Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2658(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

B6-0631/2006

Dibattiti :

PV 12/12/2006 - 6

Votazzjonijiet :

PV 13/12/2006 - 8.15
CRE 13/12/2006 - 8.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2006)0566

Testi adottati
PDF 228kWORD 60k
L-Erbgħa, 13 ta' Diċembru 2006 - Strasburgu
Il-Laqgħa għolja bejn l-UE u r-Russja
P6_TA(2006)0566B6-0631/2006

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-laqgħa għolja bejn l-UE u r-Russja f'Ħelsinki ta' 24 ta' Novembru, 2006

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri, fuq in-naħa l-waħda, u l-Federazzjoni Russa, fuq in-naħa l-oħra (PCA)(1), li daħlet fis-seħħ fl-1997 u tiskadi fl-2007,

–   wara li kkunsidra l-Konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–   wara li kkunsidra r-responsabilitajiet kurrenti tar-Russja fuq livelli internazzjonali u Ewropej, fil-kapaċità tagħha bħala President-fil-kariga tal-G8 u President tal-Kumitat tal-Ministri fil-Kunsill ta' l-Ewropa,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet ta' qabel tal-Parlament Ewropew dwar ir-Russja, u b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2006(2) dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja wara l-qtil tal-ġurnalista Russa Anna Politkovskaya, ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Marzu 2006(3) dwar is-sigurtà tal-forniment ta' l-enerġija fl-Unjoni Ewropea u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2005(4) dwar ir-Russja,

–   wara li kkunsidra r-riżultat tat-tmitax il-Laqgħa Għolja bejn l-UE u r-Russja f'Ħelsinki fl-24 ta' Novembru, 2006

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja kibru b'mod kostanti tul l-aħħar ftit snin u b'hekk wasslu għal integrazzjoni u interdipendenza ekonomika profonda u komprensiva, u għandhom jiżdiedu aktar fil-futur qarib,

B.   billi koperazzjoni aktar mill-qrib u relazzjonijiet tajba bejn l-UE u r-Russja huma ta' importanza ewlenija għall-istabilità, is-sigurtà u l-prosperità ta' l-Ewropa kollha,

C.   billi l-konklużjoni ta' Ftehima ta' Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa hija ta' l-akbar importanza għal din il-koperazzjoni miżjuda, b'mod partikolari fir-rigward ta' żvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet ekonomiċi bbażati fuq l-ugwaljanza, it-trasparenza u r-rispett ghall-proċeduri rikonoxxuti fil-kamp internazzjonali, għat-tisħiħ tas-sigurtà u tas-stabilità fl-Ewropa billi jinstabu soluzzjonijiet politiċi u paċifiċi għall-kunflitti reġjonali fil-viċinanzi komuni, u għat-tkomplija tat-tisħiħ tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, ir-rispett għall-istat tad-dritt u l-qafas demokratiku bħala bażi għal dawn ir-relazzjonijiet,

D.   billi l-implimentazzjoni mgħaġġla ta' l-erba' oqsma komuni, b'qasam ekonomiku komuni, qasam ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, qasam ta' sigurtà esterna u qasam ta' riċerka, edukazzjoni u kultura għandha tkun fil-qalba tan-negozzjati għal din il-Ftehima ta' Sħubija Strateġika ġdida,

E.   billi s-sigurtà tal-forniment ta' l-enerġija hija waħda mill-akbar sfidi għall-Ewropa u waħda mill-oqsma ewlenin tal-koperazzjoni mar-Russja, u billi l-UE timporta bejn wieħed u ieħor kwart tal-gass u taż-żejt tagħha mir-Russja u hija l-aktar konsumatur affidabbli ta' l-esportazzjonijiet Russi,

F.   billi t-tmintax il-Laqgħa Għolja bejn l-UE u r-Russja f'Ħelsinki fl-24 ta' Novembru 2006 kellu l-għan li jimmarka l-bidu ta' fażi ġdida fir-relazzjonijet bejn l-UE u r-Russja u, b'mod partikolari, biex iniedu negozzjati dwar ftehima ta' qafas gdida bejn l-UE u r-Russja biex tissostitwixxi l-Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni (PCA) kurrenti li tiskadi fl-2007,

G.   billi l-Polonja blukkat il-bidu tan-negozzjati tal-ftehima ta' qafas ġdida, biex b'hekk għamlet il-bidu tan-negozzjati kundizzjonali fuq it-tneħħija minn Moska tal-projbizzjoni li kienet ġiet introdotta sena ilu fuq importazzjoni ta' laħam Pollakk,

H.   billi fl-10 ta' Novembru 2006 r-Russja imponiet embargo ġdid fuq l-importazzjoni ta' prodotti Pollakki tal-laħam u tat-tajr, filwaqt li qalet li kienet mħassba dwar ksur ta' regolamenti veterinarji; billi r-Russja reċentament ukoll imponiet projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta' ħut u prodotti ta' ħut mill-UE; billi qabel il-Laqgħa Għolja r-Russja fl-24 ta' Novembru 2006 heddet li testendi l-projbizzjoni għall-UE kollha minħabba tħassib ta' deni tal-ħnieżer fir-Romanija u fil-Bulgarija,

I.   billi l-qtil riċenti ta' avversarji prominenti tal-Gvern Russu kkawża tħassib kbir fl-Ewropa kollha,

J.   billi hemm tħassib mifrux mar-Russja, ma' l-Unjoni Ewropea u postijiet oħrajn, dwar id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fir-Russja u dwar l-inabbilità tal-pulizija u tal-awtoritajiet ġudizzjarji Russi li jsibu lil dawk responsabbli għall-qtil politiku,

K.   billi l-formalitajiet tal-qsim tal-konfini jieħdu ħafna żmien fil-konfini bejn l-UE u r-Russja, u b'hekk jikkawżaw queue intollerabbli ta' trakkijiet f'xi punti tal-kontroll,

L.   billi l-Unjoni Ewropea għandha tkun tista' tgħaqqad il-forzi tagħha u titkellem b'leħen wieħed fir-relazzjonijiet tagħha mar-Russja,

1.  Jagħraf l-importanza tar-Russja bħala msieħba strateġika għall-koperazzjoni, li magħha l-Unjoni Ewropea taqsam mhux biss interessi ekonomiċi u kummerċjali iżda wkoll l-għan ta' koperazzjoni mill-qrib fl-arena internazzjonali kif ukoll fil-viċinat komuni;

2.  Jenfasizza l-importanza ta' l-għaqda u s-solidarjetà fost l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea fir-relazzjonijiet tagħha mar-Russja; jilqa', ghalhekk, il-linja komuni ta' l-UE li ġiet stabbilita fil-Laqgħa Għolja mhux ufficjali ta' Lahti li tippermetti lill-Unjoni titkellem b'leħen wieħed fil-laqgħat tagħha mal-President Vladimir Putin f'Lahti u f'Ħelsinki;

3.  Jilqa' d-diskussjonijiet miftuħa dwar id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fiż-żewġ Laqgħat Għolja; madankollu jenfasizza li s-sitwazzjoni kurrenti fir-Russja tagħti lok għal tħassib serju fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, għad-demokrazjija, għal-liberta' ta' l-espressjoni, u għad-drittijiet tas-soċjetà ċivili u ta' l-individwi li jisfidaw lill-awtoritajiet u jżommuhom responsabbli ta' l-azzjonijiet tagħhom;

4.  Jiddispjaċih li l-Laqgħa Għolja falliet milli tniedi negozzjati dwar ftehima ta' qafas ġdida bejn l-UE u r-Russja u jħeġġeġ lill-Presidenza Finlandiza u dik Germaniża sabiex ikomplu x-xogħol biex mandat ta' negozjar għal ftehima ġdida jiġi adottat mill-aktar fis u biex jibdew n-negozzjati mingħajr aktar dewmien;

5.  Jenfasizza li d-difiża b'saħħitha tad-drittijiet tal-bniedem u ta' valuri demokratiċi għandha tkun prinċipju ewlieni ta' kwalunkwe impenn ta' l-UE mar-Russja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tibgħat sinjal ċar lill-partijiet kollha involuti li dawn il-valuri mhux ser ikollhom status sekondarju fil-pakkett ta' negozzjar bejn l-UE u r-Russja;

6.  Jiddispjaċih li r-raba' round tal-Konsultazzjonijiet dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u r-Russja ma ġabet l-ebda progress sostanzjali f'dan il-qasam, li għandu jkun ta' prijorità fir-relazzjonijiet bilaterali; għalhekk jistieden lill-Gvern Russu sabiex jagħti kontribut għall-intensifikar tal-konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bħala parti essenzjali tas-sħubija bejn l-UE u r-Russja u sabiex jippermettu l-ħidma libera ta' organizzazzjonijiet domestiċi u internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem u NGOs oħra u sabiex jipproteġu s-sigurtà personali għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jassiguraw li kull assistenza finanzjarja mogħtija lir-Russja tkun marbuta ma' l-iżvilupp ta' l-istandards demokratiċi ta' dak il-pajjiż;

7.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar l-aħħar rapporti minn organizzazzjonijiet internazzjonali u esperti tan-NU fil-qasam internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem dwar l-użu tat-tortura f'ħabsijiet u f'għases tal-pulizija Russi, kif ukoll f'ċentri ta' detenzjoni sigrieti fiċ-Ċeċnija, liema tortura tinkludi atti inumani u degradanti min-naħa ta' uffiċjali pubbliċi; jikkundanna b'mod qawwi dawn il-prattiki u jsejjaħ lill-awtoritajiet Russi sabiex jinvestigaw dawn l-abbużi, iwaqfu kwalunkwe mġieba ħażina immedjatament u jressqu lil dawk responsabbli quddiem il-qorti;

8.  Jenfasizza l-bżonn ta' ħidma flimkien mar-Russja bħala msieħba strateġika meħtiġa sabiex jipprovdu paċi, stabilità u sigurezza, u sabiex jiġġieldu t-terroriżmu internazzjonali u l-estremiżmu vjolenti, kif ukoll jiġu indirizzati kwistjonijiet ta' sigurtà oħra bħal ma huma perikli ambjentali u nukleari, drogi, traffikar ta' armi u ta' bnedmin u l-kriminalità organizzata transkonfinali fil-viċinat Ewropew b'kollaborazzjoni ma' l-OSCE u fora internazzjonali oħra;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex isegwu inizzjattivi konġunti mal-Gvern Russu sabiex jissaħħu d-demokrazija, is-sigurtà u l-istabilità fil-viċinat komuni, b'mod partikolari permezz ta' attivitajiet konġunti sabiex jistabbilixxu d-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet bażiċi tal-bniedem fil-Belarus, u sforzi konġunti sabiex fl-aħħar jiġu solvuti l-kunflitti fil-Moldova, fil-Ġjorġja u Nagorno Karabagh; jistieden lill-UE u lir-Russja sabiex jassumu r-responsabilità tagħhom bħala membri tal-Kwartett għas-soluzzjoni għall-kunflitt tal-Lvant Nofsani u sabiex jippromwovu l-isforzi sabiex tittella' konferenza tal-paċi internazzjonali dwar ftehima reġjonali għall-paċi fl-Lvant Nofsani;

10.  Jirrimarka li l-progress lejn l-iffirmar u l-iratifikar ta' ftehimiet li għadhom mhumiex imwettqa dwar konfini bejn l-Estonja u r-Russja u l-Latvja u r-Russja għadha prijorità għolja għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, u li l-kwistjoni għandha tiġi trattata b'mod kostruttiv u ġust li jkun aċċettabbli min-naħat kollha;

11.  Jiddeplora t-tilwim dwar l-esportazzjoni mill-UE għar-Russja ta' prodotti agrikoli u prodotti ta' ħut; huwa ta' l-opinjoni li t-tkomplija ta' dan it-tilwim dwar il-kummerċ qed jagħmel ħsara serja lill-iżvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet bejn ir-Russja u l-Unjoni Ewropea; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Gvern Russu sabiex isolvu dan it-tilwim kummerċjali pendenti bl-akbar urġenza; jinsisti li l-Unjoni Ewropea għandha turi s-solidarjetà meħtieġa ma' l-Istati Membri kollha, b'mod partikolari mal-Polonja, li qed tiġi ddiskriminata minħabba l-politika kummerċjali tar-Russja;

12.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar dikjarazzjonijiet mill-awtoritajiet Russi fis-sens li se jimponu restrizzjonijiet fuq prodotti agrikoli ta' l-UE wara l-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija;

13.  Huwa maħsud bil-kbir bil-qtil ta' Anna Politovskaya u b'każijiet oħra ta' atti ta' vjolenza motivati politikament; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jużaw l-awtorità tagħhom sabiex jipperswadu lill-Gvern Russu juri r-rieda u l-kapaċità tiegħu; biex jgħin fl-investigazzjonijiet sabiex jinstabu l-qattiela u twettaq dmirha biex twaqqaf dan iċ-ċirku vizzjuż;

14.  Iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa, bħala membru tal-Kunsill ta' l-Ewropa, sabiex ittejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħabsin u ġġib fit-tmiem id-diffikultajiet li jkollhom l-avukati biex ikollhom aċċess għal uħud minnhom; jenfasizza li skond il-Kodiċi Kriminali Russa dawk miżmuma taħt arrest għandhom jinżammu f'ħabs li jkun jew qrib il-post tar-residenza tagħhom jew inkella qrib tal-post fejn sar il-ġuri, kif intwera fl-eżempju tal-priġunieri s-Sur Khodorkovsky u s-Sur Lebedev;

15.  Jilqa' bi pjaċir il-ftehima li ntlaħqet waqt il-Laqgħa Għolja sabiex bil-mod jispiċċaw it-tariffi li r-Russja żżomm lil linji ta' l-ajru ta' l-UE li jtiru fuq is-Siberja, b'hekk tissolva tilwima ta' għoxrin sena bejn iż-żewġ naħat u titwitta t-triq għal trasportaturi ta' l-UE sabiex iżidu r-rotot għas-swieq ta' l-Asja li qed jikbru; jinnota li t-tilwima dwar it-tariffi, li kienu qed iqumu lil-linji ta' l-ajru UE aktar minn €250 miljun fis-sena, kienet waħda mill-aħħar ostakoli li l-UE identifikat wara l-ftehima tagħha mar-Russja dwar id-dħul tal-pajjiż fl-Għaqda Dinjija tal-Kummerċ (WTO), li għandha tiftaħ possibilitajiet ġodda għal aktar koperazzjoni u kummerċ bejn l-UE u r-Russja;

16.  Jesprimi tħassib dwar il-bidliet riċenti fil-Parti IV tal-Kodiċi Ċivili tar-Russja dwar id-drittijiet tal-propjeta intellettwali li ma jilħqux l-istandards meħtieġa għad-WTO (TRIPS), u wisq anqas ma jilħqux l-impenji akbar previsti għal sħubija strateġika;

17.  Jilqa' bi pjaċir id-djalogu intensifikat bejn l-UE u r-Russja dwar kwistjonijet ta' enerġija; jenfasizza l-importanza strateġika tal-koperazzjoni dwar l-enerġija u l-bżonn li jitjiebu r-relazzjonijiet dwar l-enerġija bejn l-UE u r-Russja; jisħaq li aktar koperazzjoni f'dan il-qasam għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji ta' interdipendenza u trasparenza kif ukoll l-importanza ta' reċiproċità f'dak li hu aċċess għas-swieq, għall-infrastruttura u għall-investiment, bl-għan li jiġu evitati strutturi oligopolistiċi tas-suq u li jiddiversifikaw il-forniment ta' l-enerġija ta' l-Unjoni Ewropea; f'dan il-kuntest, jitlob lir-Russja biex tirrispetta l-prinċipji tat-Trattat tal-Karta dwar l-Enerġija u biex iżżid il-koperazzjoni dwar l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija, fl-iffrankar ta' l-enerġija u fl-enerġija li tiġġedded;

18.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jirduppjaw l-isforzi tagħhom sabiex isolvu l-problemi fil-qsim tal-konfini fuq il-konfini bejn l-UE u r-Russja; jinnota li għandha tinbena kapaċità transkonfinali ulterjuri sabiex takkomoda ż-żieda fil-fluss tal-prodotti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi sabiex inaqqsu l-istennija fil-queues fil-konfini billi jħaffu l-ispezzjonijiet u billi jneħħu uħud minnhom miz-zona tal-konfini għal zoni aktar remoti;

19.  Jilqa' bi pjaċir l-eżitu b'suċċess tal-Laqgħa Għolja dwar id-Dimensjoni tat-Tramuntana, li saret b'konnessjoni ma l-Laqgħa Għolja bejn l-UE u r-Russja u li fiha ħadu sehem ir-Russja, kif ukoll, l-UE, in-Norveġja u l-Iżlanda; jispera li d-Dokument ta' Qafas għad-Dimensjoni tat-Tramuntana li ġie adottat għandu jagħti bażi tajba għall-iżvilupp ta' koperazzjoni aktar mill-qrib mar-Russja fuq livelli reġjonali u transkonfinali;

20.  F'dan ir-rigward, jesprimi tħassib serju dwar il-miżuri implimentati mir-Russja kontra l-Ġeorġja, li qed ikollhom konsegwenzi ekonomiċi, politiċi u umanitarji kbar; għalhekk jistieden lill-awtoritajiet Russi sabiex ineħħu l-projbizzjoni mhux ġustifikata fuq esportazzjoni sensittiva mill-Ġeorġja għar-Russja kif ukoll li jwaqqfu r-repressjoni li għadha għaddejja ta' Ġeorġjani etniċi li jgħixu fir-Russja;

21.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea taġixxi b'mod unit u b'determinazzjoni fl-isforzi tagħha biex issaħħaħ ir-relazzjonijiet mal-Federazzjoni Russa; jilqa' l-intenzjoni tal-Presidenza Ġermaniża li tkompli tagħti prijorità aktar għolja lil din il-kwistjoni importanti;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u l-Parlamenti ta' l-Istati Membri u tal-Federazzjoni Russa.

(1) ĠU L 327, 28.11.1997, p.1
(2) Testi adottati, P6_TA(2006)0448.
(3) Testi adottati, P6_TA(2006)0110.
(4) GU C 117 E, 18.5.2006, p. 235.

Avviż legali - Politika tal-privatezza