Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kreditu fuq l-ipoteki fl-UE(2006/2102(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-Kreditu fuq l-Ipoteki fl-UE (COM(2005)0327) (Green Paper),
– wara li kkunsidra l-White Paper dwar il-Politika tas-Servizzi Finanzjarji 2005-2010 (COM(2005)0629),
– wara li kkunsidra t-tweġiba tal-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewopew (BĊE) dwar il-Green Paper dwar il-Kreditu fuq l-Ipoteki fl-UE ta' l-1 ta' Diċembru 2005,
– wara li kkunsidra t-Tieni Direttiva tal-Kunsill 89/646/KEE tal-15 ta' Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amminstrattivi relatati ma' l-istabbiliment u t-twettiq tan-negozju ta' istituzzjonijiet ta' kreditu(1),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-14 ta' Ġunju 2006 dwar l-istabbiliment u t-twettiq tan-negozju ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (imfassla mill-ġdid)(2) (Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital) u d-Direttiva 2006/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-14 ta' Ġunju 2006 dwar l-adegwatezza tal-kapital ta' negozji ta' l-investiment u istituzzjonijiet ta' kreditu (imfassla mill-ġdid)(3),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2002 dwar il-kummerċjalizzazzjoni minn distanza ta' servizzi finanzjarji għall-konsumatur(4),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi tas-soċjetà ta' l-informatika, b'mod partikulari l-kummerċ elettroniku fis-Suq Intern(5),
– wara li kkunsidra l-proposta modifikata għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar arranġamenti ta' kreditu għal konsumaturi li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KE (COM(2005)0483),
– wara li kkunsidra l-proposta emendata tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Kunsill dwar il-libertà ta' l-istabbiliment u l-forniment ħieles ta' servizzi fil-qasam tal-kreditu fuq l-ipoteka (COM(1987)0255),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u Affarijiet Soċjali u l-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0370/2006),
A. billi l-kreditu fuq l-ipoteka jirrappreżenta suq kbir li qed jikber b'mod mgħaġġel u jagħmel parti vitali mill-istruttura ekonomika u soċjali ta' l-UE,
B. billi xi Stati Membri qed jesperjenzaw tkabbir bla preċedent fis-suq tal-proprjetà, li ppermetta lis-settur tal-bini isir settur anti-ċikliku, li huwa fattur ewlieni biex ikun hemm tkabbir u xogħol waqt ir-reċessjoni ekonomika li ġarrbet l-Ewropa tul il-perjodu 2000 sa 2005,
C. billi rati ta' l-interessi storikament baxxi rriżultaw f'ħafna self fuq l-ipoteka, b'mod partikulari f'dawk il-pajjiżi fejn dan is-self huwa bbażat fuq dik il-kunfidenza li ħolqot it-tkabbir ekonomiku,
D. billi l-ħarsien tal-konsumatur Ewropew irid ikun wieħed mill-aktar karatteristiċi importanti ta' kwalunkwe azzjoni leġiżlattiva dwar il-kreditu ipotekarju, li għal ħafna ċittadini ta' l-UE jirrapreżenta l-ikbar impenn finanzjarju tul ħajjithom, b'implikazzjonijiet fit-tul fuq il-livell ta' għajxien u l-istabbilità finanzjarja tagħhom,
E. billi t-trasparenza mtejba fir-rigward tal-karatteristiċi ewlenin tal-prodotti ipotekarji disponibbli mhux biss ittejjeb l-effiċjenza tas-suq imma għandha żżid ukoll il-kunfidenza ta' dawk li jfittxu self u li jkunu qed iqisu tranżazzjonijiet ta' kreditu fuq ipoteka fi Stati Membri oħra u tippermettilhom li jieħdu deċiżjoniet infurmati,
F. billi hemm bżonn li l-konsumatur ikollu aċċess għal informazzjoni sħiħa u kemm jista' jkun sempliċi, provduta f'kull każ speċifiku permezz ta' formoli standard li jippermettu studju komparattiv minn Stat Membru għal ieħor, sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw b'iktar effettività il-libertà ta' l-għażla tagħhom meta jieħdu kreditu fuq l-ipoteka fuq bażi transkonfinali,
G. billi miżuri mmirati għal firxa mtejba ta' prodotti u servizzi, għal disponibilità akbar u suq integrat tal-finanzjament jafu jsaħħu l-effiċjenza tas-suq, ta' ekonomiji ta' skala u d-diversifikazzjoni, jnaqqsu l-ispejjeż fuq is-self, u b'hekk ikunu ta' benefiċċju għall-ekonomija Ewropea,
H. billi l-ħolqien ta' l-aċċess għal bażi ta' dejta ta' kreditu tal-klijenti għal fornituri ta' servizzi ta' l-ipoteki fil-każ tas-self transkonfinali huwa kontribut kruċjali fit-tisħiħ tal-kompetizzjoni fl-attivitajiet ta' self ibbażati fuq l-ipoteki u fil-ħolqien ta' suq Ewropew uniku ta' l-ipoteki.
I. billi suq integrat ta' l-ipoteki għandu jiffaċilita l-mobilità tal-ħaddiema,
J. billi, b'mod sorprendenti, hemm ftit pressjoni minn selliefa fuq l-ipoteki jew minn organizzazzjonijiet tal-konsumatur biex ikun żviluppat is-self transkonfinali b'mod differenti mill-istabbiliment fiżiku fis-swieq nazzjonali separati,
K. billi s'issa l-eżistenza ta' xkiel konsiderevoli fis-suq fixklet iż-żieda ta' offerti ta' kreditu fuq ipoteki bejn il-fruntieri, li s'issa jammontaw għal inqas minn 1% tas-suq ta' l-ipoteki globali ta' l-UE;
L. billi fuq numru ta' kwistjonijiet importanti l-Komunità m'għandhiex kompetenza jew għandha kompetenza limitata, u billi l-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità għandhom jiġu rispettati,
M. billi s-sensara fl-ipoteki jista' jkollhom irwol importanti, billi jużaw il-kompetenzi tagħhom fi prodotti ipotekarji fis-suq domestiku tagħhom imma anke bejn is-swieq ta' Stati Membri oħra, billi jappoġġaw attività transkonfinali u billi jservu ta' pont bejn il-konsumatur u l-istituzzjonijiet finanzjarji kemm lokali kif ukoll barranin,
N. billi jeżistu varjetajiet sinifikanti fil-firxa u l-karatteristiċi tal-prodotti, l-istrutturi ta' distribuzzjoni, il-perijodu tas-self, u l-mekkaniżmi ta' finanzjament bejn l-Istati Membri, minħabba kundizzjonijiet differenti legali, fiskali, regolatorji u fil-ħarsien tal-konsumatur,
O. billi s-swieq tal-kreditu ipotekarju huma estremament kumplessi, u billi s-sistemi legali u l-kulturi finanzjarji kif ukoll il-liġi dwar propjetà u r-reġistrazzjoni ta' l-art, il-liġi dwar id-drittijiet in rem, il-ftehimiet dwar kreditu, kwistjonijiet ta' evalwazzjoni, il-liġi dwar il-bejgħ b'subbasta, is-swieq ta' finanzjament mill-ġdid eċċ., ivarjaw ħafna f'livell nazzjonali u fl-istess ħin teżisti koerenza interna fost id-diversi oqsma,
P. billi għadhom jeżistu ostakoli ta' tassazzjoni li huma diskriminatorji li jxekklu l-użu tas-suq uniku għal kreditu ipotekarju u f'xi każi jafu anke jmorru kontra l-leġiżlazzjoni tal-KE;
Q. billi hemm rabta diretta bejn is-suq ta' l-ipoteki u l-politika makroekonomika u t-tmexxija tal-politika monetarja b'mod partikulari,
R. billi l-volatilità tas-suq ipotekarju tista' taffettwa ċ-ċikli tas-suq tad-djar u ċikli ekonomiċi u b'hekk tkun ta' riskju sistemiku,
S. billi, sabiex tinġieb aktar effiċjenza u kompetittività fis-suq tal-kreditu ipotekarju fl-UE, jista' jkun preferibbli li l-ewwel nett wieħed iħares lejn l-implimentazzjoni u l-effettività tar-Rakkomandazzjoni 2001/193/KE tal-Kummissjoni ta' l-1 ta' Marzu 2001 dwar l-informazzjoni pre-kuntrattwali li għandha tingħata lill-konsumatur minn selliefa li joffru self għad-djar(6) (Kodiċi ta' Kondotta) u lejn l-użu tad-Dokument Informattiv Standardizzat Ewropew (ESIS), li jimmira li jkun żgurat li l-konsumatur jikseb informazzjoni trasparenti u li tista' titqabbel dwar is-self fuq id-djar;
T. billi jidher li l-Kodiċi ta' Kondotta msemmi hawn fuq ġie implimentat b'diversi gradi ta' suċċess fl-Istati Membri, imma madankollu mingħajr ma ssolviet il-problema globali tan-nuqqas ta' qafas legali komuni;
Introduzzjoni
1. Jirrikonoxxi l-benefiċċji li ġġib magħha integrazzjoni ulterjuri ffokata tajjeb tas-suq ta' l-UE ta' l-ipoteki għall-konsumatur;
2. Iqis li kwalunkwe azzjoni fuq livell ta' l-UE li tirrigwarda s-suq Ewropew tal-kreditu ipotekarju, l-ewwel u qabel kollox, għandha tibbenefika l-pubbliku b'mod dirett bħala dawk li jisselfu l-ipoteki u li suq tal-kreditu ipotekarju għandu jkun aċċessibbli għal numru ikbar ta' persuni li potenzjalment jisselfu, anke dawk li għandhom statistika ta' kreditu li hija baxxa jew mhux kompluta, ħaddiema b'kuntratti għal żmien fiss u xerrejja għall-ewwel darba;
3. Jilqa' b'sodisfazzjon il-konsultazzjoni wiesgħa tal-Kummissjoni u jinsisti li kwalunkwe proposti speċifiċi għandhom ikunu preċeduti minn evalwazzjonijiet ta' l-impatti ekonomiċi u soċjali li jsiru bir-reqqa;
4. Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni sal-lum biex tikkonforma mar-rekwiżiti għal regolamentazzjoni aħjar; madankollu, ifakkar lill-Kummissjoni li kwalunkwe konklużjonijiet li jintlaħqu għandhom dejjem jirriżultaw minn proċess ta' konsultazzjoni estensiv;
5. Jinnota l-bosta ostakoli għal suq bl-imnut uniku tal-kreditu ipotekarju ta' l-UE li huma enfasizzati fil-Green Paper u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiffoka fuq miżuri mmirati li joffru l-ikbar benefiċċji, u li jkunu inkoraġġuti inizjattivi mmexxija mis-suq kull meta dan ikun possibbli;
6. Iwiddeb lill-Kummissjoni li tentattivi biex jiġu armonizzati l-prodotti nfushom jistgħu jwasslu għal inkonsistenzi legali u b'hekk iħallu impatt negattiv fuq is-settur;
7. Jinsisti li kull azzjoni ta' l-UE m'għandhiex ixxekkel il-kompetizzjoni u l-innovazzjoni, b'mod partikulari fir-rigward ta' prodotti, servizzi anċillari u tekniki ta' finanzjament;
Kodiċi ta' Kondotta u informazzjoni pre-kuntrattwali
8. Jitlob li jsiru sforzi lejn l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-informazzjoni pre-kuntrattwali, li huma neċessarji biex dawk li jisselfu jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar kuntratti ta' l-ipoteka potenzjali;
9. Jinsisti li informazzjoni pre-kuntrattwali ta' dan it-tip trid tkun preċiża u tiftiehem sabiex tkun tista' ssir għażla infurmata u li għandha tippreżenta lill-konsumatur stampa li kemm jista' jkun tkun tinftiehem u globali, fid-dawl ta' l-informazzjoni disponibbli li fuqha l-kuntratt ta' l-ipoteka huwa bbażat; jenfasizza li, fil-każ li sellief jieħu l-inizjattiva biex joffri kreditu fi Stat Membru ieħor, din l-informazzjoni trid tiġi provduta lil dawk li jisselfu kemm jista' jkun malajr fil-lingwi uffiċjali rikonoxxuti fl-Istat Membru ta' residenza tas-sellief;
10. Jaħseb li l-Kodiċi ta' Kondotta u l-ESIS huma strumenti importanti, imma mhumiex biżżejjed biex iħarsu l-interessi ekonomiċi taċ-ċittadini li jiċċaqalqu bejn Stati Membri differenti u x'aktarx jixtru proprjetà fi Stati Membri oħrajn; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tevalwa l-progress u tikkunsidra li tagħmel il-Kodiċi ta' Kondotta, li bħalissa huwa volontarju, obbligatorju jekk ma jkunx hemm konormità bikrija;
Finanzjament
11. Iqis li l-iżvilupp ta' suq tal-finanzjament uniku, miftuħ u kompatibbli huwa l-ewwel prijorità peress li jsaħħaħ l-effiċjenza, jippermetti d-diversifikazzjoni internazzjonali tal-kreditu fuq riskju, jiġu sfruttati bl-aħjar mod il-kundizzjonijiet ta' finanzjament u l-allokazzjoni tal-kapital, u jitnaqqsu l-ispejjeż fuq is-self; jirrikonoxxi l-importanza li jiġu integrati inizjattivi msejsa fuq is-suq u l-potenzjal għal dan f'dan il-qasam;
12. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ħolqien ta" suq sekondarju wieħed għal ipoteki ma jistax jintlaħaq mingħajr konverġenza gradwali tar-regoli nazzjonali tal-kuntratti;
13. Jilqa' l-istabbiliment tal-Grupp ta' Esperti ta' l-Iffinanzjament ta' l-Ipoteki u jitlob għal studju fil-fond tal-varjazzjonijiet fil-prattiki regolatorji nazzjonali u legali li jaffettwaw l-ipoteki;
14. Jaħseb li dispożizzjonijiet fid-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital li jirrigwardaw ishma koperti u sigurtajiet garantiti minn ipoteki joffru għażliet ta' finanzjament importanti;
15. Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tikkunsidra kif l-aħjar toħloq bażi tad-dejta ċentrali bħala post fejn jinħażen tagħrif dwar is-swieq ipotekarji nazzjonali differenti u l-gruppi transnazzjonali komuni ta' sigurtajiet ipotekarji (bħal probabilitajiet awtomatiċi, telf awtomatiku u minn ħlasijiet minn qabel), li jippermetti lill-investituri jevalwaw u jiffissaw il-prezzijiet tal-gruppi ipotekarji komuni b'mod adegwat;
16. Jissuġġerixxi li firxa ta' pakketti standardizzati ta' ipoteki Ewropej jistgħu jiġu negozjati fis-swieq tal-kapital b'rati ta' kreditu skond il-karatteristiċi tagħhom, u b'hekk jissaħħu s-swieq ipotekarji sekondarji garantiti mis-sigurtajiet;
17. Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra s-suq li qed jikber ta' ipoteki li jaqblu mar-rekwiżiti tal-liġi tax-sharia u li tiżgura li kwalunkwe leġiżlazzjoni ma teskludix il-ħtiġijiet ta' dak is-suq;
18. Jirrikonoxxi l-irwol importanti ta' l-assikurazzjoni fuq l-ipoteki fit-tnaqqis tar-riskju għal selliefa u sabiex jiġi permess l-aċċess għal firxa usa' ta' persuni li jisselfu;
Bejgħ bl-imnut
19. Jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga l-ostakoli li jxekklu d-drittijiet ta' selliefa għal provvediment ħieles ta' servizzi jew għal-libertà ta' l-istabbiliment fi Stati Membri oħrajn u jekk il-klawsola ta' 'l-interess ġenerali' qed tintuża biex tiġi skoraġġuta l-attività transkonfinali;
20. Jappoġġa azzjoni tal-Kummissjoni biex tiffaċilita għaqdiet u akkwisti transkonfinali fis-servizzi finanzjarji, waqt li tiżgura li n-netwerks ta' distribuzzjoni jqisu l-ħtiġijiet tas-sitwazzjonijiet reġjonali u s-swieq iżgħar, iżda jinnota li għaqdiet u akkwisti transkonfinali biss mhux se jippromwovu integrazzjoni tas-suq f'dan il-qasam;
21. Jaħseb li l-ftuħ tas-suq tal-kreditu ipotekarju għal istituzzjonijiet mhux ta' kreditu, b'reġim ekwivalenti superviżorja, se jżid il-kompetizzjoni u l-firxa ta' prodotti;
22. Jirrikonoxxi l-irwol benefiċċjarju ta' l-intermedjarji ta' kreditu, bħal ma huma sensara ta' l-ipoteki, bħala għajnuna lill-konsumaturi biex ikollhom aċċess għal kreditu ipotekarju kompetittiv minn selliefa domestiċi u mhux domestiċi u jappoġġja l-impenn tal-Kummissjoni biex tikkonsulta dwar ambjent regolatorju xieraq għal operaturi bħal dawn u tlesti proposta;
23. Jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga xkiel għat-trasferiment ta' self minn bejn il-fruntieri u biex tesplora aktar il-potenzjal ta' l-Euromortgage bħala strument kollaterali, inkluża l-kunsiderazzjoni tal-garanziji mehmużin miegħu ta':
-
il-garanziji ta' miegħu li huma meħtieġa għat-twaqqif u l-użu tiegħu, b'mod partikulari fir-rigward tal-verifika ta' l-aċċess kollaterali u pubbliku għall-kuntratti u l-effetti vis-à-vis partijiet terzi;
-
l-istejtus li se jingħata fir-rigward ta' spejjeż oħra marbuta b'garanzija fuq l-art;
-
ir-rabta bejn il-kreditu u l-kollateral; u
-
il-konsegwenzi legali ta' kwittanza parzjali jew sħiħa tal-kreditu garantit, bidla fil-bażi ta' evalwazzjoni tiegħu jew tat-trasferiment tagħha, kemm vis-à-vis kredituri kif ukoll partijiet terzi;
24. Jikkunsidra li kwalunkwe proposta f'dan is-sens għandha tkun akkumpanjata, jekk ikun neċessarju, minn evalwazzjoni ta" impatt, li tinkludi aspetti legali, bi studji dettaljati tal-liġi komparattiva, kif ukoll aspetti ekonomiċi u soċjali skond il-metodu rrakkomandat fil-gwida għall-evalwazzjoni ta" impatt approvat mill-Kunsill dwar il-Kompetittività fid-29 ta" Mejju 2006;
25. Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' mekkaniżmi għal ipoteki rikarikabbli u self ipotekarju fuq vitalizju b'garanziji sħaħ f'termini ta' informazzjoni pubblika, u b'għarfien xieraq tal-kwistjonijiet ta' kunfidenzjalità u l-effetti fir-rigward ta' partijiet terzi;
26. Huwa tal-fehma li hemm iktar ċans li selliefa jidħlu f'suq jekk ir-regoli nazzjonali jippermettulhom joffru termini għal ħlas lura bikri għal prezz li huwa proporzjonali għall-ispejjeż jew li jvarjaw ir-rati ta' l-interessi skond il-kundizzjonijiet tas-suq u r-riskju u li restrizzjonijiet f'dawn l-aspetti aktarx ixekklu l-iżvilupp tas-suq fir-rigward ta' finanzjament, prodotti ġodda, u s-self lil persuni li jisselfu li jaqgħu fil-kategorija ta' riskju għoli;
27. Jaħseb li standard ta' l-UE, li jiddefinixxi l-iskop u l-metodu ta' kif jiġu kkalkulati r-rati perċentwali annwali mitluba, għandu jiġbor flimkien l-ispejjeż kollha li t-taxxi fuqhom għandu jħallashom is-sellief u għandu jiżgura l-komparabilità tagħhom mal-prodotti offerti fi Stati Membri oħrajn, li għandhom l-istess maturità; jemmen li dawk li jisselfu għandhom ukoll ikunu infurmati minn qabel dwar kwalunkwe spejjeż relatati mat-tranżazzjoni u ma' l-obbligi legali ta' min ikun qed jissellef, inklużi affarijiet li fuqhom titħallas it-taxxa minn partijiet terzi bħal ħlasijiet legali, ħlasijiet għar-reġistrazzjoni u amministrattivi u l-ispejjeż ta' kwalunkwe valutazzjoni, jew stimi ta' tali spejjeż jekk ma jkunx hemm figura preċiża.
28. Jemmen li barra milli jipprovdi informazzjoni preċiża dwar ir-rata perċentwali annwali s-sellief għandu jipprovdi informazzjoni dwar kwalunkwe tip ieħor ta' ħlas jew ta' spiża li hemm il-possibilità li jinqala' b'riżultat ta' l-attivitajiet tiegħu, pereżempju l-ispejjeż li jsiru waqt l-eżami ta' applikazzjoni, ħlasijiet ta' impenn, penali għal rimborż bikri tas-somma kollha jew parti minnha, eċċ;
29. Jirrikonoxxi l-potenzjal ta' l-internet bħala mezz għar-reklamar tal-kreditu ipotekarju, u jirrakkomanda li l-Kummissjoni tistudja aktar din il-possibilità;
Ostakoli legali, fiskali u operattivi
30. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex teżamina l-ostakoli legali u regolatorji li jxekklu l-iżvilupp imsejjes fuq is-suq ta' suq ta' finanzjament pan-Ewropew għall-kreditu ipotekarju;
31. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi l-kamp ta' applikazzjoni tal-proposti futuri tagħha u biex tkun ristretta għal kuntratti fuq l-ipoteki u l-garanziji tagħhom (ħlasijiet fissi fuq proprjetà), sabiex tiġi evitata repetizzjoni tat-test tad-dokument COM(2005)0483;
32. Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu miżuri li jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-suq sekondarju ta' l-ipoteki u biex tistabbilixxi qafas ġuridiku sabiex jitwettqu attivitajiet ta' portafoll effettivi, b'mod partikulari biex tippreċiża li dawk l-istrumenti ġuridiċi ta' ħlas li huma disponibbli ma jippermettux li jintlaħaq l-objettiv mixtieq, u meta wieħed iqis it-tradizzjonijiet ġuridiċi differenti u l-mudelli differenti ta' sigurtajiet attwali;
33. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kwistjoni tal-liġi applikabbli għall-kuntratti ta" kreditu ipotekarju għandha tiġi indirizzata fil-kuntest tar-reviżjoni tal-Konvenzjoni ta' Ruma ta' l-1980 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali; iżda jappoġġja l-fehma tal-Grupp tal-Forum dwar il-Kreditu fuq l-Ipoteki li l-liġi applikabbli għall-kuntratti tal-kreditu fuq l-ipoteki ma tridx tkun allinjata mal-liġi applikabbli għal kuntratti ipotekarji u li, fil-każ ta" kuntratti ipotekarji, il-lex rei sitae (il-liġi tal-post ta" fejn tinsab il-proprjetà) tapplika;
34. Jenfasizza l-importanza ta' bażi ta' dejta tal-klijenti li huma komprensivi u ta' min joqogħod fuqhom u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippromwovi l-iżvilupp ta' proċess ta' tranżizzjoni lejn format konsistenti fl-Istati Membri kollha;
35. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiffaċilita l-aċċess transkonfinali għal bażi ta' dejta ta' klijenti fuq bażi mhux diskriminatorja bħala prijorità biex selliefa jiġu inkoraġġuti jidħlu fi swieq ġodda;
36. Jirrikonoxxi li, suġġett għal ġustifikazzjoni ta' ħarsien tal-privatezza, l-aċċess kemm għal dejta dwar kreditu pożittiv kif ukoll dak negattiv huwa mixtieq;
37. Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi biex ikun hemm titjib u aġġustamenti fil-liġi li tirregola l-proċeduri ta' bejgħ sfurzat;
38. Jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni għal tabella ta' riżultati dwar id-dewmien u l-ispiża ta' proċeduri ta' bejgħ sfurzat;
39. Jissuġġerixxi li l-korpi professjonali ta' l-istimaturi għandhom jikkollaboraw biex jadottaw standards ta' l-UE ta' evalwazzjoni tal-proprjeta' li huma ta' kwalità għolja u li jistgħu jiġu mqabbla;
40. Jenfasizza l-importanza għas-selliefa li jkollhom aċċess faċli għal tagħrif sħiħ u preċiż dwar kollateral fuq l-ipoteki u d-drittijiet tas-sjieda;
41. Huwa favur li l-aċċess għal reġistri ta' proprjetà jitħeġġeġ, fejn dan mhux impedut minn leġiżlazzjoni attwali, u jappoġġa l-isforzi kollha biex jiġi armonizzat il-valur informattiv ta' dawn ir-reġistri permezz ta' miżuri nazzjonali u jħeġġeġ it-titjib tas-sistema attwali tas-Servizz Ewropew għal Informazzjoni dwar l-Art (EULIS);
42. Jappoġġa azzjoni li tneħħi ostakoli ta' taxxa li huma diskriminatorji, bħal trattament fiskali differenti ta' selliefa lokali u dawk barranin u ħlasijiet lill-gvern;
43. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tikkunsidra, fil-każ ta' ipoteki transkonfinali, kif tista' tirrikonċilja l-metodi li jvarjaw ta' tnaqqis tat-taxxa ta' interessi fuq l-ipoteki madwar l-UE;
Kwistjonijiet sistematiċi, makroekonomiċi u ta' prudenza
44. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-BĊE biex jissorveljaw u janalizzaw ir-riskji potenzjali ta' livelli jiżdiedu ta' dejn fuq l-ipoteki u ta' kreditu ipotekarju ffinanzjati mis-swieq ta' kapital;
Konklużjoni
45. Jikkonkludi li hemm il-potenzjal għal benefiċċji għall-konsumatur u għall-ekonomija jekk issir aktar integrazzjoni li tkun maħsuba sew tas-suq ta' l-ipoteki ta' l-UE;
o o o
46. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-BĊE u lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri.