Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2118(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0269/2006

Testi mressqa :

A6-0269/2006

Dibattiti :

PV 26/09/2006 - 12
CRE 26/09/2006 - 12

Votazzjonijiet :

PV 27/09/2006 - 5.11
CRE 27/09/2006 - 5.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2006)0381

Testi adottati
PDF 384kWORD 152k
L-Erbgħa, 27 ta' Settembru 2006 - Strasburgu
Il-progress tat-Turkija lejn l-adeżjoni
P6_TA(2006)0381A6-0269/2006

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew dwar il-progress tat-Turkija lejn l-adeżjoni (2006/2118(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-progress tat-Turkija 2005 COM(2005)0561),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Settembru 2005 dwar il-ftuħ tan-negozjati mat-Turkija(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Marzu 2006 dwar il-karta ta' strateġija 2005 tal-Kummissjoni dwar it-tkabbir(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar ir-rapport regolari ta' l-2004 u r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-progress tat-Turkija lejn l-adeżjoni(3),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2005 dwar l-irwol tan-nisa fil-ħajja soċjali, ekonomika u politika fit-Turkija(4),

–   wara li kkunsidra l-Qafas tan-Negozjar għat-Turkija tat-3 ta' Ottubru 2005,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/35/KE tat-23 ta' Jannar 2006 dwar il-prinċipji, l-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet tas-Sħubija ta' Adeżjoni mat-Turkija(5), li tħejji l-prijoritajiet fuq żmien qasir u fuq żmien medju,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 tas-27 ta' Frar 2006 li jistabbilixxi strument ta' appoġġ finanzjarju biex jinkoraġġixxi l-iżvilupp ekonomiku tal-Komunità Ciprijotta Torka(6),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-Turkija tad-29 ta' Lulju 2005 dwar Ċipru, id-dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Settembru 2005 u l-Pjan ta' Azzjoni tat-Turkija ta' l-24 ta' Jannar 2006,

–   wara li kkunsidra l-karta tal-pożizzjoni ta' l-Unjoni Ewropea mressqa fl-okkażjoni tal-45 laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni KE-Turkija fit-12 ta' Ġunju 2006,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell tal-15 u s-16 ta' Ġunju 2006,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat tad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0269/2006),

A.   billi fit-3 ta' Ottubru 2005 il-Kunsill approva qafas għal negozjati mat-Turkija għall-adeżjoni tagħha ma' l-UE, u b'hekk għamilha possibbli li jibdew in-negozjati immedjatament wara dik il-laqgħa, billi l-Kummissjoni bħalissa qed tagħmel il-proċess formali ta' eżaminazzjoni ta' l-acquis, li qed javvanza f'ċerti oqsma tal-politika, u billi wieħed mill-kapitoli, "Xjenza u Riċerka", infetaħ u ingħalaq b'mod proviżorju waqt il-Konferenza ta' l-Adeżjoni tat-12 ta' Ġunju 2006,

B.   billi l-avvanz tan-negozjati se jiddependi mit-twettiq tal-prijoritajiet stipulati fis-Sħubija ta' l-Adeżjoni, ir-rekwiżiti tal-Qafas ta' Negozjazzjoni u l-implimentazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet li joħorġu mill-Ftehima ta' Assoċjazzjoni (il-ftehima ta' Ankara) u l-Protokoll Anċillari tagħha, li jinkludu l-ilħuq ta' ftehim komprensiv dwar il-kwistjonijet tal-fruntieri u ftehim komprensiv dwar Ċipru, li jkun appoġġjat miż-żewġ naħat ta' dik il-gżira,

C.   billi l-konformità mal-kriterji kollha ta' Copenhagen dejjem kien il-bażi għall-adeżjoni ma' l-UE, u għandu jibqa' hekk għal adeżjonijiet futuri,

D.   billi l-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2004 u t-28 ta' Settembru 2005, emfasizza li l-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni kellu jkun rakkomandat sakemm ikun hemm qbil li, fl-ewwel fażi tan-negozjati, għandha tingħata prijorità lill-implimentazzjoni sħiħa tal-kriterji politiċi, li kull sessjoni tan-negozjati fuq livell ministerjali tkun preċeduta minn evalwazzjoni tal-kriterji politiċi mhux biss fit-teorija iżda wkoll fil-prattika, b'hekk issir pressjoni effettiva u permanenti fuq l-awtoritajiet Torok biex iżommu l-pass tar-riformi neċessarji, u li għandhom ikunu stabbiliti programm sħiħ ta' miri ċari, perjodi taż-żmien u skadenzi għall-ilħuq tal-kriterji politiċi,

E.   billi, filwaqt li jirrikonoxxi li l-ħeġġa għal riforma b'suċċess għandha jkollha għeruq sodi fil-gvern u fis-soċjeta tat-Turikja, sabiex tiggarantixxi s-sostenibilità u l-irriversibilità tal-proċess tar-riforma, l-UE għandha tkompli timmonitorja l-iskop tar-riformi u ta' l-implimentazzjoni tagħhom,

F.   billi l-Kummissjoni kkonkludiet fir-Rapport tal-Progress tagħha li l-pass tal-bidla naqas is-sena li għaddiet, li l-implimentazzjoni għad mhix bilanċjata u li hemm bżonn ta' aktar sforzi sinjifikanti fir-rigward ta' libertajiet fundamentali u drittijiet tal-bniedem, b'mod partikulari l-libertà ta' l-espressjoni, id-drittijiet tan-nisa, il-libertajiet reliġjużi, id-drittijiet tat-trade unions, il-libertajiet politiċi, id-drittijiet tal-minoranzi, id-drittijiet lingwistiċi u kulturali, u t-tkomplija tat-tisħiħ tal-ġlieda kontra t-tortura u t-trattament ħażin, u l-infurzar b'ħeffa u korrett tas-sentenzi tal-qrati mis-servizzi ta' l-Istat,

G.   billi l-progress fil-qasam tal-libertà ta' l-espressjoni għadu 'l bogħod milli jkun sodisfaċenti, li jippreżenta stampa mhix ċara li tinkludi ċerti żviluppi pożittivi, bħal-liberazzjoni riċenti tal-Professur Ibrahim Kaboğlu u l-Professur Baskin Oran, li ġew mixlija skond l-Artikoli 216 u 301 tal-Kodiċi Penali Tork, il-ġurnalist Murat Belge, il-kittieba Elif Shafak, il-kittieba Perihan Mağden u ta' l-awtur Orhan Pamuk, filwaqt li numru ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għadhom qed jiġu mixlija u ġurnalisti u pubblikaturi qed ikomplu jgħaddu ġuri, u l-ġurnalist Hrant Dink li l-każ tiegħu, minkejja l-liberazzjoni tiegħu permezz ta' deċizjoni tal-qorti, ġie riferut għall-Qorti tal-Kassazzjoni, u li qiegħed jiffaċċja sa tliet snin ħabs b'konnessjoni ma' kawża oħra, u oħrajn, bħall-attivista tad-drittijiet tal-bniedem Eren Keskin, li ġew sentenzjati;

H.   billi fit-12 ta' Lulju 2006 l-Qorti tal-Kassazzjoni ddeċidiet li tikkonferma sentenza sospiża ta' sitt xhur ħabs kontra Hrant Dink fuq l-bażi ta' l-Artikolu 301 tal-Kodiċi Penali Tork għax insulta "l-ispirtu Tork",

I.   billi t-Turkija għadha ma tirrikonoxxix il-ġenoċidju kontra l-Armeni, minkejja diversi talbiet mill-Parlament Ewropew u minn diversi Stati Membri,

J.   billi l-konvenzjonijiet internazzjonali għall-eliminazzjoni tat-terroriżmu għandhom jitqiesu b'attenzjoni meta tiġi abbozzata leġiżlazzjoni ġdida kontra t-terroriżmu,

K.   billi d-definizzjoni ta' reati terroristiċi għandha tiġi aġġornata man-normi u ma' l-istandards internazzjonali, b'mod partikulari l-prinċipju tal-legalità kif mitlub mill-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, dispożizzjoni li ma tħalli lok għall-ebda deroga anke waqt stat ta' emerġenza,

L.   billi l-Liġi Torka Kontra t-Terroriżmu li ġiet adottata riċentement tmur speċifikament kontra l-parir tar-Rapporteur Speċjali dwar it-Terroriżmu tal-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u billi din il-liġi iddgħajjef ir-riformi ta' qabel fil-qasam tal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem billi terġa' tintroduċi elementi li kienu tneħħew permezz ta' riformi li saru qabel, u billi tista' tkompli tnaqqas l-eżerċitar ta' dawk id-drittijiet u libertajiet jekk tintroduċi definizzjonijiet wiesgħa tat-termini "att terroristiku" u " awturi tat-terroriżmu" u jekk testendi l-kamp ta' applikazzjoni tar-reati li jaqgħu taħt din il-liġi; billi t-Turkija, bħall-UE, għandha tfittex li tevita li kwistjonijiet ta' sigurtà jxekklu l-libertajiet taċ-ċittadini, xi ħaġa li toħloq tħassib komuni fl-UE kollha li qed tidher b'mod aktar ċar mill-Kunsill Ewropew ta' Tampere tal-15 u s-16 ta' Ottubru 1999, u kif intwera aktar riċentement bil-wasla tal-Programm ta' The Hague,

M.   billi mill-aħħar rapport tal-Parlament ma sar l-ebda progress biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet iffaċċjati minn minoranzi reliġjużi, u billi l-Liġi dwar il-Fundazzjonijiet li hija mistennija li ssir mill-Parlament Tork ma tneħħix in-nuqqasijiet kollha identifikati fl-abbozz preċedenti, bħal pereżempju l-ħtif ta' l-assi ta' fundazzjonijiet reliġjużi, il-personalità ġuridika, id-dritt tat-taħriġ tal-kleru u l-immaniġġjar intern, u b'hekk ma tlaħħaqx ma' l-istandards ta' l-UE u l-aspettativi kemm ta' komunitajiet reliġjużi u, b'mod ġenerali, ta' l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li huma neċessarji għal soċjetà ċivili mħallta u indipendenti,

N.   billi l-Protokoll "Emasya" ffirmat fl-1997 mill-Istaff Ġenerali u l-Ministeru ta' l-Intern jagħti lok, taħt ċerti kundizzjonijiet, li jsiru operazzjonijiet militari meta hemm involuti kwistjonijiet ta' sigurtà interna,

O.   billi l-qawmien mill-ġdid tal-vjolenza fix-Xlokk tal-pajjiż, kif ukoll il-qawmien mill-ġdid ta' l-attivitajiet terroristiċi fil-Partit tal-Ħaddiema tal-Kurdistan (PKK), li ġiet segwita minn żieda b'firxa wiesgħa fl-operazzjonijiet militari, huma theddida serja għall-paċi, l-istabbilità u d-demokrazija fit-Turkija, billi irid ikun enfasizzat li l-azzjoni kontra t-terroriżmu għandha tkun proporzjonali għat-theddida u tirrispetta dejjem il-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem,

P.   billi s-sena l-oħra ngħata sinjal kuraġġuż u promettenti mill-Prim Ministru Erdoğan, li fih indirizza l-kwistjoni Kurda, liema sinjal s'issa ma ġiex segwit b'azzjonijiet sustanzjali,

Q.   billi hemm nuqqas ta' strateġija komprensiva min-naħa tal-Gvern Tork dwar ir-reġjun tax-Xlokk, liema strateġija għandha timmira lejn l-iżvilupp politiku, ekonomiku u soċjali tar-reġjun, u billi l-proġett tax-Xlokk ta' l-Anatolja s'issa kellu impatt limitat ħafna f'Diyarbakir u fi provinċji oħra,

R.   billi l-għotja ta' permess biex isir xandir bil-Kurd permezz ta' tliet xandara huwa sinjal pożittiv lill-gruppi etniċi oħra fit-Turkija, għalkemm dan il-permess għadu suġġett għal restrizzjonijiet ta' ħin u ta' programmar,

S.   billi t-Turkija għadha trid timplimenta d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR), inkluż dawk li jikkonċernaw lil Ċipru, u billi ingħataw sentenzi fuq 290 każ mill-ECHR fl-2005, li 270 minnhom sabu mill-inqas ksur wieħed tad-drittijiet tal-bniedem,

T.   billi l-Gvern Tork huwa Parti Kontraenti għall-Konvenzjoni Ewropea għal Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, li tistabbilixxi l-ECHR, u billi l-kritika tal-gvern Tork ta' deċiżjonijiet ta' l-ECHR f'każi speċifiċi tista' ddgħajjef l-aċċettazzjoni ta' l-istat tad-dritt fost il-pubbliku Tork,

U.   billi aktar minn 2000 applikazzjoni għall-ażil minn ċittadini Torok ġew aċċettati mill-Istati Membri ta' l-UE fl-2005,

V.   billi l-Kummissjoni, fir-rapport ta' progress tagħha, kkonkludiet li l-korruzzjoni għadha problema serja fit-Turkija, u billi fl-Indiċi tal-Perċezzjonijiet tal-Korruzzjoni ta' l-organizzazzjoni "Transparency International" fl-2005, it-Turkija għandha punteġġ medju ta' 3,5 (fuq skala fejn 0 ifisser "korrott ħafna" filwaqt li 10 jfisser "nadif ħafna"),

W.   billi l-ekonomija Torka hija meqjusa bħala ekonomija tas-suq li topera b'mod ħieles, u wriet tkabbir kbir (madwar 7,6%) u volum dejjem jikber ta' investiment barrani dirett fl-2005; billi, madankollu, jibqa' t-tħassib dwar id-defiċit fil-kont kurrenti, li qed ikompli jikber, u r-rata għolja ta' qgħad (madwar 10,9% f'Marzu 2006),

X.   billi l-pożizzjoni ġeografika strateġika tat-Turkija fir-reġjun, flimkien ma' numru ta' kwistjonijiet transnazzjonali (eż. l-enerġija, ir-riżorsi ta' l-ilma, it-trasport, l-immaniġġjar tal-fruntieri, il-ġlieda kontra t-terroriżmu), id-dinamiżmu ta' l-ekonomija u tar-riżorsi umani tagħha, jippermettu li jkollha rwol importanti fl-indirizzar ta' sfidi varji li jiffaċċja r-reġjun, u fl-iżvilupp futur ta' politika komuni għall-affarijiet barranin u sigurtà ta' l-UE;

Y.   billi l-isfond kulturali u storiku tat-Turkija jpoġġi lill-pajjiż f'pożizzjoni li jista' jqarreb l-Ewropa u d-dinja Musulmana,

Z.   billi s-sitwazzjoni ġeostrateġika tat-Turkija, is-sħubija fin-NATO u r-relazzjoni mad-dinja Musulmana tista' tirrappreżenta vantaġġ għall-politika tas-sigurtà għall-Ewropa,

AA. billi t-Turkija ffirmat, iżda ma rratifikatx u lanqas implimentat, il-Protokoll Anċillari li jestendi l-Ftehima ta' Ankara lill-Istati Membri ġodda, u billi dan jirriżulta, inter alia, f'embargo kontinwu kontra bastimenti li jtajru bandiera Ċiprijotta u bastimenti li javviċinaw minn portijiet fir-Repubblika ta' Ċipru u jċaħħadhom l-aċċess għal portijiet Torok, kif ukoll embargo kontra l-ajruplani Ċiprijotti li huma mċaħħda mid-dritt li jtiru fuq it-Turkija kif ukoll mid-dritt li jinżlu f'ajruporti Torok,
AB. billi, kif imsemmi fid-Dikjarazzjoni imsemmija hawn fuq tal-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha tal-21 ta' Settembru 2005 u fil-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell tal-15-16 ta' Ġunju 2006, l-UE ser timmonitorja mill-qrib u tevalwa b'mod sħiħ, l-implimentazzjoni bla diskriminazzjoni tal-Ftehima ta' Ankara u tal-Protokoll Anċillari mit-Turkija fl-2006, u billi l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha ddikjaraw li l-falliment min-naħa tat-Turkija biex timplimenta l-obbligi kuntrattwali tagħha b'mod sħiħ se jaffettwa l-progress ġenerali tan-negozjati,
AC. billi t-Turkija qed tkompli teżerċita imblokk mhux ġustifikat kontra l-Armenja; billi dan l-imblokk jhedded l-istabbilità tar-reġjun, ixekkel l-iżvilupp reġjonali ta' viċinat tajjeb u jikser il-prijoritajiet tas-Sħubija ta' l-Adeżjoni riveduta u r-rekwiżiti tal-Qafas tan-Negozjati,
Id-Demokrazija u l-istat tad-dritt

1.  Jenfasizza li t-tisħiħ tar-rabtiet bejn it-Turkija u l-Unjoni Ewropea huwa ta' importanza fundamentali għall-UE, għat-Turkija u għar-reġjun usa';

2.  Jilqa' l-fatt li l-fażi attiva tan-negozjati ta' adeżjoni bejn it-Turkija u l-Unjoni Ewropea bdiet bil-ftuħ u l-għeluq proviżorju tal-kapitolu "Xjenza u Riċerka"; jiddispjaċih, madankollu, dwar it-tnaqqis fil-proċess tar-riforma tul is-sena li għaddiet, kif rifless fin-nuqqasijiet persistenti jew progress insuffiċjenti b'mod partikulari fil-qasam tal-libertà ta' l-espressjoni, id-drittijiet reliġjużi u d-drittijiet tal-minoranzi, id-drittijiet ċivili-militari, l-infurzar tal-liġi, id-drittijiet tan-nisa, id-drittijiet tat-trade unions, id-drittijiet kulturali u l-infurzar korrett u b'ħeffa tas-sentenzi tal-qrati mis-servizzi ta' l-Istat; iħeġġeġ lit-Turkija biex tagħti spinta ġdida lill-proċess ta' riforma;

3.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Gvern Tork biex jitkompla l-proċess ta' bidla leġiżlattiva billi jippreżenta lill-Parlament Tork bid-disa' pakkett ta' riformi leġiżlattivi li jinkludu, inter alia, Liġi dwar l-Ombudsman, Liġi dwar il-Qorti tal-Kontabilità (li tippermetti l-verifika ta' l-infiq militari), Liġi dwar il-Fundazzjonijiet u miżuri biex tissaħħaħ il-funzjoni tal-ġudikatura bħal-Liġi dwar Proċeduri Amministrattivi, miżuri biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni, miżuri li jiffaċilitaw il-funzjoni ta' skejjel tal-minoranzi u miżuri biex tiżdied it-trasparenza fl-iffinanzjar ta' partiti politiċi;

4.  Jenfasizza li fid-demokrazija, abbozz ta' leġiżlazzjoni relatat mal-kwistjonijiet ta' drittijiet u libertajiet fundamentali għandu jiġi diskuss b'mod miftuħ u trasparenti u li s-soċjetà ċivili għandha tkun involuta b'mod sħiħ f'dawn id-dibattiti fl-istadji kollha;

5.  Jistenna li, biex ikun possibbli li d-disa' pakkett ta' riformi leġislattivi jagħti spinta verament ġdida lill-proċess ta' riforma, il-Parlament Tork għandu jemenda u sussegwentement jadotta dan il-pakkett ta' riformi leġiżlattivi, u b'mod partikulari iżomm f'moħħu dan li ġej:

   - l-iffunzjonar u l-indipendenza tal-ġudikatura se jissaħħu permezz ta' miżuri xierqa li jiġu inklużi f'Liġi dwar Riżarċiment, Liġi dwar Proċeduri Amministrattivi u Liġi dwar il-Proċeduri Amministrattivi Legali;
   - il-Liġi dwar il-Fundazzjonijiet se tneħħi r-restrizzjonijiet eżistenti kollha li għandhom il-minoranzi reliġjużi fir-rigward tal-personalità ġuridika, tat-taħriġ tal-kleru, tal-permessi ta' xogħol, ta' l-iskejjel u ta' l-immaniġġjar intern, ser tindirizza b'mod xieraq il-kwistjoni ta' proprjetajiet konfiskati u l-ftuħ ta' proċedimenti għal danni kontra l-Istat meta jonqos milli jinforza d-deċiżjonijiet tal-qrati, u ser tippermetti libertà sħiħa ta' assoċjazzjoni, u b'hekk tappoġġja l-prinċipju ta' soċjetà ċivili li hija pluralista, indipendenti u kunfidenti;
   - il-Liġi dwar l-Iffinanzjar tal-Partiti Politiċi se ġġib żieda reali fit-trasparenza u twassal għat-tmiem tal-korruzzjoni;
   - kwalunkwe kompetenza ta' qrati militari li jħarrku lill-membri tal-popolazzjoni ċivili se jkunu effettivament aboliti;
   - ftehimiet internazzjonali bħall-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill ta' l-Ewropa għall-Protezzjoni ta' Minoranzi Nazzjonali, il-Karta Ewropea tal-Lingwi Reġjonali jew tal-Minoranzi, l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali(ICC) u l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar se jkunu ffirmata u ratifikati;
   - il-proċess leġiżlattiv b'mod ġenerali u l-implimentazzjoni tad-disa' pakkett b'mod partikulari, huma moqdija aħjar b'involviment kontinwu u strutturat ta' l-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi (NGOs);

6.  Jieħu nota ta' l-adozzjoni fit-30 ta' Ġunju 2006 tal-Liġi ġdida kontra t-Terroriżmu li ġie adottat bħala konsegwenza tal-kampanja mġedda u dejjem għaddeja ta' intimidazzjoni, vjolenza u terroriżmu min-naħa tal-PKK; jistieden lill-awtoritajiet Torok biex jiżguraw li l-implimentazzjoni tagħha ma tkomplix tnaqqas l-eżerċizzju tad-drittijiet u libertajiet fundamentali u li tilħaq bilanċ bejn il-bżonnijiet tas-sigurtà u l-garanziji ta' drittijiet tal-bniedem; jenfasizza, b'mod partikulari, l-importanza ta' definizzjoni stretta u dejqa ta' atti terroristiċi, ta' garanziji sħaħ għal-libertà ta' espressjoni u l-libertà tal-midja, inkluża l-libertà ta' difiża tal-kawżi kollha permezz ta' mezzi demokratiċi, ta' sentenzi proporzjonati mar-reati terroristiċi, ta' drittijiet sħaħ għad-difiża skond standards Ewropej, ta' responsabilità sħiħa għal reati mwettqa mill-forzi tas-sigurtà jew uffiċjali tas-servizzi ta' informazzjoni u ta' kawtela kbira fl-awtorizzazzjoni lill-aġenti ta' l-infurzar tal-liġi biex jużaw l-armi tan-nar;

7.  Jinnota li jekk jeżisti bżonn kontinwu li xi organizzazzjonijiet marbuta ma' reati terroristiċi jiġu klassifikati bħala organizzazzjonijiet terroristiċi, b'konsegwenzi legali negattivi, il-proċedura għal din il-klassifikazzjoni għandha tkun trasparenti u oġġettiva, u l-organizzazzjonijiet konċernati għandhom ikunu jistgħu jagħmlu appell lil korp ġuridiku indipendenti;

8.  Jirrikonoxxi l-importanza ta' l-Att dwar il-Kumpens għall-Vittmi tat-Terroriżmu, li jkopri kemm vittmi ta' atti ta' terroriżmu kif ukoll vittmi ta' operazzjonijet kontra t-terroriżmu ta' l-Istat; jiddispjaċih li l-Att ma jlaħħaqx b'mod sħiħ ma' l-aspettattivi għax il-kummissjonijiet ta' valutazzjoni taħt l-Att mhumiex mgħammra tajjeb biżżejjed biex ikunu jistgħu iwettqu l-ħidma tagħhom kif jixraq;

9.  Jistieden lit-Turkija sabiex tiżgura trattament ugwali quddiem il-liġi għaċ-ċittadini Torok kollha tul il-proċess legali kollu, inklużi l-investigazzjonijiet, il-ġuri, l-għoti tas-sentenzi u d-detenzjoni, mingħajr derogi għal uffiċjali tal-Gvern, persunal militari u membri tal-forzi tas-sigurtà; jisħaq li fil-ġlieda kontra l-impunità u sabiex tinbena l-fiduċja pubblika fl-infurzar tal-liġi, huwa importanti li l-kriterji fuq liema jiġu miżmuma u arrestati l-uffiċjali akkużati b'reati jkunu l-istess bħal dawk li japplikaw għas-suspettati kriminali oħra;

10.  Jistieden lit-Turkija sabiex fi żmien qasir tħassar jew temenda dawk id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Penali, bħall-Artikoli 216, 277, 285, 288, 301, 305 u 318, li jagħtu lok għal interpretazzjonijiet arbitrarji minn imħallfin u prosekuturi li jwasslu għal sentenzi li jmorru kontra l-libertà ta' l-espressjoni u l-libertà ta' l-istampa u li b'hekk huma ta' theddida għar-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet tal-bniedem u għandhom effett negattiv fuq il-progress tad-demokrazija;

11.  Jiddeplora l-kundanna ta' Hrant Dink fit-12 ta' Lulju 2006 mill-Qorti tal-Kassazzjoni fuq l-bażi ta' l-Artikolu 301 tal-Kodiċi Penali Tork; jinnota li l-qrati ma rnexxilhomx jistabbilixxu każistika pożittiva meta jinterpretaw id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Penali b'konformità ma' l-istandards relevanti ta' l-UE;

12.  Jirrikonoxxi t-titjib fil-leġiżlazzjoni li jirriżulta mill-isforzi li saru mill-Gvern Tork sa mill-2002 fir-rigward tal-politika ta' zero tolleranza rigward it-tortura, u b'hekk jissodisfaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew; jirrikonoxxi wkoll it-tnaqqis fil-każijiet tat-trattament ħażin minn uffiċjali ta" l-infurzar tal-liġi spjegata fir-rapport ta" l-2006 dwar it-Turkija mill-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura u tal-Kastigi jew Trattamenti Inumani jew Degradanti; jenfasizza li hemm bżonn ta' miżuri ta' implimentazzjoni aktar effettivi, kif ġie enfasizzat mill-persistenza ta' każijiet rappurtati ta' tortura u trattament ħażin, speċjalment fix-xlokk tal-pajjiż, minn uffiċjali ta' l-infurzar tal-liġi u l-impunità li ħafna drabi jgawdu minnha dawn l-uffiċjali, kif spjegat, inter alia, l-Amnesty International fir-rapport ta' l-Amnesty International ta" l-2006; jinkoraġġixxi lit-Turkija biex tirratifika il-Protokoll Anċillari tal-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattament jew Punizzjoni ieħor Krudili, Inuman u Degradanti; huwa mħasseb dwar il-kwalità reali ta' infurzar tal-liġi, li ma jilħaqx l-istandards ta' l-UE;

13.  Biex jiġu miġġielda kwalunkwe fdalijiet ta' impunità u biex jissaħħaħ il-ħarsien internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, jenfasizza l-importanza li t-Turkija tirratifika l-Istatut ta' Ruma ta' l-ICC;

14.  Jirrikonoxxi t-titjib fil-leġiżlazzjoni li jirriżulta mill-isforzi li saru mill-Gvern Tork sa mill-2002 biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni; jistieden lill-awtoritajiet Torok biex b'mod enerġetiku jkomplu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-post; ifakkar ir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni f'Marzu 2006, u jinkoraġġixxi lit-Turkija biex timxi magħhom u timplimentahom;

15.  Jiddispjaċih li s'issa, fil-pajjiż ma teżisti l-ebda sistema li tiffunzjona ta' monitoraġġ tal-postijiet ta' detenzjoni minn istituzzjonijiet indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem;

16.  Jinnota li sar xi progress fir-rigward tad-drittijiet tan-nisa wara d-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi Penali ġdid; jenfasizza, madankollu, li n-nuqqas ta' rispett tad-drittijiet tan-nisa fit-Turkija tibqa' kwistjoni ta' tħassib serju, u jenfasizza li hemm bżonn li jsiru aktar sforzi biex jinqatgħu il-prattiki diskriminatorji u l-vjolenza kontra n-nisa u biex jiġu pprovduti aktar postijiet ta' kenn għal nisa li jinsabu fl-inkwiet, b'koperazzjoni ma' organizzazzjonijiet tan-nisa fis-soċjetà ċivili u bl-appoġġ ta finanzjament adegwat; jistieden lit-Turkija biex iżżid l-isforzi tagħha biex tiżgura li n-nisa huma liberi biex igawdu b'mod sħiħ id-dritt tagħhom għall-edukazzjoni u l-opportunitajiet ta' xogħol; jinnota xi progress fil-ġlieda kontra r-reati ta' unur billi l-piena żdiedet għal sentenza ta' għomor il-ħabs, iżda jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda rapida ta' allegazzjonijiet ta' suwiċidji tan-nisa fix-Xlokk tat-Turkija; jilqa', f'dan il-kuntest, il-kampanji ta' kuxjenza organizzati mill-NGOs u mill-istampa fit-Turkija;

17.  Jistieden lill-awtoritajiet Torok biex jinvolvu ruħhom fi djalogu kontinwu mal-Parlament Ewropew dwar id-drittijiet tan-nisa fit-Turkija, u biex f'dan ir-rigward, jieħdu nota tat-tieni riżoluzzjoni tiegħu ta' l-irwol tan-nisa fil-ħajja soċjali, ekonomika u politika fit-Turkija, li se tiġi diskussa fil-Parlament Ewropew fl-2006;

18.  Jinnota li 50% ta' dawk kollha li jiggradwaw mill-Università u 40% tal-klassi tal-professjonisti inklużi l-avukati u t-tobba fit-Turkija, huma nisa,

19.  Jilqa' b'sodisfazzjoni l-inizzjattiva riċenti ta' inklużjoni soċjali tal-Gvern Tork li tħeġġeġ tkabbir fis-suq tax-xogħol permezz ta' sistema ta' inizjattivi finanzjarji f'49 zona li huma ekonomikament sottożviluppati;

20.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-kwistjoni Şemdinli, li involviet l-isplużjoni ta' ħanut tal-kotba, allegatament imwettqa mill-qawwiet tas-sigurtà Torok, u t-tkeċċija sussegwenti tal-prosekutur Ferhat Sarikaya, li ġiet investigata mill-Parlament Tork; jenfasizza li t-tħassib serju tiegħu dwar il-persistenza - jekk mhux ukoll il-qawmien mill-ġdid - ta' l-irwol ta' l-armata fis-soċjetà Torka; jenfasizza li investigazzjonijiet oġġettivi u imparzjali huma prerekwiżiti meħtieġa sabiex terġa' tiġi stabbilita l-fiduċja tal-pubbliku u biex tiġi żgurata l-kredibilità tal-ġudikatura; jitlob, għalhekk, li jiġi ppublikat rapport investigattiv ta' l-Assemblea Għolja Torka;

21.  Isostni li s-separazzjoni kostituzzjonali ċara ta' l-irwoli politiċi u istituzzjonali bejn ċivili u militari fit-Turkija hija kundizzjoni li trid titwettaq jekk għandu jkun hemm diskussjonijiet bis-serjetà dwar l-adeżjoni tat-Turkija fl-UE;

22.  Itenni t-talba tiegħu għar-riforma tas-sistema elettorali permezz tat-tnaqqis tal-livell minimu ta' 10 fil-mija, biex b'hekk tkun żgurata rappreżentazzjoni usa' tal-qawwiet politiċi u tal-minoranzi fl-Assemblea Għolja Nazzjonali; f'dan il-kuntest jilqa' d-dibattitu attwali dwar ir-riformi tas-sistema elettorali;

23.  Ifakkar li jqis it-tfassil ta' Kostituzzjoni ġdida bħala riflessjoni ulterjuri u probabilment meħtieġa tan-natura fundamentali ħafna tal-bdil li huwa meħtieġ għas-sħubija fl-UE, u jinnota li Kostituzzjoni moderna tista' tifforma l-bażi għall-immodernizzar ta' l-Istat Tork;

24.  Jikkundanna bil-qawwa l-qtil ta' mħallef ta' l-ogħla qorti tat-Turkija; jinsab imħasseb dwar il-livell baxx ta' sigurtà offrut mill-pulizija lil imħallfin ta' dan it-tip, minkejja theddid ċar u pubbliku; jistieden lill-Gvern Tork biex jirranġa din is-sitwazzjoni;

25.  Jikkundanna l-ibbumbardjar riċenti fi bliet varji fit-Turkija; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-vittmi ta' dawn l-attakki u ta' attakki preċedenti;

26.  Jistieden lill-Gvern Tork biex japplika l-istandards ambjentali ta' l-UE għal proġetti li huma mistennija li jirriżultaw fil-possibilità ta' ħsara għall-ambjent, bħalma huma l-minjiera tad-deheb proposta f'Bergama u proġetti simili għal minjieri, u d-diga ta' Yortanli, li qed tinbena bħalissa, id-diga Ilisu, li tista" tirriżulta fil-qerda ta" pajsaġġi ta' importanza storika, bħal Hasankeyf ( li tispiċċa mgħarrqa mid-diga Ilisu) u Allionoi ( li tispiċċa mgħarrqa mid-diga Allimi), u proġetti għal digi oħra ppjanati fil-wied ta' Munzur u f'Yusufeli fil-provinċja ta' Artvin;

Drittijiet tal-bniedem u ħarsien tal-minoranzi

27.  Jiddeplora l-fatt li fl-aħħar sena ġie rrapurtat biss progress limitat f'dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali; jikkundanna l-ksur tad-drittijiet u l-libertajiet tal-bniedem u l-limitazzjonijiet fuq l-eżerċitar ta' dawk id-drittijiet u l-libertajiet;

28.  Itenni l-bżonn li t-Turkija tikkonforma mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, inklużi l-eżekuzzjoni sħiħa u f'waqtha tas-sentenzi kollha ta' l-ECHR;

29.  Jinsab imħasseb dwar in-numru ta' nies li talbu kenn politiku li qed iħallu t-Turkija biex imorru fl-istati industrijalizzati matul is-sena 2005; iqis li din hi indikazzjoni ta' nuqqas ta' riżultati min-naħa tat-Torok jew fil-manutenzjoni tal-fruntieri tagħhom jew fl-oqsma ta' ġustizzja, tolleranza u s-salvagwardja tad-drittijiet tal-bniedem; fl-istess ħin, jirrikonoxxi l-progress li sar waqt il-perjodu mill-2001 sa l-2005 fit-tnaqqis b'65% tan-numru ta' persuni li qed jitolbu kenn politiku li joriġinaw mit-Turkija, li fl-2005 kien ta' ftit iktar minn 10,000;

30.  Ifakkar lit-Turkija dwar ir-rakkomandazzjoni tiegħu li s-servizzi attwali għall-ispezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem jiġu riformati billi d-dmirijiet tagħhom jiġu assenjati lil servizzi ta' ispezzjoni indipendenti, li għandhom jingħataw riżorsi biżżejjed biex joperaw b'mod effettiv fir-reġjuni kollha tat-Turkija u jingħataw is-setgħa biex jinvestigaw kwalunkwe faċilità ta' detenzjoni tal-pulizija fi kwalunkwe ħin waqt li jikkoperaw mill-qrib ma' l-NGOs Torok indipendenti għad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li hemm bżonn urġenti li tiġi kkonsolidata u msaħħa l-kapaċità ta' l-istituzzjonijiet li jippromwovu u jinfurzaw id-drittijiet tal-bniedem; jilqa' l-koperazzjoni tat-Turkija mar-Rapporteur Speċjali dwar it-Tortura tal-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u jistieden lit-Turkija biex iżomm stedina permanenti għall-proċeduri speċjali kollha tal-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;

31.  Jirrispetta s-sensitivitajiet li jeżistu f'pajjiż fejn il-maġġoranza l-kbira huma Musulmani Sunni imma jfakkar lit-Turkija dwar il-patrimonju kulturali u storiku multikulturali, multi-etniku u multireliġjuż li wirtet mill-Imperu Ottoman, li t-Turkija suppost qed tibża' għalih; Jiddeplora n-nuqqas ta' progress fil-qasam ta' libertà tar-reliġjon mir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-28 ta' Settembru 2005 hawn fuq imsemmi; jenfasizza li l-libertà taċ-ċittadini li jipprattikaw kwalunkwe reliġjon u li jiffurmaw parti minn kwalunkwe denominazzjoni li jagħżlu trid tkun estiża biex jingħatawlhom opportunitajiet legali u amministrattivi simili biex jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom, biex jorganizzaw il-komunitajiet tagħhom, biex iżommu u biex jamministraw beni komunitarji u biex iħarrġu l-kleru tagħhom;

32.  Jikkundanna bis-saħħa l-qtil ta' Dun Andrea Santora, qassis u missjunarju Taljan;

33.  Itenni l-istedina tiegħu lill-awtoritajiet Torok, espressa fir-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu, biex iwettqu l-impenji tagħhom fir-rigward tal-libertà ta' reliġjon u biex jieħdu passi konkreti biex ineħħu x-xkiel li jaffaċjaw il-minoranzi, b'mod partikulari fir-rigward ta' l-istatus legali tagħhom, tat-taħriġ tal-kleru u tad-drittijiet ta' propjetà tagħhom (il-Patrijarkat Ekumeniku, pereżempju, dan l-aħħar ġarrab l-esproprjazzjoni ta' 30 proprjetà); jitlob għall-waqfien immedjat ta' kull ħtif u bejgħ mill-awtoritajiet Torok ta' proprjetà ta' komunitajiet reliġjużi; jitlob li s-seminarju Grieg Ortodoss ta' Halki jerġa jinfetaħ mill-ġdid immedjatament u li t-titolu ekkleżjastiku ta' Patrijarka Ekumeniku jintuża pubblikament; jitlob li l-Aleviti jitħarsu u jiġu rikonoxxuti, u dan jinkludi r-rikonoxximent tad-djar Cem bħala ċentri reliġjużi; jitlob li l-Yezidi jitħarsu u jiġu rikonoxxuti u li jiġu stabbiliti mkejjen ta' talb għall-Yezidi, u li kull edukazzjoni reliġjuża tkun volontarja u ma tkoprix biss ir-reliġjon Sunni, u biex jinħoloq suġġett alternattiv għal dawk li ma jixtiqux jipparteċipaw f'tagħlim reliġjuż, fejn huma diskussi l-valuri, l-istandards u kwistjonijiet etiċi; jitlob li jitħarsu d-drittijiet fundamentali tal-minoranzi u l-komunitajiet Insara kollha fit-Turkija (eż. il-Griegi ta' Istanbul, Imvros u Tenedos);

34.  Jittama li ż-żjara tal-Papa Benedittu XVI fit-Turkija fil-futur qarib se tikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-djalogu interreliġjuż u interkulturali bejn id-dinja Kristjana u dik Musulmana;

35.  Jistieden lill-awtoritajiet Torok biex jirrispettaw u jimplimentaw kompletament id-deċiżjonijiet kollha tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (ICJ) u biex jikkonformaw mal-każistika tagħha;

36.  Jinsisti dwar l-obbligu tat-Turkija biex tiżgura li l-ħarsien tad-drittijiet funadamentali tal-komunitajiet reliġjużi kollha jkun garantit; jitlob li abbozz rivedut tal-Liġi dwar il-Fundazzjonijiet irid jirrifletti r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Parlament Ewropew u mill-Kummissjoni u jrid jikkonforma ma' l-istandards Ewropej waqt li jilħaq l-aspettattivi tas-soċjetà multireliġjuża Torka;

37.  Jinnota li għaddejja diskussjoni importanti fis-soċjetà Torka dwar l-imkatar tar-ras; jirrimarka li ma hemm l-ebda regola Ewropea dwar dan, iżda jesprimi t-tama tiegħu li jintlaħaq kompromess fit-Turkija dwar l-ilbies ta' l-imkatar tar-ras mill-istudenti fl-universitajiet;

38.  Itenni s-sejħa tiegħu lill-awtoritajiet Torok sabiex japplikaw l-istandards ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol għad-drittijiet tat-trade unions, joqgħodu lura milli jindaħlu politikament fil-ħidma tat-trade unions, iqisuhom fil-proċess tat-tfassil tal-politika u jagħtu attenzjoni speċjali lill-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, u, filwaqt li jilqa' suċċessi riċenti bħalma hu proġett f'Adana kontra t-tħaddim tat-tfal, isejjaħ għall-introduzzjoni ta' leġiżlazzjoni ulterjuri li tipprojbixxi l-impjieg tat-tfal; jilqa' l-aktar evalwazzjoni reċenti ta' l-ILO, li ssemmi t-Turkija bħala eżempju li għamel suċċess fil-ġlieda kontra t-tħaddim tat-tfal, u għalhekk jilqa' l-għan fit-tul tal-Gvern Tork li jeradika l-agħar forom ta' tħaddim tat-tfal sa l-2012.

39.  Jilqa' l-bidu tax-xandir bil-Kurd - li jista' jitqies bħala pass importanti sakemm ikun segwit minn tnaqqis ulterjuri tar-restrizzjonijiet u ta' limitazzjonijiet kollha - inkluż programmi speċjaliżżati magħmula minn u għal komunitajiet Kurdi, li jippermettu l-eżerċizzju liberu tad-drittijiet kulturali u edukattivi mill-Kurdi;

40.  Ifakkar li l-ECHR tat parir lit-Turkija sabiex tipprepara qafas legali ġdid għall-objetturi tal-kuxjenza u tfakkar lit-Turkija li d-dritt għall-oġġezzjoni tal-kuxjenza huwa rrikonoxxut fil-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE; b'hekk jilqa' l-inizjattiva tal-Ministeru tal-Ġustizzja sabiex jillegalizza d-dritt għall-oġġezzjoni tal-kuxjenza u li jipproponi l-introduzzjoni ta' servizz alternattiv fit-Turkija; huwa mħasseb li f'ġudizzju riċenti tal-qorti militari Torka, objettur tal-kuxjenza kontra s-servizz militari ġie kkundannat għall-ħabs u li l-qorti militari ċaħdet fil-miftuħ li ssegwi deċiżjoni rilevanti ta' l-ECHR; jikkundanna l-persekuzzjoni kurrenti tal-ġurnalisti u l-kittieba li esprimew l-appoġġ tagħhom għall-objezzjoni tal-kuxjenza kontra s-servizz militari.

41.  Jappoġġja b'mod qawwi l-attivitajiet tas-soċjetà demokratika ċivili tat-Turkija, l-ewwel u qabel kollox l-Assoċjazzjoni Torka għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Fondazzjoni Torka għad-Drittijiet tal-Bniedem; jirrikonoxxi li l-organizzazzjonijiet demokratiċi ta' dan it-tip iwettqu xogħol imprezzabbli, speċjalment fil-monitoraġġ tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi appoġġ komprensiv u determinat, speċjalment mill-aspett finanzjarju, lill-attivitajiet ta' l-organizzazzjonijiet demokratiċi msemmija hawn fuq li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili Torka;

43.  Jikkundanna b'mod qawwi lill-kumitat Talaat Pacha, moviment xenofobiku u razzist immexxi minn organizzazzjonijiet estremisti tal-lemin, talli kisru prinċipji Ewropej b'mod serju, kif ukoll lid-dimostrazzjonijiet ta' ċaħda organizzati minn dawk l-istess organizzazzjonijiet f'Lyon u Berlin; jistieden lit-Turkija sabiex tabolixxi lil dan il-kumitat u twaqqaf l-attivitajiet tiegħu;

Ix-Xlokk

44.  Jikkundanna bil-qawwa l-qawmien mill-ġdid ta' vjolenza terroristika min-naħa tal-PKK; jenfasizza li ma jista' qatt ikun hemm skuża għall-vjolenza li twettqet kontra ċ-ċittadini Torok f'diversi nħawi tal-pajjiż minn kull partit involut fil-kunflitt; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mat-Turkija fil-ġlieda tagħha kontra t-terroriżmu, u għalhekk jitlob lill-PKK sabiex tiddikkjara u tirrispetta waqfien immedjat mill-ġlied;

45.  Jilqa' l-istedina reċenti tal-Partit għal Soċjetà Demokratika biex ikun hemm waqfien mill-ġlied u biex isiru negozjati politiċi dwar il-kunflitt fix-xlokk, u jistieden lill-PKK biex jagħtu tweġiba pożittiva;

46.  Jinnota li numru kbir ta' rappreżentanti tas-soċjetà ċivili għadhom preżentament qed jiġu mfittxijin u huma suġġetti għall-intimidazzjoni kuljum; wieħed mill-vittmi huwa Mehdi Zana, ir-raġel ta' Leyla Zana, rebbieħa tal-premju Sakharov tal-Parlament Ewropew; jistieden lill-Gvern Tork sabiex inaqqas ir-restrizzjonijiet li għadhom imposti fuq dawn ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili demokratika tat-Turkija;

47.  Huwa mħasseb ħafna dwar it-tensjonijiet li jirriżultaw fix-xlokk, li huma ta' theddida serja għall-paċi u l-istabbilità fir-reġjun; jisħaq l-importanza tal-progress ulterjuri fit-tnaqqis tat-tensjonijiet fit-Turkija tal-lvant u tax-xlokk li hemm bżonn jintlaħaq sabiex jiġi żgurat li r-riformi huma sostenibbli u kredibbli; jistieden lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt sabiex joqgħodu lura milli jużaw il-vjolenza jew jirreaġixxu għaliha bi vjolenza; iqis li huwa importanti li l-kunċett legali tat-terroriżmu ma jitkabbarx b'mod li reati non-terroristiċi jiddaħħlu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Liġi Torka kontra t-Terroriżmu, li tiddefinixxi t-terroriżmu fuq il-bażi ta' l-għanijiet jew miri tiegħu, aktar milli tirreferi għal atti kriminali speċifiċi, li hija fformulata vagament u f'termini wiesgħin ħafna, u li b'hekk tipperikola libertajiet bażiċi;

48.  Jesprimi t-twemmin tiegħu li l-istedina mill-Partit għal Soċjetà Demokratika għall-partit illegali tal- PKK biex jiġi ddikjarat waqfien immedjat mill-ġlied b'mod unilaterali jqajjem tamiet għat-tmiem taċ-ċirku vizzjuż ta" vjolenza fix-Xlokk tat-Turkija u fil-kumplament tal-pajjiż;

49.  Jistieden lill-awtoritajiet Torok sabiex japplikaw l-istandards Ewropej għall-arrest u d-detenzjoni ta' persuni ssuspettati; jistieden lill-awtoritajiet Torok sabiex jippermettu aċċess sħiħ minn patologi indipendenti fil-każ ta' mewt waqt kustodja jew bħala riżultat ta' vjolenza allegata minn qawwiet tas-sigurtà; huwa mħasseb dwar il-vjolenza fuq it-tfal li ħalla l-vittmi waqt l-irvelli f'Diyarbakir f'Marzu 2006; jinnota li l-Liġi ġdida dwar il-Protezzjoni tat-Tfal li ġiet adottata f'Lulju 2005 ma tikkonformax b'mod sħiħ ma' l-istandards internazzjonali fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati ma' delinkwenti minorenni;

50.  Jistieden lill-Gvern Tork sabiex ikompli jfittex soluzzjoni demokratika għall-kwistjoni Kurda wara l-istqarrija inkoraġġanti tal-Prim Ministru Erdoğan is-sena li għaddiet; iqis li huwa essenzjali li jinstab bilanċ bejn il-bżonn li tiġi kkontrollata s-sitwazzjoni fir-rigward tas-sigurtà, li jiġu evitati tensjonijiet ċivili-militari, u l-promozzjoni effettiva tad-djalogu politiku u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjun tax-xlokk permezz ta' strateġija komprensiva appoġġjata minn mezzi xierqa; jistieden lill-Gvern Tork sabiex jinvesti fl-iżvilupp soċjo-ekonomiku tax-xlokk, biex jindirizza d-disparitajiet bejn il-medja nazzjonali u l-lvant u x-xlokk dwar, inter alia, il-qgħad, l-aċċess għall-edukazzjoni, u għad-djar u għall-kura tas-saħħa u sabiex jieħu sehem fi djalogu kostruttiv ma' interlokuturi paċifiċi; jistieden lir-rappreżentanti maħtura tal-kommunità Kurda sabiex jirreaġixxu pożittivament għal kull djalogu ta' dan it-tip mal-Gvern Tork, jiddefendu bis-sod il-prinċipju ta' non-vjolenza; ifakkar, f'dan il-kuntest l-importanza li r-rappreżentanti Kurdi maħtura jitħallew jipparteċipaw b'mod aktar sħiħ fil-proċess demokratiku b'mezzi xierqa bħalma hu t-tnaqqis tal-livell minimu elettorali; jenfasizza l-bżonn li tiġi stabbilita amministrazzjoni ddeċentralizzata effiċjenti;

51.  Jesprimi t-twemmin tiegħu li l-mezzi finanzjarji neċessarji għal dan it-tip ta' programm ta' investiment u żvilupp għax-xlokk ma jistgħux jintlaħqu mit-Turkija waħedha u għalhekk għandhom jinġabbru fi ħdan ta' qafas internazzjonali aktar wiesgħa; jistieden lill-gvern Tork u lill-Kummissjoni Ewropea sabiex jeżaminaw sa fejn tista' tintuża f'dan il-kuntest l-għajnuna ta' l-UE ta' qabel l-adeżjoni;

52.  Jilqa' l-adozzjoni ta' l-Att dwar persuni imċaqalqa internament li, kieku tiġi applikata b'mod effiċjenti, tista' sservi bħala strument ta' rimedju importanti; jinnota, iżda, li l-preżenza persistenti tal-gwardji tal-villaġġi u l-qawmien mill-ġdid tal-vjolenza qed ixxekkel id-dritt tar-ritorn; b'hekk iħeġġeġ lill-awtoritajiet Torok sabiex ineħħu l-armi minn idejn il-gwardji tal-villaġġi u jneħħu s-sistema tal-gwardji tal-villaġġi;

53.  Jistieden lill-Gvern Tork biex juri r-rieda soda tiegħu li tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni tal-Kurdi billi jiltaqa' u jibda dibattitu mal-partit politiku pro-Kurd, il-Partit għal Soċjetà Demokratika, li għamel sejħa għal waqfien tal-ġlied u biex jinbeda djalogu politiku;

Kwistjonijiet reġjonali u relazzjonijiet esterni

54.  Jilqa' b'sodisfazzjon in-nomina ta' Istanbul bħala l-Kapitali Ewropea tal-Kultura 2010;

55.  Jafferma mill-ġdid it-twemmin tiegħu li Turkija moderna, demokratika u sekulari, filwaqt li kulma jmur qed tqiegħed lilha nnifisha fil-linja mal-politiki ta' l-Istati Membri ta' l-UE, jista' jkollha rwol kostruttiv u stabilizzanti fil-promozzjoni tal-ftehim bejn iċ-ċivilizzazzjonijiet u bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi fir-reġjun ta' madwar it-Turkija, b'mod partikulari l-Lvant Nofsani; jilqa' f'dan ir-rigward id-deċiżjoni tal-gvern u l-parlament Tork sabiex jipparteċipa fil-forzi taż-żamma tal-paċi tan-NU fil-Libanu;

56.  Jinnota l-proposta tat-Turkija biex tistabbilixxi kumitat ta' esperti li għandu jkun taħt l-awspiċju tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex tiġi megħluba l-esperjenza traġika tal-passat, u l-pożizzjoni ta' l-Armenja rigward dik il-proposta; iħeġġeġ kemm lill-Gvern Tork kif ukoll lill-Gvern Armen sabiex ikomplu l-proċessi ta' rikonċiljazzjoni tagħhom li jwasslu għal proposta aċċettabbli miż-żewġ naħat; jilqa' l-fatt li, bid-dibattiti riċenti fit-Turkija, almenu ingħata bidu għad-diskussjoni dwar l-istorja ta' uġigħ ma' l-Armenja; jisħaq li, għalkemm ir-rikonoxximent tal-ġenoċidju Armen fih innifsu mhux formalment wieħed mill-kriterji ta' Kopenħagen, huwa indispensabbli għal pajjiż fit-triq għas-sħubija li jaċċetta u jirrikonoxxi l-passat tiegħu; jistieden lill-awtoritajiet Torok sabix f'dan ir-rigward iħaffu x-xogħol tar-riċerkaturi, ta' l-intellettwali u ta' l-akkademiċi li qed jaħdmu fuq din il-kwistjoni, billi jassigurawlhom l-aċċess għall-arkivji storiċi u jipprovduhom bid-dokumenti rilevanti kollha; iħeġġeġ lit-Turkija sabiex tieħu l-passi kollha meħtieġa, mingħajr kundizzjonijiet minn qabel, sabiex tistabbilixxi relazzjonijiet diplomatiċi u tajba ma' l-Armenja, sabiex jirtiraw l-imblokk ekonomiku u jiftħu l-fruntiera ta' l-art fi żmien qarib, bi qbil mar-riżoluzzjonijiet adottati mill-Parlament bejn l-1987 u l-2005, u b'hekk iwettaq l-prijoritajiet għas-Sħubija għall-Adeżjoni u r-rekwiżiti tal-Qafas ta' Negozjati dwar 'ftehim paċifiku fuq il-ġlied dwar fruntieri' li huma t-tnejn mandatorji għall-adeżjoni ma' l-UE; jemmen li pożizzjoni simili għandha tiġi adottata fil-każijiet ta' minoritajiet oħra (bħall-Griegi ta' Pontos u l-Assirjani);

57.  Jistieden lit-Turkija sabiex tikkommetti ruħha għal relazzjonijiet tajba mal-ġirien; ifakkar lit-Turkija li f'dan il-kuntest għandha toqgħod lura minn kull theddid kontra l-pajjiżi ġirien tagħha (e.ż. it-theddida tal-"casus belli" kontra l-Greċja dwar id-dritt tagħha biex tiddetermina l-firxa ta' l-ibħra territorjali tagħha), kif ukoll minn attivitajiet militari li jiffavorixxu t-tensjoni (e.ż. il-vjolazzjonijiet kontinwi tar-regoli ta' l-Informazzjoni tat-Titjir Reġjunali ta' Ateni u ta' l-ispazju nazzjonali Grieg) li wkoll jheddu is-sikurezza ta' navigazzjoni bl-ajru, jaffettwaw r-relazzjonijiet tajba bejn il-pajjiżi ġirien u jistgħu jinfluwanzaw negattivament il-proċess ta' l-adezjoni; jistieden lit-Turkija sabiex tinvolvi ruħha fi sforzi serji u intensivi għar-riżoluzzjoni ta' argumenti pendenti mal-ġara tagħha, bi qbil mal-Karta tan-NU u Konvenzjonijiet Internazzjonali rilevanti oħra; kif iddikkjarat fil-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Helsinki ta' l-10 u l-11 ta' Diċembru 1999 u fil-prijoritajiet fuq żmien qasir tas-Sħubija ta' l-Adeżjoni, f'nuqqas ta' qbil, kwistjonijiet delimitanti pendenti (e.ż. id-delimitazzjoni ta' l-ixkaffa kontinentali tal-baħar Eġew) għandhom jittressqu quddiem l-ICJ, bil-għan li tintlaħaq soluzzjoni finali u obbligatorja;

58.  Jesprimi d-diżappunt tiegħu dwar il-fatt li, minkejja l-obbligi kuntrattwali tagħha, it-Turkija għadha żżomm restrizzjonijiet kontra bastimenti li jtajru bandiera Ċiprijotta u bastimenti li javviċinaw minn portijiet fir-Repubblika ta' Ċipru b'hekk iċaħħadhom l-aċċess għal portijiet Torok, kif ukoll kontra l-ajruplani Ċiprijotti iċċaħħadhom mid-dritt li jtiru fuq it-Turkija u d-drittijiet ta' l-inżul f'ajruporti Torok; ifakkar lit-Turkija li din il-prattika tikkostitwixxi ksur tal-Ftehima ta' Ankara, il-Ftehima ta' l-Unjoni Doganali relatata u l-Protokoll Anċillari, peress li r-restrizzjonijiet jiksru l-prinċipju tal-moviment ħieles tal-prodotti; jipprova jaħdem ma' l-awtoritajiet Torok sabiex jgħinhom jikkonformaw b'mod sħiħ ma' l-obbligi tagħhom f'dan ir-rispett mingħajr ma jipprova jħarrax tensjonijiet politiċi domestiċi kontra l-interess ta' rikonċiljazzjoni fuq medda ta' żmien twil għal Ċipru; jiddispjaċih li t-Turkija tibqa' żżomm il-veto kontra l-parteċipażżjoni tar-Repubblika ta' Ċipru fl-organizzazzjonijiet internazzjonali u fil-ftehimiet multilaterali;

59.  Iħeġġeġ lit-Turkija sabiex tieħu passi konkreti għan-normalizzazzjoni ta' relazzjonijiet bilaterali bejn it-Turkija u l-Istati Membri kollha ta' l-UE, inkluż ir-Repubblika ta' Ċipru, malajr kemm jista' jkun; f'dan il-kuntest, ifakkar id-Dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Settembru 2005 imsemmija hawn fuq;

60.  Jinnota d-diffikultajiet kurrenti fil-koperazzjoni EU-NATO u jistieden lit-Turkija terġa' tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha dwar l-inklużjoni ta' l-Istati Membri kollha ta' l-UE;

61.  Ifakkar lit-Turkija li r-rikonoxximent ta' l-Istati Membri kollha, inkluż ir-Repubblika ta' Ċipru, huwa komponent neċessarju għall-proċess ta' l-adeżjoni; jistieden lit-Turkija sabiex tieħu passi konkreti għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bilaterali mar-Repubblika malajr kemm jista' jkun; iħeġġeġ lit-Turkija sabiex timplimenta b'mod sħiħ id-dispożizzjonijiet li tnisslu mill-Ftehima ta' Ankara u l-Protokoll Anċillari tagħha kif ukoll il-prijoritajiet li tnisslu mis-Sħubija għall-Adeżjoni; jistieden lill-awtoritajiet Torok sabiex iżommu l-attitudni kostruttiva tagħhom biex jilħqu ftehim komprensiv dwar il-kwistjoni ta' Ċipru fi ħdan il-qafas tan-NU, li jkun aċċettabbli kemm għaċ-Ċiprijotti Griegi kif ukoll għaċ-Ċiprijotti Torok, u bbażat fuq ix-xogħol preċedenti tan-NU, li twassal għal soluzzjoni ġusta bbażata fuq il-prinċipji li fuqhom hija mwaqqfa l-UE, kif ukoll fuq l-acquis, u, skond ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tan-NU, sabiex isir irtirar bikri tal-forzi tagħhom skond skeda speċifika; jilqa' l-laqgħa tat-3 ta' Lulju 2006 bejn is-Sur Papadopoulos u s-Sur Talat, li wasslet għall-ftehima tat-8 ta' Lulju 2006; iħeġġeġ kuntatti ulterjuri sabiex isegwi djalogu li għandu jwassal għal soluzzjoni komprensiva;

62.  Jistieden liż-żewġ partijiet sabiex jadottaw attitudni kostruttiva biex jinstab qbil komprensiv tal-kwistjoni Ċiprijotta fi ħdan il-qafas tan-NU u bbażat fuq il-prinċipji li fuqhom hija mwaqqfa l-UE;

63.  Jirrimarka li l-irtirar tas-suldati Torok tista' tħaffef l-qbid mill-ġdid ta' negozjati sostantivi u, skond ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tan-NU, jistieden lill-gvern Tork sabiex jirtira malajr kemm jista' jkun il-forzi Torok skond skeda speċifika;

64.  Jilqa' l-istabiliment ta' strument ta' appoġġ finanzjarju sabiex jinkoraġixxi l-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Torka-Ċiprijotta wara l-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tas-27 ta' Frar 2006; jappoġġja l-Kummissjoni fl-isforzi tagħha sabiex timplimenta dawn il-fondi; jistieden lill-Kunsill sabiex mill-ġdid jagħmel sforzi biex jilħaq ftehima fuq ir-regolament għat-tħaffif tal-kummerċ dwar il-parti tat-tramuntana ta' Ċipru mingħajr dewmien żejjed, inkluż aktar attenzjoni għall-possibilità ta' kontroll konġunt tal-Port ta' Famagusta taħt l-awspiċi ta' l-UE u tan-NU, bi qbil mad-deċiżjoni unanima tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tas-27 ta' Frar 2006, li tqis il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' April 2004 iżda wkoll il-konsultazzjonijiet li saru fi żmien il-Presidenza tal-Lussemburgu u skond il-Protokoll Nru 10 għal l-Att ta' Adezjoni tar-Repubblika ta' Ċipru u disa' pajjiżi oħra, u jistieden lil-Gvernijiet ta' Ċipru u tat-Turkija sabiex jimpenjaw ruħhom f'inizjattivi ġodda sabiex jissaħħu r-rabtiet bejn iż-żewġ komunitajiet, b'hekk jibnu fiduċja reċiproka;

65.  Jilqa' żviluppi pożittivi fl-ekonomija Torka li hi meqjusa bħala ekonomija ta' suq ħieles għal kollox funzjonali, li rreġistraw livell għoli ta' tkabbir (madwar 7.6% fl-2005) u volum importanti u dejjem akbar ta' investiment dirett barrani (FDI); madankollu, jibqa' mħasseb dwar id-defiċit fil-kont kurrenti, li qed ikompli jikber, u rata għolja ta' qgħad (madwar 10.9 % f'Marzu 2006), jistieden lill-gvern Tork sabiex ikompli bl-isforzi sabiex ibiddel id-dinamiki pożittivi fi tkabbir sostnut u stabilità makroekonomika filwaqt li jfittex li jnaqqas differenzi reġjonali sinifikanti fl-iżvilupp soċjo-ekonomiku f'dak li huwa dħul, saħħa, aċċess għall-edukazzjoni, is-suq tax-xogħol u kundizzjonijiet ta' l-għajxien oħra (id-dħul per capita fir-reġjun ta' Istanbul huwa 43% iktar għoli mill-medja nazzjonali u madwar 4 darbiet dak tar-reġjun l-aktar fqir);

66.  Jinnota li, minkejja s-suċċess ġenerali ta' l-Unjoni Doganali, hemm numru ta' impenji li t-Turkija jmissha ilha li wettqet relatati b'mod partikulari ma' ostakoli tekniċi għall-kummerċ, bħal pereżempju projbizzjoni fuq l-importazzjoni tal-laħam taċ-ċanga, nuqqas ta' allinjament fil-qasam ta' l-għajnuna mill-Istat u distakki kbar fl-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali; iħeġġeġ lit-Turkija tagħmel progress immedjat f'dan il-qasam u jfakkarha fil-bżonn li tirrispetta l-obbligi tagħha skond il-ftehima ta' l-Unjoni Doganali;

Negozjati

67.  Ifakkar lit-Turkija li d-deċiżjoni tal-Kunsill tirrikjedi li l-Kummissjoni tirraporta fl-2006 dwar l-implimentazzjoni sħiħa mit-Turkija tal-Protokoll Anċillari, u li nuqqas ta' progress f'dan ir-rigward ser ikollu implikazzjonijijet serji għall-proċess ta' negozjati u jista' anke iwaqqfu kompletament;

68.  Jenfasizza l-ħtieġa għal riċerka u dejta ta' l-istatistika preċiża, strutturata u metikoluża bħala l-bażi tat-tfassil tal-politika fit-Turkija u tat-tfassil tal-politika ta' l-UE fir-rigward tat-Turkija;

69.  Jiddispjaċih li t-Turkija tkompli topponi s-sħubija ta' Ċipru ma' organizzazzjonijiet u mekkaniżmi internazzjonali bħall-OECD, Ir-Reġim ta' Kontroll ta' Teknoloġija tal-Missili, il-Koperazzjoni tal-Baħar l-Iswed u l-Arranġament ta' Wassenaar; jistieden lit-Turkija biex tibdel il-politika tagħha fir-rigward tar-Repubblika ta' Ċipru kemm jista' jkun malajr;

70.  Jenfasizza l-bżonn li jiġi intensifikat id-djalogu bejn l-UE u t-Turkija dwar is-sigurtà ta' l-enerġija, ladarba d-diversifikazzjoni tar-rotot għall-provvista ta' l-enerġija hija fl-interess taż-żewġ partijiet;

71.  Jistenna li, bi qbil mar-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu u mal-pożizzjoni li ħadu l-Kunsill u l-Kummissjoni, il-prijoritajiet fuq perjodu ta' żmien qasir stabbiliti fis-Sħubija għall-Adeżjoni se jintlaħqu qabel l-aħħar ta' l-2007 u l-prijoritajiet fuq perjodu ta' żmien medju qabel l-aħħar ta' l-2009; jenfasizza l-fatt li għandha tingħata prijorità għall-implimentazzjoni sħiħa tal-kriterji politiċi waqt l-ewwel fażi tan-negozjati u li l-ilħuq ta' dawn l-objettivi ċari huwa kundizzjoni għat-tkomplija tal-proċess ta' negozjati;

72.  Jilqa' l-proposta mill-Presidenza ta' l-UE li l-kriterji politiċi jiġu indirizzati tul il-proċess ta' negozjati, permezz, fl-ewwel post, tal-kapitolu dwar l-edukazzjoni u l-kultura; jiddispjaċih ħafna li ma ntlaħaqx kunsens dwar din il-proposta u li għalhekk, il-kriterji politiċi se jiġu indirizzati biss waqt in-negozjati dwar ċertu oqsma ta' politika; jenfasizza li, minħabba f'hekk, huwa ħafna aktar essenzjali li jiġu rrispettati t-termini miftehma biex jinkisbu l-prijoritajiet fuq perjodi ta' żmien qasir u medju fis-Sħubija għall-Adeżjoni (qabel l-aħħar ta' l-2007 u ta' l-2009 rispettivament) sabiex ikunu salvagwardati r-riformi politiċi meħtieġa u l-kredibilità ta' proċess ta' adeżjoni bħala tali;

73.  Jenfasizza li, fl-interessi tat-Turkija nnifisha u sabiex tinżamm il-kunfidenza fl-irriversabilità tal-proċess ta' riforma, huwa importanti li r-riformi jingħataw spinta minn ġol-pajjiż mill-awtoritajiet innifishom, kemm ċivili u kemm militari, kif ukoll mis-soċjetà ċivili u ma jkunux sempliċiment ir-riżultat ta' pressjoni minn barra t-Turkija;

74.  Iqis li huwa daqstant importanti għall-Gvern Tork biex iżid l-isforzi tiegħu biex jispjega lill-pubbliku li l-proċess ta' l-adeżjoni tat-Turkija fl-Unjoni jimplika proċess ta' riforma domestika kontinwa fejn il-kejl għas-suċċess ma jfissirx it-twettiq ta' ċertu miżuri individwali imma jfisser il-kisba ta' standard Ewropew fir-rigward tad-demokratizzazzjoni u l-liberalizzazzjoni politika, sabiex ma jinbidlux biss ċertu prassi iżda wkoll il-mentalitajiet pubbliċi u uffiċjali;

75.  Jinnota l-intenzjoni tal-Gvern Tork biex jipproċedi bil-bini ta' reatturi nukleari għall-produzzjoni ta' l-enerġija nukleari għal skopijiet ċivili; iħeġġeġ lill-Gvern Tork biex jimpenja ruħu għar-rispett komplet tat-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika u biex jikkopera magħha mill-qrib għas-sikurezza tar-reatturi, u kif ukoll għall-ħarsien ta' l-ambjent; f'dan il-qafas, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tikkontrolla strettament l-implimentazzjoni ta' l-acquis communautarie waqt in-negozjati għall-adeżjoni;

76.  Jenfasizza li l-ftuħ tan-negozjati huwa l-punt ta' tluq għal proċess li se jieħu t-tul, li min-natura tiegħu huwa proċess miftuħ u inċert li ma jwassalx a priori u awtomatikament għall-adeżjoni; madankollu, jenfasizza li l-għan tan-negozjati huwa s-sħubija tat-Turkija ma' l-UE imma li t-twettiq ta' din l-ambizzjoni se jiddependi fuq l-isforzi taż-żewġ naħat;

77.  Itenni li, fl-eventwalità ta' ksur serju u persistenti tal-prinċipji tad-demokrazija, tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet funadamentali, ta' l-istat tad-dritt u tal-prinċipji tal-liġi internazzjonali, il-Kummissjoni tista' tirrakkomanda lill-Kunsill li n-negozjati jiġu sospiżi, li jiddeċiedi b'maġġoranza kwalifikata;

78.  Iqis li, kemm jekk in-negozjati jintemmu b'suċċess jew le, ir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija jridu jiżguraw li t-Turkija tibqa' kompletament ankrata fl-istrutturi Ewropej;

79.  Ifakkar li l-kapaċità ta' l-UE biex tassorbi t-Turkija waqt li żżomm il-momentum ta' integrazzjoni hija kunsiderazzjoni importanti fl-interess ġenerali kemm ta' l-UE u kemm tat-Turkija; jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma setgħetx tipprovdi s-segwitu għall-istudju ta' l-impatt fl-2005; jitlob li jiġi pprovdut bis-segwitu għall-istudju ta' impatt fl-2006; iqis li hi ta' importanza fundamentali li l-UE timplimenta l-prekundizzjonijiet istituzzjonali u finanzjarji fi żmien xieraq għall-adeżjoni tat-Turkija; f'dan ir-rigward ifakkar li t-Trattat ta' Nizza mhuwiex bażi aċċettabbli għal deċiżjonijiet ulterjuri dwar l-adeżjoni ta' Stati Membri ġodda u għalhekk jinsisti li jiddaħħlu fis-seħħ ir-riformi meħtieġa fil-qafas tal-proċess kostituzzjonali; ifakkar li l-impatt baġitarju ta' l-adeżjoni tat-Turkija jista' jiġi evalwat kompletament biss fil-qafas tal-prospettivi finanzjarji mill-2014 'il quddiem; jistenna bil-ħerqa, f'dan ir-rigward, ir-rapport li l-Kummissjoni Ewropea għandha tippreżenta dwar il-kapaċità ta' l-Unjoni għall-assorbiment qabel il-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2006;

80.  Jenfasizza li, b'differenza min-negozjati preċedenti, fil-każ tat-Turkija jkun hemm bżonn li l-pubbliku Ewropew ikun infurmat kontinwament u intensivament dwar in-negozjati nfushom u l-progress tat-Turkija f'dan ir-rigward;

o
o   o

81.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Ewropa, lill-President ta' l-ECHR u lill-Gvern u l-Parlament tat-Turkija.

(1) ĠU C 227 E, 21.9.2006, p.163.
(2) Testi Adottati, P6_TA(2006)0096.
(3) ĠU C 226 E, 15.9.2005, p 189.
(4) ĠU C 157 E, 6.7.2006, p 385.
(5) ĠU L 22, 26.1.2006, p. 34.
(6) ĠU L 65, 7.3.2006, p. 5.

Avviż legali - Politika tal-privatezza