Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Istrixxa ta' Gaża
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti dwar il-Lvant Nofsani, b'mod partikolari dawk tat-2 ta' Frar 2006 dwar ir-riżultat ta' l-elezzjonijiet Palestinjani u s-sitwazzjoni f'Ġerusalemm tal-Lvant(1), ta' l-1 ta' Ġunju 2006 dwar il-kriżi umanitarja fit-territorji Palestinjani u l-irwol ta' l-UE(2) u tas-7 ta' Settembru 2006 dwar is-sitwazzjoni tal-Lvant Nofsani(3),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 242(1967) u 338(1973) tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU,
– wara li kkunsidra r-'Roadmap għall-Paċi' tal-Kwartett tat-30 ta' April 2003,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni tal-15 ta' Settembru 2006, tas-16 u s-17 ta' Ottubru 2006 and tat-13 ta' Novembru 2006,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-operazzjoni militari Iżraeljana f'Gaża rriżultat f'350 mewt, inklużi ħafna ċivili, minn Ġunju 2006 u attakk Iżraeljan f'Beit Hanun fit-8 ta' Novembru 2006 irriżulta fil-qtil ta' 19-il Palestinjan, il-biċċa l-kbira tfal u nisa,
B. billi hu mħasseb serjament dwar il-fatt li bħala riżultat tat-tkissir kbir ta' faċilitajiet pubbliċi u djar privati, id-diżordni fl-isptarijiet, fil-kliniki u l-iskejjel, iċ-ċaħda mill-aċċess għall-ilma, l-ikel u l-elettriku, id-distruzzjoni ta' art agrikola u l-imblokk totali ta' l-Istrixxa ta' Gaża, il-kriżi umanitarja laħqet livell katastrofiku,
C. billi attakki mmirati direttament lejn propjetà ċivili u attakki sproporzjonati u indiskriminati fuq il-popolazzjoni ċivili jirrappreżentaw ksur skandaluż tad-drittijiet fundamentali kif stipulati fil-liġi internazzjonali u fil-Konvenzjoni ta' Ġinevra,
D. billi l-Prim Ministru Iżraeljan Ehud Olmert esprima l-piena tiegħu u wera dispjaċir għal dak li qal li huwa riżultat ta' 'żball tekniku' f'Beit Hanun fit-8 ta' Novembru 2006 u l-armata Iżraeljana iddeċidiet li tagħti bidu għal investigazzjoni interna,
E. billi d-dritt li stat jiddefendi ruħu ma jistax jiġġustifika kwalunkwe użu sproporzjonat u indiskriminat tal-forza, u l-liġi umanitarja internazzjonali tipprojbixxi bil-qawwa kollha attakki kontra ċivili,
F. billi ċ-ċiklu ġdid ta' vjolenza qed jhedded l-isforzi li saru mill-Awtorità Nazzjonali Palestinjana bil-għan li jiġi ffurmat gvern ġdid Palestinjan ta' għaqda nazzjonali,
G. billi l-komunità internazzjonali u l-Unjoni Ewropea qed jipprovdu appoġġ kunsiderevoli għas-soluzzjoni tal-kriżi umanitarja fl-Istrixxa ta' Gaża u x-Xatt tal-Punent, b'rispett partikolari għall-Mekkaniżmu Internazzjonali Temporanju (TIM); billi, madankollu, din l-assistenza ma tistax tilqa' għall-bżonnijiet kollha,
H. billi hu mħasseb serjament dwar l-implikazzjonijiet tal-ħatra reċenti ta' Avigdor Lieberman bħala Viċi Prim Ministru ta' Iżrael,
I. billi l-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani jinsab imwaħħal fuq livell politiku u diplomatiku, għalkemm is-soluzzjoni komprensiva u dejjiema għall-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina hija essenzjali sabiex ikunu stabbiliti l-paċi u s-sigurtà fir-reġjun kollu,
J. billi l-Unjoni Ewropea, bħala membru tal-Kwartett (li jinkludi wkoll in-Nazzjonijiet Uniti, l-Istati Uniti ta' l-Amerika u r-Russja), għandha responsabiltà speċjali għall-paċi u s-sigurtà fil-Lvant Nofsani, li huwa fil-viċinat ta' l-Ewropa, u billi l-istrumenti u l-metodi għall-koordinazzjoni ta' Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni (CFSP) għandhom jittejbu, inter alia permezz ta' l-adozzjoni ta' pożizzjoni komuni fil-qafas tas-CFSP fuq il-bażi ta' l-Artikoli 15 u 16 tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea,
1. Jesprimi l-kondoljanzi l-aktar sinċieri tiegħu lill-familji tal-vittmi tal-bumbardament reċenti f'Beit Hanun u lill-midruba innoċenti l-oħra kollha;
2. Jesprimi l-għadab kbir tiegħu għall-operazzjoni militari Iżraeljana li twettqet f'Beit Hanun u fl-Istrixxa ta' Gaża, u jikkundanna l-użu ta' azzjoni sproporzjonata mill-Armata Iżraeljana, li qed tfixkel kull inizjattiva li jinbeda l-proċess ta' paċi;
3. Jistieden lill-gvern Iżraeljan biex iwaqqaf immedjatament l-operazzjonijiet militari tiegħu fl-Istrixxa ta' Gaża, u jerġa' jafferma li ma teżistix soluzzjoni militari għall-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina;
4. Jistieden lill-milizzji Palestinjani sabiex iġibu fit-tmiem l-isparar ta' rockets kontra territorju Iżraeljan, li huwa indiskriminat u jimmira intenzjonament għan-nies ċivili, biex jirrispetta l-waqfien mill-ġlied u biex iżomm milli jkompli jżid fl-eskalazzjoni tas-sitwazzjoni; jikkundanna l-attakk riċenti b'rocket fi Sderot u l-qtil ta' ċivili Iżraeljani innoċenti;
5. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-konsegwenzi gravi possibbli tal-kriżi attwali, inklużi aktar attakki militari u terroristiċi, li jfixklu s-sitwazzjoni politika fraġili fir-reġjun kollu;
6. Jinnota l-imblukkar ta' abbozz ta' riżoluzzjoni fil-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU dwar is-sitwazzjoni fl-Istrixxa ta' Gaża permezz ta' veto ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika, u jiddispjaċih għan-nuqqas ta' pożizzjoni qawwija u ċara tal-komunità internazzjonali dwar il-kriżi attwali;
7. Jistieden lill-gvern ta' l-Istati Uniti biex jerġa' jevalwa l-irwol tiegħu fil-Kwartett u fil-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina, bil-ħsieb ta' appoġġ għat-tmiem tal-ġlied u ta' djalogu ġdid u ġenwin bejn il-partijiet;
8. Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jadottaw pożizzjoni komuni skond l-Artikolu 15 tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea sabiex jagħmlu evalwazzjoni xierqa tas-sitwazzjoni attwali u biex jippromwovu attentat serju bil-għan li tintemm il-vjolenza u jġibu l-partijiet ikkonċernati fuq il-mejda tan-negozjati;
9. Jistieden lill-Kwartett biex jieħdu azzjoni b'urġenza sabiex jissoktaw in-negozjati ma' u bejn il-partijiet ikkonċernati u l-implimentazzjoni sħiħa tar-Roadmap fil-partijiet kollha tagħha; jiddikjara għal darb'oħra, f'dan l-istadju partikolari, li soluzzjoni għall-kunflitt tal-Lvant Nofsani hija possibbli biss bin-negozjar ta' ftehim ta' paċi sod u finali kif inhu stabbilit fir-Roadmap, mingħajr kundizzjonijiet minn qabel, ibbażat fuq l-eżistenza ta' żewġ stati demokratiċi, sovrani u vijabbli, li jgħixu fil-paċi ma' ġenb xulxin bi fruntieri sikuri u i rikonoxxuti nternazzjonalment, u li t-telf kontinwu ta' ħajjiet ta' ċivili huwa intollerabbli;
10. Itenni s-suġġeriment tiegħu li l-preżenza ta' forza multinazzjonali fil-Libanu tista' titqies bħala mudell eżemplari li għandu jiġi segwit fl-Istrixxa ta' Gaża u fix-Xatt tal-Punent, sabiex il-popolazzjoni ċivili tkun protetta fuq iż-żewġ naħat; jistieden lill-Kunsill, sadanittant, sabiex jagħti bidu għal inizjattiva li jibgħat osservaturi militari internazzjonali fl-Istrixxa ta' Gaża, u jistieden lill-partijiet kollha biex japprovaw u jikkoperaw bis-sħiħ ma' proposta bħal din;
11. Jistieden lill-Kunsill biex b'urġenza jlaqqa' l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael sabiex jesprimi l-pożizzjoni ta' l-Unjoni Ewropea wara l-operazzjonijiet militari Iżraeljani, rigward, b'mod partikolari, konformità sħiħa ma' l-Artikolu 2 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael(4);
12. Jistieden lill-Kunsill sabiex huwa stess jindirizza, fil-qafas tal-Ftehim Interim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Palestina(5), lill-gvern il-ġdid Palestinjan ta' għaqda nazzjonali sabiex jiffaċċja l-kwistjoni tal-vjolenza u s-sigurtà;
13. Jenfasizza li d-drittijiet tal-bniedem għandhom jiġu rispettati kompletament u li l-ksur tal-liġi umanitarja internazzjonali għandha tieqaf immedjatament fl-Istrixxa ta' Gaża u x-Xatt tal-Punent;
14. Jappoġġja d-dikjarazzjoni tal-Presidenza ta' l-UE li tħeġġeġ lill-gvern Iżraeljan iwaqqaf l-attivitajiet provokattivi kollha fit-territorju Palestinjan, inkluż il-bini ta' kolonji u ħajt ta' separazzjoni, operazzjonijiet militari indiskriminati u d-distruzzjoni ta' djar Palestinjani;
15. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jipprovdu għajnuna medika addizzjonali għall-isptarijiet Palestinjani, b'mod partikolari fl-Istrixxa ta' Gaża;
16. Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehim milħuq mill-President ta' l-Awtorità Palestinjana biex jippromwovi djalogu nazzjonali bejn il-partiti politiċi Palestinjani u l-ħatra ta' Prim Ministru ġdid Palestinjan għall-formazzjoni ta' gvern Palestinjan ġdid, li għandu jaġixxi bħala sieħeb fin-negozjati għall-komunità internazzjonali; iqis li dan jista' jwassal għall-għoti mill-ġdid ta' għajnuna ekonomika lill-Awtorità Palestinjana;
17. Jistieden lill-Kunsill u l-Kummissjoni sabiex ikomplu jiggarantixxu, flimkien mal-komunità internazzjonali, l-għajnuna umanitarja essenzjali għall-popolazzjoni Palestinjana; jitlob li t-TIM jiġi msaħħaħ u estiż fir-rigward ta' tul ta' żmien u riżorsi; jistieden lill-gvern Iżraeljan biex jerġa' jistabbilixxi b'urġenza t-trasferiment tat-taxxi u d-dħul doganali Palestinjani miżmuma;
18. Jistieden lill-Iżrael biex ineħħi l-imblokk ekonomiku fl-Istrixxa ta' Gaża, jiffaċilita l-kummerċ bejn it-territorji Palestinjani, l-Iżrael u d-dinja kollha, jippromwovi l-iżvilupp ekonomiku fl-Istrixxa ta' Gaża għall-benefiċċju kemm tal-Palestinjani kif ukoll ta' l-Iżraeljani, u biex jippermetti l-moviment tan-nies f'Rafah, b'konformità mal-Ftehima dwar il-Moviment u l-Aċċess u mal-Missjoni ta' Assistenza fil-Fruntieri ta' l-UE, kif ukoll f'Karni u f'postijiet oħra ta' qsim tal-fruntieri fl-Istrixxa ta' Gaża; jistieden lill-UE biex terfa' r-responsabilità sħiħa tagħha għall-implimentazzjoni ta' din il-ftehima;
19. Itenni s-sejħa tiegħu għall-ħelsien immedjat tal-ministri u leġiżlaturi Palestinjani minn idejn Iżraeljani u tas-suldat Iżraeljan maħtuf;
20. Jistieden lill-Kunsill sabiex jagħmel kull sforz biex ilaqqa' konferenza tal-paċi internazzjonali – skond il-prinċipji tal-Konferenza ta' Madrid ta' l-1991 – sabiex tinsab soluzzjoni komprensiva, dejjiema u vijabbli għall-problemi fiz-zona, ibbażata fuq ir-riżoluzzjonijiet relevanti tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU, u jikkunsidra li approċċ unilaterali minn kwalunkwe parti kkonċernata għandu jiġi miċħud;
21. Jikkunsidra l-involviment tal-Lega ta' l-Istati Għarab bħala essenzjali f'dan il-kuntest; jikkunsidra li l-'Pjan ta' Bejrut' tal-Lega ta' l-2002 kif ukoll l-Inizjattiva ta' Ġinevra ta' l-2003 bħala kontribuzzjonijiet għan-negozjati li għandhom jiġu kkunsidrati b'mod xieraq;
22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lir-Rappreżentant Għoli tas-CFSP, lill-gvernijiet u l-Parlamenti ta' l-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President ta' l-Awtorità Palestinjana, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, lill-Gvern u l-Knesset Iżraeljan, lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Uniti u l-Federazzjoni Russa, u lis-segretarju Ġenerali tal-Lega ta' l-Istati Għarab.