Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2018(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0451/2006

Testi mressqa :

A6-0451/2006

Dibattiti :

PV 12/12/2006 - 20
CRE 12/12/2006 - 20

Votazzjonijiet :

PV 14/12/2006 - 6.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2006)0570

Testi adottati
PDF 481kWORD 134k
Il-Ħamis, 14 ta' Diċembru 2006 - Strasburgu
Abbozz tal-baġit ġenerali għall-2007 (it-taqsimiet kollha)
P6_TA(2006)0570A6-0451/2006
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007 kif modifikat mill-Kunsill (it-taqsimiet kollha) (15637/2006 – C6-0442/2006 – 2006/2018(BUD)2006/2018B(BUD)) u l-Ittri ta' emenda Nri 1/2007 (SEC(2006)0762), 2/2007 (13886/2006 - C6-0341/2006) u 3/2007 (15636/2006 - C6-0443/2006) għall-abbozz tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja ta' l-2007

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 272 tat-Trattat KE u l-Artikolu 177 tat-Trattat Euratom,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom tad-29 ta' Settembru 2000 dwar is-sistema tar-riżorsi tal-Komunitajiet Ewropej stess(1),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(2),

–   wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali (IIA) tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-immaniġġjar finanzjarju tajjeb(3),

–   wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tas-6 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u t-titjib fil-proċedura baġitarja(4),

–   wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007, li stabbilixxa l-Kunsill fl-14 ta' Lulju 2006 (C6-0299/2006),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2006 dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007, Taqsima III – Kummissjoni (C6-0299/2006) u l-Ittra ta' emenda Nru 1/2007 (SEC(2006)0762) għall-abbozz tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007(5),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tas-26 ta' Ottubru 2006 dwar l-abbozz ta' baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007, Taqsima I - Parlament Ewropew, Taqsima II - Kunsill, Taqsima IV - Qorti tal-Ġustizzja, Taqsima V - Qorti ta' l-Awdituri, Taqsima VI - Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Taqsima VII - Kumitat tar-Reġjuni, Taqsima VIII(A) - Ombudsman Ewropew, Taqsima VIII(B) - Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta (C6-0300/2006)(6),

–   wara li kkunsidra l-Ittra ta' Emenda Nru 2/2007 (13886/2006 - C6-0341/2006) għall-abbozz tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007,

–   wara li kkunsidra l-Ittra ta' Emenda Nru 3/2007 (15636/2006 - C6-0443/2006) għall-abbozz tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007,

–   wara li kkunsidra l-emendi u bidliet proposti tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2006 għall-abbozz tal-baġit ġenerali(7),

–   wara li kkunsidra l-modifiki tal-Kunsill għall-emendi u l-proposti għal modifika għall-abbozz ta' baġit ġenerali adottati mill-Parlament (15637/2006 – C6-0442/2006),

–   wara li kkunsidra r-riżultati tal-konċiljazzjoni tal-21 ta' Novembru 2006 u l-laqgħat sussegwenti tat-28 ta' Novembru 2006,

–   wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Kunsill dwar ir-riżultat tad-deliberazzjonijiet tiegħu dwar l-emendi u l-bidliet proposti adottati mill-Parlament għall-abbozz tal-baġit ġenerali,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 69 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġit (A6-0451/2006),

A.   billi segwa strateġija konsistenti matul il-ħidma tiegħu fuq il-baġit 2007,

B.   billi din l-istrateġija kienet ibbażata fuq it-tliet pilastri stabbiliti fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2006 dwar il-baġit 2007: ir-rapport Annwali dwar l-Istrateġija Politika tal-Kummissjoni (APS)(8), jiġifieri: l-iffissar tal-prijoritajiet tal-linji politiċi; li jitwassal valur għall-flus minfuqa; it-tħejjija għar-reviżjoni 2008/2009,

C.   billi dan l-approċċ enfasizza l-isfidi u l-opportunitajiet ewlenin għall-Unjoni Ewropea rigward il-proċess li għadu għaddej tal-globalizzazzjoni, u qajjem mistoqsijiet fundamentali dwar in-natura ta' l-isħubijiet strateġiċi ta' l-UE ma' pajjiżi msieħba u reġjuni madwar id-dinja,

D.   billi din il-viżjoni strateġika ċara, konsistenti u strateġika wasslet għal riżultati għall-Parlament fin-negozjati tiegħu mal-Kunsill dwar il-prijoritajiet ewlenin tal-Parlament, inkluż fir-rigward tar-Regolament Finanzjarju,

E.   billi r-riżultati miksuba fuq il-prijoritajiet tal-Parlament, fir-rigward tat-twettiq ta' valur għall-flus minfuqa, u r-Regolament Finanzjarju se jġibu benefiċċji reali liċ-ċittadini Ewropej f'termini ta' nfiq aktar effiċjenti u aktar effettiv u se jikkontribwixxi għall-isforzi kontinwi tal-Parlament biex ifassal stqarrija pożittiva ta' assigurazzjoni (DAS) dwar l-infiq ta' l-UE,

Konsiderazzjonijiet ġenerali: it-twettiq tal-prijoritajiet, l-għoti ta' valur għall-flus minfuqa, it-tħejjija għar-reviżjoni 2008/2009
It-twettiq tal-prijoritajiet

1.  Ifakkar li l-istrateġija u l-prijoritajiet politiċi ta' l-approċċ tal-Parlament għall-baġit 2007 ġew stipulati fir-riżoluzzjoni APS imsemmija hawn fuq tat-18 ta' Mejju 2006, b'mod partikulari l-paragrafi 5 u 6; iqis li r-riżoluzzjoni APS kienet għalhekk mezz essenzjali għat-tfassil ta' l-istrateġija tiegħu fi stadju bikri fil-proċedura annwali tal-baġit;

2.  Jilqa' r-riżultati li kiseb fir-rigward tal-prijoritajiet wiesgħa tiegħu u l-kwistjonijiet ewlenin fin-negozjati mal-Kunsill fit-trijalogu u l-proċedura ta' konċiljazzjoni qabel it-tieni qari tal-baġit mill-Parlament;

3.  F'relazzjoni mal-livell globali ta' pagamenti, jirrifjuta l-approċċ tal-Kunsill ta' tnaqqis arbitrarji u ġenerali fil-livelli ta' pagamenti; iqis li pagamenti għandhom ikunu diretti lejn dawk il-programmi ta' prijorità li fuqhom jista' jkun żgurat infiq effiċjenti u effettiv; jaqbel fil-kuntest tal-ftehim ġenerali mal-Kunsill dwar livell finali ta' pagamenti ta' EUR 115 500 miljun, li jkun l-istess bħal 0.99% ta' l-UE GNI;

4.  4 Ifakkar fid-dikjarazzjoni tiegħu dwar il-pagamenti li l-Punti 12 u 13 tat-IIA tas-17 ta' Mejju 2006 jistabbilixxu ammonti assoluti u jirrappreżentaw limiti massimi ta' nefqa taħt il-baġits ġenerali. fil-kuntest ta' l-MFF; għalhekk, ir-rispett tal-limiti massimi annwali stabbiliti mill-QFP 2007-2013 ifisser li r-rati ta' żieda għall-infiq mhux obbligatorju fil-baġits annwali ġew aċċettati awtomatikament; ifakkar lill-Kunsill li fil-każ li dawn l-artikoli ma jiġux rispettati, il-PE jikkunsidra dan bħala ksur tat-IIA:

5.  Jinnota, f'dan il-kuntest, li l-kumitati speċjalizzati tiegħu kienu modesti fit-talbiet tagħhom għal żiediet fl-approprjazzjonijiet għal pagamenti tagħhom fl-istabbiliment ta' l-ewwel qari tal-Parlament dwar il-baġit 2007, meta wieħed iqis li kien sar ftehim dwar ħafna mill-bażi legali ġodda matul l-2006 waqt li jitqiesu programmi ġodda ta' nfiq ta' l-UE li jibdew fl-2007;

6.  Fir-rigward tal-livell globali ta' l-approprjazzjonijiet ta' impenn, jinnota li l-Parlament ħa approċċ prudenti konformi ma' dak tal-kumitati speċjalizzati u ma talabx li jintuża l-istrument ta' flessibilità; għall-maġġoranza ta' l-intestaturi tal-baġit 2007, jistabbilixxi l-approprjazzjonijiet ta' impenn fil-limiti massimi fl-Anness I tat-IIA tas-17 ta' Mejju 2006 jew viċin tagħhom;

7.  Fir-rigward tal-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni (CFSP), jiddeċiedi li jerġa' jżied l-approprjazzjonijiet ta' impenn għall-2007 sal-livell previst fl-Abbozz Preliminari tal-Baġit (PDB) ta' EUR 159 200 000, iżda jistenna li l-Kunsill jimplimenta l-ispirtu u l-ittra tat-IIA tas-17 ta' Mejju 2006 fir-rigward ta' nfiq għas-CFSP u kif kien ikkonfermat fl-iskambju ta' ittri bejn iċ-Chairmen Brok u Lewandowski u l-Ministru Finlandiż Wideroos;

Twassil ta' valur għall-flus minfuqa

8.  Jenfasizza li l-approċċ ibbażat fuq valur għall-flus minfuqa kien element innovattiv tal-proċedura baġitarja ta' l-2007 bl-intenzjoni li jiġu żgurati evalwazzjoni mtejba tal-programmi ta' l-UE u skrutinju ta' l-implimentazzjoni baġitarja konformi mal-prijoritajiet tal-Parlament u l-prerogattivi istituzzjonali tiegħu;

9.  Ifakkar fid-deċiżjoni tiegħu biex iqiegħed 30% ta' l-approprjazzjonijiet, li jilħqu iktar minn EUR 500 miljun fir-riżerva fuq kważi 40 linja tal-baġit li dwarhom il-Parlament kellu tħassib sinifikanti dwar il-kwalità u l-livell ta' l-implimentazzjoni tal-baġit fuq il-bażi ta' analiżi ddettaljata tas-sorsi ta' informazzjoni disponibbli; jilqa' r-risposta kostruttiva li tat il-Kummissjoni għar-rekwiżiti stabbiliti mill-Parlament għar-rilaxx ta' dawn ir-riżervi fl-emendi baġitarji tagħha; minbarra r-rispons mill-Kummissjoni anness ma' l-ittra ta' eżekuttiva tradizzjonali tal-bidu ta' Novembru, jiddeċiedi li jżomm EUR 8 900 000 fir-riżerva fuq 2 linji tal-baġit ; jiddeċiedi li jkompli jissorvelja mill-qrib il-kwalità u l-livell ta' implimentazzjoni ta' l-infiq fuq dawn il-linji matul l-2007 bi qbil ma' dikjarazzjoni dwar aktar valur għall-flus minfuqa;

10.  Jilqa' l-laqgħa tal-15 ta' Novembru 2006 mal-Kummissarju għall-Ipprogrammar Finanzjarju u l-Baġit u mas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni bħala wirja b'saħħitha ta' l-impenn tal-Kummissjoni lejn l-approċċ ibbażat fuq il-valur għall-flus minfuqa; jinnota li l-Kumitat għall-Baġit tal-Parlament fl-ewwel parti ta' l-2007 se jmexxi seduta ta' smigħ dwar l-iżvilupp ta' l-approċċ ibbażut fuq il-valur għall-flus minfuqa;

11.  Ifakkar l-importanza li ta l-Parlament lill-kisba ta' dikjarazzjoni pożittiva ta' assigurazzjoni għall-fondi fuq bażi ta' maniġment maqsum; jenfasizza l-intenzjoni tiegħu biex jiżgura li, bi qbil ma' l-IIA tas-17 ta' Mejju 2006, l-awtoritajiet rilevanti għall-verifika fl-Istati Membri jipproduċu evalwazzjoni dwar kemm is-sistemi ta' mmaniġġjar u kontroll jikkonformaw mar-regolamenti tal-Komunità; itenni li għalhekk l-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom biex jipproduċu sommarju annwali fil-livell nazzjonali xieraq tal-verifiki u tad-dikjarazzjonijiet disponibbli; jilqa' l-iżvilupp riċenti fi Stat Membru partikulari biex jiġu konsolidati l-kontijiet separati kollha fejn jintefqu l-flus ta' l-UE taħt ġestjoni maqsuma bil-ħsieb li dawn il-figuri jiġu sussegwentement verifikati; iqis li reviżjoni tal-metodoloġija li tuża l-Qorti ta' l-Awdituri biex tevalwa l-konformità mar-regoli finanzjarji ta' l-UE permezz ta' proċess ta' reviżjoni minn pari ma' istituzzjonijiet oħra li jistgħu jitqabblu se tikkontribwixxi għal titjib fl-approċċ tal-Qorti għall-verifika tal-kontijiet ta' l-UE; jistgħaġeb meta jinnota li s'issa għadu qatt ma tlesta xi proċess ta' reviżjoni minn pari ta' dan it-tip; jitlob li din issir sal-31 ta' Lulju 2007;

12.  Fir-rigward tat-tliet aġenziji l-ġodda (l-Aġenzija Ewropea għall-Kimika, l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, l-Agenzija għad-Drittijiet Fundamentali), jinnota l-istqarrijiet konġunti miftehma bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-iffinanzjar u l-programmazzjoni finanzjarja għal dawn l-aġenziji fil-kuntest tat-IIA tas-17 ta' Mejju 2006; fir-rigward ta' l-aġenziji eżistenti, jiddeċiedi li jiddaħħlu mill-ġdid l-approprjazzjonijiet fil-PDB iżda li jitqiegħdu żidiet ogħla minn ammont ta" referenza fir-riżerva, sakemm issir evalwazzjoni pożittiva tar-rendiment ta' l-aġenziji meta mqabbel mal-programm ta' ħidma finali tagħhom; jinnota li dawn l-evalwazzjonijiet għandhom jitlestew fil-kuntest ta' laqgħa mal-Kapijiet ta' l-Aġenziji fir-Rebbiegħa 2007;

Tħejjija għar-reviżjoni ta' l-2008/2009

13.  Itenni t-tħassib tiegħu li l-Unjoni Ewropea għandha tiżviluppa strateġija iktar proattiva sabiex tindirizza l-opportunitajiet u l-isfidi li jinħolqu mill-proċess li għadu għaddej tal-globalizzazzjoni; iqis li f'dan il-kuntest hemm bżonn ta' evalwazzjoni mill-ġdid ta' l-approċċ ta' l-UE għal sħubijiet ma' pajjiżi u reġjuni terzi u li l-użu tat-terminu "strateġiku" għandu jiġi riżervat għall-isħubiji l-iktar importanti ta' l-UE, bħall-isħubija transatlantika ma' l-Istati Uniti ta' l-Amerka;

14.  Jikkonferma li l-analiżi politika kif ippreparata mill-"Kumitat Temporanju dwar l-isfidi politiċi u l-mezzi baġitarji ta' l-Unjoni wara t-tkabbir 2007-2013" u r-riżoluzzjoni rilevanti adottata mill-Parlament fit-8 ta' Ġunju 2005(9) jibqgħu l-bażi għar-reviżjoni u kull tibdil possibbli tat-IIA; iqis li l-evalwazzjoni ta' l-effettività u l-implimentazzjoni tal-ġenerazzjoni ġdida ta' programmi u strumenti plurijennali għandhom jiġu inklużi;

15.  Jinnota li l-azzjonijiet ta' tħejjija adottati mill-Parlament fir-rigward ta' skambji kummerċjali u xjentifiċi maċ-Ċina u ma' l-Indja huma intenzjonati li juru l-importanza li l-Parlament jagħti lill-iżvilupp ta' koperazzjoni aktar qawwija ma' dawn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw b'rata mgħaġġla;

16.  Iqis li għandu jinkiseb grad ogħla ta' trasparenza mill-Kummissjoni fir-rigward tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi li ssir ħidma ma' l-NGOs fl-għoti ta' l-assistenza ta' l-UE għall-iżvilupp; f'dan id-dawl, jirrakkomanda li ssir analiżi tal-vijabbilta' ekonomika tat-tħaddim ta' l-NGOs; għandu l-intenzjoni li jkompli jeżamina l-kamp ta' applikazzjoni għal użu akbar tal-mikro-krediti fl-assistenza ta' l-UE għall-iżvilupp tal-ġejjieni;

17.  Iqis li l-Kummissjoni għandha teżamina mill-ġdid in-natura ta' l-isħubijiet strateġiċi ta' l-UE f'rapport li għandu jiġi preżentat sat-30 ta' April 2007, li b'mod partikulari jiddefinixxi t-tifsira tal-kelma "strateġika", u li din hi biss eżempju wieħed tal-bżonn usa' li l-Unjoni Ewropea tistabbilixxi b'mod ċar il-prijoritajiet politiċi globali tagħha f'mod li jista' jiġi kkomunikat effettivament liċ-ċittadini ta' l-Ewropa; jinnota li prijoritajiet politiċi ċari huma prerekwiżit għall-allokazzjoni ta' riżorsi baġitarji lil dawn il-prijoritajiet; jenfasizza li fil-ħidma tiegħu fuq il-baġit 2007, il-Parlament stabbilixxa l-prijoritajiet politiċi tiegħu kmieni fil-proċedura u għalhekk żviluppa strateġija effettiva għall-baġit 2007;

18.  Jemmen għalhekk li l-Parlament għandu jibni fuq l-approċċ ta' l-istabbiliment ta' prijoritajiet li ttieħed fil-proċedura baġitarja ta' l-2007, inter alia permezz ta' sensiela ta' seduti ta' smigħ dwar suġġetti politiċi speċifiċi, biex jiġu definiti l-prijoritajiet politiċi tiegħu għal perjodu ta' żmien medju; iqis li, f'konformità mal-paragrafi 38 sa 40 tar-riżoluzzjoni APS tat-18 ta' Mejju 2006, dan għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp mill-Parlament ta' strateġija għar-reviżjoni 2008/2009;

Kwistjonijiet orizzontali u elementi prinċipali għal kull intestatura MFF
Kwistjonijiet orizzontali

19.  Fir-rigward ta' proġetti pilota u azzjonijiet ta' tħejjija, jinnota l-limiti massimi għal proġetti ġodda miżjuda li huma stabbiliti fl-IIA tas-17 ta' Mejju 2006 u jenfasizza li dawn il-proġetti jippermettu li l-Parlament jindika l-oqsma ta' prijorità għall-iżvilupp ta' politiki Ewropej; jiddeċiedi għalhekk li jipproponi numru ta' proġetti ġodda li jikkonformaw b'mod ġenerali mal-prijoritajiet stabbiliti fil-paragrafu 6 tar-riżoluzzjoni APS tat-18 ta' Mejju 2006;

20.  Jinnota l-adozzjoni ta' l-Ittra ta' emenda Nru 3/2007 tal-Kummissjoni u l-elementi ta' l-Ittra ta' emenda Nru 2/2007 tal-Kummissjoni inklużi d-dispożizzjonijiet rigward il-klassifikazzjoni li tikkonċerna Hercule II u l-Fond Ewropew għall-Globalizzazzjoni; jirrifijuta l-elementi l-oħra ta' l-Ittra ta' emenda 2/2007 u jiddeċiedi li jintroduċi ammonti xierqa u nomenklatura baġitarja konformi mal-prijoritajiet esterni tiegħu;

21.  Jilqa' l-ftehim li ntlaħaq biex isir disponibbli ammont ta' EUR 500 miljun għall-Fond Ewropew għall-Globalizzazzjoni li tqiegħed fil-baġit tas-sena 2007; jenfasizza li l-proċedura adottata biex jitqiegħed fil-baġit il-Fond tibqa' konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Punt 28 tat-IIA tas-17 ta' Mejju 2006 u jafferma mill-ġdid il-fehma tiegħu li bi qbil mal-Ftehima, l-ordni tas-sorsi użati għall-finanzjament tal-Fond Ewropew għall-Globalizzazzjoni f'sena N huwa dak li jirriżulta mis-sekwenza kronoloġika tad-disponibiltà ta' l-informazzjoni dwar marġini u impenji mħassra, i.e. l-ewwelnett, l-approprjazzjonijiet ta' impenn imħassra mis-sena N-2, it-tieni, il-marġini li tkun baqgħet disponibbli fis-sena N-1, it-tielet, l-approprjazzjonijiet ta' impenn imħassra mis-sena N-1; jilqa' l-fehma tal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni kif espressa fl-ittra tal-Kummissjarju għall-Ipprogrammar Finanzjarju u l-Baġit lill-President tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Novembru 2006,

Elementi prinċipali skond l-intestatura fit-IIA
Intestatura 1a - kompetittività għat-tkabbir u għall-impjiegi

22.  Jikkonferma l-konvinzjoni tiegħu, espressa fir-riżoluzzjoni APS tiegħu tat-18 ta' Mejju 2006, li l-għerf, il-ħiliet, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-innovazzjoni, it-teknoloġiji tas-soċjetà ta' l-informazzjoni, u politika għat-trasport u għall-enerġija sostenibbli jiffurmaw il-bażi ta' ekonomija moderna b'saħħitha u huma essenzjali għall-ħolqien ta' l-impiegi; għalhekk, iddeċieda li ma jaċċettax l-approċċ tal-Kunsill li jsir tnaqqis f'numru ta' linji baġitarji kruċjali mmirati li jtejbu l-kompetittività ta' l-ekonomija ta' l-UE; iddeċieda li jżid l-approprjazzjonijiet ta' ħlas, anke jekk f'livell imnaqqas meta mqabbel ma' l-ewwel qari tiegħu, għall-programmi ta' prijorità marbuta ma' l-Aġenda ta' Liżbona bħal m'huma l-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) u s-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta' dimostrazzjoni (2007-2013);

23.  Huwa konvint li ż-żieda fil-kompetittività ta' l-UE hija element essenzjali tar-reazzjoni ta' l-UE għall-isfidi tal-globalizzazzjoni; għalhekk iqis li ż-żidiet fl-approprjazzjonijiet fl-intestatura 1a huma sinjal ċar tad-direzzjoni futura li għandu jieħu l-infiq ta' l-UE ; ifakkar fil-ħtieġa ta' finanzjament pubbliku xieraq biex jinħoloq l-effett ta' spinta mistenni mill-kofinanzjar tal-Bank ta' l-Investiment Ewropew; jistenna bla sabar il-proposti mill-Kummissjoni u l-Kunsill dwar din il-kwistjoni; jenfasizza li żieda fil-kapital sottoskritt għal terminu twil ikun mixtieq mill-Fond għall-Investiment Ewropew kemm biex takkompanja l-introduzzjoni ta' mandati ġodda (inkluża is-CIP) fl-2007 kif ukoll biex jiġu ffinanzjati l-operazzjonijiet il-ġodda tal-proġetti tat-trasferiment tat-teknoloġiji kif mixtieq mill-Parlament, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni;

24.  Jenfasizza s-sinifikat teknoliġiku u ekonomiku tal-programm Galileo; ifakkar lill-Kummissjoni li, jekk jittieħed fuq il-perjodu kollu, dan il-programm mhux iffinanzjat biżżejjed fl-MFF il-ġdid u jitlob lill-Kummissjoni sabiex issib soluzzjoni prattika malajr u li ddum biex tiżgura s-suċċess ta' dan il-programm;

Intestatura 1b - Koeżjoni għat-tkabbir u għall-impjiegi

25.  Jinnota li l-approprjazzjonijiet għall-fondi Strutturali u ta' Koeżjoni huma konsiderevolment aktar baxxi għall-MFF ta' l-2007-2013 milli kien mistenni, l-aktar bħala riżultat tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2005; iqis għalhekk, l-approprjazzjonijiet fil-PDB għandhom ikunu mdaħħla mill-ġdid; jenfasizza l-importanza li, issa li t-IIA l-ġdida ġiet miftiehma, ikunu stabbiliti u approvati malajr kemm jista' jkun programmi nazzjonali; jisħaq fuq l-importanza tal-koeżjoni bħala waħda mill-prijoritajiet ta' politika ta' l-UE; jitlob lill-Kummissjoni, fir-rigward ta' l-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni sabiex tippreżenta talba għal trasferiment jew baġit ta' emenda matul l-2007 jekk l-ammonti previsti fil-Baġit għal 2007 jirriżultaw li huma insuffiċjenti;

Intestatura 2 - Preservazzjoni u mmaniġġjar tar-riżorsi naturali

26.  Jinnota li l-2007 se tkun l-ewwel sena ta" implimentazzjoni sħiħa tar-riforma l-aktar riċenti tal-Politika Agrikola Komuni (CAP); jirrifjuta t-tnaqqis drastiku fl-infiq obbligatorju adottat mill-Kunsill fit-tieni qari tiegħu; jirrifjuta l-klassifikazzjoni mill-ġdid ta' diversi linji baġitarji fil-qasam tal-biedja minn infiq mhux obbligatorju għal infiq obbligatorju kif propost mill-Kummissjoni fl-Ittra ta' emenda Nru 2/2007 tagħha;

27.  Jiddeplora l-fatt li minkejja l-ħtiġijiet l-aktar importanti għar-ristrutturazzjoni, il-modernizzazzjoni u d-diversifikazzjoni ta" l-ekonomija rurali ta" l-Ewropa, ir-riżorsi allokati lill-iżvilupp rurali mistennija jonqsu f'termini reali; iqis li trasferiment volontarju ta' fondi minn appoġġ agrikolu dirett ("l-ewwel pilastru" tal-CAP) għal żvilupp rurali m'huwiex il-mezz adattat bħala rimedju għal din is-sitwazzjoni; f'dan ir-rigward jesprimi riżervi b'mod qawwi dwar il-proposta attwali mill-Kummissjoni fir-rigward tal-modulazzjoni volontarja sa massimu ta' 20% ta' l-appoġġ agrikolu dirett għall-iżvilupp rurali; jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq analiżi ta' l-impatt bi qbil mal-Ftehima Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2003 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar tfassil aħjar tal-liġijiet(10); itenni li l-Parlament xorta waħda jirriżerva l-pożizzjoni tiegħu dwar il-modulazzjoni volontarja u jqis li jkun utli li tiġi evalwata flimkien mal-kwistjoni tal-finanzjament konġunt fil-kuntest tar-reviżjoni 2008/2009 kif espressa fid-Dikjarazzjoni Nru 9 tat-IIA tas-17 ta' Mejju 2006 rigward il-modulazzjoni volontarja;

28.  Huwa ddiżappuntat li minkejja l-bżonnijiet kbar għall-approprjazzjonijiet għall-iżvilupp ta' vaċċin mejjet għall-virus tal-marda ta' l-ilsien ikħal (BTV), il-Kunsill irrifjuta li japprova din l-inizjattiva mill-Parlament fit-tieni qari tagħha; jilqa' b'sodisfazzjon, madankollu, is-suġġeriment mill-Kummissjoni, espress fl-ittra eżekuttiva, li tinkorpora l-iżvilupp ta' vaċċin ġdid għall-ilsien ikħal fil-baġit ta' Riċerka taħt il-proġetti ta' l-IPA; jenfasizza li għandha tingħata preferenza lill-iżvilupp ta' vaċċin polivalenti, li huwa effettiv kontra t-tipi differenti tal-virus;

29.  Japprova u jilqa' l-istqarrija konġunta dwar Life+ miftehma bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni f'dak li għandu x'jaqsam mal-provvediment ta' finanzjament interim fil-każ ta' nuqqas leġiżlattiv li jista' jinqala bejn il-bidu ta' l-2007 u l-adozzjoni finali ta' l-att legali;

Intestatura 3a - Libertà, Sigurtà u Ġustizzja

30.  Jiġbed l-attenzjoni li z-zona ta' libertà, ġustizzja u sigurtà, u b'mod partikulari l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali, id-definizzjoni ta' politika komuni dwar l-ażil u l-migrazzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, hija waħda mill-prijoritajiet essenzjali ta' l-Unjoni;

31.  Iqis li l-immaniġġjar integrat tal-fruntieri esterni ta" l-Unjoni huwa wieħed mill-objettivi li bħalissa jeħtieġ appoġġ urġenti; b'dan il-mod, jerġa' jdaħħal il-livell tal-PDB għall-aġenzija FRONTEX, waqt li xi fondi jitpoġġew fir-riżerva bi qbil ma' l-approċċ globali dwar l-aġenziji;

Intestatura 3b - Ċittadinanza

32.  Ifakkar l-importanza tal-prinċipju tas-sussidjarjetà fil-qasam tal-kultura, ta' l-edukazzjoni, tat-taħriġ u taż-żgħażagħ, u jemmen li r-rispett lejn il-pluraliżmu ta' opinjonijiet huwa l-ewwel kundizzjoni għal politika effettiva ta' komunikazzjoni sabiex l-UE titqarreb lejn iċ-ċittadini ta' l-UE; iqis li jista" jsir użu aħjar minn midja ġodda tal-komunikazzjonijiet biex jinġiebu flimkien Ewropej li jfasslu l-politika mill-opinjonijiet politiċi kollha biex jaqsmu l-ideat bejniethom; jilqa', f'dan il-kuntest, l-iżvilupp pożittiv tar-rappurtaġġ ta' Euronews; jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja x-xandir tal-Euronews bl-Għarbi, sabiex kemm membri tal-Komunità fl-UE li jitkellmu bl-Għarbi u nies fi stati tal-Mediterran li jitkellmu bl-Għarbi jkunu jistgħu jintlaħqu b'mod aktar effettiv u jkunu infurmati dwar l-impenn ta' l-Ewropa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tiċċara l-implikazzjonijiet baġitarji u l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu taħt il-Pjan D dwar id-Dibattitu tad-Demokrazija u d-Djalogu; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tippubblika fuq l-internet id-dettall ta' l-allokazzjoni tas-sussidji (ammonti u benefiċarji) għall-azzjonijiet kollha;

33.  Jenfasizza l-importanza li jagħti għal strateġiji ta' komunikazzjoni ta' l-UE effettivi u speċifikament biex jiġi żgurat li l-mekkaniżmi 'on-line" jistgħu jintużaw sal-massimu tagħhom biex jiġi faċilitat l-iżvilupp ta' rabtiet ta' informazzjoni u ideat bejn dawk li jiffurmaw l-opinjoni Ewropea u l-partijiet interessati kollha; jinnota f'dan ir-rigward li l-proġett pilota adottat rigward in-netwerks ta' informazzjoni pilota (PINs) biex tittejjeb il-komunikazzjoni bejn dawk li jfasslu l-politika, mhux l-inqas bejn il-Parlamentari Ewropej u nazzjonali, u iqis li din l-inizjattiva għandha tibni fuq il-portali Ewropej eżistenti fuq l-internet b'mod li jagħti valur miżjud għall-azzjonijiet speċifiċi li diġa' jeżistu f'dan il-qasam;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq studju dwar il-kundizzjoni u n-nefqa stmata ta' restawr tal-knejjes fit-tramuntana ta' Ċipru, li ġew ipprofanati, ikkonvertiti f'moskej jew li saritilhom ħsara mindu l-armata Torka ħadet il-kontroll taz-zona fl-1974, f'konformità mad-Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-wirt reliġjuż fit-Tramuntana ta' Ċipru(11);

35.  Għandu dubji serji dwar il-kwalità tal-politika ta' informazzjoni segwita mill-Kummissjoni; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tikkonferma formalment ir-rieda tagħha li tirrappreżenta b'mod xieraq lill-istituzzjonijiet kollha u l-poteri rispettivi tagħhom;

Intestatura 4 - L-UE bħala attur globali

36.  Jemmen li l-UE għandu jiżgura li jkollha mezzi suffiċjenti biex taġixxi bħala attur globali fir-rispett tal-valuri tagħha; jipproponi r-restituzzjoni tal-figuri tal-PDB fuq numru ta" linji u żiediet lil hinn mill-PDB f'pagamenti u f'impenji f'ċerti oqsma bil-ħsieb li jissaħħu l-attivitajiet ta' l-UE permezz ta' programmi Komunitarji fl-oqsma tal-politika barranija, l-għajnuna għall-iżvilupp u dik umanitarja, u l-iskambji ta' negozju u xjentifiċi ma' pajjiżi ta" importanza kbira li qed jitfaċċaw;

37.  Jenfasizza l-importanza tat-trasparenza fl-użu tal-fondi allokati lill-Iraq permezz ta' żewġ fondi fiduċjarji u jfakkar fil-bżonn li l-kapaċità ta' assorbiment ta' l-Iraq tkun immonitorjata mill-qrib; għaldaqstant jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni regolari dwar proġetti ffinanzjati mill-UE u l-livell ta' assorbiment tal-fondi mmirati għal dak il-pajjiż;

38.  Jinnota li l-qafas legali l-ġdid għall-azzjonijiet esterni ta" l-UE jimplika wkoll struttura ġdida għall-baġit; b'mod ġenerali jilqa" s-simplifikazzjoni ta" l-istrumenti u n-nomenklatura l-ġdida tal-baġit proposta magħha; jilqa' wkoll il-preżentazzjoni ta' strument separat dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokazija, li jeħtieg modifika tan-nomenklatura tal-PDB; madankollu, ma jistax jaċċetta, li uħud mill-bidliet proposti jnaqqsu t-trasparenza jew għal setturi u/jew għal reġjuni u pajjiżi; iddeċieda l-modifiki meħtieġa f'dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi wkoll rendikont għal kull attività u għal kull pajjiż ta' qabel is-sħubija u, fl-interessi tat-trasparenza, nomenklatura li tikkorrispondi mal-linji ta' baġit li jikkorrispondu; minbarra dan, jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi rapport ta' mmonitoraġġ dirett lill-awtorità baġitarja dwar il-progress taż-żewġ Stati Membri ġodda kif ukoll tal-pajjiżi ta' qabel is-sħubija;

39.  Jirrestitwixxi approprazzjonijiet għas-CFSP għal-livell propost fil-PDB tal-Kummissjoni u fil-DB tal-Kunsill; jenfasizza li jeħtieġ li l-Kunsill jikkonforma ma' l-ittra u l-ispirtu tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 fir-rigward tas-CFSP skond l-iskambju ta' ittri bejn iċ-'Chairmen' Brok u Lewandowski u l-Ministru Wideroos;

40.  Jinnota li t-tieni qari tal-Parlament dwar il-baġit 2007 ma jħalli l-ebda marġinu taħt l-intestatura 4 u li l-impenji miżjuda permezz ta' emendi tal-baġits matul is-sena 2007 għalhekk jimplikaw appell għall-istrument ta' flessibilità; jistenna li jinżamm informat kompletament fuq bażi a priori proattiva mill-Kunsill bil-bżonnijiet finanzjarji għall-missjoni li jmiss fil-Kosovo;

Intestatura 5 - Amministrazzjoni

41.  Dwar l-impjieg ta' persunal fl-istituzzjonijiet ta' l-UE, jinnota li t-tnaqqis fin-numru ta' persunal propost inizjalment mill-Kunsill mhux se jkun implimentat fil-baġit 2007; japprova d-dikjarazzjoni konġunta mal-Kunsill dwar reklutaġġ fir-rigward tat-tkabbir ta' l-2004 u l-2007; jilqa' l-impenn mill-Kummissjoni biex twettaq eżerċizzju ta' screening sostanzjali li jipprovdi evalwazzjoni ta' nofs il-perijodu dwar il-ħtiġijiet ta' persunal tagħha, u rapport dettaljat dwar l-impjieg ta' persunal mill-Kummissjoni fil-funzjonijiet ta' appoġġ u ta' koordinazzjoni li jkopru l-positijiet tax-xogħol kollha sat-30 ta' April 2007;

42.  Jiddeċiedi li jirrilaxxa l-ammonti li tqiegħdu fir-riżerva fl-ewwel qari tiegħu għar-riżorsi għall-impjieg ta' persunal mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta' ittra mill-President tal-Kummissjoni fejn jaċċetta li l-erba' talbiet tal-Parlament biex tiġi rilaxxata r-riżerva se jintlaqgħu bis-sħiħ; jistenna bil-ħerqa diskussjoni strateġika dwar l-impjieg ta' persunal fl-istituzzjonijiet ta' l-UE matul l-2007 fil-kuntest ta' l-eżerċizzju ta' evalwazzjoni li talab il-Parlament;

Taqsimiet oħrajn tal-baġit 2007

43.  Jinnota li ż-żieda baġitarja li ngħatat lill "taqsimiet oħrajn" fil-Baġit 2007, barra l-ispejjeż tat-tkabbir, kienet ta' 1,7% biss aktar mill-baġit 2006; din iż-żieda tikkostitwixxi biss żieda marġinali u tirrifletti ż-żieda fir-rata ta' inflazzjoni u l-ispiża għal prijoritajiet speċifiċi ta' l-istituzzjonijiet u hija, fil-fatt, inqas b'mod sinifikattiv minn dik mitluba fil-PDB; jiddeċiedi li jżomm il-pożizzjoni oriġinali tiegħu meħuda fl-ewwel qari billi jirrestitwixxi EUR 10 630 000 mit-tnaqqis ta' EUR 28 280 000 imwettaq mill-Kunsill;

44.  Itenni l-fiduċja tiegħu fl-implimentazzjoni tad-dixxiplina baġitarja fl-attivitajiet kollha li jkunu qed isiru biex jiġi żgurat ibbaġittjar iktar effettiv u biex jiġu riflessi l-bżonnijiet u l-prijoritajiet attwali reali ta' l-istituzzjonijiet; madankollu jirrikonoxxi wkoll li l-istituzzjonijiet jeħtieġ li jkollhom l-għodod neċessarji biex jiffunzjonaw u joperaw fuq livell raġonevolment effettiv u b'hekk jiġi żgurat li l-objettivi varji ta' l-istituzzjonijiet jistgħu jintlaħqu realment; għalhekk jiddispjaċih minħabba d-deċiżjoni tal-Kunsill biex ma jaqbilx mal-baġit tal-Parlament għat-"taqsimiet oħrajn";

45.  Jitlob lill-istituzzjonijiet biex jippreżentaw sa l-1 ta' Settembru ta' kull sena, aktar rapporti informattivi dwar l-attivitajiet tagħhom u r-rendiment tagħhom; dawn ir-rapporti bbażati fuq l-attività huma meħtieġa biex tingħata iktar informazzjoni u informazzjoni iktar ċara dwar kif il-fondi jiġu applikati b'suċċess u biex jiġi ġustifikat il-konsum ta' l-ammonti baġitarji; dan jippermetti lill-awtorità baġitarja biex tissorvelja kif u fejn iż-żieda fil-fondi qed tagħmel lill-istituzzjonijiet aktar effiċjenti;

46.  Itenni l-importanza ta' koperazzjoni interistituzzjonali, li bla dubju tista' twassal għal benefiċċji għall-istituzzjonijiet involuti; f'dan ir-rigward, jikkunsidra li s-servizz amministrattiv konġunt tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni huwa mod effettiv u dinamiku ta' kif jiġi evitat ix-xogħol doppju, jitnaqqsu l-ispejjeż u jiġi żviluppat l-ispirtu tat-tim mingħajr ma jitnaqqsu l-kwalità u l-effiċjenza tas-servizz ipprovdut; jistieden liż-żewġ Kumitati biex jeżaminaw - sa mhux aktar tard minn Lulju 2007 - din il-koperazzjoni fid-dawl tal-prinċipju ta' qsim flimkien ('co-sharing'), bil-għan li jiitieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat li l-bżonnijiet taż-żewġ istituzzjonijiet jiġu ssodisfati u li tiġi garantita governanza ekwitabbli tas-servizz konġunt; jirrakkomanda li għandu jitwettaq eżerċizzju fir-rigward ta' l-evalwazzjoni tal-funzjonijiet u l-attivitajiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni sa mhux aktar tard mill-aħħar ta' Ġunju 2007;

o
o   o

47.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit fl-aħħar ġie adottat u biex jorganizza l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea;

48.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u d-dikjarazzjonijiet annessi magħha lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Qorti ta'l-Awdituri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta, u l-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħrajn ikkonċernati.

(1) ĠU L 253, 7.10.2000, p. 42.
(2) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(3) ĠU C 139, 14.6.2006, p.1.
(4) ĠU C 172, 18.6.1999, p. 1. Ftehima kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2005/708/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 269, 14.10.2005, p. 24).
(5) Testi adottati, P6_TA(2006)0451.
(6) Testi adottati, P6_TA(2006)0452.
(7) Testi adottati, Anness.
(8) Testi adottati, P6_TA(2006)0221.
(9) ĠU C 124 E, 25.5.2006, p. 373.
(10) ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.
(11) Testi Adottati, 5.9.2006, P6_TA(2006)0335.


ANNEX

Dikjarazzjoni konġunta dwar it-tliet aġenziji l-ġodda previsti fil-baġit 2007 fl-applikazzjoni tal-Punt 47 tal-Ftehima Interistituzzjonali (IIA) tas-17 ta' Mejju 2006

L-abbozz preliminari tal-baġit għas-sena 2007 jipprevedi l-finanzjament tat-tliet aġenziji ġodda li ġejjin:

· l-Aġenzija Ewropea għall-Kimika

· l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-sessi

· l-Agenzija Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali)

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jibnu fuq l-ewwel esperjenza ma' dawn it-tliet aġenziji ġodda biex ikomplu jiżviluppaw il-proċedura maħsuba fil-Punt 47 tat-IIA meta jfasslu proposti għall-ħolqien ta' aġenziji ġodda.

Dikjarazzjoni konġunta dwar il-finanzjament ta' l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi

F'Mejju 2006, il-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel programmazzjoni finanzjarja għall-perjodu 2007-2013, skond il-Punt 46 tal-Ftehima Interistituzzjonali (IIA) tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-immaniġġjar finanzjarju sod.

Abbażi ta' din l-informazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni fis-7 ta' Novembru 2006, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jinnutaw li l-finanzjament ta' l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sustanzi Kimiċi jista' jiġi assigurat fi ħdan il-limitu ta' nfiq maqbul ta' l-Intestatura 1a għall-perijodu 2007-2013.

Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jinnotaw li l-emendi tal-bażi legali ta' l-Aġenzija Ewropea għall-Kimika jfissru nefqa addizzjonali totali ta' EUR 113 600 000, fis-snin 2008 u 2009 taħt l-intestatura 1a tal-qafas finanzjarju plurijennali 2007-2013, ikkomparat mal-programmazzjoni finanzjarja ppreżentata f'Mejju 2006 mill-Kummissjoni u mingħajr ma jitqiesu ridistribuzzjonijiet possibbli taħt l-intestatura 1a.

Jekk il-Kummissjoni, fuq talba ta' l-Aġenzija jew minħabba kwalunkwe ċirkostanza imprevista, jkollha l-intenzjoni li tiddevja mill-ammonti oriġinali meqjusa meħtieġa għall-finanzjament ta' l-Aġenzija fil-perijodu kkonċernat, hija għandha tinnotifika lill-Awtorità Baġitarja dwar din l-intenzjoni u l-effett tagħha fuq il-bqija tal-marġini ta' l-Intestatura rilevanti tal-qafas finanzjarju pluriennali u tindika l-programmazzjoni mill-ġdid.

Dikjarazzjoni konġunta dwar il-finanzjament ta' l-Istitut għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi

F'Mejju 2006, il-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel programmazzjoni finanzjarju għall-perijodu 2007-2013, skond il-Punt 46 tal-Ftehima Interistituzzjonali (IIA) tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-immaniġġjar finanzjarju sod.

Abbażi ta' din l-informazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni fis-7 ta' Novembru 2006, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jinnutaw li l-finanzjament ta' l-Aġenzija Ewropea dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi jista' jiġi assigurat fi ħdan il-limitu ta' nfiq maqbul ta' l-Intestatura 1a għall-perijodu 2007-2013.

Jekk il-Kummissjoni, fuq talba ta' l-Aġenzija jew minħabba kwalunkwe ċirkostanza imprevista, jkollha l-intenzjoni li tiddevja mill-ammonti oriġinali meqjusa meħtieġa għall-finanzjament ta' l-Istitut fil-perijodu kkonċernat, hija għandha tinnotifika lill-Awtorità Baġitarja dwar din l-intenzjoni u l-effett tagħha fuq il-bqija tal-marġini ta' l-Intestatura rilevanti tal-qafas finanzjarju pluriennali u tindika l-programmazzjoni mill-ġdid.

Dikjarazzjoni konġunta dwar l-iffinanzjar ta' l-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem

F'Mejju 2006, il-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel programmazzjoni finanzjarja għall-perjodu 2007-2013, skond il-Punt 46 tal-Ftehima Interistituzzjonali (IIA) tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-immaniġġjar finanzjarju sod.

Abbażi ta' din l-informazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni fis-7 ta' Novembru 2006, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jinnutaw li l-finanzjament ta' l-Aġenzija Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem jista' jiġi assigurat fi ħdan il-limitu ta' nfiq maqbul ta' l-Intestatura 1a għall-perijodu 2007-2013..

Jekk il-Kummissjoni, fuq talba ta' l-Aġenzija jew minħabba kwalunkwe ċirkostanza imprevista, jkollha l-intenzjoni li tiddevja mill-ammonti oriġinali meqjusa meħtieġa għall-finanzjament ta' l-Aġenzija fil-perijodu kkonċernat, hija għandha tinnotifika lill-Awtorità Baġitarja dwar din l-intenzjoni u l-effett tagħha fuq il-bqija tal-marġini ta' l-Intestatura rilevanti tal-qafas finanzjarju pluriennali u tindika l-programmazzjoni mill-ġdid.

Dikjarazzjoni konġunta dwar ir-reklutaġġ rigward li-tkabbir ta' l-2004 u l-2007

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jinnotaw bi tħassib serju d-dewmien fil-proċess ta' selezzjoni u reklutaġġ rigward it-tkabbir ta' l-2004, l-okkupanza baxxa tal-postijiet fil-livell tal-Middle Management, il-proporzjon għoli ta' postijiet permanenti okkupati minn aġenti temporanji u n-nuqqas ta' numru suffiċjenti ta' kompetizzjonijiet xierqa.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jinsistu li għandhom isiru l-isforzi kollha mill-istituzzjonijiet u speċifikament mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Personnel (EPSO) biex jiżguraw li tittieħed l-azzjoni neċessarja biex is-sitwazzjoni tirranġa ruħha u biex il-proċess jgħaġġel iżjed biex jimtlew il-postijiet konċessi mill-awtoritajiet baġitarji. Il-kriterji għandhom ikunu kif stipulati fl-Artikolu 27 tar-Regolamenti ta' l-Istaff u għandhom jilħqu l-bażi proporzjonali ġeografika l-aktar wiesgħa possibbli.

Il-Parlament ewropew u l-Kunsill għandhom l-intenzjoni li jimmonitorjaw il-proċess ta' reklutaġġ kontinwu. Għal dan il-għan, huma jitolbu lil kull istituzzjoni u lill-EPSO biex darbtejn fis-sena jipprovdu informazzjoni lill-Awtorità Baġitarja dwar is-sitwazzjoni tar-reklutaġġ rigward it-tkabbir ta' l-2004 u l-2007.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistiednu lis-Segretarji Ġenerali ta' l-istituzzjonijiet biex jippreżentaw rapport dwar il-progress li jkun sar fl-oqsma li ġejjin:

   rigward il-mili ta' postijiet konċessi fil-baġits ta' l-2004-2006 sa l-aħħar ta' Jannar 2007;
   rigward il-mili ta' postijiet konċessi fl-2007 sal-15 ta' Ġunju 2007 u sal-31 ta' Ottubru 2007

Dikjarazzjoni konġunta dwar il-programm Life+:

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jfakkru l-prinċipju baġitarju li l-implimentazzjoni ta' nfiq operattiv sinifikanti jeħtieġ l-adozzjoni minn qabel ta' att bażiku.

Fl-istess waqt, it-tliet isitituzzjonijiet jirrikonoxxu li, fil-bidu tas-sena tal-baġit 2007 xi atti bażiċi ġodda, intenzjonati biex jipprovdu segwitu għal atti bażiċi preċedenti li jiskadu fl-aħħar ta' l-2006, jistgħu jkunu għadhom taħt konsiderazzjoni mill-awtorità leġislattiva. Madankollu, ċerti azzjonijiet għandhom bżonn ta' impenji baġitarji ġodda biex jiġi evitat waqfien dannuż fl-implimentazzjoni u fil-preservazzjoni ta' l-acquis. Tali riskju jeżisti għal ċerti azzjonijiet li għalihom diġà hemm ftehim politiku ġenerali fost it-tliet istituzzjonijiet.

Ġie espress tħassib partikolari, partikolarment mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-ewwel qari ta' l-abbozz tal-baġit ta' l-2007, f'relazzjoni mal-programm Life+, li ser jiżgura s-segwitu għal predeċessur tiegħu Life III u azzjonijiet relatati oħrajn. Jekk tirriżulta diverġenza legislattiva bejn il-bidu tas-sena 2007 u l-adozzjoni finali ta' l-att legali, it-tliet istituzzjonijiet jaqblu li ammont sa EUR 15 miljun (minn baġit globali tal-Life+ ta' EUR 240 miljun propost fl-abbozz preliminari tal-baġit ta' l-2007) jista' jiġi impenjat fil-perijodu interim għal attivitajiet li jippreparaw it-trasmissjoni mill-Life+ taħt l-aħjar kondizzjonijiet, jiġifieri bil-ħsieb li jippreserva l-acquis mibni permezz ta' azzjonijiet kontinwi fil-qasam ta' l-ambjent. Tali attivitajiet li l-kontinwazzjoni tagħhom hi essenzjali għall-ippresevar tal-kontinwità ta' l-acquis jirrelataw partikolarment ma' sistemi ta' informazzjoni li jiżguraw il-monitoraġġ tal-leġislazzjoni ambjentali ta' l-UE, mar-reġistri li jsaħħu l-Iskema Għan-Negozjar ta' l-Emissjonijiet, mal-kompetenza xjentifika u esterna li tipprepara proposti tal-Kummissjoni f'każijiet fejn il-Kummissjoni hi marbuta b'dati ta' mira, ma' l-informazzjoni u l-azzjonijiet għall-kuxjenza.

Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni biex jiżguraw implimentazzjoni baġitarja xierqa

Fil-qafas tal-proċedura baġitarja, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni jenfasizzaw il-bżonn għal valur aħjar tal-flus fil-baġit ta' l-UE u huma ta' l-opinjoni li dan il-kunċett għandu jiġi applikat fuq bażi permanenti. L-għan ta' din l-evalwazzjoni hija li jiġu evalwati l-aspetti kwantitattivi u kwalitattivi ta' kull programm.

F'dan il-kuntest, l-evalwazzjoni tal-programmi ta' l-UE għandha ssir element ewlieni ta' ġsieb għall-istituzzjonijiet involuti fil-proċedura baġitarja annwali.

Il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni jfakkru li Mmaniġġjar Ibbażat fuq l-Attività (ABM) se joffri ħarsa integrata tar-rendiment u l-ispejjeż ta' diversi oqsma tal-politika iklużi kemm riżorsi operattivi u amministrattivi.

Iż-żewġ istituzzjonijiet jaqblu li jieħdu l-passi neċessarji rigward it-titjib tal-monitoraġġ ta' l-implimentazzjoni tal-baġit permezz ta' proċess li juża kull informazzjoni disponibbli sa minn Jannar 2007 li miegħu il-kumitati kollha tal-Parlament Ewropew ikunu assoċjati. Il-Parlament Ewropew jimpenja ruħu li jagħmel użu aħjar tat-trasferiment u baġits ta' emenda bħala strumenti biex jiskrutinizza l-implimentazzjoni tal-baġit waqt is-sena fir-rispett tal-prijoritajiet tal-Parlament u l-prerogattivi interistituzzjonali tiegħu.

Ir-riżultati ta' dan il-proċess kontinwu se jkun is-suġġett ta' skambju ta' opinjonijiet f'kull trijalogu maħsub fl-Anness II tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006.

Dan l-eżerċizzju għandu l-għan li jiżgura li politiki ffinanzjati mill-baġit ta' l-UE jirrendu valur aħjar meta mqabbel man-nefqa għaċ-ċittadini Ewropej u li jirrispondi għall-isfidi li tiffaċċja l-Unjoni Ewropea bl-aħjar allokazzjoni possibbli tal-fondi ta' l-UE.

Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-dixxiplina baġitarja għall-pagamenti

Il-Parlament Ewropew ifakkar li l-Punti 12 u 13 tat-IIA tas-17 ta' Mejju 2006 jistabbilixxu ammonti assoluti u jirrappreżentaw massimi ta' limitu għall-infiq taħt il-baġits ġenerali fil-kuntest ta' l-QFP;

Għalhekk, ir-rispett tal-massimi ta' limitu annwali mill-QFP 2007-2013 ifisser li r-rati ta' żieda għall-infiq mhux obbligatorju fil-baġits annwali ġew aċċettati awtomatikament;

Jekk il-Punti 12 u 13 tat-IIA ma jiġux rispettati, il-Parlament Ewropew dan iqisu bħala ksur tat-IIA.

Il-Parlament Ewropew jimpenja ruħu li jimplimenta d-dispożizzjonijiet tal-Punti 12 u 13 tat-IIA bħala miżura ta' dixxiplina baġitarja għat-tul sħiħ tal-qafas finanzjarju plurijennali.

Avviż legali - Politika tal-privatezza