Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2137(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0272/2006

Testi mressqa :

A6-0272/2006

Dibattiti :

PV 11/10/2006 - 20
CRE 11/10/2006 - 20

Votazzjonijiet :

PV 12/10/2006 - 7.26
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2006)0418

Testi adottati
PDF 235kWORD 57k
Il-Ħamis, 12 ta' Ottubru 2006 - Brussell
Segwitu tar-rapport dwar il-kompetizzjoni fis-servizzi professjonali
P6_TA(2006)0418A6-0272/2006

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-segwitu tar-rapport dwar il-kompetizzjoni fis-servizzi professjonali (2006/2137(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Rapport dwar il-Kompetizzjoni fis-Servizzi Professjonali" (COM(2004)0083),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, "Servizzi Professjonali - Skop għal aktar Riformi - Segwitu tar-Rapport dwar il-Kompetizzjoni fis-Servizzi Professjonali" (COM(2005)0405),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 6, 43, 45, 49 u 81 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Jannar 1994 dwar l-istat u l-organizzazzjoni tal-professjoni ta' nutar fit-tnax-il Stat Membru tal-Komunità(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2001 dwar ħlasijiet fuq skala u dwar tariffi obbligatorji għal ċerti professjonijiet liberali, b'mod partikulari l-avukati, u dwar l-irwol u l-pożizzjoni partikulari tal-professjonijiet liberali fis-soċjetà moderna(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2003 dwar regolamenti tas-suq u regoli dwar il-kompetizzjoni għall-professjonijiet liberali(3),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Marzu 2006 dwar il-professjonijiet legali u l-interess ġenerali fit-tħaddim tas-sistemi legali(4),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 77/249/KEE tat-22 ta' Marzu 1977 biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi minn avukati(5),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 98/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 sabiex tkun iffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta' avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri minbarra dak fejn kienet miksuba l-kwalifika(6),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/8/KE tas-27 ta' Jannar 2003 biex ittejjeb l-aċċess għal ġustizzja f'tilwimiet bejn il-konfini billi tistabbilixxi regoli komuni minimi konnessi ma' għajnuna legali għal tilwimiet bħal dawn(7),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar l-għarfien ta' kwalifiki professjonali(8),

–   wara li kkunsidra l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fl-oqsma tal-liġi dwar il-kompetizzjoni u l-libertà tas-servizzi fil-Komunità, b'mod partikulari fir-rigward ta' dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ħlasijiet minimi,

‐   wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiki kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern(9),

–   wara li kkunsidra r-rapport ta' l-Istitut għal Studji Avvanzati (IHS) magħmul f'isem il-Kummissjoni, "L-Impatt Ekonomiku tar-Regolamentazzjoni fil-qasam tal-Professjonijiet Liberali fi Stati Membri differenti", ta' Jannar 2003,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6-0272/2006),

A.   billi f'Marzu 2000 il-Kunsill Ewropew ta' Liżbona adotta programm ta' riforma bl-objettiv li sa l-2010 l-UE ssir l-ekonomija l-iktar kompetittiva u dinamika msejsa fuq l-għarfien fid-dinja, kapaċi li ssostni tkabbir ekonomiku b'aktar u aqwa impjiegi u b'aktar koeżjoni soċjali, u b'rispett għall-ambjent (Aġenda ta' Liżbona),

B.   billi r-rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli ta' Novembru 2004, presjedut minn Wim Kok, "Niffaċċaw l-isfidi - L-Istrateġija ta' Liżbona għat-tkabbir u l-impjieg", enfasizza l-importanza tat-tneħħija tar-regolamenti fis-swieq kollha u t-tneħħija ta' burokrazija mhux meħtieġa sabiex il-kompetizzjoni tissaħħaħ,

C.   billi f'Marzu 2005, fir-reviżjoni ta' nofs it-terminu ta' l-aġenda ta' Liżbona, il-Kunsill Ewropew stabbilixxa l-ħtieġa għal spinta ġdida u li jkun hemm enfasi fuq it-tkabbir u x-xogħol u ħeġġet lill-Istati Membri biex jippreżentaw programmi nazzjonali ta' riforma sabiex jippromwovu t-tkabbir u x-xogħol,

D.   billi s-servizzi, li huma l-mutur ewlieni għat-tkabbir fl-UE, għandhom rwol importanti fit-titjib tal-kompetittività ta' l-ekonomija fl-Ewropa,

E.   billi s-servizzi professjonali għandhom jiġu inklużi fl-isforzi ta' riforma, peress li huma qasam ewlieni fl-ekonomija ta' l-Ewropa,

F.   billi, permezz tal-prinċipju ta' sussidjarjetà, huwa f'idejn l-Istati Membri biex jiddeċiedu jekk jixtiequx jirregolaw il-professjonijiet b'mod dirett permezz ta' regoli nazzjonali jew li jippermettu li ssir awtoregolamentazzjoni mill-korpi professjonali,

G.   billi għal dawn l-aħħar ftit snin il-Kummissjoni qed tmexxi djalogu ma' l-Istati Membri u korpi professjonali dwar it-tneħħija ta' ostakoli għall-kompetizzjoni, li wassal għal adozzjoni ta' miżuri ta' tneħħija tar-regolamentazzjoni u għal inizjattivi ta' riforma ġodda,

H.   billi, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà, l-Istati Membri u korpi professjonali nazzjonali għal fornituri ta' servizzi għandhom rwol prominenti fl-isforzi biex isiru r-riformi,

I.   billi organizzazzjonijiet professjonali, korpi professjonali oħrajn, organizzazzjonijiet tal-konsumatur u ta' l-utent, u l-partijiet interessati rilevanti kollha jeħtieġ li jkunu involuti fil-proċess b'mod ibbilanċjat,

J.   billi regolamenti speċifiċi huma leġittimi minħabba n-nuqqas ta' simetrija fl-informazzjoni bejn il-klijenti u l-fornituri tas-servizz, il-fatt li ċerti servizzi professjonali jitqiesu li jipprovdu prodotti pubbliċi u l-fatt li l-forniment ta' servizzi professjonali jista' jintrabat ma' elementi esterni,

K.   billi l-eżerċizzju ta' inventarju tas-servizzi professjonali mitluba mill-Kummissjoni fl-2002/2003 ma jirriflettix aktar is-sitwazzjoni attwali ta' regolamentazzjoni fl-Istati Membri individwali u għalhekk qiegħed jostakola evalwazzjoni ta' l-isforzi ta' riforma,

L.   billi l-Kummissjoni naqset milli tindirizza l-konsegwenza ta' riforma sistematika favur il-kompetizzjoni fil-qasam tas-servizzi professjonali fir-rigward tal-ħolqien tax-xogħol u t-tkabbir ulterjuri,

M.   billi objettivi u benchmarks ċari bbażati fuq l-evidenza xjentifika ser isaħħu l-konvinzjoni ta' dawk involuti fil-proċess ta' riforma dwar il-ħtieġa għal sforzi ta' riforma,

N.   billi l-prijorità fundamentali tar-riforma għandha tkun li tipprovdi aċċess usa' u aktar faċli għall-konsumaturi, waqt li fl-istess ħin tiżgura l-kwalità u l-effiċjenza f'termini ta' spiża ta' dawn is-servizzi,

O.   billi għad hemm differenzi sostanzjali fil-punt sa fejn il-kategoriji professjonali varji irnexxielhom jiftħu s-suq,

P.   billi d-Direttiva 2005/36/KE tistabbilixxi regoli skond liema Stati Membri li jospitaw jorbtu l-aċċess jew it-twettiq ta' professjoni rregolata fit-territorju tagħhom mal-pussess ta' kwalifiki professjonali speċifiċi,

1.  Jilqa' d-djalogu bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-korpi professjonali tal-fornituri ta' servizzi professjonali bil-għan li jitneħħew dawk l-ostakoli għall-kompetizzjoni li mhumiex ġustifikati jew li huma ta' ħsara għas-segwitu ta' l-interess ġenerali u r-regoli li huma kontra l-interessi tal-konsumaturi u fl-aħħar mill-aħħar tal-fornituri nfushom,

2.  Jistieden lil dawk kollha involuti fil-proċess ta' riforma biex isegwuha b'mod kostruttiv;

3.  Jirrikonoxxi d-dritt għar-regolazzjoni minħabba karatteristiċi tradizzjonali, ġeografiċi u demografiċi; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li għandhom jintgħażlu regoli li jillimitaw mill-inqas il-kompetizzjoni u li, fis-sistema eżistenti, wieħed għandu jippromwovi proċessi ta' riforma fil-kontenut, li jgħinu sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' Liżbona;

4.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jeżaminaw b'mod kostruttiv l-esperjenza prattika ta' Stati Membri oħrajn fil-proċess tar-riforma tas-servizzi professjonali sabiex jiksbu l-ikbar benefiċċju possibbli mill-isforzi ta' riforma tagħhom stess;

5.  Jikkunsidra li n-natura mandatorja tar-rati fissi jew minimi u l-projbizzjoni tan-negozjar ta' tariffi bbażati fuq ir-riżultat miksub jista' jkun ta' ħsara għall-kwalità tas-servizz lill-pubbliku u għall-kompetizzjoni; Jistieden lill-Istati Membri sabiex jegħlbu l-irbit, b'miżuri li huma anqas ristrettivi u li aktarx jikkonformaw aktar mal-prinċipji ta' non-diskriminizzjoni, ta' bżonn u ta' proporzjonalità, billi jwaqqfu mekkaniżmi sabiex jikkonsultaw mal-partijiet interessati;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li d-dispożizzjonijiet tat-trattat dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni u s-suq intern jiġu osservati b'mod xieraq fil-qasam tal-professjonijiet liberali;

7.  Huwa tal-fehma li l-awtoregolamentazzjoni jew ir-regolamentazzjoni effettiva u trasparenti tal-fornituri ta' servizzi, li jivvalutaw bil-quddiem l-impatt ta' miżuri meħuda, jimmonitorjawhom u jirfinawhom fejn huwa meħtieġ, huwa mezz xieraq ta' kif jintlaħqu r-rekwiżiti ta' l-Istrateġija ta' Liżbona; jaħseb li l-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-immonitorjar tal-kamp ta' applikazzjoni ta' l-awtoregolamentazzjoni nazzjonali sabiex tkun evitata l-ħsara lill-interessi tal-konsumatur jew ħsara għall-interess ġenerali;

8.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw aċċess u mobilità fir-rigward tas-servizzi professjonali u sabiex titħaffef it-tranżizzjoni mill-università u mill-edukazzjoni speċjalizzata lejn il-professjonijiet;

9.  Iqis li huwa neċessarju li, sabiex jissaħħu l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju u sabiex tiżdied il-kapaċità għall-innovazzjoni u l-kompetittività tas-servizzi professjonali, jiġu eliminati restrizzjonijiet fuq il-kamp ta' applikazzjoni tal-koperazzjoni u li jiġi ffaċilitat l-istabbiliment ta' fornituri ta' servizzi interprofessjonali;

10.  Iqis li huwa importanti li jittejbu l-istandards etiċi u l-ħarsien tal-konsumatur fil-qasam tas-servizzi professjonali u jappoġġja l-adozzjoni ta' kodiċijiet ta' kondotta mill-fornituri ta' servizzi professjonali, li jitfasslu bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati rilevanti kollha;

11.  Jirrimarka li fil-biċċa l-kbira, regolamenti speċjali fil-qasam tar-reklamar jistgħu jitneħħew u li regolamenti bħal dawn għandhom jiġu limitati fil-ġejjieni għal każijiet eċċezzjonali li huma ġġustifikati sew; jirrimarka wkoll li l-kontinwità tar-regolamenti speċjali fil-qasam tar-reklamar għandha tiġi limitata għal każijiet eċċezzjonali li huma ġġustifikati sew u li t-tnaqqis fir-regolamentazzjoni għandu jkollu l-għan li jgħin lill-professjonijiet biex jgħarrfu l-utenti tas-servizzi li huma joffru, permezz tar-reklamar, u jipprovdu lill-konsumaturi b'tagħrif dwar il-kwalifiki u speċjalizzazzjonijiet professjonali tagħhom u dwar in-natura u l-prezz tas-servizzi offruti;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni biex turi kemm jistgħu jkunu mistennija żjieda fl-impjiegi ġodda u tkabbir addizzjonali minn riforma sistematika favur il-kompetizzjoni fis-settur;

13.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex teżamina b'iktar reqqa d-differenzi fil-punt sa liema l-kategoriji professjonali varji f'kull Stat Membru fetħu s-suq u l-impatt mistenni mit-tneħħija sħiħa ta' ostakoli mhux neċessarji għall-kompetizzjoni, inkluża evalwazzjoni ta' l-impatt mistenni fuq l-oqsma professjonali li għandhom riżorsi limitati jew li huma ristretti għal ċerti reġjuni;

14.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex twessa' l-kamp ta' applikazzjoni ta' l-analiżi tagħha fir-rigward tat-tqassim tal-protezzjoni regolatorja skond il-kategorija tal-grupp tal-konsumatur billi tħares mill-qrib lejn intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u billi tindirizza u tistudja aktar mill-qrib il-fatt li d-domanda għal servizzi professjonali mill-awtoritajiet pubbliċi mhix omoġenja, iżda toriġina minn ħafna unitajiet żgħar li jaġixxu indipendentement u fuq livelli differenti ta' intensità, aspett li għandu jiġi studjat iktar fil-fond;

15.  Jirrimarka li t-tqassim tal-protezzjoni regolatorja skond il-kategoriji individwali tal-konsumatur ma jqisx il-fatt li l-leġittimità tar-regoli hija derivata mill-fatt li elementi esterni jafu jkunu involuti fil-forniment tas-servizzi professjonali u li ċerti servizzi professjoni jafu jiġu meqjusa bħala prodotti pubbliċi;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 44, 14.2.1994, p. 36.
(2) ĠU C 21 E, 24.1.2002, p. 364.
(3) ĠU C 91 E, 15.4.2004, p. 126.
(4) Testi Adottati, P6_TA(2006)0108.
(5) ĠU L 78, 26.3.1977, p. 17.
(6) ĠU L 77, 14.3.1998, p. 36.
(7) ĠU L 26, 31.1.2003, p. 41.
(8) ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.
(9) ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22.

Avviż legali - Politika tal-privatezza