Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2002(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0248/2006

Testi mressqa :

A6-0248/2006

Dibattiti :

PV 25/09/2006 - 19
CRE 25/09/2006 - 19

Votazzjonijiet :

PV 26/09/2006 - 7.6
CRE 26/09/2006 - 7.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2006)0368

Testi adottati
PDF 243kWORD 81k
It-Tlieta, 26 ta' Settembru 2006 - Strasburgu
Il-ħolqien ta' Qafas Ewropew tal-Kwalifiki
P6_TA(2006)0368A6-0248/2006

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ħolqien ta' Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (2006/2002(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal mill-Kummissjoni imsejjaħ "Lejn Qafas ta' Kwalifiki Ewropew għat-Taħriġ Tul il-Ħajja" (SEC(2005)0957),

–   wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm ta' azzjoni integrat fil-qasam tat-taħriġ tul il-ħajja (COM(2004)0474),

–   wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kompetenzi ewlenin għat-taħriġ tul il-ħajja (COM(2005)0548),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni msejjħa "Modernizzar ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ: kontribuzzjoni kruċjali għal prosperità u l-koeżjoni soċjali fl-Ewropa - Abbozz 2006 rapport ta' progress konġunt tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-"Programm ta' Ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010" (COM(2005)0549),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar qafas Komunitarju uniku għat-trasparenza tal-kwalifiki u tal-kompetenzi (Europass)(1),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali(2),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Ministri ta' l-Edukazzjoni Ewropej, adottata fil-laqgħa tagħhom f'Bolonja fid-19 ta' Ġunju 1999, li stabbiliet l-objettiv tal-ħolqien ta' zona Ewropea ta' edukazzjoni ogħla sa l-2010, biex tippromwovi l-possibilità li ċ-ċittadini Ewropej isibu impjieg kif ukoll il-mobilità u l-kompetittività internazzjonali tas-sistema ta' edukazzjoni ogħla Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Liżbona tat-23 u l-24 ta' Marzu 2000, li stabbilew l-objettiv strateġiku għall-Unjoni Ewropea biex issir l-aktar ekonomija dinamika fid-dinja bbażata fuq l-għerf, u b'mod partikolari għar-referenza dwar "Edukazzjoni u taħriġ għal xogħol u għajxien fis-soċjetà ta' l-għerf",

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni imsejjħa "It-twettiq f'realtà ta' Zona Ewropea ta' Taħriġ Tul il-Ħajja" (COM(2001)0678),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 dwar it-taħriġ tul il-ħajja(3),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Barċellona tal-15 u tas-16 ta' Marzu 2002, b'mod speċjali l-mira miftehma li s-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ fl-Ewropa għandu jkollhom referenza ta' kwalità dinjija sa l-2010, u għas-sejħa għal aktar azzjoni biex ikunu introdotti strumenti li jiżguraw it-trasparenza ta' diplomi u kwalifiki, anke bil-promozzjoni ta' azzjoni simili għall-proċess ta' Bolonja fil-qasam ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Ministri ta' l-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali Ewropej u l-Kummissjoni, li ltaqgħu f'Kopenhagen fid-29 u t-30 ta' Novembru 2002, fir-rigward tal-koperazzjoni Ewropea mtejba fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali - "Id-Dikjarazzjoni ta' Kopenhagen" - li timmira biex iżżid il-koperazzjoni volontarja fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, biex tippromwovi l-fiduċja reċiproka, it-trasparenza u r-rikonoxximent tal-kompetenzi u tal-kwalifiki, u b'hekk tistabbilixxi bażi biex tiżdied il-mobilità u tiffaċilita l-aċċess għat-taħriġ tul il-ħajja,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 2002 dwar il-promozzjoni tal-koperazzjoni Ewropea mtejba fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali(4),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni imsejjħa "Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni għal ħiliet u l-mobilità" (COM(2002)0072),

–   wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt Interim tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tas-26 ta' Frar 2004 dwar l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' Liżbona, imsejjħa "Edukazzjoni u Taħriġ 2010: is-suċċess ta' Liżbona jiddependi fuq riformi urġenti", li sejħet għall-żvilupp ta' qafas Ewropew bħala kontribuzzjoni kruċjali lejn l-Istrateġija ta' Liżbona, biex ikun stabbilit bħala referenza komuni li jippermetti u jippromwovi t-trasparenza, it-trasferiment u r-rikonoxximent tal-kwalifiki u tal-kompetenzi,

–   wara li kkunsidra l-Komunikat ta' Maastricht ta' l-14 ta' Diċembru 2004 dwar il-Prijoritajiet fil-Futur tal-Koperazzjoni Ewropea Mtejba fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (VET), li fiha l-Ministri responsabbli mill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali tat-32 pajjiż Ewropew, l-imsieħba soċjali Ewropej u l-Kummissjoni Ewropea qablu biex jagħtu prijorità lill-iżvilupp ta' qafas ta' Kwalifiki Ewropew miftuħ u flessibbli, ibbażat fuq it-trasparenza u l-fiduċja reċiproka u jipprovdi referenza komuni biex jiffaċilita r-rikonoxximent u trasferibilità tal-kwalifiki li jkopru kemm il-VET u l-edukazzjoni ġenerali (sekondarja u dik ogħla),

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, fi Brussell fis-27 u fit-28 ta' Mejju 2004, dwar Prinċipji Komuni Ewropej għall-identifikazzjoni u l-validazzjoni tat-taħriġ informali u dak mhux formali,

–   wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni imsejjaħ "Progress lejn l-Istrateġija ta' Liżbona fl-edukazzjoni u t-taħriġ - rapport 2005" (SEC(2005)0419),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell tat-22 u tat-23 ta' Marzu 2005 li jenfasizzaw l-importanza ta' l-adozzjoni ta' qafas għal Kwalifiki Ewropew (EQF) fl-2006,

–   wara li kkunsidra l-"Qafas għal Kwalifiki Ewropew: Konferenza ta' Konsultazzjoni għal Rakkomandazzjoni" li saret bejn il-Kummissjoni u l-Ministru ta' l-Edukazzjoni ta' l-Ungerija li seħħet f'Budapest fis-27 u fit-28 ta' Frar 2006,

–   wara li kkunsidra l-Komunikat Finali dwar ir-Riżultat tad-diskussjonijiet tas-17 ta' Marzu 2006 tad-IX Konferenza tal-Ministri ta' l-Edukazzjoni Ewropej "Tisħiħ ta' l-Edukazzjoni fl-Ewropa" li seħħet fi Vjenna fis-16 u fis-17 ta' Marzu 2006, li f'din il-konferenza l-Ministri kkonfermaw mill-ġdid il-potenzjali ta' l-EQF li jikkontribwixxi b'mod sinifikattiv għat-trasparenza, it-trasferibilità u r-rikonoxximent tal-kwalifiki fil-livell Ewropew, u l-irwol tiegħu bħala aġent ta' riformi biex ikun appoġġjat it-taħriġ tul il-ħajja fil-qasam ta' l-Edukazzjoni Ewropew aktar wiesgħa,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell tat-23 u l-24 ta' Marzu 2006 li kkonfermaw li l-edukazzjoni u t-taħriġ huma fatturi kruċjali għall-iżvilupp tal-potenzjal ta' l-UE fuq perjodu ta' żmien fit-tul għal kompetittività kif ukoll għal koeżjoni soċjali u territorjali, u li, biex ikunu appoġġjati aktar mobilità u suq tax-xogħol effiċjenti, għandu jintlaħaq progress dwar EQF,

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar mobilità transnazzjonali fi ħdan il-Komunità għal skopijiet ta' edukazzjoni u taħriġ: Karta ta' Kwalità Ewropea għal Mobilità(5),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-Kumitat għas-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur (A6-0248/2006),

A.   billi ambjent ta' tagħlim uniku u suq uniku ta' impjiegi fuq livell Ewropew huma rekwiżiti essenzjali jekk għandhom jinkisbu l-objettivi ta' l-Istrateġija ta' Liżbona,

B.   billi hu neċessarju li tiġi stabbilita sistema Ewropea għar-rikonoxximent ta' kwalifiki u ħiliet filwaqt li fl-istess ħin jiġu rispettati d-diversità vasta u l-qawwiet speċjali tat-territorji kostitwenti ta' l-Ewropa,

C.   billi l-ħolqien ta' EQF ibbażat inter alia fuq l-istrutturi tal-kwalifiki attwali tal-proċessi ta' Bolonja u Kopenhagen, għandu jintlaqa' bħala strument xieraq biex jappoġġja t-trasparenza, it-trasferibilità, ir-rikonoxximent u l-użu tal-kwalifiki u l-kompetenzi akkwistati bejn l-Istati Membri differenti u f'livelli differenti, kif ukoll bħala mezz li jiffaċilita l-aċċess għal opportunitajiet ta' taħriġ tul il-ħajja għaċ-ċittadini kollha,

D.   billi qafas komuni ta' referenza (ibbażat fuq il-ħiliet, il-livelli u riżultati ta' tagħlim), l-EQF jista' jinkoraġġixxi l-adozzjoni ta' strumenti li jidentifikaw rekwiżiti tal-ħiliet,

E.   billi t-terminu 'kwalifika' għandu jitqies bħala t-titoli, il-kwalifiki, iċ-ċertifikati u l-esperjenza professjonali kollha rikonoxxuti fl-Unjoni Ewropea,

F.   billi, meta jitqiesu l-isfidi ġodda tas-soċjetà ta' l-għerf u tal-bidla demografika, l-iżvilupp ta' EQF ikun kruċjali, b'mod partikulari fir-rigward kemm ta' l-appoġġ tal-possibilità ta' impjieg u tal-mobilità ġeografika tal-persuni li jaħdmu fl-UE, iżda wkoll tal-promozzjoni tal-kompetittività u l-koeżjoni soċjali, bi qbil ma' l-Istrateġija ta' Liżbona,

G.   billi ż-żieda tal-mobilità professjonali (mobilità tal-ħaddiema u mobilità tal-impriżi) fi ħdan l-Unjoni timplika li ċ-ċertifikati akkwistati fi Stat Membru jridu jkunu eliġibbli għar-rikonoxximent, u l-użu possibbli fi Stat Membru ieħor fil-livell xieraq,

H.   billi l-aġġornament kontinwu u l-espansjoni ta' l-għerf, ħiliet u l-kompetenza personali u professjonali u l-EQF għandhom jikkontribwixxu biex jimmodernizzaw is-sistemi edukattivi u ta' taħriġ u b'hekk itejbu l-possibiltajiet li persuni jsibu impjieg u l-prospetti għal mobilità fi ħdan iz-zona Ewropea u joħolqu ambjent ta' sigurtà akbar fil-post tax-xogħol, li fih l-EQF għandu jikkontribwixxi għal aktar trasparenza fir-rikonoxximent tal-kwalifiki akkwistati u l-ekwivalenza tal-kwalifiki mitluba, u b'hekk jipprovdi inċentivi għat-titjib tas-sistemi ta' taħriġ ġenerali u dawk relatati max-xogħol, li jistgħu jikkontribwixxu wkoll għal possibilitajiet li dawk li jiġu mħarrġa sabiex isibu impjieg,

I.   billi n-nuqqas ta' mekkaniżmi, netwerks u koperazzjoni xierqa bejn dawk li jipprovdu t-taħriġ u l-edukazzjoni u l-awtoritajiet nazzjonali, in-nuqqas ta' adattament tad-dispożizzjonijiet statutorji attwali u f'ħafna każi r-restrizzjonijiet baġitarji fl-Istati Membri huma ostakoli għall-implimentazzjoni effettiva tat-taħriġ tul il-ħajja, ir-rabta bejn l-edukazzjoni universitarja u x-xogħol u l-qsim aktar malajr ta' l-għerf l-aktar xjentifiku u teknoloġiku mal-ħaddiema, kif ukoll l-użu effiċjenti ta' l-għerf u l-kompetenzi akkwistati,

J.   billi jeżisti nuqqas ta' trasparenza fil-kwalifiki u rata baxxa ta' rikonoxximent ta' kwalifiki barranin,

K.   billi l-mira komuni tat-32 pajjiż li qed jipparteċipaw fl-EQF tikkonsisti fi gwida għal studenti u għalliema dwar ir-rotot prinċipali għal kwalifiki partikulari; u billi huwa importanti li dawn ikunu jafu kif il-livelli ta' referenza jiġu jaqblu ma' xulxin, sa liema punt it-trasferimenti huma possibbli u fuq liema bażi jitwettqu d-deċiżjonijiet dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki,

L.   billi bi prinċipju l-EQF fil-bidu għandu jkun implimentat fuq bażi volontarja, u ma jinkludi l-ebda obbligu legali, madankollu dan se jipprovdi spinta għal bidla billi jappoġġja r-riformi fil-livelli relevanti, iżda għandu jservi biex jippromwovi t-trasparenza u l-ekwivalenza fir-rigward taċ-ċertifikati maħruġa fil-livell nazzjonali u settorjali,

M.   billi l-EQF mhux se jissostitwixxi l-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki iżda jikkomplimentahom, u billi l-EQF għandu jipprovdi qafas aktar wiesgħa biex jiffaċilita l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri, l-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħrajn fil-livell internazzjonali,

N.   billi huwa konvint li l-applikazzjoni ta' l-EQF tista' tkun ta' suċċess biss jekk ikun hemm koperazzjoni bbażata fuq il-fiduċja u t-trasparenza meta l-kwalifiki nazzjonali jingħataw livell ta' referenza EQF, u jekk il-partikularitajiet u l-ħtiġijiet ta' l-Istati Membri individwali jitqiesu b'mod xieraq, kif ukoll jekk l-EQF ikun maħluq bħala strument għal utenti u partijiet interessati, biex jagħti stampa tal-kwalifiki akkwistati u mfittxija għal dawk li japplikaw għalih, filwaqt li jippreserva l-awtonomija tat-taħriġ,

1.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex timmodernizza, ittejjeb b'mod kontinwu u ssaħħaħ is-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ Ewropej u biex tibda konsultazzjonijiet bil-ħsieb li tistabbilixxi qafas ta' referenza komuni għas-sistemi ta' ċertifikazzjoni Ewropej;

2.  Jilqa' l-fatt li l-EQF huwa mibni fuq riżultati ta' tagħlim, jirrifletti l-kumplessità tat-taħriġ tul il-ħajja u jistimula proċessi ta' riforma nazzjonali u settorjali;

3.  Jikkunsidra li l-EQF hu mezz utli biex tissaħħaħ u tiġi kkonsolidata l-fiduċja reċiproka fis-sistemi varji u jappoġġja bis-sħiħ l-objettivi tiegħu, b'mod partikulari l-ksib ta' livell Ewropew ta' trasparenza fir-rigward ta' kwalifiki, mobilità għall-membri tal-professjonijiet u t-tagħlim tul il-ħajja;

4.  Japprova t-twaqqif ta' sistema bbażata fuq livelli, strumenti u prinċipji komuni li jkunu kemm flessibbli u, fl-istess ħin, imsawra fil-prinċipju ta' tagħlim tul il-ħajja, imma jisħaq mal-Kummissjoni biex tiċċara r-relazzjoni bejn il-livelli ta' kwalifiki, id-Direttiva 2005/36/KE u d-dispożizzjonijiet għall-ivvalidar ta' tagħlim formali u informali li diġà jeżistu jew li qed jiġu stabbiliti fil-preżent fuq livell nazzjonali u reġjonali;

5.  Jinnota li waħda mill-ħidmiet prinċipali ta' l-EQF għandha tkun li tiffaċilita u tippromwovi t-trasferiment ta' kwalifiki bejn sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ differenti, biex il-mobilità professjonali transnazzjonali tkun possibbli u aħjar u biex tilħaq ir-rekwiżiti tal-provvista u d-domanda fis-suq tax-xogħol Ewropew; jinnota wkoll li l-EQF jirrapreżenta qafas wiesgħa xieraq biex jipprovdi strument ta' traduzzjoni u komunikazzjoni xieraq għat-twaqqif ta' qafas ta' kwalifiki komuni fi ħdan l-Ewropa;

6.  Fuq din il-bażi, jinnota li l-proposta mill-Kummissjoni hija approċċ ġust u meħtieġ, anke jekk hija ma tilħaqx b'mod sħiħ ir-rekwiżit ta' qafas ta' kwalifiki trasparenti; jistieden biex it-tmien livelli ta' referenza proposti ta' l-EQF ikunu riveduti u mtejba; huwa ta' l-opinjoni li l-kliem tagħhom użat biex jiddeskrivihom għandu jkunu espress b'mod aktar konċiż u komprensiv u li huwa importanti li ssir distinzjoni ċara bejn il-livelli ta' referenza varji biex ikun hemm ġerarkija ċara tal-kwalifiki;

7.  Jenfasizza li l-kompetenzi stipulati fid-deskritturi ta' tmien livelli għandhom jinkludu għerf mhux biss dwar kwistjonijiet soċjali u etiċi iżda dwar kwistjonijiet kulturali wkoll;

8.  Iqis li l-organizzazzjoni u l-validazzjoni tat-taħriġ tul il-ħajja huma responsabiltajiet ta' l-Istati Membri u ma jistgħux ikunu klassifikati fil-qafas ta' l-EQF;

9.  Iqis li t-tliet oqsma orizzontali ('għerf', 'ħiliet' u 'kompetenza personali u professjonali') għandhom ikunu riveduti wkoll biex ikunu aktar ċari u komprensibbli;

10.  Jenfasizza wkoll li t-tipi differenti ta' riżultati ta' tagħlim, miġbura flimkien, jiffurmaw parti minn qasam edukattiv sħiħ li ma jistax ikun kwantifikat b'mod sempliċi f'termini tal-livell miksub f'kull qasam individwali;

11.  Iqis it-tielet qasam orizzontali 'kompetenza personali u professjonali' bħala approċċ interessanti, sabiex l-aħħar skoperti tar-riċerka moderna dwar it-tagħlim jiġu inkorporati direttament fl-EQF; jilqa' b'sodisfazzjon madankollu reviżjoni, li tiċċara kif "soft skills" u "kompetenzi personali" jistgħu jinkisbu b'mod metodiku;

12.  Jinnota li l-EQF irid iservi b'mod primarju biex jikklassifika l-proċeduri ta' ċertifikazzjoni bbażati fuq ir-riżultat tat-taħriġ vokazzjonali u għal dan il-għan, jistieden deskritturi sempliċi u li jitħaddmu biex jintużaw u biex jonqos in-numru ta' livelli; jinnota li esperimenti komparattivi ta' qabel stabbilew li aktar ma' l-livelli jkunu maqsuma u aktar ma' l-kriterji jkunu numerużi, aktar ikun diffiċli biex tikkoordinhom;

13.  Huwa tal-ħsieb li l-EQF bħala 'metaframework' joffri wkoll rilevanza għas-suq tax-xogħol għal kull forma ta' tagħlim; jilqa' l-fatt li, bis-saħħa ta' l-Istrateġija ta' Liżbona, qed tikber l-importanza ta' taħriġ fuq il-post tax-xogħol tul il-ħajja u b'hekk tiżdied l-importanza wkoll tar-rikonoxximent ta' kwalifiki li jiġu akkwistati fuq il-post tax-xogħol; jenfasizza li kull pass mit-tmienja stipulati għandu jenfasizza l-kapaċitajiet li jistgħu jkunu akkwistati permezz tal-modi edukattivi varji u jqis il-kapaċitajiet professjonali u l-esperjenza kif ukoll il-valur potenzjali tagħhom f'termini ta' progress professjonali; b'hekk jistieden biex id-deskrittturi jinbidlu, mhux biss jitqiesu u jinżammu l-prinċipji ta' Bolonja relatati ma' l-edukazzjoni akkademika, iżda jkunu kumplimentati billi jitqiesu aktar it-taħriġ vokazzjonali u aktar sistemi ta' taħriġ;

14.  Iħeġġeġ għal bidla tas-sistema attwali ta' tqabbil ma' xulxin b'mod awtomatiku tal-livelli ta' referenza 6, 7 u 8 mat-tliet livelli akkademiċi tal-qafas ta' kwalifiki ta' Bolonja (baċċellerat, master u dottorat), biex l-għerf, il-kapaċitajiet u l-ħiliet personali u tax-xogħol attwali ta' l-individwu jkunu klassifikati b'mod irrispettiv mill-post li fih ġew akkwistati;

15.  Jistieden għat-titjib tat-Tabella Nru.2, li hija aktar intenzjonata biex tispjega l-livelli ta' referenza; iqis li hija għandha tkun subordinata b'mod ċar għall-approċċ orjentat skond ir-riżultat, peress li hija tiffoka fuq l-edukazzjoni formali; għalhekk jilqa' l-approċċ prudenti rakkomandat għat-Tabella Nru.2; huwa ta' l-opinjoni li l-EQF bħala meta qafas ġenerali għandu jħalli kwistjonijiet ta' dettal bħat-tfassil tat-Tabella Nru. 2, lill-parteċipanti fil-livell lokali u nazzjonali;

16.  Jistieden għal appoġġ u promozzjoni akbar tal-prinċipji Ewropej komuni li jipprovdu u jivvalidaw il-proċessi ta' tagħlim informali u formali dwar it-taħriġ tul il-ħajja b'mod partikulari fir-rigward ta' l-akkwist ta' għerf u ħiliet teknoloġiku u xjentifiku u jitqiesu l-partikularitajiet tad-dixxiplini professjonali varji u tar-reġjuni u pajjiżi differenti; huwa tal-ħsieb li huwa essenzjali li tingħata attenzjoni partikulari għal metodi u sistemi ta' evalwazzjoni ta' riżultati ta' taħriġ miksuba b'metodi informali u formali, peress li l-iżvilupp ta' ħiliet fil-kuntest tat-taħriġ tul il-ħajja iseħħ f'sensiela wiesgħa ta' sitwazzjonijiet ta' xogħol ta' kuljum;

17.  Jisħaq li l-iżvilupp ta' EQF iwassal għall-introduzzjoni ta' indikaturi ta' referenza komuni, li jiffaċilitaw l-ippjanar tal-karriera minn dawk fit-taħriġ u x-xogħol fil-kuntest tat-taħriġ tul il-ħajja;

18.  Jistieden biex kull pajjiż ikollu l-oqfsa ta' kwalifiki reġjonali jew nazzjonali tiegħu, organizzati b'koperazzjoni ma' l-organizzazzjonijiet u korpi responsabbli kif jixraq, u jiżgura l-konformità ma' l-EQF; huwa tal-ħsieb li fil-pajjiżi li għad m'għandhomx qafas ta' kwalifiki nazzjonali, u fejn il-kwalifiki informali u formali huma traskurati, jagħmel sens li jkun introdott l-EQF;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tniehed il-proċess ta' armonizzazzjoni ta' l-approċċi u tat-termini kunċettwali;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiċċara r-relazzjoni bejn il-qafas ta' kwalifiki maħsub skond il-proċess ta' Bolonja u l-EQF, u biex tispeċifika dwar jekk l-indikaturi proposti skond l-EQF humiex l-uniku punt ta' referenza għal zona komuni Ewropea ta' taħriġ tul il-ħajja;

21.  Jirrifjuta t-twaqqif ta' kriterji preskrittivi għall-mogħdijiet ta' tagħlim jew għall-perjodu ta' żmien u l-lok tal-korsijiet ta' edukazzjoni u ta' taħriġ;

22.  Huwa tal-ħsieb li aktar strumenti li jappoġġjaw l-EQF għandhom ikunu mrawwma biex jiffaċilitaw l-aċċess pubbliku għall-EQF, b'iffukar prinċipali fuq il-konklużjonijiet ta' Kopenhagen u ta' Bolonja, li għalihom l-EQF għandu jifforma punt tal-bidu strutturat b'mod loġiku; huwa tal-ħsieb li għandha tingħata attenzjoni speċjali wkoll għall-kontribuzzjoni ta' l-organizzazzjonijiet internazzjonali u taċ-ċentri Ewropej bħall-Organizzazzjoni għal Koperazzjoni u Żvilupp Ekonomiku u ċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali fil-qasam tat-tagħlim u l-akkwist tal-kwalifiki u tal-ħiliet; jistieden lill-Kummissjoni biex tħaffef l-iżvilupp tas-sistema ta' Kreditu Ewropew tat-Taħriġ u l-Edukazzjoni Vokazzjonali (ECVET) biex tiżviluppa u tippromwovi aktar il-Europass u biex tiżviluppa d-database 'Ploteus' u biex tippromwovi aktar approċċi innovattivi għar-rikonoxximent tat-tagħlim informali u formali;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-irwol u l-istruttura taċ-Ċentru Nazzjonali ta' l-Europass (NEC) u biex jiffaċilitaw lil dan iċ-ċentru li jwettaq il-ħidmiet prinċipali tiegħu u li jikseb l-objettivi stipulati mill-Unjoni Ewropea, b'referenza partikulari għat-tixrid usa' ta' l-istrumenti mmaniġġjati direttament miċ-Ċentru Nazzjonali ta' l-Europass (Curriculum Vitae Ewropew, Europass ta' Mobilità) u l-adozzjoni progressiva tas-sistema ta' l-Europass;

24.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni ta' l-EQF fuq bażi volontarja teħtieġ l-appoġġ u l-impenn tal-partijiet interessati nazzjonali u settorjali;

25.  Jirrikonoxxi li l-EQF bħala għodda ta' traduzzjoni fost sistemi ta' kwalifika differenti teħtieġ konsistenza u fiduċja reċiproka; jirrakkomanda biex il-prinċipji tal-mekkaniżmi ta' assigurazzjoni ta' kwalità trasparenti u ta' min joqgħod fuqhom jitfasslu biex ikunu jistgħu jsiru paraguni li jippermettu r-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki taċ-ċittadini ta' l-UE;

26.  Jenfasizza li l-EQF jista' jwettaq kontribuzzjoni sinifikattiva għal mobilità fis-suq tax-xogħol Ewropew jekk id-deċiżjoni ta' Stat Membru biex jitqabblu l-kwalifiki nazzjonali individwali ma' livell partikulari ta' l-EQF tkun aċċettata mill-oħrajn; huwa ta' l-opinjoni li fil-kuntest ta' l-assigurazzjoni ta' kwalità, il-proposta tal-Kummissjoni biex tobbliga l-Istati Membri biex josservaw numru ta' prinċipji komuni hija element importanti fil-koperazzjoni b'suċċess bejn il-partijiet interessati fil-livelli varji; iżda jinnota li dan ikun il-każ biss jekk hija ma tirduppjax is-sistemi ta' assigurazzjoni ta' kwalità attwali, bħall-Istandards u l-Linji gwida ta' l-Assigurazzjoni ta' Kwalità;

27.  Huwa ta' l-opinjoni li l-fiduċja reċiproka għandha tkun riżultat ta' żieda fil-koperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-kuntest ta' l-EQF kif ukoll kundizzjoni minn qabel għat-tħaddim effiċjenti ta' l-EQF huma perjodu ta' prova xieraq, evalwazzjoni dwar l-impatt u evalwazzjoni ta' appoġġ għat-titjib kontinwu u l-adattament ta' l-EQF; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa u tipproponi metodi u strateġiji xierqa biex dan ikun possibbli;

28.  Iħeġġeġ li l-EQF ikun żviluppat aktar biex jirrifletti t-talbiet għal kjarifika ppreżentati mill-partijiet interessati fil-proċess ta' konsultazzjonijiet;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-proposta tagħha fuq il-bażi ta' l-osservazzjonijiet tal-Parlament;

30.  Jinnota l-importanza ta' strateġija ta' komunikazzjoni u disseminazzjoni wiesgħa u strutturata tajjeb biex iżżid l-għarfien u l-interess fil-benefiċċji ta' l-EQF;

31.  Huwa ta' l-opinjoni li huwa essenzjali għas-suċċess ta' l-EQF li jipprovdi xi ħaġa ta' użu prattiku għal utenti finali, ie għaċ-ċittadini, ħaddiema u min iħaddem kif ukoll għall-istituzzjonijiet edukattivi;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tgħaddi informazzjoni lill-Parlament dwar ir-riżultat tal-konsultazzjonijiet nazzjonali u biex twettaq aktar skambji ta' opinjonijiet qabel ma' tfassal il-proposta finali tagħha;

33.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 390, 31.12.2004, p. 6.
(2) ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.
(3) ĠU C 163, 9.7.2002, p. 1.
(4) ĠU C 13, 18.1.2003, p. 2.
(5) Għadu mhux ippubblikat fil-ĠU.

Avviż legali - Politika tal-privatezza