Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2085(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0299/2006

Testi mressqa :

A6-0299/2006

Dibattiti :

PV 25/10/2006 - 16
CRE 25/10/2006 - 16

Votazzjonijiet :

PV 26/10/2006 - 6.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2006)0461

Testi adottati
PDF 318kWORD 68k
Il-Ħamis, 26 ta' Ottubru 2006 - Strasburgu
Trasport fl-ilmijiet navigabbli interni
P6_TA(2006)0461A6-0299/2006

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-promozzjoni ta' trasport fl-ilmijiet navigabbli interni: NAIADES, Programm ta' Azzjoni Ewropew integrat għat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni (2006/2085(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-promozzjoni tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni: NAIADES (COM(2006)0006),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 718/1999 tad-29 ta' Marzu 1999 dwar politika ta' kapaċità tal-flotta Komunitarja sabiex ikun promoss it-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni(1),

–   wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni 'Politika Ewropea għat-Trasport għall-2010: żmien għad-deċiżjoni" (COM(2001)0370),

–   wara li kkunsidra r-riżultati tal-laqgħa għolja li saret li Vjenna mit-13 sal-15 ta' Frar 2006 dwar navigazzjoni fl-ilmijiet interni,

–   wara li kkunsidra l-aġenda ta' Liżbona dwar l-impjieġi u t-tkabbir,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu(A6-0299/2006),

A.   billi r-ritmu tat-trasport mistenni jiżdied u l-kanali interni għad għandhom ħafna kapaċità li mhix użata x'joffru u jistgħu jikkontribwixxu għal soluzzjonijiet kompetittivi ta' trasport li jużaw diversi sistemi,

B.   billi, fl-Ewropa hemm bżonn ta' viżjoni ikbar sabiex tiġi utilizzata aħjar il-kapaċità tal-kanali interni li mhumiex użati u l-potenzjal tas-suq tan-navigazzjoni interna kemm iżolata u kemm bħala parti mill-ktajjen ta' trasport multimodali fl-Ewropa inklużi permezz ta' l-involviment tas-setturi pubbliċi u privati fuq livell nazzjonali jew tal-Komunità u sabiex jogħla l-volum tat-trasport permezz ta' kanali interni bi spejjeż infrastrutturali relattivament baxxi,

C.   billi sabiex tijieb il-kompetittività u l-iżvilupp tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli huwa ta' importanza essenzjali li jkun hemm koperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni, il-Kummissjonijiet tax-Xmajjar, l-Istati Membri u l-partijiet privati interessati kollha;

Il-Programm ta' Azzjoni NAIADES

1.  Jirrikonoxxi li s-sistema Ewropea tat-trasport qed tkun dejjem iffaċċjata bi problemi ta' kapaċità, li jwasslu għal konġestjoni u ttardjar, u li t-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni (IWT) jista' jgħin fit-tnaqqis ta' din il-konġestjoni, fit-titjib tat-trasport tal-merkanzija b'mod sikur, u jikkontribwixxi lejn aktar effiċjenza u użu aħjar ta' l-enerġija u jipproteġi l-ambjent;

2.  Jappoġġja għalhekk, l-inizjattiva tal-Kummissjoni li twaqqaf programm ta' azzjoni Ewropew integrat għat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni: NAIADES (Azzjoni u żvilupp tan-navigazzjoni u ilmijiet interni fl-Ewropa);

3.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżviluppaw aktar il-politiki nazzjonali biex jistimulaw l-IWT, tenut kont tal-Programm ta' Azzjoni Ewropew u sabiex jinkoraġixxi lill-awtoritajiet reġjonali, lokali u tal-portijiet sabiex jagħmlu l-istess;

Is-swieq

4.  Jenfasizza li s-swieq eżistenti għandhom ikunu kkonsolidati, b'mod partikolari billi jkun hemm infrastruttura aktar affidabbli u integrata aħjar fil-katina tal-provvista kollha;

5.  Jenfasizza li l-kollegamenti ma' l-Istati Membri ġodda fl-Ewropa tal-Lvant u Ċentrali kif ukoll dawk mar-Rumanija u l-Bulgarija għandhom ikunu żviluppati u miġjuba f'konformità mat-teknolġija kurrenti, li jfisser li għandhom ikunu kkunsidrati miżuri ta' infrastruttura addizjonali u għandhom jittieħdu miżuri intermodali u interoperattivi;

6.  Jenfasizza l-bżonn li jiġu żviluppati opportunitajiet għal servizzi multimodali innovattivi, sabiex jinbnew swieq ġodda li fihom tkun essenzjali l-koperazzjoni fost l-operatuti u l-utilizzaturi IWT u l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, fid-dawl tal-fatt li s-settur huwa magħmul prinċiparjament minn negozji żgħar, sabiex itejbu l-aċċess għall-finanzi, speċjalment ir-riskju kapitali, bħala bidu, u jikkunsidraw b'mod sħiħ l-istruttura speċifika tas-settur fl-ippjanifikar u t-twettiq tal-miżuri rilevanti ;

8.  F'dan ir-rigward jappoġġja b'mod sħiħ l-inizjattiva tal-Kummissjoni sabiex tipprovdi sorsi ta' informazzjoni dwar il-kwistjoni ta' l-iffinanzjar, bħal eżempju, manwal għall-iffinanzjar li jinkludi lista ta' strumenti ta' għajnuna Ewropea, nazzjonali u reġjonali għall-IWT, u jkopri, jekk xieraq, l-iffinanzjar mill-Fond Ewropew għall-Investiment;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tippubblika mill-aktar fis possibli linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-iskemi ta' appoġġ ta' l-IWT u tadotta regoli de minimis li jikkunsidraw il-bżonn tas-settur tan-navigazzjoni interna;

10.  Jilqa' l-pjan tal-Kummissjoni li teżamina ostakoli fuq livell nazzjonali u Ewropew li jfixklu l-iżvilupp ta' l-IWT; jitlob lill-partijiet pubbliċi u privati kollha involuti sabiex jikkontribwixxu għal din l-eżaminazzjoni, sabiex jeżaminaw ukoll is-soluzzjonijiet potenzjali u jfittxu l-aħjar prattiki, bir-riżultati ta' l-eżaminazzjoni jiġu kkunsidrati fil-preparazzjoni tal-leġiżlazzjoni futura jew meta jkunu qed jiġu kkunsidrati miżuri ġodda;

11.  Jenfasizza li għandhom jitneħħew l-ostakli amministrattivi u għandhom jiġu ssimplifikati l-proċeduri, b'mod partikulari billi jsir l-aħjar użu mill-komunikazzjoni elettronika u billi jkunu stabbiliti ċentri apposta li jservu għal kollox; jemmen li għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-proċeduri tal-portijiet fl-ibħra u portijiet interni kif ukoll għal-leġiżlazzjoni dwar l-ambjent, l-iskart u s-sikurezza ta' l-ikel li twassal għal sfrattu tal-proċessi loġistiċi;

L-infrastruttura

12.  Jenfasizza li l-affidabilità tan-netwerk ta' l-ilmijiet navigabbli interni u d-disponibbilità ta' portijiet b'ħafna funzjonijiet (interni) huma l-aktar kundizzjonijiet importanti għal aktar żvilupp ta' l-IWT fuq kollox bħala parti mill-ktajjen tat-trasport tal-merkanzija multimodali fis-settur f'dak li jirrigwarda l-aspetti tekniċi u ekonomiċi u jenfasizza b'mod partikulari r-responsabbilità ta' l-Istati Membri li jżidu l-isforzi tagħhom sabiex jiżguraw infrastruttura affidabbli u fl-istess ħin jikkunsidraw ir-riskji u l-aspetti ambjentali;

13.  Jinsisti li għandha tingħata attenzjoni partikulari lill-iżvilupp ta' ilmijiet navigabbli fl-Istati Membri l-ġodda u fil-pajjiżi ta' l-adeżjoni, għax hemm aktar ħtieġa li tingħata attenzjoni lill-ilmijiet navigabbli f'dawn il-pajjiżi milli fl-Istati Membri l-oħra;

14.  Jenfasizza l-importanza tas-Servizzi ta' Informazzjoni dwar ix-Xmajjar (RIS) fil-kontribut għal użu aktar effiċjenti u sikur tan-netwerk ta' l-ilmijiet navigabbli interni u l-konnessjonijiet tagħha ma' modi oħra ta' trasport; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jinkludu s-Servizzi ta' Informazzjoni dwar ix-Xmajjar fil-programm multiannwali indikattiv tat-TEN-T u sabiex jagħmlu użu sħiħ mill-potenzjal ta' dawn is-Servizzi sabiex tintlaħaq loġistika sostenibbli;

15.  Jenfasizza l-bżonn li s-sistema tal-kanali tkun integrata man-navigazzjoni marittima billi jkun żviluppat aċċess għall-baħar, ikunu mtejba l-punti ta' interazzjoni bejn il-kanali interni u s-sistemi marittimi, u jsir investiment f'bastimenti tajbin għall-kanali u għall-baħar, inkluż bastimenti b'disinn innovattiv;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni b'koperazzjoni ma' l-Istati Membri sabiex tħejji, bi sħubija ma' xi pajjiżi terzi involuti, Pjan ta' Żvilupp Ewropew li jkun jinkludi inventarju aġġornat ta' l-infrastruttura tal-kanali interni Ewropej u sabiex tipprovdi aktar informazzjoni dwar il-kanali u l-bżonn ta' manutenzjoni u titjib strutturali ieħor fl-infrastruttura; jistieden ukoll lill-Kummissjoni, permezz ta' dan, biex tuża r-riżultati ta' l-istudji xjentifiċi eżistenti u tar-rapporti ta' l-esperti ta' l-Istati Membri;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex taħtar, mhux aktar tard mill-aħħar tas-sena 2006, kordinatur Ewropew TEN-T għat-trasport fl-ilmijiet interni sabiex jappoġġja l-implimentazzjoni tal-proġetti ta' prijorità għat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni TEN-T, ibbażati fuq l-esperjenza tal-kordinaturi attwali;

18.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex jagħtu rata preferenzjali għola ta' mill-inqas 20% lill-proġetti ta' kanali interni ta' interess komuni u sabiex jagħtu prijorità akbar lill-proġetti ta' kanali interni ta' interess komuni fil-programm multi-annwali TEN-T;

19.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jikkunsidraw il-potenzjal tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni fir-rigward ta' l-ippjanar għall-użu ta' l-art u fil-politiki ekonomiċi fuq il-livelli federali, reġjonali u lokali sabiex jinkoraġixxu b'mod attiv l-iżvilupp ta' siti kummerċjali u loġistiċi fiz-zoni tax-xtut, u jikkunsidraw it-trasport sostenibbli u l-ħolqien ta' impjiegi fl-industrija u fid-distribuzzjoni, u sabiex tingħata prijorità lill-kanali żgħar li għandhom potenzjal li għadu mhux użat sabiex itejbu l-mobbiltà tal-merkanzija;

Il-flotta

20.  Ifakkar il-bżonn li fl-2007 ikunu ffissati limiti Komunitarji aktar stretti għall-emmissjonijiet SOx, PM, NOx u CO2, b'mod partikulari billi jkun promoss il-fjuwil b'livell baxx ta' sulfur; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jipprovdu inċentivi li jħaffu l-introduzzjoni u l-użu ta' magni effiċjenti fl-użu tal-fjuwil u li jirrispettaw l-ambjent (komparabbli ma' l-Euro VI) fl-IWT sabiex titjieb l-effikaċja ta' l-enerġija tiegħu;

21.  Filwaqt li jirrikonoxxi li l-emmissjonijiet huma konnessi mill-qrib mal-kwalità tal-fjuwil disponibbli fis-suq, jistieden lill-Kummissjoni sabiex mill-aktar fis possibbli tippreżenta proposta li tiffissa standards aktar stretti għall-fjuwils użati fit-tbaħħir intern;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex fl-2007 tippreżenta proposta għal Fond Ewropew għall-Innovazzjoni tat-Trasport fil-Kanali li jiffinanzja l-investimenti ġodda bbażati fuq id-domanda u fuq il-kunċetti ġodda ta' interess Ewropew fl-oqsma tal-loġistika, tat-teknoloġija u ta' l-ambjent li jeżiġu koperazzjoni bejn il-fruntieri u interoperabbiltà, hu tal-fehma li dan il-fond li, bħala strument prinċipali tal-Programm ta' Azzjoni NAIADES, għandu jkun iffinanzjat f'terz tiegħu mis-settur (il-Fond ta' Riserva għat-Trasport fl-Ilmijiet Interni eżistenti, maħluq bir-Regolament (KE) Nru 718/1999) bħala mezz ta' ko-finanzjament, f'terz ieħor mill-UE, u fl-aħħar terz mill-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tfassal, b'koperazzjoni mill-qrib mas-settur, il-kundizzjonijiet li taħthom dan il-fond għandu jkun stabbilit; jinnota li l-appoġġ għal uffiċċji ta informazzjoni għandhom jitqiesu bħala għażla;

23.  Jenfasizza l-bżonn li jkun imħeġġeġ l-iżvilupp ta' bastimenti aktar nodfa u aktar effiċjenti skond il-Programm tas-Seba' Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp. jinnota f'dan ir-rigward l-iżvilupp fil-bini ta' vapuri sabiex jintużaw f'diversi tipi ta' ilmijiet, inkluż f'baħar mhux fond, li jista' jippromwovi l-IWT anke f'ibħra li għandhom livell ta' ilma baxx jew li jvarja, mingħajr ma jagħmel ħsara lill-ambjent naturali; jikkunsidra li f'dan ir-rigward għandhom ikunu eżaminati b'mod partikulari t-teknoloġiji ta' l-informatika u tal-komunikazzjoni u d-disinn ta' bastimenti ekwipaġġjati li jirrispettaw l-ambjent;

L-impjiegi, is- snajja' u l- immaġni

24.  Jirrikonoxxi li n-nuqqas ta' imprendituri u staff qed issir problema għas-settur ta' l-IWT meta wieħed iqis li l-istaff qed jikbru fl-età u l-impjegati l-ġodda ma tantx għandhom x'jiġbidhom;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex ikomplu l-isforzi tagħhom sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' l-ekwipaġġ u ċ-ċertifikati tal-piloti u sabiex jippromwovu rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki, eż. permezz tal-Qafas Ewropew għall-Kwalifiki;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kummissjonijiet tax-Xmajjar u lill-Istati Membri sabiex jiżviluppaw, b'koperazzjoni mas-settur, programmi ta' taħriġ moderni u ffukati fuq is-settur, fejn possibbli billi jintużaw standards ta' taħriġ komuni, kif ukoll b'koperazzjoni mal-programmi ta' taħriġ marittimu bħall-"Leadership", sabiex iħajjru ħaddiema ġodda jaħdmu f'ambjent internazzjonali u joffru prospettivi għal karriera attraenti;

27.  Jenfasizza l-importanza li tiġi infurzata l-leġiżlazzjoni soċjali sabiex jiġu ssalvagwardjati kundizzjonijiet tajba ta' xogħol;

28.  Jinnota li għad hemm nuqqas ta' kuxjenza dwar il-possibiltajiet tal-ġarr ta' oġġetti permezz ta' l-IWT b'mod partikolari rigward il-flessibiltà u s-sostenibbiltà ta' l-IWT;

29.  Jirrikonoxxi li sabiex l-IWT jkun utilizzat b'mod sħiħ u jkun suċċess, hemm bżonn li l-possibilitajiet u l-valur ekonomiku tiegħu jkunu spjegati u mxandra; jitlob għalhekk appoġġ għall-uffiċċji eżistenti ta' promozzjoni ta' l-IWT u għall-ħolqien ta' uffiċċji ġodda fl-Istati Membri b'potenzjal għall-IWT u għal pariri u inkoraġġiment lill-utenti tat-trasport sabiex jużaw it-tbaħħir intern u għal appoġġ lill-awtoritajiet fl-identifikazzjoni tal-problemi u fid-definizzjoni tal-politiki;

30.  Jipproponi li dan in-netwerk Ewropew għall-promozzjoni ta' l-IWT għandu jkun integrat f'netwerk Ewropew għall-promozzjoni ta' l-intermodalità, li juża l-istrutturi eżistenti u l-esperjenza miksuba fil-promozzjoni ta' metodi oħra ta' trasport, b'mod partikulari bħal dawk li diġà jeżistu fuq il-livell Ewropew fir-rigward tal-promozzjoni ta' tbaħħir f'distanzi żgħar;

31.  Fin-nuqqas ta' fondi Komunitarji speċifiċi, jistieden lill-Istati Membri u l-partijiet interessati sabiex jimpenjaw ruħom li jiggarantixxu s-sostenibilità finanzjarja ta' din in-netwerk;

32.  Jinnota l-importanza ta' Sistema Ewropea ta' Osservazzjoni tas-Swieq li tinkludi l-partijiet kollha, li tipprovdi informazzjoni dwar is-swieq li tista' tiġi kkumparata speċjalment sabiex tippermetti deċiżjonijiet ta' investiment fil-ħin u responsabbli, sabiex tidentifika l-punti b'saħħithom u dawk dgħajfa u tiskopri l-possibilità ta' swieq ġodda;

Il-qafas istituzzjonali

33.  Jirrimarka li t-tkabbir u l-prosperità tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni għandu jkun il-punt prinċipali ta' diskussjonijiet futuri dwar il-qafas istituzzjonali; f'dan ir-rigward jenfasizza l-importanza li jkunu kkunsidrati l-kompetenzi eżistenti tal-partijiet interessati kollha, sabiex isir użu mill-kompetenza ta' l-organizzazzjonijiet internazzjonali u tkun evitata l-burokrazija;

34.  Jitlob għal koperazzjoni intensifikata u msaħħa bejn il-Kumitati tax-Xmajjar u l-Komunità li għandhom iwaqqfu l-Memorandum ta' Ftehim li għall-inqas ikun jkopru l-informazzjoni li ġejja:

   l-implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni NAIADES;
   l-iskambju aħjar tat-tagħrif miksub u tar-riżorsi umani fil-qasam ta' l-IWT bejn il-Komunità, l-Istati Membri u l-Kummissjonijiet tax-Xmajjar;

o
o   o

35.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 90, 2.4.1999, p 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza