Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-titjib tal-qagħda ekonomika ta' l-industrija tas-sajd (2006/2110(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-reviżjoni tal-politika komuni ta' l-industrija tas-sajd (CFP), ta' Diċembru 2002 u speċjalment ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2002 dwar ir-rapport tal-Kummissjoni dwar il-laqgħat reġjonali organizzati mill-Kummissjoni fl-1998-1999 dwar il-politika komuni tas-sajd wara l-2002(1),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tas-6 ta' Lulju 2005 dwar il-proposta għar-Regolament tal-Kunsill dwar il-Fondi Ewropej għall-industrija tas-sajd(2),
– wara li kkunsidra ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 tas-27 ta' Lulju 2006 dwar il-Fondi Ewropej għall-industrija tas-sajd(3),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 2006 bit-titolu "It-Titjib tal-qagħda ekonomika ta' l-industrija tas-sajd". (COM(2006)0103),
– wara li kkunsidra s-smigħ pubbliku organizzat fit-3 ta' Mejju 2006 mill-Kumitat għas-Sajd dwar l-impatt ta' l-għoli tal-prezz taż-żejt fuq l-industrija tas-sajd Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A6-0266/2006),
A. billi l-industrija tas-sajd għandha importanza strateġika għas-sitwazzjoni soċjo-ekonomika, għall-provvista pubblika tal-ħut u għall-ekwilibriju tal-bilanċ ta' l-ikel f'diversi Stati Membri u fl-Unjoni Ewropea stess, u billi tagħti kontribuzzjoni konsiderevoli għall-benesseri soċjo-ekonomiku tal-Komunitajiet li jgħixu madwar il-kosta għall-iżvilupp lokali għax-xogħol, għall-manutenzjoni u/jew għall-ħolqien ta' attivitajiet ekonomiċi u ta' opportunitajiet ta' xogħol; għall-provvista ta' ħut frisk u għaż-żamma tat-tradizzjonijiet kulturali lokali,
B. billi teżisti CFP li għandha terfa' r-responsabiltà ta' l-ispejjeż għall-iffinanzjar tagħha u speċjalment tad-deċiżjonijiet u tal-miżuri adottati f'dan is-settur,
C. billi l-limitu massimu previst fil-qafas finanzjarju 2007-2013, jeħtieġ li jiġi rispettat għalkemm kien mixtieq li s-settur tas-sajd jibbenefika minn allokazzjoni baġitarja aktar xierqa,
D. billi l-flotot differenti ta' l-Istati Membri fl-2004 ammontaw għal madwar 90,000 bastiment u impjegaw direttament madwar 190 000 sajjied,
E. billi s-CFP għandu jikkunsidra d-differenzi konsiderevoli bejn il-flotot, it-taqsimiet differenti tal-flotot, l-ispeċijiet immirati, it-tagħmir għas-sajd, il-produttività, il-preferenzi tal-konsumaturi u l-kwantità ta' ħut li kull ras tikkonsma fl-Istati Membri differenti, kif ukoll il-karatteristiċi speċifiċi ta' l-attività tas-sajd li ġejjin mill-istruttura soċjali ta' din l-attività u d-differenzi strutturali u naturali taz-zoni varji għas-sajd,
F. billi s-sostenibbiltà tar-riżorsi ta' l-industrija tas-sajd hi bżonnjuza jekk wieħed irid jiggarantixxi s-sajd u l-vijabbiltà tas-settur tas-sajd għal tul ta' żmien,
G. billi l-industrija tas-sajd hija fuq kollox ikkonċentrata f'reġjuni li għandhom ekonomija dgħajfa - li ħafna minnhom huma reġjuni ta' l-Objective 1, u li l-kriżi li għaddej minnha dan is-settur għandha impatt konsiderevoli fuq il-livell tal-koeżjoni ekonomika u soċjali f'dawn ir-reġjuni,
H. billi s-CFP għandha tappoġġja l-iżvilupp sostenibbli ta' l-industrija tas-sajd,
I. billi f'ċerti industriji tas-sajd, l-ammont ta' dħul tal-popolazzjoni li tgħix mis-sajd huwa ħafna inqas minn dak ta' setturi oħra tal-popolazzjoni u minħabba li din id-diżugwaljanza qed taggrava minħabba l-fatt li dan l-ammont hu marbut ma' l-inċertezzi ta' l-industrija tas-sajd, mal-valur li jvarja tal-ħut u ma' spejjeż ta' ċerti fatturi tal-produzzjoni; billi l-politiki Komunitarji għandhom għalhekk jiggarantixxu livell ta' għixien ugwali għall-popolazzjoni li tgħix mis-sajd speċjalment bit-titjib tal-bilanċ bejn id-dħul u n-nefqa ta' l-intrapriżi,
J. billi minħabba li d-dħul u s-salarji ta' sajjieda professjonali ma għandhomx sigurtà minħabba l-mod kif il-ħut huwa rriklamat, minħabba l-mod kif jiġi stabbilit il-prezz ta' l-ewwel bejgħ u minħabba n-natura irregolari ta' l-attività, dan jimplika li ċertu għajnuniet pubbliċi, nazzjonali u Komunitarji għandhom bilfors jinżammu,
K. billi ż-żieda fil-prezz taż-żejt għandu riperkussjonijiet diretti u negattivi fuq id-dħul ta' l-ekwipaġġi minħabba r-rabta bejn is-salarji u d-dħul mill-ewwel bejgħ tas-sajdiet li tista' twassal għal telf ta' 25%,
L. billi s-sitwazzjoni ekonomika ta' numru kbir ta' intrapriżi tas-sajd iddeterjorat matul dawn l-aħħar snin, li saħansitra wassal għall-għeluq ta' numru kbir minnhom, minħabba t-telf kbir tad-dħul flimkien mar-riperkussjonijiet soċjo-ekonomiċi li jirriżultaw minnha,
M. billi n-nuqqas ta' dħul jispjega ruħu minn naħa waħda minħabba r-restrizjonijiet imposti fuq l-industrija tas-sajd (tnaqqis tal-produzzjoni, Total Aċċettabbli ta' Qbid, kwoti, zoni li fihom ma jistax isir sajd, pjanijiet għar-rikostruzzjoni ta' l-istokk u t-tnaqqis ta' l-istaġun tas-sajd) u minn naħa l-oħra minħabba li l-ewwel bejgħ baqa' jżomm prezz baxx, marbuta ma' l-istruttura tas-settur (provvista baxxa, domonda għolja, distribuzzjoni ħażina tal-valur miżjud, żieda kontinwa fl-importazzjoni tal-prodotti tal-ħut, żieda fil-produzzjoni ta' l-akwakultura),
N. billi l-kriżi ekonomika u soċjali li l-industrija tas-sajd għaddejja minnha taffetwa l-flotot tas-sajd kollha għalkemm fi gradi li jvarjaw,
O. billi matul dawn l-aħħar għaxar snin l-industrija tas-sajd sabet ruħħa taffaċja tnaqqis ta' 35% ta' l-impjiegi, tnaqqis ta' 20% fin-numru ta' bastimenti u tnaqqis ta' 28% tal-qabdiet tal-ħut minkejja l-isforzi magħmula fil-qafas tar-revizjoni tas-CFP ta' l-2002 bil-għan li tinbidel din it-tendenza,
P. billi sabiex tkun garantita l-vijabbiltà ekonomika ta' l-industrija tas-sajd, l-adattament tagħha għall-miżuri soċjo-ekonomiċi speċjalment dawk maħsuba sabiex jiżguraw il-livelli l-aktar għolja ta' sigurtà permezz ta' l-immodernizzar tal-flotta sabiex jintlaħaq livell għoli ta' taħriġ professjonali fis-settur u t-titjib tal-livell ta' l-għixien u tax-xogħol tas-sajjieda,
Q. billi d-defiċit tal-bilanċ kummerċjali tal-prodotti tas-sajd mal-pajjiżi terzi qiegħed wara diversi snin jiżdied kontinwament u minħabba li minn issa 'l quddiem l-UE diġà qed timporta aktar minn 40% tal-prodotti tal-ħut li hi tikkonsma,
R. billi d-dinamika tal-bejgħ tipprevjeni l-varjazzjonijiet ta' l-ispejjeż milli jkollhom riperkusjonijiet fuq il-prezz tal-ħut u li l-medja tal-prezz ta' l-ewwel bejgħ staġna jew baxxa l-prezz mill-2000 mingħajr ma rrifletta ruħu fil-prezz tal-ħut frisk lill-konsumatur aħħari,
S. billi f'ċerti każijiet, l-organizzazzjoni komuni tas-suq tas-sajd kurrenti (COM) tal-prodotti tal-ħut ma kkontribwixxietx biżżejjed biex ittejjeb il-prezz ta' l-ewwel bejgħ u lanqas biex itejjeb id-distribuzzjoni tal-valur miżjud permezz tal-katina tal-valur ta' l-industrija,
T. billi l-promozzjoni sabiex jiġu skartati bastimenti mingħajr ma jiġu kkunsidrati karatteristiċi speċifiċi tal-flotot rispettivi, tar-riżorsi għas-sajd u tal-bżonnijiet tal-konsumaturi tal-ħut f'kull pajjiż kienet il-forza sabiex jiġi adattat id-daqs tal-flotta mar-riżorsi tas-sajd eżistenti b'konsegwenzi ekonomiċi u soċjali konsiderevoli,
U. billi t-tnaqqis fl-isforz għas-sajd affetwa xi Stati Membri aktar minn oħrajn, u hemm xi flotot ta' xi stati Membri li għamlu tnaqqis globali akbar mill-medja tal-Komunità filwaqt li għall-kuntrarju kien hemm oħrajn li żiedu l-isforz tagħhom għas-sajd,
V. billi t-twaqqif ta' ċertu metodi tas-sajd awtomatikament se jwasslu sabiex jintilfu ċertu snajja' marbuta mas-sajd, b'konsegwenzi ekonomiċi u soċjali kbar,
W. billi ż-żieda fil-prezz taż-żejt fl-aħħar tliet snin kellu impatt partikolarment negattiv fuq l-industrija tas-sajd, li aggrava konsiderevolment il-kriżi li diġà kienet teżisti, il-marġni ta' l-operat tagħha u l-vijabbiltà ekonomika tagħha u li wasslet għal tnaqqis serju mid-dħul tas-sajjieda,
X. X billi bejn l-2004 u l-2006 il-prezz taż-żejt għola bi kważi 100% u li dan ta' l-aħħar minn issa 'l quddiem jirrapreżenta f'ċertu partijiet ta' l-industrija, kważi n-nofs ta' l-ispejjeż totali ta' l-operat ta' l-intrapriżi tas-sajd,
Y. billi ċerti studji jistmaw li l-għoli tal-prezz taż-żejt jista' jipprovoka l-għeluq ta' eluf ta' industriji tas-sajd u t-telf ta' eluf ta' impjiegi,
Z. billi diversi Stati Membri ta' l-UE implimentaw miżuri speċifiċi mmirati biex jagħmlu tajjeb għaż-żieda fil-prezz taż-żejt għall-flotot tagħhom, speċjalment bil-ħolqien ta' fondi ta' garanzija u limiti ta' kreditu sussidjati,
AA. billi t-tendenza lejn prezz taż-żejt għoli hija fin-natura tagħha strutturali,
AB. billi f'dak li jirrigwardja l-eżenzjonijiet minn notifika ta' l-għajnuna ta' l-Istat, il-Kummissjoni pproponiet li r-regola "de minimis" għall-industrija tas-sajd jogħla għal madwar EUR 30 000 kull benifiċjarju fuq perjodu ta' tliet snin, ammont inqas minn dak allokat għal industriji oħra,
AC. billi rigward il-proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill Ewropew li ltaqa' fi Brussell fil-15 u s-16 ta' Diċembru 2005 ddeċieda li jbaxxi għas-snin 2007-2013 l-allokazzjoniji ta' Fondi Ewropej għas-Sajd (EFF) minn madwar EUR 4,9 miljun għal madwar EUR 3,8 miljun, b'hekk aggrava n-nuqqas ta' riżorsi finanzjarji tal-Komunità allokati għall-industrija tas-sajd,
AD. billi l-ftehima politika dwar l-EFF konkluża mill-Kunsill "Agrikoltura u Sajd" fid-19 ta' Ġunju 2006 fil-Lussemburgu ma kkunsidratx l-aspetti importanti tal-pożizzjoni tal-Parlament tas-6 ta' Lulju 2005 imsemmija hawn fuq u tinkludi proposti tal-Kummissjoni stabbiliti fil-komunikazzjoni msemmija hawn fuq,
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni
1. Jiddeplora d-dewmien għal preżentazzjoni tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni kif ukoll in-nuqqas ta' viżjoni li ntweriet. jikkunsidra li fil-verità, il-proposti magħmula mhumiex biżżejjed u fl-istess waqt f'ċerti każijiet mhumiex xierqa meta wieħed iqis l-iskala u l-gravità tal-kriżi li għaddejja minnha bħalissa l-industrija, sitwazzjoni li l-Kummissjoni nnifisha tinnota u tiddeskrivi;
2. Jiddeplora li l-politika li qed tieħu vantaġġ mid-deterjorazzjoni soċjo-ekonomika fl-industrija minħabba ż-żieda kbira fil-prezz taż-żejt, qed tfittex li tiskarta bastimenti u l-waqfien għal kollox ta' l-attività;
3. Jiddispjaċih li l-miżuri proposti ma għandhom l-ebda dimensjoni soċio ekonomika u li għal kuntrarju huma miżuri li ma jqisux il-konsegwenzi ta' l-implimentazzjoni tagħhom fuq l-ekwipaġġi tal-bastimenti;
4. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma tinkludix analiżi koerenti ta' l-istat preżenti ta' l-industrija tas-sajd, partikolarment l-isforz għas-sajd;
5. Jenfasizza li numru kbir ta' proposti mressqa se jkollhom l-aktar impatt għal tul ta' żmien medju jew twil fuq is-sitwazzjoni ekonomika ta' l-industrija tas-sajd;
Miżuri immedjati
6. Jiddispjaċih l-fatt li fil-qafas ta' l-għajnuniet u r-ristrutturazzjoni, il-Kummissjoni tippersisti li topponi l-possibiltà li tagħti ħlasijiet ta' kumpens u għajnuna għall-operat; għalhekk jenfasizza l-bżonn li jiġu adottati miżuri konkreti u immedjati maħsuba biex inaqqsu l-instabbiltà għolja tal-prezz taż-żejt għall-industrija; jitlob f'dan il-kuntest il-ħolqien ta' fondi ta' garanzija, bil-parteċipazzjoni tal-Komunità sabiex tiggarantixxi l-istabbiltà tal-prezz taż-żejt u l-għoti ta' ħlas ta' kumpens tranżitorju għall-intrapriżi tas-sajd affetwati;
7. Iqis li huwa neċessarju li jsir użu mill-possibiltajiet u l-marġni finanzjarji kollha fi ħdan il-qafas tal-baġit tal-Komunità għall-2006 sabiex jiġu ffinanzjati miżuri ta' appoġġ straordinarji għall-industrija, li jgħinuha tegħleb id-diffikultajiet imposti miż-żieda fil-prezzijiet taż-żejt, sakemm l-ebda miżura oħra ma tiġi implimentata;
8. Jitlob lill-Kummissjoni, bil-ħsieb li tiggarantixxi l-kompetitività tal-flotta ta' l-UE li topera barra mill-ibħra tal-Komunità li qed tikkompeti fl-istess swieq ma' flotot ta' pajjiżi terzi anke jekk l-ispejjeż tagħhom jistgħu jkunu aktar għolja minn 300% minn tal-bastimenti tal-Komunità, biex tistudja l-proposti ta' l-industrija sabiex jinħoloq qafas li jista' joffri krediti ta' taxxi;
9. Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra l-kriżi attwali marbuta mal-prezz taż-żejt bħala ċirkustanza mhux prevista bi qbil mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2792/1999 tas-17 ta' Diċembru 1999 li jistabbilixxi l-modalitajiet u l-kundizzjonijiet ta' l-azzjonijiet strutturali tal-Komunità fl-industrija tas-sajd(4) li jmexxi l-Istrument Finanzjarju għall-Orjentazzjoni dwar is-Sajd (FIFG) sabiex tingħata l-istess għajnuna għal tul qasir ta' żmien bħal f'każ ta' waqfien temporanju ta' l-attivitajiet, mingħajr kriterji tat-tnaqqis ta' kapaċità jew tnaqqis ta' kriterji bijoloġiċi; ifakkar fl-impenji li ilhom ħafna li saru f'dan il-kuntest;
10. Jitlob immedjatament lill-Kummissjoni biex iżżid il-perjodu tal-validità ta' l-għajnuna ta' emerġenza għal 12-il xahar;
11. Jenfasizza li l-għajnuniet pubbliċi għandhom bl-istess mod ikollhom bħala obbjettiv il-ħarsien ta' l-interessi, ir-risposta għall-bżonnijiet u s-soluzzjoni għall-problemi li qed jaffetwaw l-ekwipaġġi tal-bastimenti;
12. Jesprimi d-diżappunt tiegħu għar-regoli li l-Kummissjoni ħabbret riċentiment meta għolliet il-limitu massimu ta' l-għajnuna għall-industrija tas-sajd, id-de minimis għal EUR30 000 għal tliet snin; ifakkar fit-talbiet insistenti mill-industija u mill-amministrazzjonijiet ta' ħafna Stati Membri li l-ammont ta' għajnuna bħal din tiżdied għal EUR100 000, u jqabbel din il-figura mal-limitu massimu miftiehem riċentiment għal setturi produttivi oħra li huwa ta' EUR200 000; jiġbed l-attenzjoni fuq l-impenji mogħtija biex jiżdied il-valur tar-regola de minimis għall-industrija tas-sajd u jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi b'urġenza l-ftehima adottata riċentiment;
13. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tantiċipa l-għajnuniet rilevanti ma' l-FIFG jew ma' l-EFF futura sabiex jiġu stabbiliti linji finanzjarji li jagħmlu tajjeb għaż-żieda fl-ispejjeż ta' l-operat;
Miżuri b'impatt għal tul ta' żmien medju jew fit-tul Tibdil u mmodernizzar tal-flotta
14. Jinnota l-proposta tal-Kummissjoni sabiex jiġi kkunsidrat fil-qafas ta' programmi futuri għar-ristrutturazzjoni ta' l-investimenti relatati mat-tibdil tat-tagħmir tas-sajd, ix-xiri ta' tagħmir u t-tibdil ta' magni bil-għan li jikkontribwixxu għall-konverżjoni, l-effiċjenza u l-iffrankar ta' l-enerġija;
15. Jikkunsidra li l-pjanijiet għar-ristrutturazzjoni nazzjonali ta' ċertu Stati Membri ta' l-Unjoni Ewropea għandhom ikunu parti fundamentali mir-ristrutturazzjoni ta' l-industrija tas-sajd;
16. Jikkunsidra li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jadottaw pjan komprensiv sabiex inaqqsu l-konsum ta' l-enerġija mill-flotta, inkluż l-iżvilupp ta' tagħmir tas-sajd li juża anqas enerġija, magni aktar nodfa, kif ukoll, fuq medda ta' żmien fit-tul, it-tnaqqis fid-dipendenza fuq il-fjuwils fossili;
17. Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' viżjoni fl-approċċ il-ġdid ta' l-EFF biex jgħin fit-tibdil tal-magni; iqis li miżuri bħall-irbit ta' l-għajnuna biex jinbidlu l-magni għall-bastimenti itwal minn 12 -il metru mat-tnaqqis ta' 20% mill-qawwa tagħhom se jagħmlu uħud mill-prattiki tas-sajd prattikament mhux vijabbli u jistgħu jaffetwaw is-sikurezza filwaqt li jistgħu jagħtu lok għal żieda fil-frodi billi l-qawwa tal-magna ma tiġix dikjarata;
18. Jinsisti fuq il-ħtieġa għall-EFF li jkompli jagħti għajnuniet għat-tiġdid u l-immodernizzar tal-flotta tas-sajd - b'mod partikolari għat-tibdil ta' magni, għal raġunijiet ta' sikurezza, ħarsien ta' l-ambjent jew għall-effiċjenza taż-żejt - fuq kollox għas-sajd fuq skala żgħira viċin il-kosta u sajd artiġjanali, u għat-tibdil ta' bastimenti li għandhom iktar minn 20 sena, li ma għadhomx joperaw minħabba raġunijiet ta' sikurezza;
Sajd viċin il-kosta
19. Jitlob lill-Kummissjoni tagħraf in-natura speċifika tas- sajd fuq skala żgħira viċin il-kosta u tas-sajd artiġjanali fil-qafas tas-CFP u sabiex tanalizza safejn l-istrumenti attwali huma adegwati biex ilaħħqu mal-bżonnijiet ta' l-industrija, u jadattaw ruħhom għalihom skond il-bżonn;
20. Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposta maħsuba biex toħloq programm Komunitarju ta' appoġġ għas-sajd fuq skala żgħira viċin il-kosta u għas-sajd artiġjanali, li jgħin biex jikkoordina azzjonijiet u biex jgħaddi fondi minn strumenti oħra eżistenti sabiex ilaħħqu mal-problemi speċifiċi li din it-taqsima ta' l-industrija qed taffaċċja;
Kummerċjalizzazzjoni
21. Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni mistennija tniedi evalwazzjoni komprensiva tal-COM għall-prodotti tal-ħut; jenfasizza l-ħtieġa għal reviżjoni ambizjuża tal-COM jekk wieħed irid itejjeb il-kummerċjalizzazzjoni tal-ħut u tal-prodotti tal-ħut filwaqt li jsaħħaħ il-valur miżjud;
22. Iqis li huwa bżonnjuż li s-sajjieda jkunu involuti b'mod aktar dirett fit-trasformazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni sabiex ikabbru l-bażi tad-dħul tagħhom u jtejbu l-livell ta' l-għixien tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta għal dan il-għan proposti għar-reviżjoni tal-COM tal-prodotti tal-ħut filwaqt li tintroduċi mekkaniżmi li jippermettu t-titjib tal-prezz ta' l-ewwel bejgħ u sabiex tippromwovi distribuzzjoni ġusta u xierqa tal-valur miżjud fuq il-katina tal-valur;
23. Jiddeplora l-fatt li f'numru ta' każi, il-possibiltajiet offruti mill-COM attwali biex jinforzaw il-kompetittività ma kienux użati biżżejjed mill-industrija u jitlob lill-Kummissjoni, b'kooperazzjoni ma' l-amministrazzjonijiet nazzjonali u ma' l-organizzazzjonijiet varji li jirrapreżentaw lill-produtturi, sabiex jagħtu pubbliċità massima li dawn il-possibiltajiet u lill-possibiltajiet ġodda li jistgħu joħorġu minn reviżjoni futura tal-COM;
24. Iqis importanti li wieħed jikkunsidra li jintroduċi forom oħra ta' intervenzjonijiet simili biex jiggarantixxi l-prezzijiet jew jimmassimizza r-rati tal-profitt bħala mezz kif itejjeb id-distribuzzjoni tal-valur miżjud, filwaqt li jnaqqas marġni intermedjarji;
25. Jenfasizza li l-Fondi Strutturali għandhom jikkontribwixxu għall-modernizzazzjoni u l-ħolqien ta' infrastrutturi għall-kummerċjalizzazzjoni għall-industrija tas-sajd;
26. Jappoġġja l-inizjattiva li tintroduċi kodiċi ta' etika fuq il-kummerċ fil-prodotti tal-ħut tal-Komunità Ewropea;
27. Japporova l-opinjoni skond liema l-etika ekoloġika tista tiffaċilta d-divrenzjar tal-prodotti u tikkontribwixxi għall-kummerċ sostenibbli tal-prodotti tal-ħut;
28. Jitlob lill-Kummissjoni tistudja l-mekkaniżmi - l-għajnuna għall-konsumaturi, per eżempju - mekkaniżmi adattati biex jippromwovu l-prodotti ta' ħut ipproċessat b'valur miżjud ikbar, speċjalment ħut tal-bott, bl-istess mod ta' ċertu prodotti agrikoli;
29. Jitlob immedjatament lill-Kummissjoni tistenna l-promozzjoni esterna tal-prodotti tal-ħut komunitarji bħal ħut tal-bott, filwaqt li tiffinanzja speċjalment il-preżentazzjoni tagħhom f'espożizzjonijiet u fieri internazzjonali;
30. Iqis li hu importanti li l-Kummissjoni tippreżenta studju dwar l-impatt tal-produzzjoni ta' l-akwakultura tal-Komunità u ta' l-importazzjoni fuq il-prezz tal-ħut u b'mod partikolari fuq il-prezz ta' l-ewwel bejgħ;
31. Jitlob lill-Kummissjoni tadotta miżuri li permezz tagħhom, il-prodotti tal-ħut importati u kkummerċjalizzati fis-suq intern ikunu suġġetti għall-istess obbligazzjonijiet bħal prodotti tal-ħut tal-Komunità;
32. Iqis għaqli li wieħed jinvesti fit-titjib tal-'handling' tal-ħut abbord speċjalment permezz ta' għajnuna għal investimenti f'sistemi ta' tkessiħ li jista' jgħolli l-prezz ta' l-ewwel bejgħ;
Mistoqsijiet finanzjarji
33. Huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta' riżorsi finanzjarji allokati għall-industrija tas-sajd fil-qafas finanzjarju 2007-2013 u b'mod partikolari għall-EFF u jqis li huwa indispensabbli li jżid dawn ir-riżorsi jekk wieħed irid jirrispondi għall-kriżi li attwalment qed jaffaċċja dan is-settur;
Sostenibbiltà tar-riżorsi
34. Jitlob għal darba oħra lill-Kummissjoni tadotta approċċ aktar globali tal-miżuri għall-ħarsien ta' l-ambjent marittimu u għar-rikostruzzjoni ta' l-istokks tal-ħut filwaqt li jikkunsidra u jeżamina fatturi oħra li għandhom impatt konsiderevoli fuq l-ambjent marittimu u l-istat tar-riżorsi tas-sajd (it-tniġġiż tal-kosta u tal-baħar, id-drenaġġ industrijali u tal-biedja, il-ħama f'qiegħ il-baħar jew it-trasport marittimu), filwaqt li jtemm is-sistemi amministrattivi preżenti; jitlob lill-Kummissjoni tieħu inizjattiva Komunitarja f'dan il-qasam;
35. Josserva l-bżonn li jintlaħaq bilanċ bejn is-sitwazzjoni soċjo-ekonomika u s-sostenibbiltà ambjentali u li bl-istess mod hemm bżonn li jiġi attivat mekkaniżmu li jissussidja jew li jikkumpensa s-sajjieda li ġew affettwati mill-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-programmi għar-rikostruzzjoni ta' l-istokks tal-ħut u miżuri oħra filwaqt li jinforza l-ħarsien ta' l-ekosistemi fir-reġjuni l-aktar żvantaġġati;
36. Jenfasizza l-ħtieġa li jinħoloq reġim legali li jsolvi l-problema tal-qbid tal-ħut f'zoni tas-sajd żgħar minn bastimenti kbar b'tagħmir tas-sajd ikbar milli suppost;
37. Jenfasizza li t-tnaqqis ta' l-isforz u tal-kapaċità tas-sajd għandhom jinbdew bil-ħsieb li tkun ippreservata l-industrija tas-sajd għal żmien twil;
38. Huwa persważ li l-problemi soċjali u ekonomiċi li qed tiltaqa' magħhom l-industrija tas-sajd Ewropea ma jistgħux jissolvew mingħajr tmexxija aħjar ta' l-attivitajiet tas-sajd li jippermettu r-rikostruzzjoni ta' l-istokk tal-ħut, minħabba li mingħajr ħut ma jistax ikun hemm sajd;
39. Jenfasizza li l-adattament tal-flotot nazzjonali għar-riżorsi eżistenti għandhom jikkunsidraw it-tnaqqis fl-isforz għas-sajd li diġà sar;
40. Ifakkar li l-miżuri kollha għar-rikostruzzjoni tar-riżorsi tas-sajd għandhom ikunu adottati flimkien ma' konsultazzjoni mas-sajjieda u bbażata fuq riċerka xjentifika dwar is-sajd;
41. Jitlob lill-Kummissjoni tiddistingwi bejn it-tekniki tas-sajd u l-użi tagħhom; jenfasizza li l-prattika ta' ċerti tekniki tas-sajd meqjusa bħala li jagħmlu ħsara lill-industrija jistgħu jkunu inklużi fil-qafas ta' sajd artiġjanali sostenibbli kif ukoll jippermettu li l-komunitajiet tas-sajjieda li tant naqqsu mill-attività tagħhom li kważi sparixxew, ikomplu jeżistu;
42. Jitlob lill-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-attivitajiet tas-sajd mhumiex iżolati waħda mill-oħra iżda jiffurmaw parti minn sistema wiesa' fuq livell reġjonali ta' l-użu massimu tar-riżorsi; jenfasizza li l-miżuri restrittivi (projbizzjoni jew limitazzjoni) imposti fuq kategorija waħda ta' l-attivitajiet joħolqu żbilanċ u r-riżultat ikun li l-isforz għas-sajd jitrasferixxi ruħu fuq speċi oħra, b'konsegwenzi soċjali u ekonomiċi serji għall-komunitajiet tas-sajjieda u għal ċerti speċi li tagħhom kien diġà qed isir sajd iktar milli suppost;
Sajd Illegali
43. Iqis li huwa fundamentali li jiġu adottati miżuri maħsuba biex jiġġieldu s-sajd illegali, mhux dikjarat u mhux regolatorju; jistieden immedjatament lill-Istati Membri jinfurzaw il-mekkaniżmi għall-kontroll tagħhom f'dan il-qasam; iqis li l-infurzar tal-kontrolli fuq il-fruntieri ta' l-Unjoni huma indispensabbli jekk wieħed irid jipprevjeni d-dħul fl-Unjoni ta' ħut li nqabad illegalment;
44. Jitlob lill-Kummissjoni tivverifika d-dispożizzjonijiet eżistenti tas-CFP relatati mas-sajd illegali, mhux dikjarat u mhux regolatorju; jenfasizza l-bżonn urġenti li jiġu elaborati r-regolamenti li jipprevjenu li persentaġġ sinifikanti tal-qabdiet tal-ħut ikunu skartati;
Riċerka
45. Jenfasizza l-bżonn li jiġi promoss l-investiment permezz ta' l-EFF u tas-7 Programm Qafas tal-Komunità fl-attivitajiet tar-riċerka, fl-żvilupp teknoloġiku u fl-attivitajiet ta' dimostrazzjoni li jikkontribwixxu għat-tnaqqis fl-intensità ta' l-enerġija ta' l-industrija tas-sajd żieda fl-effiċjenza ta' l-enerġija;
46. Iqis importanti li jiġu eżaminati l-possibiltajiet għat-tibdil ta' ċertu tipu ta' żejt kif ukoll tas-sinerġiji li jistgħu jinsabu fil-biedja għas-settur ta' l-enerġija;
47. Jenfasizza li huwa importanti li, fis-seba' programm ta' qafas tal-Komunita?, fil-qasam tar-riċerka, ta' l-iżvilupp teknoloġiku u ta' l-attivitajiet dimostrattivi, l-attenzjoni tingħata mitfugħa b'mod ċar fuq ir-riżorsi tal-baħar u tas-sajd, u li jkun previst finanzjament xieraq għal dan is-settur;
L-amministrazzjoni tas-CFP
48. Jinnota l-proposti tal-Kummissjoni rigward l-amministrazzjoni ekomonika tas-sajd, iżda jfakkar li d-distribuzzjoni tal-kwoti u d-drittijiet tas-sajd huma kompetenzi esklussivi ta' l-Istati Membri;
Parteċipazzjoni fit-tmexxija tas-CFP
49. Jenfasizza li l-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali jista' jkollhom rwol importanti fil-parteċipazzjoni tas-sajjieda fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tas-CFP; jenfasizza li huwa importanti li dawn il-Kunsilli jirċievu għajnuna Komunitarja biex ikunu jistgħu joperaw li għandha tiġi evalwata mill-ġdid fi żmien ħames snin;
50. Jinsisti fuq il-bżonn li s-sajjieda jiġu appoġġjati u li l-organizzazzjonijiet professjonali huma lesti li jaqsmu r-responsabbiltà fl-implimentazzjoni tas-CFP (ko-amministrazzjoni);
51. Jitlob li s-CFP tkun aktar deċentralizzata sabiex tiggarantixxi l-parteċipazzjoni ikbar tas-sajjieda, ta' l-organizzazzjonijiet li jirrapreżentawhom u tal-komunitajiet tas-sajjieda fis-CFP u t-titjib ta' l-amministrazzjoni tas-sajd;
52. Jenfasizza l-bżonn li jiġu regolamentati aħjar is-swieq tal-ħut permezz ta' sistema ta' kontroll effikaċi, ta' programm ta' tikettar ekoloġiku u l-ħolqien ta' kodiċi ġuridiku speċifiku għall-industrija tas-sajd;
o o o
53. Jitlob lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-Parlamenti ta l-Istati Membri.