Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew dwar formulazzjoni ġdida ta' l-Artikolu 139 tar-Regoli ta' Proċedura, dispożizzjoni tranżitorja dwar il-lingwi wżati (2006/2244(REG))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-ittra mingħand il-President tiegħu bid-data ta' l-20 ta' Lulju 2006,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 201 u 202 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A6-0391/2006),
A. billi l-Parlament adotta Deċiżjoni fl-1 ta' April 2004 fir-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li tippermetti li fl-applikazzjoni tar-regolament tal-Parlament għad-disa' lingwi ġodda li żdiedu f'Mejju 2004 sa tmiem l-2006, jikkunsidra eċċezzjonalment id-disponibilità effettiva ta' numru suffiċjenti ta' interpreti u tradutturi rispettivi,
B. billi fil-każ ta' dawn il-lingwi, il-progress li sar ma jippermettix li din id-deċiżjoni proviżorja tlaħħaq sa tmiem is-sena mingħajr kontro-miżuri, iżda għandha tiġi estiża,
C. billi fil-każ tal-Bulgaru u r-Rumen, li għandhom jiżdiedu mill-1 ta' Jannar 2007, għal ċertu żmien se jkun hemm l-istess diffikultajiet, u l-Irlandiż, li wkoll isir lingwa uffiċjali fl-istess żmien, se jkollu problemi speċjali fil-prattika,
D. billi d-deċiżjoni tranżitorja attwali għandha terġa' tiġi fformulata u sa tmiem il-perjodu elettorali attwali għandha tiġi estiża, sabiex dawn il-kundizzjonijiet jiġu kkunsidrati,
E. billi l-għan li għandu jiġi realizzat jibqa' dak tal-multilingwiżmu sħiħ, kif inhu stabbilit fl-Artikolu 138 tar-Regoli ta' Proċedura,
1. Jiddeċiedi li jemenda r-Regoli ta' Proċedura tiegħu kif jidher hawn taħt;
2. Jagħmilha ċara li l-emenda tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2007;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għal skopijiet ta' informazzjoni.
Test fis-seħħ
Emendi
Emenda 1 Artikolu 139
1. Fl-applikazzjoni tal-Artikolu 138, għandu jittieħed kont, eċċezzjonalment, tar-riżorsi realment disponibbli fin-numru ta' interpreti u tradutturi, dan b'rigward għall-lingwi uffiċjali tal-pajjiżi li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Mejju 2004, minn dik id-data sal-31 ta' Diċembru 2006.
1. Tul perjodu tranżitorju li jibqa' jgħodd sa tmiem is-sitt perjodu elettorali, huma permessi eċċezzjonijiet għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 138, meta u sakemm f'lingwa uffiċjali ma jkunux disponibbli interpreti jew tradutturi f'numru biżżejjed minkejja miżuri xierqa
2. Kull erba xhur, is-Segretarju Generali għandu jippreżenta rapport dettaljat lill-Bureau dwar il-progress sabiex l-artikolu 138 jidħol fis-seħħ fl-intier tiegħu, u kopja ta' dan għandu jintbagħat lill-Membri kollha.
2. Il-Bureau jiddetermina fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali, is-sitwazzjoni tar-rekwiżiti tal-Paragrafu 1 għal kull lingwa uffiċjali kkonċernata u jeżamina d-deċiżjoni tiegħu kull sitt xhur fuq il-bażi ta' rapport tas-Segretarju Ġenerali dwar il-progress li jkun sar. Il-Bureau jiddeċiedi dwar id-dispożizzjonijiet meħtieġa li għandhom jiġu implimentati.
2a. Hawnhekk, minħabba t-Trattati, jiġu applikati r-regolamenti tranżitorji speċjali maħruġa mill-Kunsill rigward il-kompożizzjoni ta' dokumenti legali bl-eċċezzjoni ta' regolamenti li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill joħorġu flimkien.
3. Fuq rakkomandazzjoni mill-Bureau, il-Parlament jista` jiddeċiedi li dan l-artikolu jitneħħa qabel iż-żmien stipulat, jew fl-aħħar taż-żmien kif jingħad fil-paragrafu 1, sabiex jestendih.
3. Fuq rakkomandazzjoni mill-Bureau, il-Parlament jista` jiddeċiedi li dan l-artikolu jitneħħa qabel iż-żmien stipulat, jew fl-aħħar taż-żmien kif jingħad fil-paragrafu 1, sabiex jestendih.