Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2208(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0270/2006

Testi mressqa :

A6-0270/2006

Dibattiti :

PV 28/09/2006 - 5
CRE 28/09/2006 - 5

Votazzjonijiet :

PV 28/09/2006 - 7.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2006)0382

Testi adottati
PDF 340kWORD 117k
Il-Ħamis, 28 ta' Settembru 2006 - Strasburgu
Żieda u titjib ta' l-għajnuna ta' l-UE: Miżuri għall-2006 għal għajnuna aktar effettiva
P6_TA(2006)0382A6-0270/2006

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar "Kooperazzjoni aktar u aħjar: il-pakkett għall-2006 dwar għajnuna effettiva ta' l-UE" (2006/2208(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni msejħa " Għajnuna ta" l-UE : l-għoti ta' għajnuna akbar, iktar effettiva u aktar malajr" (COM(2006)0087),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament imsejħa "Tisħiħ ta" l-impatt Ewropew: qafas komuni għat-tfassil tad-dokumenti ta" strateġija tal-pajjiżi u l-programmazzjoni multiannwali komuni" (COM(2006)0088),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew imsejħa "Finanzjament għall-Iżvilupp u l-Effettività ta" l- għajnuna – L-isfidi biex tiġi miżjuda l-għajnuna ta" l-UE bejn l-2006 u l-2010" (COM(2006)0085),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew imsejħa "Tħaffif tal-progress lejn il-kisba ta' l-għanijiet tal-millenju għall-iżvilupp - finanzjament għall-iżvilupp u effettività ta' l-assistenza" (COM(2005)0133),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-koerenza tal-politika għall-iżvilupp - It-tħaffif tal-progress biex jinkisbu l-għanijiet ta" l-iżvilupp tal-Millennju (COM(2005)0134),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew imsejħa "L-aċċellerazzjoni tal-progress għall-kisba ta" l-Obbjettivi tal-Millennju għall-Iżvilupp - Il-kontribuzzjoni ta" l-Unjoni Ewropea", (COM(2005)0132),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' l-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Barranin ta' l-10 u l-11 ta' April 2006 dwar il-finanzjament ta' l-għajnuna għall-iżvilupp u l-effikaċità ta' l-għajnuna Ewropea: l-għoti ta' għajnuna akbar, iktar effettiva u iktar malajr,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Ruma dwar l-armonizzazzjoni li ġiet adottata fil-25 ta' Frar 2003 wara l-Forum ta' livell għoli dwar l-armonizzazzjoni, u d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-effikaċità ta' l-għajnuna għall-iżvilupp adottata fir-2 ta' Marzu 2005 wara l-Forum ta' livell għoli u l-effikaċità ta' l-għajnuna (minn hawn 'l hemm imsejħa, "id-Dikjarazzjoni ta' Pariġi"),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2006 dwar mekkaniżmu ġdid ta' finanzjament għall-iżvilupp fil-kuntest ta' l-Objettivi tal-Millennju(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni A/RES/55/2 ta' l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar id-Dikjarazzjoni dwar il-Millennju,

–   wara li kkunsidra r-rapport tas-Sur Jeffrey Sachs, konsulent tas-Segretarju Ġenerali tan-NU imsejjaħ "Ninvestu fl-iżvilupp: pjan prattiku biex jintlaħqu l-Objettivi tal-Millenju għall-Iżvilupp",

–   wara li kkunsidra l-kunsens ta' Monterrey dwar il-finanzjament għall-iżvilupp tat-22 ta' Marzu, 2002,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill, fil-Parlament Ewropew u fil-Kummissjoni dwar il-politika għall-iżvilupp ta' l-Unjoni Ewropea imsejjaħ "Il-Kunsens Ewropew"(2)(minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp"),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew imsejħa "L-istrateġija ġdida ta' l-UE għall-Afrika: lejn patt euro-afrikan biex jitgħaġġel l-iżvilupp ta' l-Afrika" (COM(2005)0489),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Novembru 2005 dwar strateġija għall-iżvilupp għall-Afrika(3),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' New York dwar sorsi innovattivi għall-finanzjament ta' l-iżvilupp adottata l-14 ta' Settembru 2005, matul is-samit ta' l-14 sas-16 ta' Settembru 2005 dwar it-twettiq ta' l-Obbjettivi tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDG), li permezz tagħha 79 Stat diġà wrew l-appoġġ tagħhom għat-tnedija ta' l-ewwel mekkaniżmu pilota f'għamla ta' kontribuzzjoni għas-solidarjetà fuq il-biljetti ta' l-ajru,

–   wara li kkunsidra r-rapport Landau msejjaħ "Il-kontributi finanzjarji internazzjonali ġodda" dwar is-sorsi innovattivi għall-finanzjament ta' l-iżvilupp, kummissjonat mill-Grupp ta' Erbgħa u ppublikat fl-2004, u r-rapport Atkinson imsejjaħ "New Sources of Development Finance: Funding the Millennium Development Goals, ppubblikat fl-2004 mill-Universita' tan-Nazzjonijiet Uniti (UNU-WIDER),

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2006 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta' strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp u tal-koperazzjoni ekonomika(4),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2006 dwar l-effikaċità ta' l-għajnuna u l-korruzzjoni fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw(5),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2005 dwar l-irwol ta' l-Unjoni Ewropea fit-twettiq ta' l-Objettivi tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDG)(6),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Marzu 2006 dwar ir-reviżjoni strateġika tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF)(7),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tas-7 ta' Ġunju 2006 mressqa mill-Grupp Afrikan fi ħdan il-Kumitat għall-Agrikultura ta' l-Organizzazzjoni Dinjija għall-Kummerċ (WTO), dwar il-modalitajiet għan-negozjati dwar il-beni agrikoli (06-0000) (TN/AG/GEN/18),

–   wara li kkunsidra r-rapport ta' Marzu 2006, imsejjaħ "Evalwazzjoni ta' l-Appoġġ tal-Bank Dinji għall-Kummerċ, 1987-2004", pubblikat mill-Grupp Indipendenti ta' Evalwazzjoni (IEG) tal-Bank Dinji,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A6-0270/2006),

A.   billi l-Unjoni Ewropea tipprovdi aktar minn nofs l-għajnuna pubblika fid-dinja u għalhekk hija l-akbar kontributur ta' għajnuna fid-dinja, imma madankollu din il-pożizzjoni ma tirriżultax f'leadership effettiv li kapaċi jagħmel id-differenza fix-xena internazzjonali,

B.   billi l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp iqiegħed il-pedament għal viżjoni komuni dwar il-politika għall-iżvilupp ta' l-Unjoni Ewropea permezz ta' valuri, prinċipji, objettivi u strumenti komuni għall-Istati Membri, għall-Kunsill, għall-Parlament u għall-Kummissjoni,

C.   billi l-għan ewlieni ta' din il-politika hu l-qerda tal-faqar fil-kuntest ta' żvilupp sostenibbli, kif ukoll it-twettiq ta' l-MDGs,

D.   billi għall-ewwel darba wara l-adozzjoni tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp, il-Kummissjoni trid pjanifikazzjoni strateġika, mhux biss fl-għajnuna li tagħti jew timmanniġġja, imma wkoll fl-għajnuna bilaterali ma' l-Istati Membri, meta jkunu qed jitwettqu l-impenji li ttieħdu fid-dikjarazzjoni ta' Pariġi (approprjazzjonijiet, allinjament, armonizzazzjoni, immaniġġjar ffokat fuq ir-riżultati u r-responsabilità reċiproka),

E.   billi n-nuqqas ta' koerenza bejn il-politika differenti ta' l-UE tikkostitwixxi ostaklu għall-effettività ta' l-għajnuna u barra minn hekk tmur kontra l-Artikolu 178 tat-Trattat KE,

F.   billi għadd ta' studji wrew li r-riżultat (jiġifieri li ma jiġux imposti kondizzjonijiet fuq l-oriġini u l-modalitajiet ta' l-azzjoni għal din l-għajnuna) ta' l-għajnuna jibqa' essenzjali biex titjieb l-effettività tagħha, speċjalment meta għandu x'jaqsam ma' għajnuna alimentari,

G.   billi l-approprjazzjonijiet mill-pajjiżi msieħba fl-istrateġiji u fil-programmi ta' żvilupp huma wieħed mill-prinċipji essenzjali li hemm fil-Kunsens Ewropew għall-iżvilupp u fid-dikjarazzjoni ta' Pariġi,

H.   billi, skond ir-rapport imsemmi qabel, li tfassal minn Jeffrey Sachs għan-Nazzjonijiet Uniti, se jkun hemm bżonn mill-inqas USD 50 biljun supplimentari biex l-MDGs jintlaħqu fl-2015,

I.   billi l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha li talloka EUR 2 biljuni fis-sena - biljun mill-Istati Membri u biljun mill-Kummissjoni - għall-appoġġ tall-kapaċitajiet kummerċjali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

J.   billi l-Unjoni Ewropea kkonfermat fil-konklużjonijiet imsemmi hawn fuq tal-Kunsill, l-impenji li ttieħdu fl-24 ta' Mejju 2005 dwar iż-żieda tal-volum ta' għajnuna, hekk li kollettivament se talloka talanqas 50% taż-żieda tal-fondi għall-għajnuna pubblika għall-iżvilupp (APD) fl-Afrika u se tibqa' l-uniku grupp ta' kontributuri li ħadu impenji sostanzjali li wieħed jista' jkejjilhom u li huma ppjanati minn qabel biex iżidu l-għajnuna sabiex jintlaħaq l-ammont ta' aktar minn EUR 84 biljun sa l-2015,

K.   billi, jekk wieħed iqis ir-restrizzjonijiet stabbiliti mill-prospettivi finanzjarji tal-baġit Ewropew għall-2007-2013 (konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell tal-15-16 ta' Diċembru 2005), il-parti l-kbira ta' l-isforz għaż-żieda ta' l-għajnuna (bejn 80% u 90%) trid tiġi mill-Istati Membri,

L.   billi għalkemm skond iċ-ċifri ppubblikati mill-Organizzazzjoni ta' Koperazzjoni u ta' Żvilupp Ekonomiċi (OECD) għall-2005, l-Unjoni Ewropea tidher li tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq l-objettivi ffissati għall-2006, għad baqa' erba' Stati Membri li l-livell ta' l-għajnuna tagħhom jibqa' anqas mill-minimu ta' 0.33% tal-Prodott Gross Nazzjonali kif iffissat mill-kompromess ta' Barċellona,

M.   billi, skond l-aħħar ċifri tal-Kumitat għall-Għajnuna u l-Iżvilupp (DAC) ta' l-OECD, l-Unjoni Ewropea kkalkolat it-tnaqqis ta' dejn (partikolarment għall-Iraq u n-Niġerja), li jirrapreżenta EUR 9 biljuni, bħala għajnuna għall-iżvilupp fl-2005, filwaqt li l-kunsens ta' Monterrey speċifikament jistabbilixxi li l-finanzjamenti mogħtija bħala tnaqqis ta' dejn ma għandhomx jiġu minn fondi ta' għajuna għall-iżvilupp li normalment ikun pjanat li jingħataw direttament lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw,

N.   billi, lil hinn mill-fenomenu ta' nfih artifiċjali ta' l-ammonti ta' għajnuna pubblika għall-iżvilupp u minħabba l-ineffiċjenza fl-immaniġġjar, parti kbira ta' l-għajnuna ddedikata kollettivament mill-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea tibqa' ma tasalx direttament għand il-popolazzjonijiet tal-pajjiżi tan-Nofsinhar li għalihom tkun destinata,

O.   billi l-implimentazzjoni ta' l-impenji li ttieħdu mill-G8 fi Gleneagles (iż-żieda ta' l-għajnuna għall-iżvilupp għall-USD 50 biljun kull sena sa l-2010) għadha ħafna inqas minn dak li twiegħed, ladarba f'din l-aħħar sena l-għajnuna effettiva (qabel ma jitqiesu l-effetti tal-maħfra tad-dejn ta' l-iżjed pajjiżi foqra) żdiedet biss b'USD 5 biljuni matul is-sena 2005,

P.   billi, sabiex tilħaq l-impenji tagħha, il-komunità internazzjonali diġà ltaqgħet darbtejn minn Settembru 2005 biex jitkomplew id-diskussjonijiet dwar is-sorsi innovattivi ta' finanzjament ta' l-iżvilupp,

Q.   billi l-implimentazzjoni ta' mekkaniżmi innovattivi ta' finanzjament se tippermetti li mhux biss jinstabu riżorsi ġodda imma anke li tittejjeb il-kwalità tal-flussi ta' finanzjament għall-iżvilupp b'mod partikulari għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-istabilità u l-previdibilità tar-riżorsi, li huma essenzjali għall-appoġġ ta' strateġiji nazzjonali fit-tul,

R.   billi t-titjib ta' l-effikaċità tal-politika Ewropea ta' koperazzjoni għall-iżvilupp tassumi li jiġu stabbiliti objettivi preċiżi x'jintlaħqu u indikaturi li jippermettu li jitkejjel il-progress miksub,

S.   billi fid-Dikjarazzjoni ta' Pariġi, il-finanzjaturi impenjaw ruħhom biex jiddefinixxu objettivi lejn xiex jimmiraw għall-2010 b'rapport mat-12-il indikatur stabbiliti fiha u biex jimplimentaw sistema effikaċi ta' kontroll għal kull wieħed mill-firmatarji,

T.   billi hemm bżonn urġenti li tiġi ffaċjata b'mod sostenibbli l-problema tad-dejn li hija xkiel ewlieni biex jintlaħqu l-MDGs,

U.   billi hemm kunsens internazzjonali biex ikun hemm ċaqliq minn approċċ ibbażat fuq it-tnaqqis għal approċċ ibbażat fuq il-maħfra tad-dejn tal-pajjiżi foqra kif tixhed id-Dikjarazzjoni tal-Millenju u d-deċiżjoni li jinħafru d-djun li ttieħdet mill-G8 fl-2005,

1.  Jenfasizza l-progress reali fejn għandha x'taqsam l-effikaċità li ġabu l-aħħar proposti tal-Kummissjoni li jinsabu fl-aħħar tliet komunikazzjonijiet tagħha u jieħu nota tal-konklużjonijiet tal-Kunsill imsemmi hawn fuq li jtennu sa ċertu punt il-proposti inklużi f'dawn it-tliet komunikazzjonijiet;

2.  Jistieden lilll-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jisfurzaw ruħhom biex jilħqu l-effikaċità fil-qasam ta' l-għajnuna fil-kuntest usa' tal-valuri mħaddna fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u fil-konvenzjonijiet tan-NU, bħall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali;

3.  Iqis li l-għażla ta' "donaturi prinċipali" f'oqsma settorjali speċifiċi fil-livell tal-pajjiż hija avvanz interessanti;

4.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea sabiex flimkien jagħmlu l-isforzi kollha tagħhom biex l-Unjoni Ewropea titkellem b'vuċi waħda, bl-iskop li tinstalla u tipperpetwa leadership li ma jkunx ibbażat biss fuq kemm huma kbar l-ammonti allokati għall-koperazzjoni u l-iżvilupp, imma wkoll fuq effikaċità msaħħa;

5.  Iqis li biex wieħed jiġġieled effettivament kontra l-faqar jeħtieġ li parti ferm akbar ta' l- APD li tingħata minn min jamministra l-fondi internazzjonali, tiġi indirizzata lejn l-aktar pajjiżi u popolazzjonijiet fqar u jiddispjaċih jara n-nuqqas ta' objettivi preċiżi lejn xiex għandha timmira l-Unjoni biex tagħmel dan;

6.  Iqis li l-ftehimiet dwar is-sajd konklużi mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom ikunu mmirati biex tittejjeb il-kapaċità ta' dawn il-pajjiżi biex jimmaniġġjaw sew l-inħawi għas-sajd li jinsabu fl-ilmijiet territorjali tagħhom, b'mod speċjali biex jiġu kontrollati u sorvelljati l-attivitajiet ta' sajd u biex titwettaq riċerka xjentifika, u mhux biss biex sempliċiment jittieħed ħlas biex jinqabdu l-ħut;

7.  Iqis li, biex l-għajnuna ta' l-Unjoni Ewropea tkun effettiva, hemm bżonn li jkun garantit biżżejjed spazju politiku għall-pajjiżi li qed jiżvilluppaw u li din l-effikaċità tiġi evalwata f'termini ta' progress konkret fit-triq biex jintlaħqu l-MDGs;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-Istati Membri kollettivament, biex jirrispettaw skruplożament l-objettivi u l-prinċipji li ġew stabbiliti fil-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp u b'mod partikolari l-objettiv essenzjali tal-ġlieda kontra l-faqar;

9.  Jitlob lill-Unjoni Ewropea biex tiddefendi u tippromwovi din il-politika li tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u d-dritt ta' l-Istati benefiċjarji biex jiddefinixxu l-politiki tagħhom infushom fi ħdan kull qbil multilaterali fejn hija rrapreżentata, bħal fil-qafas tar-relazzjonijiet bilaterali tagħha;

10.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea biex tinkorpora fil-politika ta' żvilupp tagħha r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tan-NU dwar l-Evalwazzjoni ta' Ekosistemi tal-Millenju li jiddikjara li l-qerda ta' l-ekosistemi tad-dinja se jkun ta' xkiel biex jinkisbu l-MDGs u biex tieħu miżuri biex titranġa din id-degradazzjoni ġeneralizzata;

11.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jagħmlu kull sforz possibbli, flimkien u mad-donaturi tad-DAC l-oħra, sabiex jappoġġaw l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi;

12.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jimplimentaw bla dewmien ir-rakkomandazzjonijiet proposti mill-Kummissjoni u li issa qegħdin f'idejn il-Kunsill, u dan se jinvolvi sforz importanti biex jiġu modifikati, jekk hemm bżonn b'mod radikali, is-sistema tagħhom ta' għajnuna u/jew il-proċeduri tagħhom ta' implimentazzjoni ta' din l-għajnuna bl-għan li tittejjeb b'mod sinifikanti l-effikaċità tagħhom permezz ta' koordinazzjoni aħjar tal-programmi, tal-kumplimentarjetà ta' l-azzjonijiet u tal-koerenza tal-politiki;

13.  Jenfasizza li l-effikaċità ta' l-għajnuna tgħaddi minn approċċ doppju: l-attenzjoni m'għandhiex tkun ikkonċentrata biss fuq il-kwistjonijiet ta' proċedura bħall-koordinazzjoni, il-kumplimentarjetà, l-armonizzazzjoni u l-konformità imma anke fuq il-kontenut u s-sustanza; jenfasizza li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet assoċċjata ma' sforzi serji biex jitwaqqfu t-tluq ta' l-aħjar imħuħ u t-tnaqqis tar-riskji ta' diżastri huma essenzjali f'dan il-kuntest;

14.  Jenfasizza li koordinazzjoni aktar effikaċja għandha tiġi akkumpanjata minn kumplimentarjetà ta' azzjonijiet, fis-sens li jkun hemm tqassim aħjar tax-xogħol bejn l-Istati Membri nfushom, kif ukoll bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, bil-livell nazzjonali bħala punt ċentrali u l-pajjiżi msieħba bħala leaders, hekk li tiġi ffaċċjata l-problema ta' pajjiżi u setturi "iltiema" u f'dan ir-rigward jenfasizza r-relevanza ta' Atlas tad-donaturi;

15.  Jenfasizza li l-koordinazzjoni tad-donaturi u t-tqassim tax-xogħol għandhom jitpoġġew taħt il-patroċinju tal-pajjiż imsieħeb, billi l-objettiv hu li jkun hemm allinjament mal-prijoritajiet u l-proċeduri tal-pajjiż imsieħeb;

16.  Jirrikonoxxi li l-koordinazzjoni u t-tqassim tax-xogħol ma jistgħux isiru b'mod iżolat; l-Unjoni Ewropea għalhekk m'għandhiex tiffoka esklussivament fuq it-tqassim intern tax-xogħol imma għandha dejjem tpoġġi lilha nnifsiha f'perspettiva li tinkludi d-donaturi kollha;

17.  Jitlob lill-Istati Membri kkonċernati biex ma jdewmux iż-żieda fil-baġit meħtieġa għal-impenji ripetuti li huma ħadu bl-iskop li jintlaħaq mingħajr kontabilità qarrieqa l-ammont minimu ta' PDA ta' 0.56% tal-GNP għall-2010 u 0.7% tal-GNP għall-2015 bil-għan tassew konkret li jinkisbu fondi supplimentari għal għajnuna għall-iżvilupp effettiva u msaħħa u jinsisti magħhom dwar l-irwol essenzjali li huma għandhom f'din il-kwistjoni;

18.  Jitlob lill-Unjoni Ewropea biex tikkunsidra l-fatt li ż-żieda fl-ammonti tal-PDA ma tagħmilx sens sakemm ma tkunx akkumpanjata minn żieda sinifikanti, kemm fl-effikaċità tagħha kif ukoll fil-kwalità, hekk li dan it-titjib isir prijorità assoluta tal-politika għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp ta' kull Stat Membru, kif ukoll ta' l-istituzzjonjiet Ewropej kkonċernati;

19.  Jitlob lil kull Stat Membru biex kull sena, bl-użu ta' dokument bażiku ta' riferenza ppreparat mill-Kummissjoni, ifassal bl-akbar trasparenza lista preċiża li tiddistingwi b'mod ċar l-ammonti dedikati direttament għall-għajnuna għall-iżvilupp minn dawk għal inizjattivi oħrajn u li m'għandhomx x'jaqsmu direttament magħhom, bħat-tnaqqis tad-dejn; jinsisti fuq il-fatt li dawn l-ammonti għandhom ikunu espliċitament esklużi mill-kalkolu ta' l-ispejjeż totali ta' l-għajnuna għall-iżvilupp;

20.  Jinnota l-fatt li d-dibattiti dwar inizjattivi li jistgħu jiġu kkunsidrati jew le bħala relevanti għall-għajnuna għall-iżvilupp se jkomplu fl-2007 fi ħdan id-DAC ta' l-OECD biex jiġu magħluqa waqt is-Summit ta' livell għoli li se jittella' fil-Gana fil-bidu ta' l-2008 u jenfasizza d-determinazzjoni kollha tiegħu li jipparteċipa attivament f'dawn id-dibattiti;

21.  Jitlob lill-Kummisjoni biex tinfurmah bid-dettalji dwar l-attribuzzjoni tal-mandat li hija teżerċita fi ħdan id-DAC ta' l-OECD, dwar definizzjoni tal-pożizzjoni li hija tiddefendi hemmhekk, kif ukoll dwar ir-regoli ta' l-organizzazjoni u ta' kif jaħdem dan il-Kumitat;

22.  Jinsisti mal-membri tad-DAC ta' l-OECD sabiex jiddefinixxu l-objettivi lejn xiex jimmiraw għall-2010 b'rapport mat-12-l indikatur stabbiliti fid-Dikjarazzjoni ta' Pariġi - speċifikament għall-objettivi ta' kundizzjonalità, ta' responsabilità reċiproka u ta' previdibilità - u biex idaħħlu fis-seħħ mekkaniżmu effikaċi ta' sorveljenza;

23.  Jappoġġa l-inizjattiva ta' programmazzjoni komuni, li pproponiet il-Kummissjoni u li issa qiegħda f'idejn il-Kunsill, li se titmexxa għal grupp inizjali ta' ħdax-il pajjiż tal-Grupp ta' l-Istati ta' l-Afrika, tal-Karibew, u tal-Paċifiku (ACP), kif ukoll għall-Vjetnam u n-Nikaragwa u jqis li l-programmazzjoni li qed tiġi ppreparata issa għall-pajjiżi ta' l-ACP tista' sservi bħala punt ta' tluq tajjeb; jenfasizza madankollu l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-inizjattivi-pilota m'humiex inkompatibbli ma' l-azzjonijiet konġunti fis-seħħ fil-pajjiżi msieħba (bħall-istrateġija ta' għajnuna komuni) imma li pjuttost isaħħu l-proċessi eżistenti;

24.  Jinnota u japprezza l-ħidma li wettqet il-Kummissjoni f'termini ta' l-iżvilupp ta' indikaturi tar-riżultati ta' l-attivitajiet tagħha, imma jinnota wkoll li l-biċċa l-kbira ta' l-indikaturi huma marbuta ma' evalwazzjonijiet interni, li l-appoġġ baġitarji u l-programmi settorjali m'humiex evalwati minn dawn l-indikaturi u li għad m'hemmx indikaturi ta' impatt u ta' sostenibilità li jistgħu jevalwaw il-proġetti ladarba jitlestew;

25.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jidentifikaw flimkien l-indikaturi ta'riżultati adatti għall-indikaturi ta' l-MDGs, b'mod partikulari fir-rigward ta' l-għajnuna baġitarja, sabiex il-parlamenti nazzjonali u s-soċjetajiet ċivili lokali, u kif ukoll il-Parlament Ewropew, jkunu jistgħu jittraċċaw ir-riżultati tal-kontribuzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea;

26.  Jenfasizza li l-programmazzjoni komuni trid tippromwovi sħubija bbażata fuq l-approprjazzjoni nazzjonali u r-responsabilità reċiproka;

27.  Jenfasizza li kemm l-azzjonijiet ta' għajnuna u kemm l-azzjonijiet kummerċjali jistgħu u għandhom jilagħbu rwol notevoli fit-twettiq ta' l-MDGs;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tistudja kif il-kummerċ ġust jista' jinbidel f'mudell ta' politika kummerċjali sostenibbli li jkun kapaċi jippromwovi kummerċ ekwilibrat bejn it-tramuntana u n-nofsinhar u jidentifika liem'huma x-xkiel għall-kummerċ li l-iktar li jirriflettu gravement fuq l-ifqar popolazzjonijiet;

29.  Jirrikonoxxi l-importanza ta' l-istabilizzazzjoni tal-prezzijijiet tal-materja prima għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jistieden lill-Kummissjoni biex tissuġerixxi miżuri f'dan ir-rigward;

30.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tiċċara f'liema miżura l-pajjiżi benefiċjarji u s-soċjetà ċivili se jkollhom kontroll sħiħ tal-politika tagħhom għall-iżvilupp u se jkollhom l-ispazju politiku meħtieġ biex iħejju l-analiżi, id-dijanjostika u l-politika strateġika komuni sabiex jitrawwem ir-rispons tal-pajjiżi benefiċjarji;

31.  Iqis li l-politiki ta' żvilupp nazzjonali u reġjonali għandhom jiġu adottati demokratikament mill-pajjiżi benefiċjarji nfushom u li l-parlamenti demokratikament eletti għandhom jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-programm b'aktar attenzjoni;

32.  Jenfasizza l-importanza tat-trasparenza u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni mill-perspettiva ta' l-effikaċità ta' l-għajnuna; f'dan ir-rigward ifakkar ir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq dwar l-effikaċità ta' l-għajnuna u l-korruzzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jtenni l-appoġġ tiegħu għall-kampanja "Ippublika dak li tħallas", li tirrikjedi li l-kumpaniji multinazzjonali jiżvelaw l-informazzjoni dwar il-ħlasijiet li saru lill-gvernijiet;

33.  Itenni r-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar l-effikaċità ta' l-għajnuna u dwar il-korruzzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jirriżervaw perċentwali xierqa mill-għajnuna baġitarja għall-"klieb ta' l-għassa" tas-soċjetà ċivili, biex jimplimentaw sistema internazzjonali ta' 'blacklisting' biex jiġi evitat li l-banek isellfu l-flus lil reġimi korrotti, biex jipprojbixxu l-għoti ta' kuntratti ta' akkwist lil kumpaniji li ġew implikati f'atti korrotti f'pajjiż li qed jiżviluppa u biex iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jirratifikaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-korruzzjoni ta' l-2003;

34.  Bl-istess mod, ifakkar l-importanza ta' gvernar tajjeb u ta' l-eżistenza ta' stat ta' dritt stabbli u kif ukoll ta' strutturi regolamentari, ġuridiċi u istituzzjonali trasparenti u prevedibbli peress li huma kundizzjonijiet meħtieġa biex tinħoloq klima favorevoli għall-iżvilupp ekonomiku;

35.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw il-koperazzjoni deċentralizzata mmexxija direttament ma' l-entitajiet lokali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

36.  Iqis li l-kofinanzjament jista' jkollu l-irwol ta' katalist għall-fondi Ewropej u jikkontribwixxi wkoll biex jgħin biex toħroġ politika ta' koperazzjoni għall-iżvilupp ġenwinament Ewropea;

37.  Jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi promossa l-implimentazzjoni ta' strument flessibbli u sostenibbli biex jintlaħqu l-MDGs u jitlob iktar dettalji dwar it-tħaddim u l-modijiet ta' mmaniġġjar ta' strument ta' dan it-tip;

38.  Bil-kontra tal-Kummissjoni, jiddispjaċih li l-progress ta' ċertu Stati Membri fit-twettiq ta' l-impenji tagħhom biex progressivament iħollu l-irbit(8) ta' l-għajnuna għall-iżvilupp ma hux sodisfaċenti, minkejja li dan l-istrument hu ferm mistenni mill-produtturi lokali u l-popolazzjonijiet tan-Nofsinhar li jkunu jistgħu utilment jibbenefikaw ħafna minnu, u jitlob lill-Istati Membri biex jibdew japplikaw minn issa stess dan il-ħall ta' rbit għall-għajnuna alimentari u biex dan jiġi indirizzat ukoll lejn il-pajjiżi l-anqas żviluppati, kif tirrakkomanda l-OECD;

39.  Jinsab imħasseb mill-fatt li l-politika ta' għajnuna baġitarja ta' l-Unjoni Ewropea favur il-pajjiżi li qed jiżviluppaw hija dejjem iktar suġġetta għall-kundizzjonijiet ta' l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (IFI), li tobbliga lil dawn il-pajjiżi biex jikkonformaw mal-kundizzjonijiet tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) biex jieħdu l-għajnuna għall-iżvilupp ta' l-Unjoni; iqis li din il-kundizjonalità ċentralizzata hija kontradittorja mal-politika tal-pajjiżi benefiċjarji f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-approprjazzjoni;

40.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw ruħhom li l-partijiet interessati fil-pajjiżi benefiċjarji, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, ikunu informati biżżejjed biex jiġi faċilitat l-aċċess tagħhom għall-programmi disponibbli;

41.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iħeġġu l-inizjattivi ta' ko-żvilupp, terminu li hu meqjus li jfisser il-valurizzazzjoni tal-potenzjal rappreżentat mill-komunitajiet ta' migranti stabbiliti fil-pajjiżi żviluppati biex iservu l-iżilupp tal-pajjiż ta' oriġini tagħhom;

42.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinvolvu fil-programmi ta' żvilupp lill-persuni kompetenti li ħarġu mid-dijaspora u li jixtiequ jagħtu għajnuna konkreta u jaħdmu fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom biex ipoġġu l-abilitajiet tagħhom għas-servizz ta' l-iżvilupp;

43.  Jenfasizza li biex tittejjeb l-għajnuna effettiva li hi riflessa minn progress konkret tas-sitwazzjoni reali, huwa assolutament indispensabbli li jkun hemm strumenti finanzjarji innovattivi u riżorsi supplimentari, u li ma tistax tissostitwixxi l-impenji li diġa ttieħdu f'termini ta' l-ODA;

44.  Jilqa' bi pjaċir ir-rieda soda ta' l-Unjoni Ewropea biex iddaħħal fis-seħħ mekkaniżmi innovattivi ta' finanzjament għall-iżvilupp intenzjonati li jiggarantixxu għajnuna stabbli, effikaċi u prevedibbli;

45.  Jenfasizza li l-Kummissjoni m'għandhiex titqies bħala s-sitta u għoxrin donatur ta' l-Unjoni Ewropea imma minflok għandu jkun definit il-vantaġġ komparattiv ta' l-għajnuna Komunitarja; ifakkar l-importanza tas-setturi definiti "il-kunsens Ewropew" għall-iżvilupp, bħall-preżenza globali ta' l-Unjoni, il-volum tal-baġit ta' koperazzjoni għall-iżvilupp tagħha, it-tisħiħ tal-koeżjoni politika, il-promozzjoni ta' prassi tajba fil-qasam ta' l-iżvilupp, is-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta' koordinazzjoni u l-armonizzazzjoni u l-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem, eċċ.; jitlob lill-Unjoni Ewropea biex tistqarr b'mod ċar il-pożizzjoni tagħha dwar din il-kwistjoni;

46.  Jitlob lill-Parlamenti nazzjonali ta' l-Istati Membri biex jeżerċitaw kontroll akbar tal-fondi akkumulati u ta' l-implimentazzjoni tal-programmi ta' koperazzjoni bilaterali;

47.  Jiddeplora l-fatt li l-inizjattiva HIPC (Pajjiżi Foqra Midjunin Ħafna) ma wasslitx għal soluzzjoni dewwiema għall-problema tad-dejn u li l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi kkonċernati ma' rawx titjib fis-sitwazzjoni ta' dejn tagħhom, kif xehed ir-rapport tal-Bank Dinji msemmi hawn fuq;

48.  Jifraħ bl-inizjattiva li ħadet in-Norveġja li tikkumissjona studju fil-livell tal-Bank Dinji u tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-kwistjoni ċentrali ta' l-illeġittimità tad-dejn u jħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jippromwovu din l-inizjattiva fil-fora internazzjonali bil-għan li din il-kwistjoni tiġi rikonoxxuta internazzjonalment u li jitwettqu verifiki dwar in-natura ta' "dejn odjuż" ta' ċerti djun bilaterali ta' l-Istati Membri bil-għan li jinħafru;

49.  Jiddispjaċih li l-Kunsill mhux dispost li jipprovdi riżorsi ġodda għall-azzjonijiet ta' għajnuna u l-azzjonijiet kummerċjali fil-pakkett finanzjarju għall-2007-2013; iqis li l-finanzjament tal-miżuri m'għandux isir b'detriment ta' attivitajiet oħra intenzjonati biex jintlaħqu l-MDGs; iqis li dan ikun inkoerenti u inaċċettabbli ladarba strumenti finanzjarji ġodda u riżorsi supplimentari huma indispensabbli;

50.  Jenfasizza l-importanza ta' l-inizjattiva tad-WTO "Għajnuna għall-Kummerċ" li tippermetti li pajjiżi li qed jiżviluppaw jiġu mgħejjuna biex isaħħu l-kapaċitajiet kummerċjali tagħhom u biex jimplimentaw il-ftehimiet li kkonkludew fi ħdan din l-organizzazzjoni sabiex jiġbru qliegħ minnhom u jagħtu spinta lill-kummerċ tagħhom billi jiġi ffaċilitat id-dħul tagħhom fil-kummerċ internazzjonali; f'dak ir-rigward, itenni l-appoġġ tiegħu għal linja baġitarja ġdida "Aid for Trade", li ttejjeb kemm it-trasparenza u kemm il-kontroll demokratiku;

51.  B'ferħ jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex tissaħħaħ il-koordinazzjoni fil-qasam tal-koperazzjoni għall-iżvilupp dwar il-kummerċ; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa għal miżuri ta' koordinazzjoni mtejba min-naħa tad-donaturi u fuq kollox fuq il-post innifsu; jensizza l-bżonn għall-Unjoni Ewropea li tgħaqqad l-isforzi tagħha fil-qasam ta' l-għajnuna għall-iżvilupp ma' dawk ta' donaturi internazzjonali oħra;

52.  Iqis li hemm bżonn li l-Unjoni Ewropea tappoġġa l-pajjiżi ACP fil-kuntest tar-reġim ta' għajnuna għaz-zokkor sabiex dawn ikunu jistgħu jadattaw ruħhom għal-limitazzjonijiet ġodda tar-riforma tar-reġim taz-zokkor Ewropew; min-naħa l-oħra, iqis li l-baġit allokat fil-kuntest ta' l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni m'għandux ikun ta' detriment għall-azzjonijiet oħra mwettqa bħala parti mill-politika ta' żvilupp ta' l-Unjoni u b'mod partikulari għall-ispejjeż relatati ma' l-MDGs;

53.  Ifakkar lill-Kummissjoni bl-impenn li ħadet rigward "Round for Free" għal pajjiżi li qed jiżviluppaw fi ħdan id-WTO; jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jagħmlu l-almu tagħhom biex jiġi evitat li l-pajjiżi l-inqas żviluppati jiġu sagrifikati fl-interess tal-gruppi kummerċjali l-iktar b'saħħithom;

54.  Jirrikonoxxi li l-Kummissjoni u l-pajjiżi ACP jixtiequ jtejbu l-effikaċità billi jsaħħu l-koperazzjoni reġjonali permezz ta' ftehimiet ta' sħubija ekonomika; f'dan il-kuntest, jitlob il-garanziji meħtieġa u kalendarju realistiku għal ftuħ progressiv u asimmetriku tal-kummerċ, sabiex ikun żgurat li l-ftehimiet ta' sħubija ekonomika jistimulaw b'mod effikaċi t-tkabbir ekonomiku fil-pajjiżi ACP;

55.  Jitlob lill-pajjiżi żviluppati kollha u lill-pajjiżi kolha li qiegħdin f'fażi avvanzata ta' żvilupp biex isegwu l-mudell ta' l-inizjattiva "Kollox apparti l-Armi" ta' l-Unjoni Ewropea billi jiggarantixxu aċċess għas-suq kompletament bla taxxi u bla kwoti għall-pajjiżi l-inqas avvanzati;

56.  Ifakkar fir-rapport tal-Kummissjoni li minnu joħroġ li l-pajjiżi l-inqas żviluppati huma dawk li l-inqas igawdu mir-reġim preferenzjali ta' l-Unjoni Ewropea; jitlob lill-Kummissjoni biex tieħu miżuri ġodda biex l-iktar pajjiżi foqra jitħallew igawdu mill-iktar benefiċċji possibbli mill-preferenzi kummerċjali ta' l-Unjoni Ewropea;

57.  Iqis li anke jekk l-ammont ta' l-għajnuna finanzjarja allokata mill-Unjoni Ewropea huwa importanti, huwa importanti wkoll li jitniedu riformi sustanzjali ta' l-istituzzjonijiet finanzjarji u kummerċjali globali biex jiġi inkorporat approċċ multidimensjonali bbażat fuq id-drittijiet;

58.  Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu li ġa ssemmiet dwar ir-reviżjoni strateġika tal-Fond Monetarju Internazzjonali, li fiha stieden lill-Istati Membri biex jisfurzaw ruħhom biex jgħaqqdu grupp ta' pajjiżi ("constituency") uniku - li għandu jibda minn grupp ta' pajjiżi fiz-zona euro, bl-intenzjoni li tkun garantita, fuq perjodu itwal ta' żmien, rappreżentanza Ewropea koerenti li magħha jkunu assoċjati l-Presidenza tal-Kunsill Ecofin u l-Kummissjoni, suġġett għall-kontroll tal-Parlament;

59.  Jitlob reviżjoni ta' l-operat tax-xogħol ta' l-IFI, bl-ewwel pass ikun l-adattament tas-sistema għal votazzjoni għar-realtà attwali, billi jingħata aktar piż lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u billi tiġi riveduta l-kompożizzjoni - li bħalissa qiegħda żbilanċjata - tal-gruppi tal-pajjiżi;

60.  Wara li qies diversi rapporti, inkluż ir-rapport Sachs li ġa ssemma, jitlob lilll-IFIs biex in-natura sostenibbli tad-djun tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw titqies bħala l-livell ta' dejn li jippermetti pajjiż biex jilħaq l-MDGs mingħajr ma jżid r-rata ta' dejn tiegħu u jitlob lir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fl-IFIs biex jitolbu ridefinizzjoni ta' dan it-tip;

61.  Ifakkar is-suġġeriment, li jinsab fir-riżoluzzjoni tiegħu li ġa ssemmiet dwar ir-reviżjoni strateġika ta' l-IMF, biex il-kundizzjonalità assoċjata ma' l-għajnuna u mas-self ta' l-IFIs tiġi definita fil-kuntest ta' kollaborazzjoni mill-qrib ma' l-istituzzjonijiet tan-NU, u jirrikonoxxi li din il-kundizzjonalità, f'ħafna każi, kellha impatt negattiv fuq l-indikaturi soċjo-ekonomiċi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

62.  Jipproponi l-ħolqien ta' grupp ta' ħidma għall-effikaċità ta' l-għajnuna Ewropea u għas-sorveljanza tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp, li jikkonsisti mill-membri tal-Kumitat għall-Iżvilupp, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Istati Membri, lill-NGOs għall-iżvilupp, lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u lit-trade unions biex jipparteċipaw fih u jissuġerixxi għalhekk biex jintgħażel numru ta' pajjiżi bħala "studji ta' każ" sabiex tingħata xbieha aħjar lill-Parlament u lill-Kumitat għall-Iżvilupp tiegħu ta' l-isforzi u r-riżultati f'livell nazzjonali;

63.  Jenfasizza li hemm bżonn assolut li l-Unjoni twettaq b'mod aktar sistematiku politiki li jippreżentaw koerenza globali u jifraħ bil-fatt li din il-kwistjoni ta' koerenza bejn il-politiki differenti ta' l-Unjoni Ewropea ddaħħlet fl-aġenda tal-Presidenza Finlandiża, presidenza li hemm ħafna mistenni minnha;

64.  Jenfasizza l-importanza tal-koerenza bejn is-setturi ta' azzjoni differenti ta' l-Unjoni Ewropea kif ukoll il-koordinazzjoni meħtieġa u l-kumplimentarjetà ta' azzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa ta' l-effikaċità ta' l-għajnuna b'mod partikulari fil-livell lokali; hu ta' l-opinjoni li n-nuqqas ta' koerenza jmur kontra l-Artikolu 178 tat-Trattat KE;

65.  Iqis li l-politika ta' effikaċità ta' l-għajnuna ta' l-Unjoni Ewropea għandha tassigura koeżjoni bejn l-iskambji kummerċjali, il-koperazzjoni għall-iżvilupp u l-politiki komuni għall-agrikoltura u s-sajd biex jiġu evitati effetti negattivi, diretti jew indiretti, fuq l-ekonomiji tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

66.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi r-riżoluzzjoni preżenti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P6_TA(2006)0063.
(2) ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.
(3) Testi adottati ta' din id-data, P6_TA(2005)0445.
(4) Testi adottati ta' din id-data, P6_TA(2006)0217.
(5) Testi adottati ta' din id-data, P6_TA(2006)0141.
(6) ĠU C 33 E, 9.2.2006, p. 311.
(7) Testi adottati ta' dik id-data, P6_TA(2006)0076.
(8) Ara premessa F.

Avviż legali - Politika tal-privatezza