Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Bangladexx
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bangladexx, b'mod partikulari r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' April 2005 dwar il-Bangladexx(1),
– wara li kkunsidra ż-żjara tat-Trojka tad-Diretturi Reġjonali ta' l-Unjoni Ewropea mit-23 sal-25 ta' Jannar 2006 f'Dhaka;
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-16 ta' Marzu 2006 mill-Presidenza f'isem l-UE li laqa' b'sodisfazzjon l-arrest ta' żewġ mexxejja terroristi mill-awtoritajiet tal-Bangladexx ;
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-30 ta' Ottubru 2006 mis-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bangladexx,
– wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Poplu tal-Bangladexx dwar sħubija u żvilupp(2),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. filwaqt li jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li gvern provviżorju ġie ffurmat, fdat bix-xogħol ta' tħejjija għall-elezzjonijiet parlamentari li jmiss fil-Bangladexx, iżda jinnota bi tħassib li ħafna mill-kundizzjonijiet preliminari neċessarji dwar in-newtralità ta' preparazzjonijiet elettorali għad iridu jseħħu,
B. billi jilqa' b'sodisfazzjon li l-Bangladexx huwa sieħeb importanti ħafna għall-UE, li għamel progress fil-prestazzjoni ekonomika tiegħu; filwaqt li jinnota, iżda, li l-pajjiż qed jissokta jsofri minn diffikultajiet politiċi serji, minn korruzzjoni fuq skala kbira, faqar, skuntentizza popolari mifruxa u attiviżmu militanti Islamiku;
C. billi l-ġbir tar-reġistru elettorali hija kkritikata ħafna minn osservaturi nazzjonali u internazzjonali; skond stima tal-Kummissjoni, 13-il miljun isem mhux validi ġew miżjuda fir-reġistru;
D. billi fl-2006 tliet ġurnalisti inqatlu u mill-anqas 95 oħra ġew attakkati, u 55 korrispondent ta' l-istampa kienu l-mira ta' intimidazzjonijiet minħabba xi artikoli ġġudikati "mhux Islamiċi; u billi matul is-sena, aktar minn 70 ġurnalist kienu mġiegħla jaħarbu mill-pajjiż minħabba theddid, skond ir-rapporti tar-"Reporters mingħajr Fruntieri" dwar il-libertà ta' l-istampa fil-Bangladexx;
E. wara li kkunsidra l-każ partikolarment skandaluż ta' direttur tal-gazzetta tal-Bangladexx Weekly Blitz, Salah Uddin Shoaib Choudhury, ġurnalist li jaħdem favur id-djalogu bejn ir-reliġjonijiet u l-għarfien ta' Iżrael, li kien arrestat fid-29 ta' Novembru 2003 u qiegħed fil-periklu li jiġi kkundannat għall-mewt matul il-ġuri tiegħu mixli b'sedizzjoni li kellu jibda jinstema' fit-13 ta' Novembru 2006,
F. billi l-vjolenza mwettqa minn organizzazzjonijiet paramilitari b'orjentament Islamiku naqset bħala riżultat ta' passi li kien ħa l-gvern ta' qabel fl-aħħar parti taż-żmien tiegħu fil-kariga,
G. billi l-Bangladexx kellu tradizzjoni għal żmien twil ta' demokrazija sekulari, inkluż ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għad-drittijiet tan-nisa, għall-indipendenza tal-ġudikatura u għal-libertà ta' l-Istampa;
H. billi l-UE laqgħet b'sodisfazzjon l-arrest ta' żewġ mexxejja suspetti terroristi; u tikkunsidra dan bħala suċċess sinifikanti, li juri l-impenn tal-Bangladexx fil-ġlieda kontra t-terroriżmu,
I. billi fir-Rebbiegħa ta' l-2006 l-Gvern ħa miżuri drastiċi biex jikkontrolla l-estremiżmu, iżda billi gruppi Islamiċi jissoktaw fil-beraħ bil-mira tagħhom kontra membri ta' minoritajiet reliġjuzi komunitarji,
1. Jiddeplora atti reċenti ta' vjolenza u jikkundanna bis-saħħa l-attakki fiżiċi fuq ġurnalisti, persunal ta' NGOs, membri ta' trade unions u oħrajn, u l-vjolenza relatata ma' l-elezzjoni ġenerali li ġejja u ma' l-arranġamenti tranżizzjonali;
2. Jirrikonoxxi l-importanza ta' l-elezzjonijiet u jappella għal Gvern Provviżorju sod u deċiżiv li jikkumbatti l-instabilità u li jnissel fiduċja fil-proċess ta' elezzjonijiet parlamentari liberi u ġusti skond standards internazzjonali, bil-parteċipazzjoni tal-partiti kollha u fil-perjodu ta' żmien ippjanat;
3. Jistieden lill-Gvern Provviżorju tal-Bangladexx, immexxi mill-President Iajuddin Ahmed, li jieħu malajr passi biex jifforma mill-ġdid il-Kummissjoni Elettorali, sabiex jiżgura li din ta' l-aħħar tkun tista' taqdi xogħolha, u tkun tista' tidher li qed taqdi xogħolha b'mod verament newtrali;
4. Jistieden lill-Gvern Provviżorju li joħloq klima li fiha l-membri kollha ta' l-elettorat iħossuhom ġenwinament liberi li jużaw id-dritt tagħhom tal-vot, b'mod partikulari billi jiddiżarma l-partitarji tal-gruppi Islamiċi mogħtija għal azzjonijiet u propaganda karatterizzati b'intolleranza reliġjuża;
5. Jistieden lill-Kummissjoni Elettorali, b'koperazzjoni ma esperti nazzjonali u internazzjonali, biex ittejjeb il-kwalità u l-preċiżjoni tar-reġistru elettorali;
6. Jistieden lill-BNP, l-AL u l-partiti politiċi kollha biex jilħqu ftehim dwar il-kwistjonijiet elettorali kontroversjali kollha, biex jevitaw il-vjolenza politika u l-instabilità, u biex jiżviluppaw programmi politiċi li jtejbu l-istandard tal-kundizzjonijiet ta' l-għixien tal-popolazzjoni;
7. Jappella biex il-ġuri jerġa jsir u biex Salah Uddin Shoaib Choudhury jinħeles; il-kawża tiegħu tmur kontra l-istandards kollha tal-liġi internazzjonali u l-konvenzjonijiet kontra l-ksur tal-libertà ta' l-istampa;
8. Jistieden lill-awtoritajiet sabiex iġibu fit-tmiem il-klima ta' impunità u sabiex iressqu quddiem il-qrati lil dawk responsabbli ta' vjolenza u persekuzzjoni kontra l-ġurnalisti fil-Bangladexx;
9. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jommonitorjaw bir-reqqa s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, is-sitwazzjoni politika u l-libertà ta' l-istampa fil-Bangladexx u biex ifasslu programmi fil-qafas tal-koperazzjoni UE-Bangladexx biex jippromwovu l-libertà ta' l-istampa u l-libertà tal-kelma;
10. Jistieden lill-Gvern Provviżorju biex jiggarantixxi bilanċ tal-midja matul il-kampanja ta' l-elezzjoni;
11. Itenni l-impenn tiegħu għat-tradizzjoni waħdanija tal-Bangladexx ta' tolleranza reliġjuża u s-sekulariżmu kif imħaddna fit-tradizzjonijiet kulturali tal-pajjiż għal żmien twil u fil-wirt artistiku, u kif approvat fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Parlament Ewropew;
12. Jilqa' b'sodisfazzjon il-kundanna reċenti minn qorti ta' żewġ militanti Islamiċi talli qatlu persuna kkonvertita għal Kristjaneżimu, iżda jikkundanna l-impożizzjoni tal-piena tal-mewt;
13. Jilqa' b'soddisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibgħat Missjoni Elettorali ta' l-UE għall-Osservazzjoni ta' l-Elezzjoni (EUEOM) biex tosserva l-elezzjoni ġenerali li ġejja, u jħeġġeġ li tiġi stabbilita malajr Missjoni politika ta' Osservazzjoni ta' Elezzjonijiet mill-Parlament fuq tul ta' żmien qasir;
14. Jistieden lill-Kummissjoni li tagħmel użu mis-servizzi tajba tagħha ma' donaturi oħra u mal-Gvern tal-Bangladexx biex tippromwovi l-adozzjoni ta' miżuri effettivi skond id-dispożizzjonijiet ta' din ir-riżoluzzjoni;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern Provviżorju tal-Bangladexx, lill-Kummissjoni Elettorali tal-Bangladexx u lis-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.