Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2003/0256(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0352/2006

Testi mressqa :

A6-0352/2006

Dibattiti :

PV 11/12/2006 - 14
CRE 11/12/2006 - 14

Votazzjonijiet :

PV 13/12/2006 - 8.1
CRE 13/12/2006 - 8.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2006)0552

Testi adottati
PDF 1852kWORD 4871k
L-Erbgħa, 13 ta' Diċembru 2006 - Strasburgu
Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (REACH) ***II
P6_TA(2006)0552A6-0352/2006
Riżoluzzjoni
 Test
 Anness

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill għall-adozzjoni ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, l-Evalwazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta" Sustanzi Kimiċi (REACH), li jwaqqaf Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1488/94 kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE u d-Direttivi tal-Kummissjoni 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (7524/8/2006 – C6-0267/2006 – 2003/0256(COD))

(Proċedura ta' kodeċiżjoni: it-tieni qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill (7524/8/2006 – C6-0267/2006)(1),

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari(2) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2003)0644)(3),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 62 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rakkomondazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel (A6-0352/2006),

–   wara li kkunsidra id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni li huma annessi ma din ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva u li se jkunu ppubblikat flimkien ma'l-att leġiżlattiv fil-Ġurnal Uffiċjali,

1.  Japprova l-pożizzjoni komuni kif emendata;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 276 E, 14,11,2006, p. 1.
(2) ĠU C 280 E, 18,11,2006, p. 303.
(3) Għadha mhux ippubblikata fil-ĠU.


P6_TC2-COD(2003)0256

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fit-tieni qari fit-13 ta' Diċembru 2006 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru .../2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament fit-tieni qari jaqbel ma' l-att leġislattiv finali r-Regolament, (KE) Nru 1907/2006.)


ANNESS

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fuq Metodi Alternattivi

Bħala parti mill-istrateġija tal-Komunità biex tippromwovi metodi alternattivi għat-testijiet, l-iżvilupp ta' metodi li jkopru metodoloġiji appoġġjati bil-kompjuter, in vitro u metodoloġiji oħra inkluż l-irfinar ta' metodi attwali, kien ta' priorità għal għexieren ta' snin. Bejn l-1999 u l-2002 (il-Ħames Programm ta' Qafas), l-UE appoġġjat 43 proġett ta' riċerka li jiswew €65 miljun, li bosta minnhom għadhom għaddejjin. Fil-Programm ta' Qafas ta' Riċerka attwali (is-Sitt Programm ta' Qafas: 2003-2006), l-Unjoni Ewropea qiegħda tinvesti iktar minn €90 miljun biex tiżviluppa metodi robusti, effikaċii u li ma jinvolvux l-ittestjar fuq l-annimali, li jilħqu r-rekwiżiti ta' validazzjoni internazzjonali.

L-attivitajhiet ta' riċerka sejrin jissoktaw fis-Seba' Programm ta' Qafas (2007-2013) li daqt sejjer jinbeda, permezz ta' attivitajiet ikkoordinati fuq metodi u strateġiji alternattivi għall-ittestjar sikur iffukat fuq il-farmaċewtiċi (skond it-tema tas-Saħħa) u l-kimiċi industrijali (skond it-tema ta' l-Ambjent). Tqiesu wkoll liema metodi jistgħu jagħtu l-ikbar kontribut biex jitnaqqas l-ittestjar fuq l-annimali fi ħdan is-sistema REACH, filwaqt li jitqies iż-żmien meħtieġ biex it-testijiet jiġu żviluppati, u l-iskadenzi għar-reġistrazzjoni relevanti fis-sistema REACH. Bħala riżultat ta dan, is-Seba' Programm ta' Qafas jinkludi l-iżvilupp ta' metodi li jistgħu jappoġġjaw b'mod dirett it-tnaqqis ta' l-għadd ta' l-annimali użati fl-ittestjar fi ħdan is-sistema REACH. Qed jitfittex l-involviment tal-partijiet interessati permezz ta' inizjattivi bħas-Sħubija Ewropea għal Strateġiji Alternattivi għall-Ittestjar ta' l-Annimali, mnedija fis-7 ta' Novembru 2005 mill-Kummissarji Pocnik u Verheugen flimkien ma' l-industrija. Billi tiġma' b'mod effettiv l-esperjenza, l-kompetenza u r-riżorsi tal-Kummissjoni u ta' l-industrija, Sħubija komuni kkoordinata fil-livell ta' l-UE u mifruxa fuq għadd ta' setturi għandha tkun iktar effettiva minn inizjattivi storikament frammentati f'dan il-qasam.

Il-validazzjoni tal-metodi alternattivi ta' l-ittestjar kienet ta' prijorità għall-Kummissjoni mill-1991. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni waqqfet iċ-Ċentru Ewropew għall-Validazzjoni tal-Metodi Alternattivi (ECVAM), unità speċifika fi ħdan iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka inkarigata bil-koordinazzjoni tal-validazzjoni ta' metodi alternattivi ta' l-ittestjar fil-livell ta' l-Unjoni Ewropew, u l-promozzjoni ta' l-iżvilupp, il-validazzjoni u r-rikonoxximent internazzjonali tal-metodi alternattivi ta' l-ittestjar. Il-Kummissjoni se tkompli tivvalida l-metodi xierqa u sejra tikkunsidra l-applikazzjoni tal-metodi vvalidati fil-leġiżlazzjoni Komunitarja. Illum, qed jintużaw metodi adattati fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-kimiċi, biex jiġi adattat l-Anness V tad-Direttiva 67/548/KEE. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-importanza biex tikseb l-aċċettazzjoni regolatorja għal metodi bħal dawn kemm jista' jkun malajr u hi adottat ħafna metodi ta' ttestjar alternattivi ivvalidati fl-Anness V ta' 67/548/KEE qabel aċċettazzjoni internazzjonali eventwali tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tagħti prijorità għolja biex tiżgura li r-Regolament dwar l-ittestjar tar-REACH jiġi adattat malajr kemm jista' jkun wara li jsiru disponibbli l-metodi vvalidati xierqa.

Il-Kummissjoni għandha tkompli tkun attiva fil-fora internazzjonali, partikolarment fl-OECD fejn tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' l-istandards ġodda għall-ittestjar u b'attenzjoni speċjali għall-metodi ġodda vvalidati kif imsemmi hawn fuq.

Il-qafas regolatorju li fih jintużaw il-metodi ta' l-ittestjar huwa importanti daqs il-metodi speċifiċi. Sa mill-bidu tiegħu, il-minimizzazzjoni ta' l-ittestjar ta' l-annimali kien element ewlieni fit-tfassil tas-sistema REACH u l-Kummissjoni ħadmet b'konsistenza biex ittejjeb dan l-aspett ta' din il-proposta. Dan jidher f'termini tal-bidliet sinifikanti matul il-proċess, bħaż-żieda tal-fażi ta' qabel ir-reġistrazzjoni, b'riżultat tar-reazzjonijiet għall-White Paper fl-2001, u l-aċċettazzjoni ta' data waħda ta' qabel ir-reġistrazzjoni, kif propost kemm fl-Opinjoni tal-Parlament fl-Ewwel Qari u kemm fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill. Il-minimizzazzjoni tat-testijiet ta' l-annimali jidher ukoll fit-test legali ddettaljat, inkluż l-inkoraġġiment għall-ġbir ta' sustanzi fi gruppi, l-evalwazzjoni tal-proposti ta' l-ittestjar u l-użu tat-trasponibilità. Fil-Proġetti ta' Implimentazzjoni tas-sistema REACH (RIPs) qed isir xogħol importanti marbut mat-tnaqqis ta' l-użu ta' l-annimali, flimkien ma l-iżvilupp ta' strateġiji għaqlija ta' l-ittestjar. Il-Kummissjoni hija impenjata biex tkompli dan ix-xogħol wara l-adozzjoni tas-sistema REACH. Pereżempju, l-iżvilupp u ż-żamma tal-linji ta' gwida u l-proċeduri ta' l-Aġenzija għandhom joffru iktar opportunitajiet biex jindirizzaw it-tħassib dwar l-ittestjar fuq l-annimali.

Il-Kummissjoni sejra tikkunsidra wkoll l-aspetti relevanti fir-reviżjoni tad-Direttiva 86/609/KEE, speċifikament fir-rigward tal-modi li bihom jistgħu jiġu promossi iktar l-iżvilupp, il-validazzjoni u l-aċċettazzjoni regolatorja tal-metodi alternattivi skond il-prinċipju tat-'Three Rs'.

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar Addittivi tat-tabakk fil-kuntest tan-negozjati dwar REACH waqt li tindirizza l-emendi tal-Parlament dwar addittivi tat-tabakk

Ir-Regolament REACH ikopri l-ingredjenti kimiċi tal-prodotti tat-tabakk bħalma jkopri kwalunkwe sustanza kimika oħra. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu reġistrati u li jkunu suġġetti għal evalwazzjoni, restrizzjoni jew awtorizzazzjoni skond is-sistema REACH. Xi wħud mill-effetti tagħhom, fil-forma maħruqa, għandhom ikunu koperti bi kwalunkwe evalwazzjoni ta' sikurezza kimika meħtieġa.

Ladarba s-sistema REACH tibda topera, ikunu meħtieġa taqsira u kunsiderazzjoni tat-tagħrif disponibbli skond REACH dwar l-ingredjenti tat-tabakk sabiex jibbenifikaw aħjar mis-sinerġiji tal-ħidma li tinsab għaddejja fil-kuntest tad-Direttiva 2001/37/KE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ ta' prodotti tat-tabakk.

Fil-kuntest tad-Direttiva 2001/37/KE, il-Kummissjoni għandha impenn li tippromwovi:

   l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta' format armonnizzat għar-rapporti dwar ingredjenti fit-tabakk, sabiex toħloq prerekwiżit għall-evalwazzjoni sistematika ta' l-ingredjenti tat-tabakk. Fi stadju avvanzat, din tista' tevolvi fil-ħolqien ta' database Ewropew dwar ingredjenti tat-tabakk u l-effetti tagħhom;
   l-evalwazzjoni ta' testijiet għall-effetti tossikoloġiċi u vizzjużi minn perspettiva tas-saħħa pubblika
   il-kooperazzjoni ta' laboratorji indipendenti tat-tabakk fi ħdan l-UE sabiex toħloq il-pedament operattiv għal analiżi mifruxa u għal evalwazzjoni ta' ingredjenti tat-tabakk u/jew emissjonijiet tad-duħħan mill-Istati Membri, u b'riżultat ta' dan li tikkonsidra forma ta' proposta konkreta għal lista komuni ta' ingredjenti.

Il-Kummissjoni għandha wkoll:

   tipparteċipa fil-proċess li jiżviluppa linji ta' gwida dwar l-eżaminar u l-kejl ta' l-ingredjenti u l-emissjonijiet ta' prodotti tat-tabakk fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta' Qafas dwar il-Kontroll tat-Tabakk (FCTC),
   u tikkonsidra l-kofinanzjament ta' riċerka dwar it-tossiċità u partikolarment l-ivvizzjar ta' ingredjenti tat-tabakk u/jew emissjonijiet tad-duħħan fil-kuntest tal-programm ta' qafas dwar ir-riċerka.

Sar-reviżjoni tad-Direttiva 2001/37/KE li jmiss, li ser tkun ibbażata fuq ir-rapport dwar l-implimentazzjoni tagħha li huwa mistenni għall-aħħar tal-2007, il-Kummissjoni ser tikkonsidra li tkompli tiżviluppa l-qafas għall-evalwazzjoni ta' ingredjenti tat-tabakk fid-dawl ta' l-esperjenza miksuba u l-evalwazzjonijiet ta' l-impatt ta' diversi alternattivi.

Ir-responsabbiltà tal-prova ta' l-effetti ta' l-ingredjenti u l-emissjonijiet ta' prodotti tat-tabakk fuq is-saħħa għandha taqa' kollha kemm hi fuq l-industrija, li għandha tkun responsabbli għall-iffinanzjar ta' l-iżvilupp, il-validazzjoni u l-eżaminar tossikoloġiku u vizzjanti xieraq. L-awtoritajiet tas-saħħa pubblika għandhom jidderiġu dan il-proċess sabiex jiżguraw li l-metodoloġiji żviluppati jolqtu tajjeb oqsma ta' tħassib fis-saħħa pubblika.

Fuq il-prinċipju fundamentali stabbilit fil-paragrafu ta' qabel dwar ir-rwol ta' l-industrija fl-iffinanzjar tat-testijiet, il-Kummissjoni ser teżamina l-għażliet reali biex jinġabru riżorsi umani u finanzjarji biżżejjed sabiex jiffinanzjaw kwalunkwe programm ta' ħidma sostenibbli dwar il-valutazzjoni ta' ingredjenti u emissjonijiet tad-duħħan, bil-għan li tevalwa r-riżultati b'mod xieraq minn perspettiva tas-saħħa.

Il-Kummissjoni taf tajjeb li l-iżvilupp u l-validazzjoni ta' metodoloġiji u l-evalwazzjoni ta' sustanzi huwa xoghol impennjattiv ħafna li għandu jieħu bosta snin.

Avviż legali - Politika tal-privatezza