Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Strateġija tal-Baħar Baltiku għad-Dimensjoni tat-Tramuntana ((2006/2171(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Novembru 2005 dwar il-futur tad-Dimensjoni tat-Tramuntana(1),
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida għall-Iżvilupp ta' Dikjarazzjoni Politika u ta' Dokument ta' Politika ta' Qafas għall-politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana mill-2007, kif approvat mil-Laqgħa Ministerjali tad-Dimensjoni tat-Tramuntana li saret fi Brussell fil-21 ta' Novembru 2005,
– wara li kkunsidra r-Rapport Annwali dwar il-Progress 2005 tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2006 dwar l-Implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tad-Dimensjoni tat-Tramuntana (SEC(2006)0729),
– wara li kkunsidra t-Tieni Dimensjoni tat-Tramuntana 2004-2006 kif approvata mill-Kunsill Ewropew li sar fi Brussell fis-16 u s-17 ta' Ottubru 2003,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet taċ-'Chairperson' tas-6 Samit ta' l-Istati tal-Baħar Baltiku li sar f'Reykjavik fit-8 ta' Ġunju 2006,
– wara l-kkunsidra r-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat Konsultattiv taż-ŻEE dwar il-Futur tal-Politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana tal-25 ta' Ġunju 2006,
– wara li kkunsidra l-ħidma ta' l-Intergrupp ta' l-Ewropa tal-Baltiku fil-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku adottata mill-Intergrupp ta' l-Ewropea tal-Baltiku fil-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-ħidma tal-Kunsill tal-Istati tal-Baħar Baltiku u tal-Konferenza Parlamentari tal-Baħar Baltiku,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, r-Riċerka u l-Enerġija (A6-0367/2006),
A. billi d-Dimensjoni tat-Tramuntana tifforma qafas wiesa' li jkopri r-Reġjuni tat-Tramuntana kollha - il-Baħar Baltiku u r-Reġjuni tal-Barents u l-Artiku - u l-oqsma tal-politika kollha, kemm interni kif ukoll esterni,
B. billi l-politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana għandha l-potenzjal biex tgħin biex tippromwovi kooperazzjoni reġjonali u transreġjonali għal tkabbir ekonomiku ulterjuri u biex tidentifika reazzjonijiet konġunti għal sfidi komuni, iżda s'issa ma kinetx kapaċi tilħaq bis-sħiħ il-potenzjal tagħha biex tindirizza l-kwistjonijiet varji pertinenti għar-reġjun,
C. billi r-reġjun tal-Baħar Baltiku huwa zona storikament kruċjali li tgħaqqad il-Lvant u l-Punent u, bħala tali, għandha tkun fil-qalba tal-politika l-ġdida tad-Dimensjoni tat-Tramuntana,
D. billi l-Baħar Baltiku kważi sar baħar intern, mare nostrum, ta' l-Unjoni Ewropea wara t-tkabbir ta' l-2004, u billi l-Istrateġija tal-Baħar Baltiku tista' sservi bħala kontribuzzjoni sostanzjali għall-evalwazzjoni ġdida tal-kamp ta' applikazzjoni u ta' l-attivitajiet tad-Dimensjoni tat-Tramuntana biex jirriflettu l-bidliet li seħħew minn wara t-tkabbir,
E. billi l-Istrateġija tal-Baħar Baltiku tista' tagħmel kontribuzzjoni importanti għall-kisba ta' koordinazzjoni aħjar bejn il-korpi reġjonali li joperaw fir-reġjun tal-Baħar Baltiku,
L-għan ta' din ir-riżoluzzjoni
1. Jaspira, permezz ta' din ir-riżoluzzjoni, biex:
a)
jappoġġja l-politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana billi tiddefinixxi r-reġjun tal-Baħar Baltiku bħala waħda miz-zoni ta' prijorità , b'hekk tippromwovi integrazzjoni reġjonali akbar fir-reġjun tal-Baħar Baltiku, li hi parti vijabbli u komponent dinamiku għal zona ekonomika u politika Ewropea usa'; jenfasizza l-appoġġ kontinwu tiegħu għal ħidma f'oqsma oħra, speċifikament fir-reġjuni ta' Barents u ta' l-Artiku, f'koperazzjoni mal-pajjiżi msieħba: in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Federazzjoni Russa;
b)
jisfrutta kemm jista' l-opportunitajiet offruti mill-ekonomiji dinamiċi tar-reġjun tal-Baħar Baltiku u joħloq sistematikament perċezzjoni għar-reġjun bħala wieħed mill-aktar zoni attraenti u kompetittivi fid-dinja;
c)
jgħin biex jitjieb l-istat ekoloġiku tal-Baħar Baltiku, li attwalment huwa wieħed miz-zoni ta' baħar l-aktar imiġġsa fid-dinja; jitnaqqas it-tniġġis u l-ewtrofikazzjoni u jevita emissjonijiet ta' żejt u sustanzi tossiċi oħrajn u li jagħmlu l-ħsara;
F'dan l-isfond, jagħmel dawn il-proposti:
2. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq proposta għal Strateġija tal-Baħar Baltiku ta' l-UE sabiex jissaħħaħ il-pilastru intern tad-Dimensjoni tat-Tramuntana, jiġu koperti b'mod orizzontali l-aspetti differenti tal-korpi u ta' l-organizzazzjonijiet reġjonali, jiġu promossi sinerġiji u tiġi evitata duplikazzjoni bejn il-korpi u l-organizzazzjonijiet reġjonali differenti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirranġaw ir-responsabiltajiet ta' l-amministraturi tagħhom sabiex ikunu jistgħu jħaddmu approċċ orizzontali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana;
3. Jappoġġja l-ħidma tal-Kunsill ta' l-Istati tal-Baħar Baltiku; jipproponi Samit tal-Baħar Baltiku annwali li għandu jinżamm qabel il-Kunsill Ewropew tas-Sajf; jappoġġja l-ħidma tal-Konferenza Parlamentari tal-Baħar Baltiku, il-laqgħa annwali ta' speakers tal-parlamenti nazzjonali mir-reġjun u l-Forum Parlamentari tad-Dimensjoni tat-Tramuntana li ġej;
4. Jenfasizza li l-Istrateġija tal-Baħar Baltiku tinkludi kemm miżuri li għandhom jiġu implimentati mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Membri tagħha waħidhom kif ukoll miżuri li għandhom jiġu implimentati b'kooperazzjoni mal-Federazzjoni Russa;
5. Ifakkar il-ħtieġa li jiġi stabbilit bureau reġjunali komprensiv tal-Bank Ewropew ta' Investiment fir-reġjun tal-Baħar Baltiku;
6. Bil-ħsieb li jinkisbu trasparenza u koerenza, jitlob għal linja baġitarja ta' l-UE proprja għall-Istrateġija tal-Baħar Baltiku, possibilment taħt l-Istrument Ewropew tal-Viċinat u s-Sħubija, li tissuplementa l-iffinanzjar kurrenti tad-Dimensjoni tat-Tramuntana mill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri, pajjiżi terzi, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, il-Bank Ewropew għall-Investiment, il-Bank ta" l-Investiment Nordiku u oħrajn; jenfasizza li l-Istrateġija għandha tirċievi finanzjar xieraq mil-linji baġitarji kollha sabiex tkun kapaċi tilħaq l-objettivi tagħha;
7. Jinnota li r-responsabiltà għat-tniġġis tal-Baħar Baltiku hija kemm tal-Federazzjoni Russa u kif ukoll ta' l-Istati Membri; jenfasizza li l-ħarsien ta' l-ambjent tal-baħar fir-rigward, b'mod partikulari, għat-tnaqqis ta' l-ewtrofikazzjoni huwa wieħed mill-aspetti l-aktar importanti li għandhom jitqiesu fl-implimentazzjoni tal-programmi agrikoli u strutturali ta' l-Unjoni fir-reġjun; jinnota b'sodisfazzjoni li l-parti l-kbira tar-reġjun tal-Baħar Baltiku ingħatat l-istatus ta' Zona tal-Baħar Partikularment Sensittiva (PSSA) mill-Organizzazzjoni Internazzjonali Marittima (IMO); jipproponi li jiġi stabbilit netwerk ta' zoni kostali u zoni barra mix-xtut li jkunu protetti, u li jkunu ekoloġikament rappreżentattivi u siewja;
8. Jinnota li diżastru kbir taż-żejt ikkawżat jew minn trasportazzjoni jew minn esplorazzjoni u sfruttament jista' effettivament joqtol il-biċċa l-kbira mill-ħajja tal-baħar fil-Baħar Baltiku; jitlob għal koordinazzjoni akbar biex jiġu evitati inċidenti bħal dawn u, kieku xorta waħda kellu jseħħ inċident, jitlob biex ikun hemm ftehim dwar mekkaniżmu konġunt għall-ġlieda kontra l-effetti tiegħu; huwa ta' l-opinjoni li n-normi għall-klassifikazzjoni tat-tankers taż-żejt għandhom iqisu l-kundizzjonijiet fir-reġjun, bħall-ħxuna tas-silġ waqt ix-Xitwa;
9. Jenfasizza l-bżonn li jitħarsu u li jissaħħu l-istokkijiet tal-ħut fir-reġjun tal-Baħar Baltiku; jitlob lill-Kummissjoni biex tipprepara pjan komprensiv għall-konservazzjoni u l-istabbiliment mill-ġdid ta' l-istokkijiet naturali tas-salamun fis-sistema ta' l-ilma tal-Baħar Baltiku billi jiġu utilizzati x-xmajjar kollha fejn jirriproduċu l-ħut;
10. Jisħaq dwar il-bżonn li titnaqqas id-dipendenza tar-reġjun fuq l-enerġija Russa u jħeġġeġ lill-Istati Membri fir-reġjun biex jeżaminaw il-possibiltà ta' suq ta' l-enerġija komuni; jitlob lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-imsieħba biex jippromwovu proġetti konġunti dwar l-effiċjenza ta' l-enerġija u dwar riżorsi ta' l-enerġija li jiġġeddu, fid-dawl tal-potenzjal tar-reġjun bħala sors ta' bijoenerġija, u biex jinkuraġġixxu l-użu ta' enerġija mill-bijomassa, mix-xemx, mir-riħ u mill-ilma; jappoġġja l-ħidma tal-Koperazzjoni fl-Enerġija fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku;
11. Jitlob għal approċċ ibbażat fuq ġustizzja u qsim ta' responsabiltà fl-implimentazzjoni ta' politika ta' l-enerġija fuq livell nazzjonali, sabiex id-deċiżjonijiet strateġiċi bħall-bini ta' netwerks ta' l-enerġija ġodda jittieħdu wara li tkun saret konsultazzjoni ma' dawk l-imsieħba fost l-Istati Membri ta' l-UE li jistgħu jiġu affettwati b'dawk id-deċiżjonijiet;
12. Jenfasizza li evalwazzjonijiet adegwati ta' l-impatt fuq l-ambjent għandhom ikunu prerekwiżit għall-proġetti ta' infrastruttura kollha relatati ma' l-enerġija, sabiex jiġi garantit li jintlaħqu l-istandards internazzjonali tal-ħarsien ta' l-ambjent; jitlob f'dan ir-rigward tal-Federazzjoni Russa biex tirratifika l-Konvenzjoni Espoo dwar Evalwazzjoni ta' l-Impatt Ambjentali f'Kuntest Transkonfinali;
13.Jisħaq fuq l-importanza li l-prinċipji internazzjonalment rikonoxxuti ta' l-iżvilupp sostenibbli, tal-governabilità tajba, tat-trasparenza u l-parteċipazzjoni, ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi, tad-drittijiet tal-minoritajiet, u tal-ħarsien tal-popli indiġeni, u ta' l-adozzjoni ta' politiki ekonomiċi, ta' l-impjiegi u soċjali li jirrinforzaw lil xulxin, jiġu rispettati mill-partijiet involuti, b'konformità ma' l-Istrateġija ta' Liżbona;
14. Ifakkar l-irwol tal-Baħar Baltiku bħala fattur li jgħaqqad fir-reġjun; jissuġġerixxi programm ġdid, li għandu jġib l-isem ta' "Baħar Baltiku Mingħajr Fruntieri", imfassal biex jiffaċilita l-qsim mingħajr xkiel ta' fruntieri fir-reġjun, inkluż bejn l-Istati Membri u l-Federazzjoni Russa; jappoġġja t-twaqqif ta' "motorway' tal-Baħar Baltiku" li tgħaqqad lir-reġjun tal-Baħar Baltiku ma' l-Istati Membri fl-Ewropa ċentrali u tal-Punent sa l-2010;
15. Huwa tal-fehma li, sabiex jissodisfaw ir-responsabiltà tagħhom biex inaqqsu t-tniġġis tal-Baħar Baltiku, l-Istati Membri għandu jkollhom id-dritt li jżommu jew li jintroduċu miżuri protettivi aktar stretti minn dawk proposti mill-UE;
16. Jrrikonoxxi ż-żieda fit-traffiku marittimu, prinċipalment minħabba t-tkabbir ekonomiku b'saħħtu tal-Federazzjoni Russa; iqis is-sikurezza marittima bħala waħda mill-aktar tħassib urġenti tar-reġjun; jipproponi t-tkabbir gradwali tas-Sistemi ta" l-Immaniġġjar tat-Traffiku u ta' l-Informazzjoni tal-Bastimenti (VTMIS) biex ikopru l-Baħar Baltiku kollu minflok il-Golf tal-Finlandja biss; jenfasizza l-bżonn għal impenn komuni għal implimentazzjoni rapida tal-klassifikazzjoni tal-Baħar Baltiku PSSA, inkluż projbizzjoni fuq trasport taż-żejt b'buq wieħed;
17. Jissuġġerixxi li t-Trijangolu Nordiku tan-Netwerk Transewropew (TEN) jitkabbar sabiex ikopri r-reġjun kollu u jinkludi r-rotot ferrovjarji u tat-toroq tal-Golf ta' Barents u l-Golf ta' Bothnia fi ħdan is-sistema TEN; jitlob għat-twettiq tal-proġett "Rail Baltica"; ibassar konnessjoni permezz ta' ferrovija veloċi li tgħaqqad ir-reġjun kollu;
18. Jitlob għat-twettiq tal-"highway" Via Baltica sa l-2013 bħala proġett ta' projorità li jgħaqqad ir-reġjun tal-Baħar Baltiku ma' l-Istati Membri fl-Ewropa ċentrali u tal-Punent; jenfasizza l-importanza ta' finanzjament Ewropew għat-twettiq tal-proġett;
19. Jirrikonoxxi li l-biċċa l-kbira tas-swieq nazzjonali fir-reġjun huma relattivament żgħar, u dan f'ħafna każijiet irriżulta f'livell baxx ta' kompetizzjoni; jinnota l-interdipendenza ekonomika eċċezzjonali ta' l-Istati Membri fir-reġjun; jitlob għal implimentazzjoni sħiħa ta' l-erba' libertajiet bażiċi (moviment ħieles ta' persuni, moviment ħieles ta' prodotti, libertà ta" l-istabbiliment u l-moviment ħieles tal-kapital) bejn l-Istati Membri ta' l-UE li jinsabu fir-reġjun;
20. Jinnota li l-istatus tat-territorju tal-Kaliningrad Oblast imdawwar bl-Unjoni Ewropea jitlob għall-kooperazzjoni ġenwina bejn l-awtoritajiet reġjonali, il-Federazzjoni Russa u l-Unjoni Ewropea; iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa u lill-Unjoni Ewropea biex jeżaminaw il-possibiltà li jiżviluppaw lill-Kaliningrad Oblast f'reġjun pilota aktar miftuħ, inqas militari u b'aċċess aħjar għas-suq intern; jenfasizza l-bżonn għall-implimentazzjoni sħiħa tal-libertà tan-navigazzjoni fil-Baħar Baltiku, inklużi l-Vistula Lagoon u l-Kaliningradzkij Zalif, u l-passaġġ mingħajr ħlas mill-Istrett ta' Pilava u mill-Baltijskij Proliv;
21. Jinnota li l-Isħubija tad-Dimensjoni tat-Tramuntana fis-Saħħa Pubblika u l-Benessri Soċjali (NDPHS) għandha ssir aktar prattika fil-ġlieda kontra mard serju u għandha wkoll ittejjeb u tippromwovi s-saħħa u l-istili ta' ħajja li jippremjaw soċjalment; jitlob lill-Federazzjoni Russa u lill-UE biex jeżaminaw il-possibiltajiet li jinvolvu lill-Kaliningrad Oblast f'attivitajiet ta' l-NDPHS;
22. Jenfasizza li l-Kaliningrad Oblast għadu territorju infestat b'ħafna problemi soċjali, ekonomiċi u ekoliġiċi, bħar-riskju ekoloġiku sinifikanti li jirriżulta mill-preżenza ta' bażijiet militari u armi fir-reġjun, ir-riskju sostanzjali għas-saħħa u l-livell għoli tal-kriminalità organizzata u tal-vizzju tad-droga;
23. Jitlob lir-Reġjun tal-Baħar Baltiku biex jappoġġja b'mod attiv programmi li għandhom l-għan li jiġġeneraw forom ġodda ta' arti u komunikazzjoni u li jrawwmu mobilità multinazzjonali u programmi ta' skambji kulturali;
24. Jappoġġja skambju ta' studenti fir-reġjun; jissuġġerixxi li l-universitajiet fir-reġjun jiffurmaw netwerks u jaqblu dwar qsim tax-xogħol għat-trawwim ta' ċentri ta' eċċellenza li jkunu kapaċi jikkompetu fuq livell internazzjonali;
25. Huwa mħasseb minħabba li l-fruntiera tal-Lvant tar-reġjun qed isservi bħala passaġġ għal livell sinifikanti ta' kriminalità organizzata, bi traffikar ta' bnedmin u ta' drogi; iħeġġeġ involviment aktar b'saħħtu ta' l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) u kooperazzjoni imsaħħa fuq livelli kemm ta' l-UE u kif ukoll fuq livelli intergovernattivi dwar dawn il-kwistjonijiet;
26. Jenfasizza l-bżonn li jirdoppjaw l-isforzi biex titjieb l-effiċjenza tal-kontrolli tal-fruntiera fuq il-fruntiera tal-Lvant, b'mod partikulari fir-rigward ta' l-aġġornar ta' l-infrastruttura eżistenti u l-promozzjoni ta' qsim legali ta' fruntieri, u jitlob sabiex jiġu indikati fondi suffiċjenti mill-Fond Ewropew għall-Fruntieri Esterni propost;
o o o
27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvern tal-Federazzjoni Russa u lill-Presidenza tal-Kunsill ta' l-Istati tal-Baħar Baltiku.