Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni ta" persuni b'diżabilità fl-Unjoni Ewropea mkabbra: il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew 2006-2007 (2006/2105(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni ta' persuni b'diżabilità fl-Unjoni Ewropea mkabbra: il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew 2006-2007 (COM(2005)0604) (Pjan ta' Azzjoni ta' Diżabilità),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Soċjali (CESE 591/2006),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat KE u l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, inkluż id-diskriminazzjoni li tnisslet minn forom u tipi varji ta' diżabilità, u wara li kkunsidra l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, li tipprojbixxi kull forma ta' diskriminazzjoni,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 26 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea dwar l-integrazzjoni ta' persuni b'diżabilità u d-dritt tagħhom li jibbenefikaw minn miżuri mfassla biex jiżguraw dan,
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(1),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Parlament Ewropew 2001/85/KE u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Novembru 2001 dwar id-dispożizzjonijiet speċjali għal vetturi wżati għall-ġarr ta' passiġġieri b'aktar minn tmien postijiet minbarra dak tax-xufier(2),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/903/KE tat-3 ta' Diċembru 2001 dwar is-Sena Ewropea tal-Persuni b'Diżabiltà 2003(3),
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Disabilità,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-17 ta' Ġunju 1988 dwar il-lingwi tas-sinjali għal dawk neqsin mis-smigħ(4), tat-18 ta' Novembru 1998 dwar il-lingwi tas-sinjali(5) u ta' l-4 ta' April 2001 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Lejn Ewropa mingħajr ostakoli għal persuni b'diżabilità(6) u l-pożizzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2001 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-Sena Ewropea tal-Persuni b'Diżabiltà 2003(7),
– wara li kkunsidra l-'Green Paper' tal-Kummissjoni bl-isem "It-titjib tas-saħħa mentali tal-popolazzjoni. Lejn strateġija għall-Unjoni Ewropea dwar is-saħħa mentali" (COM(2005)0484),
– wara li kkunsidra l-'Green Paper' tal-Kummissjoni bl-isem "Quddiem it-tibdiliet demografiċi: solidarjetà ġdida bejn il-ġenerazzjonijiet" (COM(2005)0094),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0351/2006),
A. billi n-non-diskriminazzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem iridu jkunu ċ-ċentru prinċipali ta' l-istrateġija tal-Komunità għall-persuni b'diżabilità kif stabbilit mill-Artikolu 13 tat-Trattat KE u mill-Artikoli 21 u 26 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea,
B. billi l-Presidenza Portugiża ta' l-Unjoni Ewropea fl-2000 insistiet li ma hemm l-ebda "ġerarkija ta' diskriminazzjoni" u li appoġġ għal leġiżlazzjoni komprensiva kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 13 tat-Trattat KE kienet ser issegwi l-adozzjoni tad-Direttiva li tipprovdi nuqqas komprensiv ta' diskriminazzjoni fuq bażi ta' razza fl-2000; u billi l-ex Kummissarju għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, ħabbar l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex tipproponi din it-tip ta' leġiżlazzjoni li tgħin lil persuni b'diżabilità fl-2003,
C. billi l-grupp ad hoc tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) approva l-proposta għal Konvenzjoni Internazzjonali għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabiltà, li hija mistennija li tkun approvata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU f'Diċembru 2006, u billi l-azzjonijiet tal-Kummissjoni issa għandhom jikkonformaw mal-prinċipji stipulati f'dik il-Konvenzjoni,
D. billi r-rati tal-qgħad fost il-persuni b'diżabilità jibqgħu għoljin b'mod inaċċettabbli,
E. billi l-impjieg huwa wieħed mill-kundizzjonijiet bażiċi ta' l-inklużjoni soċjali,
F. billi impjieg tat-tip tradizzjonali mhumiex possibli għal ħafna nies b'diżabilità, b'mod partikulari nies b'diżabilità serja, u billi hemm ħtieġa li jkunu provduti firxa wiesgħa ta' opportunitajiet għall-impjieg, inkluz l-impjieg protett u assistit,
G. billi huwa importanti għan-nies li jiksbu, iżommu u jaġġornaw kontinwament il-kwalifiki sabiex jilħqu l-potenzjal tagħhom fis-suq tax-xogħol,
H. billi hemm ħtieġa li nkomplu nitbegħdu mill-mudell mediku tad-diżabilità, filwaqt li jiġu rrispettati l-ħtiġijiet reali għar-rijabilitazzjoni ta' kull persuna individwali, bil-ħsieb li jiġu stabbiliti mudell soċjali u approċċ ibbażat fuq id-drittijiet, li jkun ibbażat fuq u jippromwovi l-prinċipji ta' l-ugwaljanza, l-ugwaljanza quddiem il-liġi u l-opportunitajiet indaqs, jew approċċ ibbażat fuq id-drittijiet korrispondenti;
I. billi l-medikazzjoni eċċessiva tad-diżabilità s'issa xekklet l-apprezzament sħiħ tal-valur soċjali tagħha u tar-rilevanza għall-qasam tad-drittijiet, u mhux biss għad-dritt li jintalbu benefiċji, u billi hemm fil-fatt bżonn li nitbegħdu bil-mod minn dan il-kunċett pjuttost limitat ta' diżabilità,
J. billi ħafna nies aktar anzjani se jiżviluppaw diżabilità fis-snin li ġejjin u ħafna nies b'diżabilità se jikbru fl-età,
K. billi l-parteċipazzjoni tan-nies b'diżabilità u ta' l-organizzazzjonijiet tagħhom hija parti essenzjali ta' dan it-tip ta' approċċ ibbażat fuq id-drittijiet,
L. billi l-kwistjoni tal-kwalità tas-servizz għandha tkun inkluża bħala wieħed mill-punti orizzontali fil-Pjan ta' Azzjoni tad-Diżabilità,
M. billi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem, "Opportunitajiet indaqs għal persuni b'diżabilità: Pjan ta' Azzjoni Ewropew" (COM(2003)0650) irrapreżentat segwitu milqugħ bi pjaċir għas-Sena Ewropea tal-Persuni b'Diżabilità 2003, u billi huwa importanti li jidher progress kontinwu fil-progress tad-drittijiet u l-kundizzjoni ta' Ewropej b'diżabilità, kif espress waqt is-Sena Ewropea,
N. billi r-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar id-drittijiet ta' persuni b'diżabilità b'mobilità mnaqqsa fl-ivvjaġġar bl-ajru(8) tirrappreżenta l-ewwel leġiżlazzjoni Komunitarja immirata esklussivament lejn it-titjib tad-drittijiet ta' persuni b'diżabilità,
O. billi l-proposta tal-Kummissjoni li jiġi stabbilit il-kunċett ta' l-għixien indipendenti għal persuni b'diżabilità kienet talba ċentrali lill-Parlament taż-żewġ kampanji storiċi għal-libertà minn persuni b'diżabilità l-aktar dawk li jgħixu f'istituzzjonijiet u organizzati min-Netwerk Ewropew għall-Għixien Indipendenti, u l-adozzjoni tiegħu mill-Kummissjoni tagħti eżempju eċċellenti ta' kif l-Unjoni Ewropeja tista' twieġeb għat-talba taċ-ċittadini,
P. billi jibqa' mhux skużabbli li infrastruttura li tkun inaċċessibbli għal persuni b'diżabilità tinbena minn riżorsi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jew minn Fondi Strutturali oħra,
1. Jistieden lill-Kummissjoni, lil dawk l-Istati Membri li ma ħadux il-miżuri meħtieġa sa l-iskadenzi tat-2 ta' Diċembru 2003 għall-UE-15 (uħud minnhom talbu estensjonijiet) u dawk minn fost l-għaxar Membri ġodda li sa l-1 ta' Mejju 2004 ma għamlux dan biex jimplimentaw b'mod effettiv id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE li tipprovdi qafas legali għat-trattament indaqs fl-impjieg, u tilqa' l-miżuri diġa meħudha mill-Istati Membri;
2. Jenfasizza li n-nuqqas ta' diskriminazzjoni fl-aċċess għall-prodotti u s-servizzi irid ikun garantit għal kull ċittadin ta' l-UE u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq direttiva speċifika dwar id-diżabilità skond l-Artikolu 13 tat-Trattat KE;
3. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jirrevokaw l-liġijiet nazzjonali kurrenti kollha tagħhom li jiddiskriminaw kontra l-persuni b'diżabilità u li jiddevjaw mill-Artikolu 13 tat-Trattat ta' Amsterdam;
4. Jikkunsidra li d-Direttiva 2001/85/KE għandha tingħata aktar saħħa sabiex tinġieb konformi mal-leġiżlazzjoni kurrenti tal-KE dwar id-drittijiet ta' passiġġieri ta' l-ajruplan li għandhom diżabilità; tappoġġja u tinkuraġġixxi lill-Kummissjoni sabiex testendi l-istess drittijiet leġislattivi lill-persuni b'diżabilità fir-rigward tal-mezzi kollha tat-trasport tul iż-żmien; ifakkar li l-aċċess ugwali għat-trasport pubbliku huwa vitali għall-persuni b'diżabilità li jivvjaġġaw għall-post tax-xogħol tagħhom u biex iżommu n-netwerks soċjali u tal-familja; barra minn hekk jilqa' r-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li għandu x'jaqsam speċifikament man-nies b'diżabilità;
5. Jilqa' t-tendenza gradwali li jkunu eliminati ħafna forom ta' diskriminazzjoni li jiltaqgħu magħhom il-persuni b'diżabilità meta jużaw trasport bl-ajru, bl-art jew bil-baħar, u jitlob li jsiru sforzi li jiġi evitat ir-riskju li jinħolqu forom ġodda ta' diskriminazzjoni li ma jeżistux fil-preżent, bħal ma jista' jkun il-każ bid-diskriminazzjoni finanzjarja;
6. Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex ittejjeb l-aċċessibiltà għat-teknoloġija ta' l-informatika u tal-komunikazzjoni; madankollu jinnota illi aktar minn 80% tal-websajts pubbliċi, inklużi dawk ta' l-istituzzjonijiet Ewropej, ġeneralment m'humiex aċċessibbli għal persuni b'diżabilità; jisħaq li l-aċċessibiltà tat-teknoloġiji ta' l-informatika u tal-komunikazzjoni jistgħu jagħtu kontribut effettiv sabiex jitnaqqas il-qgħad għoli fost il-persuni b'diżabilità;
7. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, biex iħeġġu l-involviment attiv tal-persuni b'diżabilità fl-edukazzjoni, fit-taħriġ vokazzjonali, fit-tagħlim elettroniku ('e-learning'), fit-tagħlim tul il-ħajja, f'avvenimenti kulturali, fl-isport, f'attivitajiet rikreattivi, fis-soċjetà ta' l-informazzjoni u fil-midja għall-massa;
8. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jippromwovu l-aċċessibilità ta' l-internet għall-persuni b'disabilità, b'mod speċjali f'dak li għandu x'jaqsam ma' websajts pubbliċi u websajts li għandhom x'jaqsmu ma' l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali;
9. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jieħdu azzjoni speċifika mmirata li tiżgura li l-websajts ta' l-istituzzjonijiet pubbliċi kollha huma aċċessibbli għal persuni b'diżabilità;
10. Jitlob li jsir aktar dwar l-infrastruttura sabiex jagħti aċċess lill-persuni b'diżabilità fl-ambjent mibni u ta' disinn ġdid, u jenfasizza l-importanza ta' aċċess xieraq għal persuni b'diżabilità mill-istadji ta' pjanar u approvazzjoni amministrattiva, tad-disinn standard tal-bini, aperturi u tagħmir u l-eliminazzjoni ta' ostakli arkitettoniċi; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tħaddem ir-responsabbiltajiet tagħha b'mod sħiħ f'dan ir-rispett billi timplimenta r-regolamenti tal-Fondi Strutturali waqt il-periodu 2007-2013 u tistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej sabiex jieħdu l-miżuri meħtieġa fl-interess li jagħmlu l-bini tagħhom aċċessibbli għal kulħadd;
11. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha, inkluż l-użu tat-teknoloġija moderna fejn hemm bżonn, biex itejbu l-aċċess tal-persuni b'diżabilità għall-infrastrutturi u l-attivitajiet kulturali u biex iżidu l-involviment tagħhom f'dan il-qasam;
12. Jisħaq dwar il-ħtieġa ta' miżuri li jħeġġu l-espressjoni artistika u l-kreattività tal-persuni b'diżabilità, biex b'hekk jingħatawlhom opportunitajiet indaqs fir-rigward tal-ħolqien u l-promozzjoni tax-xogħlijiet tagħhom kif ukoll fil-parteċipazzjoni tagħhom fi skambji kulturali;
13. Jenfasizza li hemm bżonn li jitniedu kampanji ta' informazzjoni biex li jiżguraw li min iħaddem ma jħarisx bi preġudizzju ta' l-ebda tip lejn persuna b'diżabilità, b'mod partikolari, għal dak li għandu x'jaqsam ma' kunċetti żbaljati dwar l-ispejjeż finanzjarji ta' l-impjieg u l-kapaċitajiet tal-kandidati; jenfasizza li għandu jsir aktar sabiex jiżdiedu l-opportunitajiet għall-komunikazzjoni, biex isir l-iskambju ta' l-aħjar prattika u biex jiżdied l-għarfien ta' min iħaddem dwar id-doveri u r-responsabilitajiet tagħhom, u biex ikun inkoraġġat l-infurzar xieraq tar-regoli kontra d-diskriminazzjoni permezz tal-qrati ta' l-Istati Membri fejn meħtieġ, b'mod partikolari b'konnessjoni mad-Direttiva 2000/78/KE; jipproponi li d-diżabilità għandha tkun immaniġġjata bħala servizz ġdid għan-negozji, bl-għan li jiggarantixxu ż-żamma ta' l-impjieg (bħala forma preventiva) jew integrazzjoni mill-ġdid fl-impjieg (bħala forma ta' rijabilitazzjoni) għan-nies li huma f'riskju ta' diżabilità fuq il-post tax-xogħol;
14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex joħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa fejn ikunu jistgħu jiġu evitati n-"nassa tal-benefiċji" u l-irtirar bikri, u s-sigurtà ta' l-impjieg tkun tista' tinħoloq għall-persuni b'diżabilità;
15. Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jippromwovu l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità skond id-Direttiva 2000/78/KE u metodi biex ikunu protetti u jħeġġeġ lit-trejdunjins biex jagħmlu kull ma jistgħu biex jinfurmaw lill-membri dwar id-drittijiet tagħhom skond dik id-Direttiva;
16. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex taħdem aktar biex tintegra l-kwistjonijiet dwar id-diżabilità fil-leġiżlazzjoni ta' l-impjieg u f'oħrajn, b'mod partikolari fl-istrateġija Ewropea dwar l-impjieg, fl-akkwist pubbliku, fil-Fond Soċjali Ewropew u fit-tagħlim matul il-ħajja u biex tagħti aktar importanza lid-drittijiet tal-persuni b'diżabilità fl-Istrateġija ta' Liżbona;
17. Jitlob lill-Kummissjoni biex iżżid il-parteċipazzjoni tal-persuni b'diżabilità fil-programmi plurijennali ġodda tul il-perjodu finanzjarju li ġej għall-2007-2013, pereżempju fil-programmi "Kultura", "Tagħlim tul il-Ħajja", "Żgħażagħ fl-azzjoni", "MEDIA 2007" u "Ewropa għaċ-Ċittadini";
18. Jitlob lill-Istati Membri biex iqisu b'mod xieraq il-problemi li jiltaqgħu magħhom il-ġenituri ta' tfal b'diżabilità, li ta' spiss jiġu sfurzati li jibqgħu barra mis-suq tax-xogħol, u biex jippromwovu politiki li jappoġġjaw u jgħinu lil ġenituri bħal dawn;
19. 19 Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li jitqiesu fl-ESF il-ħtiġijiet tat-taħriġ ta' staff li jgħinu nies b'diżabilità, fid-dar, f'istituzzjoni jew bl-użu ta' taħlita ta' metodi;
20. Jilqa' l-klawżola ta' l-ESF dwar persuni b'diżabilità;
21. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jużaw, jippromwovu u jxerrdu l-lingwi tas-sinjali sa fejn hu l-aktar possibbli, skond ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-17 ta' Ġunju 1988 hawn fuq imsemmija;
22. Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li fit-tfassil ta' skemi u programmi għall-prevenzjoni tar-riskji industrijali jitqiesu ċ-ċirkustanzi speċjali tan-nies b'diżabilità;
23. Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jużaw strumenti ekonomiċi u soċjali biex jiżdied l-għan li tkun provduta l-kura lin-nies b'diżabilità bħala parti mis-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet;
24. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex taħdem ma' l-Istati Membri biex jinkoraġġixxu l-integrazzjoni tal-persuni b'diżabilità, minn età żgħira, fis-sistema tradizzjonali ta' l-edukazzjoni ('mainstream education') kull fejn possibbli, filwaqt li jirrikonoxxi li f'xi każijiet l-iskejjel speċjali kif ukoll id-dritt tal-ġenituri li jagħżlu f'liema skola jridu jibgħatu lit-tfal tagħhom, u biex jinkoraġġixxi l-aċċess tal-persuni b'diżabilità għal-livelli kollha ta' l-edukazzjoni u taħriġ u tat-teknoloġiji ġodda, skond il-ħiliet u x-xewqat tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni sabiex twettaq riċerka u konsultazzjoni flimkien ma' l-Istati Membri għall-possibilità li jiġi stabbilit dritt għas-sistema tradizzjonali ta' l-edukazzjoni għat-tfal kollha b'diżabilità u l-familji tat-tfal li jagħżlu dan; jagħraf u jinkoraġġixxi l-kontribuzzjoni li jistgħu jagħmlu n-nies b'diżabilità lill-ekonomija Ewropeja, filwaqt li fl-istess ħin jiżviluppaw aktar indipendenza għalihom infushom;
25. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw, fi ħdan il-kompetenzi rispettivi tagħhom, ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-6 ta' Frar 2003 dwar l-aċċessibiltà elettronika ('e Accessibility') biex b'hekk jitjieb l-aċċess tal-persuni b'diżabilità għas-Soċjetà msejsa fuq l-Għarfien(9), tal-5 ta' Mejju 2003 dwar opportunitajiet indaqs fl-edukazzjoni u fit-taħriġ għal tfal ta' l-iskola u studenti b'diżabilità(10) u tas-6 ta' Mejju 2003 dwar l-aċċessibilità ta' l-infrastruttura kulturali u ta' l-attivitajiet kulturali għall-persuni b'diżabilità(11);
26. Jistieden lill-Unjoni Ewropea sabiex tkompli fuq is-Sena Ewropea tal-Persuni b'Diżabiltà (2003) u s-Sena Ewropea ta' l-Edukazzjoni Permezz ta' l-Isport (2004) billi tkompli bl-isforzi tagħha biex jitneħħew fatturi li jeskludu lin-nies b'diżabilità; jirrakkomanda li tingħata importanza speċjali lid-dimensjoni tad-diżabilità f'azzjonijiet meħudha bħala parti mis-Sena Ewropea dwar Opportunitajiet Indaqs għal Kulħadd (2007);
27. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu attenzjoni speċjali li jkun faċilitat l-aċċess tal-persuni b'diżabilità għall-mobilità fl-edukazzjoni u fit-taħriġ;
28. Jenfasizza l-irwol importanti ta' l-isport bħala fattur għat-titjib fil-kwalità tal-ħajja, fl-istima tal-persuna għaliha nnifisha, fl-indipendenza u fl-integrazzjoni soċjali tal-persuni b'diżabilità;
29. Jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu l-faċilitajiet sportivi aktar aċċessibbli, biex ineħħu l-ostakli għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ b'diżabilità fl-attivitajiet sportivi, biex jipprovdu inċentivi biex dawn il-persuni jipparteċipaw aktar fl-isport u biex jippromwovu l-avvenimenti u l-kompetizzjonijiet sportivi għall-persuni b'diżabilità, bħal-"Logħob Paralimpiku";
30. Jenfasizza li l-inklużjoni ta' studenti b'diżabilità fis-sistema tradizzjonali ta' l-edukazzjoni, filwaqt li jingħata l-appoġġ speċifiku meħtieġ biex jissodisfa l-ħtiġijiet edukattivi speċjali tat-tfal ta' l-iskola, huwa obbligu ta' l-Istati Membri;
31. Ifakkar li d-dokumentazzjoni prodotta mill-istituzzjonijiet Ewropej għandha dejjem tkun disponibbli malli mitluba f'formati aċċessibbli, b'mod partikolari fir-rigward ta' formoli li għandhom ikunu kompletament aċċessibbli għall-persuni għomja jew persuni b'vista parzjali u għall-persuni b'diffikultajiet fit-tagħlim; jenfasizza li għandu jintuża lingwaġġ ċar u sempliċi u li kliem tekniku għandu jkun evitat kemm jista' jkun;
32. Jenfasizza li hemm ħafna forom ta' diżabilità, inkluż persuni bi problemi ta' mobiltà, b'diffikultajiet fil-vista u fis-smigħ, bi problemi ta' saħħa mentali, b'mard kroniku u b'diżabilitajiet fit-tagħlim; jenfasizza l-fatt li persuni b'diversi diżabilitajiet għandhom problemi eċċezzjonali, kif għandhom il-persuni soġġetti għal diskriminazzjoni fuq bosta livelli, u li għandha tingħata aktar attenzjoni lill-anzjani u lin-nisa b'diżabilità;
33. Jinnota li t-tipi differenti ta' diżabilità jeħtieġu kura personalizzata li tqis b'mod xieraq id-diżabilitajiet ta' tfal li qed jikbru u dawk ta' l-adulti;
34. Jinnota li hemm ħtieġa li tingħata attenzjoni speċjali lill-persuni b'diżabilità li diġà jiltaqgħu mad-diskriminazzjoni, bħal ma huma l-anzjani, in-nisa u t-tfal; jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja programmi li għandhom l-għan tad-dijanjosi minn età zgħira ta' diżabilità fit-tfal, bil-ħsieb li sussegwentament l-integrazzjoni soċjali u professjonali tagħhom tkun eħfef;
35. Jenfasizza l-ħtieġa li jkunu mħeġġa l-inizzjattivi li jiżviluppaw interazzjoni akbar bejn il-pubbliku u persuni b'diżabilità mentali, u li titneħħa l-istigma tal-persuni bi problemi ta' saħħa mentali; u jappella għall-appoġġ meħtieġ għall-familji ta' nies b'diżabilità qawwija;
36. Jenfasizza l-irwol ewlieni tal-midja biex jiġu eliminati l-isterjotipi u l-preġudizzji marbuta mal-persuni b'diżabilità u biex tiġi żviluppata kuxjenza soċjali dwar il-problemi li jiffaċċjaw fil-ħajja ta' kuljum;
37. Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex, b'mod partikulari fil-qafas tal-programm MEDIA 2007, iħeġġu l-produzzjoni u t-tixrid ta' films u ta' programmi televiżivi li jagħtu dehra aktar pożittiva tal-persuni b'diżabilità;
38. Jistieden lill-Istati Membri biex jisfruttaw kompletament il-faċilitajiet li joffri t-televiżjoni diġitali sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet speċjali tal-persuni b'diżabilità, bħal ma huma sottotitoli aħjar, kummentarju awdjo u spjegazzjonijiet permezz ta' simboli, waqt li fl-istess ħin jitħeġġeġ l-użu ġenerali ta' sottotitoli u tal-lingwa tas-sinjali fi programmi televiżivi analoġiċi;
39. Jitlob lill-Istati Membri biex jagħtu attenzjoni speċjali lin-nisa b'diżabilità li jsofru diskriminazzjoni fuq bosta livelli, fenomenu li jista' jiġi sfidat biss permezz ta' taħlita ta' miżuri ta' inklużjoni u ta' azzjoni pożittiva mfassla b'koperazzjoni ma' nisa b'diżabilità u ma' parteċipanti fis-soċjetà ċivili;
40. Jitlob lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri ħorox kontra kull forma ta' vjolenza kontra l-persuni b'diżabilità, b'mod partikulari il-persuni anzjani u t-tfal, li ta' spiss ikunu vittmi ta' vjolenza mentali, fiżika, kif ukoll sesswali; jinnota li kważi 80% tan-nisa b'diżabilità huma vittmi ta' vjolenza u li r-riskju ta' vjolenza sesswali huwa aktar għoli għalihom milli għal nisa oħra; josserva li l-vjolenza mhux biss isseħħ ta' spiss fil-ħajja tan-nisa b'diżabilità iżda wkoll hija kultant il-kawża propja tad-diżabilità tagħhom;
41. Jilqa' l-approċċ li persuni b'diżabilità ma jibqgħux ikunu istituzzjonalizzati; jinnota li biex titwaqqaf l-istituzzjonalizzazzjoni hu meħtieġ livell suffiċjenti ta' servizzi ta' kwalità bbażati fil-komunità li jiffavorixxu l-għajxien indipendenti, id-dritt għall-assistenza u l-parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà fl-Istati Membri; jitlob li tingħata attenzjoni speċjali għal xkiel possibbli għall-aċċess ta' tali servizzi li jkun ikkawżat minn politiki ta' servizz bi ħlas u biex jappoġġjaw il-prinċipju ta' l-aċċess universali; jirrakkomanda li l-Gvernijiet ta' l-Istati Membri jiffukaw l-appoġġ tagħhom fuq servizzi bl-għan li jinkoraġġixxu l-integrazzjoni fis-soċjetà u l-impjieg ta' nies b'diżabilità; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-politiċi pubbliċi sabiex ikun żgurat li d-drittijiet indaqs jeżistu fil-prattika; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa u/jew tirrikonoxxi indikaturi Ewropej ta' kwalità għas-servizzi soċjali;
42. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiżviluppa politiki tal-Komunità dwar il-ħarsien soċjali fil-fażi li jmiss tal-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Diżabilità u li jsir kontribut xieraq mill-fornituri ta' servizzi; madankollu jinsisti li r-riċerka, it-taħriġ, il-konferenzi u inizzjattivi oħra dwar dan għandhom ikunu b'mod konsistenti mmexxija mill-utent, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex twettaq monitoraġġ ċar dwar il-parteċipazzjoni tal-persuni b'diżabilità f'dawn l-attivitajiet kollha;
43. Jistieden lill-Kummissjoni, bħala parti mid-dibattitu dwar is-servizzi soċjali ta" interess ġenerali li għadu għaddej, biex tqis l-irwol tas-servizzi sabiex jinkisbu d-drittijiet tal-bniedem u l-parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà; għalhekk huwa ta' l-opinjoni li l-parteċipazzjoni attiva ta' l-utenti fid-determinazzjoni tas-servizzi ta' kwalità hija indispensabbli;
44. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu arranġamenti biex ikunu żgurati l-immaniġġjar u l-konformità sodi u trasparenti bi ħtiġijiet relatati mal-kwalità ta' l-appoġġ għas-servizzi kollha provduti lill-persuni b'diżabilità, kemm jekk fid-dar kif ukoll f'istituzzjoni jew bl-użu ta' taħlita ta' metodi;
45. Jenfasizza li jkun x'ikun il-metodu ta' appoġġ għall-persuni b'diżabilità - dar, istituzzjoni jew taħlita ta' metodi - l-Istati Membri kollha għandhom ikunu meħtieġa li jistabbilixxu arranġamenti sabiex ikun imwaqqaf it-trattament ħażin (użu ta' aġenti li jrażżnu, vjolenza fiżika u psikoloġika, eċċ.) bi qbil mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;
46. Jistieden lill-Kummissjoni biex tinsisti fuq il-ħtieġa tal-karta Ewropea dwar il-kwalità ta' appoġġ għal persuni b'diżabilità bil-ħsieb li jkun assigurat livell għoli ta' integrazzjoni u parteċipazzjoni jkun x'ikun il-metodu ta' appoġġ - fid-dar, f'istituzzjoni jew b'taħlita ta' metodi;
47. Jistieden lill-Kummissjoni biex kemm tippromwovi aktar kif ukoll twettaq evalwazzjoni ta' l-implimentazzjoni tal-linji gwida tagħha dwar id-diżabilità fi ħdan l-assistenza ta' l-UE għall-iżvilupp; jistieden lill-Inizjattiva Ewropea dwar id-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem sabiex tmantni u testendi l-appoġġ għall-proġetti li jippromwovu d-drittijiet tal-persuni b'diżabilità madwar id-dinja; jenfasizza li l-kapitlu fir-rapport anwali ta' l-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem li jitratta l-persuni b'diżabilità fil-futur għandu jkun aktar dettaljat;
48. Jesprimi t-tħassib tiegħu li l-Kummissjoni għadha ma kkunsidratx biżżejjed id-drittijiet tal-bniedem għall-persuni b'diżabilità fl-evalwazzjoni tal-konformità mal-Kriterji ta' Copenhagen fi ħdan il-proċess tat-tkabbir ta' l-UE; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tirdoppja mill-ġdid l-isforzi tagħha għal dan u biex tassikura aċċess sħiħ tal-persuni b'diżabilità u ta' l-organizzazzjonijiet tagħhom f'pajjiżi kandidati għall-iffinanzjar mill-Istrument għall-Politiki Strutturali għal qabel l-Adeżjoni (ISPA);
49. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jimplimentaw il-Pjan ta' Azzjoni ta' Diżabilità u sabiex jirraportaw dwar il-progress milħuq lill-Parlament; jitlob lill Grupp ta' Livell Għoli ta' Rappreżentanti għad-Diżabilità sabiex jirrevedu u jekk hemm bżonn jaġġornaw id-Disa' Prinċipji ta' Eċċellenza ta' servizz għall-persuni b'diżabilità;
50. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li titlaq minn enfasi speċifika fuq il-promozzjoni ta' l-impjieg (2004-2005) għal enfasi ġdida fuq l-inklużjoni attiva, u jitlob li din ikollha enfasi bbilanċjata fl-oqsma kollha tal-parteċipazzjoni min-nies b'diżabilità u li jiġu stabbiliti benchmarks speċifiċi biex jiggwidaw din il-fażi ta' implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tad-Diżabilità;
51. Jirrikonoxxi l-irwol importanti li l-NGOs, organizzazzjonijiet ta' welfare li ma jfittxux profitt u organizzazzjonijiet ta' persuni b'diżabilità għandhom fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni tad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità u jenfasizza li l-Kummissjoni għandha taħdem aktar biex tikkonsulta ma' persuni b'diżabilità u ma' organizzazzjonijiet ta' persuni b'diżabilità, sabiex il-politiki għall-persuni b'diżabilità jistgħu jassiguraw l-involviment aktar attiv tal-gruppi tan-nies li huma parti minn dan is-settur;
52. Jilqa' l-irwol essenzjali li għandu f'dan il-Forum Ewropew għad-Diżabilità, kif ukoll minn netwerks Ewropej oħra marbuta speċifikament mal-kwistjoni tad-diżabilità, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex timmoniterja bir-reqqa l-appoġġ finanzjarju tagħha għal dawn l-organizzazzjonijiet filwaqt li tirrispetta l-indipendenza tagħhom, sabiex tmantni fuq livell Ewropew djalogu ċivili sod u enerġetiku ma' nies b'diżabilità;
53. Jistieden lill-Istati Membri, flimkienm ma' intrapriżi, l-imsieħba soċjali u entitajiet kompetenti oħra, sabiex ifittxu b'aktar intensità modi ta' kif jistgħu joffru impjieg lil persuni b'diżabilità;
54. Jitlob li l-ġbir tad-dejta bejn l-Istati Membri jkun aktar koerenti, billi jintużaw sistemi li jgħinu t-titjib tal-kontenut u tal-kwalità ta' l-istatistiċi Ewropej u nazzjonali, b'mod partikolari fir-rigward tal-problemi differenti mġarrba minn persuni b'diżabilitajiet differenti; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinkludi d-diżabilità bħala indikatur fis-survey UE-SILC dwar id-dħul u l-kundizzjonijiet ta' għajxien fl-UE;
55. Jitlob definizzjoni Ewropea komuni ta' diżabilità;
56. Jilqa' d-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tal-11 ta' Lulju 2006 fil-Kawża C-13/05, Chacón Navas(12), dwar definizzjoni komuni tal-KE tad-diżabilità; huwa tal-fehma li dan għandu jwettaq ħafna fl-infurzar u fit-titjib tad-drittijiet u t-trattament tan-nies b'diżabilità fl-Istati Membri kollha;
57. Jilqa' l-ftehima ta' l-abbozz tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Disabilità; jifraħ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-organizzazzjonijiet Ewropej għall-persuni b'diżabilità ta' l-irwol integrali li kellhom biex jiksbu dan ir-riżultat; jitlob għal kampanja mifruxa ma' l-UE kollha sabiex tikseb il-firma u r-ratifika tal-Konvenzjoni, wara l-adozzjoni tagħha, kemm fl-Ewropa kif ukoll mill-imsieħba tagħha madwar id-dinja;
58. Jenfasizza l-importanza li wieħed jassigura li l-prinċipji miġbura fil-Konvenzjoni Komprensiva u Integrali dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Drittijiet u d-Dinjità tal-Persuni b'Diżabiltà proposta min-NU jkunu promossi u segwiti f'livell ta' l-UE;
59. Jilqa' l-adozzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Disabilità; huwa tal-fehma li din se tkun konvenzjoni storika, li għandha l-potenzjal li ttejjeb il-ħajjiet ta' persuni b'diżabilità madwar id-dinja; ifakkar li l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Disabilità li ser torbot legalment lil dawk l-Istati Membri li rratifikawha tispeċifika li d-diżabilità hija kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem li għandha tkun protetta;
60. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiddefenixxi b'mod iktar ċar fit-test tagħha l-proġetti li diġà bdew skond il-Pjan ta' Azzjoni ta' Diżabilità;
61. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti aktar attenzjoni lill-perspettiva tal-ġeneri u informazzjoni speċifika dwar in-nisa b'diżabilità u dwar il-ġenituri ta' tfal b'diżabilità fil-fażijiet ġodda tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Diżabilità;
62. Jappoġġja t-talba tal-Presidenza UE ta' l-Ingilterra ta' l-2005 għal laqgha anwali tal-Ministri għad-Diżabilità ta' l-Istati Membri;
63. Jistieden lill-Kummissjoni, biex b'monitoraġġ xieraq, tirrevedi u tippubblika kull sentejn rapport ta' progress dwar il-politiki u l-prattika tajba segwita f'isem il-persuni b'diżabilità fl-Istati Membri individwali fis-setturi varji kkonċernati;
64. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jassiguraw li d-dimensjoni tad-diżabilità ta' l-attivitajiet fi ħdan is-Sena Ewropea dwar Opportunitajiet Indaqs 2007 jibnu fuq u mhux kemm jirrepetu l-kisbiet tas-Sena Ewropea tal-Persuni b'Diżabilità 2003;
65. Jitlob li jsir sforz akbar għall-anzjani li qed isofru minn diżabilità bil-ħsieb li l-integrazzjoni jew l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol ikun faċilitat u li jitnaqqas l-irtirar bikri fost in-nies b' diżabilità; jinnota li, b'konformità ma' tibdiliet demografiċi, in-numru ta' anzjani b'diżabilità qed jikber b'mod sinifikanti; huwa tal-fehma li anzjani b'diżabilità huma ta' bżonn partikulari tal-kura ħolistika u ta' livell ogħla ta' rijabilitazzjoni soċjali; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tagħmel studju dwar x'qed isir fl-Istati Membri f'dan il-qasam sabiex tiggarantixxi kura xierqa skond il-ħtiġijiet tal-persuni; jirrakkomanda li r-riżultati ta' dan l-istudju jiġu stabbiliti f'forma ta' paragun ta' l-aħjar prattika;
66. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri u ta' pajjiżi li qed jissieħbu u pajjiżi kandidati;