Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2034(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0256/2006

Testi mressqa :

A6-0256/2006

Dibattiti :

PV 27/09/2006 - 10
CRE 27/09/2006 - 10

Votazzjonijiet :

PV 28/09/2006 - 7.7
CRE 28/09/2006 - 7.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2006)0388

Testi adottati
PDF 383kWORD 166k
Il-Ħamis, 28 ta' Settembru 2006 - Strasburgu
Ir-relazzjonijiet ekonomiċi u ta' kummerċ ta' l-UE ma' l-Indja
P6_TA(2006)0388A6-0256/2006

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi u ta' kummerċ ta' l-UE ma' l-Indja (2006/2034(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Konġunt għal Sħubija Strateġika bejn l-Indja u l-UE tas-7 ta' Settembru 2005 u b'mod partikolari s-sezzjoni dwar l-iżvilupp tal-kummerċ u l-investiment,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tad-9 laqgħa tal-konferenza bejn l-Indja u l-UE f'Hyderabad bejn it-18 u l-20 ta' Settembru 2005,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ottubru 2005 dwar il-prospetti għal relazzjonijiet ta' kummerċ bejn l-UE u ċ-Ċina(1).

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Settembru 2005 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Indja: Sħubija Strateġika(2),

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu ta' l-1 ta' Diċembru 2005 dwar il-proposta għal-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-obbligu ta' liċenzjar ta' privattivi relatati mal-manifattura ta' prodotti farmaċewtiċi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi bi problemi ta' saħħa pubblika(3),

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tad-WTO dwar il-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet ta' Propjetà Intellettwali relatati mal-Kummerċ (TRIPS) u s-saħħa pubblika adottata fid-29 ta' Novembru 2005,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Frar 2006 dwar il-klawżola tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fi ftehimiet ta' l-Unjoni Ewropea(4).

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' l-2004 bejn l-Indja u l-Istati Uniti: "Il-Pass li jmiss lejn Sħubija Strateġika" u l-Ftehima Nukleari Ċivili negozjat waqt iż-Żjara Statali tal-President George W. Bush fl-Indja fit-2 ta' Marzu 2006,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-4 ta' April 2006 dwar l-evalwazzjoni tan-negozjati ta' Doha wara l-Konferenza Ministerjali tal-WTO f'Hong Kong(5),

–   wara li kkunsidra s-'Summit' ta' l-Enerġija bejn l-UE u l-Indja li sar f' New Delhi fis-6 ta' April 2006,

–   wara li kkunsidra ż-żjara fi New Delhi u l-Punjab minn delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi ta' l-Asja tan-Nofsinhar u ma' l-Assoċjazzjoni ta' l-Asja tan-Nofsinhar għall-Koperazzjoni Reġjonali (SAARC) f'April 2006,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A6-0256/2006).

A.   billi l-UE u l-Indja jikkostitwixxu l-akbar demokraziji fid-dinja u l-impenn kostituzzjonali tagħhom lejn il-pluraliżmu u l-istat tad-dritt jippromwovi l-konsistenza fir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi, filwaqt li jipprovdi ċertezza legali għall-investiment u jikkontribwixxi għall-istabilità reġjonali u mondjali;

B.   billi l-Pjan ta' Azzjoni Konġunt jinkludi firxa komprensiva ta' attivitajiet li għandhom jitwettqu fil-qafas tad-djalogu u l-koperazzjoni fil-politika kummerċjali u ekonomika, iżda billi jonqos milli jiffissa prijoritajiet u skadenzi;

C.   billi l-UE hija l-akbar sors ta' investiment barrani dirett (FDI) ta' l-Indja b'ammont ħiereġ li jlaħħaq EUR 1,100 miljun fl-2004, u billi d-dħul ta' FDI ta' l-Indja lejn l-UE żdied minn EUR 140 miljun fl-2002 għal EUR 600 miljun fl-2003;

D.   billi l-Istati Membri ta' l-UE jikkostitwixxu 22.4% ta' l-esportazzjoni ta' l-Indja u 20.8% ta' l-importazzjoni u billi l-kummerċ bejn l-UE u l-Indja kiber minn EURO 4,400 miljun għal EUR 33,200 miljun bejn l-1980 u l-2004 u b'16.9% mill-2003 sa l-2004;

E.   billi jeżisti żbilanċ fil-livelli relattivi ta' kummerċ bejn l-UE u l-Indja; billi l-UE tikkostitwixxi 21% tal-kummerċ ta' l-Indja iżda s-sehem ta' l-Indja mill-kummerċ ta' l-UE huwa inqas minn 1%; billi l-UE hija l-akbar sieħeb fil-kummerċ ma' l-Indja iżda l-Indja tinsab fl-10 post fil-lista relattiva ta' l-UE;

F.   billi l-ekonomija ta' l-Indja kibret b'medja ta' 6% fis-sena fl-aħħar għaxar snin u billi tista' tkompli tikber bejn 7-8% fl-għaxar snin li ġejjin;

G.   billi settur finanzjarju ineffiċjenti huwa ta' xkiel għall-Indja sabiex iżżomm rata ta' tkabbir ekonomiku ta' 8%;

H.   billi, minħabba l-kobor, il-popolazzjoni u t-tkabbir ekonomiku dinamiku tagħha fl-aħħar għoxrin sena, l-Indja hija potenza reġjonali emerġenti u waħda mill-potenzi nukleari dinjin li kapaċi tinfluwenza d-direzzjoni ta' l-ekonomija u s-sigurtà fid-dinja, ħaġa li tagħti lill-Indja responsabilità akbar fil-fora multilaterali bħal ma huma n-Nazzjonijiet Uniti, l-Organizzazzjoni Dinjija għall-Kummerċ (WTO) jew l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Nukleari, u fi ħdan organizzazzjonijiet reġjonali fl-Asja, b'mod partikolari l-SAARC u l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet ta' l-Asja tax-Xlokk (ASEAN);

I.   billi l-espansjoni ta' l-Indja ġġib opportunitajiet ta' benefiċċju iżda tqanqal ukoll tħassib ġġustifikat għal ċerti setturi ta' l-industrija ta' l-UE, u ġġib magħha l-bżonn ta' mmanniġġar u koperazzjoni f'livell politiku għall-immaniġġjar ekonomiku u kummerċjali ta' l-esportazzjoni tagħha fil-livell ta' l-UE;

J.   billi, jekk jinżamm it-tkabbir attwali fil-popolazzjoni ta' 2%, fl-2025 l-Indja jkollha popolazzjoni ta' 1.4 biljun ruħ u tkun ta' sfida għaċ-Ċina bħala l-pajjiż bl-akbar popolazzjoni fid-dinja;

K.   billi fl-2020 l-età medja ta' Ewropew tal-Punent tkun 45 filwaqt li dik medja fl-Indja tkun biss ta' 29; billi, bħala riżultat tax-xejriet demografiċi kurrenti, it-tkabbir potenzjali ta' l-UE għandu jonqos sa' l-2020; billi, mill-banda l-oħra, il-vantaġġ prinċipali komparattiv ta' l-Indja huwa numru kbir ta' ħaddiema ta' età żgħira mħarrġa li jitkellmu bl-Ingliż u li ma jqumux flus;

L.   billi l-konklużjoni pożittiva ta' l-Aġenda ta' Żvilupp ta' Doha (DDA) hija ta' importanza kruċjali kemm għall-UE u kemm għall-Indja u billi ftehim bħal dan ma jeskludix ftehimiet bilaterali tal-WTO+;

M.   billi l-Indja hija waħda mill-pajjiżi li l-aktar jagħmlu użu mill-istrument kontra d-'dumping', kemm bħala inizjatur kif ukoll bħala l-mira tagħhom: fl-aħħar għaxar snin inizjat 412-il investigazzjoni, segwita mill-Istati Uniti b'358 u l-UE b'318;

N.   billi kien biss reċentement li l-Indja stabbiliet qafas ta' Indikazzjoni Ġeografika (GI), iżda diġà ġew irreġistrati 27 GIs Indjani u aktar minn 40 applikazzjoni huma pendenti;

O.   billi l-infurzar ta' l-obbligi dwar id-drittijiet ta' propjetà intellettwali fi ħdan il-WTO huwa importanti kemm għall-UE u kemm għall-Indja;

P.   billi d-Djaspora Indjana hija ta' aktar minn 20 miljun, bi kważi 3 miljun jgħixu fl-UE, li jipprovdu finanzjament fl-Indja li jilħaq medja ta' 6,000 miljun Dollaru Amerikan fis-sena;

Q.   billi t-tensjoni kontinwa mill-1947 'l hawn bejn l-Indja, li issa għandha armi nukleari, u l-Pakistan, li ġabet id-dinja fix-xifer ta' gwerra nukleari, tiskoraġġixxi l-investiment u l-impenji interni fiż-żewġ pajjiżi;

R.   billi d-domanda dinjija għaż-żejt kibret b'7 miljun barmil kuljum mill-2000 'il hawn, b'miljun barmil ta' dak it-tkabbir imur għall-Indja, li r-rata ta' konsum ta' żejt tagħha qed jiżdied b'ritmu mgħaġġel; billi l-Indja għandha r-raba' l-akbar industrija ta' l-etanol fid-dinja bi produzzjoni annwali ta' 462 miljun gallun fis-sena; billi 70% ta' l-enerġija kkunsmata fl-Indja hija impurtata; billi t-tkabbir ekonomiku kostanti se jiddependi mill-provvista ta' mezzi ta' enerġija ġodda; billi d-domanda dinjija għaż-żejt, li dejjem qed tikber, hija sors potenzjali ta' instabilità ekonomika u ta' tensjoni strateġika u politika;

S.   billi, madanakollu, l-Indja se tkun l-ewwel pajjiż fl-Asja tan-Nofsinhar li jistabbilixxi riservi strateġiċi taż-żejt;

T.   billi 390 miljun Indjan jgħix fuq inqas minn Dollaru Amerikan kuljum u billi t-tkabbir ta' l-Indja kellu effetti li ma kinux ugwali għas-setturi differenti tas-soċjetà, b'impatt biss fuq frazzjoni żgħira ħafna tal-popolazzjoni;

U.   billi l-prodott gross domestiku ta' l-istat Indjan bl-aktar tkabbir mgħaġġel, Guajrat, irdoppja bejn l-1993 u l-2003 u l-prodott kull ras żdied b'73%; billi, min-naħa l-oħra, għall-ifqar stat Indjan, Bihar, iż-żieda fil-prodott kull ras kienet ta' 22% biss għall-istess perjodu;

V.   billi t-tnedija fit-2 ta' Frar 2006 ta' l-inizjattiva magħrufa bħala l-Iskema ta' Garanzija għall-Impiegi Rurali, fid-distrett ta' Anantapur (Andhra Pradesh), se tissalvagwardja 100 jum ta' xogħol fis-sena, fuq salarju minimu, fi proġetti pubbliċi għal membru wieħed ta' unitajiet tal-familji fuq dħul baxx; u billi dan il-programm jirrappreżenta l-iskema l-aktar ambizzjuża biex jiġi indirizzat il-faqar rurali fl-Indja;

W.   billi l-Indja hija l-akbar benefiċjarju singolu tas-Sistema Ġenerali ta' Preferenza, b'esportazzjoni ta' EUR 7,700 miljun intitolati għal aċċess preferenzjali lejn is-suq ta' l-UE, b'rata ta' dazju 0 jew b'rati mnaqqsa, fl-2005; billi dan ifisser li kważi nofs l-esportazzjoni ta' l-Indja lejn l-UE, stmata li tlaħħaq ftit aktar minn EUR 17,000 miljun, ibbenefikat mill-iskema GSP; billi t-tariffi għall-ħwejjeġ Indjani tnaqqsu b'medja bejn 12% u 9.5%;

X.   billi l-aktar li pprofittaw mill-abolizzjoni ta' kwoti fuq it-tessili u l-ħwejjeġ mill-1 ta' Jannar 2005 kienu ċ-Ċina u l-Indja bl-esportazzjoni tiżdied b'42% u 18% rispettivament, is-sena li għaddiet; billi, mill-banda l-oħra, bosta fornituri minn pajjiżi oħra li qed jiżviluppaw marru lura, għalkemm l-impożizzjoni mill-ġdid ta' kwoti mill-UE fuq l-esportazzjoni taċ-Ċina f'nofs l-2005 kellha effett pożittiv fuq l-esportazzjoni tagħhom fit-tieni nofs tas-sena;

Y.   billi l-Indja għandha wieħed mill-ogħla rati fid-dinja ta' tħaddim ta' tfal;

Z.   billi, skond rapport ta' l-Istati Uniti ta' l-2006 dwar l-epidemija dinjija ta' l-AIDS, 5.7 miljun ruħ huma infettati bl-HIV/AIDS fl-Indja; billi inqas minn 1% tal-popolazzjoni ta' adulti fl-Indja attwalment huwa stmat li huwa infettat iżda l-Indja taqbeż l-Afrika t'Isfel bħala l-pajjiż bl-akbar numru ta' persuni infettati bl-HIV/AIDS, li huwa xhieda ta' l-impatt li l-marda qed ikollha fis-subkontinent ta' l-Asja tan-Nofsinhar; billi stati b'inċidenza għolja huma ekonomiji vivaċi li jiġbdu xogħol itineranti u s-servizzi ta' trasport fit-toroq, li t-tnejn iwasslu għall-infezzjoni;

AA.   billi madwar 80% ta' l-art ġeografika ta' l-Indja hija vulnerabbli għaċ-ċikluni, l-għargħar, iċ-ċediment ta' massa ta' l-art, nixfiet, terremoti kif ukoll perikli karatteristiċi tal-lokal, u billi l-kumbinazzjoni ta' kundizzjonijiet soċjo-ekonomiċi foqra u diżastri ħolqot ċirku vizzjuż ta' faqar u vulnerabilità;

AB.   billi l-preżenza tal-malarja u l-kolera għadhom sors ta' problemi serji fl-Indja, li għalihom għandha tiġu adottata politika speċjali;

AC.   billi d-diskriminazzjoni kostanti li hija parti integrali mis-sistema tal-kasti ifisser li l-Indja tibqa' ma tiħux l-aħjar mill-poplu tagħha f'termini ta' potenzjal u kapaċitajiet;

Kummerċ

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn kemm ta' l-indja u kemm ta' l-UE għal riżultat pożittiv tad-DDA; jistieden l-Indja għal dan il-għan sabiex tuża l-pożizzjoni tagħha bħala l-mexxejja tal-G20 biex tilħaq, sa tmiem l-2006, ftehim bilanċjat favorevoli għall-iżvilupp bejn il-pajjiżi żviluppati, l-ekonomiji emerġenti u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jinnota li n-negozjati dwar id-DDA mhumiex inkompatibbli ma' negozjati bilaterali tal-WTO+; jinnota li r-riżultat tal-programm ta' Żvilupp tad-Doha inaqqas il-valur ta' skemi bħall-GSP għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw bħall-Indja, billi jitnaqqas aktar il-marġini ta' preferenza li qegħdin igawdu fil-preżent; jistieden l-UE sabiex toffri li tidħol fi ftehim ta' kummerċ ħieles ma' l-Indja, fuq il-linji tal-ftehim tagħha maċ-Ċilì, li jipprovdi għad-dħul mingħajr dazju għall-esportazzjoni taż-żewġ partijiet fuq bażi reċiproka, u jistieden lill-Grupp ta' Livell Għoli għall-Kummerċ biex jesplora l-opportunitajiet taż-żewġ naħat f'dan ir-rigward;

2.  Jinnota li waqt li r-relazzjonijiet bejn l-Amerka u l-Indja qegħdin fuq livell għoli daqs qatt qabel, bi ftehim nukleari ċivili li ġie ffirmat aktar minn sena ilu, l-impasse attwali dwar id-DDA qarras ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi u r-relazzjonijiet tal-kummerċ marru kontinwament għall-agħar, bl-Indja twaħħal fl-Istati Uniti għaliex qed tirrifjuta li tnaqqas is-sussidji agrikoli qabel ma l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jibdew jiftħu s-swieq tagħhom għal prodotti mhux agrikoli, filwaqt li l-Istati Uniti jħeddu li jirtiraw il-benefiċċji - li ilhom fis-seħħ aktar minn għaxar snin - minn skema ġeneralizzata għal preferenzi li kienet tippermetti aċċess mingħajr ħlas ta' dazju fuq ċerta merkanzija Indjana; Jenfasizza l-fatt li riżultat pożittiv tad-DDA jeħtieġ l-appoġġ sħiħ kemm ta' l-UE u kemm ta' l-Indja; iħeġġeġ lill-Indja u lill-G20 sabiex jirrealizzaw li l-offerta Ewropea dwar l-agrikoltura għandha tkun reċiprokata mill-Istati Uniti u tiġi segwita minn offerta raġonevoli mill-G20 dwar l-Aċċess għas-Suq ta' Prodotti Mhux Agrikoli u s-servizzi;

3.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma tal-Grupp ta' Livell Għoli għall-Kummerċ għal titjib fil-koperazzjoni, u l-implimentazzjoni f'fażijiet tal-Pjan ta' Azzjoni, li ddeterminat l-involviment progressiv ta' l-Indja fi proġetti kbar u konġunti internazzjonali bħall-programmi ITER u Galileo; jinnota, madanakollu, li għalkemm il-Pjan ta' Azzjoni Konġunt jipprovdi għal djalogu kontinwu f'ħafna oqsma, ma jipprovdi l-ebda indikazzjoni fir-rigward ta' prijoritajiet u skadenzi; jistieden liż-żewġ partijiet sabiex juru r-rieda politika neċessarja biex jikkonsolidaw ir-relazzjonijiet tagħhom għal sħubija strateġika effettiva;

4.  Huwa mħasseb li, minkejja statistiċi inkuraġġanti, għad baqa' bosta setturi ta' potenzjal għall-kummerċ għaż-żewġ ekonomiji li ma ġiex sfruttat; jistieden lill-Gruppi ta' Livell Għoli ta' Kummerċ biex jittrattaw kwistjonijiet ta' kummerċ u investiment bħala parti minn djalogu estiż, inklużiv u politiku u tiġi esplorata l-koperazzjoni f'setturi bħal ma huma l-migrazzjoni, l-edukazzjoni u l-iskambju kulturali;

5.  Jinnota li t-tariffi ta' importazzjoni għoljin ta' l-Indja u, minkejja l-progress sinifikattiv reċenti, l-ostakli mhux ta' tariffi, jibqgħu kawża ta' tħassib ġenwin għall-industrija ta' l-UE; jemmen li ż-żamma ta' politika protezzjonistika bħal din wara l-liberalizzazzjoni ekonomika tagħti lok għal tfixkil fis-suq u manipolazzjoni; huwa mħasseb li n-negozjati tal-WTO dwar tariffi ma wasslu għall-ebda titjib (ma kien hemm l-ebda rbit ta' tariffi jew impenn għal rati massimi "obbligatorji", li wkoll inżammu għoljin) u li l-isforzi li għamlet il-Kummissjoni bħala konsegwenza biex jinbeda djalogu ma' l-Indja fuq is-suġġett ta' tfixkil speċifiku s'issa ma kinux ta' suċċess; jinnota li tnaqqis ta' ostakli fil-kummerċ jista' jġib titjib progressiv fil-kundizzjonijiet tal-kummerċ bl-objettiv li jippromwovu t-tkabbir, l-impiegi u l-iżvilupp sostenibbli; jistieden lill-Indja sabiex torbot it-tariffi tagħha għall-importazzjoni f'livelli aktar viċin tar-rati tagħha li tapplika fil-kuntest tad-DDA u sabiex tagħmel aktar sforzi biex tneħħi parti mill-ostakli mhux ta' tariffi preżenti; jinkuraġġixxi l-Grupp ta' Livell Għoli għall-Kummerċ sabiex jaħdem biex jelimina t-tariffi bejn il-partijiet fuq sostanzjalment il-kummerċ kollu permezz ta' ftehim bilaterali dwar kummerċ ħieles, u b'hekk jipprovdi opportunitajiet għall-esportaturi eżistenti u potenzjali biex jiżviluppaw in-negożji tagħhom u jiddiversifikaw il-bażi ta' esportazzjoni tagħhom;

6.  Jistieden lill-UE biex tappoġġja l-potenzjal kummerċjali internazzjonali ta' l-Indja kif ukoll l-isforzi biex tiġbed l-investiment barrani dirett, b'mod partikulari billi ssaħħaħ l-għajnuna għall-kummerċ sabiex tindirizza l-intoppi infrastrutturali u amministrattivi;

7.  Jikkunsidra li r-regoli tal-kompetizzjoni u l-infurzar effettiv tagħhom huma essenzjali biex jiżguraw li l-benefiċċji sħaħ tal-liberalizzazzjoni u r-riforma regolatorja relattiva jiġu realizzati u jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku u l-iggvernar tajjeb; jikkunsidra wkoll li politika ta' kompetizzjoni effetiva tħajjar l-investituri barranin billi toħloq qafas legali trasparenti u mhux diskriminatorju għall-operaturi ekonomiċi; jinnota li ma jeżistix mudell għall-qisien ta' kulħadd fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-kompetizzjoni fil-ftehimiet dwar il-kummerċ ħieles li l-UE kkonkludiet fl-aħħar għaxar snin, peress li l-kontenut ta' dispożizzjonijiet dwar il-kompetizzjoni jvarja skond kemm jeżistu regoli tal-kompetizzjoni u l-livell ta' żvilupp tagħhom, u skond l-istituzzjonijiet ta' nfurzar fil-pajjiż sieħeb; jistieden lill-Grupp ta' Livell Għoli għall-Kummerċ biex jikkunsidra l-livell ta' ambizzjoni li għandu jintlaħaq fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-kompetizzjoni fi kwalunkwe ftehim kummerċjali bilaterali bejn l-UE u l-Indja;

8.  Jinnota li l-Indja tinnegozja fis-settur kontra d-'dumping' kemm bħala utent u kemm bħala s-suġġett ta' proċeduri; jilqa' b'sodisfazzjon ir-relazzjoni tajba ta' ħidma bejn l-UE u l-Indja f'dan il-qasam u jistieden lit-tnejn biex jaħdmu flimkien sabiex irażżnu l-abbuż ta' l-istrumenti kontra d-'dumping' u jwaqqfu d-'dumping';

9.  Jinnota li l-UE u l-Indja jikkunsidraw il-protezzjoni tal-GI bħala għodda neċessarja għall-produtturi, il-konsumaturi u l-gvernijiet; jinnota, madanakollu, li l-għodda tal-GI mhijiex magħrufa fl-Indja; jistieden lill-gvern Indjan biex jippromwovi s-sistema tal-GI u jinkuraġġixxi applikazzjonijiet għall-GIs potenzjali; jinnota li, skond it-TRIPS, Membri tal-WTO huma liberi li jimplimentaw il-liġijiet tagħhom biex jagħtu protezzjoni aktar estensiva milli meħtieġ mill-Ftehim innifsu; jikkunsidra li ftehim bilaterali jista' joffri protezzjoni lill-GIs fl-UE u l-Indja lil hinn mill-Ftehim TRIPS, u b'hekk jipprovdi għodda kumplimentari utli ma' l-isforzi multilaterali konġunti;

10.  Jinnota li l-importanza emerġenti tal-propjetà intellettwali (IP) fl-Indja hija evidenti mill-kwantità ta' żieda f'każijiet reġistrati fl-Uffiċċji Indjani għall-Propjetà Intellettwali u jinnota li l-industrija Indjana qed tikber biżżejjed biex tilqa' l-isfidi globali u qed tadotta żvilupp ibbażat fuq ir-riċerka bħala parti integrali mill-istrateġija tan-negozju; jinnota r-riformi reċenti li l-Indja għamlet fid-drittijiet dwar il-propjetà intellettwali, inkluż l-Att dwar il-Privattivi ta' l-Indja (Emenda) 2005; jinnota li saru wkoll sforzi biex l-aspetti proċedurali jiġu simplifikati u razzjonalizzati biex is-sistema tkun tista' tintuża b'aktar faċilità; jinnota wkoll li, skond inizjattivi leġiżlattivi ġodda, l-Indja tat bidu għal programmi kbar ta' modernizzazzjoni għall-Uffiċċji għall-Propjetà Intellettwali u kkommettiet somom kunsiderevoli għall-ħolqien u t-titjib ta' infrastruttura; jistieden lill-Indja biex tiżgura li l-infurzar ta' sistema bħal din huwa konformi mal-Konvenzjoni ta' Rio dwar id-Diversità Bijoloġika u l-obbligi eżistenti meħtieġa mill-WTO;

11.  Jinnota li l-UE stabbiliet sistema komprensiva ta' protezzjoni ta' l-IP fl-aħħar għaxar snin billi armonizzat bosta sistemi ta' l-IP u introduċiet IPRs tal-Komunità madwar l-UE; jikkunsidra li, minħabba l-prinċipji ta' l-Aktar Nazzjon Favorit u t-trattament domestiku, din il-leġiżlazzjoni tibbenefika lill-possessuri barra l-UE kif ukoll lill-possessuri ta' l-IPR fl-UE; jikkunsidra li l-infurzar huwa parti integrali mill-protezzjoni ta' l-IP u jinkuraġġixxi l-UE u l-Indja biex jaqblu fuq prinċipji komuni għal miżuri ta' infurzar, b'tali mod li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u li ma joħolqux ostakli għall-kummerċ leġittimu;

12.  Jikkunsidra li, b'aktar minn kopja waħda minn kull tliet kopji ta' softwer tal-kompjuter tinkiseb illegalment mad-dinja kollha, il-piraterija tkompli thedded il-ġejjieni ta' l-innovazzjoni tas-softwer, b'riżultat ta' telf ta' postijiet tax-xogħol u dħul mit-taxxi kemm għall-Indja u għall-UE; jinnota li, bl-għajnuna tal-politika tal-gvern li jattakka l-piraterija tas-softwer u kampanji ta' kuxjenza, l-Indja rreġistrat tnaqqis sinifikattiv fil-piraterija ta' 2% fl-2005; jirrikonoxxi, madanakollu, li għad irid isir ħafna għall-kontroll tal-vantaġġ inġust fil-kompetizzjoni li l-kumpaniji Indjani għandhom bl-użu ta' "softwer" u "ħardwer" miksuba illegalment għall-produzzjoni u l-manifattura; jistieden lill-gvernijiet statali u federali Indjani biex ikomplu jnaqqsu r-rata ta' piraterija; jinnota li, filwaqt li l-isforzi attwali mill-UE u l-Istati Uniti biex jikkumbattu l-piraterija se jikkonċentraw inizjalment fuq iċ-Ċina u r-Russja, il-kumplament ta' l-Asja jkun imiss wara; jikkunsidra li huwa fl-interess ta' l-Indja li taħdem b'mod kostruttiv ma' l-UE f'dan l-isforz fid-dawl ta' l-istudju dwar l-impatt li sar fl-2005 mill-IDC, li stima li jekk l-Indja hija kapaċi tnaqqas ir-rata attwali ta' piraterija mit-72% attwali għall-64% sa l-2009, l-Indja tiġġenera 115,000 post ġdid tax-xogħol fl-IT, żieda ta' 5,900 miljun Dollaru Amerikan fl-ekonomija tagħha u żieda fid-dħul mit-taxxi ta' 86 miljun Dollaru Amerikan;

13.  Jirrikonoxxi l-importanza ta' l-industrija farmaċewtika għall-ekonomija u s-soċjetà Indjana u jistieden lill-awtoritajiet Indjani biex jiżguraw li l-istandards internazzjonali jkunu applikati fl-użu ta' bnedmin u annimali ħajjin għall-esperimenti xjentifiċi u li jsiru mill-inqas esperimenti bħal dawn u jinstabu alternattivi;

14.  Jistieden lill-UE u l-Indja biex ikunu minn ta' quddiem biex isibu soluzzjoni permanenti malajr dwar it-TRIPS u s-saħħa pubblika biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-mediċini essenzjali, fi ħdan il-programm ta' Żvilupp Doha; jilqa' b'sodisfazzjon il-passi li l-gvern Indjan ħa fir-rigward tar-regoli ta' l-IP għall-mediċini; jinkuraġġixxi lill-gvern Indjan biex jimplimenta l-liġi b'aktar ħeffa speċjalment fir-rigward ta' l-esportazzjoni tal-mediċini ġeneriċi;

15.  Jinnota li l-għerf tradizzjonali dejjem aktar qed jiġi rikonoxxut bħala kwalità ta' valur qawwi kemm għall-pajjiżi żviluppati u kemm għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'sa 80% tal-popolazzjoni tad-dinja tiddependi minn prodotti u servizzi li ġejjin minn innovazzjonijiet u prattiki ta' għerf tradizzjonali biex tilaq' għall-bżonnijiet ta' kuljum f'dawk li huma ikel u saħħa, inklużi daqs 441 komunità etnika fl-Indja; jinnota r-rabtiet legali, politiċi u soċjali kumplessi bejn l-IPR u l-konservazzjoni tal-bijodiversità u r-riżorsi ġenetiċi; jistieden lill-UE u l-Indja biex jaħdmu flimkien sabiex isibu soluzzjoni raġonevoli dwar l-armonizzazzjoni ta' TRIPS bl-objettivi tal-Konvenzjoni ta' Rio dwar id-Diversità Bijoloġika;

16.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-azzjonijiet ta' l-Indja biex tirriforma s-settur finanzjarju fir-rigward tal-liberalizzazzjoni estensiva tar-rati ta' interess, it-tnaqqis fiż-żamma tad-dejn tal-gvern meħtieġa mill-banek u l-illaxkar ta' l-obbligi tal-banek li jagħtu self f'oqsma ta' prijorità bħall-biedja u n-negozji fuq skala żgħira; jikkunsidra li waqt li l-Indja tintegra ruħha aktar fis-sistema finanzjarja dinjija, il-bżonn ta' riforma fis-settur finanzjarju saret aktar urġenti; jikkunsidra, b'mod partikulari, li l-liberalizzazzjoni tas-settur finanzjarju biex jilqa' aħjar għax-xokkijiet kemm interni u esterni hija neċessarja biex it-tkabbir tad-depożiti, l-iżvilupp ta' kultura ta' kreditu u d-dħul ta' forzi privati u barranin jiġu inkuraġġiti; jikkunsidra li t-trasferiment ta' l-għarfien tekniku u maniġerjali jista' jkollu rwol utli fl-iżvilupp tas-swieq finanzjarji ta' l-Indja u jistieden lill-UE biex toffri assistenza f'dan ir-rigward;

17.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-pjanijiet ta' l-Indja li tneħħi l-kontrolli fuq ir-Rupee billi tneħħi l-kontrolli tal-kapital li għad fadal fuq ir-Rupee, li huwa parzjalmenti konvertibbli; jikkunsidra li dan għandu jelimina ostaklu importanti għall-integrazzjoni ta' l-Indja fl-ekonomija dinjija, u jippermetti lill-individwi u lin-negozji Indjani li jinvestu b'aktar libertà barra l-pajjiż u lill-kumpaniji kbar aċċess aktar faċli u orħos għal dejn barrani, li attwalment huwa limitat għal 500 miljun Dollaru Amerikan kull kumpanija fis-sena;

18.  Jistieden lill-Indja biex issir Parti mit-Trattat Kontra t-Tixrid ta' l-Armi Nukleari, li huwa l-istrument multilaterali indispensabbli biex il-paċi, is-sigurtà u l-istabilità internazzjonali jinżammu u jissaħħu, u huwa mħasseb dwar il-koperazzjoni nukleari bejn l-Istati Uniti u Franza u l-Indja, minkejja n-nuqqas ta' impenn kuntrattwali ta' l-Indja lejn is-sikurezza nukleari;

19.  Jinnota l-aċċettazzjoni ta' l-Indja tal-fatt li, jekk tixtieq tilħaq l-ambizzjonijiet tagħha, għandha tassumi r-responsabiltajiet tagħha fl-Asja tan-Nofsinhar u fl-Asja tax-Xlokk; jilqa' b'sodisfazzjon l-użu tal-kummerċ bħala għodda biex tinbena l-fiduċja bejn l-Indja u l-Pakistan, u jilqa' b'mod partikulari il-ftehim fundamentali tat-2 ta' Mejju 2006 biex jerġa' jqajjem il-kummerċ u n-negozju fuq iż-żewġ naħat tal-Linja ta' Kontroll bejn ir-reġjuni diviżi ta' Jammu u Kashmir billi ġie mniedi servizz ta' trasport bit-trakkijiet fuq ir-rotta Srinagar-Muzaffarabad, kif ukoll it-tieni servizz tal-karozzi tal-linja li jaqsam il-Kashmir, li jgħaqqad Poonch f'Jammu u Kashmir ma' Rawalakot f'Azad Jammu Kashmir; jilqa' b'sodisfazzjon il-wegħda tal-prim ministru Singh fit-23 ta' Mejju 2006 biex jinħoloq ambjent ta' kummerċ u moviment aktar ħielsa permezz ta' "fruntieri rotob" biex tinħoloq klima għal ftehim dwar il-Kashmir; jistieden kemm l-Indja u l-Pakistan biex inaqqsu aktar l-ostakli amministrattivi biex jiġu implimentati miżuri relatati mal-kummerċ u li jibnu l-fiduċja, u lill-UE biex toffri assistenza teknika f'dan ir-rigward, jekk ikun meħtieġ;

20.  Jinnota li l-ASEAN għad għandha vantaġġi fuq l-Indja minħabba produttività ta' xogħol ogħla, ħaddiema aktar tas-sengħa u prezz baxx ta' l-artijiet; jinnota wkoll li l-ASEAN għandha l-għan li toħloq suq ewlieni sa' l-2020, għalkemm xi membri, inklużi s-Singapor, il-Malasja u t-Tajlandja qed jinsistu li d-data ffissata titqarreb u ssir 2015; Huwa mħasseb għalhekk, madanakollu, li l-kummerċ intrareġjonali fl-SAARC għadu baxx; jikkunsidra li jeżistu wisq eċċezzjonijiet biex il-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles fl-Asja tan-Nofsinhar jiġi trattat bħala ta' l-istandard tal-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles (FTA); jinnota li l-Ministri ta' l-ASEAN reċentement iddiskutew proposti għal zona aktar wiesa' ta' kummerċ ma' pajjiżi azjatiċi oħrajn, inklużi l-Indja, il-Ġappun u l-Korea ta' Isfel; jistieden lill-SAARC biex kontinwament tirrevedi l-opportunitajiet biex il-kummerċ u l-investiment jikbru fir-reġjun; jikkunsidra li fir-relazzjonijiet tagħha ma' l-Indja, l-UE għandha tieħu approċċ reġjonali inklużiv u jistieden lill-UE biex toħloq "grupp ta' viżjoni" simili għal dak li sar għall-ASEAN, biex jiġu esplorati opportunitajiet futuri għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-SAARC;

21.  Jinnota li f'Awissu ta' l-2006, il-Kunsill tal-Ministri ta' l-SAARC qablu unanimament li n-nuqqas ta' qbil dwar il-kummerċ fl-ambitu tas-SAFTA għandu jiġi diskuss mill-Ministri għall-Kummerċ ta' l-SAARC fl-14-il Samit ta' l-SAARC fl-Indja fit-3 u l-4 ta' April 2007; jinnota wkoll li l-UE applikat għal observer status fl-SAARC u t-talba tagħha ġiet milqugħa u se tipparteċipa fis-Samit; jinnota li l-argument li l-kummerċ għandu jkun marbut mal-progress fuq ir-riżoluzzjoni dwar nuqqasijiet ta' qbil bejn l-Indja u l-Pakistan jenfasizza d-dewmien ta' implimentazzjoni tas-SAFTA; jistieden liż-żewġ partijiet sabiex juru r-rieda politika flimkien man-negozjati tal-kummerċ; jinnota li l-kunsiderazzjoni ta' l-oġġetti mniżżla fil-listi pożittivi u negattivi hi bħallissa quddiem il-Kunsill tas-SAFTA; jistieden lill-UE biex toffri kwalunkwe għajnuna meħtieġa biex tiffaċilita l-proċess u biex tiżgura li jsir progress tabilħaqq fl-14-il Samit ta' l-SAARC.

22.  Jinkuraġġixxi lill-Indja, biex bħala membru ta' l-SAARC u l-Koperazzjoni Ekonomika bejn il-Bangladexx, l-Indja, il-Mjanmar, is-Sri Lanka u t-Tajlandja (BIMSTEC), tuża l-influwenza pożittiva tagħha biex tiffaċilita l-bidla demokratika u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem f'Mjanmar (Burma) u tkompli bl-appoġġ tagħha għall-proċess ta' paċi fis-Sri Lanka u bl-għajnuna għas-6000 refuġjat li huwa stmat li ħarbu lejn l-Indja sa minn April ta' l-2006 'l hawn; jinnota f'dan ir-rigward ir-rakkomandazzjoni tar-Rapporteur Speċjali għan-Nazzjonijiet Uniti, Philip Alston, li missjoni ta' monitoraġġ internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem tintbgħat fis-Sri Lanka biex tirrapporta pubblikament fuq ksur tal-liġi internazzjonali minn kull parti, u jistieden kemm lill-UE u kemm lill-Indja, biex jissapportjaw din ir-rakkomandazzjoni f'fora internazzjonali relevanti;

23.  Jinnota li l-pajjiżi Asjatiċi bħall-Indja u ċ-Ċina, minkejja snin ta' tkabbir ekonomiku, għadhom isofru minn nuqqas ta' rappreżentanza xierqa u għadhom jingħataw il-ġenb inġustament f'korpi multilaterali, inkluż il-Fond Monetarju Internazzjonali; jistieden lill-UE u lill-Indja biex jaħdmu flimkien biex jikkoreġu żbilanċi bħal dawn u jiżguraw li l-voti u l-pożizzjonijiet prinċipali jiġu allokati skond l-importanza xierqa fis-sistema ekonomika internazzjonali;

24.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-riformi tal-Gvern Indjan ta' l-istrateġija FDI tagħha u l-progress tal-Kummissjoni għall-Investiment; huwa mħasseb li investituri barranin għadhom jiffaċċjaw burokrazija frustranti u ostakli oħra mhux ta' tariffi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Indjani biex ikomplu jikkumbattu l-burokrazija u l-korruzzjoni; jistieden lill-gvernijiet statali u muniċipali biex jissimplifikaw u jikkonsolidaw il-proċeduri ta' applikazzjoni; u jitlob biex isiru sforzi għal trasparenza legali akbar;

25.  Huwa mħasseb li s-sistema proċedurali għall-approvazzjoni għal investimenti barranin tirrapreżenta ostaklu kbir, li fiha l-applikazzjonijiet eliġibbli għal aprovazzjoni awtomatika huma ftit ħafna filwaqt li l-kwantità kbira ta' applikazzjonijiet jiġu approvati fuq il-bażi ta' kull każ individwalment; huwa mħasseb li ħafna uffiċjali qed ikomplu jiddiskriminaw favur l-interessi lokali; jinnota li din l-approvazzjoni u l-proċess ta' għoti ta' liċenzji ġie kkritikat f'xi reġjuni għax huwa inġust u nieqes mit-trasparenza b'regolamenti li jinbidlu spiss b'mod tant eżasperanti li ma jkunx faċli tlaħħaq magħhom; jistieden lill-Gvern Statali u l-gvernijiet muniċipali biex jissimplifikaw u jikkonsolidaw il-proċeduri ta' applikazzjoni;

26.  Jinnota l-kontribut kbir tad-Djaspora Indjana għat-tkabbir ta' l-Indja; jinnota, madanakollu, li d-Djaspora pprovdiet 10% biss ta' d-dħul FDIs ta' l-Indja; jikkunsidra li kemm il-pagamenti soċjali u finanzjarji huma neċessarji għall-iżvilupp fuq tul ta' żmien; jistieden lill-Indja biex tkompli tiżviluppa skemi biex ikollha aċċess għar-riżorsi tad-Djaspora, b'ċittadinanza doppja bħala eżempju tanġibbli;

Il-koperazzjoni UE-Indja

27.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-UE u l-Indja kkommettew ruħhom li jsaħħu d-djalogu u l-impenn, inklużi d-drittijiet tal-bniedem, bħala sħab strateġiċi fis-laqgħa għolja Indja-UE fis-7 ta' Settembru 2005, kif rifless fil-Pjan ta' Azzjoni Konġunt, li jinkludi wkoll koperazzjoni ta' żvilupp, li jagħti importanza lis-sostenibilità ambjentali u lill-koeżjoni soċjali u ekonomika; jitlob li jinżamm dialogu kontinwu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fi ħdan is-sħubija strateġika; f'dan il-kuntest jifraħ lill-Kummissjoni Nazzjonali Indjana għad-Drittijiet tal-Bniedem għall-ħidma indipendenti u rigoruża tagħha f'dawn il-kwistjonijiet;

28.  Jenfasizza li l-objettiv li jintlaħqu l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDGs) u l-ġlieda kontra l-faqar għandhom jibqgħu element ċentrali fis-Sħubija Strateġika UE-Indja; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li s-"summit" UE-Indja li jmiss fit-13 ta' Ottubru 2006 għandu jindirizza l-kwistjoni ta' l-MDGs; u jitlob li jittieħdu miżuri speċifiċi urġenti biex jiġi żgurat li minoritajiet bħad-Daliti u l-Adivasis u komunitajiet, tribujiet u kasti oħra emarġinati, ikunu jistgħu jnaqqsu d-distakk wiesa' mill-kumplament tal-popolazzjoni biex jintlaħqu l-MDGs;

29.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-enfasi fuq is-saħħa, l-edukazzjoni, l-ilma u l-ambjent fil-koperazzjoni għall-iżvilupp ta' l-UE ma' l-Indja 2002-2006, kif ukoll l-impenn tal-Pjan ta' Azzjoni Konġunt biex iżid il-koperazzjoni għall-iżvilupp fis-setturi tas-saħħa u l-edukazzjoni, bil-għan li tikber il-koperazzjoni għall-iżvilupp biex jikkumplimenta programmi importanti tas-settur soċjali fl-Indja, inklużi miżuri speċifiċi li effettivament iġibu fit-tmiem id-diskriminazzjoni kontra gruppi soċjali anqas iffavoriti, partikolarment, in-nisa; jitlob bl-istess mod li tingħata spinta lill-miżuri li jippromwovu l-edukazzjoni tal-bniet bħala parti mill-Pjan ta' Azzjoni, u b'dan jintlaħqu l-MDGs 2 u 3;

30.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni biex tifformula reviżjoni strateġika dettaljata tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi maċ-Ċina; jikkunsidra li l-Indja toffri sfida komparabbli, anki jekk distinta, għall-industrija ta' l-UE; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel eżerċizzju simili għall-Indja biex tiżgura mmaniġġjar politiku, ekonomiku u kummerċjali ta' dawn ir-relazzjonijiet f'livell ta' UE;

31.  Jikkunsidra li l-UE għandha tagħti attenzjoni speċjali lis-settur ta' l-SMEs fl-Indja, u li l-SMEs jistgħu jissaħħu permezz ta' miżuri li jgħinu fl-iffinanzjar ta' proġetti lokali bbażati fuq is-suq proposti miċ-ċittadini;

32.  Jenfasizza li l-koperazzjoni ta' l-UE għall-iżvilupp għandha tikopera ma' l-Indja bħala donatur internazzjonali emerġenti permezz ta' skambji ta' esperjenza u koperazzjoni fi proġetti konkreti f'pajjiżi li qed jiżviluppaw; jenfasizza li minn dak li tgħallmet mill-esperjenza ta' l-Indja l-UE tista' tagħmel l-għajnuna għall-iżvilupp aktar effettiva u produttiva;

33.  Jinnota li l-Indjani huma mħassba dwar l-UE u jixtiequ jistudjawha u jifhmuha aħjar; jilqa' b'sodisfazzjon l-iskema ta' borsa ta' studju Erasmus Mundus ta' EUR 33 miljun , b'enfasi speċifika fuq il-kollaborazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija, fejn il-lezzjoni tas-suċċess ta' l-Indja tista' tagħti spinta lill-prestazzjoni ta' l-UE fil-piramida li fuqha hija bbażata is-soċjetà ta' l-informazzjoni: l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni: jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien tas-Sedja Jean Monnet fl-Istudji Ewropej fl-Università ta' Delhi bħala inizjattiva kruċjali biex jissaħħu r-relazzjonijiet UE-Indja; iqis li istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja għandhom itennu din l-inizjattiva billi jiffukaw aktar fuq studji Indjani u li jagħmlu marketing aktar effettiv; jissuġġerixxi li istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja rilevanti Ewropej jikkunsidraw li jiftħu uffiċċji ta' riċerka fl-Indja kif il-Harvard Business School għamlet reċentement f'Mumbaj; jistieden lid-Delegazzjoni tal-Kummissjoni u l-Ambaxxati ta' l-Istati Membri biex jaħdmu ma' l-awtoritajiet Indjani sabiex jippromwovu l-irwol propju ta' l-UE favur l-iskambji edukattivi, kulturali u xjentifiċi, u jissuġġerixxi li skambji kulturali jgħinu biex jibnu appoġġ wiesa' tal-pubbliku għal kollaborazzjoni kostruttiva u li l-iskambji professjonali u tan-negozju jistgħu ikunu wkoll ta' benefiċċju kemm għall-ftehim bejn kulturi differenti u biex jgħinu sabiex l-informazzjoni titwassal faċilment fuq iż-żewġ naħat; jenfasizza s-suċċess tal-Programm ta' taħriġ Eżekuttiv - Skambju bejn bnedmin u bnedmin - li jeżisti mal-Ġappun u l-Korea u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex testendi l-programm għall-Indja, b'iffinanzjar xieraq;

34.  Jinnota li f'xi setturi tal-komunità tal-kummerċ fl-UE hemm nuqqas ta' familjarizzazzjoni inkwetanti dwar is-suq Indjan; jistieden lill-UE biex ikollha impenn aktar sistematiku ma' membri anzjani tal-komunità kummerċjali ta' l-UE, speċjalment SMEs, biex iġġib bidla anomala (step-change) fil-perċezzjoni tagħhom ta' l-Indja billi ssir enfasi fuq l-opportunitajiet tabilħaqq sinifikattivi li jeżistu hemm.

35.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tesplora jew tkabbar il-programmi UE-Indja f'oqsma bħall-edukazzjoni għolja u taħriġ vokazzjonali; programmi biex jinkuraġġixxu l-iskambju ta' studenti, għalliema u riċerkaturi;

36.  Jirrikonoxxi li l-industrija tas-softwer u s-servizzi ttriplikat fid-daqs fl-aħħar ħames snin u issa tiswa EUR 20 biljun; jinnota li ħafna mit-tkabbir ġie minn bejjiegħa tal-punent b'kuntratti minn barra għal xogħol ta' żvilupp fl-Indja; jikkunsidra li l-UE tista' tieħu vantaġġ ta' moviment qawwi ta' ħaddiema Indjani bi kwalifiki u kapaċitajiet għolja imma għandha tevita li toħloq effett ta' "brain drain" fuq il-kapaċitajiet ta' żvilupp ta' l-Indja; jistieden il-Grupp għan-Negozju ta' Livell Għoli biex jesplora ftehim fuq il-moviment ta' ħaddiema mħarrġa skond Mode 4, sabiex l-esperti Indjani fl-Informatika jkunu jistgħu jaħdmu fl-UE wara l-istudji tagħhom, u b'hekk jipprovdu sors ta' ħaddiema u jiġġustifikaw l-investimenti tas-sistemi ta' l-edukazzjoni għolja ta' l-UE; jinnota li l-kumpaniji tas-softwer huma kalamita għall-kumpaniji sħab u l-industrija tas-servizzi u l-bżonnijiet ta' infrastruttura li jakkumpanjawhom, li tista' tagħti spinta lill-ekonomiji reġjonali u tipprovdi opportunitajiet oħra ta' xogħol għan-nies tal-post;

37.  Jinnota li bejn l-2003 u l-2008, 200,000 post tax-xogħol fl-UE jistgħu jingħataw barra mill-UE, l-aktar fl-Indja; jinnota wkoll li sa l-2010, id-domanda ta' l-Indja għal professjonisti f'lingwi barranin għandu jkun ta' 160,000, u 40,000 Indjan biss se jkunu kkwalifikati għal dawn il-postijiet; jikkunsidra li bi 30,000 ħaddiem mill-UE diġà jaħdmu fl-Indja, jeżistu opportunitajiet ċari għal Ewropej imħarrġa li huma ppreparati jiċċaqalqu, u xejra bħal din tiżgura li jkun hemm "skambju ta' mħuħ" bejn l-UE u l-Indja, aktar milli "telf ta' mħuħ";

38.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jipprovdu l-qafas xieraq għall-kumpaniji u l-universitajiet biex jibbenefikaw mill-iżvilupp ekonomiku ta' l-Indja li qed jikber b'ritmu mgħaġġel f'oqsma speċifiċi bħal ma huma s-softwer u l-industrija tal-films;

39.  Jinnota li l-impatt tat-tkabbir ta' l-Indja fuq id-domanda dinjija għall-enerġija tqajjem tħassib għas-sigurtà ta' l-enerġija; jinnota li l-Indja għadha ssofri nuqqasijiet serji ta' enerġija u tiddependi ż-żejjed miż-żejt u l-faħam, li huma fjuwils fossili kemm għoja fil-prezz u li jniġġsu; jinnota li l-isforzi ta' l-Indja biex tiżgura provvisti ta' gass u biex tiżviluppa l-enerġija nukleari huma żewġ konsegwenzi konkreti ta' din is-sitwazzjoni; jinnota li anki jekk l-Indja tiżviluppa l-enerġija nukleari, tissodisfa anqas minn 5% tal-bżonn tagħha ta' elettriku u 2% biss tat-total ta' enerġija li teħtieġ; jikkunsidra li l-isforzi biex tiżviluppa l-enerġija nukleari jikkostitwixxu pass lura mill-wegħdiet tal-G8 ta' Gleneagles biex tiġi mrażżna l-bidla fil-klima u biex tissaħħaħ il-preservazzjoni ta' l-enerġija; jikkunsidra li, jekk is-sitwazzjoni ma' tinbidilx, il-ħsara lill-ambjent aktarx li ssir ostaklu kbir għall-futur ta' l-iżvilupp ekonomiku ta' l-Indja;

40.  Jinnota li kemm l-Indja u l-UE għandhom tradizzjoni twila li jippromwovu l-użu ta' enerġija li tiġġedded u jemmen li l-enerġija li tiġġedded bħal dik tax-xemx, ir-riħ u l-bijomassa hija alternattiva ta' enerġija prattika, flimkien ma' investimenti qawwija fl-effiċjenza fl-enerġija, li jistgħu jissodisfaw il-bżonnijiet ta' enerġija fuq żmien twil; jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi ta' l-Indja f'dan ir-rigward, iklużi d-'digesters' rurali tal-bijogass u l-pjanċi solari (użati biex jipprovdu d-dawl fid-djar u l-ħwienet tax-xogħol), u aktar reċentement is-suċċess tagħha fil-bini tar-raba' l-akbar industrija ta' enerġija mir-riħ fid-dinja; jikkunsidra li, hekk li l-ifqar pajjiżi fid-dinja qed jintlaqtu b'mod negattiv mid-domanda dejjem tikber għaż-żejt, kif deher mill-ġlied reċenti kontra ż-żidiet fil-prezzijiet taż-żejt fit-toroq ta' l-Indoneżja, l-Indja għandha tkompli tappoġġja l-iżvilupp ta' l-enerġija rinnovabbli reġjonali fuq skala aktar wiesgħa fl-Asja, kif diġà qed tagħmel fil-Bhutan; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien ta' Bord għall-Enerġija bejn l-Indja u l-UE u jitlob li jkun hemm aktar koperazzjoni dwar is-sigurtà ta' l-enerġija u r-riformi fis-suq, l-enerġija li tiġġedded u l-effiċjenza fl-enerġija; jikkunsidra li l-Indja u l-UE għandhom ikomplu jikkaratterizzaw l-enerġija dinjija permezz ta' żvilupp ta' enerġija innovattiva u sostenibbli, filwaqt li jilħqu l-'benchmarks'' tal-bidla fil-klima;

41.  Jinnota li, peress li l-Indja hija ġeografikament diversa, hija ambjent fertili għaż-żejt u l-gass, iżda l-esplorazzjoni mmexxija mis-settur pubbliku, s'issa, dejjem kient kawta ħafna; jinnota, madanakollu, li bid-dħul ta' kumpaniji Ewropej ta' l-enerġija, din il-pożizzjoni diġà qed tinbidel, pereżempju, il-Cairn Enerġy Britannika rrappurtat bosta skoperti ta' żejt f'Rajasthan fl-2004 (l-akbar waħda hija stmata li fiha 500 miljun barmil ta' riservi li jistgħu jiġu rkuprati); jistieden l-Indja biex tinkuraġġixxi tiftix aktar qawwi għaż-żejt u l-gass, billi tipprovdi inċentivi kbar sabiex tattira l-effiċjenza u l-kompetenza ta' l-esperti ta' kumpaniji ta' esplorazzjoni Ewropej;

42.  Jinnota li l-ispejjeż biex jiġi pproċessat il-bijodiżil fl-Indja huma madwar terz ta' dawk fl-Ewropa u li l-Indja reċentement iddeċidiet li tespandi l-programmi ta' raffinar tal-bijodiżil tagħha; jinnota li l-Indja qed tespandi l-industrija ta' l-etanol tagħha u l-gvern approva bosta tipi ta' inċentivi finanzjarji, inklużi tnaqqis fit-taxxa fuq il-bejgħ u dazji mnaqqsa fuq l-etanol u fjuwils imħallta ma' l-etanol; jikkunsidra li l-Jatropha li ma tistax tittiekel tirrappreżenta alternattiva vijabbli ta' bijofjuwil għall-Indja, minħaba li tista' tikber f'ħamrija niexfa u kważi niexfa u tinvolvi investiment minimu, u jinkuraġġixxi koperazzjoni bejn l-Indja u l-UE għal dan il-għan; jikkunsidra li programmi bħal dawn, barra li joħolqu bejn wieħed u ieħor 17-il miljun impieg ġdid u jġibu dħul għal komunitajiet rurali batuti, jgħinu biex titnaqqas id-dipendenza ta' l-Indja fuq żejt barrani, iżda dan jista' jseħħ biss jekk il-programmi jitwettqu b'mod sostenibbli;

Is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali ta' l-Indja

43.  Jinnota li l-kummerċ internazzjonali jista' jmexxi t-tkabbir ekonomiku u jnaqqas il-faqar, iżda m'huwiex bulit maġika, u r-riformi tal-kummerċ huma kumplimentari għall-politiki ta' żvilupp; jikkunsidra li sabiex jinħarġu persuni mill-faqar, u biex l-Indja tkompli tiela' s-sellun ta' żvilupp ekonomiku, hija għandha bżonn tiffoka b'mod kritiku fuq il-bini ta' ambjent ekonomiku li jsaħħaħ l-integrazzjoni ma' l-ekonomija dinjija f'firxa dejjem usa' ta' manifattura u servizzi;

44.  Jilqa' r-rikonoxximent dejjem akbar ta' l-importanza ta' l-ambjent ekonomiku estern, il-kummerċ u l-investiment fl-aħħar pjan fuq ħames snin ta' l-Indja dwar l-iżvilupp uman (2002-2007);

45.  Jinnota li l-iżbilanċi bejn l-Istati ta' l-Indja huma eżasperati bid-devoluzzjoni ta' setgħat ta' nfiq lil Stati bi standards varjati ta' tmexxija politika u mmaniġġjar fiskali; jikkunsidra li t-tnaqqis tal-faqar jiddependi fuq ir-ridirezzjoni ta' riżorsi ta' l-Istat lejn zoni rurali u l-iżvilupp ta' infrastruttura biex tappoġġa t-tixrid ta' l-attivitajiet ta' manifattura u tas-settur tas-servizzi; jitlob lill-Indja biex tiżgura koerenza u mmaniġġjar aħjar tal-liberalizzazzjoni billi tadotta politiki ekonomiċi kumplimentari b'saħħithom, inkluża l-armonizzazzjoni tat-taxxa, u biex tiffoka l-isforzi ta' bini ta' kapaċitajiet fuq l-ifqar Stati, sabiex ikunu jistgħu jużaw il-fondi b'mod effettiv; jinnota l-effetti ta' żvilupp ta' tkabbir ekonomiku f'xi reġjuni ta' l-Indja; jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġġja lill-Indja biex titgħallem minn Stati li marru tajjeb fiż-żmien ta' prosperità ekonomika ta' l-Indja, u biex tadotta l-aħjar prattika sabiex tiżgura li l-investimenti kritiċi jkunu diretti lejn reġjuni li għadhom lura u lejn gruppi soċjali b'nuqqas ta' rappreżentanza;

46.  Jinsab imħasseb rigward id-differenza dejjem akbar fid-dħul bejn zoni urbani u zoni rurali fl-Indja; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Indjani biex jirrikonoxxu l-istaġnar ta' l-agrikoltura f'zoni rurali u biex jiżviluppaw programmi biex iżidu l-produzzjoni agrikola f'dawn iz-zoni sabiex jissieltu kontra l-faqar rurali b'mod aktar xieraq;

47.  Jinnota, li minkejja t-tkabbir impressjonanti, l-infrastruttura ta' l-Indja għadha turi, parzjalment, il-karatteristiċi ta' nazzjon li qed jiżviluppa, b'networks tat-trasport ħżiena u qtugħ ta' l-elettriku regolari; jinnota li l-Loghob tal-Commonwealth ta' l-2020 jipprovdu opportunità għall-kumpaniji Ewropej biex jikkompetu għal proġetti ta' infrastruttura ewlenin; jitlob lill-Indja u lill-UE biex jesploraw l-iżvilupp ta' l-infrastruttura relatata mal-kummerċ, permezz ta' investiment bejn is-settur pubbliku u dak privat, filwaqt li jkunu żgurati trasparenza, ambjent regolatorju kredibbli u l-istess kundizzjonijiet għall-investituri privati u għall-gvern; f''dan is-sens jitlob għall-użu ta' self mill-EIB, li l-mandat tiegħu - fil-każ ta' l-Asja u l-Amerika Latina - huwa iffokat fuq investiment produttiv; jitlob lill-Indja u lill-UE biex jiffokaw dan l-investiment f'zoni rurali, biex jiggarantixxu provvista ta' l-ilma u sanità aħjar, itejbu n-netwerks tat-trasport, b'mod partikulari toroq li jintużaw f'kull tip ta' temp, u biex titjieb il-kwalità tal-produzzjoni tal-grilji ta' l-elettriku;

Żvilupp u Ambjent

48.  Jirrikonoxxi s-suċċess importanti tal-Gvern ta' l-Indja biex jeqred il-faqar, iżda jinnota li minkejja t-tkabbir ekonomiku b'mod sostenut, għad hemm inugwaljanza kbira, b'xi 30% tal-popolazzjoni ta' l-Indja għadha tgħix taħt il-livell tal-faqar; jinsab partikularment imħasseb dwar is-sitwazzjoni tas-sezzjonijiet żvantaġġati tal-popolazzjoni, b'mod partikulari n-nisa, it-tfal, dawk żvantaġġati u l-popolazzjoni rurali, eż. id-Daliti u l-Adivasis (tribuwijiet u popli indiġeni); jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jaħdmu flimkien mal-gvern Indjan sabiex itejbu s-sitwazzjoni ta' dawk il-gruppi u biex jeżaminaw koperazzjoni futura bħala l-kontribuzzjoni tagħhom lejn it-tmiem tad-diskriminazzjoni tas-sessi u tal-kasti;

49.  Jenfasizza li gvernijiet suċċessivi ta' l-Indja għamlu sforzi konsiderevoli biex jaffaċċjaw il-kwistjoni tad-diskriminazzjoni tal-kasti; madankollu jemmen li għad fadal ħafna xi jsir;

50.  Iħeġġeġ lill-UE biex tippromwovi u timplimenta miżuri biex tiżgura l-iżvilupp soċjo-ekonomiku tal-minoranzi, li ġew fil-biċċa l-kbira esklużi mill-ekonomija l-ġdida fl-Indja u li jiġu diskriminati fil-programmi ta' żvilupp u rkupru minn diżastri, permezz ta', fost affarijiet oħrajn, il-promozzjoni ta' opportunitajiet indaqs f'impiegi f'kumpaniji u f'investituri privati bbażati fl-UE, l-inkuraġġiment ta' programmi li jinkludu lid-Dalit u l-użu ta' indikaturi biex titkejjel l-inklużjoni tad-Dalit fl-ekonomija l-ġdida;

51.  Jirrimarka li huwa importanti li l-gvern Indjan, fil-proċess ta' żvilupp tiegħu, iżomm f'moħħu l-kwistjonijiet ta' koeżjoni soċjali, l-ambjent u d-drittijiet tal-konsumaturi;

52.  Jilqa' l-koperazzjoni ta' l-UE ma' l-Indja fil-qasam tal-politika ambjentali u l-fatt li l-politika ambjentali hija identifikata bħala waħda mis-setturi ta' koperazzjoni fil-Pjan ta" Azzjoni Konġunt; jinnota li bħala kompetituri globali, l-UE u l-Indja għandhom rwol ċentrali fl-isforzi internazzjonali favur immaniġġjar globali aħjar ta' l-ambjent; jitlob sabiex l-aspetti ambjentali jkomplu jiġu enfasizzati fil-koperazzjoni fl-iżvilupp ekonomiku;

53.  Jenfasizza li fl-Indja ż-żieda fil-qerda ambjentali hija problema li qiegħda dejjem tikber b'konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u ambjentali inkonċepibbli, b'mod partikulari għan-numru kbir ta' Indjani li jgħixu fil-faqar, u jenfasizza l-urġenza partikulari biex titkompla l-koperazzjoni ta' l-UE ma' l-Indja f'dan il-qasam;

54.  Jilqa' l-impenn ta' l-Indja għall-MDGs; jinnota li l-Għaxar Pjan fuq Ħames Snin ta' l-Indja jsemmi l-għanijiet u l-objettivi ta' żvilupp uman għal bejn il-ħames u l-għaxar snin li ġejjin, li ħafna minnhom huma aktar ambizzjużi mill-MDGs, iżda jibqa' mħasseb dwar il-kapaċità ta' l-Indja li tilħaqhom sa l-2015, minħabba li l-Proġett tal-Millennju tan-NU jiddikjara li fil-probabiltà l-Indja mhux ser jirnexxielha tikseb ta' l-anqas 4 mit-8 MDGs; jikkunsidra li assistenza relatata mal-kummerċ tista' tgħin lill-Indja biex tilħaqhom fiż-żmien skedat; jitlob lill-UE biex tikkopera mal-Programmi ta' l-Indja għal edukazzjoni universitarja prijoritarja u għas-saħħa fl-inħawi rurali u biex tinkuraġġixxi politiki li jiffaċilitaw l-inklużjoni ta' żgħażagħ fl-ambjent tax-xogħol; jemmen li l-UE tista' tindirizza t-tħassib dwar opportunitajiet indaqs billi tagħti spinta lill-prodotti li jipprovdu għixien għan-nisa, u billi tiffaċilita l-kummerċ f'servizzi li jimpjegaw in-nisa;

55.  Jinnota li l-konnettività hija waħda mill-MDGs, u li s-Segretarju Ġenerali tan-NU, Kofi Annan, talab għal konnettività f'kull pajjiż tad-dinja li għadu qed jiżviluppa sa l-2015 sabiex jiġu eliminati d-differenzi f'termini ta' libertà, għana u setgħa; jilqa' inizjattivi bħall-"Hole-in-the-Wall Internet Education Experiment", fejn aktar minn 150 kompjuter veloċi, bil-kibord, bil-maws u kamera ta' l-internet ġew installati f'50 lok, minn kwartieri fqar ta' Delhi għal xi postijiet fl-Indja rurali, u b'hekk eluf ta' subien u bniet li qabel kienu illitterati setgħu jgħallmu lilhom innifishom mhux biss kapaċitajiet relatati ma' l-IT u ħafna elementi ta' l-edukazzjoni primarja, iżda wkoll biex jgħollu l-aspettattivi tagħhom; jikkunsidra li proġetti bħal dawn, filwaqt li ma joffrux sostitut sodisfaċenti għall-klassi ta' l-iskola b'għalliem, jistgħu jgħinu lil dawk it-tfal li attwalment m'għandhom l-ebda possibiltà ta' forma tradizzjonali ta' edukazzjoni; jitlob lill-Indja biex taqsam il-benefiċċji tal-prosperità tagħha fl-IT mat-98% tal-popolazzjoni tagħha li attwalment m'hijiex effetwata minnha u tidderiġi investiment u għajnuna fi proġetti bħal dawn, bi stima ta' spiża rikurrenti annwali ta' anqas minn 2 ċenteżimi għal kull tifel/tifla kuljum;

56.  Jinnota li l-Indja kienet waħda mill-benefiċjarji ewlenin ta' l-iskema tal-GSP, b'medja ta' rati ta' użu ta' 80%, f'numru ta' setturi, inklużi prodotti ta' l-annimali (88%), ħaġar prezzjuż u ġojjelli (85%), apparat tat-trasport u metalli komuni (83%); jinnota li 40% ta' l-esportazzjoni tal-ħwejjeġ ta' l-Indja, li tiswa ftit aktar minn EUR 3,000 miljun, minn total ta' esportazzjoni ta' EUR 4,800 miljun, u disa' minn għaxra ta' l-esportazzjoni taż-żraben ta' l-Indja, b'valur ta' EUR 6,00 miljun, minn total ta' esportazzjoni ta' EUR 675 miljun, ibbenefikaw mill-iskema tal-GSP; jinnota li pajjiżi bl-industriji ta' l-insiġ tagħhom stess, bħall-Indja, kienu kapaċi jagħmlu użu ħafna aktar estensiv mill-faċilitajiet tal-GSP minn pajjiżi oħra bħall-Bangladexx, li jużaw tessut impurtat għall-manifattura ta' ħwejjeġ, u li esperjenzaw diffikultajiet minħabba l-iskema tar-regoli ta' l-UE dwar l-oriġini; jilqa' l-prattika ta' l-UE li żżomm dawn l-iskemi u r-regoli taħt reviżjoni u jinkuraġġixxiha biex tissimplifika u tirrazzjonalizza dawn ir-regoli; jilqa' l-proposta biex ir-regoli ta' l-oriġini speċifiċi għall-prodott jinbidlu għal kriterju wieħed ġenerali sabiex il-pajjiżi eleġibbli jkunu jistgħu isibuha eħfef biex jużaw l-iskema;

57.  Huwa mħasseb li, meta għandek 60% tat-tigri li fadal fid-dinja jinsabu fl-Indja, iċ-ċensiment ippjanat iżda mdawwem tat-tigri kollha ta' l-Indja jista' juri tnaqqis għal numru serjament baxx ta' 1,500 tigra fil-pajjiż; jirrikonoxxi li l-valur ta' kummerċ illegali fl-ispeċi ta' annimali selvaġġi huwa stmat li huwa l-akbar wara l-kummerċ internazzjonali tad-drogi illegali u li l-livelli ta' sfruttament u kummerċ ta' xi speċi, bħat-tigri, huma tant għoljin li l-popolazzjonijiet tagħhom qed jonqsu b'mod drastiku; jirrikjedi monitoraġġ aħjar ta' l-importazzjoni ta' kampjuni ta' annimali selvaġġi u ta' prodotti ta' annimali selvaġġi sabiex tiġi mħarsa l-Konvenzjoni dwar Kummerċ ta' Speċi fil-Periklu (CITES), u li l-infurzar jittejjeb sabiex l-ispeċi fil-periklu jiġu salvati mit-theddida ta' l-estinzjoni; jitlob lill-UE biex toffri koperazzjoni u assistenza teknika lill-Indja sabiex tgħinha żżomm il-bijodivesità tagħha u tindirizza l-kummerċ illegali fl-annimali selvaġġi; jitlob sabiex il-kwistjoni ta' protezzjoni tat-tigra b'mod ġenerali, u l-ġlieda kontra l-kummerċ b'mod partikulari tal-ġilda, ta' l-għadam u tal-partijiet tal-ġisem tat-tigra, inkluż permezz ta' koperazzjoni bejn dwani, jiddaħħlu fl-aġenda tal-laqgħa li jmiss tal-Forum Ambjentali bejn l-UE u l-Indja;

58.  Jinnota li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ ħalliet lill-bdiewa ż-żgħar kemm fl-UE u fl-Indja jaffaċċjaw kompetizzjoni globali, u minħabba f'hekk kellhom inaqqsu l-prezzijiet, meta fl-istess żmien it-tnaqqis fis-sussidji tal-gvern għollielhom il-prezzijiet tal-biedja; huwa mħassab li fl-Indja, il-bdiewa qed iduru għal kuntratti ta' biedja għall-esportazzjoni, minflok jipprovdu prodotti domestiċi, u dan qed iwassal għall-malnutrizzjoni f'zoni rurali foqra; jinsab imħasseb li ħafna drabi, aktar minn nofs il-prodott agrikolu Indjan jinħela minħabba nuqqas ta' ħażna fil-friża u ta' faċilitajiet ta' distribuzzjoni; jinnota li filwaqt li s-settur ta' l-industrija tal-biedja huwa magħluq għall-investiment barrani, hemm opportunitajiet għall-kumpaniji Ewropej f'ċerti setturi agrikoli li mhumiex marbutin ma' prodotti/uċuħ tar-raba'. (non-crop agro allied sectors), li huma miftuħa għal investiment Ewropew u li jistgħu jirretifkaw ħafna mill-problemi tal-ħażna; jinkuraġġixxi lill-Indja biex tidderiġi fondi għal infrastruttura relatata mal-kummerċ lejn zoni ta' agrikoltura rurali biex tgħin lill-bdiewa jadattaw għall-isfidi tal-globalizzazzjoni;

59.  Iħeġġeġ lill-UE biex f'fora internazzjonali tippromwovi responsabiltà korporattiva akbar fost l-intrapriżi barranin stabbiliti fl-Indja, u fl-istess ħin iħeġġeġ biex jintlaħaq ftehim mal-gvern Indjan biex titwaqqaf sistema effettiva għall-monitoraġġ tad-drittijiet tal-ħaddiema f'kumpaniji domestiċi u barranin ibbażati fl-Indja.

60.  Jitlob għal taħditiet bejn l-UE u l-Indja dwar investiment sabiex titqies ir-responsabiltà soċjali u politika ta' investituri barranin; jenfasizza li d-drittijiet ta' l-investituri għandhom imorru id f'id ma' l-obbligazzjonijiet tagħhom u li l-investituri għandhom ta' l-anqas japplikaw l-istandards fundamentali tax-xogħol ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali għax-Xogħol (ILO).

61.  Jilqa' l-impenn ta' l-Indja għall-prevenzjoni ta' tħaddim ta' tfal u għall-parteċipazzjoni fil-Programm Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni ta' Tħaddim ta' Tfal u l-proġett INDUS dwar tħaddim ta' tfal; huwa mħasseb bl-inċidenza għolja ta' ħaddiema tfal fl-Indja; jitlob lill-Indja biex tikkopera ma' l-ILO u tirratifika l-Konvenzjoni 138 dwar l-Età Minima u l-Konvenzjoni 182 dwar L-Agħar Forom ta' Xogħol tat-Tfal; jitlob lill-Indja biex tieħu miżuri biex tissielet kontra l-forom kollha ta' skjavitù moderna, tħaddim ta' tfal u l-isfruttament ta' xogħol tan-nisa, bil-ħsieb li jiġi żgurat rispett għad-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema u biex jiġi evitat 'dumping' soċjali; kif ukoll biex tadotta l-prinċipju ta' l-ILO ta' 'xogħol deċenti'; ifakkar l-importanza ta' l-arranġamenti varji ta' kummerċ b'konformità ma' konvenzjonijiet internazzjonali dwar drittijiet tal-bniedem u standards tax-xogħol;

62.  Jenfasizza li l-UE għandha tagħmel pressjoni fuq il-gvern Indjan sabiex jindirizza, bl-akbar sens ta' urġenza, xogħol 'bonded', li jaffetwa miljuni ta' persuni fl-Indja; jitlob lill-Indja biex tirratifika l-Konvenzjoni 98 dwar id-dritt li torganizza u negozjati kollettivi;

63.  Iqis li l-Indja għandha tirratifika u timplimenta l-Konvenzjonijiet ta' l-ILO li fadal kemm jista' jkun malajr sabiex tgħin biex jissaħħaħ l-iżvilupp fuq perjodu ta' żmien twil u biex titjieb il-kwalità tal-ħajja ta' l-ifqar frazzjonijiet tas-soċjetà;

64.  Jenfasizza l-importanza li r-relazzjonijiet ta' kummerċ li qed jiżviluppaw bejn l-UE u l-Indja ma jiġux separati mir-riformi tad-drittijiet tal-bniedem fl-Indja;

65.  Jinnota li l-amministrazzjoni attwali ta' l-Indja rrikonoxxiet b'mod aktar miftuħ il-problemi li joħolqu l-HIV/AIDS; jikkunsidra li t-tixrid ta' l-HIV/AIDS għandu l-potenzjal li jħarbat il-progress ta' l-Indja; jinnota li l-aċċess limitat għall-kura tas-saħħa u l-livelli baxxi ta' attenzjoni għas-saħħa huma responsabbli għall-inċidenza dejjem akbar ta' l-HIV/AIDS; jilqa' l-fatt li żiedet il-fondi u l-programmi tagħha biex tindirizza l-problemi li ħolqu l-HIV/AIDS u jitlob lill-UE biex tgħin lill-Indja biex tmexxi 'l quddiem programmi għal individwi u komunitajiet li jinsabu f'risku kbir; f''dan is-sens jilqa' x-xogħol li wettqet l-Organizzazzjoni Nazzjonali għall-Kontroll ta' l-AIDS (NACO) fl-attivitajiet tagħha biex tqajjem kuxjenza fost il-popolazzjonijiet rurali u urbani;

66.  Iqis li d-diżastri naturali riċenti, speċjalment it-tsunami ta' l-Oċean Indjan u t-terrimot ta' l-Asja tan-Nosinhar, urew il-bżonn għal kollaborazzjoni aktar kreattiva u immaġinattiva bejn in-numru kbir ta' aġenziji u organizzazzjonijiet li jgħinu f'każ ta' diżastri; jinnota li l-UNESCO, permezz tal-Kummissjoni Oċeanografika tagħha, kienet attiva fit-twaqqif ta' sistema ta' twissija u mitigazzjoni ta' Tsunami fl-Oċean Indjan, u li n-NU qed tikkordina l-implimentazzjoni tal-Qafas ta' Azzjoni ta' Hyogo, pjan ta' 10 snin għat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastru naturali; jitlob lill-Indja, lill-UE u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw dawn l-inizjattivi, ħalli, permezz ta' l-antiċipazzjoni tal-frekwenza u s-severità tad-diżastri naturali u s-sinerġiji bejn l-isforzi umanitarji u l-aġenziji ta' għajnuna tal-gvern, tkun tista' tiżdied l-effettività sostenuta ta' l-assistenza ta' wara diżastru;

67.  Jitlob biex tinżamm laqgħa għolja parlamentari kull sena li tkun tikkoinċidi jew li tkun eżatt qabel il-laqgħa għolja annwali bejn l-Indja u l-UE li ssoltu sseħħ mingħajr il-parteċipazzjoni uffiċjali tal-Parlament Ewropew; jikkunsidra li laqgħat għolja bħal dawn jagħmluha possibbli biex jiġu żviluppati r-rabtiet bejn entitajiet parlamentari, itejbu l-komprensjoni tad-differenzi tagħhna u jġibu s-sistemi demokratiċi taż-żewġ naħat eqreb xulxin;

68.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tirrapporta lill-Parlament Ewropew fuq bażi regolari dwar progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Konġunt bejn l-Unjoni Ewropea u l-Indja;

o
o   o

69.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika ta' l-Indja.

(1) ĠU C 233 E, 28.9.2006, p. 103.
(2) ĠU C 227 E, 21.9.2006, p. 589.
(3) Testi adottati ta' dik id-data, P6_TA(2005)0454.
(4) Testi adottati ta' dik id-data, P6_TA(2006)0056.
(5) Testi adottati ta' dik id-data, P6_TA(2006)0123.

Avviż legali - Politika tal-privatezza