Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2113(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0426/2006

Testi mressqa :

A6-0426/2006

Dibattiti :

PV 14/12/2006 - 3
CRE 14/12/2006 - 3

Votazzjonijiet :

PV 14/12/2006 - 6.35
CRE 14/12/2006 - 6.35
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2006)0603

Testi adottati
PDF 486kWORD 165k
Il-Ħamis, 14 ta' Diċembru 2006 - Strasburgu
Strateġija Ewropea għal enerġija sostenibbli, kompetittiva u sikura
P6_TA(2006)0603A6-0426/2006

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar dwar strateġija Ewropea għal enerġija sostenibbli, kompetittiva u sikura - Green paper (2006/2113(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-green paper tal-Kummissjoni - Strateġija Ewropea għal Enerġija Sostenibbli, Kompetittiva u Sikura (COM(2006)0105),

–   wara li kkunsidra d-dokument konġunt tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli dwar l-aspetti esterni tal-politika ta' l-enerġija, ippreżentat lill-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta' Ġunju 2006,

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni adottata fit-tieni qari tat-8 ta' Marzu 2005 bil-ħsieb li jiġi adottat ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kundizzjonijiet għall-aċċess għal networks ta' trasport tal-gass naturali(1),

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jidditermina r-regoli ġenerali dwar l-għoti ta' għajnuna finanzjarja tal-Komunità fil-qasam ta' networks tat-trasport trans-Ewropej u tal-enerġija trans-Ewropea(2),

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fit-tieni qari tat-13 ta' Diċembru 2005 bil-għan li tiġi adottata direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-effiċjenza fl-użu aħħari ta' l-enerġija u s-servizzi ta' l-enerġija(3),

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fit-tieni qari fl-4 ta' April 2006 bil-għan li tiġi adottata deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi linji gwida għan-networks trans-Ewropej ta' l-enerġija(4),

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2006 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tat-Trattat tal-Komunità dwar l-Enerġija(5),

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-16 ta' Novembru 2005 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Protokoll Nru 9 dwar l-impjant ta' enerġija nukleari Bohunice V1 fl-Islovakkja, kif anness ma' l-Att dwar il-kundizzjonijiet ta' adeżjoni fl-Unjoni Ewropea tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, l-Islovenja u l-Islovakkja(6),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Novembru 2005 dwar l-użu ta' riżorsi finanzjarji maħsuba għaż-żarmar ta' impjanti ta' l-enerġija nukleari(7),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Novembru 2005 bit-titolu "Nirbħu l-Ġlieda kontra l-Bidla Globali fil-Klima"(8)

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Diċembru 2004 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li timponi l-obbligu fuq l-Istati Membri li jżommu ħażniet minimi ta' żejt mhux raffinat u/jew prodotti taż-żejt (Verżjoni ikkodifikata)(9),

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari tal-5 ta' Lulju 2005 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri biex tiġi ssalvagwardjata s-sigurtà tal-provvista ta' l-elettriku u l-investiment fl-infrastruttura(10),

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2006 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta' tagħbijiet ta' skart radjuattiv u karburant nukleari użat(11),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Frar 2006 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar it-tisħin u t-tkessiħ minn sorsi ta' enerġija li jiġġeddu(12),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Settembru 2005 dwar is-sehem ta' l-enerġija li tiġġedded fl-Unjoni Ewropea u l-proposti għal azzjonijiet konkreti(13),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Marzu 2006 dwar is-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija fl-Unjoni Ewropea(14),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-1 ta' Ġunju 2006 dwar l-Użu effiċjenti ta' l-enerġija jew li jsir aktar b'inqas: Green Paper(15),

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet Presidenzjali tal-Kunsilli Ewropej tat-23-24 ta' Marzu 2006, dwar l-aprovazzjoni tal-Kunsill Ewropew għall-Green Paper dwar Politika ta' l-Enerġija għall-Ewropa, u tal-15-16 ta' Ġunju 2006 dwar id-Dokument Konġunt mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli dwar l-Aspetti Esterni tas-Sigurtà ta' l-Enerġija,

–   wara li kkunsidra d-dibattiti tas-Smigħ Pubbliku organizzat mill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija dwar is-suġġett fit-12 ta' Settembru 2006,

–   wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa li skond liema trattat il-qasam ta' l-enerġija jinvolvi tqassim ta' kompetenza bejn l-Istati Membri,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, il-Kumitat għall-Iżvilupp, il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A6-0426/2006),

1.  Jilqa' l-green paper tal-Kummissjoni dwar strateġija Ewropea għal enerġija sostenibbli, kompetittiva u sikura, iżda jenfasizza l-ħtieġa li jkunu rikonoxxuti l-kundizzjonijiet dejjem jinbidlu fis-suq wiesa' globali ta' l-enerġija u jitfa' dawl fuq l-importanza li tiġi estiża l-perspettiva tal-produttur għal approċċ sistematiku li jqis il-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-konsum sabiex tiġi żviluppata politika Ewropea ta' l-enerġija li tiżgura enerġija bi prezz aċċessibbli kemm jista' jkun minn sorsi b'livelli baxxi ta' karbonju fuq żmien qasir u sorsi li ma fihomx karbonju fuq żmien medju u minn sorsi indiġeni, u li tirrispetta l-mekkaniżmi tas-suq, filwaqt li tħares l-ambjent, tikkumbatti l-bidla fil-klima u tippromwovi l-effiċjenza enerġetika;

2.  Jisħaq li l-Kummissjoni ddikjarat fil-green papaer tagħha li jeħtieġ li jiġi investit EUR 1 triljun fis-suq Ewropew għall-enerġija sabiex jiġu żgurati l-provvisti ta" l-enerġija fl-Ewropa fuq tul ta" żmien; jinnota wkoll li wieħed ma jistax jassumi li dawn ir-riżorsi jistgħu jiġu ffinanzjati minn fondi pubbliċi u għaldaqstant huwa importanti li jiġu involuti l-operaturi ta' l-industriji ta' l-enerġija fl-Unjoni Ewropea fl-iżvilupp ulterjuri tal-kunsens rigward il-politika għall-enerġija;

3.  Iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2007 sabiex jadotta pjan ta" azzjoni, li talanqas għandu jkollu l-elementi li ġejjin: li l-konsumaturi jitqiegħdu fiċ-ċentru tal-politika ta' l-enerġija, riforma radikali ta" l-Iskema tal-Kummerċ ta' l-Emissjonijiet (ETS) ta' l-UE sabiex is-suq jiġi ggwidat fl-investiment f'ekonomija bbażata fuq livelli baxxi ta' karbonju li sa l-2020 għandu jiġi mmexxi minn mira stipulata għall-emissjonijiet tal-karbonju ta" l-UE inkluż l-objettiv ta" l-ilħuq ta' sehem ta' 25% ta" l-enerġija minn sorsi li jiġġeddu sa l-2020 u mira li torbot għall-emissjonijiet tal-karozzi, pass ta" bidla fl-effiċjenza ta" l-enerġija, ligijiet imsaħħa dwar il-politika tal-kompettitività, sforzi rinforzati sabiex l-isseparar ikun implimentat kemm fl-ittra kif ukoll fl-ispirtu, inkluż l-isseparar sħiħ tal-proprjetà tan-netwerks ta' l-enerġija fil-każ li miżuri oħra ma jirriżultawx effettivi, it-tfassil ta' linji gwida minimi li jorbtu għar-regolaturi, inkluża proċedura għan-nomina ta' regolaturi, l-indipendenza, it-trasparenza u r-responsabbilizzazzjoni, strateġija ambizzjuża ta' riċerka u żvilupp dwar teknoloġiji ta" enerġija nadifa, strateġija politika barranija komuni għall-enerġija u l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni kollha Ewropea attwali għall-enerġija.

Sostenibilità
Bidla fil-Klima

4.  Jirrikonoxxi li l-bidla fil-klima qed tikkawża problemi ambjentali serji li jirrikjedu azzjoni immedjata min-naħa ta' l-UE kif ukoll fuq livell internazzjonali; jemmen li sa l-2050 il-parti l-kbira tal-ħtiġijiet ta' l-enerġija ta' l-UE għandha toriġina minn sorsi li ma fihomx karbonju jew tkun prodotta permezz ta' teknoloġiji li jrażżnu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett serra, b'enfasi fuq l-iffrankar ta' l-enerġija, fuq enerġiji effiċjenti u li jiġġeddu, u li għaldaqstant hemm il-ħtieġa li jitfassal pjan ta' rotta sabiex dan l-objettiv jintlaħaq; iħeġġeġ lill-mexxejja ta' l-UE sabiex sa l-aħħar tas-sena d-dieħla jaqblu dwar mira li torbot għas-CO2 għas-sena 2020 u mira indikattiva għas-CO2 għas-sena 2050 u barra minn hekk jemmen li:

   a) l-Kummissjoni għandha tipproponi reviżjoni ta' l-ETS, inkluż l-immaniġġjar ekonomikament aċċettabbli tal-krediti ta' l-ETS, bħalma hu pass progressiv lejn l-irkantar jew 'benchmarking' ibbażat fuq il-produzzjoni; l-iskema ta' l-ETS għandha tkun ibbażata fuq evalwazzjoni bir-reqqa ta' l-impatti ekonomiċi u ambjentali, evalwazzjoni komprensiva tal-metodoloġiji ta' allokazzjoni, reviżjoni ta' l-iskema tal-penalitajiet,
   b) matul it-tieni perjodu ta" finanzjament ta" l-ETS (2008-2012), ir-riżorsi finanzjarji għandhom jiġu allokati b'mod li jwasslu għal azzjoni li tittieħed biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 u l-konsum ta" l-enerġija,
   c) sistema ta' limiti massimi u ta' kummerċ ta' l-emissjonijiet għandha tiġi estiża internazzjonalment u għandha tibqa' sseħħ għal żmien itwal minn dak attwali,
   d) l-ETS għandha wkoll tinkludi aktar setturi ta' emissjonijiet fil-kobor, inklużi l-modi kollha tat-trasport tal-merkanzija; wara li jsir studju ta' l-impatt, għandha tkun żviluppata strateġija li tnaqqas l-emissjonijiet mill-vapuri, u mill-aktar fis possibbli għandha titwaqqaf sistema separata għall-avjazzjoni,
   e) minħabba l-volatilità tal-prezzijiet għal ċertifikati ta' emissjonijiet, jistieden lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra għażliet ta' mitigazzjoni; dawn l-għażliet jistgħu jinkludu l-promozzjoni tal-kunfidenza fis-suq billi tiżdied it-trasparenza tas-suq, pereżempju. permezz tal-pubblikazzjoni uniformi u fil-ħin ta" dejta ta" emissjonijiet madwar l-UE, kif ukoll bħall-użu estiż tal-mekkaniżmi flessibbli tal-Protokoll ta" Kyoto (L-Implimentazzjoni Konġunta u l-Iżvilupp Nadif) sabiex tiżdied il-likwidità tas-suq.
   f) il-Kummissjoni għandha teżamina sal-2007 b'liema mod għandhom ikunu armonizzati aktar il-metodi nazzjonali ta' allokazzjoni u kif il-metodoloġija ta' l-ETS tista' tiġi ssimplifikata u magħmula trasparenti, konformi mar-regoli tas-swieq ta' l-ishma;
   g) il-Kummissjoni għandha tippreżanta rapport dwar il-ħtieġa li jista' jkun hemm għal regolazzjoni tas-suq ta' l-ikkumpensar għall-karbonju (carbon offsetting);

Ir-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni

5.  Jitlob biex il-Kunsill tar-Rebbiegħa 2007 jiżgura li l-politika tal-ġejjieni ta' l-enerġija għall-Ewropa tiġi sostnuta minn strateġija ambizzjuża għar-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam ta' l-enerġija, inkluż finanzjament pubbliku aktar adegwat u inċentivi b'saħħithom għal aktar finanzjament privat fir-riċerka u l-iżvilupp, u l-issodisfar ta' l-obbligazzjonijiet tar-responsabilità soċjali korporattiva; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex ifasslu strateġija sabiex ikabbru l-baġit għar-riċerka enerġetika, speċjalmenti meta jkun hemm r-reviżjoni tal-baġit tas-Seba' Programm ta' Qafas għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta' dimostrazzjoni (FP7) ta' nofs il-perjodu, u għall-baġit tal-Programm għall-Enerġija Intelliġenti; jitlob pjan strateġiku Ewropew għat-teknoloġija enerġetika u jittama li l-kontenut tiegħu jkopri oqsma ta' riċerka li jiffukaw fuq teknoloġiji enerġetiċi ġodda fuq perjodu ta' żmien medju u fit-tul, li b'mod partikulari jinkludu l-ħżin ta' l-enerġija;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-kontribut ta' l-applikazzjonijiet ta' l-idroġenu u taċ-ċelloli tal-karburant sabiex titgħaġġel it-tranżizzjoni mill-karburants fossili għal sistemi enerġetiċi u ta' trasport effiċjenti u ta' emissjoni baxxa ta' CO2, jkun rifless fl-azzjonijiet fuq perjodu ta' żmien qasir li jikkonċernaw il-politika dwar l-enerġija u t-trasport ta' l-UE kif ukoll mill-korpi ta' appoġġ;

7.  Ifakkar li l-UE għandha tibqa' esponent ewlieni f'inizjattivi bħas-Sħubija Internazzjonali għall-Ekonomija ta" l-Idroġenu (IPHE)(16) jew ir-Reattur Termonukleari Sperimentali Internazzjonali (ITER)(17);

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex joħolqu pjan direzzjonali għall-innovazzjoni li ma tagħmilx ħsara lill-klima jew lill-ambjent li ma jkunx biss ibbażat fuq innovazzjoni teknoloġika imma anke fuq strateġiji ta' żvilupp biex tiżdied il-penetrazzjoni fis-suq ta' l-aħjar teknoloġiji u titjib organizzazzjonali disponibbli, pereżempju, fis-settur loġistiku;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq verifika ta' l-enerġija fuq il-pjattaformi teknoloġiċi li jeżistu sabiex jittejbu l-koordinazzjoni u l-iskabju ta' għarfien speċjalizzat;

10.  Jinnota li r-riċerka fil-qasam tat-teknoloġiji ta' l-enerġija hija pass importanti għall-ftuħ tas-swieq ta' l-esportazzjoni; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli tappoġġja riċerka fis-sorsi kollha ta' l-enerġija (konvenzjonali, nukleari u li jiġġeddu) sabiex l-Ewropa, filwaqt li tisfrutta riċerka bħal din għall-iskopijiet tagħha fl-Istati Membri, tkun tista' tiftaħ swieq ta' esportazzjoni;

Investimenti

11.  Ifakkar il-bżonn ta' investimenti sinifikanti fl-infrastruttura ta' l-elettriku u tal-gass sabiex tkun żgurata l-provvista ta' l-enerġija fl-Ewropa; jitlob lill-Kummissjoni sabiex:

   a) tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' klima ta' investiment favorevoli,
   b) tiżgura li s-swieq jitħallew li jibgħatu l-aħjar sinjali dwar l-investiment lill-investituri;

12.  Peress li n-networks ta' l-elettriku se jkollhom jaddattaw għas-sehem li dejjem qed jikber ta' enerġija li tiġġedded u għall-ġenerazzjoni ta' elettriku ddeċentralizzata, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jippromwovu r-riċerka fl-informazzjoni neċessarja u t-teknoloġiji ta' komunikazzjoni;

13.  Jinkoraġġixxi l-involviment tal-partijiet reġjonali interessati fil-kwistjonijiet relatati ma' l-enerġija, minħabba li s-soluzzjoni ta' ħafna mill-problemi hija l-investiment fuq il-livelli reġjonali u urbani, speċjalment soluzzjonijiet li jiffavorixxu l-użu ta' sorsi differenti ta' enerġija li tiġġedded; jenfasizza l-potenzjal għall-intraprenditorija ta' l-SME fl-investimenti fl-enerġija u l-irwol li l-investimenti fl-enerġija li tiġġedded (jiġifieri fil-bijomassa u fil-bijokarburanti u t-tisħin ċentralizzat (district heating)) jistgħu jkollhom fl-iżvilupp reġjonali u urban; għaldaqstant jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex jinvolvu lill-awtoritajiet reġjonali u lokali f'dawn il-kwistjonijiet sabiex ikun hemm impenn aktar sod fil-promozzjoni ta' għejun ta' enerġija li jiġġeddu fit-taħlita globali ta' l-enerġija;

14.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-problemi li jiffaċċjaw ir-reġjuni mal-fruntieri minħabba d-differenzi fil-politiki nazzjonali ta' l-enerġija, in-nuqqas ta' skambju ta' informazzjoni bejn il-fornituri ta' l-enerġija ta' l-Istati Membri u n-nuqqas ta' politika Ewropea armonizzata ta' l-enerġija.

15.  Jenfasizza l-impatt pożittiv li għandhom il-promozzjoni u l-iżvilupp ta' teknoloġija ta' l-enerġiji li jiġġeddu fuq il-ħolqien ta' impiegi ġodda, fit-tul u speċjalizzati ħafna;

Sigurtà tal-Provvista
L-Effiċjenza ta' l-Enerġija u l-Iffrankar ta' l-Enerġija

16.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jadottaw miżuri li jwasslu sabiex sas-sena 2020 l-UE tkun l-aktar ekonomija b'effiċjenza enerġetika fid-dinja u sabiex jiġu stabbiliti miżuri ta' effiċjenza enerġetika bħala prijorità orizzontali għas-setturi kollha tal-politika fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura implimentazzjoni f'waqtha tad-direttivi tal-KE f'dan il-qasam u jħeġġeġ lill-Kunsill sabiex jadotta l-proposti fil-pjan ta' azzjoni dwar l-effiċjenza enerġetika u sabiex l-Istati Membri jużaw l-aħjar prattika bħala bażi għall-pjanijiet nazzjonali ta' azzjoni dwar l-effiċjenza enerġetika, li jridu jitressqu sa Ġunju 2007; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex talloka biżżejjed persunal fil-livelli kollha sabiex il-miżuri proposti fil-pjan t'azzjoni jiġi ttrasformati f'azzjonijiet konkreti; ifakkar li kieku l-Istati Membri kellhom jimplimentaw b'mod sħiħ il-leġiżlazzjoni esistenti ta' l-UE, 50% tal-mira ta' l-UE sabiex tkun frankata 20% mill-enerġija sas-sena 2020 tkun diġà intlaħqet; jistieden lill-President tal-Kummissjoni sabiex jippromwovi ftehim globali ta' effiċjenza enerġetika;

17.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li hemm teknoloġiji promettenti ħafna li huma disponibbli għall-użu fi proċessi li jikkombinaw it-tisħin, l-enerġija elettrika u t-tkessiħ u li t-tisħin ċentralizzat (district heating) joffri wkoll infrastruttura għal sorsi ta' l-enerġija li jiġġeddu fil-ġejjieni; għaldaqstant iħeġġeġ lill-gvernijiet nazzjonali sabiex jimplimentaw bis-sħiħ id-direttiva eżistenti dwar il-ġenerazzjoni kkombinata ta' tisħin u ta' enerġija elettrika u sabiex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet legali u finanzjarji meħtieġa sabiex jintuża l-potenzjal kollu tal-ġenerazzjoni kkombinata ta' tisħin u ta' enerġija elettrika, kif identifikat fl-istudji dwar il-potenzjal nazzjonali;

18.  Ifakkar li 40% mill-enerġija globali ta' l-UE tintuża fil-binjiet u li hemm potenzjal kbir li dan il-konsum jitnaqqas meta jiġu pjanati binjiet ġodda u meta jkunu mmodernizzati binjiet eżistenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tirrevedi d-direttiva attwali dwar il-binjiet sabiex tinkludi binjiet taħt il-limitu minimu ta' 1000m²; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-binjiet kollha ta' l-istituzzjonijiet ta' l-UE jkunu ta' eżempju billi jilħqu status newtrali ta' karbonju sa l-2012; jemmen li l-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom li jiżguraw li dan ikun milħuq ukoll mill-binjiet kollha tal-gvernijiet nazzjonali u li dan l-objettiv għandu jkun estiż għall-binjiet ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali sa l-2015; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex timplimenta programm immirat għall-bini fuq skala kbira fl-UE ta' djar u binjiet passivi f'terminu ta' enerġija (li jiġġeneraw enerġija daqs kemm jaħlu) kif ukoll djar u binjiet b'bilanċ nett pożittiv ta' enerġija;

19.  Jiitlob lill-President tal-Kummissjoni sabiex jospita laqgħa ta' rappreżentanti mill-akbar bliet ta' l-Istati Membri bil-għan li jsir skambju ta' esperjenzi ta' proġetti lokali li jnaqqsu d-domanda għall-enerġija fl-isforz sabiex jitnaqqas u jsir aktar effiċjenti l-konsum enerġetiku urban; jemmen li għandhom isiru sforzi serji biex tiżdied l-enerġija maħluqa mill-kombinazzjoni tas-sħana u l-enerġija u mill-produzzjoni ta' tkessiħ u t-tisħin ċentralizzat; iżid li dawn it-teknoloġiji joffru aspettattivi tajba għaż-żjieda fl-użu tal-bijomassa u tal-bijokarburants u jenfasiżża li t-tisħin ċentralizzat ukoll joffri infrastruttura għas-sorsi futuri ta' enerġija li jiġġeddu; jemmen li f'dan ir-rigward il-Kummissjoni għandha taħdem aktar mill-qrib mal-Kumitat għar-Reġjuni;

20.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex sa mhux aktar tard mir-Rebbiegħa ta' l-2007, tadotta miżuri ta' implimentazzjoni rigward il-prodotti li huma effiċjenti fl-enerġija taħt id-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2005, li tistabbilixxi qafas għall-istipular ta' rekwiżiti ta' eko-disinn għall-prodotti li jużaw l-enerġija(18) (Direttiva EUP);

21.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tgħin lill-industrija sabiex tiżviluppa u tintroduċi sistemi intelliġenti ta' tkejjil u tariffi, possibilment permezz ta' sistema intelliġenti ta' tkejjil immaniġġjata minn mekkaniżmi remoti; istieden lill-Kummissjoni sabiex twettaq analiżi ta' l-ispiża u l-benefiċċji ta' dawn il-miżuri, filwaqt li tħaddan il-bidliet fl-imġiba tal-konsumaturi;

22.  Jikkunsidra li t-tassazzjoni għandha rwol prominenti fit-titjib ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija; jemmen li għandhom isiru sforzi sabiex is-sistemi nazzjonali tat-taxxa ta' l-Istati Membri jiddiskriminaw favur prattiċi li huma effiċjenti fl-enerġija;

23.  Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-ħtieġa, b'mod partikulari fl-Istati Membri ġodda, li l-fondi strutturali ta' l-UE jintużaw għall-immodernizzazzjoni fuq skala kbira ta' l-iżolament termiku fid-djar, li jġib tnaqqis sinifikanti fil-konsum ta' l-enerġija u fl-emissjonijiet tas-CO2;

24.  Jappella għal strateġija ta' l-UE komprensiva fil-qasam tat-trasport, bil-għan li jinqata' gradwalment l-użu tal-karburanti fossili, titnaqqas id-dipendenza ta' l-UE fuq iż-żejt u tiġi sostitwita gradwalment b'enerġiji nodfa fit-trasport; huwa favur il-qlib għall-mezzi ta' trasport l-iktar effiċjenti u nodfa mil-lat ta' l-enerġija, li għandu jsir partikolarment permezz ta' leġiżlazzjoni ġdida, inkluża l-leġiżlazzjoni dwar l-industrija tal-vetturi, u t-titjib tal-penetrazzjoni fis-suq ta' karozzi ibridi tat-tip plug-in u karozzi kompletament elettriċi;

25.  Jiddispjaċieh li l-Kummissjoni qed issib problemi kbar sabiex tgħaqqad it-trasport mal-kwistjoni ta' l-enerġija; ifakkar li s-settur tat-trasport huwa l-kawża ta' l-akbar problema ta' sigurtà tal-provvista fl-Ewropa u tad-dipendenza kbira tagħha fuq iż-żejt, u li l-emissjonijiet li jbiddlu l-klima li ġejjin mis-settur tat-trasport qegħdin jiżdiedu drastikament, l-aktar dawk li ġejjin mis-settur ta' l-avjazzjoni;

26.  Jenfasizza li bosta reġjuni maqtugħin għalihom u dawk l-aktar imbiegħda għandhom potenzjal konsiderevoli f'termini ta' enerġija li tiġġedded li huwa marbut mal-karatteristiċi ġeografiċi jew relatati mal-klima (enerġija mix-xemx, mir-riħ, mil-bijomassa jew mill-mewġ); jittama li jsir aktar użu mill-opportunità eċċellenti, b'mod partikulari sabiex jingħata kontribut attiv biex jintlaħqu l-objettivi ta' Kyoto;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri prattiċi sabiex itejbu l-effiċjenza enerġetika ta' negozji żgħar u ta' daqs medju, inklużi, b'mod partikulari, miżuri sabiex tikber il-kuxjenza u l-azzjoni sabiex ikun żgurat aċċess iffaċilitat għall-finanzjament, inkluż finanzjament mill-fondi strutturali, mill-EBRD u l-EIB, sabiex dawn in-negozji jkunu jistgħu jinvestu f'konsum anqas ta' l-enerġija;

28.  Jispera li tkun inkoraġġuta aktar effiċjenza ta' l-enerġija fil-pajjiżi terzi u jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni għal ħidma lejn l-adozzjoni ta' ftehim internazzjonali dwar l-effiċjenza ta' l-enerġija;

29.  Huwa ta' l-opinjoni li s-sistema ta' 'benchmark' miftehma fid-Direttiva 2006/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta' April 2006 dwar effiċjenza fl-użu finali ta' l-enerġija u dwar servizzi ta' enerġija(19) sabiex tintlaħaq effiċjenza ta' l-enerġija finali hija ekonomikament razzjonali, mhux burokratika u mezz effettiv li jżid l-effiċjenza ta' l-enerġija u jipproponi li din is-sistema tintuża aktar f'setturi oħra ta' l-enerġija; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tagħmel sforzi biex tgħaġġel l-istipular ta' 'benchmarks' madwar l-UE fl-oqsma kollha rilevanti fuq il-bażi ta' indikaturi ta' effiċjenza enerġetika tas-setturi b'konformità ma' l-Artikolu 16 ta' dik id-direttiva;

It-Taħlita ta' Enerġiji

30.  Jemmen li d-diversifikazzjoni tas-sorsi ta' l-enerġija flimkien maż-żjieda fl-użu ta' sorsi indiġeni u produzzjoni ta' l-enerġija deċentralizzata jtejbu is-sigurtà tal-provvista iżda jirrikonoxxi l-fatt li deċiżjonijiet dwar it-taħlita ta' l-enerġiji fi Stat Membru tista' taffettwa s-siġurtà tal-provvista fi Stati Membri oħra; iqis id-dipendenza ta' l-UE fuq għadd limitat ta' produtturi ta' l-enerġija u ta' rotot tal-provvista bħala riskju għall-istabilità u l-prosperità tagħha; jilqa' b'sodisfazzjon l-introduzzjoni ta' mekkaniżmu li jista' jiżgura solidarjetà u assistenza ta' malajr lil Stati Membri li jiffaċċjaw diffikultajiet wara li jsofru danni fl-infrastrutturi tagħhom;

31.  Jikkunsidra li huwa vitali li l-istrateġija Ewropea dwar l-enerġija tkun ibbażata fuq sussidjarjetà massima u li d-deċiżjonijiet dwar it-taħlita ta' l-enerġiji għandhom jibqgħu jittieħdu mill-Istati Membri ta' l-UE;

32.  Jilqa' b'sodisfazzjon ix-xenarju ta' effiċjenza kbira u ta' għadd kbir ta' sorsi li jiġġeddu minn Lulju 2006 ppreżentat mid-DG TREN fi ħdan il-Kummissjoni, u l-istudju kkummissjonat mill- Kumitat tal-Parlament għall-Industrija, il-Kummerċ, ir-Riċerka u l-Enerġija dwar is-sigurtà tal-provvista ppreżentat lil dak il-kumitat fid-9 ta' Ottubru 2006; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tuża ż-żewġ xenarji bħala bażi għar-reviżjoni ta' l-enerġija skedata għal Jannar 2007;

33.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex, mingħajr ma jittraskuraw l-ispejjeż fuq tul ta' żmien qasir u medju, jagħtu prijorità lil dawk il-forom ta' l-enerġija li jnaqqsu d-dipendenza fuq l-importazzjoni - speċjalment mill-importazzjoni ta' karburanti fossili, li jappoġġjaw l-ambjent, huma sostenibbli u jnaqqsu r-riskji ta' provvista kontinwa, mhux l-anqas minħabba d-deċentralizzazzjoni tal-produzzjoni;

34.  Jistieden lill-President tal-Kummissjoni sabiex jiffinalizza l-pjan li kull xahar jiġu ppublikati figuri dwar il-ħażniet, l-importazzjoni, u l-esportazzjoni taż-żejt u tal-prodotti taż-żejt, ikklassifikati skond it-tip tal-prodott (żejt mhux raffinat, petrol, diżil, żejt għat-tisħin u oħrajn); jemmen li figuri ta' dan it-tip (kieku jkunu aċċessibli għall-pubbliku, bħal ma huma fl-Istati Uniti) jagħtu idea aktar ċara tat-tensjonijiet li hemm fis-suq dinji u stampa aktar ċara tal-konsum Ewropew, kif ukoll inaqqsu l-ossessjoni ta' l-operaturi dwar il-ħażniet Amerikani u konsegwentement jgħinu sabiex il-prezzijiet taż-żejt ikunu anqas volatili;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżvolġi dibattitu trasparenti u oġġettiv dwar it-taħlita ta' l-enerġiji tal-ġejjieni, filwaqt li tqis il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-forom kollha ta' enerġija, inkluż il-prezz u l-konsegwenzi ekonomiċi u ambjentali;

36.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex sa mhux aktar tard mill-aħħar ta' l-2008 tiffinalizza għodda ta' mmuddellar dwar l-enerġija u t-trasport għall-UE; jemmen li tali mudell "bottom up" għandu jkun żviluppat b'kollaborazzjoni mill-qrib bejn is-servizzi tal-Kummissjoni, l-EIA u l-gvernijiet nazzjonali u għandu jimmira lejn is-simplifikazzjoni tad-dejta statistika Ewropea dwar l-enerġija u t-trasport, jemmen ukoll li l-mudell jissostitwixxi l-għadd ta' mudelli li jeżistu llum fi ħdan is-servizzi tal-Kummissjoni kif ukoll jarmonizza l-istatistika dwar l-enerġija madwar l-Ewropa; jemmen ukoll li l-mudell għandu jkun aċċessibli għall-pubbliku u jista', kif huwa l-każ attwalment fl-Istati Uniti, ikun użat fuq talba tal-partijiet interessati sabiex jiżviluppaw xenarji differenti għall-ġejjieni ta' l-enerġija fl-UE;

37.  Jipproponi li biex tingħata spinta lid-diversifikazzjoni tas-sorsi ta' l-enerġija, l-UE għandha tfassal qafas ta' politika stabbli u fit-tul sabiex toħloq il-klima ta' investiment meħtieġa; jemmen li dan il-qafas għandu jkun fih objettiv ta' l-UE għal titjib fl-effiċjenza enerġetika ta' mill-anqas 20% sa l-2020, u jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipproponi qafas għal għażliet ta' skemi ta' appoġġ armonizzat għall-enerġiji li jiġġeddu bħala parti mill-pjan ta' rotta ta' l-enerġija li tiġġedded u, barra minn hekk, tistabbilixxi miri settorjali li jorbtu għas-sorsi li jiġġeddu sabiex jintlaħaq l-objettiv li l-enerġiji li jiġġeddu jkopru sehem ta' 25% mill-enerġija primarja fl-2020, u pjan ta' rotta fuq livell tal-Kunsill u tal-Kummissjoni sabiex jintlaħaq l-objettiv ta' sehem ta' l-enerġiji li jiġġeddu ta' 50% sa l-2040, tnaqqis ta' 30% fl-emissjonijiet fl-objettiv ta' l-UE għas-CO2 għall-2020 u tnaqqis ta' 60-80% għall-2050;

38.  Jenfasizza li l-ħtieġa li tinbidel it-taħlita tal-produzzjoni attwali ta' l-enerġija mhix piż iżda hija opportunità; L-użu ta' enerġija mix-xemx, mir-riħ, mill-bijomassa, enerġija idro-elettrika u ġeotermali u ta' teknoloġiji aktar effiċjenti f'termini ta' enerġija, jikkontribwixxi sabiex ikunu rispettati l-impenji magħmula fi Kyoto u dawk skond il-Konvenzjoni ta' Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima u jsaħħu wkoll l-innovazzjoni, il-ħolqien ta' impjiegi u l-kompetittività fl-Ewropa;

39.  Jemmen li r-Reviżjoni Strateġika ta' l-Enerġija (SER) li hija proposta għandha tintegra l-ħidma ta' l-Osservatorju tal-Provvista ta' l-Enerġija li huwa propost (li m'għandux ikun entità indipendenti) u li għandha tanalizza s-sigurtà tal-provvista fuq bażi regolari; jikkunsidra li l-kompitu tas-SER għandu jinvolvi analiżi strateġika tal-problemi li qed taffronta l-UE fil-qasam ta' l-enerġija, inklużi l-aspetti esterni; jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni biex tuża s-SER biex tiżviluppa formula li tippermetti lill-Istati Membri janalizzaw il-kompromessi bejn għażliet ta' politika differenti fir-rigward ta' l-ambjent, is-sigurtà tal-provvista, il-kompetittività u l-ħolqien tax-xogħol u b'hekk tgħin biex ir-riskji jitnaqqsu; jilqa' b'sodisfazzjon l-isforz tal-Kummissjoni biex twettaq studju ddettaljat dwar is-sussidji u l-ispejjeż għas-sorsi kollha ta' l-enerġija, inkluża l-internalizzazzjoni ta' l-aspetti esterni fi ħdan is-SER, billi tapplika l-approċċ taċ-ciklu tal-ħajja u l-'well-to-wheel'; jitlob li studju bħal dan ikun ippublikat sabiex titqajjem il-kuxjenza pubblika; jipproponi li fuq livell Ewropew isir studju li janalizza l-provvista u d-domanda fuq perjodu medju u fit-tul, sabiex jiġu identifikati l-ħtiġijiet ta" l-investiment, speċjalment min-naħa tal-produzzjoni, u jgħolli l-profil ta" l-operaturi; jipproponi li analiżi ta" l-ispiża u l-benefiċċju għandha tiffoka fuq il-kontribut ta" kull sors ta" enerġija lit-tliet objettivi ta" l-UE fil-qasam ta" l-enerġija, b'mod partikulari is-sigurtà tal-provvista, il-kompetittività, u s-sostenibilità ambjentali;

40.  Jemmen li r-Reviżjoni Strateġika ta' l-Enerġija għandha tkopri wkoll kwistjonijiet kummerċjali, jiġifieri għandha tanalizza l-impatt tal-koperazzjoni internazzjonali u tal-kuntratti fit-tul li diġà ġew iffirmati jew li se jiġu ffirmati u tagħmel valutazzjoni tal-koerenza bejn il-politiki segwiti mill-imprizi u l-politiki nazzjonali u ta' l-UE;

41.  Ifakkar li ż-żejt għadu s-sors ta' enerġija primarja l-aktar importanti fl-UE, u l-UE kważi tiddependi kompletament fuq l-importazzjoni tiegħu; jiddispjaċieh li dan il-fatt ma ngħatax biżżejjed attenzjoni fil-Green Paper tal-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex iqisu l-ħtieġa li jnaqqsu l-użu taż-żejt, inaqqsu d-dipendenza fuq l-importazzjoni u jikkontribwixxu għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2;

42.  Jinsisti li l-Istati Membri jiżviluppaw approċċ sistematiku, inklużi l-aspetti ekonomiċi, ekoloġiċi u teknoloġiċi tal-produzzjoni, distribuzzjoni, konsum u penetrazzjoni fis-suq tal-bijokarburanti likwidi u f'forma ta' gass, partikolarment dawk użati fit-trasport, sabiex ikun promoss u jittejjeb l-aċċess għall-kummerċ tal-bijokarburanti; jinsisti dwar l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni eżistenti li torbot; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tneħħi l-ostakoli tekniċi u amministrattivi għall-livelli ta' taħlitiet (blending levels) u tiżgura l-koerenza bejn oqsma differenti ta' politika, pereżempju t-trasport, l-agrikoltura, il-kummerċ, u li kemm il-bijokarburanti likwidi kif ukoll dawk f'forma ta' gass ikunu rikonoxxuti bħala alternattivi għas-settur tat-trasport u mhux biss bħala karburant sabiex ikun iġġenerat l-elettriku; jinkuraġġixxi lill-Istati Membri sabiex iqisu skema mandatorja u komprensiva ta' ċertifikazzjoni, li tiġi introdotta mill-Kummissjoni, li tippermetti l-produzzjoni sostenibbli ta' bijokarburanti fl-istadji kollha, kif ukoll il-bilanċ ġenerali bejn iċ-ċiklu tal-ħajja u l-gassijiet b'effett serra, għall-bijokarburanti prodotti jew importati fl-UE;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għal direttiva dwar tisħin u tkessiħ minn sorsi ta' l-enerġija li jiġġeddu kemm jista' jkun malajr u jfakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Frar 2006 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar tisħin u tkessiħ minn sorsi ta' l-enerġija li jiġġeddu;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrikonoxxi fuq medda ta' żmien medja l-irwol importanti tal-karburanti fossili u l-possibiltà ta' twettiq ta' aktar studji sabiex titnaqqas l-intensità tal-karbonju tagħhom, b'konformità mal-mira ta' 2° C għat-tnaqqis tas-CO2; iqis li dan għandu jinkludi modernizzazzjoni kontinwa u titjib ta' l-effiċjenza tagħhom, l-iżvilupp ta' ġenerazzjoni ġdida ta' installazzjonijiet ibbażati fuq gassifikazzjoni u l-produzzjoni parallela elettrika u kimika, l-iżvilupp ulterjuri ta' metodu ekonomiku għall-qbid u l-ħażna tal-karbonju relatat mal-faħam, il-gass u ż-żejt, skond id-deċiżjonijiet meħuda mill-Pjattaforma Teknoloġika Ewropea dwar Impjant tal-Karburant Fossilu Mingħajr l-Ebda Emissjoni, u t-tneħħija ta' l-ostakoli minħabba l-leġiżlazzjoni ta' l-UE;

45.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirrikonoxxu l-importanza soċjoekonomika ta' sorsi ta' l-enerġija lokali u indiġeni fl-UE u biex jinkuraġġixxu l-iżvilupp tagħhom bħala mezzi li jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija fl-Ewropa;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex timplimenta n-networks ta' enerġija trans-Ewropej u tistabbilixxi pjan prijoritarju ta' interkonnessjoni fid-dawl tad-deċiżjoni aġġornata riċentement li tistipula l-linji gwida għan-networks ta' enerġija trans-Ewropej, mingħajr ma tiġi ttraskurata l-infrastruttura għall-ilqugħ/għar-rigassifikazzjoni ta' gass naturali likwefatt u l-faċilitajiet ta' ħażna; barra minn hekk jemmen li s-sorsi kollha ta' l-enerġija, inklużi dawk li jiġġeddu, għandhom jingħataw aċċess ġust u non-diskriminatorju għan-networks ta' distribuzzjoni ta' l-enerġija sabiex l-integrazzjoni tas-swieq titwassal aktar 'il quddiem u tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista; jaħseb li installazzjonijiet barra mill-kosta għall-enerġija mir-riħ għandhom jiġu integrati l-ewwel f'netwerk ta' distribuzzjoni reġjonali u fl-aħħar fin-netwerk trans-Ewropew ta' l-enerġija;

47.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti konsiderazzjoni speċjali għall-iżvilupp ta' enerġiji bbażati fuq il-baħar li jiġġeddu (mir-riħ barra mill-kosta, mill-mewġ, mit-tifrigħ tal-baħar) b'mod partikulari fil-Baħar tat-Tramuntana, fil-Baħar Baltiku, fil-Baħar Irlandiż u fil-Mediterran, u l-iżvilupp ta' l-enerġija mix-xemx, b'mod partikulari fir-reġjun tal-Mediterran, sabiex ikun żgurat li dawn ir-riżorsi jiġu nklużi fil-pjan ta' rotta ta'l-2007 dwar sorsi ta' l-enerġija li jiġġeddu u jiġu żviluppati bis-sħiħ b'mod mgħaġġel;

48.  Jappella għal reviżjoni tal-leġiżlazzjoni attwali fl-UE li ma tippermettix l-iżvilupp tal-prijoritajiet politiċi dwar l-enerġija stabbiliti f'din ir-riżoluzzjoni, inkluż l-iżvilupp fil-ġejjieni ta' proġetti fuq skala kbira ta' enerġija mill-mili u t-tifrigħ tal-baħar;

49.  Jemmen li l-enerġija nukleari hija parti mid-dibattitu politiku Ewropew dwar it-taħlita ta' enerġiji; jirrikonoxxi l-irwol li attwalment għandha l-enerġija nukleari f'xi Stati Membri sabiex tinżamm is-sigurtà tal-provvista ta' l-elettriku, bħala parti mit-taħlita ta' l-enerġiji u bħala mod kif ikunu evitati l-emissjonijiet tas-CO2; iqis li d-deċiżjonijiet dwar jekk il-produzzjoni ta' enerġija nukleari għandhiex tibqa' jkollha rwol f'xi Stati Membri jistgħu jittieħdu biss fuq livell ta' l-Istati Membri, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

50.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tinvestiga l-iżvilupp ta' l-enerġija nukleari fl-Istati Membri, filwaqt li tqis kemm il-benefiċċji ta' din it-teknoloġija (volatilità baxxa ta' spejjeż ta' produzzjoni u l-ebda emmissjoni ta' CO2 ) u kif ukoll ir-riskji marbuta ma' l-eżistenza ta' impjanti nukleari (ħsarat u rimi ta' l-iskart);

51.  Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li, minħabba l-livell għoli ta' dipendenza ta' l-UE fuq l-importazzjonijiet, huwa ta' importanza partikulari li tiżdied id-diversità tal-pajjiżi ta' l-oriġini u r-rotot ta' transitu;

52.  Jirrikonoxxi li deċiżjonijiet dwar l-għamla tat-taħlita ta' l-enerġiji għandhom iqisu ċ-ċirkustanzi nazzjonali u reġjonali speċifiċi; għalhekk, jikkunsidra li l-promozzjoni ta' l-enerġiji li jiġġeddu għandha tkun indirizzata lejn kundizzjonijiet ġeografiċi, klimatiċi u ekonomiċi rilevanti;

L-Infrastruttura u l-investimenti għas-sigurtà tal-provvista

53.  Jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw l-impenji politiċi tagħhom fir-rigward ta' l-iżvilupp ta' l-interkonnessjonijiet nieqsa ta' l-enerġija, u jagħtu attenzjoni speċjali lir-reġjuni iżolati u ta' mal-fruntieri ta' l-UE, bħalma huma l-Istati Baltiċi; ifakkar il-ħtieġa ta' investimenti sabiex jintlaħaq dan l-objettiv, u jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri sabiex tistabbilixxi klima ta' investiment favorevoli sabiex tiżgura li s-swieq jibgħatu l-aħjar sinjali lill-investituri; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex jikkunsidraw bir-reqqa l-aspetti ambjentali, qabel ma japprovaw aktar investimenti kbar fl-infrastruttura, bħalma huwa l-Pipe Line North Stream fit-Tramuntana ta' l-Ewropa, li hemm ippjanat;

   54. Huwa ta' l-opinjoni li barra l-benefiċċji ambjentali, l-effiċjenza ekonomika għandha wkoll tkun fattur determinanti fil-promozzjoni ta' l-enerġiji li jiġġeddu, sabiex il-piż finanzjarju fuq l-utent finali jkun jista' jiġi minimizzat;

Aspetti esterni

55.  Jemmen li l-iżvilupp ta' pożizzjoni komuni fl-UE fid-djalogu ma' pajjiżi terzi jkabbar l-kapaċità ta' l-UE li tinnegozja ma' pajjiżi li jipproduċu u li jikkunsmaw l-enerġija u li l-Kummissarju responsabbli mill-enerġija għandu jsegwi mandat iddefinit sew li jfassal viżjoni Ewropea fuq-tul taż-żmien ta' ppjanar enerġetiku;

56.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri li, b'attenzjoni sabiex itejbu l-koperazzjoni ma' l-istituzzjonijiet ta' l-UE, jistabbilixxu lista ta' oqsma ta' prijorità fejn huma jkunu laħqu ftehim f'termini ta' politika esterna ta' l-enerġija, inklużi:

   a) objettivi li jikkonċernaw il-bidla fil-klima, l-effiċjenza enerġetika u l-miri ta' ffrankar, u l-iżvilupp ta' teknoloġiji ta' l-enerġija li tiġġedded,
   b) drittijiet tal-bniedem u djalogu soċjali, fl-isforz sabiex jiġu stabbiliti standards tar-Responsabilità Soċjali Korporattiva fil-qasam, kemm fuq livell ta' l-UE kif ukoll dak tan-NU,
   c) l-inklużjoni, fil-ftehimiet kummerċjali u internazzjonali ġodda kollha ta' l-UE, ta' taqsima dwar l-enerġija, imsejsa fuq il-prinċipju tar-reċiproċità, trasparenza u l-istat tad-dritt,
   d) l-istabbiliment fuq livell ta' l-UE ta skambju ta' informazzjoni għal kuntratti kbar ta' gass u l-bejgħ ta' infrastruttura ta' enerġija lil pajjiżi terzi,
   e) id-diversifikazzjoni tal-provvisti u tar-rotot ta' transitu għaż-żejt u għall-gass, b'konformità mal-Politika ta' Viċinanza ta' l-UE;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw l-investiment fl-Unjoni Ewropea, u l-kisba ta' sehem minn dan is-suq minn ditti minn pajjiżi produtturi ta' l-enerġija, bil-kundizzjoni ta' reċiproċità biss, jiġifieri s-sigurtà ta' l-investiment f'dawk il-pajjiżi, u bi strateġija li tikkombina t-trasferiment ta' l-aqwa teknoloġiji disponibbli mal-ħolqien ta' qafas internazzjonali stabbli għall-investimenti, ibbażat fuq regoli u li huwa msejjes fuq id-WTO u fuq ftehimiet ekonomiċi bilaterali;

58.  Iqis li hu vitali għall-UE li tibqa' tmexxi l-ġlieda globali kontra l-bidla fil-klima u li tistinka biex jintlaħqu l-miri tal-protokoll ta' Kyoto; iqis li huwa meħtieġ li l-isforzi ta' l-UE favur l-iżvilupp ta' riżorsi ta' enerġija li jiġġeddu u nodfa u ta' teknoloġiji għall-iffrankar u l-effiċjenza ta' l-enerġija jiġu integrati fir-relazzjonijiet esterni kollha, skond l-aġenda għall-iżvilupp sostenibbli globali maqbula f'Johannesburg fl-2002;

59.  Jenfasizza l-ħtieġa li tinħoloq politika komuni għall-enerġija fir-rigward ta' regolamenti għal suq intern u l-aspetti esterni li tqis l-interessi politiċi u ekonomiċi ta' l-Istati Membri kollha;

60.  Jisħaq l-importanza li jiġi żviluppat Trattat għal Komunità Pan-Ewropea ta" l-Enerġija;

61.  Jilqa' b'soddifazzjon, fil-kuntest tal-Green Paper, l-inizjattiva riċenti tal-Kummissjoni li tagħmel studju "biex tindirizza r-rabtiet reċiproċi bejn l-immaniġġjar tar-riżorsi naturali u l-konflitt fir-relazzjonijiet barranin tal-Kummissjoni", u jenfasizza b'mod partikulari r-rabtiet bejn is-sigurtà ta' l-enerġija u s-sigurtà tal-klima.

62.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tifformula - bħala l-għan ewlieni tal-politika esterna dwar l-enerġija ta' l-UE - tnaqqis tad-dipendenza fuq karburanti fossili li ġejjin minn ftit fornituri kbar u sabiex tiddiversifika s-sorsi ta' l-enerġija, u jemmen li għal dan il-għan għandu jiġi ppreżentat pjan fuq perjodu ta' żmien fit-tul b'dati indikattivi, lill-Parlament u lill-Kunsill.

63.  Jenfasizza l-fatt li forma ġdida ta' djalogu u koperazzjoni politiċi fost il-pajjiżi konsumaturi saret indispensabbli, speċjalment ma' l-Istati Uniti, maċ-Ċina, ma' l-Indja u mal-Ġappun; jinnota li djalogu simili bejn pajjiżi konsumaturi u produtturi ewlenin sar ukoll neċessarju sabiex jiġi żviluppat approċċ globali għall-enerġija; jemmen li dawn il-forom ġodda ta' djalogi dwar l-enerġija globali għandhom jimmiraw biex jagħmlu s-swieq ta' l-enerġija globali stabbli u trasparenti, u fl-istess ħin jipprovdu spinta kontinwa favur sorsi ta' l-enerġija nodfa u effiċjenza ta' l-enerġija;

64.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jiżviluppaw sħubija ta" enerġija strateġika ma" pajjiżi bħalma huma ċ-Ċina, l-Indja, l-Afrika t'isfel, il-Brażil u l-Messiku biex jgħinuhom teknikament biex jiżviluppaw strateġiji ta" enerġija sostenibbli u b'hekk jiżguraw il-parteċipazzjoni tagħhom fl-isforzi tal-mitigazzjoni tal-bidla fil-klima;

65.  Jitlob lill-Kummissjoni bħala kwistjoni ta' urġenza, biex tiffoka mhux biss fuq koperazzjoni eqreb mar-Russja, iżda biex iżżid ukoll il-koperazzjoni ma' esportaturi ta' l-enerġija oħrajn, mal-pajjiżi taż-żona CIS u b'mod partikulari l-pajjiżi ta' l-OPEC; jilqa' b'sodisfazzjon l-iżvilupp ippjanat ta' komunità ta' l-enerġija madwar l-UE;

66.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu bl-akbar serjetà l-periklu reali ta' defiċit fil-provvisti tal-gass mir-Russja wara l-2010 minħabba, fost affarijiet oħra, in-nuqqas ta' investiment, it-telf eċċessiv u l-ħela ta' enerġija fis-suq domestiku tar-Russja; jinsisti li l-Istati Membri jagħmluha ċara li t-tip ta' investiment meħtieġ huwa aktar probabbli li jseħħ jekk ikun hemm livell ogħla ta' sigurtà għall-investimenti, peress li dawn ma jseħħux mingħajr kuntratti fuq perjodu ta' żmien twil; jinsisti li l-Istati Membri u l-Unjoni, fid-diskussjonijiet tagħha mar-Russja relatati ma' l-enerġija, jitolbu li r-Russja tirratifika l-Protokoll dwar it-Transitu u t-Trattat dwar il-Karta ta' l-Enerġija, li huwa strumentali biex fil-ġejjieni jkun żgurat investiment barrani tant meħtieġ fl-infrastruttura ta' l-enerġija tar-Russja u tkun żgurata l-provvista adegwata ta' gass lill-UE fil-ġejjieni;

67.  Jinnota li fil-laqgħa informali tal-Kunsill Ewropew f'Lahti ġie maqbul li l-prinċipji tal-Karta ta' l-Enerġija u l-konklużjonijiet tal-G8 għandhom ikunu inkorporati fil-ftehima li ġejja bejn l-UE u r-Russja, li fost l-oħrajn għandha tinkludi :

   a) mekkaniżmu, bħal dawk fid-WTO, biex tittieħed deċiżjoni f'tilwimiet li jikkonċernaw lill-UE u lir-Russja u/jew lill-investituri individwali.
   b) dispożizzjoni għall-aċċess reċiproku għall-infrastruttura,
   c) regoli tal-kompetizzjoni li jillimitaw is-setgħa ta' kumpaniji kważi monopolistiċi li jkunu għadhom ma ġewx mifrudin (unbundled) milli jkollhom aċċess għas-swieq ta' l-enerġija rispettivi tagħhom,
   d) u ftehim biex tiġi ndirizzata il-kwistjoni ta' ħsarat tekniċi f'pajjiżi terzi, li jolqtu l-provvista transkonfinali lill-Istati Membri ta' l-UE;

68.  Jisħaq li sitwazzjoni prekarja dwar is-sigurtà ta' l-enerġija u tal-klima ta' spiss tkun il-kawża ta' kriżijiet u kunflitti internazzjonali, li jkollhom konsegwenzi għad-demokrazija, għad-drittijiet tal-bniedem u għall-faqar;

69.  Jiddikkjara li l-problemi tax-xitwa li għaddiet fis-suq ta' l-enerġija mill-gass ta' diversi Stati Membri diġà rriżulta fir-rilokazzjoni ta' intrapriżi f'industriji li jikkunsmaw ħafna enerġija; jikkunsidra li f'dan il-kuntest huwa neċessarju li jkunu eżaminati l-opportunitajiet għall-promozzjoni tas-solidarjetà bejn l-Istati Membri u li jkun ikkunsidrat il-mod kif din il-kwistjoni tingħata l-prijotità sabiex ikun żgurat l-operat xieraq ta' kemm l-interkonnetturi eżistenti kif ukoll dawk futuri;

70.  Jistieden lill-UE sabiex tfittex li fir-regolamenti tad-WTO tinkludi dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kummerċ ta' l-enerġija, li jippermettu lil din l-organizzazzjoni ssir medjatur internazzjonali li jkun kapaċi jsolvi tilwimiet rigward it-twassil u d-distribuzzjoni ta' l-enerġija;

71.  Jemmen li l-UE għandha r-responsabiltà li tiżviluppa mal-pajjiżi konċernati soluzzjonijiet ta' l-enerġija deċentralizzati li huma adattati għal zoni rurali;

72.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tanalizza u tindirizza l-kwistjoni ta' ħsarat tekniċi f'pajjiżi terzi li jaffetwaw provvisti transkonfinali għall-Istati Membri ta' l-UE, bħal fil-każ tat-tfixkil tal-provvista taż-żejt mil-linji tal-pajpijiet ta' Druzhba;

73.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied id-diversità fis-suq tal-gass ta' l-UE billi wieħed jipprova jsib mezzi biex jiġu żgurati provvisti akbar ta' l-enerġija direttament minn produtturi fl-Asja Ċentrali jiġifieri l-Każakistan, l-Ażerbajġan, it-Turkmenistan u l-Użbekistan;

74.  Jappella biex jittieħdu passi sabiex jiġi żgurat li l-Komunità Pan-Ewropea ta' l-Enerġija (PEEC) tkun żviluppata, u t-Trattat tal-Komunità dwar l-Enerġija jiġi estiż sabiex jinkludi t-Turkija, u tkun eżaminata l-possibilità li l-pajjiżi tal-Maxrek u tal-Magreb jissieħbu mal-PEEC;

Suq waħdieni ta' l-enerġija u l-kompetittività

75.  Jistieden lill-Istati Membri biex jirrikonoxxu li s-suq ta' l-enerġija ta' l-UE għadu mhux kompletament illiberalizzat u li l-implimentazzjoni sħiħa hija indispensabbli; huwa tal-fehma li qafas politiku ċar u stabbli u suq kompetittiv u ġust ta' l-enerġija huwa meħtieġ biex jiġi stabbilit livell għoli ta' indipendenza fl-enerġija, stabbilità fit-tul, effiċjenza, sensittività ambjentali u s-sigurtà tal-provvista; għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex f'dan l-isfond jistudjaw bir-reqqa l-ħtieġa ta' intervent regolatorju;

76.  Jinnota li Stati Membri inkuraġġew politiki ta' liberalizzazzjoni tas-suq ta' l-enerġija b'modi differenti u li wieħed jista' wkoll jinnota d-differenzi fl-oqfsa regolatorji tagħhom;

77.  Jitlob li l-Kunsill tar-Rebbiegħa ta' l-2007 sabiex jipprovdi viżjoni aktar wiesgħa ta' l-interess komuni Ewropew fil-qasam ta' l-enerġija, sabiex iqiegħed it-tlestija tas-suq intern f'qafas politiku ċar li attwalment ma jeżistix;

78.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tuża s-setgħat mogħtija lilha mill-Artikolu 86(3) tat-Trattat KE biex iżżid l-isforzi tagħha sabiex tifred l-infrastruttura tal-gass ħalli tippromwovi l-kompetizzjoni fis-settur tan-networks tat-transitu tal-gass u tinċentivizza lill-operaturi sabiex jiftħu s-swieq għal operaturi oħrajn li mhumiex il-fornituri tradizzjonali tal-gass.

79.  Jifraħ lill-Kummissjoni għall-inkjesta fis-settur ta' l-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni ta' infurzar, inklużi multi, kontra kumpaniji li jiksru r-regoli dwar il-kompetizzjoni; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni dwar l-Istati Membri li jipproteġu b'mod mhux xieraq esponenti ewlenin fil-qasam ta' l-enerġija (Energy Champions), u li jippruvaw jirregolaw mill-ġdid il-prezzijiet finali fuq livell aktar baxx mill-prezz tas-suq, jew jipprovaw jostakolaw mergers u akkwisti peress li din l-imġieba timpedixxi l-iżvilupp tas-suq intern; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tigwida fir-rigward tal-forma xierqa ta' kuntratti fit-tul u l-kundizzjonijiet li għalihom dawn il-ftehimiet huma aċċettabbli;

80.  Jikkunsidra li l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jiżguraw li l-produtturi ta' l-enerġija ta' daqs żgħir u medju u l-produtturi l-kbar jiġu ttrattati ndaqs fis-suq, bil-għan li l-konsumaturi ta' l-enerġija jkunu protetti mill-effetti tal-monopolji tas-suq;

81.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fil-valutazzjoni tagħha tal-Pjanijiet Nazzjonali ta' Assenjazzjoni (NAPs), sabiex tirrifjuta t-tgħawwiġ tas-suq li jinħoloq bihom, u jinsisti fuq l-armonizzazzjoni ta' l-NAPs, li ħafna minnhom attwalment idgħajfu l-prinċipju "min iniġġes iħallas";

82.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex iġġib fit-tmiem il-prezzijiet regolati ta' l-enerġija għax dawn idgħajfu l-essenza nnifisha tas-swieq ta' l-enerġija miftuħa; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tindirizza partikolarment s-sistemi tar-regolar tal-prezzijiet ta' l-enerġija għall-industriji li jużaw ħafna enerġija għaliex dawn mhux biss idgħajfu s-suq ta' l-enerġija ta' l-UE iżda wkoll is-suq intern ta' prodotti bażiċi oħra; jirrikonoxxi li miżuri speċjali jistgħu jinħtieġu għall-industriji li jużaw ħafna enerġija fl-UE li huma esposti għall-kompetizzjoni globali, iżda li dawn il-miżuri jridu jittieħdu b'mod koordinat madwar l-UE kollha; għaldaqstant iħeġġeġ lid-DG għall-Kompetizzjoni sabiex tipproponi sett ċar ta' kriterji li jiddefinixxu liema huma l-industriji li jużaw ħafna enerġija u li huma esposti għall-kompetizzjoni globali u sabiex juża dawn il-kriterji sabiex jevalwa l-validità ta' sistemi nazzjonali speċjali ta' l-enerġija għal dawn l-industriji li jużaw ħafna enerġija;

83.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu aktar passi biex tindirizza konċentrazzjonijiet fis-suq ta' l-enerġija fil-każ ta' abbuż tad-dominanza tas-suq;

84.  Jipproponi tisħiħ sinifikanti tas-setgħat tar-regolaturi ta' l-Istati Membri, li għandhom ikunu indipendenti b'mod sħiħ mill-gvern u mill-industrija, u l-armonizzazzjoni ta' dawn is-setgħat li jista' jintlaħaq permezz ta' l-istabbiliment ta' regoli komuni dwar it-trasparenza, l-iżvelar u r-responsabbilizzazzjoni, li għandhom ikunu mmonitorjati mill-Kummissjoni u ta' kull sena mill-Parlament Ewropew, u l-istabbiliment ta' linji gwida li jorbtu minimi dwar il-proċedura għan-nomina ta' regolaturi; jemmen li r-regolaturi nazzjonali ta' l-enerġija għandhom jingħataw l-irwol li jagħtu pariri lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fl-Istati Membri, u li jiżguraw li l-kumpaniji ta' l-enerġija jkollhom obbligu statutorju li jagħtu pariri dwar l-iffrankar ta' l-enerġija lill-klijenti;

85.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipprepara evalwazzjoni tas-setgħa u ta' l-indipendenza tar-regolaturi nazzjonali, u wara li din issir, tipprepara rakkomandazzjoni dwar l-iżvilupp armonizzat tar-regolazzjoni fis-suq intern;

86.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jagħtu setgħat lir-regolaturi nazzjonali, li sar ftehim fuqhom fil-livell ta' l-UE, sabiex jiggarantixxu t-trażmissjoni transkonfinali ta' elettriku u gass, inkluż l-aċċess mingħajr diskriminazzjoni għan-netwerk tad-distribuzzjoni, tariffi fuq it-trażmissjoni, l-allokazzjoni tal-kapaċità, miżuri ta' l-immaniġġjar tal-konġestjoni u operazzjoni tan-netwerk, u kalendarju ċar għal offerti fis-suq ta' l-enerġija; iqis li r-regolaturi nazzjonali għandhom jinsistu wkoll dwar il-ħtieġa li l-operaturi tan-netwerk jaġixxu fl-interessi tal-konsumaturi Ewropej; iqis li, qabel ma jiġi stabbilit regolatur Ewropew, l-oqsma ta' responsabilità tar-regolaturi ta' l-Istati Membri għandhom ikunu armonizzati sabiex tiġi żgurata aktar konsistenza ta' azzjoni immirata lejn titjib fil-mod ta' kif jaħdem is-suq;

87.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jippromwovu koordinazzjoni mtejba mill-Operaturi tas-Sistemi ta' Trażmissjoni (TSOs), speċjalment f'oqsma bħall-allokazzjoni transkonfinali tal-kapaċità, is-swieq 'intraday', l-ippjanar ta' networks tad-distribuzzjoni u investimenti relevanti għall-iżvilupp ta' swieq reġjonali; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipprepara, flimkien mat-TSOs, kodiċi Ewropew tan-networks tad-distribuzzjoni;

88.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi soluzzjoni għall-problemi relatati ma' l-organizzazzjoni/kunflitti ta' l-interessi u trasparenza fir-rigward tat-TSOs u sabiex jippreżenta proposti li jippermettu li t-TSOs jassolvu ruħhom mir-responsabilità tagħhom bħala faċilitaturi tas-suq u tarmonizzaw r-regolamentazzjoni internazzjonali għat-TSOs sabiex jitjieb it-trasport transkonfinali;

89.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li jkun hemm konformità stretta mill-Istati Membi mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 7(6) tad-Direttiva 2001/77/KE, jiġifieri li t-tariffi ta' trażmissjoni applikati mill-operaturi għat-trasport ta' elettriku minn ġon-netwerk tad-ditsribuzzjoni ma jiddiskriminawx b'xi mod jew ieħor kontra elettriku minn riżorsi li jiġġeddu ta' enerġija li jkun prodott f'reġjuni periferiċi, bħal reġjuni insulari u reġjuni b'densità baxxa ta' popolazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tieħu passi ulterjuri sabiex ittemm id-diskriminazzjoni eżistenti fl-Istati Membri.

90.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jevalwaw bir-reqqa jekk sabiex jintlaħqu kundizzjonijiet indaqs, hemmx ħtieġa ta' istituzzjonijiet ġodda bħal Ċentru Ewropew għal Networks ta' Enerġija, minħabba n-numru diġà sinifikanti ta' istituzzjonijiet eżistenti li wieħed jistà jkompli jibni fuqhom;

91.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi aktar appoġġ lill-interkonnetturi bejn l-Istati Membri u b'mod partikulari fl-Istati Membri infushom, u b'hekk jingħata aċċess aħjar għan-networks tad-distribuzzjoni kontinentali lill-fornituri ta' l-enerġija insulari jew remoti.

92.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tanalizza bi preċiżjoni l-problemi eżistenti fl-għoti ta' permessi ta' ppjanar mal-fruntieri u sabiex jippreżentaw rapport lill-Parlament Ewropew; jistieden lill-Istati Membri sabiex jagħtu permess ta' ppjanar mal-fruntieri sa mhux aktar minn erba' snin wara li titressaq applikazzjoni; iżid li mod wieħed possibbli sabiex jinkiseb dan jista' jkun l-introduzzjoni ta' leġiżlazzjoni, fejn huwa neċessarju;

93.  Huwa tal-fehma li t-twaqqif ta' swieq reġjonali ta' l-enerġija għandhom jgħinu sabiex titgħaġġel l-integrazzjoni tas-swieq ta' l-enerġija ta' l-UE u li, taħt l-ebda ċirkostanza ma jitqajmu aktar ostakoli għall-integrazzjoni tas-swieq kollha ta' l-enerġija;

94.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li jsir użu akbar minn sistemi ta' allokazzjoni bażati fuq is-suq fejn il-kapaċità ta' trażmissjoni transkonfinali hija limitata;

95.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel il-ħolqien ta' swieq reġjonali armonizzati ta' l-elettriku li jiffunzjonaw tajjeb sa l-2009 bħala prijorità, bil-għan li tintegra s-swieq bl-akbar potenzjal ta' żvilupp fuq livell Ewropew sa l-2012, u biex tmexxi 'l quddiem il-ħolqien ta' suq u ta' netwerk ta' distribuzzjoni waħdanin Ewropew ta' l-enerġija;

96.  Jinnota li l-interkonnessjonijiet transkonfinali se jirrikjedu miżuri speċjali, pereżempju it-trattament preferenzjali ta' ffinanzjar jew eżenzjonijiet mit-taxxa; iħeġġeġ lill-UE sabiex b'ħeffa timxi 'l quddiem bil-proġetti tagħha ta' networks ta' l-enerġija trans-Ewropej (TEN); jinnota li l-mili tal-ħoloq li għadhom neqsin fit-TEN itejjeb is-sigurtà tal-provvista kif ukoll jikkontribwixxi għall-kompletar tas-suq intern;

97.  Jikkunsidra xieraq li l-espansjoni possibbli tal-qafas regolatorju għandha tkun posposta u li, minflok għandha titħaffef l-implimentazzjoni ta' regoli eżistenti tal-KE fl-Istati Membri; iqis li miżuri regolatorji ulterjuri, bħalma huma s-separazzjoni tal-proprjetà sħiħa, għandhom ikunu kkunsidrati biss jekk il-mekkaniżmi maħsuba fil-leġiżlazzjoni eżistenti dwar is-suq intern jirriżultaw mhux effettivi fil-prattika; jenfasizza l-importanza li titjieb l-effettività tar-regolazzjoni u li tkun żgurata implimentazzjoni xierqa u koerenti tad-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mas-separazzjoni ta' l-attivitajiet stipulati fid-direttivi eżistenti;

98.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex, meta tkun qed tistabbilixxi pożizzjoni dwar l-immaniġġjar u l-proprjetà fil-ġejjieni tan-netwerks ta' distribuzzjoni u dwar il-ħtieġa għal inizjattivi leġiżlattivi ġodda sabiex is-settur ta' l-enerġija ta' l-UE jkun regolat aħjar, tikkunsidra bis-sħiħ ir-rapporti riċenti ta' l-UCTE u ta' l-ERGEG dwar il-qtugħ tad-dawl li laqat lill-Ġermanja f'Novembru 2006;

99.  Jemmen li sistemi ta' trażmissjoni fis-settur ta' l-enerġija għandha ssirilhom separazzjoni tal-proprjetà sħiħa hekk kif il-Kummissjoni issib li l-leġiżlazzjoni eżistenti hija ineffiċjenti, peress li dan jevita li jinqalgħu kunflitti ta' interessi bejn kumpaniji ta' l-enerġija li jkunu f'kompetizzjoni ma' xulxin;

100.  Jemmen li l-Kummissjoni ghandha toħroġ bi strateġija komprensiva dwar il-gass li teżamina l-ħtieġa ta' tnaqqis fil-konsum tal-gass, il-garanzija ta' l-aċċess ta' partijiet terzi bil-għan ta' l-użu ekonomiku u effettiv tal-gass, id-diversifikazzjoni tal-provvisti u tar-rotot ta' transitu u t-titjib fl-infrastruttura tal-gass (per eżempju: il-ħażna tal-gass, faċilitajiet tal-gass naturali likwefatt u n-nuqqas ta' gas hubs) - u b'hekk tipprepara wkoll għall-introduzzjoni tal-bijogass - u l-ħtieġa f'xi Stati Membri li jdawru d-direzzjoni tal-fluss tal-gass u, barra minn hekk, tieħu ħsieb tal-kwistjoni tal-ħażna u l-istokkijiet tal-gass wara li tkun twettqet analiżi bir-reqqa ta' l-ispiża u l-benefiċċju li tqis il-limitazzjonijiet fiżiċi u ekonomiċi fis-settur tal-gass;

101.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex toħloq proposti għal direttiva dwar id-Direttiva dwar il-Gass Naturali sabiex jibbilanċjaw dawk dwar il-Bijokarburanti u l-Idroġenu;

102.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipproponi definizzjoni ta' x'jikkostitwixxi konsumatur ta' ħafna enerġija; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tagħti kunsiderazzjoni speċjali lill-konsumaturi ta' ħafna enerġija fl-UE li jikkompetu fl-ekonomija globali;

103.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tuża s-setgħat tagħha fil-kamp tal-kompetizzjoni sabiex tindirizza l-eżistenza ta' klawżoli ta' tqassim tas-suq f'kuntratti ta' provvista bejn produtturi tal-gass u fornituri nazzjonali ta' l-enerġija fl-UE, li jipprojbixxu lill-fornituri nazzjonali ta' l-enerġija fl-UE milli jbigħu riservi ta' gass żejjed tal-produtturi tal-gass fi swieq oħra ta' l-UE, kif ukoll biex tinvestiga l-legalità ta' dawk il-kuntratti ta' provvista fit-tul, li jagħlqu s-suq għal fornituri oħra;

Il-Faqar fl-Enerġija u d-Drittijiet tal-Konsumatur

104.  Jemmen li l-konsumaturi għandhom ikunu fiċ-ċentru tal-politiki kollha tal-ġejjieni dwar l-enerġija u li l-faqar fl-enerġija għandu jingħata iktar prominenza fil-proposti tal-Kummissjoni; ifakkar li l-konsumaturi għandhom ukoll obbligi f'termini ta' ekonomija ta' enerġija, b'mod partikolari l-awtoritajiet pubbliċi, li f'dan il-qasam għandhom jagħtu eżempju; jagħraf l-irwol ċentrali li jista' jkollhom it-tkejjil u l-kontijiet intelliġenti sabiex jiżdied l-għarfien tal-konsumaturi dwar kif u għalfejn l-enerġija qed tintuża u għalhekk sabiex tinbidel l-imġiba tagħhom ta' konsum; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jipproponu miżuri li jgħinu lill-familji bi dħul baxx sabiex iwettqu ffrankar ta' l-enerġija fi djarhom, u b'hekk inaqqsu l-kontijiet ta' l-enerġija u l-esponiment tagħhom għal żjidiet fil-prezzijiet fil-ġejjieni;

105.  Jinsisti dwar il-ħtieġa li jsiru kampanji għall-edukazzjoni u l-bidla fl-imġiba favur il-mobilità aktar sostenibbli taċ-ċittadini Ewropej;

106.  Jitlob biex jingħata appoġġ integrat u kontinwu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-rigward ta' miżuri ta' effiċjenza enerġetika u ta' sostenibilità taħt l-iskemi kollha ta' ffinanzjar Ewropej, partikularment il-Fondi Strutturali, l-FP7, l-Ewropa ta' Enerġija Intelliġenti, u b'mod ġenerali, il-miżuri kollha tal-politika reġjunali u ta' inġinerija finanzjarja fi ħdan il-politika għall-koeżjoni għall-perjodu bejn l-2007 sa l-2013, kif ukoll fir-rigward ta' l-attivitajiet ta' l-EIB;

107.  Jitlob lill-Kummissjoni biex turi interess kemm fis-sorsi ta' enerġija li jiġġeddu kif ukoll fl-iffrankar ta' l-enerġija billi tenfasizza dawn il-politiki fl-inizjattivi kollha ffinanzjati mill-Fondi Strutturali u mill-Fond ta' Koeżjoni ('mainstreaming') u, b'mod partikulari, mill-inizjattivi tal-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropew għar-reġjuni kollha ta' l-Unjoni, matul il-perjodu ta' programmar 2007-2013, u sabiex tfassal proposta dwar kif jistgħu jitneħħew l-ostakoli għall-progress fl-iffrankar enerġetiku kkawżati mil-limitu ta' 3% għal spiża ta' effiċjenza enerġetika minn dawn il-fondi u sabiex wara l-2013 jitneħħa dan il-limitu.

108.  Jafferma mill-ġdid il-fehma tiegħu li huwa indispensabbli li n-nies jiġu pprovduti bl-enerġija sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet bażiċi u li dawn il-provvisti għandhom ikunu żġurati; għaldaqstant jitlob lir-regolaturi ta' l-enerġija fl-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-obbligi ta' servizz universali jkunu rispettati u li l-konsumaturi li huma vulnerabbli u fqar huma mħarsa b'mod xieraq,

109.  Japprova l-inklużjoni ta' miri ta' politika dwar l-enerġija fit-tfassil ta' kriterji li fuqhom jingħataw il-kuntratti pubbliċi jekk tkun fattibbli għall-awtorità li tagħtihom, raġjonevoli għal min għamel l-offerta u ma tkunx intervent inġust fil-kompetizzjoni;

110.  Jenfasizza l-importanza li l-konsumaturi jkollhom aċċess faċli għal tagħrif dwar il-prezz u l-għażla, metodu ħafif biex ibiddlu l-fornitur ta' l-enerġija u d-dritt li jiġu mismugħin mir-regolaturi f'kull Stat Membru.

L-iżvilupp

111.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jirrikonoxxu li hemm 2 biljun persuna fid-dinja mingħajr aċċess għal servizzi ta' l-enerġija bażiċi u li l-UE għandha tfassal direzzjoni ta' politika biex ittaffi din il-pożizzjoni u tilħaq l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp;

112.  Jistieden lill-inizjattiva Fond Globali għall-Effiċjenza fl-Użu ta" l-Enerġija u għall-Enerġija li Tiġġedded bħala parti minn politika ta' responsabilità globali biex jiġi promoss l-iżvilupp;

113.  Jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri għandhom jużaw ir-relazzjonijiet diplomatiċi, ta' għajnuna u kummerċjali tagħhom ma' pajjiżi li jfornu l-enerġija biex jippromwovu t-trasparenza fiskali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex formalment tapprova u tippromwovi l-Inizjattiva għat-Trasparenza ta' l-Industrija ta' l-Estrazzjoni (EITI) u tiżviluppa strateġija biex tintegra l-prinċipji ta' l-EITI u l-Iskema tar-Responsabbilità Soċjali Korporattiva fil-ftehimiet kollha ma' pajjiżi terzi; iqis li dispożizzjonijiet speċifiċi f'dawn il-ftehimiet għandhom jappoġġjaw l-irwol tas-soċjetà ċivili li tissorvelja b'mod indipendenti l-immaniġġjar tad-dħul mill-enerġija;

114.  Jikkunsidra li l-impatt tal-miżuri ta' l-UE jissaħħu aktar permezz ta' politika barranija soda li tipprova tipperswadi l-pajjiżi industrijalizzati kollha biex jipparteċipaw fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u billi fil-politika ta' żvilupp ta' l-UE jiġu nklużi numru akbar ta' programmi li jippruvaw jippromwovu enerġija nadifa u effiċjenti;

115.  Barra minn hekk, jemmen li l-UE, flimkien ma' l-aktar pajjiżi 'avvanzati' minn dawk li qed jiżviluppaw, għandha tesplora modi sabiex ikollha rwol akbar fl-isforz dinji fil-ġlieda kontra u l-adattament għat-tisħin dinji, u li l-UE għandha tikkunsidra wkoll x'passi jistgħu jittieħdu biex tissaħħaħ is-solidarjetà dinjija meta ffaċċjata bl-effetti tal-bidliet klimatiċi, speċjalment fl-ifqar pajjiżi;

116.  Jisħaq li l-iżvilupp ekonomiku huwa dritt għall-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw; madankollu, jenfasizza li l-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw m'għandhomx jirrepetu l-prattiki li jniġġsu tal-pajjiżi industrijalizzati, u għaldaqstant jitlob li tingħata aktar attenzjoni lill-koperazzjoni teknoloġika u l-bini tal-kapaċità fil-qasam ta' l-enerġija sostenibbli u lill-istandards globali ta' effiċjenzja għall-prodotti li jużaw l-enerġija;

117.  Jitlob biex jingħata appoġġ akbar, pereżempju permezz tat-trasferiment ta' l-għarfien u tat-teknoloġija, għall-użu ta' forom ta' enerġija sostenibbli u disponibbli lokalment u networks deċentralizzati ta' enerġija, b'mod partikulari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, sabiex jiġi żgurat l-aċċess għall-enerġija, isir użu ekonomiku tar-riżorsi, jinħolqu l-impjiegi, tonqos id-dipendenza u jsir kontribut għall-ħolqien ta' ekonomiji tas-suq li jaħdmu tajjeb;

o
o   o

118.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 320 E, 15.12.2005, p. 36.
(2) ĠU C 272, E, 9.11.2006, p. 404.
(3) ĠU C 286, E, 23.11.2006, p. 172..
(4) Testi Adottati, P6_TA(2006)0118.
(5) Testi Adottati, P6_TA(2006)0219.
(6) ĠU C 280 E, 18.11.2006, p.108.
(7) ĠU C 280 E, 18.11.2006, p.117.
(8) ĠU C 280 E, 18.11.2006, p.120.
(9) ĠU C 226 E, 15.9.2005, p. 44.
(10) ĠU C157 E, 6.7.2006, p. 61.
(11) Testi Adottati, P6_TA(2006)0300.
(12) Testi Adottati, P6_TA(2006)0058.
(13) ĠU C 227 E, 21.9.2006, p.599.
(14) Testi Adottati, P6_TA(2006)0110.
(15) Testi Adottati, P6_TA(2006)0243.
(16) www.iphe.net
(17) www.iter.org
(18) ĠU L 191, 22.7.2005, p. 29.
(19) ĠU L 114, 27.4.2006, p. 64.

Avviż legali - Politika tal-privatezza