Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2239(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0381/2006

Testi mressqa :

A6-0381/2006

Dibattiti :

PV 13/11/2006 - 16
CRE 13/11/2006 - 16

Votazzjonijiet :

PV 14/11/2006 - 11.1
CRE 14/11/2006 - 11.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2006)0485

Testi adottati
PDF 314kWORD 85k
It-Tlieta, 14 ta' Novembru 2006 - Strasburgu
Rapport annwali 2006 dwar iż-żona ta' l-ewro
P6_TA(2006)0485A6-0381/2006

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rapport annwali 2006 dwar iż-żona ta' l-ewro (2006/2239(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem 'Dikjarazzjoni Annwali dwar iż-Żona ta" l-Ewro' (COM(2006)0392),

–   wara li kkunsidra l-previżjoni interim tal-Kummissjoni ta' Settembru 2006,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-3 ta" Lulju 2003 dwar l-irwol internazzjonali taż-Żona ta" l-ewro u l-ewwel evalwazzjoni ta" l-introduzzjoni tal-flus tal-karta u l-muniti(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta" l-4 ta" April 2006 dwar is-sitwazzjoni ekonomika Ewropea: rapport preparatorju dwar il-linjigwida ġenerali tal-politika ekonomika għall-2006(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Marzu 2006 dwar ir-reviżjoni strateġika tal-Fond Monetarju Internazzjonali(3),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta" Mejju 2006 dwar il-finanzi pubbliċi fl-unjoni ekonomika u monetarja (EMU)(4),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta" l-1 ta" Ġunju 2006 dwar it-tkabbir taż-żona ta" l-ewro(5),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2006 dwar ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew ta' l-2005(6),

–   wara li kkunsidra r-rapporti tal-Bank Ċentrali Ewropew (ECB) dwar l-irwol internazzjonali ta" l-ewro u dwar l-integrazzjoni finanzjarja fiż-żona ta" l-ewro,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta" Diċembru 2005 dwar it-tassazzjoni ta' impriżi fl-Unjoni Ewropea: bażi ta' taxxa komuni u konsolidata għall-kumpaniji(7),

–   wara li kkunsidra r-Regola 45 tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6-0381/2006),

A.   billi sħubija fiż-żona ta' l-ewro ssaħħaħ il-grad ta' interdipendenza ekonomika bejn l-Istati Membri u jsejjaħ għal koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politika ekonomika bil-għan li tindirizza nuqqasijiet strutturali biex jiffaċċjaw sfidi ġodda u biex jiksbu aktar prosperità u kompetittività biex ikunu preparati għal ekonomija aktar globalizzata,

B.   billi fl-2006 it-tkabbir ekonomiku fiż-żona ta" l-ewro qiegħed jitħaffef u jidher ibbażat b'mod aktar wiesa" mad-domanda domestika, b'mod partikulari l-investiment li qiegħed jikseb il-momentum; iżda billi t-tkabbir jista" jonqos fl-2007 minħabba l-prezzijiet għolja taż-żejt, l-effetti tard tat-tisħiħ ta" l-ewro u t-tnaqqis fit-tkabbir fl-Istati Uniti,

C.   billi t-tkabbir potenzjali taż-żona ta" l-ewro huwa stmat b'mod normali madwar 2% u jeħtieġ jiżdied bi 3% sabiex jipprovdi impjiegi lil aktar minn 12-il miljun Ewropew bla impjieg, biex jiżdied id-dħul disponibbli tagħom u biex jiġu allokati r-riżorsi meħtieġa biex jiġu mmodernizzati l-istati assistenzjali uniċi ta" l-Ewropa,

D.  Billi għall-kriterju tar-rata ta' l-inflazzjoni, qed jiġu użati żewġ definizzjonijiet ta' l-'istabilità tal-prezzijiet'; billi l-ECB iċċara li, sabiex jiżgura l-istabilità fil-prezzijiet, huwa għandu l-għan li jżomm ir-rati ta' l-inflazzjoni taħt, iżda viċin, it-2% matul it-terminu medju, waqt li fir-rapporti tagħhom dwar il-konverġenza, l-BĊE u l-Kummissjoni jużaw valur ta' riferenza kkalkulat bħala r-rata medja ta' inflazzjoni matul it-12-il xahar ta' qabel fl-aktar tliet Stati Membri li jrendu, miżjuda b'1.5 punti perċentwali, fuq il-bażi tal-protokoll dwar il-kriterji ta' konverġenza msemmija fl-Artikolu 121(1) tat-Trattat KE, li jassumi li l-aqwa rendiment f'termini ta' stabilità ta' prezzijiet ifisser, fil-prattika, l-aktar livell baxx ta' inflazzjoni possibbli,

E.   billi, mill-1 ta' Jannar 2007, iż-żona ta' l-ewro tkun tinkludi biss 13-il Stat Membru iżda l-koordinament tal-politika makroekonomika u s-suq intern ikun jinkludi s-27 Stat Membru kollha,

F.   billi r-rappreżentanza esterna taż-żona ta' l-ewro f'istituzzjonijiet u fora internazzjonali mhix proporzjonata mal-valur ekonomiku tagħha fl-ekonomija globali; billi nkiseb progress limitat mill-bidu ta' l-ewro biex jiżgura li ż-żona ta' l-ewro jkollha vuċi waħda f'istituzzjonijiet u fora finanzjarji internazzjonali; u billi dawn in-nuqqasijiet jagħmlu diffiċli biex iż-żona ta' l-ewro tippromwovi l-interessi tagħha u biex turi sens ta' tmexxija fl-indirizzar ta' sfidi ekonomiċi globali,

G.   billi l-ECB jaqsam mal-Kunsill ir-responsabilità tal-kwistjonijiet li jikkonċernaw ir-rati tal-kambju u r-rappreżentanza internazzjonali taz-zona ewro;

H.   billi l-Eurogroup għandu bħala prerogativa d-djalogu informali ma' l-ECB u billi għandu bħala xogħlijiet prinċipali li jistudja bir-reqqa l-opinjonijiet komuni dwar il- funzjonament ġenerali ta' l-ekonomija taz-zona ewro kif ukoll li jeżamina l-evoluzzjoni tar-rati tal-kambju ta' l-ewro mqabbla mal-muniti l-oħra;

Politika makroekonomika

1.  Jilqa' l-preżentazzjoni mill-Kummissjoni ta' l-ewwel rapport annwali tagħha dwar iż-żona ta' l-ewro, li jirrifletti l-evoluzzjoni ta' l-ekonomiji taż-żona ta' l-ewro fl-2006 u huwa kontribuzzjoni utli għad-dibattitu dwar l-isfidi konġunti tal-politika ekonomika li qed jiffaċċjaw il-membri taż-żona ta' l-ewro;

2.  Iqis li r-regoli ċari u trasparenti dwar iż-żewġ pilastri prinċipali - fuq naħa, aktar flus fl-idejn, u fuq in-naħa l-oħra l-informazzjoni l-oħra kollha relevanti dwar żviluppi fl-inflazzjoni fil-futur - jaffettwaw id-deċiżjonijiet operazzjonali tal-politika monetarja li jagħmluha aktar prevedibbli u effettiva; iqis ukoll li minuti fil-qosor tal-laqgħat tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE għandhom ikunu pubblikati, u jinkludu stqarrija ċara ta' l-argumenti favur u kontra d-deċiżjonijiet li ttieħdu u r-raġunijiet għaliex ittieħdu; iqis li trasparenza bħal din hija importanti għaliex b'dan il-mod is-suq ikun jista' jikseb stampa aktar ċara tal-politika monetarja ta' l-BĊE;

3.  Iqis li l-istimolu monetarju mogħti fis-snin reċenti qed ikun irtirat b'mod gradwali, jistieden lill-Kummissjoni biex tkun konformi b'mod strett ma" l-interpretazzjoni tal-Patt ta" Stabilità u ta" Tkabbir kif imġedded u lill-Istati Membri sabiex ifittxu titjib annwali fl-iżbilanċi tal-baġit aġġustati b'mod ċikliku ta" 0.5% tal-GDP bħala benchmark, li jgħinu fit-tnaqqis tal-pressjoni inflazzjonarja u biex ir-rati ta" l-interess jibqgħu baxxi f'livelli li ma jipperikolawx l-irkupru ta" l-ekonomija attwali; f'dan il-kuntest ifakkar fil-valur miżjud ta' koordinament fiskali, b'mod speċjali baġitarju, aħjar fost l-Istati Membri lejn bilanċ ta' politika makroekonomika aktar koerenti, meta mqabbel mal-politika monetarja żviluppata sew ta' l-EMU;

4.  Iqis li, mingħajr ħsara għall-prinċipju ta' sussidjarjetà fil-politika fiskali u fir-rispett tal-prerogattivi ta' gvernijiet nazzjonali fit-twaqqif tal-politiki strutturali u baġitarji tagħhom, huwa importanti li l-Istati Membri kollha, ta' l-inqas dawk li jappartjenu għaż-żona ta' l-ewro, jikkoordinaw il-kalendarji fiskali nazzjonali differenti tagħhom u jibbażaw l-istimi baġitarji tagħhom fuq kriterji simili biex jevitaw disparitajiet ikkawżati mill-użu ta' previżjonijiet makroekonomiċi differenti (tkabbir globali, tkabbir ta' l-UE, prezz taż-żejt bil-barmil, rati ta' interess) u parametri oħrajn; jemmen li l-Kummissjoni tista' tipprovdi kontribut importanti biex din il-missjoni sseħħ;

5.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jallokaw sehem sostanzjali ta' dħul fiskali addizzjonali miksub mit-tkabbir ekonomiku attwali biex jitnaqqas id-dejn pubbliku li jeħles riżorsi biex ikunu investiti fl-edukazzjoni, fit-taħriġ vokazzjonali, fl-infrastruttura, u fir-riċerka u l-innovazzjoni skond l-objettivi stipulati fl-Istrateġija ta' Liżbona-Göteborg u sabiex jiffaċċjaw l-isfidi ppreżentati minn popolazzjoni anzjana u l-bidla fil-klima;

6.  Ifakkar lill-Kummissjoni li fir-riżoluzzjoni msemmija hawn fuq ta" l-4 ta" April 2006, il-Parlament talab għal reviżjoni ġenerali tas-sistemi fiskali ta" l-Istati Membri li hija metodu prinċipali li jsaħħaħ il-kompetittività ta" l-ekonomija u s-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprepara studju dwar il-benefiċċji għaż-żona ta' l-ewro u għall-Unjoni kollha ta' tħaddim aħjar tal-pilastru ekonomiku ta' l-EMU applikat għaż-żona ta' l-ewro f'termini ta' tkabbir u ta' xogħol;

Riformi ekonomiċi

8.  Ifakkar f'dan il-kuntest fl-importanza ta' l-implimentazzjoni attiva u urġenti ta' l-Istrateġija ta' Liżbona b'mod ugwali fil-livelli kollha u fl-oqsma kollha tal-politika kkonċernati b'taħlita ta' politika ta' appoġġ kkaratteriżżata minn riformi tal-politika ekonomika, tax-xogħol, ambjentali u soċjali;

9.  Jagħraf li l-ekonomija taż-żona ta' l-ewro aġġustat ruħha għall-irkupru tat-tkabbir dinji biss b'rata baxxa ħafna, l-iktar minħabba d-dgħjufija fid-domanda domestika u jagħraf li riformi ekonomiċi fis-swieq tal-prodotti, tax-xogħol u tal-kapital jgħinu biex prezzijiet u pagi jirreaġixxu iktar malajr għal ċirkustanzi ekonomiċi li jinbidlu, għax dan huwa essenzjali biex jiżdied il-potenzjal ta' tkabbir, biex ikunu indirizzati differenzi mhux ġustifikati fit-tkabbir u l-inflazzjoni fost l-Istati Membri taż-żona ta' l-ewro u biex ikun hemm aġġustatament għal żviluppi globali potenzjalment negattivi;

10.  Iqis li xi Stati Membri ppreżentaw impenn fil-programmi ta' riforma nazzjonali tagħhom (NRPs), iżda jagħraf li dan mhux biżżejjed u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni; ifakkar li l-prestazzjoni ekonomika għandha titejjeb bl-approvazzjoni tal-kodiċi ta" kondotta li jippermetti mmonitorjar reċiproku mill-Istati Membri ta' NRPs permezz ta' l-iskambju ta' l-aqwa prattiki u l-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni ta' "league table" annwali li turi l-pajjiżi bl-aħjar u l-agħar prestazzjonijiet , kif proposta fir-rapport ta" Novembru 2004 mill-Grupp ta" Livell Għoli tal-Kummissjoni ppreseduta minn Wim Kok bl-isem 'Nindirizzaw l-Isfida - L-Istrateġija ta" Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi';

11.  Iqis li l-Istati Membri taż-żona ta' l-ewro għandhom ikomplu jimxu 'l quddiem b'mod indaqs fir-rigward tat-tliet prinċipji tal-mudell ta' Liżbona-Göteborg (tkabbir ekonomiku, koeżjoni soċjali u protezzjoni ambjentali) u jenfasizza wkoll il-potenzjal ta' 'flexicurity' (flessibilità u sigurtà) biex tiżdied il-parteċipazzjoni mis-suq tax-xogħol, b'mod partikulari dik tan-nisa, impjegati anzjani, żgħażagħ, nies bla xogħol għal perjodu ta' żmien twil, u l-immigranti;

12.  Ifakkar il-konvinzjoni tiegħu li l-objettiv li tkun introdotta bażi ta' taxxa komuni u konsolidata għall-kumpaniji fl-Ewropa jista' jintlaħaq ukoll permezz tal-mekkaniżmu ta' koperazzjoni msaħħa jekk l-Istati Membri ma jirnexxilhomx jaslu għal qbil unanimu; jenfasizza li l-mekkaniżmu ta' koperazzjoni msaħħa - minkejja li huwa inqas mixtieq minn qbil unanimu ta' l-Istati Membri - jippermetti l-maġġoranza ta' l-Istati Membri biex jagħmlu progress fil-qasam ta' qafas komuni għat-tassazzjoni tal-kumpaniji fis-suq intern filwaqt li jippermettu lill-Istati Membri li m'humiex jipparteċipaw il-possibilità li jagħmlu parti minnha fi stadju aktar 'il quddiem; jemmen li din il-kwistjoni hija dejjem aktar relevanti għaż-żona ta' l-ewro u jħeġġeġ lill-Istati Membri taż-żona ta' l-ewro biex iżidu l-isforzi tagħhom biex iwettqu progress f'dan il-qasam;

Is-suq intern

13.  Iqis li t-tlestija tas-suq intern, b'mod speċjali fis-servizzi, hija kruċjali għat-trawwim ta' tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tax-xogħol fi ħdan l-EMU; għalhekk jistieden għal implimentazzjoni aktar u aħjar tad-direttivi; jikkundanna l-politika adottati minn xi Stati Membri li jipproteġu l-industriji u servizzi prinċipali tagħhom mill-kompetizzjoni transkonfinali u jġedded l-impenn tiegħu għall-prinċipji tal-moviment ħieles ta" persuni, prodotti, servizzi u kapital;

14.  Jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jitneħħew l-ostakoli għall-ħolqien ta' Żona Ewropea ta' Pagamenti Waħdanija u li tittieħed aktar azzjoni biex jinfetħu s-swieq frammentati ta ' servizzi finanzjarji bl-imnut (pjani ta' tfaddil, ipoteki, assikurazzjoni u pensjonijiet) filwaqt li jkun żgurat il-ħarsien tal-konsumaturi; jenfasizza l-importanza ta" l-iżvilupp ta" l-approċċ pan-Ewropew għar-regolazzjoni u għas-sorveljanza tas-suq finanzjarju u jfakkar li huwa importanti li jiġu riveduti r-regoli dwar likwidità ta" l-assigurazzjoni (Solvency II) kif ukoll ta" dawk li jikkonċernaw il-poteri ta" diskrezzjoni tar-regolaturi fil-każ ta" mergers transkonfinali sabiex jiġu evitati kunflitti bejn dawk inkarigati mis-sorveljanza fil-pajjiż ta' l-oriġini u l-pajjiż ospitanti;

15.  Jemmen li politika ambizzjuża ta' innovazzjoni fuq livell Ewropew hija waħda mis-sisien ta' żvilupp sostenibbli u ta' ħolqien ta' impjiegi u għandha tkun inkluża bħala prijorità ewlenija fil-qafas ta' koordinazzjoni ekonomika mtejba; juri dispjaċir għall-fatt li n-nefqa fir-Riċerka u l-Iżvilupp fiż-żona ta' l-euro hija ta' madwar 2% tal-PGD, u għalhekk ħafna inqas mill-objettiv ta' l-UE kollha ta' 3%; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposti konkreti li jirrigwardaw l-iffinanzjar tar-riċerka u ta' l-iżvilupp fl-UE u qafas effiċjenti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali; jistieden lill-Istati Membri biex jallokaw aktar riżorsi għar-riċerka u l-innovazzjoni u biex jistabbilixxu inċentivi ta" taxxa għan-negozji u l-universitajiet li jinvestu fir-Riċerka u fl-Iżvilupp, billi jaf li, meta mqabbla ma' sussidji diretti, inċentivi ta' dan it-tip huma garanzija aħjar li r-riżorsi pubbliċi se jintużaw biex jappoġġjaw intrapriżi ta" suċċess.

16.  Iqis li s-swieq tax-xogħol għandhom ikunu aktar flessibbli u dawk l-aspetti tal-leġiżlazzjoni dwar l-impjieg permanenti li jistgħu jaġixxu bħala ostaklu għall-aġġustament tas-suq tax-xogħol għandhom jitneħħew; jammetti li, fuq żmien twil, is-salarji veri u l-produttività għandhom jikbru b'mod simlutanju; jiddispjaċih li ħafna mill-proposti li għamel il-Parlament ma ġewx ikkunsidrati, speċjalment dawk li jirreferu għat-titjib tal-faċilitajiet għall-kura tat-tfal, il-kisba ta' bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja, it-twaqqif ta inċentivi biex jinkoraġġixxu l-ħaddiema biex jippostponu l-irtirar volontarju, u t-twaqqif ta" politiki mmirati biex jintegraw l-immigranti legali fis-suq tax-xogħol u biex jikkumbattu l-immigrazzjoni illegali;

17.  Jisgħobbih li l-livelli kurrenti ta' l-edukazzjoni u tat-tagħlim tul il-ħajja, li għandhom jiġu inklużi bħala l-ogħla prijoritajiet fil-qafas ta' approċċ aħjar ta' coordinazzjoni ekonomika, huma b'mod ċar mhux għoljin biżżejjed u jaqbel mal-biċċa l-kbira tal-miżuri proposti mill-Kummissjoni; madankollu jiddispjaċih li wħud mill-proposti approvati mill-Parlament ma ġewx aċċettati speċjalment dawk bl-objettiv li jitjieb l-għerf tal-lingwi barranin, il-matematika u x-xjenzi fl-edukazzjoni primarja u sekondarja, biex jinkiseb mudell integrat ta' taħriġ professjonali, sabiex jiġu attirati aktar studenti għall-karrieri xjentifiċi, biex tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn l-universitajiet u s-setturi industrijali u kummerċjali, biex jiġi mħeġġeġ il-forniment ta' edukazzjoni li jqis id-domanda tas-suq tax-xogħol, biex jiggarantixxi aċċess għall-edukazzjoni terzjarja għal kulħadd, biex jippromwovu t-tagħlim tul il-ħajja u jindirizzaw il-qagħad fit-tul taż-żmien u l-qagħad taż-żgħażagħ, u biex jiġu żgurati komunikazzjoni , tixrid u applikazzjoni aħjar tar-riżultati tar-riċerka;

18.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex mal-prijoritajiet l-aktar importanti tagħhom jinkludu ħolqien ta' suq intern għall-enerġija, politika ta' l-R&D imtejba dwar sorsi alternattivi ta' enerġija u enerġija inqas ta' ħsara għall-ambjent u aktar nadifa, inkluż spinta lejn aktar użu ta' enerġiji li jiġġeddu, aktar impenn għall-iffrankar u għall-effiċjenza ta' l-enerġija, kif ukoll it-tisħiħ ta' rabtiet politiċi u ekonomiċi ma' kemm jista' jkun pajjiżi fornituri sabiex jiġu ddiversifikati s-sorsi ta' l-enerġija u jittrattaw nuqqasijiet ta' forniment aħjar;

L-iffunzjonar ta" l-EMU

19.  Jaqbel mal-Kummissjoni li d-disparitajiet fit-tkabbir u fir-rati ta" l-inflazzjoni fiż-żona ta" l-euro, b'differenzi sa 4.5% fi tkabbir u sa 2.7% fl-inflazzjoni fl-2005, huma dejjem iżjed minħabba raġunijiet strutturali; jiddispjaċih li t-tixrid fir-rati ta" l-inflazzjoni fost l-Istati Membri b'rati ta" inflazzjoni ogħla jaffettwaw negattivament il-kompetittività u l-istabilità monetarja taż-żona ta" l-Euro b'mod ġenerali; jinnota li dawn id-differenzi xi drabi huma parti minn proċess pożittiv ta' konverġenza bejn id-dħul u l-livell tal-prezzijiet, minħabba l-proċess ta' "tlaħħiq"(catch up); għal darba oħra jitlob lill-Istati Membri taz-zona ta' l-Euro biex isaħħu l-isforzi tagħhom għal koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u monetarji b'mod partikulari permezz tar-rinfurzar ta' l-istrateġiji komuni tagħhom fi ħdan il-Eurogroup, sabiex tittejjeb il-konverġenza reali ta' l-ekonomiji u jiġu limitati r-riskji ta' xokk assimetriku fl-EMU;

20.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-dħul tas-Slovenja fiż-żona ta' l-Euro fl-1 ta' Jannar 2007; jistieden lill-Istati Membri ġodda sabiex jieħdu l-azzjonijiet neċessarji biex jissodisfaw il-kriterji ta' konverġenza ta' Maastricht u jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-BĊE u l-Kummissjoni jridu japplikaw l-kriterju ta' l-istabilità tal-prezzijiet kif imsemmi fit-Trattat KE, li hu differenti minn dak applikat mill-BĊE meta jwettaq il-politika monetarja tiegħu, u jissuġġerixxi li l-BĊE u l-Kummissjoni jevalwaw jekk huwiex ġustifikat li tinżamm din id-differenza fl-approċċ;

21.  Jirrikonoxxi li skond il-kriterji ta' konverġenza ta' Maastricht, ir-rata ta' l-inflazzjoni m'għandiex taqbeż il-1.5% ta' l-aħjar tliet prestazzjonijiet mill-Istati Membri fejn għandha x'taqsam l-istabilità tal-prezz; jirrimarka li kemm id-definizzjoni ta' l-aħjar tliet prestazzjonijiet mill-Istati Membri fejn għandha x'taqsam l-istabilità tal-prezzijiet, kif ukoll l-metodu għall-kalkolu tal-valur ta' referenza għandhom bżonn li jkunu eżaminati sew biex jirriflettu l-fatt li issa hemm tnax-il Stat Membru jipparteċipaw fl-EMU, u jużaw munita waħda, li hi mmaniġġjata minn politika monetarja komuni, u li d-differenzjali fil-prestazzjonijiet individwali ta' l-inflazzjoni tagħhom jirriflettu fatturi strutturali aktar minn differenzi fl-approċi tal-politika makroekonomika;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Eurostat biex tiżdied l-kwalità tad-dejta ta' l-istatistika makro (speċjalment dwar defiċit baġitarju u dejn ta' l-istat) u biex jużaw l-għodod kollha tagħhom biex jevitaw żbilanċi fiskali f'kull Stat Membru; jistieden għal aktar żieda fis-setgħat tal-Kummissjoni biex tivverifika l-kwalità tad-dejta trażmessa;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħti attenzjoni mill-qrib lill-impatt fuq l-imġieba tas-swieq finanzjarji fuq is-sitwazzjoni makro-ekonomika taz-zona ta' l-euro;

24.  Iħeġġeġ lis-superviżuri kompetenti biex isaħħu l-isforzi tagħhom sabiex jiġu evalwati l-attivitajiet ta' fondi ta' lqugħ fir-rigward ta' riskji sistematiċi li jistgħu joħolqu u jistieden lill-Eurogroup biex jeżamina din il-kwistjoni;

Rappreżentazzjoni esterna

25.  Jilqa" l-ftehima milħuqa fil-Kunsill biex jitkellmu b'vuċi waħda fil-laqgħa annwali ta" l-istituzzjonijiet Bretton Woods f'Singapore tad-19-20 ta" Settembru 2006; jinsisti li l-pożizzjonijiet tar-rapreżentazzjonijiet ta' l-Istati Membri fi ħdan l-IMF iridu jkunu kkoordinati aħjar; għal darb' oħra jistieden lill-Istati Membri biex jaħdmu għal konstitwenza ta' votazzjoni unika, possibilment jibdew konstitwenza ta' l-Euro, bl-għan, li fi żmien twil, tkun żgurata rappreżentazzjoni ta' l-UE konsistenti, li tinvolvi lill-Presidenza tal-Kunsill ta' l-ECOFIN u lill-Kummissjoni, suġġetta għal skrutinju tal-Parlament.

Koordinazzjoni

26.  Jilqa b'sodisfazzjoni l-elezzjoni mill-ġdid ta' Jean-Claude Juncker bħala president ta' l-Eurogroup; jemmen li l-Eurogroup għandu jaqbel dwar pjan direzzjonali għall-objettivi taż-żona ta' l-Euro għas-sentejn li jmiss;

27.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-Trattat ma jiċċarax kif il-Kunsill għandu jeżerċita r-responsabilità tiegħu għall-politika ta' rata tal-kambju; jistieden lill-Eurogrupp, lill-Kunsill u lill-ECB biex isaħħu l-koordinazzjoni ta' l-azzjoni tagħhom fil-qasam tal-politika ta' rata tal-kambju;

28.  Jenfasizza n-neċessità li tissaħħaħ il-koperazzjoni fiż-żona ta' l-Euro sabiex jissaħħu l-governanza ekonomika u l-proċess ta' integrazzjoni Ewropea sabiex jiġu trattati sfidi globali ekonomiċi; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li r-rapport annwali dwar iż-żona ta' l-Euro, fil-futur jipprovdi sett ta' għodod aktar konkreti li jippermettu djaloġu aktar fond bejn l-istitużżjonijiet differenti ta' l-UE kkonċernati bit-titjib tal-governanza ekonomika ta' l-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi appoġġ qawwi għall-attivitajiet ta' l-Eurogroup u lill-president tiegħu;

29.  Jikkunsidra li jkun ta' benefiċċju għall-partijiet kollha konċernati, jekk djalogu aktar regolari u strutturat dwar kwistjonijiet makroekonomiċi bejn (tħassir) il-Eurogroup, (tħassir) il-Kummissjoni u l-Parlament simili għad-djalogu monetarju bejn il-Parlament u l-ECB, jkun stabbilit sabiex jiltaqa' ta' l-inqas tliet darbiet f'sena, biex b'hekk l-oqfsa eżistenti jkunu msaħħa u biex l-isfidi iffaċċjati mill-ekonomija taz-zona ta' l-euro jkunu diskussi u biex jinstabu modi biex dawn ikunu solvuti;

30.  Jemmen li l-laqgħat regolari tal-Parlament u tal-parlamenti nazzjonali jistgħu b'mod ċar ikollhom rwol sinifikanti biex jgħinu biex il-parlamenti nazzjonali jieħdu dejjem iżjed responsabbiltà tal-koordinazzjoni meħtieġa tal-politika ekonomika;

o
o   o

31.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President sabiex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-president ta' l-Eurogrupp, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew.

(1) ĠU C 74 E, 24.3.2004, p. 871.
(2) Testi Adottati, P6_TA(2006)0124.
(3) Testi Adottati, P6_TA(2006)0076.
(4) Testi Adottati, P6_TA(2006)0214.
(5) Testi Adottati, P6_TA(2006)0240.
(6) Testi Adottati, P6_TA(2006)0464.
(7) Testi Adottati, P6_TA(2005)0511.

Avviż legali - Politika tal-privatezza