Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2060(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0235/2006

Testi mressqa :

A6-0235/2006

Dibattiti :

PV 25/09/2006 - 13
CRE 25/09/2006 - 13

Votazzjonijiet :

PV 26/09/2006 - 7.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2006)0366

Testi adottati
PDF 320kWORD 93k
It-Tlieta, 26 ta' Settembru 2006 - Strasburgu
L-istrateġija tematika dwar it-tniġġis ta' l-arja
P6_TA(2006)0366A6-0235/2006

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew dwar l-istrateġija tematika dwar it-tniġġis ta' l-arja (2006/2060(INI))

Il-Parlament Ewropew,

-   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-Istrateġija Tematika dwar it-tniġġis ta' l-arja (COM(2005)0446),

-   wara li kkunsidra s-Sitt Programm ta' Azzjoni Komunitarju għall-Ambjent (Sitt EAP)(1),

-   wara li kkunsidra l-Istrateġija ta' Liżbona (Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Barċellona, tal-15 u 16 ta' Marzu 2002),

-   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-programm Arja Nadifa għall-Ewropa (CAFE): Lejn strateġija Tematika fuq il-Kwalità ta' l-Arja (COM(2001)0245),

-   wara li kkunsidra l-evalwazzjoni ta' l-impatt (IA) dwar l-Istrateġija Tematika fuq it-Tniġġis ta' l-Arja u d-Direttiva dwar "Il-Kwalità ta' l-Arja fl-Ambjent u Arja Iktar Nadifa għall-Ewropa" (SEC(2005)1133),

-   wara li kkunsidra r-rapport dwar l-Aspetti Sanitarji tat-Tniġġis ta' l-Arja - ir-riżultati mill-proġett tad-WHO "Evalwazzjoni Sistematika ta' Aspetti tas-Saħħa tat-Tniġġis ta' l-Arja" fl-Ewropa(2),

-   wara li kkunsidra l-laqgħa ta' informazzjoni dwar politika mill-Istitut għall-Politika Ambjentali Ewropea (IEEP)(3),

-   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva ġdida dwar il-kwalità ta' l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (COM(2005)0447),

-   wara li kkunsidra l-korpus kbir ta' leġiżlazzjoni ta' l-UE eżistenti li tikkontrolla l-kwalità ta' l-arja u l-emissjonijiet fl-arja, inklużi: id-Direttiva ta' Qafas għall-Kwalità ta" l-Arja(4)u d-direttivi li jsegwuha, id-Direttiva għal-Limiti Nazzjonali ta' l-Emissjonijiet(5), id-Direttiva għall-Impjanti Kbar ta' Kombustjoni(6), id-Direttiva li tikkontrolla l-emissjonijiet mill-vetturi u l-kwalità tal-fjuwil, id-Direttiva għall-Emissjonijiet mis-Solventi(7) u d-Direttiva għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tat-Tniġġis Integrat (IPPC)(8);

-   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew għall-Ambjent tad-9 ta' Marzu 2006,

-   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

-   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u Sikurezza ta' l-Ikel (A6-0235/2006),

A.   billi t-tniġġis ta' l-arja huwa kawża ewlenija ta' mewt u ta' mard fl-Ewropa, li jwassal għal tnaqqis medju ta' 'l fuq minn tmien xhur mill-għomor ta' kull individwu; billi t-tfal, l-anzjani, in-nies li jsofru minn mard respiratorju u kardjovaskulari, u billi dawk li jgħixu f'żoni ta' espożizzjoni għoli, bħal żoni urbani (l-ibliet) u qrib toroq prinċipali, jiffaċċjaw theddida partikulari għal saħħithom,

B.   billi l-objettiv ġenerali ta' l-Istrateġija Tematika fuq it-Tniġġis ta' l-Arja huwa li tfassal politika strateġika integrata għal medda ta' żmien twil biex tissielet it-tniġġis ta' l-arja sabiex jinkisbu l-objettivi tas-Sitt EAP relatat mal-ħarsien tas-saħħa umana u ta' l-ambjent,

C.   billi fl-aħħar deċennji diġà sar progress konsiderevoli fit-tnaqqis ta' l-emissjonijiet fl-arja mill-iżjed sustanzi niġġiesa li huma perikolużi għas-saħħa,

D.   billi l-partiċelli PM2.5 u l-ożonu troposferiku huma l-iżjed sustanzi niġġiesa fl-arja li jikkawżaw problemi għas-saħħa,

E.   billi 55% ta' l-ekosistemi Ewropej huma mħassrin bit-tniġġis ta' l-arja,

F.   billi t-tniġġis ta' l-arja jeżisti fl-Istati Membri kollha u huwa kwistjoni transkonfinali, ladarba l-materja f'partiċelli tinxtered bosta mijiet ta' kilometri, u għal dan trid tinstab soluzzjoni Ewropea u jeħtieġ jittieħdu miżuri transkonfinali iżjed b'saħħithom; billi dan il-fatt ma jeżentax lil ċerti Stati Membri mill-obbligi partikulari tagħhom li jikkonformaw mal-valuri ta' limitu għall-kwalità ta' l-arja,

G.   billi t-tniġġis ta' l-arja jista' jiġi missielet b'mod effettiv biss permezz ta' pakkett ikkoordinat ta' miżuri li jikkumbinaw miżuri fuq livell Ewropew, nazzjonali u lokali li jkunu primarjament maħsubin biex jissieltu l-emissjonijiet ta' sustanzi niġġiesa fis-sors tagħhom,

H.   billi l-Artikolu 7 tas-Sitt EAP jgħid li wieħed mill-għanijiet huwa li jinkiseb "livelli ta' kwalità ta' l-arja li ma jikkawżax impatti negattivi sinifikanti u riskji fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent."

I.   billi fost il-miżuri ewlenin elenkati fl-Artikolu 7 tas-Sitt EAP hemm l-iżvilupp ta' strateġija tematika fuq it-tniġġis ta' l-arja, u l-evalwazzjoni u l-aġġornament ta' l-istandards tal-kwalità ta' l-arja u tal-limiti nazzjonali ta' l-emissjonijiet, bil-ħsieb li jintlaħaq l-objettiv ta' żmien fit-tul li ma jinqabżux volumi u livelli kritiċi; billi t-tniġġis ta' l-arja hija problema kumplessa li tista' tissolva biss permezz ta' approċċ sistematiku li jqis l-interazzjonijiet,

J.   billi l-implimentazzjoni effettiva tal-leġislazzjoni eżistenti hija essenzjali sabiex jiġi żgurat titjib fil-kwalità ta' l-arja fl-2020, u billi xi leġiżlazzjoni eżistenti għadha fil-proċess ta' implimentazzjoni,

K.   billi objettivi ambizzjużi fit-titjib tal-kwalità ta' l-arja jistgħu jintlaħqu biss jekk il-leġiżlazzjoni eżistenti tkun implimentata b'mod konsistenti fl-Istati Membri kollha u jekk il-proposti leġiżlattivi l-ġodda jikkonċentraw biex jillimitaw l-emissjonijiet ta' min iniġġes,

L.   billi fl-Evalwazzjoni ta' l-Impatt tagħha (IA) l-Kummissjoni ppreżentat tliet xenarji (A, B u C) li jirriflettu livelli differenti ta' ambizzjoni kif ukoll xenarju ta' tnaqqis massimu li jkun teknikament fattibbli,

M.   billi l-IA juri li l-maġġoranza taċ-ċittadini Ewropej jaqblu ma' politika Ewropea li ttejjeb il-kwalità ta' l-arja b'livell ta' ambizzjoni simili għal xenarju C; madankollu, fl-Istrateġija l-Kummissjoni għażlet livell ta' ambizzjoni inqas għoli, li jista' jkun jiġi kwalifikat bħala A+,

N.   billi l-ispejjeż biex jitnaqqsu l-livelli tat-tniġġis ta' l-arja fix-xenarji kollha huma inqas mill-benefiċċji finanzjarji; billi l-ebda xenarju ma jikkomprometti l-pożizzjoni kompettitiva ġenerali ta' l-UE u billi xenarju ambizzjuż iwassal għall-ħolqien ta' l-impjiegi,

O.   billi l-evalwazzjoni ta' l-impatt tal-Kummissjoni hija dettaljata u tagħti kas kemm tar-Regolamentazzjoni Aħjar u kemm l-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli; madankollu hemm nuqqas serju ta' approċċ sistematiku fl-Istrateġija proposta u d-Direttiva ta' l-Arja relatata, billi, pereżempju, m'humiex mistennija iktar emissjonijiet tas-CO2, li, bla dubbju, twassal għal stima esaġerata ta' l-ispejjeż u għal sottovalutazzjoni tal-benefiċċji għall-Istrateġija billi t-tnaqqis kontinwu ta' l-emissjonijiet wara l-2012 ser jikkontribwixxi għal titjib fil-kwalita ta' l-arja, bħala wieħed mill-ħafna effetti,

P.   billi l-IA juri li l-aħjar xenarju - dak fejn l-ispejjeż marġinali ikunu daqs il-benefiċċji marġinali - jinstab bejn ix-xenarju B u C, minkejja l-fatt li l-kwantifikazzjoni tad-dannu lill-ekosistemi, materjal għal uċuh tal-raba' kif ukoll ċertu effetti ħżiena fuq is-saħħa m'humiex inklużi fl-ispejjeż,

Q.   billi l-grupp ta' ħidma CAFE fuq il-materja f'partiċelli (PM) rrimarka li hemm riskji għas-saħħa relatati mal-PM 2.5 f'konċentrazzjonijiet taħt l-10 µg/m3 u li valur ta' limitu m'għandux jaqbeż l-20 µg/m3 ,

R.   billi - kif innotat mill-IEEP - il-valur PM2.5 ta' 25 µg/m3 kif propost mill-Kummissjoni ma jinvolvix iżjed ekwiżiti strinġenti għall-Istati Membri fuq il-PM, iżda jnaqqas l-obbligi billi jippermetti xi eżenzjonijiet,

S.   billi titjib fil-kwalità ta' l-arja huwa ta' benefiċċju għas-soċjetà in ġenerali, waqt li l-ispejjeż jidħlu għalihom setturi speċifiċi; billi, minħabba dan, jeħtieġ li jinstabu mezzi kif jkunu koperti l-ispejjeż meta l-applikazzjoni tal-prinċipju "min iniġġes iħallas" twassal għal spejjeż inaċċettabbli għal xi settur speċifiku,

T.   billi s-setturi kollha għandhom jikkontribwixxu għal titjib fil-kwalità ta' l-arja, partikularment dawk is-setturi li s'issa ma kkontribwewx biżżejjed sabiex l-arja tinżamm nadifa,

U.   billi d-dispożizzjonijiet tas-suq jistimulaw il-kisba ta' l-għanijiet ambjentali u jillimitaw il-valuri ta' limitu fl-UE, sakemm l-għanijiet ikunu implimentati b'mod indaqs fid-diversi Stati Membri,

V.   billi bosta Stati Membri ma jilħqux il-valuri ta' limitu stipulati fil-leġiżlazzjoni attwali dwar il-kwalità ta' l-arja - u billi l-biċċa l-kbira tal-problemi jaffettwaw lill-Olanda, il-Belġju, il-Ġermanja, it-tramuntana ta' l-Italja, il-Polonja u lill-ibliet il-kbar; billi l-miżuri adottati s'issa li jindirizzaw lis-sorsi tat-tniġġis m'humiex biżżejjed biex jinkisbu l-valuri ta' limitu,

W.   billi n-nuqqas ta' konformità mal-valuri ta' limitu ma jkunx dejjem dovuti għal xi nuqqas ta' teħid ta' miżuri mill-Istati Membri, iżda ġieli jkun ikkawżat minn nuqqas ta' miżuri Komunitarji adegwati,

X.   billi hemm il-ħtieġa ta' strateġija li jkolla għanijiet ambizzjużi li jissarrfu f'leġiżlazzjoni ambizzjuża dwar il-kwalità ta' l-arja, akkumpanjati minn miżuri li jiffokaw fuq is-sorsi ta' tniġġis, sabiex jippermettu lill-Istati Membri jilħqu l-istandards tal-kwalità ta' l-arja waqt li jagħtu iżjed żmien lil dawk l-Istati Membri li għad li jkunu ħadu l-miżuri xierqa kollha jkunu għadhom jiffaċċjaw xi problemi biex jilħqu l-valuri ta' limitu xorta waħda,

Y.   billi sabiex tiżgura l-kisba ta' objettivi sanitarji u ambjentali, id-Direttiva għal-Limiti Nazzjonali ta' l-Emissjonijiet għandha tkun ikkumplimentata b'taħlita ta' miżuri ta' tnaqqis ta' emissjonijiet fuq il-livelli lokali, nazzjonali, Komunitarji u internazzjonali,

Id-definizzjoni tal-livell ta' ambizzjoni meħtieġ fl-indirizzar tat-tniġġis ta' l-arja

1.  Jilqa' l-Istrateġija Tematika dwar it-Tniġġis ta' l-Arja tal-Kummissjoni, li tisħaq fuq il-fatt li t-tniġġis ta' l-arja huwa problema sanitarja u ambjentali serja;

2.  Jinnota bi tħassib li l-Istrateġija ma turix kif l-objettivi tas-Sitt EAP jistgħu jintlaħqu; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni sabiex għall-2020 timmirra għal-livell deċiżivament ogħla ta' ambizzjoni biex jitnaqqas it-tniġġis ta' l-arja sabiex jinkisbu dawk l-objettivi;

3.  Huwa konxju tal-fatt li l-livell ta' ambizzjoni A+ għall-NH3 f'paragrafu 2 ta' l-Istrateġija huwa relattivament ambizzjuż għa-settur agrikolu, iżda jitlob lill-Kummissjoni li tikkunsidra sew il-problemi ta" aċidifikazzjoni kkawżati mill-NH3 fir-reviżjoni tal-CAP, u għaldaqstant taħdem għal-livell ta" ambizzjoni C;

4.  Jinnota b'dispjaċir li l-Istrateġija ma tinkludix xi rekwiżit legali sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet f'partiċelli, kif irrakkomandat mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, iżda sempliċiment tillimita ruħha biex tissuġġerixxi miri indikattivi;

5.  Jitlob għall-strateġija b'għanijiet ta' tnaqqis iżjed ambizzjużi li jikkorrispondu ma' xenarju Ċ għall-komposti volatili organiċi (VOC), PM2.5 u n-NOx, għax din twassal għal iżjed benefiċċji fis-saħħa u fl-impjiegi waqt li żżomm approċċ bilanċjat bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji; jitlob għal tnaqqis kif imsemmi fit-tabella t'hawn taħt:

2020 Leġiżlazzjoni Preżenti

2020 TSAP(9)

2020 Objettivi tal-PE u x-xenarju li jikkorrispondi

SO2

68%

82%

82% (B)

NOx

49%

60%

65% (C)

VOC

45%

51%

55% (C)

NH3

4%

27%

27% (A+)

PM2.5

45%

59%

61% (C)

Spejjeż totali

(kull sena)

EUR 7 100 miljun iżjed

+/- EUR 11000 miljun iżjed

6.  Jitlob lill-Kummissjoni biex taġġorna d-dħul tad-data użat għall-mudell ta' evalwazzjoni integrat sabiex jitqiesu l-miżuri strutturali, biex jiġi kkunsidrat b'mod sħiħ il-potenzjal li jitnaqqsu l-emissjonijiet mit-tbaħħir internazzjonali, biex tiġi inkluża l-leġiżlazzjoni rilevanti eżistenti kollha fl-hekk imsejjaħ 'xenarju ta' riferenza', u biex tuża xenarju enerġetiku li jkun konformi mal-politika ambizzjuża ta' l-UE dwar il-klima qabel ma tuża l-mudell għat-tħejjija tar-reviżjoni tad-Direttiva għal-Limiti Nazzjonali ta' l-Emissjonijiet; jemmen li l-aġġornament tad-dħul tad-data użata għall-analiżi skond dawn il-parametri, flimkien ma' l-inklużjoni ta' miżuri strutturali u mhux tekniċi oħrajn għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet, inaqqas b'mod sostanzjali l-istima ta' l-ispiża biex jintlaħqu objettivi temporanji u jirriżulta f'potenzjal ta' tnaqqis ta' emissjonijiet sostanzjalment ogħla,

7.  Huwa favur l-introduzzjoni ta' limitu ta' valur annwali ta' PM10 ta' 33µg/m3 fl-2010 u jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li tintroduċi tnaqqis ta' konċentrament ta' PM2.5, għax l-ammont ta' PM2.5 li hemm fil-PM10 huwa l-iżjed wieħed ta' ħsara għas-saħħa; jitlob għall-introduzzjoni, fl-2010, ta' objettiv ta' valur ta' 20 µg/m3 għall-PM2.5, li jsir limitu ta' valur annwali fl-2015, u, skond ir-rakkomandazzjoni tad-WHO, objettiv ta' valur ta' żmien fit-tul ta' µg/m3 għall-PM2.5; jaqbel li għandu jkun possibbli li jingħata iżjed żmien għall-kisba tal-valuri ta' limitu u valuri fil-mira lil dawk l-Istati Membri li jkunu jistgħu juru li ħadu l-miżuri fattibbli kollha;

8.  Jargumenta favur iktar uniformità fil-metodi ta' kejl u ta' kalkolu użati mill-Istati Membri differenti għall-konċentrazzjonijiet ta' partiċelli fini; iqis, fost oħrajn, li l-fatturi ta' korrezzjoni jridu jiġu applikati sewwa;

9.  Huwa konvint li t-tnaqqis fit-tniġġis propost jista' jinkiseb biss jekk l-UE ssaħħaħ il-leġiżlazzjoni tagħha dwar l-emissjonijiet u jitlob għall-adozzjoni ta' limiti ta' valur ambizzjużi li jkunu jorbtu iżjed;

10.  Jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li tintroduċi mira ta' tnaqqis fl-espożizzjoni ta' 20% għall-PM2.5 fl-2020 imqabbel ma' l-indiċi ta' espożizzjoni medju ta' l-2010; madankollu jitlob għal objettivi ta' tnaqqis differenzjati, li jqisu l-livelli inizzjali differenti ta' l-Istati Membri u l-miżuri meħudin qabel, b'riferenza partikulari għall-potenzjal ta' iżjed tnaqqis ta' l-Istati meta l-livell ta' espożizzjoni inizjali jkun għoli;

11.  Jitlob għall-introduzzjoni ta' twissijiet dwar l-ismogg f'każ ta' livelli għoljin ta' smogg u biex in-nies jitħeġġu ma jużawx fuklari miftuħin u biex f'dawk il-ġranet inaqqsu l-użu tal-karozzi;

12.  Huwa konvint li t-tnaqqis propost jista' jinkiseb biss jekk l-UE ssaħħaħ il-leġiżlazzjoni tagħha dwar l-emissjonijiet; jirrimarka li t-tniġġis ta' l-arja jista' jiġi indirizzat biss jekk il-valuri ta' limitu jkunu konnessi ma' politika ambizzjuża dwar l-emissjonijiet;

Miżuri settorali

13.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri meħtieġa mill-aktar fis sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet fis-setturi varji li jikkontribwixxu għat-tniġġis ta' l-arja, u f'dan ir-rigward għandha tingħata prijorità partikulari lis-setturi li s'issa ma kienu qatt regolati u fejn ikun jista' jinkiseb iżjed tnaqqis ta' emissjonijiet b'inqas spejjeż;

14.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex mill-aktar fis tressaq proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva għal-Limiti Nazzjonali ta' l-Emissjonijiet u biex tagħmilha proporzjonata mal-livell ta' ambizzjoni mħeġġeġ mill-Parlament;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri b'mod urġenti sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet mis-settur tat-tbaħħir u jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq proposti

   - biex tistabbilixxi standards għall-emissjonijiet ta' NOx għall-vapuri li jużaw il-portijiet ta' l-UE;
   - biex tpoġġi l-Baħar Mediterran u l-Baħar ta' l-Atlantiku tal-Grigal bħala SECAs (żoni ta' Sulphur Emission Control) skond il-Konvenzjoni MARPOL;
   - biex tnaqqas, minn 1.5% għal 0.5%, il-kontenut massimu permissibbli ta' kubrit fil-fjuwils marittimi użati fis-SECAs u minn bastimenti tal-passiġġieri;
   - biex tintroduċi strumenti finanzjarji bħal taxxi jew ħlasijiet fuq l-emissjonijiet ta' l-SO2 u NOx mill-bastimenti;
   - biex tħeġġeġ l-introduzzjoni ta' ħlasijiet għall-użu tal-portijiet u tal-kanali navigabbli li jiffavorixxu bastimenti b'emissjonijiet baxxi ta' SO2 u NOx;
   - biex tħeġġeġ lill-bastimenti sabiex jużaw id-dawl mix-xatt meta jkunu fil-portijiet;
   - biex tħejji direttiva ta' l-UE dwar il-kwalità tal-fjuwils marittimi;
  

jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tipproponi azzjoni koordinata sabiex tiżgura kundizzjonijiet ugwali u biex tinsisti li tittieħed azzjoni fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO); huwa konvint li hemm bżonn bilanċ aħjar bejn l-ispejjeż tat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet mill-bastimenti u tat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet mill-art;

16.  Jinnota li, waqt li l-agrikoltura hija waħda mis-sorsi ewlenin tat-tniġġis ta' l-arja li ġej mill-ammonja, ftit li xejn hemm obbligi fuq dan is-settur sabiex inaqqas l-emissjonijiet; jilqa' l-introduzzjoni tal-prinċipju ta' 'kudizzjonalità' ta' l-għajnuna agrikola wara l-aħħar riforma tal-CAP, li għandha twassal għal tnaqqis notevoli mill-emissjonijiet ta' sustanzi li jagħmlu ħsara lill-ambjent; jitlob lill-Istati Membri sabiex jissieltu t-tniġġis ta' l-arja relatat mat-trobbija tal-bovini, b'mod speċjali l-biedja intensiva, l-użu tal-fertilizzanti u ta' l-impjanti tat-tisħin tas-serer, u biex tuża sussidji agrikoli sabiex tindirizza l-problema ta' l-ammonja; jitlob għal aġġornament dwar l-objettivi tat-tnaqqis ta' l-ammonja fil-kuntest tar-reviżjoni tal-CAP; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tinkludi l-biedja intensiva fid-Direttiva IPPC and jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri wkoll sabiex jippromwovu miżuri li jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' agrikoltura organika u ta' agrikoltura integrata bħala parti mill-politika ta' żvilupp rurali;

17.  Jinnota li l-attivitajiet agrikoli jikkontribwixxu notevolment għall-emmissjonijiet ta' l-ammonja; jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-bżonn li jitnaqqsu dawn l-emissjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tressaq b'mod urġenti proposti speċifiċi maħsubin biex inaqqsu l-emissjonijiet ta' l-ammonja mill-agrikoltura; u jistieden lill-Kummissjoni wkoll sabiex tikkundizzjona s-sussidji tal-CAP b'rekwiżiti pressanti ta' azzjoni kontra l-emissjonijiet ta' l-ammonja mill-biedja;

18.  Jinnota li bħala regola l-ispejjeż tat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet ta' l-NH3 jidhru ogħla milli suppost; per eżempju, il-projettazzjonijiet ta' riforma ta' l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent ibassru numri iżgħar ta' bhejjem mill-projettazzjonijiet ta' riferenza tal-programm CAFE li, li kieku kienu iżjed preċiżi, kienu jfissru wkoll spejjeż iżgħar mill-projettazzjonijiet għall-kisba ta' tnaqqis mill-emissjonijiet ta' l-ammonja;

19.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tevalwa l-effetti tad-Direttivi ambjentali rilevanti, bħad-Direttiva dwar in-Nitrati, id-Direttiva dwar l-Evalwazzjoni ta" l-Impatt Ambjentali u d-Direttiva ta" Qafas dwar l-Ilma; jinnota f'dan is-sens, b'mod partikulari, l-inċentivi għall-użu tal-fertilizzanti minerali (li kienu ġew identifikati bħala sors prinċipali ta' emissjonijiet ta' l-ammonja fis-settur agrikolu), minflok il-fertilizzanti mill-annimali, li jirriżultaw mid-Direttiva dwar in-Nitrati;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi mill-aktar fis miżuri biex jitnaqqsu l-emissjonijiet minn sorsi industrijali, inkluża reviżjoni tad-Direttiva IPPC, li għandha tippremja l-innovazzjoni b'mod iżjed effettiv u tinkludi l-impjanti ta' kombustjoni żgħar ta' taħt il-50MWh;

21.  Jistaqsi lill-Kummissjoni biex tipproponi mill-aktar fis miżuri sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet minn sorsi domestiċi, inklużi standards fuq apparat tat-tisħin; jistieden lill-Istati Membri biex jintroduċu miżuri u programmi sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet minn sorsi domestiċi, bħal 'fireplaces';

22.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fl-2006 tipproponi l-istandards futuri Euro VI għal karozzi tal-passiġġieri b'tnaqqis ulterjuri ta' l-istandard tan-NOx għal karaozzi tal-passiġġieri u vannijiet li jaħdmu bid-diesel mill-2011, u wkoll biex tindika kif se jevolvu l-istandards ta' l-Euro VII għal vetturi heavy duty; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex sa mhux iżjed tard mill-2012 tintroduċi n-normi ta' l-Euro VI għall-vetturi kbar bi standards komparabbli ma' dawk ta' l-Istati Uniti; dawn jippermettu lill-Istati Membri jilħqu l-objettivi tal-kwalità ta' l-arja; jistieden lill-Istati Membri sabiex jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jaqtgħu bil-mod il-mod il-vetturi antiki li jniġġsu, b'eżenzjoni għall-vetturi storiċi klassiċi jew – fejn xieraq – jipprovdu inċentivi għall-immodernizzar; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-settur tat-trasport sabiex jidħlu f'dibattitu fil-fond dwar il-mobbiltà sostenibbli fis-seklu 21;

23.  Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex jirrevedu s-sistemi tat-trasport lokali u biex isibu soluzzjonijiet innovattivi sabiex inaqqsu kemm jista' jkun l-użu tal-karozzi ġewwa ċ-ċentri ta' l-ibliet; huwa konvint li t-taxxi fuq il-konġestjonijiet jirriżultaw f'benefiċċji ekonomiċi u ambjentali, u li d-diviżjonijiet taż-żoni għall-finijiet ambjentali li jiskuraġġixxu l-aktar karozzi li jniġġsu milli jidħlu ġewwa l-ibliet jipprovdi inċentiv qawwi għall-immodernizzar tal-karozzi; jisħaq li l-gvernijiet lokali jistgħu jipprovdu inċentiv qawwi għall-innovazzjoni billi jixtru karozzi nodfa (EEV, Euro 6 u VI) għall-flotta pubblika u semipubblika tal-karozzi u billi jieħdu azzjoni sabiex jappoġġjaw impjegati li jużaw mezzi ta' trasport iżjed sostenibbli;

24.  Jinnota n-nuqqas konnessjoni bejn l-iżvilupp u l-użu ta' sorsi ta' enerġija alternattivi u t-tnaqqis fit-tniġġis ta' l-arja kif ukoll in-nuqqas ta' enfazi fuq il-ħtieġa ta' l-estensjoni tat-trasport pubbliku u ta' l-użu ta' sorsi ta' enerġija alternattivi fuq il-bażi ta' ppjanar strateġiku;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri biex tindirizza t-tniġġis ta' l-arja li – b'konformità ma' l-Artikolu 95(3) tat-Trattat KE – jiżguraw livell għoli ta' ħarsien ambjentali; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippermetti eżenzjonijiet minn dispożizzjonijiet tas-suq intern għal Stati Membri li jkunu jixtiequ jieħdu miżuri li jmorru 'l hinn mill-istandards preżenti ta' l-UE; huwa konvint li dawk l-Istati Membri li jimplimentaw standards iżjed stretti jipprovdu inċentiv importanti għall-innovazzjoni;

Tfassil aħjar ta' liġijiet

26.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jilħqu ftehima inter-istituzzjonali mal-Parlament li fiha t-tliet istituzzjonijiet jesprimu d-dedikazzjoni tagħhom għall-kisba ta' l-objettivi fil-kwalità ta' l-arja kif stipulati f'din l-istrateġija u għall-reviżjoni ambizzjuża korrispondenti tad-Direttiva għal-Limiti Nazzjonali ta' l-Emissjonijiet; il-ftehima teħtieġ tinkorpora lista dettaljata ta' miżuri ta' l-UE li għandhom jittieħdu sabiex jiġi żgurat li l-objettivi ta' l-emissjonijiet ta' l-Istrateġija jintlaħqu fil-ħin, inklużi dawk stipulati hawn fuq fil-paragrafi 12-34; il-lista għandha tkun koerenti ma' politiki Komunitarji oħrajn, inklużi il-pjan ta' azzjoni dwar il-klima; huwa konvint li ftehima bħal din tikkontribwixxi għat-titjib fit-trasparenza u għalhekk għal "tfassil aħjar ta' liġijiet";

27.  Jitlob lill-Kummissjoni biex fl-2012 tirrevedi l-progress li jkun sar fil-kisba ta' l-objettivi ta' l-Istrateġija u biex tevalwa il-potenzjal ta' setturi differenti għal iżjed tnaqqis effettiv għan-nefqa;

o
o   o

28.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.

(1) ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.
(2) http://www.euro.who.int/document/E83080.pdf.
(3) http://www.europarl.europa.eu/comparl/envi/pdf/externalexpertise/ieep_6leg/air_pollution.pdf
(4) Direttiva 96/62/KE (ĠU L 296, 21.11.1996, p. 55).
(5) Direttiva 2001/81/KE (ĠU L 309, 27.11.2001, p. 22).
(6) Direttiva 2001/80/KE (ĠU L 309, 27.11.2001, p. 1).
(7) Direttiva 1999/13/KE (ĠU L 85, 29.3.1999, p. 1).
(8) Direttiva 96/61/KE (ĠU L 257, 10.10.1996, p. 26).
(9) Strateġija Tematika dwar it-Tniġġis ta' l-Arja.

Avviż legali - Politika tal-privatezza