja, l-ugwlajanza,iċ-ċittadinanza u d-drittijiet ċivili, inklużi kif jidhru fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta" l-Unjoni Ewropea u dikjarazzjonijiet internazzjonali u applikati minn istituzzjonijiet varji fuq livelli lokali, reġjonali, nazzjonali, Ewropej u internazzjonali. Hija tinkludi l-għerf dwar avvenimenti kontemporanji, kif ukoll avvenimenti ewlenin u xejriet fl-istorja nazzjonali, Ewropea u dinjija. Barra minn hekk, għandha tiġi żviluppata kuxjenza dwar il-miri, valuri u politiki tal-movimenti soċjali u politiċi. Għarfien ta' l-integrazzjoni Ewropea u ta' l-istrutturi ta' l-UE, l-objettivi u l-valuri ewlenin huwa essenzjali wkoll, kif ukoll kuxjenza tad-divesità u ta' l-identità kulturali Ewropea.

Il-ħiliet jirrelataw mal-kapaċità ta" l-individwu li jingrana ma" oħrajn b'mod effettiv fil-qasam pubbliku, juri solidarjetà u jieħu interess fis-soluzzjoni ta" problemi li jeffettwaw il-komunità lokali u dik aktar wiesgħa.Tinvolvi riflessjoni kritika u kreattiva u parteċipazzjoni kostruttiva fl-attivitajiet tal-komunità/distrett kif ukoll fit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livelli kollha minn lokali sa" nazzjonali u l-livell Ewropew, b'mod partikolari billi l-individwu jivvota.

Ir-rispett sħiħ għad-drittijiet umani, inklużi l-ugwaljanza bħala bażi għad-demokrazija, l-apprezzament u l-għarfien tad-differenzi bejn is-sistemi ta" valuri tar-reliġjonijiet differenti jew gruppi etniċi huma s-sisien għal attitudni pożittiva. Dan ifisser wirja kemm ta' sens ta" appartenenza għal-lokalità, għall-pajjiż, għall-UE u għall-Ewropa in ġenerali u għad-dinja u r-rieda għal parteċipazzjoni fit-teħid ta" deċiżjonijiet b'mod demokratiku fil-livelli kollha. Jinkludi wkoll il-wiri ta' sens ta' responsabiltà kif ukoll il-kapaċità li tifhem u tirrispetta l-valuri komuni li huma meħtieġa biex tkun assigurata l-koeżjoni tal-komunità, bħar-rispett għall-prinċipji demokratiċi.Il-parteċipazzjoni kostruttiva tinvolvi wkoll l-attivitajiet ċiviċi, appoġġ għad-diversità u l-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp sostenibbli, u rieda għar-rispett tal-valuri u l-privatezza ta" l-oħrajn.

7.  Sens ta' inizjattiva u Intraprenditorija

Definizzjoni:

L-intraprenditorija tirreferi għall-kapaċità ta" l-individwu li jdawwar l-ideat f'azzjoni. Tinkludi l-kreattività, l-innovazzjoni u t-teħid tar-riskju, kif ukoll l-abiltà ta" l-ippjanar u l-immaniġġar tal-proġetti sabiex jintlaħqu l-għanijiet. Dan huwa ta" appoġġ għal individwi, mhux biss fil-ħajja ta" kuljum tagħhom fid-dar u fis-soċjetà, iżda wkoll fuq il-post tax-xogħol sabiex ikunu konxji mill-kuntest tax-xogħol tagħhom u sabiex ikunu kapaċi li jaħtfu l-opportunitajiet, u huwa l-pedament għal ħiliet aktar speċifiċi u l-għarfien meħtieġ minn dawk li jistabbilixxu jew jikkontribwixxu għall-attivitajiet soċjali jew kummerċjali, li għandhom jinkludu għarfien ta" valuri etiċi u jippromwovu tmexxija tajba .

Tagħrif, ħiliet u attitudni essenzjali relatati mal-kompetenza

L-għarfien neċessarju jinkludi l-kapaċità li wieħed jidentifika l-opportunitajiet disponibbli għall-attivitajiet personali, professjonali u/jew ta" negozju, inklużi kwistjonijiet aktar wiesgħin li jindikaw il-kuntest fejn in-nies jgħixu u jaħdmu, bħal konoxxenza aktar wiesa" tal-mod kif taħdem l-ekonomija, u l-opportunitajiet u l-isfidi li jiffaċċja min iħaddem jew organizzazzjoni. L-individwi għandhom ikunu konxji wkoll mill-pożizzjoni etika ta" l-intrapriża, u kif jistgħu jkunu forza għall-ġid, per eżempju permezz ta" negozju ġust jew intrapriża soċjali.

Il-ħiliet jirrigwardaw l-immaniġġar proattiv tal-proġetti (jinvolvu ħiliet bħall-ippjanar, l-organizzazzjoni, l-immaniġġar, tmexxija u delegazzjoni, analiżi, komunikazzjoni, de-briefing u valutazzjoni u reġistrar), ir-rappreżentazzjoni u l-innegozjar effettivi,u l-abbiltà ta" xogħol kemm bħala individwu kif ukoll b'mod kollaborattiv f'tim. Id-dehen sabiex l-individwu jidentifika fejn hu dgħajjef u fejn hu b'saħħtu u jivvaluta u jieħu r-riskji kif u meta jkun meqjus li jkun iġġustifikat.

Attitudni intraprenditorjali hija karatterizzata minn inizjattiva, pro-activity, indipendenza u innovazzjoni fil-ħajja personali u soċjali daqs kemm fil-ħajja tax-xogħol. Tinkludi wkoll il-motivazzjoni u d-determinazzjoni sabiex jintlaħqu l-għanijiet, kemm jekk ikunu miri personali jew miri maqsuma ma" oħrajn u/jew fuq ix-xogħol.

8.  Kuxjenza kulturali u espressjoni ta' kultura

Definizzjoni:

Apprezzament ta" l-importanza ta" l-espressjoni kreattiva ta" l-ideat, l-esperjenzi u l-emozzjonijiet f'firxa ta" midja li tinkludi l-mużika, iż-żfin, kant, reċtar, eċċ (performing arts), il-letteratura u l-arti viżwali.

Tagħrif, ħiliet u attitudni essenzjali relatati mal-kompetenza

L-għerf kulturali jinkludi kuxjenza tal-wirt kulturali lokali, nazzjonali u Ewropew u posthom fid-dinja. Ikopri għerf bażiku ta' l-opri kulturali l-aktar importanti, inkluża l-kultura popolari kontemporanja. Huwa essenzjali li jkun hemm għarfien tad-diversità lingwistika fl-Ewropa (u fir-reġjuni l-oħra fid-dinja), il-ħtieġa li din tkun ippreservata u li tinftiehem l-importanza tal-fatturi estetiċi fil-ħajja ta" kuljum.

Il-ħiliet huma relatati kemm ma" l-apprezzament kif ukoll ma" l-espressjoni: l-espressjoni ta" l-individwu stess permezz ta" varjetà ta" medja skond il-kapaċitajiet personali u l-apprezzament u t-tgawdija ta" l-opri u l-preżentazzjonijiet artistiċi. Il-ħiliet jinkludu wkoll il-kapaċità li individwu jirrelata l-opinijonijiet kreattivi u ta" espressjoni tiegħu ma" dawk ta" oħrajn u jidentifika u jattwa opportunitajiet soċjali u ekonomiċi fl-attività kulturali. L-espressjoni kulturali hija essenzjali għall-iżvilupp tal-ħiliet kreattivi, li jistgħu jiġu trasferiti għal ħafna kuntesti professjonali.

Għarfien sod tal-kultura proprja u sens ta" identità qawwi jistgħu jkunu l-bażi għar-rispett u attitudni miftuħa għad-diversità ta" l-espressjoni kulturali. Attitudni pożittiva tkopri wkoll il-kreattività u r-rieda li tkun ikkultivata l-kapaċità estetika permezz ta" l-espressjoni artitistika ta" l-individwu stess u l-parteċipazzjoni fil-ħajja kulturali.

(1) ĠU C 195, 18.8.2006, p. 109.
(2) ĠU C 229, 22.9.2006, p. 21.
(3) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Settembru 2006.
(4) ĠU C 163, 9.7.2002, p.1.
(5)* ĠU: erba" snin wara l-adozzjoni ta" din ir-Rakkomandazjoni.
(6) Fil-kuntest tas-soċjetajiet multikulturali u multilingwi, huwa rikonoxxut li l-ilsien ta" l-art tat-twelid jista' f'xi każijiet ma jkunx il-lingwa uffiċjali ta" l-Istat Membru, u li dik l-abbiltà ta" komunikazzjoni b'lingwa uffiċjali hija pre-kondizzjoni biex tiżgura s-sehem sħiħ ta" l-individwu fis-soċjetà. F'xi Stati Membri l-lingwa materna tista" tkun waħda minn diversi lingwi uffiċjali. Il-miżuri li jindirizzaw każijiet bħal dawn , u li japplikaw id-definizzjoni kif xieraq, huma kwistjonijiet għall-Istati Membri individwali skond il-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi speċifiċi tagħhom.
(7)1 Huwa importanti li jkun rikonoxxut li ħafna Ewropej jgħixu f'familji u komunitajiet li jitkellmu żewġ lingwi jew li huma multilingwistiċi, u li l-lingwa uffiċjali tal-pajjiż fejn jgħixu tista' ma tkunx il-lingwa nattiva tagħhom.  Għal dawn il-gruppi din il-kompetenza tista' tapplika għal lingwa uffiċjali, iktar milli għal lingwa barranija.  Il-ħtieġa, motivazzjoni u raġunijiet soċjali/ekonomiċi li għalihom jiżviluppaw din il-kompetenza biex jappoġġjaw l-integrazzjoni tagħhom jistgħu ivarjaw, pereżempju, minn dawk li jitgħallmu lingwa barranija għal raġunijiet ta' safar jew xogħol.  Miżuri sabiex  tali każijiet ikunu indirizzati, u sabiex tkun applikata t-tifsira, huma kwistjoni għall-Istati Membri individwali skond il-ħtiġijiet u ċ-ċirkustanzi speċifiċi tagħhom.

Avviż legali - Politika tal-privatezza