Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fid-Darfur
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu preċedenti dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan u d-Darfur b'mod partikolari,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u b'mod partikolari r-Riżoluzzjoni 1706 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-31 ta" Awissu 2006,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni ta" l-Unjoni Afrikana (UA) ta" April 2004 biex tinħoloq il-Missjoni Afrikana fis-Sudan (AMIS),
– wara li kkunsidra l-Jum Dinji għad-Darfur tas-17 ta" Settembru 2006,
– wara li kkunsidra l-Ftehima ta" Paċi fid-Darfur iffirmata f'Abuja, in-Niġerja, fil-5 ta" Mejju 2006,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,
A. billi l-kunflitt fir-reġjun tad-Darfur bejn forzi tal-Gvern, milizzji favur il-gvern u ribelli wassal għal iktar minn 200,000 persuna midruba u iktar minn 2 miljun persuna imċaqalqa internament u refuġjat matul it-tliet snin li għaddew, minkejja l-iffirmar ta" Ftehima ta" Paċi fid-Darfur (DPA) fil-5 ta" Mejju 2006,
B. billi d-DPA tibqa" l-bażi għal stabbiltà, paċi u rikonċiljazzjoni fid-Darfur, minkejja l-istqarrija mir-Rappreżentant Speċjali tan-NU Jan Pronk li l-Ftehima 'hi kważi mejta',
C. billi, skond il-Koordinatur tan-NU għall-Għajnuna ta" Emerġenza Jan Egeland, is-sitwazzjoni umanitarja u ta" sigurtà fid-Darfur hi fl-agħar tagħha sa mill-2004 u l-aċċess umanitarju qed jibqa" jiddeterjora, sal-punt li xi nħawi tad-Darfur issa huma kompletament zoni li fihom il-ħaddiema umanitarji ma jistgħux jidħlu, li jfisser li eluf ta" nies mid-Darfur m'għandhom l-ebda aċċess għal għajnuna,
D. billi l-waqfien mill-ġlied fir-reġjun qed jibqa" jinkiser mill-partijiet kollha, bil-vjolenza ħafna drabi diretta kontra l-popolazzjoni ċivili, u billi ż-żieda riċenti tal-militar fid-Darfur u r-rinfurzar tal-forzi tal-gvern fir-reġjun irriżultaw fi ġlied mill-ġdid f'inħawi tad-Darfur tat-Tramuntana,
E. billi r-'Responsabilità li Jipproteġi' tan-NU tistipula li, fejn 'awtoritajiet nazzjonali jfallu b'mod ċar li jipproteġu l-popolazzjonijiet tagħhom minn ġenoċidju, krimini tal-gwerra, tindif etniku u krimini kontra l-umanità,' il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jista" jiddeċiedi li jgħaqqad forza militari taħt il-Kapitolu VII,
F. billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, fir-Riżoluzzjoni 1706 tiegħu, awtorizza forza ġdida tan-NU għaż-żamma tal-paċi b'sa 22,500 suldat u uffiċjal tal-pulizija biex tieħu kontroll ta" l-operazzjonijiet tad-Darfur mill-Missjoni Afrikana fis-Sudan (AMIS), filwaqt li jafferma mill-ġdid ir-rispett sħiħ tas-sovranità, l-unità, l-indipendenza u l-integrità territorjali Sudaniża,
G. billi l-Gvern tas-Sudan qed jibqa" jimblokka tali forza tan-NU milli tidħol is-Sudan,
H. billi l-kunflitt tad-Darfur - u impunità mill-prosekuzzjoni - qed taffettwa dejjem iktar l-istabbiltà tar-reġjun Ċenrali ta" l-Afrika u tikkostitwixxi theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali,
I. billi fid-dawl tad-deċiżjoni ta" l-Unjoni Afrikana ta" l-20 ta" Settembru 2006 li testendi l-mandat preżenti tal-forza tagħha għaż-żamma tal-paċi fid-Darfur sa l-aħħar tas-sena, in-NU impenjat ruħha biex tipprovdi iktar appoġġ loġistiku u materjali lill-AMIS,
J. billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU irrifera s-sitwazzjoni fid-Darfur lill-Qorti Kriminali Internazzjonali f'Marzu 2005,
1. Iħeġġeġ lill-Gvern tas-Sudan biex jaċċetta forza tan-Nazzjonijiet Uniti għaż-żamma tal-paċi fid-Darfur, skond il-Kapitolu VII tal-Karta tan-NU;
2. Jenfasizza li s-Sudan falla mir-'responsabilità' tiegħu 'li jipproteġi' n-nies tiegħu stess u għalhekk hu obbligat li jaċċetta forza tan-NU skond ir-Riżoluzzjoni 1706 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jitlob lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jagħmel pressjoni fuq l-awtoritajiet Sudaniżi biex jaċċettaw li l-Missjoni tan-NU għad-Darfur li diġà hi awtorizzata, tkun eżegwita, b'mandat ċar mill-Kapitolu VII u kapaċitajiet aħjar mogħtija lil tali missjoni permess tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1706 tan-NU;
3. Jirrikjedi li l-awtoritajiet Sudaniżi mhux biss ma jagħmlux ostakli lill-iskjerament u lill-attivitajiet tal-Missjoni tan-NU fid-Darfur, iżda wkoll joħolqu l-kondizzjonijiet neċessarji għall-funzjonament effettiv ta" din il-missjoni; jenfasizza li kwalunkwe falliment mill-awtoritajiet Sudaniżi f'dan ir-rigward se jkun sanzjonat;
4. Jitlob lill-komunità internazzjonali u lill-partijiet kollha kkonċernati biex ifasslu modijiet biex jikkontribwixxu b'mod effettiv u rapidu għall-operazzjoni b'suċċess tal-Missjoni tan-NU għad-Darfur u għal soluzzjoni għall-kriżi;
5. Jitlob liċ-Ċina u lir-Russja biex jieħdu parti pożittiva fin-NU fi sforzi biex ikun żgurat li forza tan-NU għaż-żamma tal-paċi tkun tista" tiġi stazzjonata u li jagħmlu użu tajjeb mill-irwol tagħhom fir-reġjun biex jiffaċilitaw l-iskjerament ta" dik il-missjoni u jiġi evitat kull tixrid ta" demm;
6. Jitlob, f'dan ir-rigward, liċ-Ċina biex tibni fuq id-dikjarazzjoni konġunta magħmula miċ-Ċina u mill-UE fid-9 ta" Settembru 2006 li fiha 'mexxejja enfasizzaw li t-tranżizzjoni minn operazzjoni immexxija mill-UA għan-NU tgħin għall-paċi fid-Darfur'; iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż biex jaġixxi fuq din id-dikjarazzjoni billi juża l-influenza tiegħu mas-Sudan biex jipperswadi lill-Gvern tas-Sudan biex jaċċetta forza tan-NU għaż-żamma tal-paċi;
7. Jitlob lil-Lega Għarbija biex twaqqaf l-approċċ kompliċi tagħha għall-intransiġenza kontinwa tas-Sudan dwar il-ħtieġa ta" forza tan-NU għaż-żamma tal-paċi;
8. Ifakkar fl-impenji mogħtija min-Nazzjonijiet Uniti wara l-ġenoċidju fl-Irwanda bil-ħsieb li terfa" r-responsabbilta? politika tagħha fl-Afrika b'mod iktar effettiv;
9. Jitlob lill-UE biex issejjaħ għall-infurzar urġenti taz-zona li fiha ma jistgħux isiru titjiriet fuq id-Darfur stabbilita mir-Riżoluzzjoni 1591 (2005)tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex iżżomm kuntatt maċ-Ċad biex ikun diskuss l-infurzar taz-zona li fiha ma jistgħux isiru titjiriet miċ-Ċad tal-Lvant;
10. Jikkundanna l-vjolazzjonijiet kontinwi tal-waqfien tal-ġlied mill-partijiet kollha, u b'mod partikolari l-vjolenza diretta kontra l-popolazzjoni ċivili u l-fatt li l-għajnuna umanitarja qed tisfa fil-mira;
11. Jitlob lill-partijiet kollha, inkluż il-Gvern tas-Sudan, biex iwaqqfu b'mod immedjat l-azzjoni militari fid-Darfur, biex jirrispettaw il-ftehim ta" waqfien mill-ġlied u biex jirrispettaw u jimplimentaw l-impenji tagħhom skond id-DPA;
12. Jitlob lil dawk li ma ffirmawx id-DPA biex jiffirmaw il-Ftehima, jimpenjaw ruħhom għaliha u jimplimentawha;
13. Jitlob għal miżuri li jibnu l-kunfidenza, bħal Djalogu u Konsultazzjoni Darfur-Darfur li jinkludu l-partijiet kollha għall-konflitt kif ukoll is-soċjetà ċivili;
14. Jinnota l-estensjoni tal-mandat ta' l-AMIS sa l-aħħar ta' l-2006; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li l-mandati u l-ħidmiet ta" din il-forza jkunu rinfurzati u biex ikun żgurat finanzjament suffiċjenti kif ukoll appoġġ loġistiku u materjali għaliha, li jippermettulha tgħin b'mod effettiv fl-implimentazzjoni tal-PDA;
15. Jitlob lill-UE u lill-atturi internazzjonali oħra biex jaħdmu speċifikament man-NU u l-UA biex jiżguraw li l-forzi għaż-żamma tal-paċi fid-Darfur jkollhom il-kapaċità li jirreaġixxu malajr għal vjolazzjonijiet tal-waqfien mill-ġlied jew għal provokazzjonijiet minn kwalunkwe parti;
16. Jitlob lill-UE, lill-Istati Uniti u atturi oħra internazzjonali biex jimponu sanzjonijiet fuq kwalunkwe parti, inkluż il-gvern, li tagħmel vjolazzjoni tal-waqfien mill-ġlied jew li tattakka lin-nies ċivili, lil dawk għaż-żamma tal-paċi jew lil dawk involuti f'operazzjonijiet umanitarji u biex jieħdu kull azzjoni neċessarja biex jgħinu ħalli titwaqqaf l-impunità billi jinfurzaw ir-reġim ta" sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà;
17. Jitlob lill-Gvern tas-Sudan u lill-komunità internazzjonali biex jikkoperaw b'mod sħiħ mal-Qorti Kriminali Internazzjonali sabiex titwaqqaf l-impunità;
18. Jitlob lill-membri permanenti kollha tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jassumu r-responsabilità globali tagħhom u biex ma jostakolawx kwalunkwe miżura intiża biex trawwem il-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà fir-reġjun tad-Darfur tas-Sudan, iżda biex minflok jappoġġjaw u jippromwovu l-passi kollha xierqa għal soluzzjoni sostenibbli tal-konflitt;
19. Jitlob lill-partijiet kollha, b'mod partikolari lill-Gvern tas-Sudan, biex jiżgura l-aċċess sħiħ, sikur u bla ostakli ta" l-istaff ta" għajnuna għal dawk kollha fil-bżonn fid-Darfur kif ukoll l-għoti ta" għajnuna umanitarja, b'mod partikolari lil persuni spustati internament u lir-refuġjati;
20. Jitlob għal żieda sinifikanti fl-għajnuna umanitarja pprovduta mill-komunita? internazzjonali lil kważi 3 miljun persuna li huma totalment dipendenti fuq għajnuna internazzjonali għal ikel, kenn u kura medika;
21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ministri ta" l-ACP-UE, lill-Gvern tas-Sudan, lill-Unjoni Afrikana u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.