Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2629(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0511/2006

Testi mressqa :

B6-0511/2006

Dibattiti :

PV 26/09/2006 - 18
CRE 26/09/2006 - 18

Votazzjonijiet :

PV 28/09/2006 - 7.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2006)0385

Testi adottati
PDF 229kWORD 42k
Il-Ħamis, 28 ta' Settembru 2006 - Strasburgu
Galileo
P6_TA(2006)0385B6-0511/2006

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni attwali tal-programm Galileo

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-sitwazzjoni attwali tal-programm Galileo (COM(2006)0272),

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' l-attwazzjoni tal-fażi kostituttiva u tal-fażi operattiva tal-programm Ewropew għar-radjunavigazzjoni bis-satellita (COM(2004)0477), u l-pożizzjoni adottata fl-ewwel qari tas-6 ta' Settembru 2005(1) bil-ħsieb ta' l-adozzjoni ta' dak ir-Regolament,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 876/2002 tal-21 ta' Mejju 2002 li joħloq l-Impriża Konġunta Galileo(2),

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Kunsill li jemenda l-Istatuti ta' l-Impriża Konġunta Galileo, annessa mar-Regolament tal-Kunsill ((KE) Nru 876/2002 (COM(2006)0351),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1321/2004 tat-12 ta' Lulju 2004 dwar il-ħolqien ta' strutturi għall-ġestjoni tal-programmi Ewropej għan-navigazzjoni bir-radju permezz tas-ssatellita(3), u l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Kunsill li jemenda dak ir-Regolament (COM(2005)0190),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 108(5) u 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi Galileo huwa l-ewwel infrastruttura Ewropea ġestita mill-Komunità, u għaldaqstant iġib miegħu sfidi ġodda, kemm regolatorji kif ukoll finanzjarji; billi l-isfond ġuridiku u proċedurali m'hux orjentat lejn il-proġetti,

B.   billi l-Parlament ta l-appoġġ kollu tiegħu lill-Programm Galileo, permezz tar-responsabilitajiet leġiżlattivi u baġitarji tiegħu (pereżempju fil-pożizzjoni tiegħu tas-6 ta' Settembru 2005 imsemmija hawn fuq), fejn għaraf li Galileo huwa proġett strateġiku, wieħed mill-iktar pilastri importanti ta' l-istrateġija ta' Liżbona, u li joffri opportunitajiet kbar lill-SMEs,

C.   billi l-inġiniera u l-iżviluppaturi Ewropej li jaħdmu fl-Aġenzija Spazjali Ewropea u fl-industrija spazjali għamlu biċċa xogħol tajba; filwaqt li jinnota li l-ewwel satellita sperimentali GIOVE-A diġà wettqet il-missjoni ewlenija tagħha, li l-aspetti tekniċi jinsabu f'posthom, u li issa l-iktar element importanti biex il-proġett jitmexxa 'l quddiem hija t-tmexxija tajba tiegħu,

1.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tevalwa x'tibdil jista' jsir fir-regolamenti ġuridiċi u proċedurali sabiex jiġi żgurat il-progress kontinwu tal-proġett; jindika li dan ma jimplikax li jitnaqqsu l-kompetenzi u r-responsabilitajiet ta' l-istituzzjonijiet, iżda jista' jfisser l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet aktar kreattivi u iktar xierqa għall-objettivi tal-programm;

2.  Jinnota l-kalendarju aġġornat il-ġdid u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex timxi miegħu u biex tinforza l-konformità miegħu; flimkien ma' l-approvazzjoni tal-kuntratt ta' konċessjoni, jitlob li jkun mgħarraf dwar l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mid-dewmien; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni biex tgħarraf lill-Parlament dwar kwalunkwe bidliet sinifikanti fil-ġejjieni, f'waqtu u mhux b'dewmien ta' snin;

3.  Jilqa' bi pjaċir il-progress li sar fin-negozjati mal-konċessjonarji; jistieden lil dawk ikkonċernati fl-industrija spazjali Ewropea li qed jipparteċipaw fil-konsorzju biex iħabirku biex jaslu għal ftehim b'mod kostruttiv, sabiex dan il-proġett komuni Ewropew ikun jista' jagħti sehmu biex l-objettivi ta' Liżbona jintlaħqu mill-iktar fis possibbli;

4.  Jistieden lill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-GNSS biex darbtejn fis-sena tippreżenta rapporti dwar il-progress lill-Parlament, b'referenza partikulari għall-progress f'biċċiet ta' xogħol li għandhom jiġu imposti mill-1 ta' Jannar 2007 fuq l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-GNSS permezz tar-regolament propost li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1321/2004;

5.  Jistieden lill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-GNSS biex tagħti lill-espert innominat mill-Parlament l-istat ta' osservatur permanenti, skond l-Artikolu 5(5) tar-Regolament (KE) Nru 1321/2004;

6.  Jirrikonoxxi li r-regolament li ġej tas-Servizz Pubbliku Regolamentat, li mistenni jirrappreżenta madwar 30% tad-dħul tal-proġett, l-istess bħall-Karta Ħadra dwar l-applikazzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni biex tlesti r-regolamenti li fadal isiru u li huma meħtieġa biex ikunu jistgħu jitħaddmu applikazzjonijiet f'diversi oqsma, sabiex l-SMEs jingħataw biżżejjed żmien biex iħejju għall-parteċipazzjoni tagħhom;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni, meta jqis in-natura Komunitarja tal-proġett, biex tiżgura li l-Parlament ikun mgħarraf qabel ma jiġi ffirmat xi kuntratt dwar sehem istituzzjonali ma pajjiżi terzi;

8.  Jistieden lill-Kunsill biex jiżgura li ma jkunx hemm aktar dewmien f'dan il-proġett;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.

(1) ĠU C 193 E, 17.8.2006, p.61.
(2) ĠU L 138, 28.5.2002, p.1.
(3) ĠU L 246, 20.7.2004, p.1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza