Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0508/2006

Dibattiti :

PV 27/09/2006 - 3
CRE 27/09/2006 - 3

Votazzjonijiet :

PV 28/09/2006 - 7.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


Testi adottati
PDF 216kWORD 55k
Il-Ħamis, 28 ta' Settembru 2006 - Strasburgu
Politika Komuni ta' l-UE dwar l-immigrazzjoni
P6_TA(2006)0386RC-B6-0508/2006

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-politika komuni ta' l-UE dwar l-immigrazzjoni

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 6 tat-Trattat UE u l-Artikolu 63 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 42 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-programm ta' Tampere ta' l-1999, u dak ta' The Hague ta' l-2004 dwar iz-Zona ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja,

–   wara li kkunsidra l-laqgħa tal-Kunsill tal-JHA f'Tampere bejn l-20 u t-22 ta' Settembru 2006,

–   wara li kkunsidra d-diskussjonijiet kontinwi dwar il-Qafas Finanzjarju, inkluż il-Fond għar-Refuġjati u l-Fond Ewropew għar-Ritorn,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-kampijiet tar-refuġjati f'Malta tas-6 ta' April 2006 (1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' April 2005 dwar Lampedusa(2),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

A.   billi seba' snin wara l-adozzjoni tal-programm ta' Tampere, l-Unjoni Ewropea għad m'għandhiex politika koerenti dwar l-immigrazzjoni, u hija partikularment nieqsa minn politika ġuridika għall-immigrazzjoni u għar-ritorn,

B.   billi s-sistema Ewropea Komuni dwar l-Ażil hija bbażata fuq sett ta' regolamenti li minnhom ebda Stat Membru firmatarju ma jingħata deroga,

C.  C tenut kont ta' l-urġenza umanitarja f'bosta Stati Membri li jinsabu fil-fruntieri esterni fin-nofsinhar ta' l-Unjoni Ewropea, fejn eluf ta' immigranti mietu fil-baħar Mediterran, u ta' l-influss ta' immigranti, b'mod partikulari matul is-sajf ta' l-2006,

D.   billi l-Konferenza Ministerjali Ewro-Afrikana dwar il-Migrazzjoni u l-Iżvilupp li saret f'Rabat fl-10 u l-11 ta' Lulju 2006 adottat dikjarazzjoni u pjan ta' azzjoni,

E.  E billi r-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-Programm ta' The Hague għandha tiġi finalizzata sa tmiem din is-sena;

F.   billi l-immigrazzjoni illegali tista' twassal għall-esplojtazzjoni tal-bnedmin u xogħol sfurzat,

G.   billi l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar approċċ ta' l-UE biex jimmaniġġja l-immigrazzjoni ekonomika (COM (2004)0811) jipprevedi li "bejn is-snin 2010 u 2030, bil-livell attwali ta' immigrazzjoni fl-Ewropa 25 se jkun hemm tnaqqis fil-popolazzjoni attiva ta' ħaddiema li tammonta għal 20 miljun" u li " flussi ta' immigrazzjoni aktar sostenuti jistgħu jkunu aktar meħtieġa biex ikopru d-domanda tas-suq għal ħaddiema u biex jiggarantixxu l-prosperità Ewropea";

1.  Jenfasizza li żieda fl-immigrazzjoni hija fenomenu globali b'għadd ta' kawżi u effetti u teħtieġ approċċ bilanċjat, globali u koerenti;

2.  Huwa konxju, minħabba n-nuqqas ta' mezzi għall-immigrazzjoni legali, li s-sistemi ta' ażil ġarrbu pressjoni fuqhom dejjem akbar biex iservu ta' mezz ta' sistemazzjoni legali;

3.  Jagħraf id-drammatiċità tad-diffikultajiet umani li qed jiġu kkonfrontati bihom għadd ta' Stati Membri ta' l-UE sabiex jimmaniġġjaw il-flussi kbar ta' immigranti ta' dawn l-aħħar ftit snin; Jinnota b'mod partikulari l-problemi kkaġunati mill-għadd kbir li jqanqal tħassib, ta' minorenni fost l-immigranti li waslu dan l-aħħar;

4.  Jiddeplora t-telf umanitarju sostanzjali tabilħaqq, inkluż it-telf ta' ħajjiet ta' immigranti;

5.  Jemmen bil-qawwa li l-Istati Membri jeħtieġ li jirrispettaw l-obbligazzjonijiet li għandhom taħt il-liġi tal-Komunità u dik internazzjonali rigward dawk li jfittxu ażil u l-immigranti;

6.  Iqis li l-Unjoni Ewropea mhux post fejn jintużaw nies għal xogħol sfurzat u għalhekk jeħtieġ li Stati Membri jiżguraw li ma jkunx hemm prattiċi bħal dawn;

7.  Jinsisti li l-Isati Membri jiżguraw aċċess għall-proċedura ta' ażil u li japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/9/KE(3) b'mod koerenti u konsistenti, u li talbiet għall-ażil jiġu pproċessati malajr u b'mod effikaċi;

8.  Jenfasizza li kwalunke approċċ komprensiv għall-immigrazzjoni ma jistax jinjora l-fatturi oriġinali (push factors) li jġiegħlu lil individwi jitilqu minn pajjiżhom u joħolqu l-bżonn ta' possibbiltajiet reali għal immigrazzjoni legali lejn l-Unjoni Ewropea, kif ukoll joħolqu pjanijiet ċari għal żvilupp u investiment fil-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu, inklużi politiki għal kummerċ u agrikoltura li jippromwovu opportunitajiet ekonomiċi; mhux lanqas bil-ħsieb li jiġi evitat telf ta' imħuħ fuq skala kbira.

9.  Ifakkar li politika koerenti Ewropea għal migrazzjoni għandha tkun akkumpanjata minn politika ta' integrazzjoni li tipprovidi għal, fost affarijiet oħra, l-integrazzjoni regolari fis-suq tax-xogħol, id-dritt għall-edukazzjoni u t-taħriġ, aċċess għas-servizzi soċjali u tas-saħħa, kif ukoll il-parteċipazzjoni ta' l-immigranti fil-ħajja soċjali, kulturali u politika;

10.  Itenni li kwalunkwe deċiżjoni dwar il-moderazzjoni tar-regoli dwar l-immigrazzjoni fi Stat Membru partikulari jkollha riperkussjonijiet fuq is-sitwazzjoni fl-Istati Membri l-oħrajn, u li l-Istati Membri għandhom l-obbligu, fi spirtu ta' koperazzjoni leali, li jikkonsultaw u jinformaw Stati Membri oħrajn dwar miżuri li aktarx ikollhom impatt fuq is-sitwazzjoni ta' l-immigrazzjoni, kif dikjarat fil-pożizzjoni tas-6 ta' Lulju 2006(4) adottata mill-Parlament dwar id-deċiżjoni fuq l-istabbiliment ta' proċedura ta' informazzjoni reċiproka li tirrigwarda l-miżuri ta' l-Istati Membri fl-oqsma ta' l-ażil u l-immigrazzjoni;

11.  Jitlob li jkun hemm approċċ ta' sħubija mal-pajjiżi ta' oriġini u pajjiżi ta' tranżitu biex jiġi żgurat li jkollhom rwol attiv fl-għajnuna biex jiġu mmaniġġjati l-flussi ta' immigrazzjoni, biex iwaqqfu l-immigrazzjoni illegali u joħolqu kampanji ta' informazzjoni effettivi dwar il-kundizzjonijiet fil-pajjiżi ta' l-UE li jirċevuhom, inklużi l-kriterji kif jinkiseb ażil;

12.  Jemmen li l-qsim tar-responsabbiltajiet u l-piż finanzjarju bejn Stati Membri jeħtieġ li jkun parti integrali tal-Politika Ewropea għall-Immigrazzjoni, kif ukoll tas-Sistema Komuni għall-Ażil ta' l-UE;

13.  Jitlob li l-Unjoni Ewropea jkollha rwol akbar fl-immaniġġjar ta' emerġenzi umanitarji marbutin ma' flussi migratorji u ma' min ifittex l-ażil;

14.  Jemmen għalhekk li l-pajjiżi għandu jingħatalhom aċċess għal għajnuna teknika u għall-finanzjamenti pprovduti permezz tal-programm ARGO, il-Fond Ewropew għar-Refuġjati, il-Fond Ewropew għall-Fruntieri Esterni, il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni u l-Fond Ewropew għar-Ritorn, għall-perjodu 2007-2013;

15.  Jitlob li jkun hemm aktar finanzjament disponibbli għall-NGOs li qed jaħdmu fuq il-post biex jipprovdu għajnuna kritika ta' emergenza;

16.  Jemmen li l-immigrazzjoni qawwija hija riżultat ta' ekonomiji falluti, it-tifqir tal-popolazzjoni, vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, id-degradazzjoni ta' l-ambjent, il-firda dejjem tikber bejn il-pajjiżi sinjuri u dawk foqra, gwerra ċivili, gwerer għal kontroll ta' riżorsi naturali, il-persekuzzjoni politika, l-instabilità politika, il-korruzzjoni u dittaturi f'ħafna mill-pajjiżi tan-nisel;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi kemm jista' jkun malajr il-ħolqien ta' fond ta' emerġenza biex jiffinanzja "timijiet esperti ta' appoġġ" biex jipprovdu għajnuna prattika għal ilqugħ fuq il-fruntieri u biex tiffaċċja l-kriżi umanitarja fl-Istati Membri, u biex tinkorpora fil-fondi ġodda għal-perjodu 2007-2013 mekkaniżmu ta' emerġenza li jagħmel possibbli li għajnuna finanzjarja tiġi pprovduta f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza;

18.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jistabbilixxu aċċess għall-proċedura ta' applikazzjoni għall-ażil, jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/85/KE(5) b'mod koerenti u konsistenti, u biex jiżguraw li talbiet għall-ażil jiġu pproċessati malajr u effiċentement;

19.  Jagħraf li l-ħtieġa li tiġi adottata direttiva ġusta għar ritorn ta' l-UE u jistieden lill-Kunsill biex iżid l-isforzi tiegħu biex jiżgura li tiġi adottata; jinnota fl-istess waqt in-nuqqas tal-Kunsill, seba' snin wara l-Kunsill Ewropew ta' Tampere u minkejja t-talbiet numerużi tal-Parlament, li jiddefinixxi politika komuni għall-immigrazzjoni, u minflok ikompli jżomm proċedura ta' unanimità u konsultazzjoni fuq il-materji kollha dwar l-immigrazzjoni legali;

20.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iżidu l-koperazzjoni tagħhom fi ħdan il-qafas tal-FRONTEX u biex jiddefinixxu aħjar il-missjoni tagħha;

21.  Jemmen mandankollu li kontrolli fuq il-fruntieri u attività li tikkumbatti l-immigrazzjoni illegali jistgħu jkunu biss aspett wieħed tal-politika Ewropea għall-pajjizi li mhumiex fl-UE, li għalihom għandha tiġi applikata politika attiva ta' żvilupp dwar pajjiżi ta' oriġini u pajjiżi ta' tranżitu, u dan bl-iskop li jiġu minimizzati l-effetti ta' ħsara ta' l-immigrazzjoni;

22.  Jirrealizza li fin-nuqqas ta' Politika Komuni Ewropea għall-Immigrazzjoni, Stati Membri għandhom approċċi differenti għall-problemi ta' mijiet ta' eluf ta' immigranti illegali li qed jaħdmu illegalment u mingħajr protezzjoni soċjali; jemmen madankollu li r-regolazzjoni massiva ta' immigranti illegali mhijiex soluzzjoni tajba fit-tul, għaliex din il-miżura ma ssolvix il-problemi primarji li hemm warajhom;

23.  Jenfasizza li kwalunkwe miżura biex tikkumbatti l-immigrazzjoni illegali u jiżdiedu l-kontrolli fuq il-fruntieri esterni, ukoll meta jkunu b'koperazzjoni ma' pajjiżi terzi, għandha tkun kompatibbli mal-garanziji u d-drittijiet fundamentali ta' l-individwu kif imniżżla fil-Karta tad-Drittijiet Fundamental ta' l-Unjoni Ewropea u fil-Konvenzjoni għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, b'mod partikolari d-dritt għall-ażil u d-dritt għal "non refoulement";

24.  Iwissi kontra l-perikli ta' l-esternalizzazzjoni ta' l-immaniġġjar tal-fruntieri ta' l-UE u jittama li jkun hemm koperazzjoni aħjar ma' pajjiżi ta' oriġini u pajjiżi ta' tranżitu li fuq kollox tkun ibbażata fuq ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, partikolarment għad-dritt għall-ażil u "non-refoulement" u fuq l-interessi komuni ta' l-UE u l-pajjiżi ta' oriġini u pajjiżi ta' tranżitu;

25.  Iqis li l-approċċ ta' l-Unjoni Ewropea għandu jkun mifrux fl-iskop: jemmen li l-politika ta' immigrazzjoni m'għandhiex biss tkopri sħubija ma' pajjiżi terzi, assigurazzjoni tal-fruntieri esterni biex jikkumbattu t-traffikar fil-bnedmin, u politika ta' ritorn ġusta, imma fl-istess waqt trid tiftaħ mezzi ta' immigrazzjoni legali, tinkoraġġixxi l-integrazzjoni ta' immigranti fis-soċjetà li tilqagħhom u li tippermetti li jkun hemm żvilupp reċiproku mal-pajjiżi ta' oriġini sabiex jiġu ffaċċjati l-kawżi primarji li joħolqu l-immigrazzjoni;

26.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu l-inizjattiva kemm jista' jkun malajr, bl-iskop li tirrevedi r-Regolament (KE) Nru 343/2003(6), 'Dublin II', billi tixħet dubju fuq il-prinċipju bażiku warajh, jiġifieri li l-Istat Membru responsabbli biex jipproċessa applikazzjoni għal ażil huwa dak l-ewwel pajjiż li l-applikant jasal fih, li jqiegħed piż kbir intollerabbli fuq il-pajjiżi fin-nofinhar u l-lvant ta' l-Unjoni Ewropea, u billi jintroduċi mekkaniżmu ġust biex jinqasmu r-responsabbiltajiet bejn l-Istati Membri;

27.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri.

(1) Testi Adottati, P6_TA(2006)0136.
(2) ĠU C 33 E, 9.2.2006, p.598.
(3) ĠU L 31, 6.2.2003, p. 18.
(4)1 P6_TA(2006)0313.
(5)2 ĠU L 326, 13.12.2005, p. 13.
(6) ĠU L 50, 25.2.2003, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza