Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rapport annwali dwar l-attivitajiet ta' l-Ombudsman Ewropew fis-sena 2005 (2006/2117(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rapport annwali dwar l-attivitajiet ta' l-Ombudsman Ewropew fis-sena 2005,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 195 tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 94/262/ECSC, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 1994, rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq ta' l-obbligi ta' l-Ombudsman(1),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Ottubru 2005 dwar "Il-poter ta' l-adozzjoni u t-trażmissjoni ta' komunikazzjonijiet lill-Ombudsman Ewropew u l- awtorizzazzjoni lill-uffiċjali biex jidhru quddiem l-Ombudsman Ewropew" (SEC(2005)1227),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-attivitajiet ta' l-Ombudsman, b'mod partikolari ir-riżoluzzjoni ta' l-4 ta' April 2006 dwar ir-rapport speċjali ta' l-Ombudsman b'segwitu għall-abbozz ta' rakkomandazzjoni lill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea fil-kuntest ta' l-ilment 2395/2003/GG dwar il-grad ta' trasparenza fil-laqgħat tal-Kunsill meta jkun qed jaġixxi fil-kapaċità leġiżlattiva tiegħu(2),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 195(2), it-tieni u t-tielet sentenza, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A6-0309/2006),
A. billi r-rapport annwali ta' l-attivitajiet ta' l-Ombudsman Ewropew ġie sottomess formalment lill-President tal-Parlament fit-13 ta' Marzu 2006 u l-Ombudsman, is-Sur Nikiforos Diamandouros ippreżenta r-rapport tiegħu fit-3 ta' Mejju 2006 lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet,
B. billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea ġiet proklamata fil-Kunsill Ewropew ta' Nizza fis-7 ta' Diċembru 2000 u billi teżisti r-rieda politika biex din tingħata forza legali li torbot,
C. billi l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tiddikjara li kull persuna għandha d-dritt li l-affarijiet tagħha jiġu ttrattati mill-istituzzjonijiet u l-organi ta' l-Unjoni b'mod imparzjali, ġust u fi żmien raġjonevoli,
D. billi l-Artikolu 195 tat-Trattat KE u l-Artikolu 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jiddikjaraw li kull ċittadin ta' l-Unjoni u kull persuna fiżika jew ġuridika jew li jkollha l-uffiċċju tagħha reġistrat fi Stat Membru għandha d-dritt li tirreferi għall-Ombudsman ta' l-Unjoni każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet ta' l-istituzzjonijiet jew organi tal-Komunità, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim Istanza li jaġixxu fl-irwol ġudizzjarju tagħhom,
E. billi huwa essenzjali li l-istituzzjonijiet u l-organi tal-Komunità ikunu mgħammra bir-riżorsi ta' baġit neċessarji sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom biex jiżguraw li ċ-ċittadini jirċievu tweġiba konkreta fi żmien qasir għat-talbiet, l-ilmenti u l-petizzjonijiet tagħhom,
F. billi l-Ombudsman wera x-xewqa li l-istituzzjonijiet u l-organi Ewropej kollha jadottaw approċċ komuni fir-rigward ta' Kodiċi ta' Mġieba Amministrattiva Tajba u r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Settembru 2001(3),
G. billi l-2005 kellu l-ogħla numru ta' lmenti lill-Ombudsman li qatt saru(4), u billi fl-2005 l-Ombudsman ipprovda għajnuna effettiva f'iżjed minn 75% tal-każi kollha li kienu rreferiti lilu, inkluż f'ilmenti mhux ammissibbli, billi fetaħ inkjesti dwar il-każi, jew irreferihom għand xi korp kompetenti, jew billi ta parir dwar fejn wieħed għandu jmur sabiex tinstab soluzzjoni bla dewmien u effettiva għall-problema,
H. billi, madankollu, kważi 70% ta' l-ilmenti li saru xorta waħda ma jaqgħux fit-termini ta' riferenza ta' l-Ombudsman u fi 93.7% tal-każijiet dan huwa minħabba l-fatt li, fil-kontenut, ma jaqgħux taħt dawk it-termini ta' riferenza peress li mhumiex diretti lejn istituzzjoni jew organu tal-Komunità,
I. billi l-attivitajiet ta' l-Ombudsman u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet jistgħu jidħlu fil-kamp ta' xulxin, b'mod partikolari, fejn l-Ombudsman jeżamina jekk l-eżekuzzjoni min-naħa tal-Kummissjoni ta' proċeduri ta' ksur tal-liġi kontra Stat Membru tkunx konformi mal-prinċipji ġenerali tal-liġi ta' l-UE u l-amministrazzjoni tajba, u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet, fl-istess ħin, ikun qed jeżamina petizzjonijiet li jallegaw li sar ksur tal-liġi Komunitarja minn dak l-Istat Membru dwar l-istess suġġett,
J. billi fl-2005 l-Ombudsman ittratta ma' total ta' 627 investigazzjoni; u billi r-riżultati ta' l-investigazzjonijiet li ġew mitmuma juri li f'114-il każ ma setgħetx tiġi aċċertata l-ebda amministrazzjoni ħażina, u billi 89 każ kienu ssetiljati mill-istituzzjoni jew mill-korp innifsu wara t-tressiq ta' ilment mill-Ombudsman u kienu ġew proposti 22 soluzzjoni bonarji;
K. billi l-investigazzjonijiet ta' l-Ombudsman spiss jagħtu riżultati pożittivi favur min jagħmel l-ilment u jgħinu biex titjieb il-kwalità ta' l-amministrazzjoni permezz ta' l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' miżuri xierqa mill-istituzzjonijiet u l-organi kkonċernati,
L. billi l-Ombudsman issottometta tliet rapporti speċjali lill-Parlament fl-2005; u billi s-sottomissjoni ta' rapport speċjali lill-Parlament tirrappreżenta mezz prezzjuż li bih l-Ombudsman jista' jfittex l-appoġġ politiku tal-Parlament u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet tiegħu sabiex jissodisfa x-xewqat taċ-ċittadini li jkunu nkisrulhom id-drittijiet tagħhom, kif ukoll ikompli jippromwovi t-titjib ta' l-istandards ta' l-amministrazzjoni Ewropea,
M. billi l-akbar numru ta' investigazzjonijiet ta' ilmenti, kien dwar allegat nuqqas ta' trasparenza; u billi din hija kwistjoni ta' tħassib fir-rigward tar-responsabilità demokratika ta' l-Unjoni
N. billi 68% ta' l-investigazzjonijiet ta' l-Ombudsman kienu dwar il-Kummissjoni; billi wkoll il-Kummissjoni adottat proċeduri interni ġodda fl-4 ta' Ottubru 2005 biex tkompli fuq investigazzjonijiet ta' l-Ombudsman,
O. billi fl-2005 l-Ombudsman kompla jibni relazzjonijiet ta' ħidma kostruttivi ma' l-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej l-oħrajn permezz ta' laqgħat u attivitajiet konġunti; billi fl-2005 l-Ombudsman kompla jestendi u jenerġizza in-Netwerk Ewropew ta' l-Ombudsman bl-iżvilupp ta' skambji ta' informazzjoni u ta' qsim ta' l-aqwa prattika; billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet tiegħu ħa sehem f'dan in-Netwerk;
P. billi fl-2005 l-istituzzjoni ta' l-Ombudsman iċċelebrat l-għaxar anniversarju tagħha; u billi l-attivitajiet ta' komunikazzjoni ta' l-Ombudsman fl-okkażjoni ta' dan l-anniversarju kellha l-iskop li tqajjem kuxjenza fost iċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom, dwar kif jistgħu jeżerċitaw dawn id-drittijiet u dwar it-termini ta' riferenza ta' l-Ombudsman,
1. Jikkunsidra li l-Ombudsman kompla jsegwi b'suċċess l-objettivi li jkabbar l-effett ta' l-istituzzjoni tiegħu fuq il-promozzjoni ta' amministrazzjoni tajba u r-rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem;
2. Iqis l-irwol ta' l-Ombudsman li jsaħħaħ it-trasparenza u r-responsabilità fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjoni u l-amministrazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea bħala kontribuzzjoni essenzjali lejn Unjoni fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu bl-aktar mod miftuħ u l-eqreb iċ-ċittadin possibbli, kif stabbilit mill-Artikolu 1(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
3. Jilqa' b'sodisfazzjon il-possibilità li l-proċeduri parlamentari interni jkunu aktar konċiżi sabiex fil-ġejjieni l-ipproċessar tar-rapport annwali ta' l-Ombudsman mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet isir b'aktar ħeffa;
4. Jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-Komunità biex ikunu mogħnija bir-riżorsi neċessarji tal-baġit sabiex jiżguraw li ċ-ċittadini jirċievu tweġiba konkreta fi żmien qasir tat-talbiet, l-ilmenti u l-petizzjonijiet tagħhom;
5. Itenni s-sejħa tiegħu kif espressa fir-riżoluzzjonijiet preċedenti, għal approċċ komuni mill-istituzzjonijiet kollha tal-Komunità fir-rigward tal-Kodiċi ta' Mġieba Amministrattiva Tajba fuq il-bażi tar-Riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tas-6 ta' Settembru 2001;
6. Jaqbel ma' l-Ombudsman li l-mod u manjiera li bihom l-amministrazzjoni twieġeb għal ilmenti leġittimi huma l-qies li bih jitkejjel kemm l-istituzzjonijiet u l-organi huma qrib iċ-ċittadini, u li għad hemm ħafna lok għal titjib;
7. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li anki f'każijiet fejn amministrazzjoni ħażina ma setgħetx tiġi aċċertata, il-persuni li għamlu l-ilmenti ġew provduti b'assistenza, u l-investigazzjoni fl-istess ħin intużat bħala opportunità biex titjieb il-kwalità ta' amministrazzjoni;
8. Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu bil-ħidma pubblika ta' l-Ombudsman li għandha bħala skop li tinforma lill-pubbliku, u jikkunsidra li l-informazzjoni ta' kwalità tista' tgħin sabiex jonqsu n-numru ta' lmenti li ma jaqgħux taħt it-termini ta' riferenza ta' l-Ombudsman; jistieden lill-Ombudsman biex fl-istess ħin, immedjatament, jgħaddi l-ilmenti li ma jaqgħux taħt it-termini ta' riferenza tiegħu, lill-aktar netwerk xieraq, mill-aspett ta' sussidjarjetà, f'livell nazzjonali jew reġjonali;
9. Jilqa' b'sodisfazzjon il-koperazzjoni kostruttiva bejn l-Ombudsman u l-istituzzjonijiet u l-organi tal-Komunità u jappoġġjah fl-irwol tiegħu ta' mekkaniżmu ta' kontroll estern u kif ukoll bħala sors prezzjuż ta' titjib kontinwu għall-amministrazzjoni Ewropea;
10. Jinnota li l-Ombudsman issottometta tliet rapporti speċjali li tnejn minnhom diġà ġew ikkunsidrati mill-Parlament waqt li l-kunsiderazzjoni tar-rapport l-ieħor issa tista' tibda wara t-tmiem tal-konklużjoni ta' proċeduti ġudizzjarji;
11. Huwa konvint li l-adattament neċessarju ta' l-Istatut ta' l-Ombudsman tad-9 ta' Marzu 1994, kif diġà talbet il-Kummissjoni fl-aħħar rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet dwar ir-rapport annwali ta' l-Ombudsman, għandu jitwettaq kemm jista' jkun malajr; jilqa' b'sodisfazzjon is-sottomissjoni ta' l-Ombudsman lill-President tal-proposta konkreta għal adattament bħal dan fil-11 ta' Lulju 2006;
12. Japprezza l-koperazzjoni tajba ta' l-Ombudsman mal-Kumitat tiegħu għall-Petizzjonijiet;
13. Jenfasizza madankollu l-bżonn ta' definizzjoni u dimarkazzjoni ċara ta' l-irwol ta' l-Ombudsman Ewropew fil-konfront ta' l-irwol tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament u jħeġġeġ lill-Ombudsman biex jibqa' fil-qafas tat-termini ta' riferenza tiegħu meta jipprova jassisti liċ-ċittadini;
14. Iqis, madankollu, li meta l-Ombudsman u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet, li jaġixxu fil-qafas tal-mandati u l-kompetenzi rispettivi tagħhom, jinvestigaw kwistjonijiet li jkopru l-kampijiet ta' xulxin, bħal, pereżempju, il-mod kif il-Kummissjoni minn naħa waħda tmexxi proċedura ta' ksur u min-naħa l-oħra l-ksur tal-liġi nnifsu, huma jistgħu jilħqu sinerġija utli permezz ta' koperazzjoni mill-qrib;
15. Jistieden lill-Ombudsman Ewropew biex jeżerċita l-poteri tiegħu ta' skrutinju ex officio bl-għan li jiżgura trasparenza u l-iffunzjonar korrett tal-proċeduri kollha ta' reklutaġġ, sew jekk jitwettqu permezz ta' l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) kif ukoll direttament permezz ta' korp Ewropew, inkluż is-servizz tal-persunal ta' l-Ombudsman inniffsu;
16. Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rapport speċjali dwar it-trasparenza tal-laqgħat tal-Kunsill meta jaġixxi fil-kapaċità leġiżlattiva tiegħu, u jistieden lill-Kunsill biex ikun konformi mar-riżoluzzjoni tiegħu imsemmija hawn fuq ta' l-4 ta' April 2006 u, fil-futur, sabiex il-laqgħat fejn huwa jaġixxi fil-kapaċità leġiżlasttiva tiegħu jkunu miftuħa u aċċessibbli għall-pubbliku;
17. Jistieden lill-Presidenzi futuri tal-Kunsill, bħala parti mill-isforzi biex tingħata spinta lit-trasparenza, biex jipprovdu l-paġni tagħhom fuq l-internet anki fil-lingwi uffiċjali kollha ta' l-UE (b'konformità ma' l-Anness I tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew li ltaqa' fi Brussell fil-15 u s-16 ta' Ġunju 2006) biex jippermettu u jiffaċilitaw l-aċċess għall-attivitajiet tagħhom għal numru kemm jista' jkun wiesa' taċ-ċittadini;
18. Jipproponi wkoll, bħala parti mill-isforzi li jkun aktar qrib iċ-ċittadin, li l-portal ta' dħul http://europa.eu jkun stabbilit bħala l-paġna ta' dħul uniformi għall-istituzzjonijiet kollha tal-Komunità sabiex tkun iggarantita liċ-ċittadini ħarsa ġenerali tal-qafas istituzzjonali, it-tqassim ta' proċeduri ta' responsabilitajiet u ta' teħid ta' deċiżjonijiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea, permezz ta' struttura kemm jista' jkun ċara u sempliċi u biex tiġi evitata konfużjoni ma' siti li jeżistu parallelament;
19. Jilqa' b'sodisfazzjon l-introduzzjoni ta' proċeduri interni ġodda fil-Kummissjoni bħala l-organu prinċipali li huwa fid-dmir li jwieġeb talbiet mill-Ombudsman, fejn il-Kummissarji individwali jassumu patroċinju għal każ speċifiku, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tintroduċi dan it-tip ta' proċedura għall-ipproċessar tal-petizzjonijiet ukoll;
20. Jilqa' b'sodisfazzjon in-netwerk Ewropew ta' l-Ombudsmen u l-kollaborazzjoni bejn l-Ombudsmen Ewropej, u ombudsmen u organi simili f'livelli nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istati Membri, u jħeġġeġ biex jissaħħaħ aktar l-iskambju ta' l-aħjar prattika;
21. Jistieden lill-Ombudman biex jinforma lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet regolarment dwar l-attivitajiet tiegħu fl-Istati Membri u l-kuntatti tiegħu ma' l-ombudsmen nazzjonali;
22. Jilqa' b'sodisfazzjon, b'mod partikolari, il-proċedura speċjali bil-miktub fejn ombudsman nazzjonali jew reġjonali jirċievi tweġibiet bil-miktub għal mistoqsijiet dwar il-liġi tal-Komunità u l-interpretazzjoni tagħha permess ta' l-Ombudsman Ewropew bħala kontribut prezzjuż għat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni aħjar tal-liġi tal-Komunità;
23. Jinkuraġġixxi l-Ombudsman Ewropew biex ikompli jagħmel enfasi huwa stess fuq avvenimenti għaċ-ċittadini u, għalhekk, li potenzjalment jistgħu jilmentaw, peress li d-dimarkazzjoni tal-proċessi u tar-responsabilitajiet u t-teħid ta' deċiżjonijiet bejn il-livelli Ewropej, nazzjonali u reġjonali għadhom wisq ikkumplikati għaċ-ċittadin u għal min imexxi negozju;
24. Jirrikonoxxi li l-isforzi ta' l-Ombudsman biex ikabbar il-kuxjenza taċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom li jirreġistraw ilment ma' l-Ombudsman; iħeġġu, madankollu, fid-dawl tan-numru kbir ta' lmenti li ma jaqgħux taħt it-termini ta' riferenza tiegħu, sabiex jintensifika l-isforzi tiegħu biex jipprovdi ammont ta' informazzjoni ċara dwar dawk it-termini ta' riferenza fuq bażi aktar regolari;
25. Jilqa' b'sodisfazzjon il-parteċipazzjoni dejjem akbar tal-midja fil-pubblikazzjoni tal-ħidma ta' l-Ombudsman;
26. Japprova r-rapport annwali għall-2005 mressaq mill-Ombudsman Ewropew u japprezza, b'mod partikulari, il-qsim dettaljat ta' l-ilmenti f'proċeduri adottati, in-natura ta' l-allegata amministrazzjoni ħażina, l-istituzzjoni konċernata, eċċ;
27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, u lill-ombudsmen tagħhom jew lill-entitajiet simili kompetenti.
Total ta' 3920, li jfisser żieda ta' 5% meta mqabbel mas-sena ta' qabel. Madankollu 335 ilment kienu dwar l-istess suġġett u ġew trattati fl-istess investigazzjoni komuni.