– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2006 imsejjaħ 'L-HIV/AIDS: Wasal il-ħin li naslu'(1) u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Diċembru 2004 dwar il-Jum Dinji ta' l- AIDS(2),
– wara li kkunsidra l-Jum Dinji ta' l-AIDS ta' l-1 ta' Diċembru 2006, u t-tema tiegħu "Responsabilizzazzjoni: Inwaqqfu l-AIDS, Inwettqu l-Wegħda",
– wara li kkunsidra l-aġġornament dwar l-epidemija ta' l-AIDS 2006, ippubblikat mill-UNAIDS(3) fil-21 ta' Novembru 2006,
– wara li kkunsidra l-Laqgħa Għolja tan-NU li saret bejn il-31 ta' Mejju u t-2 ta' Ġunju 2006 sabiex tevalwa l-progress imwettaq fuq l-Istqarrija ta' Impenn,
– wara li kkunsidra s-XVI-il Konferenza Internazzjonali dwar l-AIDS li saret f'Toronto f'Awissu 2006,
– wara li kkunsidra l-Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tas-27 ta' April 2005 imsejjħa "Programm ta' Azzjoni Ewropew għall-Ġlieda kontra l-HIV/AIDS, it-Tuberkolosi u l-Malarja permezz ta' Azzjoni Esterna (2007-2011) (COM(2005)0179), li jkopri l-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-HIV/AIDS fl-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi ġirien 2006-2009 (COM(2005)0654), tal-15 ta' Diċembru 2005,
– wara li kkunsidra s-samit tal-G8 ta' Gleneagles ta' Lulju 2005 u l-impenn tan-NU 2005 li jinkiseb aċċess universali għal trattament ta' prevenzjoni u kura sa l-2010,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi iktar minn 25 miljun persuna mietet mill-AIDS minn meta ġie identifikat l-ewwel każ ta' din il-marda 25 sena ilu,
B. billi kien hemm 4.3 miljun każ ta' infezzjoni ġodda fl-2006, li 2.8 miljuni (65%) minnhom ġraw fl-Afrika Subsaharjana waħidha, skond rapport ta' aġġornament tal-UNAIDS ppubblikat fl-21 ta' Novembru 2006;
C. billi aktar minn 95% tad-39.5 miljun persuna fid-dinja li għandhom l-HIV/AIDS jgħixu f'pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw,
D. billi hemm indikazzjonijiet li r-rati ta' infezzjoni fl-Ewropa ta' Lvant u fl-Asja Ċentrali telgħu b'aktar minn 50% sa mill-2004, u n-numru ta' infezzjonijiet naqqsu effettivament f'għadd żgħir ta' pajjiżi biss,
E. billi mis-6.8 miljun persuna li għandhom l-HIV f'pajjiżi bi dħul baxx jew medju u li għandhom bżonn ta' medikament anti-retrovirali, 24% biss għandhom aċċess għat-trattament meħtieġ,
F. billi huwa stmat li fid-dinja hawn 15-il miljun tifel u tifla ltima minħabba l-HIV/AIDS, li 12.3 miljun minnhom qed jgħixu fl-Afrika Subsaħarjana,
G. billi 5% biss tat-tfal li għandhom l-HIV jirċievu għajnuna medika, u inqas minn 10% tal-15-il miljun li sfaw iltima minħabba l-AIDS jirċievu appoġġ finanzjarju,
H. billi l-aħwa l-kbar u n-nanniet jieħdu fuq spallejhom ir-responsabiltà għal numru kbir ta' ltima ta' l-AIDS, u minħabba li l-ġenerazzjoni ta' adulti żagħżagħ infettati bl-HIV/AIDS li qegħdin imutu qed tħalli lil xi pajjiżi b'numru żgħir wisq ta' għalliema, infermiera, tobba, u professjonisti oħra ewlenin,
I. billi l-AIDS taffettwa b'mod sproporzjonat lill-ġenerazzjoni ta' persuni żagħżagħ li huma ekonomikament attivi,
J. billi n-nisa issa huma 50% tal-persuni kollha li għandhom l-HIV fid-dinja kollha, u kważi 60% ta' dawk li għandhom l-HIV fl-Afrika,
K. billi l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDGs) se jintlaħqu biss jekk il-kwistjonijiet tas-saħħa sesswali u riproduttiva jiġu integrati b'mod sħiħ fl-aġenda ta' l-MDGs,
L. billi s-saħħa sesswali u riproduttiva tiddependi fuq il-prevenzjoni ta' l-HIV u ta' mard ieħor marbut mal-faqar,
M. billi persuni li għandhom l-HIV għandhom bżonnijiet speċjali f'dak li għandu x'jaqsam mas-saħħa riproduttiva tagħhom f'termini ta' ppjanar tal-familja, twelid sikur u l-irdigħ tat-trabi, liema bżonnijiet speċjali sikwit jintesew, minkejja n-numru li qiegħed dejjem jikber ta' nisa li qed immutu minħabba din l-epidemija,
N. billi l-amministrazzjoni tal-President Bush fl-Istati Uniti qed tkompli żżomm milli tagħti fondi lill-NGOs għall-iżvilupp li mhumiex ta' l-Istati Uniti li jagħtu pariri dwar il-firxa kollha ta' servizzi tas-saħħa riproduttiva; u billi l-maġġoranza ta' dan in-'nuqqas ta' diċenza' (decency gap) imtela mill-UE għall-ifqar pajjiżi,
O. billi l-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD) fl-1994 u x-xogħol ta' segwitu ta' l-ICPD imwettaq fl-1999 u l-2004 tennew l-importanza li n-nisa jrawmu s-setgħat u jiġu pprovduti b'aktar għażliet permezz ta' aċċess imtejjeb għal edukazzjoni, informazzjoni u kura fir-rigward tas-saħħa sesswali u riproduttiva,
P. billi, ħames snin wara l-Istqarrija ta' Doha, il-pajjiżi s-sinjuri għadhom qed jonqsu milli jonoraw l-obbligu tagħhom li jiżguraw li mediċini li jsalvaw il-ħajjiet ikunu disponibbli bi prezz irħas f'pajjiżi li qed jiżviluppaw,
Q. billi 5 snin wara l-istqarrija ta' Doha li tgħid li 'kull stat membru tad-WTO għandu d-dritt li jagħti liċenzji obbligatorji u l-libertà li jiddetermina r-raġunijiet li għalihom jingħataw dan it-tip ta' liċenzji', id-WHO twissi li 74% tal-mediċini ta' l-AIDS għadhom taħt monopolju u li 77% ta' l-Afrikani għad m'għandhomx aċċess għal trattament għall-AIDS,
R. billi l-kompetizzjoni ħarxa mill-industrija tal-mediċini ġeneriċi għenet sabiex il-prezzijiet tal-mediċini ta' l-ewwel preferenza għall-AIDS jonqsu b'99% mill-2000, minn $10,000 għal madwar130 USD fis-sena għal kull pazjent fis-sena, minkejja li l-prezzijiet għal mediċini tat-tieni preferenza - dawk li l-pazjenti jeħtieġu meta, b'mod naturali, jiżviluppaw reżistenza - għadhom għoljin l-aktar minħabba żdieda fl-użu ta' brevetti fil-pajjiżi ewlenin li jipproduċu mediċini ġeneriċi,
S. billi fin-negozjati ta' ftehim bilaterali ta' kummerċ, il-ftehim m'għandhomx jillimitaw il-mod ta' kif il-pajjiżi jistgħu jużaw salvagwardji għas-saħħa pubblika,
HIV/AIDS fid-dinja
1. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar it-tixrid ta' l-HIV/AIDS u epidemiji oħra fost l-ifqar nies tad-dinja, u dwar in-nuqqas ta' enfażi fuq il-prevenzjoni ta' l-HIV/AIDS, in-nuqqas ta' aċċessibilità għal mediċini ewlenin, in-nuqqas ta' finanzjament suffiċjenti kif ukoll il-ħtieġa kontinwa għal aktar riċerka dwar l-epidemiji l-kbar;
2. Jisħaq dwar l-importanza tar-responsabilizzazzjoni tal-gvernijiet, il-fornituri ta' servizzi tas-saħħa, l-industrija tal-farmaċewtiċi, l-NGOs u s-soċjetà ċivili u nies oħra involuti fil-prevenzjoni, trattament u kura;
3. Jitlob lid-donaturi internazzjonali kollha sabiex jaħdmu ħalli jiżguraw li l-programmi ta' prevenzjoni ta' l-AIDS jilħqu lin-nies li għandhom l-akbar riskju li jiġu infettati, kif identifikat fil-konklużjoni tal-UNAIDS li dawn il-gruppi vulnerabbli mhux qed jiġu koperti;
4. Jenfasizza l-bżonn li l-UE tiffinanzja programmi speċifiċi sabiex tiżgura li t-tfal afettwati mill-epidemija ta' l-AIDS, minħabba t-telf tal-ġenitur jew il-ġenituri jew minħabba li għandhom il-marda huma stess, jibqgħu fis-sistema edukattiva u jiġu appoġġjati;
5. Jitlob lill-programmi kollha ta' għajnuna sabiex jiżguraw li meta pazjent ikun beda trattament, jingħata finanzjament sabiex it-trattament jista' jitkompla jingħata mingħajr interuzzjonijiet, sabiex jiġi evitat li tiżdied ir-reżistenza għall-mediċini li tinħoloq meta jsir trattament bl-interuzzjoniet;
6. Jenfasizza l-bżonn li l-UE tiffinanzja programmi sabiex tipproteġi lin-nisa minn kwalunkwe forma ta' vjolenza li xxerred l-AIDS u li jiżguraw li l-vittmi jingħataw aċċess għal servizzi tas-saħħa u possibilitajiet li jerġgħu jintegraw fis-soċjetà u li jiġġieldu l-istigma li sikwit hija assoċjata ma' vittmi ta' din it-tip ta' vjolenza;
7. Jenfasizza l-bżonn, fis-snin li ġejjin, ta' żieda ġenerali fl-iffinanzjar mingħand donaturi għall-provvista kollha ta' kontraċettivi, fosthom kondoms għall-prevenzjoni ta' l-HIV, sabiex ipatti għad-differenza bejn il-provvisti u d-disponibilità li jinxtraw;
8. Jistieden lill-IMF sabiex ittemm il-kundizzjonijiet monetarji u tneħħi l-limiti fiskali li jġegħlu lill-pajjiżi li jillimitaw l-infiq fuq is-saħħa pubblika u l-edukazzjoni;
9. Jitlob lill-Kungress il-ġdid li ġie elett fl-Istati Uniti sabiex tirrevoka l-"global gag rule" ta' l-amministrazzjoni tal-President Bush, liema regola twaqqaf il-finanzjament ta' NGOs mhux ta' l-Istati Uniti lill-kwalunkwe organizzazzjonijiet tas-saħħa riproduttiva li jagħt pariri dwar l-abort, u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-gvern ta' l-Istati Uniti jirrevoka il-'global gag' tiegħu dwar l-infiq għas-saħħa riproduttiva;
10. Itenni t-tħassib tiegħu, li esprimiet ukoll id-WHO, li xi gvernijiet Afrikani qed jintaxxaw il-bejgħ jew l-importazzjoni ta' mediċini anti-retrovirali u ta' mediċini oħra, li mbagħad jagħmlu lill-dawn il-mediċini għoljin wisq għall-komunitajiet fqar; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tinvestiga dan, u tinkoraġġixxi lill-gvernijiet sabiex jeliminaw dan it-tip ta' taxxi;
Saħħa sesswali u riproduttiva
11. Jisħaq li l-istrateġiji meħtieġa biex l-epidemija ta' l-HIV/AIDS tiġi missielta b'mod effettiv, irid ikollhom approċċ komprensiv lejn il-prevenzjoni, l-edukazzjoni, il-kura u t-trattament, u għandhom jinkludu t-teknoloġiji li jintużaw attwalment, aċċess aħjar għat-trattament kif ukoll l-iżvilupp ta' tilqim bħala kwistjoni urġenti;
12. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-gvernijiet tal-pajjiżi msieħba ta' l-Unjoni Ewropea sabiex jiżguraw li s-saħħa u l-edukazzjoni, u b'mod partikulari l-HIV/AIDS u s-saħħa sesswali u riproduttiva, jingħataw prijorità fid-Dokumenti ta' Strateġija tal-Pajjiż;
13. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw programmi li jissieltu lill-ħomofobija u jkissru l-ostakoli li jwaqqfu milli l-mard tiġi miġġielda b'mod effettiv, b'mod speċjali fil-Kambodja, iċ-Ċina, l-Indja, in-Nepal, il-Pakistan, it-Tajlandja u l-Vjetnam u fl-Amerika Latina kollha, fejn hemm evidenza li qed tiżdied ta' HIV li qed tfaqqa' fost irġiel li jkollhom x'jaqsmu ma' irġiel oħra;
14. 14 Jesprimi tħassib li r-rapport ta' l-UNAIDS juri li l-livelli ta' għarfien dwar is-sess sikur u l-HIV għadu baxx f'ħafna pajjiżi, fosthom f'dawk il-pajjiżi fejn l-epidemija kellha impatt qawwi; jitlob, f'dan ir-rigward, li t-tagħrif, l-edukazzjoni u l-għoti ta' pariri (counselling) dwar aġir sesswali responsabbli u prevenzjoni effettiva ta' mard trażmess mis-sess, inkluża l-HIV, isiru parti integrali mis-servizzi kollha tas-saħħa riproduttiva u sesswali;
15. Jilqa' l-fatt li r-riċerka dwar l-HIV/AIDS ġiet inkluża fis-7 Programm Kwadru tal-Komunita' Ewropea għar-riċerka, l-iżvilupp tekniku u l-attivitajiet ta' dimostrazzjoni u jitlob għal appoġġ għar-riċerka dwar tilqim, mikrobiċidji, għodod dijanjostiċi u ta' monitoraġġ adattati għall-ħtiġijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u l-istudju tal-mudelli tat-trażmissjoni ta' l-epidemija u x-xejriet soċjali u ta' aġir; jenfasizza li n-nisa għandhom jiġu involuti fir-riċerka klinika xierqa kollha, inklużi l-provi tat-tilqim;
16. Jitlob għal investiment fl-iżvilupp ta' metodi ta' prevenzjoni li jistgħu jintużaw min-nisa, bħall-mikrobiċidji, kondoms għan-nisa u mediċini ta' prevenzjoni għal wara l-espożizzjoni għall-vittmi ta' stupru;
Aċċess għall-Mediċini
17. Iħeġġeġ lill-gvernijiet sabiex jużaw il-mezzi kollha li jinsabu għad-dispożizzjoni tagħhom skond il-ftehima TRIPS, bħal liċenzji obbligatorji u lid-WHO u lid-WTO u lil-membri tagħha sabiex jirrevedu l-ftehima TRIPS fis-sħuħija tagħha, bil-għan li jtejbu l-aċċess għall-mediċini;
18. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jirrikonoxxu, ħames snin wara l-adozzjoni ta' l-Istqarrija ta' Doha, li l-applikazzjoni ma rnexxietx, minħabba li d-WTO ma rċeviet l-ebda notifika mingħand xi pajjiż li jesporta jew jimporta l-mediċini obbligatorji, lanqas tali notifika taħt id-Deċiżjoni tat-30 ta' Awissu 2003 tal-Kunsill Ġenerali tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-paragrafu 6 tad-Dikjarazzjoni ta' Doha;
19. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jieħdu l-passi meħtieġa fid-WTO, b'alleanza mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, sabiex issir modifika tal-ftehima TRIPS, u tad-dispożizzjonijiet tagħha li huwa bbażat fuq id-Deċiżjoni tat- 30 ta' Awissu 2003 (l-Artrikolu 31b), b'mod partikulari sabiex tabolixxi il-passi proċedurali twal u kumplessi għall-awtorizzazzjoni ta' liċenzi obbligatorji;
20. Sadanittant, tħeġġeġ u tistieden lill-pajjiżi kollha li qed jaffaċċaw epidemiji kbar, sabiex b'mod immedjat jużaw Artikolu 30 tal-Ftehima TRIPS sabiex ikollhom aċċess għall-mediċini neċessarji mingħajr ma jħallsu tariffi tal-brevetti lis-sidien ta' dawn il-brevetti;
21. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex iżżid bis-somma ta' biljun EUR il-kontribut ta' l-UE għall-fond globali kontra l-HIV/AIDS, malarja u tuberkolożi, kif talab b'mod ċar il-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu hawn fuq imsemmija tat-2 ta' Diċembru 2004, u lill-Istati Membri kollha u lill-Membri tal-G8 sabiex iżidu l-kontribut tagħhom għal 7 biljun EUR fl-2007 u 8 biljun EUR fl-2008, sabiex jipprovdu lill-UNAIDS bir-riżorsi neċessarji għat-tnaqqis tal-firxa ta' l-epidemiji;
22. Jappoġġa l-impenn magħmul mill-kapijiet ta' stati u gvernijiet fis-samit dinji tan-NU ta' l-2005, li talab għal aċċess universali għal servizzi ta' prevenzjoni ta' l-HIV/AIDS, trattament u kura sa l-2010; jemmen, madankollu, li għandu jiġi żviluppat pjan ċar għall-finanzjament ta' aċċess universali, u għandhom jiġu stipulati miri ta' progress internazzjonali u proviżorji,
23. Jitlob lill-UE sabiex tikkjarifika li mhux se titlob għal miżuri TRIPS-plus fi ħdan il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika , u li jiġi garantit għall-Istati li qed jiżviluppaw l-ispazju politiku lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jużaw il-flessibilitajiet tat-TRIPS b'mod ħieles;
24. Jisħaq li servizzi tajba tas-saħħa pubblika, li jinkludu r-riċerka, huma essenzjali sabiex tiġi missielta l-epidemija, u jopponi s-sitwazzjoni ta' kundizzjonalità li twassal għal-liberalizzazzjoni tagħhom;
25. Jitlob għal aktar investiment fl-iżvilupp u l-għoti ta' formoli pedjatriċi;
26. Jitlob għal appoġġ għall-iżvilupp ta' l -industriji farmaċewtiċi reġjonali u nazzjonali ta' mediċini ġeneriċi fiz-zoni effettwati, sabiex jiġi faċilitat l-aċċess għal mediċini bi prezz li jintlaħaq minn kulħadd;
o o o
27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni tal-Parlament lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Kunsill, lill-Gvernijiet ta' l-Istati Membri ta' l-UE u l-pajjiżi ta' l-ACP, lill-IMF, lill-gvern ta' l-Istati Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-Kapijiet tal-UNAIDS, il-UNDP u l-UNFPA