Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2669(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0643/2006

Testi mressqa :

B6-0643/2006

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/12/2006 - 8.16

Testi adottati :

P6_TA(2006)0567

Testi adottati
PDF 216kWORD 49k
L-Erbgħa, 13 ta' Diċembru 2006 - Strasburgu
Implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE
P6_TA(2006)0567B6-0643/2006

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta" direttiva tal-Kummissjoni li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE dwar il-koordinazzjoni ta" liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi relatati ma" intrapriżi ta" investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS), fir-rigward ta" kjarifika ta" ċerti definizzjonijiet

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE ta" l-20 ta" Diċembru 1985 dwar il-koordinazzjoni ta" liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi relatati ma" intrapriżi ta" investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS)(1) (minn issa 'l quddiem imsejħa 'Direttiva UCITS-III'),

-  wara li kkunsidra l-abbozz ta" Direttiva tal-Kummissjoni li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE dwar il-koordinazzjoni ta" liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi relatati ma" intrapriżi ta" investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS), fir-rigward ta" kjarifika ta" ċerti definizzjonijiet tat-13 ta" Settembru 2006 (dokument ta" ħidma ESC/43/2006) (minn issa 'l quddiem 'abbozz ta" direttiva ta" implimentazzjoni'),

–  Wara li kkunsidra l-parir tal-Kumitat tar-Regolaturi tat-Titoli Ewropej (CESR) lill-Kummissjoni Ewropea dwar Kjarifika ta" Definizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma" Assi Eliġibbli għall-investimenti ta" UCITS ta" Jannar 2006(2),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistipula l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni(3),

–   wara li kkunsidra l-istqarrija li għamel Romano Prodi, President tal-Kummissjoni, quddiem il-Parlament Ewropew fil-5 ta" Frar 2002(4),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2002 dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji(5),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-27 ta' April 2006 dwar l-immaniġġjar ta" l-assi(6)

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi l-assi li huma eliġibbli għal UCITS s'issa ġew interpretati b'mod different mill-awtoritajiet ta" sorveljanza fl-Istati Membri, li jfisser li fil-prattika prodotti differenti ġew offruti bħala UCITS,

B.   billi hija meħtieġa kjarifika uniformi ma" l-Ewropa kollha ta" ċerti definizzjonijiet ta" assi eliġibbli sabiex jinkiseb is-suq waħdieni,

1.  Huwa tal-fehma li regolament, aktar milli direttiva, huwa l-aħjar għażla sabiex tiġi żgurata traspożizzjoni uniformi, konsistenti u rapida tad-definizzjonijiet ġodda fil-liġi nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tistipula r-raġunijiet għalfejn tippreferi direttiva, u teżamina jekk il-proposta tagħha għal direttiva tistax tiġi mibdula fi proposta għal regolament;

2.  Jenfasizza li s-CESR għamel kontribut siewi sabiex jissawru definizzjonijiet ġodda ta" assi eliġibbli għal investiment ta" UCITS, u għaldaqstant għandu jkompli jinvolvi ruħu fil-kapaċità tiegħu ta" "l hekk imsejjaħ grupp tal-Livell 3, b'mod partikulari sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fid-definizzjonijiet kjarifikati għall-miżuri ta" implimentazzjoni fl-applikazzjoni tagħhom minn jum għall-ieħor; jistenna, f'dan ir-rigward, li s-CESR joħroġ stqarrija fil-futur qarib dwar jekk l-Indiċi ta" Fondi ta" Lqugħ ("Hedge Fund Indices") humiex assi eliġibbli; jinnota li l-Indiċi ta" Fondi ta" Lqugħ iridu jissodisfaw il-kriterji basiċi meħtieġa sabiex isiru eliġibbli skond il-UCITS III, bħalma huma d-diversifikazzjoni suffiċjenti, il-ħila li jservu ta" punt ta" referenza adegwat, u pubblikazzjoni xierqa;

Titoli trasferibbli

3.  Jisħaq dwar l-importanza ta" preżunzjoni ta" likwidità relata mat-titoli trasferibbli, kif msemmijha f'Artikolu 2(1) ta" l-Abbozz ta" Direttiva ta" Implimentazzjoni għall-funzjonament tajjeb ta" attivitajiet ta" immaniġġjar ta" l-assi, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura l-inklużjoni ta" dan il-prinċipju fil-livell xieraq;

Strumenti tas-suq tal-flus

4.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex testendi l-perjodu ta" ħlas għal strumenti tas-suq tal-flus li normalment jiġu kummerċjati fis-swieq tal-flus fi żmien ta" bejn sena u massimu ta" 397 jum preċiżi, li ser ifisser li l-istrumenti tas-suq tal-flus jew se jkollhom maturità ta" mhux aktar minn 397 jum minn meta jinħarġu, jew inkella jkollhom maturità tal-fdal ta" mhux aktar minn 397 jum, jew inkella jsirulhom aġġustament regolari tar-rendita mill-anqas darba kull 397 jum, liema aġġustamenti għandhom ikunu konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq tal-flus; f'dan ir-rigward, jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li din l-emenda tikkonsdra d-Direttiva 2004/39/KE(7) filwaqt li tippermetti komparabilita' mar-regoli ta" l-Awtorità ta" Sorveljanza Finanzjarja ta" l-Istati Uniti;

Indiċi finanzjarji

5.  Jinnota li d-Direttiva UCITS-III tonqos milli tistipula jekk l-indiċi finanzjarji jistgħux jiġu bbażati biss fuq assi eliġibbli jew ukoll fuq assi mhux eliġibbli, u li Artikolu 9 ta" l-abbozz ta" Direttiva ta" implimentazzjoni jiddefinixxi ż-żewġ kategoriji bħala assi eliġibbli, sakemm ikunu sodisfati l-kriterji kollha għad-diversifikazzjoni stipulati f'Artikolu 22a(1) tad-Direttiva UCITS-III;

6.  Jiġbed l-attenzjoni li Artikolu 9 ta" l-abbozz ta" direttiva ta" implimentazzjoni huwa maħsub sabiex jagħti lok lill-Istati Membri li jgħollu l-limiti minimi ta" investiment għal swieq regolati fejn ċerti strumenti tas-suq finanzjarju u titoli huma dominanti ħafna minn 20% sa 35%; iqis li dan ifisser li Artikolu 9 ta" l-abbozz ta" direttiva ta" implimentazzjoni m'għandux jirreferi biss għal Artikolu 22a(1), iżda wkoll għal Artikolu 22a(2) tad-Direttiva UCITS-III;

7.  Jifhem li b'konformità ma' Artikolu 9(1)(a)(iii) ta" l-Abbozz ta" Direttiva ta" Implimentazzjoni, l-investimenti f'indiċi li huma magħmula minn assi li mhumiex stipulati f'Artikolu 19(1) tad-Direttiva UCITS-III gandhom ikunu permessi; madankollu, f'dan ir-rigward jiġbed l-attenzjoni li Artikolu 9(1)(a)(iii) ta" l-Abbozz ta" Direttiva ta" Implimentazzjoni ma jindirizzax b'mod adegwat lil uħud minn dawn l-indiċi għax Artikolu 22a(1) tad-Direttiva UCITS-III li għaliha qed jirreferi jistabbilixxi limiti biss fir-rigward ta" l-emittenti ta" ishma jew titoli, u ma jkoprix l-indiċi fejn id-diversifikazzjoni ma tiddependix mit-tip ta" emittent, bħalma huma l-indiċi tal-merkanzija, meta d-diversifikazzjoni tiddependi fuq it-tip ta" merkanzija; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, li jestendi l-kamp ta" applikazzjoni ta" Artikolu 9(1)(a)(iii) ta" l-Abbozz ta" Direttiva ta" Implimentazzjoni sabiex fejn indiċi jkun kopert b'mod adegwat mis-sistema ta" mmaniġġjar tar-riskji ta" l-UCITS, ikun meqjus li hu diversifikat biżżejjed;

Karti kummerċjali appoġġjati minn assi

8.  Huwa tal-fehma li mhux biss karti kummerċjali b'żewġ livelli distinti u appoġġjati minn assi għandhom jiġu awtorizzati bħala assi eliġibbli, u għaldaqstant, jistieden lill-Kummissjoni li filwaqt li tqis kif xieraq lir-raba" inċiż ta" Artikolu 191(h) tad-Direttiva UCITS-III, tippermetti wkoll karti oħra kummerċjali appoġġjati minn assi bħala assi UCITS;

o
o   o

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-CESR.

(1) ĠU L 375, 31.12.1985, p. 3.
(2) CESR/06-005.
(3) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200. 22.7.2006, p. 11).
(4) DISKORS/02/44.
(5) ĠU C 284 E, 21.11.2002, p. 115.
(6) Testi Adottati, P6_TA(2006)0181.
(7) Id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta" April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1).

Avviż legali - Politika tal-privatezza