Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2033(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0366/2006

Testi mressqa :

A6-0366/2006

Dibattiti :

PV 15/11/2006 - 16
CRE 15/11/2006 - 16

Votazzjonijiet :

PV 16/11/2006 - 6.5
CRE 16/11/2006 - 6.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2006)0495

Testi adottati
PDF 361kWORD 107k
Il-Ħamis, 16 ta' Novembru 2006 - Strasburgu
L-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà fil-kuntest ta' l-ESDP
P6_TA(2006)0495A6-0366/2006

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà fil-kuntest ta' l-ESDP (2006/2033(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003,

–   wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, li ġie ffirmat f'Ruma fid-29 ta' Ottubru 2004,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsilli Ewropej tas-16 -17 ta' Ġunju 2005 u tal-15 -16 ta' Diċembru 2005, u b'mod partikulari r-rapporti tal-Presidenza dwar l-ESDP,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' April 2005 dwar l-Istrateġija ta' Sigurtà Ewropea(1),

—  wara li kkunsidra l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-proliferazzjoni ta' l-Armi tal-Qerda tal-Massa, li kienet approvata mill-Kunsill fid-9 ta' Diċembru 2003,

–   wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu 'Għal qawwa Ewropea tal-protezzjoni ċivili: għajnuna Ewropea' mressaq f'Mejju 2006 mill-ex Kummissarju Michel Barnier,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa ta' l-'Isteering Board' ta' l-Aġenzija għad-Difiża Ewropea ta' Settembru 2005,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2006 dwar ir-rapport annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar l-aspetti ewlenin u l-għażliet bażiċi tas-CFSP, inklużi l-implikazzjonijiet finanzjarji għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej - 2004(2),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A6-0366/2006),

Kunsiderazzjonijiet Ġenerali

A.   billi l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà hija parti mill-Politika Barranija u ta' Siġurtà Komuni (CFSP) u l-Politika Ewropea dwar is-Sigurtà u d-Difiża (ESDP), li taħthom tista' tittieħed il-firxa sħiħa ta' azzjonijiet politiċi possibbli mill-Unjoni Ewropea, inklużi miżuri ta' politika diplomatiċi, ekonomiċi u ta' l-iżvilupp,

B.   billi l-istħarriġ ta' l-opinjoni pubblika ta' dawn l-aħħar għaxar snin urew livell ogħli u konsistenti ta' approvazzjoni, għax irriżulta li iżjed minn 60% taċ-ċittadini ta' l-UE huma favur li l-Unjoni Ewropea jkollha politika barranija komuni u li iżjed minn 70% huma favur li l-Unjoni Ewropea jkollha politika ta' difiża komuni; billi, barra minn hekk, stħarriġ ieħor ta' l-opinjoni pubblika juri li ma hemmx appoġġ sabiex tiżdied in-nefqa militari,

C.  C billi s-sigurtà u l-ġlieda kontra t-tixrid ta' armi tal-qrid tal-massa (WMD) kif ukoll kontra t-terroriżmu internazzjonali huma meqjusin bħala prijorità għall-UE; billi huma meħtieġa reazzjoni konġunta u strateġija komuni fl-ESDP,

D.   billi l-kontrolli fuq l-esportazzjonijiet ta' l-armi għandhom ikunu issikkati mill-Unjoni Ewropea u kif ukoll fuq livell internazzjonali,

1.  Jirrikonoxxi li l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà ta' Diċembru 2003, li hi bbażata fuq inizjattiva tal-Presidenza Griega, fiha analiżi eċċellenti tat-theddid fuq id-dinja moderna u tippreżenta l-prinċipji fundamentali tal-politika barranija ta' l-UE; jenfasizza, madankollu, il-bżonn li tiġi sorveljata l-implimentazzjoni tagħha fuq bażi regolari, sabiex din tkun tista' tirreaġixxi għal żviluppi ġeopolitiċi;

2.  Jinnota li, kif mistqarr fl-ESS, it-terroriżmu internazzjonali, il-proliferazzjoni ta' WMD, il-kunflitti reġjonali, il-fallimenti l-istati dgħajfa u l-kriminalità organizzata illum jirrappreżentaw it-theddid ewlieni li qiegħda tiffaċċja l-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tagħha; jenfasizza li l-kompetizzjoni dinjija dejjem tikber għar-riżorsi ta' l-ilma u l-enerġija, kif ukoll tad-diżastri naturali u tas-sigurtà tal-fruntieri esterni ta' l-Unjoni, irid jiġi inkluż bħala objettiv strateġiku fl-iżvilupp ulterjuri ta' l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà; huwa mħasseb dwar il-prospett tat-tiġdid ta' ġirjiet għall-armamenti fuq livelli globali u reġjonali u dwar il-proliferazzjoni ta' armi konvenzjonali li għadha għaddejja;

3.  Madankollu jirrikonoxxi li l-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali ma tistax ssir permezz ta' mezzi militari biss, u li l-prevenzjoni u r-ripressjoni tat-terroriżmu teħtieġ firxa vasta ta' miżuri mhux militari, bħall-iskambju ta' informazzjoni u l-koperazzjoni tal-pulizija u ġugizzjarja, li jeħtieġu koperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u l-pilastri, u li l-bini ta' istituzzjonijiet demokratiċi, ta' infrastruttura u tas-soċjetà ċivili fi stati falluti jew li qegħdin ifallu huma meħtieġa; jisħaq li waħda mill-ikbar kontribuzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea għall-prevenzjoni tat-terroriżmu internazzjonali hija l-ħila tagħha li tkun effettiva fil-bini jew fil-bini mill-ġdid ta' l-istituzzjonijiet demokratiċi, ta' l-infrastruttura soċjali u ekonomika, tal-governabilità tajba u tas-soċjetà ċivili u l-ġlieda b'suċċess kontra r-razziżmu u l-ksenofobija;

4.  Jinnota li l-ħidma ta' l-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni hija li tipproteġi liċ-ċittadini ta' l-UE minn dan it-theddid, li tiddefendi l-interessi ġustifikati ta' l-UE u li tippromwovi l-objettivi tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti billi taħdem bħala attur globali responsabbli għall-paċi u d-demokrazija dinjija; jappoġġja b'qawwa l-idea ta' Strateġija ta' Sigurtà Ewropea li l-aqwa mezz sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi huwa l-"multilateraliżmu effettiv", jiġifieri l-istituzzjonijiet internazzjonali u l-liġi internazzjonali;

5.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-UE, permezz ta' l-ESDP, trid twettaq il-ħidmiet tagħha primarjament b'mezzi ċivili u paċifiċi, u b'mezzi militari biss meta jkunu ġew esplorati l-possibiltajiet ta' negozjati kollha kemm huma u jinstab li m'hemmx soluzzjoni oħra; fit-twettiq ta' dawn il-ħidmiet leġittimi, il-kunsiderazzjoni primarja għandha tkun ir-rispett mhux ekwivoku għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini kemm fil-fruntieri ta' l-UE u kemm 'il barra minnhom;

6.  Iqis li mill-adozzjoni ta' l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà fl-2003, l-isfidi ġeopolitiċi evolvew b'mod konsiderevoli u li għaldaqstant hemm il-ħtieġa li jiġu riveduti sa mhux iżjed tard mill-2008; huwa tal-fehma li l-Istrateġija għandha tkun riveduta kull 5 snin u li għandha tiġi diskussa fil-Parlament Ewropew u fil-parlamenti ta' l-Istati Membri;

7.  Jinnota li huwa importanti ħafna li jiġu kkoordinati b'mod effettiv l-elementi ċivili u militari tar-reazzjoni tal-komunità internazzjonali għall-kriżijiet;

8.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw id-dimensjoni parlamentari ta' l-ESDP li fiha l-iżviluppi fuq il-livell istituzzjonali u finanzjarju jmorru id f'id ma' estensjoni ta' drittijiet parlamentari ta' kontroll; ifakkar li r-responsabilità tas-sorveljanza parlamentari ta' l-ESDP hija maqsuma bejn l-parlamenti ta' l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew fuq il-bażi tad-drittijiet u d-dmirijiet rispettivi tagħhom skond trattati u kostituzzjonijiet rilevanti;

9.  Huwa favur inizjattivi għal relazzjonijiet iktar mill-qrib u skambju intensifikat ta' informazzjoni bejn il-parlamenti ta' l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew fir-rigward ta' kwistjonijiet dwar l-ESDP, sabiex id-djalogu iżjed strutturat u regolari bejn il-parlamenti jsir possibbli;

10.  Jisħaq li l-Unjoni Ewropea trid tkun f'pożizzjoni li tati kontribut ewlieni sabiex:

   a) tiddefendi lilha nnfisha kontra kwalunkwe theddida reali u ċara għas-sigurtà tagħha;
   b) tassigura l-paċi u l-istabbilità qabel xejn fl-inħawi ġeografiċi tagħha u f'partijiet oħrajn tad-dinja, skond il-prinċipji tal-Karta tan-NU;
   c) tagħmel interventi umanitarji u operazzjonijiet ta' salvataġġ;
   d) tipprevjeni u timmaniġġja l-kunflitti, tippromwovi d-demokrazija u r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem;
   e) tippromwovi d-diżarmament reġjonali u globali;

11.  Jenfasizza li, fil-każ ta' attakk mill-forzi armati ta' pajjiż terz fuq it-territorju ta' l-UE, in-NATO għandha tibqa' l-garanti tad-difiża kollettiva, iżda l-UE hija mistennija tirreaġixxi b'solidarjetà u li tipprovdi lill-Istat Membru attakkat bl-assistenza kollha meħtieġa skond l-Artikolu 51 tal-Karta tan-NU, jilqa' l-ħila dejjem tikber tan-NATO li tilgħab rwol f'operazzjonijiet barra l-Ewropa; iqis ukoll li n-NATO hija l-forum xieraq għad-djalogu transatlantiku dwar kwistjonijiet ta' sigurtà;

12.  Jirrikonoxxi li l-ħiliet tal-forzi armati ta' l-Istati Membri u d-disponibilità tagħhom għall-UE huma influwenzati mill-fatt li l-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri huma membri sew ta' l-UE u sew tan-NATO u jżommu sett wieħed ta' forzi armati għad-dispożizzjoni taż-żewġ organizzazzjonijiet; għaldaqstant jitlob li l-UE tkompli taħdem b'mod intensiv man-NATO, b'mod speċjali fil-qasam ta' l-iżvilupp tal-ħiliet;

13.  Jisħaq li l-"awtonomija strateġika" inerenti fl-Istrateġija ta' Sigurtà Ewropea, l-iżjed l-abilità biex isiru operazzjonijiet fl-ambitu tagħha b'mod indipendenti minn atturi oħrajn li jirrikjedu l-interoperabilità u katina ta' appoġġ iżjed sostenibbli u li wieħed jista' joqgħod fuqha fuq il-bażi ta' appoġġ u għajnuna reċiproka, bl-evitar ta' duplikazzjoni u użu subottimali ta' riżorsi skarsi f'livell Ewropew jew bejn l-Istati Membri; iwissi dwar duplikazzjoni mhux meħtieġa ta' sforzi bejn in-NATO u l-UE, u bejn l-Istati Membri ta' l-UE;

14.  Iqis li bħalissa l-ESDP għandha riżorsi limitati għal operazzjonijiet ċivili u militari; għalhekk jitlob li l-UE - sabiex tiżviluppa l-kredibilità tagħha bħala attur globali - tikkonċentra l-ħiliet tagħha fuq l-inħawi ġeografiċi tagħha, b'mod partikulari fil-Balkani; fl-istess ħin jipprevedi l-iżvilupp ta' iżjed ħiliet sabiex jippermettu l-UE tagħmel kontribut attiv biex jissolvew ukoll il-kunflitti f'partijiet oħra tad-dinja, bi qbil mal-prinċipji tal-Karta tan-NU;

Koperazzjoni ċivili-militari integrata

15.  Jilqa' l-enfasi ta' l-UE dwar it-tisħiħ tal-koperazzjoni ċivili u militari fl-immaniġġjar tal-kriżijiet u jirrikonoxxi li l-iżvilupp tal-ħiliet ċivili fl-immaniġġjar tal-kriżijiet kien fattur ewlieni li pprovda valur miżjud fl-iżvilupp ta' l-ESDP u fl-ispettru sħiħ ta' reazzjonijiet għall-prevenzjoni ta' kunflitti, l-interventi umanitarji, ir-rikostruzzjoni ta' wara l-kunflitti u l-bini tal-paċi; jenfasizza l-bżonn li jiġu involuti NGOs internazzjonali u lokali speċjalizzati u n-netwerks tagħhom; iħeġġeġ l-UE biex tkompli tiġġieled għall-implimentazzjoni ta' politika koerenti li tikkonċerna l-prevenzjoni ta' kunflitti fl-ispirtu tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Göteborg tal-15-16 ta' Ġunju 2001;

16.  Huwa mħeġġeġ bit-tentattivi riċenti skond is-Civilian Headline Goal 2008 li jiġi rimedjat in-nuqqas ta' enfasi li kien hemm fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet u l-ħiliet ċivili; huwa mħeġġeġ ukoll mill-potenzjal taċ-Ċellula Ċivili u Militari u miċ-Ċentru ta' l-Operazzjonijiet li jilgħabu parti importanti fl-iżvilupp ta' l-approċċ ta' l-UE lejn l-integrazzjoni tal-koperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn iċ-ċivil u l-militar; għalhekk jirrikomanda li ċ-Ċellula Ċivili u Militari u ċ-Ċentru ta' l-Operazzjonijiet jiġu aġġornati sabiex isiru Kwartieri Ewropew għat-twettiq ta' missjonijiet ċivili-militari;

17.  Jagħraf li l-ħiliet ewlenin fil-qasam ta' sistemi ta' informazzjoni bbażati fuq is-satellita u mill-ajru, ta' sistemi ta' telekomunikazzjonijiet integrati u ta' sistemi ta' trasport bil-baħar u bl-ajru, huma essenzjali għall-operazzjonijiet ta' mmaniġġjar ta' kriżi, kemm dawk ċivili u kemm dawk militari; jitlob li jitnieda proċess integrat ta' riċerka u żvilupp mill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) flimkien mal-Kummissjoni f'oqsma li jirrinforzaw approċċi ċivili-militari integrati u kkoordinati, u b'mod partikulari f'oqsma ta' sistemi ta' informazzjoni bbażati fuq is-satellita u mill-ajru kif ukoll ta' sistemi ta' telekomunikazzjonijiet integrati;

L-immaniġġjar ta' kriżijiet

18.  Jilqa' t-twaqqif tas-Sistema Globali ta' Allert u Koordinazzjoni għal Diżastri, li kienet iffinanzjata mill-Kummissjoni b'koperazzjoni mill-qrib man-Nazzjonijiet Uniti; jinnota li din is-sistema għandha ttejjeb b'mod konsiderevoli l-ħila ta' l-UE li tirreaġixxi;

19.  Jinnota l-attivitajiet tal-Faċilità għall-Operazzjonijiet ta' Emerġenzi tas-Saħħa imwaqqfa mill-Kummissjoni; jisħaq fuq l-importanza ta' din il-faċilità fir-rigward ta' l-arkivju tagħha ta' informazzjoni u dejta u fir-rigward tal-ħila tagħha li toħroġ twissijiet dwar pandemiji u epidemiji, u wkoll dwar theddid bijoloġiku u kimiku; għalhekk jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa sabiex il-Kummissjoni tkun involuta fil-koordinament tal-miżuri fil-każ ta' emerġenzi sanitarji u attakki bijoterroristiċi transkonfinali;

20.  Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni li tfassal proċedura Komunitarja għall-protezzjoni mid-diżastri, inkluż fil-każ ta' attakk terroristiku serju; jinnota li din il-proċedura hija primarjament bbażata fuq l-informazzjoni miżmuma f'bażi ta' dejta li żżomm dettalji dwar ir-riżorsi nazzjonali disponibbli għall-għoti ta' għajnuna; jinnota li l-effettività ta' din il-bażi ta' dejta, f'termini tal-ħin li jiġi ffrankat u tas-sinerġiji, tista' tkun imtejba b'mod sostanzjali jekk tintegra fiha l-bażijiet tad-dejta ta' l-Istaff Militari ta' l-UE, li fihom dettalji tar-riżorsi kollha disponibbli għall-immaniġġjar tal-kriżijiet. għaldaqstant jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jorganizzaw it-taħditiet meħtieġa u biex jaddottaw il-miżuri neċessarji sabiex din l-integrazzjoni tkun tista' ssir;

21.  Jilqa' l-isforzi tal-Kunsill li fil-każ ta' diżastru jiżgura l-iżvilupp bla telf ta' żmien u effettiv tal-bosta riżorsi ta' l-ESDP disponibbli; f'dan is-sens, jisħaq fuq l-urġenza li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fir-rigward tal-koordinazzjoni strateġika tat-trasport (bl-ajru); għalhekk iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex kemm jista' jkun malajr jagħmlu l-fondi meħtieġa disponibbli sabiex tissolva din il-problema; jitlob ukoll lill-Kunsill sabiex jeżamina bis-serjetà l-proposti magħmulin fir-rapport fuq imsemmi ippreżentat minn Michel Barnier, anke b'mod partikulari l-ħolqien ta' Kunsill Ewropew ta' Sigurtà Ċivili informali, approċċ Ewropew integrat biex jiġu antiċipati kriżijiet, l-għaqda ta' riżorsi nazzjonali li diġà jeżistu u l-istabbiliment ta' konsulati Ewropej sabiex jassistu liċ-ċittadini ta' l-UE li qegħdin barra; u jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jaħdmu flimkien sabiex gradwalment jimplimentaw dawn il-proposti;

22.  Iqis li l-iżvilupp ta' l-ESDP kkontribwixxa għall-iffurmar ta' 'zoni griżi' fir-rigward tal-poteri tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li huma konnessi mat-twettiq ta' missjonijiet primarjament ċivili; jistenna li l-adozzjoni ta' l-Istrument ta' Stabbilità għandu jipprovdi kjarifika, mingħajr ma dan ikollu effett negattiv fuq il-flessibilità fl-immaniġġjar tal-kriżijiet li ntweriet s'issa fil-prattika;

23.  Jilqa' l-progress magħmul fir-rigward tas-Civilian Headline Goal 2008 u, b'mod partikulari, fir-rigward ta' l-iżvilupp tal-pjani għall-użu ta' timijiet ta' reazzjoni ċivili u ta' gruppi integrati ta' pulizija; jinnota wkoll l-iżvilupp ta' kompetenza konnessa mal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-ittraffikar tal-bnedmin; jilqa' bl-istess mod it-twaqqif fil-Kummissjoni ta' pjattaforma għall-kriżijiet, li għandha l-għan li tħaffef il-fażi inizzjali ta' missjonijiet fuq il-post ta' l-ESDP; jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jikkoordinaw l-isforzi tagħhom u għalhekk jipproponi li jitfassal programm konġunt ta' taħriġ għall-istaff kollu li jaħdem fuq it-tfassil tal-missjonijiet;

Sigurtà tat-territorju

24.  Jinnota li l-ewwel ħidma ta' kwalunkwe politika ta' sigurtà hija li tassigura s-sigurtà fit-territorju tagħha stess; jirrikonoxxi li mill-politika Ewropea għad-difiża ċ-ċittadini ta' l-Ewropa jistennew, qabel xejn, kontribut sinifikanti għall-ħarsien tas-sigurtà personali tagħhom u għar-rispett tad-drittijiet fundamentali tagħhom bħala bnedmin;

25.  Jirrimarka li l-UE għandha tagħmel il-fruntieri tagħha iżjed siguri, tħares l-infrastrutturi vitali tagħha, telimina n-netwerks tal-finanzjament tat-terroriżmu internazzjonali u tissielet kontra l-kriminalità organizzata; f'dan ir-rigward, jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jiżviluppaw sistema ta' mmaniġġjar integrat tal-fruntieri esterni ta' l-Unjoni, mingħajr ma jillimitaw ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u fundamentali u tal-liġi umanitarja, b'mod speċjali fir-rigward tar-refuġjati u ta' persuni li jfittxu kenn;

26.  Jirrimarka li l-UE għandha:

   - tassigura ċ-ċirkolazzjoni libera tal-provvisti għall-industrija u għall-konsumaturi individwali, u b'mod partikulari tal-idrokarboni, li tinvolvi s-sigurtà tat-tbaħħir, tat-titjiriet u tal-pajplines;
   - tiddefendi lilha nnifisha kontra attakki ċibernetiċi li jistgħu jisfrattaw is-sistemi vitali ta' komunikazzjoni, dawk finanzjarji u ta' l-enerġija;

Azzjoni rapida fuq il-bażi tal-Karti tan-Nazzjonijiet Uniti

27.  Fil-waqt li jassumi li l-UE, fid-dawl ta' theddid ġdid, għandha tkun lesta li taġixxi qabel ma jiskattaw il-kriżijiet u li tieħu azzjoni preventiva bikrija sabiex tindirizza l-kunflitt u t-theddid, japprova l-fatt li l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà tibbaża lilha nnifisha mingħajr riżervi fuq il-Karta tan-NU, bħala l-qafas fundamentali għar-relazzjonijiet internazzjonali;

Regoli ta' mġiba/taħriġ

28.  Jilqa' b'sodisfazzjon kbir il-fatt li l-imġiba ta' l-istaff waqt l-operazzjonijiet kollha ta' l-ESDP huma mmexxija minn firxa ta' linji gwida u regoli ġenerali ta' mġiba li huma stipulati f'dokumenti; jilqa' s-sinjali inizzjali tal-ħarsien ta' l-istandards u regoli tad-drittijiet tal-bniedem minn dawn il-linji gwida u regoli; jinsisti li l-osservanza ta' regoli ta' dan it-tip għandha tkun kompletament obbligatorja u li l-kmandanti fil-kamp għandhom ikunu meqjusa responsabbli għad-dixxiplina u għall-kondotta tal-persunal tagħhom, anke taħt kundizzjonijiet ta' stress estrem f'sitwazzjonijiet ta' gwerra; jirrimarka b'mod favorevoli l-isforzi sabiex jiġi żgurat li d-dimensjoni tas-sessi jkollha profil aqwa fil-politika, programmi u inizjattivi varji ta' l-ESDP tal-ġejjieni;

29.  Jinnota l-isforzi tal-Kunsill sabiex jiġu żviluppati iżjed il-programmi speċifiċi ta' taħriġ ta' l-ESDP, kemm strateġiċi u kemm operattivi, għall-istaff diplomatiku, militari u ċivili; jistenna li l-esperti tal-Parlament Ewropew ikunu jistgħu jieħdu sehem f'dawn il-programmi; japprova l-approċċ li jiġu stabbiliti standards minimi għat-taħriġ ta' l-istaff dwar missjonijiet fuq il-post ta' l-ESDP, u jitlob lill-Kunsill biex jaħdem mal-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex jiġu standardizzati l-miżuri kollha ta' taħriġ fil-livelli kollha;

30.  Huwa tal-fehma li jekk l-istruttura tal-kmand, it-tagħmir jew l-armamenti ma jkunux jilħqu r-rekwiżiti ta' l-operazzjoni, is-suldati se jkunu esposti għal riskji bla bżonn; għalhekk iqis li huwa partikularment importanti li jkun żgurat li l-unitajiet li jitpoġġew taħt il-kmand ta' l-UE jkunu mgħammra kif xieraq;

31.  Huwa tal-fehma li l-użu effettiv tal-ħiliet militari ma jistax ikun possibbli mingħajr tisħiħ serju tal-ħila Ewropea tal-projjezzjoni tal-qawwa, inklużi t-trasport bl-ajru u bil-baħar; f'dan il-kuntest, jirrikonoxxi l-isforzi minn pajjiżi differenti li jkabbru l-ħiliet ta' trasport bl-ajru u l-ħiliet amfibji tagħhom, u l-pjani li jiksbu iżjed vapuri li jġorru l-ajruplani;

32.  Jinnota li f'operazzjonijiet multinazzjonali, l-użu ta' apparati u armamenti differenti (u spiss ukoll inkompatibbli) mill-unitajiet parteċipanti jwassal għal spejjeż żejda u għal inqas effiċjenza; għalhekk iqis li l-UE għandha tippromwovi miżuri sabiex tormonizza t-tgħamir u l-armamenti bil-ħsieb li tipperfezzjona r-riżorsi u l-effettività ta' l-operazzjonijiet multinazzjonali;

Informazzjoni

33.  Jikkritika l-fatt partikularment serju li l-gruppi ta' battalja li bħalissa qegħdin jiżviluppaw m'għandhomx l-istess aċċess għall-intelliġenza mill-ajru u intelliġenza mill-ispazju, u jiddispjaċih li d-dejta tas-sistemi nazzjonali tal-ġbir ta' l-informazzjoni bis-satelliti Helios, SAR–Lupe u Cosmo-Skymed m'humiex disponibbli għall-Istati Membri kollha fuq bażi komuni;

34.  Sabiex jiġu rimedjati dawn in-nuqqasijiet:

   a) jitlob bil-qawwa li l-gruppi ta' battalja li qegħdin jiżviluppaw jkollhom tagħmir komuni jew almenu kompatibbli fl-oqsma ta' l-informazzjoni u tat-telekomunikazzjonijiet;
   b) jitlob li l-ġenerazzjoni li jmiss tas-sistemi ta' informazzjoni satellitari tkun integrata f'sistema Ewropea u li l-informazzjoni tagħha tkun disponibbli għall-skopijiet militari, tal-pulizija u ta' l-immaniġġjar tad-diżastri bl-użu taċ-ċentru satellitari f'Torrejón;

35.  Jirrimarka li bħalissa n-NATO qiegħda tiżviluppa s-sistema ta' ġbir ta' informazzjoni bl-ajru AGS (Airborne Ground Surveillance) b'żieda mas-sistemi nazzjonali li diġà jeżistu jew li qegħdin jiġu żviluppati; jinsisti li din is-sistema għandha ssir disponibbli għall-Istati Membri kollha ta' l-UE, b'mod speċjali fil-kuntest tal-gruppi ta' battalja ta' l-UE;

36.  Iqis li fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet, huwa meħtieġ li tiġi żviluppata sistema konġunta għall-kmand ta' l-unitajiet multinazzjonali; għalhekk jesprimi l-fehma li l-apparati użati mis-servizzi militari, tal-pulizija u ta' l-emerġenza għandhom jikkonformaw ma' l-istess standards tekniċi, bħalma hu l-każ, ngħidu aħna, fil-Finlandja;

Sorveljanza tal-fruntieri

37.  Jisħaq fuq l-importanza tat-tħeġġiġ tal-kapaċità kollettiva ta' l-UE biex tipproteġi l-fruntieri esterni tagħha; jibqa' partikularment imħasseb dwar l-inkompatibilità u l-kwalità tat-tgħamir tas-sorveljanza tal-fruntieri u jenfasizza l-bżonn għal teknoloġija ġdida sabiex tirrimedja s-sitwazzjoni;

Transport

38.  Iqis li, minħabba li t-trasport, b'mod partikulari t-transporti strateġiċi, huwa nuqqas essenzjali fi kwalunkwe azzjoni ta' mmaniġġjar ta' kriżi ta' l-UE, ikun ta' interess kbir li jkun hemm arranġament indipendenti Ewropew li jassigura aċċess għat-transport ċivili multi-modali konvenzjonali, li jibni fuq approċċ ċivili/militari integrat u li jassigura ekonomiji ta' skala għall-parteċipanti Ewropej kollha li jieħdu sehem fl-immaniġġjar tal-kriżijiet għal skopijiet ta' ESDP u ta' għajnuna wara d-diżastri;

Dgħufijat fil-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta' l-ESDP

39.  Iqis li l-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet li tippreċedi d-deċiżjoni ta' twettiq ta' missjoni ta' l-ESDP fiha numru ta' dgħufijat, kif deher fil-każ tal-missjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo; għalhekk jistieden lill-Kunsill sabiex jirrevedi l-istadji varji ta' din il-proċedura u, jekk ikun xieraq, biex jieħu passi ħalli jelimina dawn id- dgħufijat; f'dan is-sens, ifakkar lill-Kunsill u, b'mod partikulari, lill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà tiegħu, dwar l-obbligu li jikkonsulta lill-Parlament;

40.  Itenni t-talba tiegħu għall-involviment bla ristrizzjonijiet kif ukoll id-dritt tiegħu li jkun ikkonsultat kull sena bil-quddiem dwar l-aspetti li ġejjin u l-għażliet għas-CFSP, kif stipulat fit-Trattati eżistenti; jistieden b'empatija lill-Kunsill biex isegwi politika ta' informazzjoni ferm iżjed trasparenti fil-konfront tal-Parlament, fir-rigward tas-CFSP u l-ESDP; f'dan ir-rigward, jikkritika l-proċedura għall-aċċess tal-Parlament għad-'dokumenti kunfidenzjali' tal-Kunsill, li f'ħafna każi jkun fihom biss tagħrif ġenerali ħafna;

41.  Jafferma mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu li m'għandha tibda l-ebda missjoni militari li fiha tkun involuta l-UE qabel ma l-Parlament Ewropew ikun ġie mgħarraf u kkonsultat kif xieraq;

42.  Jitlob li fuq it-tgħamir u l-armamenti militari tkun adottata f'baġits li jkunu suġġetti għal kontroll parlamentari; għalhekk huwa tal-fehma li l-baġits u l-mekkaniżmi paralleli għandhom jiġu evitati, għax dawn la jistgħu jkunu sorveljati b'mod effettiv mill-parlamenti nazzjonali u lanqas mill-Parlament Ewropew;

43.  Jinnota li l-baġit ta' l-Unjoni Ewropea fih bosta intestaturi b'aspetti ta' sigurtà, bħall-approprjazzjonijiet għall-immaniġġjar ta' kriżijiet, is-sigurtà tal-fruntieri esterni u ta' l-infrastrutturi vitali, ir-riċerka fis-sigurtà u l-implimentazzjoni tal-programmi Galileo u Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà GMES;

44.  Iħeġġeġ, b'mod partikulari, li l-baġit disponibbli għall-missjonijiet ta' mmaniġġjar ta' kriżijiet, għas-sigurtà ta' fruntieri esterni, għar-riċerka fis-sigurtà u għall-programm Galileo għandu jiżdied; fil-ġejjieni, il-qasam tar-riċerka fis-sigurtà għandu jkun orjentat lejn il-ħtiġijiet ta' finanzjament iddeterminat mill-grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riċerka fis-Sigurtà;

45.  Jitlob ukoll li l-operazzjonijiet militari ta' mmaniġġjar ta' kriżi jkunu ffinanzjati mill-baġit ta' l-UE u li, għal dan il-għan, l-Istati Membri jagħmlu disponibbli riżorsi addizzjonali;

46.  Jikkritika l-fatt li, minħabba l-mekkaniżmu ATHENA u mekkaniżmi ad hoc oħrajn iffinanzjati mill-Istati Membri u anke l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, il-Parlament Ewropew m'hux f'pożizzjoni li jeżerċita skrutinju baġitarju fuq l-operazzjonijiet militari ta' l-ESDP; jirrimarka li hemm ukoll il-ħtieġa għat-trasparenza fl-operazzjonijiet ċivili-militari (bħall-missjonijiet tal-pulizija) li jaqgħu f'zona griża bejn l-arranġamenti ad hoc u l-finanzjament tal-baġit tas-CFSP;

47.  Konsegwentament, jitlob għal metodoloġija baġitarja ġdida li ssaħħaħ t-trasparenza fl-infiq fuq l-ESDP u li tappoġġja l-iżvilupp tal-ħiliet militari u ċivili meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' l-Istrateġija ta' Sigurtà Ewropea;

   a) fil-fażi inizzjali, li għandha tibda fl-2007 u m'għandhiex iddum iżjed minn sentejn, il-Kunsill għandu jfassal dokument baġitarju li jirrifletti l-impenji magħmulin mill-Istati Membri sabiex jilħqu s-Civilian Headline Goal 2008 u l-Military Headline Goal 2010 u li jkun ibbażat fuq il-katalgi eżistenti (il-katalgu tar-rekwiżiti, il-katalgu tal-qawwiet u l-katalgu tal-progress);
   b) fit-tieni fażi, l-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom għall-ESDP permezz ta' 'baġit' virtwali li fih jimpenjaw fondi fuq bażi multi-annwali sabiex jiffinanzjaw l-apparati u l-istaff meħtieġ għall-operazzjonijiet ta' l-ESDP. Dan id-dokument, għad li ma jorbotx legalment, għandu madankollu jsir dokument politiku importanti li jakkumpanja l-baġit ta' l-UE, u għandu jindika kemm l-Istati Membri huma lesti jonfqu fuq l-ESDP. Dan għandu jiffaċilita "il-qsim tal-piż" bejn l-Istati Membri billi jassigura iżjed trasparenza fir-rigward ta' l-infiq militari, u għandu jkun diskuss b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-parlamenti ta' l-Istati Membri fuq bażi annwali;
   c) deċiżjonijiet finali dwar ir-razzjonalizzazzjoni tal-baġit għas-CFSP u l-ESDP, inkluża l-valutazzjoni ta' l-ispiża nazzjonali fil-livell ta' l-UE fid-dimensjoni tas-sigurtà u tad-difiża, għandhom jagħmlu parti minn sistema finanzjarja riveduta ta' l-Unjoni prevista għall-2008-09;

Suq Ewropew ta' tagħmir tad-difiża u riċerka koperattiva

48.  Jenfasizza li l-ESS jissuponi l-eżistenza ta' industrija tad-difiża Ewropea b'saħħitha u indipendenti u b'kapaċitajiet awtonomi ta' riċerka teknoloġika u ta' żvilupp teknoloġiku li jkollhom il-ħila jipproteġu b'mod xieraq l-interessi essenzjali ta' sigurtà ta' l-UE u ta' l-Istati Membri; mid-dibattitu pubbliku jasal għall-konklużjoni li sabiex titrabba l-kompetittività ta' l-industrija tad-difiża Ewropea u sabiex tiġi żviluppata bażi industrijali awtonoma li tipprovdi l-kapaċitajiet ta' difiża neċessarji, huwa meħtieġ li jiġu adottati regoli tas-suq intern għal prodotti relatati mad-difiża li huma adattati għall-karatteristiċi speċifiċi ta' dan is-settur; jenfasizza li dawn ir-regoli għandhom jiffaċilitaw il-koperazzjoni u l-kummerċ industrijali fil-Komunità; ifakkar li d-deroga li hemm dispożizzjoni għaliha fl-Artikolu 296 tat-Trattat KE tħalli intatt id-dmir ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji li jilleġislaw dwar l-iżvilupp tas-suq intern ta' tagħmir u servizzi relatati mad-difiża, sakemm leġiżlazzjoni bħal din tipproteġi l-interessi essenzjali ta' sigurtà ta' l-Istati Membri u ta' l-UE; jiddikjara li jeħtieġ li jintlaħaq livell għoli ta' protezzjoni;

49.  Jistenna bil-ħerqa l-komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 296, il-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva speċifika dwar kuntratti ta' difiża, u l-ħolqien ta' strument legali li jorbot dwar il-faċilitazzjoni ta' trasferimenti intra-Komunitarji ta' prodotti relatati mad-difiża li għandhom jissostitwixxu sistema komuni ssimplifikata minflok il-liċenzji nazzjonali ta' esportazzjoni li jeżistu bħalissa; huwa tal-fehma li din is-sistema għandha tħares l-interessi essenzjali ta' sigurtà ta' l-UE u ta' l-Istati Membri billi tiddefinixxi l-prinċipji ta' politika Ewropea għall-esportazzjoni fuq il-bażi tal-Kodiċi ta' Kondotta ta' l-Unjoni Ewropea dwar l-Esportazzjoni ta' l-Armi;

50.  Ifakkar li regoli bħall-Artikolu XXIII tal-Ftehima tad-WTO dwar Akkwisti tal-Gvern jirrikonoxxu l-possibilità tal-ħarsien ta' interessi essenzjali ta' sigurtà relatati ma' kuntratti ta' difiża; jenfasizza li, sabiex ikun żgurat il-ħarsien ta' dawk l-interessi ta' l-UE u ta' l-Istati Membri, ir-regoli komuni li għandhom jiġu adottati għandhom jagħtu preferenza lill-prodotti relatati mad-difiża li huma ta' oriġini Ewropea qabel dawk li joriġinaw minn pajjiżi terzi, għandhom jippermettu t-twettiq sħiħ tal-prinċipju ta' reċiproċità fir-relazzjonijiet kummerċjali, u favur l-użu tat-teknoloġija protetta mid-drittijiet Ewropej tal-proprjetà intellettwalii;

51.  Jilqa' l-Kodiċi ta' Mġiba ta' l-EDA dwar il-kuntratti ta' difiża u jistieden lill-Istati Membri kollha sabiex jikkonformaw magħha; jinsisti li l-prattika tal-kumpensi u tal-''juste retour' trid titneħħa; iqis li hu neċessarju li jiżdied ix-xogħol ta' l-EDA fil-kuntest ta' l-ESDP;

52.  Jirrikonoxxi l-importanza tar-riċerka koperattiva għall-kompetittività ta' l-industrija Ewropea; għalhekk jitlob iżjed kumplimentaritajiet bejn il-ħidma tal-Kummissjoni u l-EDA, permezz ta' djalogu iżjed effettiv dwar ir-riċerka konnessa mal-qasam ċivili, mas-sigurtà u mad-difiża fl-Ewropa; jenfasizza li l-provvista tat-teknoloġiji ta' użu dupliċi u tal-ħiliet multifunzjonali, u wkoll it-tneħħija tad-diviżjoni li tifred ir-riċerka ċivili mir-riċerka għad-difiża, għandhom ikunu fost l-għanijiet u l-objettivi ta' l-UE; minħabba d-diversità ta' l-istrutturi tal-kumpaniji f'dan is-settur meta mqabbla ma' oqsma ta' riċerka oħrajn, iqis li hu meħtieġ li tinbidel id-definizzjoni tan-negozji ta' daqs żgħir jew medju fil-qasam tar-riċerka fis-sigurtà Ewropea;

53.  Jitlob li l-Kodiċi ta' Kondotta ta' l-1998 dwar l-Esportazzjoni ta' l-Armi tidħol fis-seħħ u tkun applikata u implimentata b'mod korrett fl-Istati Membri kollha; huwa tal-fehma li d-deċiżjoni dwar liema pajjiżi destinatarji jilħqu l-kriterji tal-kodiċi ta' kondotta għandha tittieħed fuq bażi komuni;

WMD/Iran

54.  Jirrealizza li ma jista' jkun hemm l-ebda garanzija ta' suċċess fl-attentati li l-Iran jitwaqqaf milli jipproduċi uranju maħdum għall-skopijiet militari; madanakollu jqis li l-offerta konġunta tan-negozjati magħmula mir-Renju Unit, minn Franza u mill-Ġermanja (EU Three), mill-Istati Uniti, mir-Russja u miċ-Ċina tirrappreżenta l-iżjed soluzzjoni promettenti; jilqa' l-approċċ multilaterali tal-bażi ta' din l-offerta; jinnota b'ferħ s-sehem Ewropew biex dan iseħħ; jisgħobbih li d-diskussjonijiet bejn ir-Rappreżentant Għoli ta" l-UE u l-UE Tlieta fuq naħa u l-Iran fuq l-oħra għadhom s'issa ma laħqux riżultati sodisfaċenti; għalhekk, bħala konsegwenza, jaċċetta li l-kwistjoni tiġi trattata fil-livell tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jenfasizza li n-negozjati jistgħu jitkomplew meta jridu sakemm ikun hemm indikazzjonijiet minn naħa ta' l-Iran li jistgħu jkunu ta' suċċess; jilqa' r-rieda ta' l-Istati Uniti li tieħu sehem fl-istess negozjati ma' l-Iran;

Lejn Unjoni ta' Sigurtà u Difiża

55.  Jinnota li l-UE qiegħda tiżviluppa f'Unjoni ta' Sigurtà u Difiża wkoll, li tkopri s-sigurtà esterna kif ukoll l-aspetti varji tas-sigurtà interna, il-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-forom kollha tiegħu u l-immaniġġjar tal-kriżijiet bl-elementi li ġejjin:

  a) l-impenn ta' l-Istati Membri li jkunu kapaċi:
   - jiskjeraw 60 000 suldat fi żmien 60 ġurnata u jżommuhom għal sena għal operazzjonijiet taż-żamma u tal-bini tal-paċi kif kien deċiż fil-Kunsill Ewropew ta' Ħelsinki, u jibnu 13-il grupp ta' battalja li jistgħu jiġu skjerati malajr, bi tnejn ikunu 'standby' b'mod permanenti mill-2007;
   - jiżviluppaw ħiliet ta' mmaniġġjar ta' kriżijiet ċivili fil-qasam ta' l-operazzjonijiet tal-pulizija, fl-istat tad-dritt, fl-amministrazzjoni u fil-protezzjoni ċivili, kif kien ġie deċiż fil-Kunsill Ewropew ta' Santa Maria da Feira fid-19-20 ta' Ġunju 2000;
   b) struttura ta' kmand Ewropea li tikkonsisti f'Kumitat għall-Politika u s-Sigurtà, Kumitat Militari, Staff Militari (li li lkoll ilhom jaħdmu mill-2001) u Ċellula Ċivili u Militari b'Ċentru ta' Operazzjonijiet ġdid;
   (c) Forza ta' Ġendarmerija Ewropea bil-Kwartieri tagħha f'Viċenza, li għandha tintuża għall-missjoni futura tal-pulizija fil-Kosovo;
   d) l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża proposta mill-Kunsill Ewropew, li ilha taħdem mill-2004;
   e) l-Europol u l-mandat ta' arrest Ewropew;
   f) regoli komuni għall-kisba u l-esportazzjonijiet ta' l-armi;
   (g) Ir-riċerka Ewropea dwar is-sigurtà bħala priorità tematika indipendenti taħt is-Seba" Programm ta" Qafas dwar is-Sigurtà;

56.  Hu tal-fehma li dan il-proċess għandu jkun imsaħħaħ permezz ta" l-elementi li ġejjin:

   a) it-twaqqif ta" suq komuni fil-qasam tad-difiża, bħala mezz biex tinħoloq bażi teknoloġika tad-difiża Ewropea li tkun verament integrata skond il-prinċipji ta" interdipendenza u speċjalizzazzjoni fost l-Istati Membri ta" l-UE;
   b) sistema komuni ta" intelliġenza bis-satellita u bl-ajru u standards komuni għat-telekomunikazzjonijiet, li għandhom ikunu għad-dispożizzjoni tal-militar, tal-pulizija u tas-servizzi għall-immaniġġjar tad-diżastri;
   c) it-twaqqif ta" forza navali permanenti Ewropea, inkluż servizz ta' għassiesa tal-kosta, attiv fil-baħar Mediterran sabiex turi preżenza Ewropea u ssaħħaħ il-potenzjal ta" l-UE fl-immaniġġjar ta" kriżijiet f'dan ir-reġjun ta" importanza mill-akbar għall-interessi ta" sigurtà tagħha;
   d) baġit Ewropew li jkopri mhux biss l-aspetti ċivili tas-sigurtà imma anke dawk militari;
   e) viċi-ministru għall-affarijiet barranin Ewropew għall-politika tas-sigurtà u d-difiża;
   f) laqgħat aktar spissi tal-Ministri tad-Difiża ta" l-UE;
   g) forza tal-protezzjoni ċivili Ewropea kif proposta fir-rapport fuq imsemmi ta" Michel Barnier, kif ukoll Korp Ewropew tal-Paċi Ċivili u s-Sħubija għall-Bini tal-Paċi;
   h) ħila Ewropea li tkun disponibbli għat-trasport bl-ajru u bil-baħar f'każi ta" għajnuna f'diżastri, operazzjonijiet ta" salvataġġ u operazzjonijiet ta" difiża (trasport multimodali li jikkombina l-assi l-aktar xierqa);
   i) skrutinju parlamentari adegwat mill-Parlamenti ta" l-Istati Membri u mill-Parlament Ewropew;

57.  Jisħaq fuq l-importanza tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, li jġib progress kbir lejn Unjoni ta" Sigurtà u Difiża, b'mod partikulari permezz ta":

   a) l-uffiċċju ta" Ministru għall-Affarijiet Barranin Ewropew li hu fl-istess ħin Viċi President tal-Kummissjoni;
   b) il-klawsola tas-solidarjetà, għal każijiet li fihom Stat Membru jkun affettwat minn attack terroristiku, diżastru naturali jew diżastru magħmul mill-bniedem;
   c) klawsola dwar l-għajnuna reċiproka bejn l-Istati Membri fil-każ ta" aggressjoni armata kontra t-territorju ta" Stat Membru;

o
o   o

58.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti ta" l-Istati Membri u lis-Segretarji Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, in-NATO, l-OSCE u l-Kunsill ta" l-Ewropa.

(1) ĠU C 33 E, 9.2.2006, p. 580.
(2). Testijiet Adottati, P6_TA(2006)0037.

Avviż legali - Politika tal-privatezza