Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2252(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0436/2006

Testi mressqa :

A6-0436/2006

Dibattiti :

PV 13/12/2006 - 4
CRE 13/12/2006 - 4

Votazzjonijiet :

PV 13/12/2006 - 8.17
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2006)0568

Testi adottati
PDF 245kWORD 84k
L-Erbgħa, 13 ta' Diċembru 2006 - Strasburgu
Strateġija għat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2006–2007
P6_TA(2006)0568A6-0436/2006

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija għat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2006–2007 (2006/2252(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija għat-tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2006–2007 (COM(2006)0649),

–  Wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta" Settembru 2006 dwar il-progress tat-Turkija għall-adeżjoni(1),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Copenhagen tal-21 u t-22 ta' Ġunju 1993 u tal-Kunsill Ewropew ta' Madrid tal-15-16 ta' Diċembru 1995, tal-Kunsill Ewropew tal-Lussemburgu tat-12-13 ta' Diċembru 1997, tal-Kunsill Ewropew ta' Thessaloniki tad-19-20 ta' Ġunju 2003 u tal-Kunsilli ta' Brussell tas-16-17 ta' Diċembru 2004, tas-16-17 ta' Ġunju 2005 u tal-15-16 ta' Ġunju 2006,

–  Wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Marzu 2006 dwar il-karta dwar l-istrateġija għat-tkabbir(2),

–  Wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta" Jannar 2006 dwar il-perjodu ta' riflessjoni: l-istruttura, is-suġġetti u l-kuntest għall-evalwazzjoni tad-dibattitu dwar l-Unjoni Ewropea(3),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A6-0436/2006),

A.   l-Unjoni Ewropea hija proġett politiku bbażat fuq valuri u objettivi komuni,

B.   l-UE evolviet f'unjoni politika ta" demokraziji li għandha impenn lejn standards demokratiċi u lejn l-iżvilupp ta" kultura ħajja tad-demokrazija,

C.   l-inċentiva offruta mill-prospett ta' l-isħubija ma' l-UE bla dubju kkontribwixxa għall-promozzjoni ta' riformi, il-konsolidazzjoni tad-demokrazija, it-tisħiħ tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u ż-żieda fl-istabilità fil-pajjiżi ġirien,

D.   il-Kunsill Ewropew ta' Thessaloniki tad-19-20 ta' Ġunju 2003 tenna mill-ġdid l-impenn għal implimentazzjoni sħiħa ta' l-aġenda ta' Thessaloniki, u l-Kunsill Ewropew ta' Brussell tal-15 u s-16 ta' Ġunju 2006 tenna mill-ġdid l-intenzjoni li jonora l-impenji attwali mwettqa għall-pajjiżi tax-Xlokk ta' l-Ewropa (it-Turkija u l-Kroazja, pajjiżi li magħhom qed jitwettqu negozjati ta' sħubija, l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja/FYROM, bħala pajjiż kandidat, u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, bħala kandidati potenzjali) fir-rigward tat-tkabbir, waqt li jenfasizza l-ħtieġa li jiżgura li l-Unjoni "hija f'pożizzjoni li tiffunzjona f'sens politiku, finanzjarju u istituzzjonali waqt it-tkabbir",

E.   l-UE għandha tipproċedi mill-bażi ta" l-impenn irriversibbli tagħha għad-demokrazija u mill-fehma irriversibbli tagħha li d-demokrazija taħdem biss jekk id-demos – iċ-ċittadini ta" l-Ewropa – jirrikonoxxu u jappoġġaw it-tkabbir ta" l-UE permezz ta" l-adeżjoni ta" Stati Membri ġodda u l-integrazzjoni taċ-ċittadini tagħhom,

F.   il-Parlament Ewropew, flimkien mal-parlamenti nazzjonali, u bl-appoġġ ta" l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-korpi tas-soċjetà ċivili, jista" jikkontribwixxi għat-tisħiħ tat-trasparenza u r-responsabilizzazzjoni tal-proċess tat-tkabbir, u b'hekk iżid il-kunsens pubbliku dwar din il-kwistjoni,

G.   it-tkabbir għandu - kif stabbilit fit-Trattat - jikkontribwixxi għall-proċess ta' integrazzjoni Ewropea u għall-kisba ta' unjoni aktar mill-qrib fost il-popli ta' l-Ewropa, iżda ma jipperikolax il-karatteristika politika ta' dan il-proġett; it-tkabbir għandu jippromwovi l-paċi, is-sigurtà, l-istabilità, id-demokrazija u l-prosperità fl-Ewropa,

H.   għal dik ir-raġuni, trid titqies il-kapaċità ta' integrazzjoni ta' l-Unjoni meta jiġi kkunsidrat il-futur ta' l-Ewropa,

I.   l-istqarrija maħruġa fill-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen tal-20-22 ta' Ġunju 1993 semmiet bħala kunsiderazzjoni importanti 'il-kapaċità ta" l-Unjoni li tassorbi membri ġodda , filwaqt li żżomm il-momentum ta" l-integrazzjoni Ewropea',

J.   l-Istati Membri u l-Istituzzjonijiet ta' l-UE għandhom jindirizzaw b'kuraġġ il-fatturi istituzzjonali, finanzjarji u politiċi li jsejsu l-kapaċità ta' l-Unjoni li tintegra Stati Membri ġodda,

K.   dan jippresupponi analiżi bir-reqqa ta' l-implikazzjonijiet li tista' ġġib magħha sħubija akbar għall-politiki ta' koeżjoni ta' l-Unjoni, u għall-finanzi tagħha,

L.   il-kapaċità ta' integrazzjoni hija kunċett evoluzzjonarju li jrid jiġi valutat b'mod regulari fid-dawl ta' ċirkustanzi ġodda,

M.   il-kapaċità ta' integrazzjoni hija msejsa fuq kriterji oġġettivi u tindirizza problemi reali, u għalhekk m'għandhiex titħallat mal-perċezzjoni pubblika ta' l-impatt ta' tkabbir ulterjuri,

N.   il-kapaċità ta" l-integrazzjoni mhix kriterju ġdid applikabbli għall-pajjiżi kandidati, iżda hija pre-rekwiżit għas-suċċess tat-tkabbir u l-approfondiment tal-proċess ta" l-integrazzjoni Ewropea; ir-responsibilità li ttejjeb il-kapaċità tagħha ta'integrazzjoni hija ta" l-Unjoni u mhux tal-pajjiżi kandidati,

O.   il-pajjiżi ta" l-adeżjoni u dawk kandidati għandhom jikkonformaw mal-kriterji ta'l-adeżjoni stabbiliti mill-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen (il-kriterji ta-Kopenħagen) u ma" l-obbligi l-oħra kollha li jirriżultaw mit-Trattati u mill-ftehimiet bilaterali,

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li t-tkabbir tal-passat kien suċċess, li saħħaħ l-Unjoni Ewropea billi saħħaħ it-tkabbir ekonomiku, saħħaħ l-irwol ta" l-UE fid-dinja u ppromwova l-iżvilupp ta" politiki ġodda ta" l-UE, u ppromwova d-demokrazija, il-paċi u l-prosperità fl-Ewropa; jenfasizza li t-tkabbir f'sens ġenerali huwa fost l-aktar strumenti effettivi tal-politika barranija u tal-politiki ta' prevenzjoni ta' konflitt ta' l-UE; ifakkar li dan is-suċċess ġej mill-appoġġ wiesa' għat-tkabbir fil-passat bħala twettiq tal-missjoni ta' integrazzjoni Ewropea tal-bidu li tgħaqqad mill-ġdid il-kontinent Ewropew wara l-qasmiet politiċi tas-seklu għoxrin;

2.  Jinnota, madankollu, li mill-esperjenzi tal-passat jistgħu jittieħdu xi tagħlimiet, b'mod partikulari dwar il-bżonn li kull pajjiż kandidat jiġi ġġudikat fuq il-merti tiegħu stess u li l-adeżjoni tiegħu tkun negozjata skond skeda bbażata fuq konformita' effettiva mal-kriterji il-kriterji ta' Kopenħagen, kif ukoll il-ħtieġa li jiġi evitat li tiġi ffissata data kmieni żżejjed għall-adeżjoni finali;

3.  Jemmen li dawn it-tagħlimiet għandhom jintużaw sabiex jittejbu l-kwalità u t-trasparenza tal-proċess tat-tkabbir;

4.  Huwa tal-fehma li l-Unjoni għandha tonora l-impenji tagħha lejn il-pajjiżi li diġa għandhom prospetti ta' sħubija, sakemm dawn il-pajjiżi jikkonformaw rwieħhom mal-kriterji ta" Kopenħagen għas-sħubija ma' l-UE u jwettqu l-obbligi li joħorġu minn dawn il-kriterji; jenfasizza li s-sodisfazzjon ta" dawn l-impenji huwa inċentiv qawwi għal dawk il-pajjiżi sabiex ikomplu bir-riformi;

5.  Jaqbel li l-konsolidazzjoni, il-kundizzjonalità u l-komunikazzjoni huma l-priċipji gwida ta" l-Istrateġija Ewropea għat-Tkabbir; huwa tal-fehma li kwalunkwe impenn ulterjuri għat-tkabbir jirrikjed aktar skrutinju, b'aktar reqqa minn qatt qabel, tal-kwistjoni tal-kapaċità ta" integrazzjoni ta" l-Unjoni, kemm jekk mil-lat istituzzjonali, finanzjarju jew dak politiku;

6.  Għaldaqstant jiddispjaċih li l-Kummissjoni naqset milli tipprovdi analiżi profonda biżżejjed tal-kwistjonijiet li jridu jiġu solvuti qabel ma l-Unjoni tkun tista" tagħmel aktar tkabbir;

7.  Iqis li 'R-Rapport Speċjali dwar il-Kapaċita' ta' l-UE illi tintegra membri ġodda' li jinstab fl-Anness I tal-Kommunikazzjoni, mhux tweġiba sodisfaċenti għat-talba tal-Parlament, fil-paragrafu 5 tar-riżoluzzjoni hawn fuq imsemmija tas-16 ta' Marzu 2006, għal "rapport li jistipula l-prinċipji li jirfdu lil dan il-kunċett".

8.  Huwa tal-fehma li l-kapaċità ta' integrazzjoni ta' l-Unjoni hija msejsa b'mod ewlieni fuq tliet pilastri, li huma l-istituzzjonijiet tagħha u l-leġittimità tagħhom u l-kapaċita' tagħhom li jaġixxu u li jieħdu deċiżjoni b'mod demokratiku u effiċjenti f'ċirkostanzi ġodda, ir-riżorsi finanzjarji tagħha u l-kontribut globali tagħhom għall-koeżjoni ekonomika u soċjali, u l-kapaċita' ta' Unjoni akbar li ssegwi l-għanijiet politiċi tagħha;

9.  Ifakkar li r-responsabilità għat-titjib fil-kapaċità ta" l-Unjoni għat-tkabbir hija ta" l-istess l-Unjoni, u mhux tal-pajjiżi kandidati;

10.  Jemmen li l-UE tista" biss tistenna attitudni pożittiva dwar it-tkabbir mingħand iċ-ċittadini jekk dawn jaraw Ewropa li twettaq riżultati; jenfasizza, għaldaqstant, li l-kapaċità ta" integrazzjoni ma tistax titqies b'mod separat mill-kapaċita' ta" l-UE li taġixxi; iqis li t-tkabbir għandu jkun parti mill-Aġenda taċ-Ċittadini ta" l-Unjoni u għandu jkun komunikat bħala tali;

11.  Iqis li l-funzjonament xieraq ta' l-Unjoni jiddependi fuq il-fedeltà bla kundizzjonijiet tal-Membri kollha tagħha mal-valuri universali li fuqhom hija msejsa l-UE bħala proġett politiku: id-drittijiet inaljenabbli u invjolabbli tal-persuna umana, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza u l-istat tad-dritt li jagħmlu l-identità Ewropea;

12.  Jemmen li kwalunkwe nuqqas li jiġi żgurat li l-kapaċità ta" integrazzjoni ta" l-UE tkun taqbel ma" l-aġenda tagħha ta" tkabbir, idgħajjef l-Unjoni internament u esternament u jonqsu l-benefiċċji taż-żieda fis-sħubija akbar għall-membri kollha tagħha, u li dan l-effett ma jkun kumpensat permezz ta" daqs estern akbar;

13.  Jikkritika lill-Kummissjoni għal mod superfiċjali li bih tittratta l-aspetti istituzzjonali, u f'dan ir-rigward jirreferi għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2006 dwar l-aspetti istituzzjonali tal-kapaċita' ta'l-UE li tintegra Stati Membri ġodda(4) ;

14.  Ifakkar it-termini tar-riżoluzzjoni msemmijha hawn fuq tad-19 ta" Jannar 2006 u jafferma mill-ġdid li, wara l-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija,it-Trattat ta" Nizza mhux ser jipprovdi bażi adegwata għal tkabbir ulterjuri;

15.  Għaldaqstant iħeġġeġ lill-Kapijiet ta" Stati u Gvernijiet sabiex jikkonkludu l-proċess kostituzzjonali sat-tmiem ta" l-2008, kif intqal fil-Kunsill Ewropew ta" ġunju 2006, sabiex jagħti lok lill-Unjoni li taħdem b'mod aktar effettiv, aktar trasparenti u aktar demokratiku, li huwa pre-rekwiżit għal tkabbir ulterjuri;

16.  Ifakkar lill-Kapijiet ta" Stati u l-Gvernijiet dwar id-dmir tagħhom li jtemmu dan il-proċess qabel l-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin, sabiex jevitaw dewmien fin-negozjati ta" adeżjoni attwali;

17.  Jenfasizza li r-riforma istituzzjonali ta' l-Unjoni hija bżonn fih innifsu, indipendentement minn tkabbir ieħor, u għandha tiġi segwita b'mod rigoruż u malajr;

18.  Jikkonferma li n-negozjati ta" adożjoni ser jimxu "l quddiem skond il-merti u l-kisbiet ta" kull msieħeb fin-negozjati;

19.  Jilqa" b'sodisfazzjon u jappoġġa l-impenn tal-Kummissjoni li ttejjeb il-kwalità tal-proċess ta" l-adeżjoni billi tagħmlu aktar trasparenti u bbażat fuq benchmarks, u billi b'mod sistematiku tagħmel valutazzjoni ta" l-impatt dwar oqsma ewlenin tal-politika fl-istadji kruċjali tal-proċess;

20.  Huwa tal-fehma li r-reviżjoni maħsuba tal-baġit ta' l-Unjoni fl-2008/2009 għandha tqis l-integrazzjoni ġejjiena tal-pajjiżi li kandidati u pre-kandidati;

21.  Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma ħaditx ħsieb bir-reqqa ta" l-implikazzjonijiet finanzjarji ta" tkabbir ulterjuri, u jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi estimi ċari u kredibbli ta" l- baġitarju qabel ma ssir kwalunkwe adeżjoni ulterjuri;

22.  Itenni li d-dibattitu jinkludi kwistjonijiet diffiċli li jista' jkollhom implikazzjonijiet għall-politiki komuni ta' l-Unjoni, inklużi l-politiki ta' koeżjoni tagħha;

23.  Hu tal-fehma li l-implikazzjonijiet finanzjarji ta' tkabbir ieħor, li l-komplessità tiegħu ġiet rikonoxxuta b'mod impliċitu impliċitament mill-Kapijiet ta' Stati u Gvernijiet meta huma naqsu li jikkunsidrawh fil-Qafas Finanzjarju 2007-2013, iridu jiġu indirizzat b'urġenza; jistieden lill-Kunsill ta" l-Affarijiet Ġenerali u lill-Kunsill ta" l-ECOFIN sabiex jagħmlu dibattitu konġunt dwar din il-kwistjoni;

24.  Jenfasizza li l-konformità mal-kriterji politiċi stipulati fil-Kunsill Ewropew ta" Kopenħagen, inklużi dawk tal-qasam ta" l-istat tad-dritt, għandha tingħata prijorità akbar milli ngħatat s'issa fin-negozjati għall-adeżjoni, u li għandha tiġi stabbilita rabta diretta bejn dawk il-kriterji u l-ftuħ kif ukoll mal-pass ġenerali tan-negozjati;

25.  F'dan ir-rigward, jilqa" b'sodisfazzjon l-inklużjoni fil-qafas ta" negozjati attwali ta" kapitolu dwar Drittijiet Ġudizzjali u Fundamentali li jkopri l-kwistjonijiet politiċi, li se jagħti lok lill-istituzzjonijiet ta" l-UE li jagħmlu skrutinju mill-qrib tal-progress fl-oqsma kruċjali;

26.  Huwa ta' l-opinjoni li fit-tkabbir preċedenti il-progress fl-oqsma tal-ġustizzja, il-korruzzjoni u d-drittijiet fundamentali ma ngħatax biżżejjed attenzjoni fil-fażijiet bikrija tan-negozjati; iwiegħed li se jkollu rwol ħafna aktar attiv fl-immonitorjar tal-proċess ta' adeżjoni, b'enfasi partikulari fuq l-aspetti politiċi tiegħu, u jistieden lill-Kunsill sabiex jagħmel l-istess u sabiex jagħmel rakkomandazzjonijiet ċari u raġunati kif jixraq lill-pajjiżi kandidati, aktar milli sempliċement jieħu nota tal-progress tekniku tan-negozjati;

27.  Ifakkar fil-prospetti ċari ta' sħubija Ewropea li l-Kunsill Ewropew ta' Thessaloniki tad-19 u l-20ta' Ġunju 2003 offra lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; jibqa' impenjat b'mod sħiħ għal dawn il-prospetti li jridu jinżammu biex jikkonsolidaw l-istabilità u l-paċi fir-reġjun; ifakkar lil dawk il-pajjiżi li huma se jiġu valutati wieħed wieħed fuq il-bażi tal-merti tagħhom, u li dan se jiddetermina l-pass ta" l-integrazzjoni tagħhom fl-UE;

28.  Jilqa" b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta" Novembru 2006 sabiex jiġu adottati l-mandati ta" negozjati għall-faċilitazzjoni tal-visa u ftehimiet ta" rijamissjoni mal-pajjiżi Balkani tal-Punent, bħala l-ewwel pass fil-promozzjoni ta" kuntatti interpersonali bejn dawk il-pajjiżi u l-UE, iżda jenfasizza li l-objettiv huwa vjaġġar mingħajr viża;

29.  Jilqa" b'sodisfazzjoni il-progress kontinwu tal-Kroazja, pajjiż kandidat, lejn l-integrazzjoni ta" l-UE, u jitlob lin-negozjaturi taż-żewġ naħat sabieħ iżommu l-momentum li ntlaħaq f'dawn in-negozjati, bil-għan li l-istess negozjati jintemmu kmieni;

30.  Jinnota r-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Progress tat-Turkija 2006, li filwaqt li jgħid li r-riformi politiċi fit-Turkija komplew, isemmi li r-ritmu tagħhom naqas u jikkonferma n-nuqqasijiet fil-proċess ta" riforma li kienu diġà ġew msemmija fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-27 ta" Settembru 2006 dwar il-progress tat-Turkija lejn l-adeżjoni; jinsisti li dan jinkludi wkoll ir-ratifika u l-implimentazzjoni sħiħa mit-Turkija tal-Protokoll Anċillari li jestendi l-Ftehima ta' Assoċjazzjoni KE–Turkija għall-għaxar Stati Membri ġodda, iffirmat mit-Turkija f'Lulju 2005, b'konformità mad-Dikjarazzjoni ta" l-UE tal-21 ta' Settembru 2005;

31.  Jenfasizza li r-rifjut tat-Turkija biex tikkonforma b'mod sħiħ mal-punti tal-Protokoll Addizzjonali qed jipperikola b'mod serju l-progress xieraq tan-negozjati ta' sħubija; jinnota li d-deċiżjoni tal-Kunsill li ma jinfetħux in-negozjati dwar tmien kapitoli importanti li jkopru oqsma ta' politiki relevanti għar-restrizzjonijiet li poġġiet it-Turkija fir-rigward tar-Repubblika ta' Ċipru u li ma jingħalaq l-ebda kapitolu provviżorjament hija konsegwenza li ma tistax tkun evitata tal-pożizzjoni tat-Turkija dwar din il-kwistjoni; iħeġġeġ lit-Turkija biex tikkopera b'mod kostruttiv biex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-Protokoll Addizzjonali malajr kemm jista' jkun; jilqa' f'dan ir-rigward l-istedina lill-Kummissjoni li tissottometti rapporti annwali fuq il-progress magħmul fl-indirizzar ta' kwistjonijiet koperti mid-dikjarazzjoni tal-UE tal-21 ta' Settembru 2005;

32.  Jiddispjaċih b'mod sinċier il-fatt li l-isforzi tal-Presidenza Finlandiża li ssib soluzzjoni għal waqfien attwali rigward l-implimentazzjoni sħiħa tal-Protokoll Addizzjonali minn naħa u li jittaffa l-iżolament tal-komunità Ċiprijotta-Torka tal-gżira minn naħa l-oħra ma kellhomx suċċess; jistieden lill-Presidenza Ġermaniża biex tkompli dawn l-isforzi b'determinazzjoni;" f'koperazzjoi mill-qrib ma' inizjattivi tan-NU;

33.  Huwa ta" l-opinjoni li l-Unjoni Ewropea għandha tkun ippreparata biex tadotta skeda biex tiżgura li l-għanijiet imsemmija hawn fuq jistgħu jinkisbu fi żmien raġjonevoli;

34.  Iħeġġeġ lill-Kunsill sabiex jagħmel impenni ġodda biss fuq il-bażi ta" valutazzjoni profonda tal-konsegwenzi istituzzjonali, finanzjarji, politiċi u soċjo-ekonomiċi tagħhom; Għaldaqstant jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi evalwazzjonijiet komprensivi ta" impatt, kull meta tqis applikazzjonijiet ġodda għas-sħubija u meta tippreżenta r-rakkomandazzjonijiet tagħha għall-ftuħ u għall-għeluq ta" negozjati;

35.  Ifakkar li, waqt in-negozjati tas-sħubija, meta l-Kunsill, bil-proċedura ta' unanimità fuq proposta tal-Kummissjoni, jistabbilixxi benchmarks għall-ftuħ u l-għeluq proviżorju ta' kull kapitolu, l-Istati Membri għandhom jipproċedu b'mod imparzjali fir-rigward tal-pajjiżi kollha għas-sħubija;

36.  Jemmen li d-dritt tal-kunsens li għandu l-Parlament għandu japplika mhux biss wara l-konklużjoni tal-proċess tan-negozjati, iżda wkoll qabel il-ftuħ ta" negozjati għas-sħubija;

37.  Jinnota li waqt li l-UE qed tkompli tagħmel, u tiftaħ, negozjati għal tkabbir mal-pajjiżi tal-Balkani, l-iffaċċjar tal-korruzzjoni endemika u tan-netwerks reġjonali tal-kriminalità organizzata ser jkun fattur dejjem aktar importanti fit-triq ta' l-adeżjoni; Jirrakkomanda bis-sħiħ, għaldaqstant, li l-istrument finanzjarji attwali tat-tkabbir jiġu msaħħa u ffokati mill-ġdid sabiex bħala prijorità ewlenija, jimmiraw fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, b'enfasi partikulari fuq ir-riforma tal-ġudikaturi, it-tisħiħ tal-kapaċita' fl-amministrazzjoni pubblika u t-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali;

38.  Ifakkar lill-gvernijiet u lill-parlamenti nazzjonali ta' l-Istati Membri li hija r-responsabbiltà tagħhom li jinfurmaw lill-pubbliku b'mod xieraq dwar il-benefiċċji tat-tkabbir tal-passat u dwar ir-riskji li jinvolvi tkabbir ieħor, u li huma għandhom jagħtu lill-pubbliku r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet li jieħdu, b'mod unanimu, matul il-proċess kollu ta' l-adeżjoni;

39.  Għaldaqstant, jistieden lill-Kummissjoni sabiex taħdem flimkien ma" l-Istati Membri, il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali sabiex tikkomunika l-aġenda tat-tkabbir lill-pubbliku b'mod aktar effettiv, biex b'hekk tittejjeb it-trasparenza tal-proċess;

40.  Jilqa" b'sodisfazzjoni ir-rakkomandazzjoni magħmula mill-Kummissjoni dwar rapporti ta" stħarriġ, benchmarks għall-ftuħ ta" kapitoli ta" negozjati u li l-pożizzjoni komuni finali ta" l-UE ssir pubblika;

41.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi definizzjoni aktar preċiża ta' 'Politika msaħħa tal-Viċinat' u biex tispeċifika fid-dettal dak li tinvolvi relazzjoni ta" dan it-tip;

42.  Itenni t-talba preċedenti tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jippreżentaw, għall-pajjiżi Ewropej kollha li bħalissa m'għandhomx prospetti ta" sħubija, proposti għal relazzjoni bilaterali jew multilaterali mill-qrib ma" l-UE, li taqbel mal-ħtiġijiet u ma" l-interessi speċifiċi tagħhom; jenfasizza li huwa f'idejn il-pajjiżi kollha bi prospetti rikonoxxuti ta' sħubija sabiex jiddeċiedu jekk iridux jissieħbu jew le f'dan il-qafas multilaterali bħala pass intermedju lejn sħubija sħiħa;

43.  F'dan il-kuntest, ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iqisu li bħala parti mill-Istrateġija ta" Viċinat Imsaħħaħ, u b'addizzjoni għall-istrateġiji rigward relazzjonijiet ma' pajjiżi oħrajn, politika reġjonali ġenerali ta' l-UE fiz-zona wiesgħa tal-Baħar l-Iswed, biex jibnu relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi bilaterali jew multilaterali aktar b'saħħithom bejn l-UE u l-pajjiżi kollha ta' din iz-zona, b'mod partikulari fir-rigward tal-kummerċ ħieles, bħal fil-każ tal-Ftehima ta" Kummerċ Ħieles ta" l-Ewropa Ċentrali, l-investiment, is-sigurtà ta" l-energija u l-politika tal-migrazzjoni;

44.  Huwa tal-fehma li l-għażliet imsemmija hawn fuq, li jinkludu firxa wiesgħa ta" possibilitajiet operattivi, għandhom ikunu għażla reali u attraenti li, mingħajr ma teskludi s-sħubija sħiħa, tkun qed tagħti lill-pajjiżi msieħba perspettiva stabbli u għall-futur imbiegħed ta" relazzjonijiet istituzzjonalizzati ma" l-UE, u tipprovdi l-inċentiv neċessarju sabiex jiġu kkoltivati r-riformi interni meħtieġa fil-pajjiżi konċernati;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill f'dan il-kuntest biex jikkunsidraw li jaġġustaw l-għajnuna tal-Komunità fid-dawl tal-progress miksub mill-pajjiżi benefiċjarji fit-twettiq tar-riformi meħtieġa għall-integrazzjoni Ewropea tagħhom;

46.  Jenfasizza li filwaqt li r-Russja mhix kandidat għal sħubija fl-UE u lanqas m'hi parti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat, ir-relazzjonijiet ma" l-akbar ġara ta" l-UE xorta jibqgħu vitali fil-kuntest ta' kwalunkwe strateġija ġejjiena ta' l-UE għat-tkabbir; iħeġġeġ li f'dan il-kuntest, l-UE għandha tkompli tipprova tiżviluppa sħubija unika u b'firxa wiesgħa mar-Russja, li tinkludi l-kummerċ u l-enerġija, iżda fuq kollox, kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokratizzazzjoni;

47.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u parlamenti ta'l-Istati Membri, stati li qed jaderixxu u stati kandidati.

(1) Testi Adottati, P6_TA(2006)0381.
(2) Testi Adottati, P6_TA(2006)0096.
(3) ĠU C 287 E, 24.11.2006, p. 306.
(4) P6_TA(2006)0569.

Avviż legali - Politika tal-privatezza