Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2174(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0364/2006

Testi mressqa :

A6-0364/2006

Dibattiti :

PV 13/11/2006 - 17
CRE 13/11/2006 - 17

Votazzjonijiet :

PV 14/11/2006 - 11.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2006)0486

Testi adottati
PDF 392kWORD 91k
It-Tlieta, 14 ta' Novembru 2006 - Strasburgu
Strateġija Tematika dwar l-Ambjent Marittimu
P6_TA(2006)0486A6-0364/2006

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Strateġija Tematika dwar il-Protezzjoni u l-Konservazzjoni ta' l-Ambjent Marittimu (2006/2174(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar Strateġija Tematika għall-Protezzjoni u l-Konservazzjoni ta' l-Ambjent Marittimu (COM(2005)0504),

–   wara li kkunsidra s-Sitt Programm Komunitarju ta' Azzjoni għall-Ambjent (EAP)(1),

–   wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva li tistabbilixxi qafas għal azzjoni tal-Komunità fil-qasam tal-politika ta" l-ambjent marittimu (id-Direttiva dwar l-Istrateġija Marittima) (COM(2005)0505),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta' l-ilma(2) (id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma), li l-objettivi tagħha jinkludu kontribuzzjoni għall-protezzjoni ta' l-ibħra territorjali u marittimi u l-prevenzjoni u l-eliminazzjoni tat-tniġġis tal-baħar,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2003 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Lejn strateġija biex jitħares u jiġi kkonservat l-ambjent marittimu"(3),

–   wara li kkunsidra l-aħħar Rapport ta' l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (l-EEA) dwar l-Istat ta' l-Ambjent, ippubblikat fl-2005(4),

–   wara li kkunsidra l-laqgħa ta' informazzjoni dwar politika mill-Istitut għall-Politika Ambjentali Ewropea (IEEP)(5),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS)(6),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni ta' l-Ambjent Marittimu taz-Zona tal-Baħar Baltiku (Konvenzjoni ta' Helsinki)(7),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni ta' l-Ambjent Marittimu ta' l-Atlantiku tal-Grigal (OSPAR)(8),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Baħar Mediterran Kontra t-Tniġġis, u l-protokolli addizzjonali tagħha (Il-Konvenzjoni ta' Barċellona)(9),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u Sikurezza ta' l-Ikel (A6-0364/2006),

A.   billi l-ambjent marittimu qiegħed taħt pressjoni sinifikanti u, skond ir-Rapport ta' l-EEA imsemmi hawn fuq, hemm sinjali bikrin li l-ekosistemi tal-baħar u tal-kosta ta' l-Ewropa għaddejjin minn bidliet strutturali fil-katina ta' l-ikel, u evidenza ta' dan hija t-telf ta' speċi ewlenin, il-preżenza ta' konċentrazzjonijiet kbar ta' speċi tal-plankton ewlenin li qed jieħdu post speċi oħra u l-firxa ta' speċi invażivi. Dan qed jiġri bħala riżultat ta' bidla fil-klima u attivitajiet mifruxin tal-bniedem,

B.   billi s-Sitt EAP jindika l-prijorità ta' azzjonijiet għal aktar protezzjoni ta' zoni marittimi u integrazzjoni aħjar ta' l-ambjent f'politiki oħra tal-Komunità,

C.   billi l-baħar ta' l-UE huwa l-ikbar baħar fid-dinja, u għandu erja tal-wiċċ akbar mit-territorju ta' l-UE kollu kemm hu. 20 Stat Membru għandhom kosti li jinfirxu għal kważi 70,000 km u kważi iktar minn nofs il-popolazzjoni ta' l-UE tgħix inqas minn 50 km 'l-bogħod mill-kosta. Ir-Reġjuni Marittimi ta' l-UE tal-15-il Stat Membru fl-2004 diġà kienu jipproduċu aktar minn 40% tal-GNP. Il-bini tal-vapuri, il-portijiet, is-sajd u l-industriji ta' servizzi relatati jimpjegaw żewġ miljuni u ħames mitt elf ruħ. L-UE għandha 1,200 port u 90% tal-kummerċ estern tagħha, u 41% ta' kummerċ fl-UE stess, huwa trasportat bil-baħar,

D.   billi t-turiżmu, is-sajd u l-akwakultura huma attivitajiet li jistgħu jiġu żviluppati sew biss f'ambjent marittimu li għandu status ambjentali tajjeb,

E.   billi fis-Samit Dinji ta' Johannesburg ta' l-2002 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, il-Partijiet ftiehmu li jnaqqsu b'mod sinifikanti r-rata ta' telf tal-bijodiversità tal-baħar sa l-2012, impenn li reġa' ttieħed fil-Konferenza dwar il-Bijodiversità, f'Kuritiba, fl-2006,

F.   billi jkun xieraq li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jikkonservaw l-ambjenti naturali u d-diversità bijoloġika fil-baħar u biex jipproteġu l-ekosistemi kostali tagħhom; billi miżuri bħal dawn għandhom jittieħdu wkoll sabiex ikun żgurat l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali fl-ibħra tagħhom,

G.   billi politika tajba tiddependi fuq informazzjoni ta' kwalità għolja, u l-użu ta' informazzjoni xjentifika hija meħtieġa fil-livelli differenti ta' gvernar, li għandu jidentifika u jimla lakuni ta' għarfien, inaqqas il-ġbir ta' dejta u r-riċerka doppja, u jippromwovi l-armonizzazzjoni, it-tixrid wiesa' u l-użu ta' xjenza u dejta marittima,

H.   billi ma jistax jiġi enfasizzat biżżejjed li l-kriterji magħżula sabiex jiddefinixxu stejtus ambjentali tajjeb għandhom ikunu ta' applikazzjoni wiesgħa biżżejjed peress li probabbilment dawn il-miri ta' kwalità se jirregolaw il-programmi ta' miżuri għal żmien twil fil-ġejjieni,

I.   billi, sabiex jitħares u jittejjeb l-ambjent marittimu f'żona marittima partikulari, jinħtieġu miżuri transkonfinali fis-setturi kollha li jolqtu z-zona kkonċernata, jiġifieri li jistgħu jinħtieġu miżuri f'dik iz-zona marittima u fl-inħawi tal-baħar u tax-xtut ta' ħdejha, fiz-zona ta' lqugħ u, fil-każ ta' xi sustanzi transkonfinali, f'reġjuni oħrajn,

J.   billi xi ibħra Artiċi huma ta' importanza għall-Komunità u għaz-Zona Ekonomika Ewropea, u xi Stati Membri (id-Danimarka, il-Finlandja u l-Iżvezja) huma parti mill-Kunsill Artiku,

K.   billi t-tkabbir futur ta' l-UE fl-2007 għall-Bulgarija u r-Rumanija se jinkludi wkoll il-Baħar l-Iswed ma' l-ibħra Ewropej,

L.   billi l-Komunità u l-Istati Membri tagħha huma parti minn diversi ftehimiet internazzjonali li fihom obbligi importanti dwar il-protezzjoni ta' l-ibħra marittimi mit-tniġġis, b'mod partikulari l-Konvenzjoni ta' Helsinku u l-Konvenzjoni ta' OSPAR u l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Baħar Mediterran Kontra t-Tniġġis,

M.   billi l-protezzjoni u t-titjib ta' l-ambjent tal-baħar ma jistgħux iseħħu b'mod effettiv permezz ta' sforzi nazzjonali biss iżda jeħtieġu koperazzjoni reġjonali mill-qrib u miżuri internazzjonali oħra li huma xierqa,

L-iffissar tal-livell it-tajjeb ta' ambizzjoni

1.  Jilqa' l-Istrateġija Tematika tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni u l-konservazzjoni ta' l-ambjent marittimu u l-objettiv ewlieni tagħha li jkun promoss l-użu sostenibbli ta' l-ibħra u l-konservazzjoni ta' l-ekosistemi tal-baħar; iqis, b'diżappunt, li l-proposta għal Direttiva dwar l-Istrateġija Marittima f'din il-forma m'hijiex se tirnexxi fil-mobilizzar ta' l-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jieħdu l-miżuri xierqa;

2.  Jemmen fl-irwol ta' tmexxija ta' l-UE f'dan il-proċess u għalhekk jitlob li tinħoloq politika b'saħħitha ta' l-UE dwar il-protezzjoni tal-baħar, biex ma jkunx hemm aktar telf ta' bijodiversità u d-deterjorament ta' l-ambjent tal-baħar u biex tiġi inkuraġġita r-riġenerazzjoni tal-bijodiversità tal-baħar;

3.  Jitlob li fid-Direttiva ta' l-Istrateġija marittima tkun inkluża definizzjoni komuni fl-UE kollha ta' stejtus ambjentali tajjeb (GES), li tinftiehem bħala l-istejtus ambjentali meta l-ekosistemi kollha tal-baħar f'Reġjun tal-Baħar partikulari jkunu mmaniġġjati b'modi li jħalluhom jiffunzjonaw b'mod bilanċjat u b'mod li jistgħu jsostnu lilhom infushom anke issa li hemm tibdil ambjentali, li jappoġġjaw kemm il-bijodiversità kif ukoll l-attivitajiet tal-bniedem; jikkunsidra li dan se jwassal għal iktar effettività fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Istrateġija Marittima;

4.  Jinnota li stejtus ambjentali tajjeb ta' ibħra reġjonali Ewropej jista' jintlaħaq biss permezz ta' azzjoni b'saħħitha u koordinata fil-livell reġjonali aktar milli bl-Istati Membri jaġixxu individwalment, u għalhekk jitlob li d-Direttiva dwar l-Istrateġija Marittima tinkludi obbligu legali biex l-Istati Membri jilħqu stejtus ambjentali tajjeb; għaldaqstant jikkunsidra li l-istrateġija għandha tirriżulta f'obligi li jmorru lil hinn minn dawk nazzjonali u li jistgħu wkoll jinvolvu impenji komuni f'pajjiżi terzi;

5.  Aktar minn hekk, jitlob li tkun inkluża lista ta' deskritturi, kriterji u standards kwalitattivi ġeneriċi għar-rikonoxximent ta' GES, jiġifieri lista eżistenti li hija ġeneralment aċċettata minn partijiet li għandhom interessi fl-ibħra, mingħajr ma jiġi eskluż aktar titjib u żvilupp tal-lista;

6.  Jikkunsidra bħala importanti li l-objettivi, il-miżuri, il-lingwa u l-kunċetti użati fid-Direttiva dwar l-Istrateġija Marittima u f'direttivi oħra li jikkonċernaw l-ambjent marittimu, bħalma hija d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva dwar l-Ambjenti Naturali(10), ikunu armonizzati sabiex tinkiseb ċarezza akbar u titħaffef il-koordinazzjoni bejn dawk id-direttivi;

7.  Huwa tal-fehma li għandhom jittieħdu bil-ħeffa miżuri biex itejbu l-kwalità ta' l-ilma u, għaldaqstant, huwa mħasseb dwar il-kalendarju b'perjodu mtawwal ta' żmien imressaq fil-proposta għal Direttiva dwar l-Istrateġija Marittima; huwa tal-fehma li jkun aħjar jekk dan il-kalendarju jinġieb konformi mal-kalendarju tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma;

8.  Jinnota li l-kalendarju għad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, li permezz tiegħu għandu jintlaħaq stejtus ekoloġiku tajjeb fl-ibħra ta' max-xtut sa l-2015, diġà ġie implimentat fl-Istati Membri; huwa tal-fehma li mhux loġiku jew xieraq li fl-istess ħin ikun propost objettiv anqas ambizzjuż għal zoni tal-baħar li jisporġu fuq xulxin jew li jmissu ma' xulxin; jenfasizza li ma jkunx possibbli li jinkiseb stejtus ambjentali tajjeb f'diversi zoni ta' baħar ta' max-xtut sakemm ma jkunx hemm jikkorrispondi stejtus ambjentali tajjeb fiz-zoni tal-baħar li jmissu ma' dawn iz-zoni;

Sinerġiji ma' politiki ta' l-UE

9.  Jilqa' bi pjaċir il-Green Paper "Lejn Politika Marittima futura għall-Unjoni" (COM(2006)0275) li tipprevedi approċċ olistiku għall-iżvilupp sostenibbli ta' l-oċeani, iżda jwissi kontra enfasi kbira wisq fuq approċċ ekonomiku u jħeġġeġ li jintlaħaq bilanċ bejn l-aspett ekonomiku u dak ekoloġiku; jistenna li d-Direttiva dwar l-Istrateġija Marittima, il-pilastru ambjentali tagħha, tipprovdi l-qafas legali għall-preservazzjoni u l-integrità ta' l-ambjent tal-baħar u b'dal-mod il-qafas legali għall-unitajiet xierqa ta' ġestjoni - ir-Reġjuni u l-Istrateġiji tal-Baħar - għall-ippjanar u deċiżjonijiet dwar il-baħar;

10.  Jemmen li għandhom ikunu ċċarati l-implikazzjonijiet għall-Istati Membri jekk il-miri u l-miżuri fir-rigward tal-ħarsien ta' l-ambjent tal-baħar ma jkunux ta' applikazzjoni wiesgħa biżżejjed, jiġifieri li għandu jitqies kif l-objettiv tad-direttiva ta' l-Istrateġija Marittima - stejtus ambjentali tajjeb - jista' fil-fatt jintlaħaq.

11.  Jinnota li Stati Membri damu biex jikkonformaw mal-komponenti tal-baħar eżistenti tan-netwerk Natura 2000. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jidentifikaw Zoni Protetti tal-Baħar ta' interess speċifiku għax-xjenza jew għall-bijodiversità, jew suġġetti għal pressjoni kbira, bi qbil mad-Direttivi dwar l-Ambjenti Naturali u l-Għasafar(11);

12.  Jippreferi sforzi fuq perjodu taż-żmien fit-tul sabiex jiġu integrati objettivi ambjentali fil-Politika Komuni għas-Sajd (is-CFP) biex b'hekk jiġu sodisfatti r-rekwiżiti għall-iżvilupp sostenibbli, iżda jinsisti li l-Istati Membri għandu jkollhom l-opportunità li jadottaw miżuri aktar urġenti u fuq perjodu ta' żmien qasir, eż. dwar l-istabbiliment ta' 'no-go areas' (Riservi tal-Baħar), jew santwarji tal-baħar, biex jiġu protetti l-ekosistemi tal-baħar l-iktar vulnerabbli;

13.  Jiddeplora n-nuqqas ta' referenza mill-Kummissjoni, kemm fil-Komunikazzjoni kif ukoll fid-Direttiva ta' Strateġija Marittima, għall-ilmijiet marittimi tad-dipartimenti Franċiżi barranin, l-Azores, Madeira u l-Gżejjer Kanarji, meta wieħed iqis il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 299 tat-Trattat KE, u għall-ilmijiet marittimi tal-Pajjiżi u Territorji Barranin elenkati fl-Anness II tat-Trattat;

Preokkupazzjonijiet baġitarji

14.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' impenn finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' l-Istrateġiji Marittimi; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jidentifikaw il-miżuri li jistgħu jkunu ffinanzjati b'mod konġunt permezz ta' Life+ minħabba l-importanza partikulari tagħhom biex jintlaħaq stejtus ambjentali tajjeb fl-ibħra Ewropej;

15.  Huwa tal-fehma li l-koordinazzjoni ta' bejn l-interessi ekonomiċi u dawk ambjentali għandha, fejn ikun possibbli, isseħħ fuq livell lokali sabiex jitħares il-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-parteċipazzjoni ta' partijiet lokali li għandhom interess, iżda li għandha wkoll isseħħ fuq livelli ogħla (reġjonali, ta' l-UE u internazzjonali) meta jkun xieraq u meħtieġ;

16.  Jindika li reġjuni tal-baħar differenti fi ħdan l-UE huma distinti minn xulxin u għandhom ħtiġijiet ta' ħarsien differenti; għaldaqstant huwa tal-fehma li jistgħu jkunu meħtieġa miżuri finanzjarji ta' applikazzjoni aktar wiesgħa fil-livell ta' l-UE għal xi reġjuni meta mqabbla ma' oħrajn sabiex jinkisbu stejtus ambjentali tajjeb u s-sostenibilità;

17.  Jemmen li l-aqwa benefiċċji mill-koordinazzjoni ma' programmi eżistenti jistgħu jinkisbu billi jiġi kkoordinat il-kalendarju għall-istrateġija marittima ma' programmi imporanti fil-livell ta' l-UE; jemmen li l-koordinazzjoni mal-perjodu ta' programmar li jmiss għall-fond agrikolu ta' l-UE (mill-2014) huwa ta' importanza partikulari għal dawk ir-reġjuni li fihom l-agrikoltura hija sors ta' proporzjon sostanzjali tat-tnixxijiet fiz-zona tal-baħar;

18.  Jemmen li għandha tingħata kunsiderazzjoni fis-setturi kollha għall-inċentivi finanzjarji, bħalma huma - biex wieħed jieħu eżempju mħaddem fil-Baħar Baltiku - il-ħlasijiet għall-użu tal-portijiet u l-kanali ddifferenzjati skond l-impatt tagħhom fuq l-ambjent; huwa ta' l-idea li f'dan ir-rigward u f'ċerti reġjuni jistgħu jinħtieġu miżuri b'applikazzjoni aktar wiesgħa;

Qsim ta' dejta

19.  Jirrakkomanda metodu ġdid għall-evalwazzjoni u l-monitoraġġ ta' l-ibħra, ibbażat fuq istituzzjonijiet u programmi eżistenti inkluż ir-Regolament dwar il-Ġbir tad-Dejta skond is-CFP, u magħmul biex jiżgura konsistenza sħiħa u integrazzjoni sħiħa ma' inizjattivi relevanti ġodda tal-Kummissjoni dwar l-infrastruttura ta' dejta dwar l-ispazju u l-GMES (Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà), b'mod partikulari s-servizzi tal-baħar;

20.  Ifakkar il-mandat ta' l-EEA li tiżviluppa evalwazzjonijiet panewropej regolari ta' l-ambjent tal-baħar, ibbażati fuq indikaturi eżistenti u dejta u informazzjoni oħra disponibbli nazzjonalment; jenfasizza li huwa neċessarju li jittejjeb aktar ir-rapportaġġ nazzjonali, anke permezz ta' protokolli speċifiċi għall-iskambju ta' dejta, pereżempju, flussi ta' dejta biex jappoġġjaw l-iżvilupp tal-grupp ewlieni ta' indikaturi ta' l-Aġenzija;

21.  Iqis bħala essenzjali li jkunu adottati miżuri u programmi ta' traċċabilità u ta' osservabilità sabiex jiġi identifikat tniġġis u s-sors tiegħu ħalli b'mod effettiv jittieħed ħsieb tiegħu;

22.  Iqis essenzjali l-koperazzjoni ma' aġenziji ddeċentralizzati (l-Aġenzija Ewropea ta' l-Ambjent, l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza Marittima eċċ.) u maċ-Ċentru Ewropew tar-Riċerka sabiex tinkiseb dejta dwar il-kwalità ta' l-ilma tal-baħar u sabiex ikun identifikat, illokalizzat u miġġieled it-tniġġis;

Relazzjonijiet ma' Konvenzjonijiet u pajjiżi terzi

23.  Jilqa' bi pjaċir il-kontribuzzjonijiet eċċellenti għall-protezzjoni tal-baħar ta' numru ta' konvenzjonijiet reġjonali tal-baħar, permezz tal-kompetenza u l-ħila xjentifika u teknika tagħhom li jservu ta' pont ma' pajjiżi li m'humiex fl-UE, u jistenna li dawn isiru msieħba ewlenin fit-twassil tad-Direttiva dwar l-Istrateġija Marittima, u jagħmel stedina għall-inklużjoni ta' impenji espliċiti biex tiġi promossa l-kooperazzjoni internazzjonali ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet bil-ħsieb li jadottaw strateġiji marittimi biex ikopru reġjuni jew sottoreġjuni b'ilmijiet marittimi Ewropej;

24.  Sabiex ikun evitat piż burokratiku doppju fuq l-attwazzjoni effettiva tad-Direttiva dwar l-Istrateġija Marittima, jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw jew li l-konvenzjonijiet reġjonali tal-baħar ikollhom il-kapaċitajiet legali u amministrattivi relevanti jew inkella li mekkaniżmi għall-implimentazzjoni konġunta ta' l-Istrateġija jkunu żviluppati bejn il-korpi reġjonali differenti li joperaw fl-istess reġjun tal-baħar. Fiż-żewġ każijiet dan għandu jinkludi l-usa' involviment possibbli tas-setturi u l-partijiet konċernati;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tistudja l-possibilità li tiddikjara l-Baħar Baltiku bħala zona pilota, minħabba l-fatt li hija zona partikularment sensittiva u peress li l-Istati Membri li jdawruh aktarx jaqblu dwar implimentazzjoni aktar mgħaġġla tal-pjanijiet u l-azzjonijiet permezz tal-ħidma fi ħdan il-Kummissjoni ta' Helsinki u entitajiet oħrajn; jinnota li l-Pjan ta' Azzjoni li jmiss għall-Baħar Baltiku, mill-Konvenzjoni ta' Helsinki, jista' jservi bħala programm pilota għall-implimentazzjoni ta' l-objettivi ta' l-Istrateġija fir-Reġjun Marittimu tal-Baħar Baltiku;

26.  Huwa tal-fehma li r-regoli internazzjonali attwali għandhom ikunu rriveduti sabiex l-ibħra internazzjonali (aktar minn 12-il mil nawtiku mix-xtut) ma jkunux jistgħu jintużaw għar-rimi ta' drenaġġ;

27.  Jinnota li l-ħarsien tal-baħar Mediterran jonqsu l-leġiżlazzjoni ambjentali neċessarja jew, fejn tali leġiżlazzjoni teżisti, ir-rieda politika biex tiġi infurzata. L-objettivi tal-Konvenzjoni ta' Barċellona għall-promozzjoni tal-ġestjoni integrata taz-zoni kostali jridu jaffrontaw żvilupp tar-Reġjuni b'żewġ veloċitajiet, jiġifieri l-pajjiżi tan-nofsinhar u tal-lvant tal-Mediterran fuq in-naħa l-waħda u l-pajjiżi tat-tramuntana tal-Mediterran fuq l-oħra;

28.  Jinnota li, minħabba t-temperatura baxxa ta' l-ilma u r-rata baxxa ta' taħlit ta' l-ilma, l-ekosistemi tal-Baħar Baltiku huma vulnerabbli ħafna għat-tniġġis u li l-ekoloġija tal-baħar tar-reġjun tal-Baltiku hija stmata li sofriet ħsara li kważi hija irreversibbli. Għaldaqstant iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jintroduċu miżuri speċjali, fost l-oħrajn fil-Politika Agrikola Komuni (CAP), sabiex jittejjeb l-istejtus ambjentali tal-Baħar Baltiku. Barra minn hekk, trid tikber il-koperazzjoni bejn l-UE u r-Russja. F'dan il-kuntest, il-fond tal-programm ta' sħubija ambjentali tal-Programm tad-Dimensjoni tat-Tramuntana ta' l-UE huwa ħtieġa essenzjali sabiex jittejjeb il-ħarsien ta' l-ilma fil-Baħar Baltiku;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri relevanti għall-protezzjoni ta' l-ibħra Artiċi, ekosistema estremament fraġli li hija mhedda kontinwament u dejjem tiffaċċja theddid ġdid, u biex tiżviluppa u tappoġġja proġetti li jindirizzaw id-drittijiet u l-ħtiġijiet ta' popli indiġeni biex tkun solvuta l-problema ta' l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali ta' l-Artiku;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tistudja l-prerekwiżiti meħtieġa sabiex l-Artiku jkun stabbilit bħala zona protetta, bħalma hu l-Antartiku, u speċifikat bħala "riserva naturali ddedikata għall-paċi u għax-xjenza", u sabiex tirreferi lura lill-Parlament u lill-Kunsill sa mhux aktar tard mill-2008;

31.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, fil-kuntest ta' ftehimiet internazzjonali u reġjonali ta' l-UE ma' pajjiżi terzi li għandhom sovranità jew ġurisdizzjoni fuq ibħra li jmissu ma' ilmijiet marittimi Ewropej, sabiex jippromwovu l-adozzjoni ta' miżuri u programmi skond id-Direttiva dwar l-Istrateġija Marittima, li tinsab fil-proċess li tiġi adottata;

32.  Jirrakkomanda l-inklużjoni tal-Baħar l-Iswed bħala wieħed mir-Reġjuni tal-Baħar koperti mid-Direttiva dwar l-Istrateġija Marittima; dan ir-reġjun tal-baħar importanti għandu fruntieri mal-Bulgarija u r-Rumanija, pajjiżi li se jsiru membri ta' l-UE fl-2007 u diġà qed jieħdu sehem fl-implimentazzjoni tad-Direttiva ta' Qafas dwar l-Ilma - bħala parti mix-xogħol immexxi mill-Kummissjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tax-Xmara Danubju - u mat-Turkija, li magħha għaddejjin negozjati għall-adeżjoni;

33.  Jiddispjaċih li ma ngħatatx garanzija ambjentali b'konnessjoni mal-kostruzzjoni tal-pajp tal-gass tat-Tramuntana ta' l-Ewropa biex tilqa' għal diżastru ambjentali potenzjali fir-reġjun tal-Baħar Baltiku; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel studju dwar l-impatt fuq l-ambjent tal-proġett ippjanat u biex tipposponi kwalunkwe deċiżjoni dwar il-ko-finanzjament tal-proġett;

34.  Jagħmel stedina biex f'kull każ ikun hemm konsultazzjoni minn qabel ma' pajjiżi ġirien u ma' pajjiżi kkonċernati oħrajn meta proġetti jista' jkollhom impatt fuq l-ambjent komuni, anke meta l-proġett jitwettaq f'ibħra internazzjonali; jinnota li l-esperjenza turi li studji dwar l-impatt ambjentali spiss ikun fihom nuqqasijiet u li ħafna drabi ma jitwettqux b'konsultazzjoni ma' Stati oħrajn; għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipproponi mekkaniżmu ta' negozjar obbligatorju bejn l-Istati Membri, u jħeġġeġ lill-Kunsill sabiex jaġixxi fuq livell internazzjonali biex fir-relazzjonijiet bejn l-UE u pajjiżi terzi, jiżviluppa studji obbligatorji dwar l-impatt ambjentali;

o
o   o

35.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.

(1) ĠU L 242, 10.9.2002, p.1.
(2) ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1. Direttiva kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 2455/2001/KE (ĠU L 331, 15.12.2001, p.1).
(3) ĠU C 69 E, 19.3.2004, p. 141.
(4) http://reports.eea.europa.eu/state_of_environment_report_2005_1/en
(5) http://www.europarl.europa.eu/comparl/envi/pdf/externalexpertise/ieep_6leg/marine_thematic_strategy.pdf
(6) http://www.un.org/Depts/los/convention_agreements/convention_overview_convention.htm
(7) http://www.helcom.fi/stc/files/Convention/conv0704.pdf
(8) http://www.ospar.org/eng/html/welcome.html
(9) http://europea.eu/scadplus/leg/en/lvb/l28084.htm
(10)1 Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitats naturali u tal-fawna selvaġġja u l-flora (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.)
(11) ĠU L 103, 25.4.1979, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza