Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 7 ta' Settembru 2006 - Strasburgu
L-adeżjoni tal-KE għall-Konferenza dwar il-Liġi Internazzjonali privata ta" The Hague ***
 Relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina
 Is-sistemi ta' l-ittikkettar tal-prodotti tas-sajd
 Is-Sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani
 In-nirien fil-foresti u l-għargħar
 L-Aġenda ta' Żvilupp ta' Doha
 L-iffalsifikar tal-prodotti mediċinali
 Il-Liġi Ewropea dwar il-Kuntratti
 Il-parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-ħidma tal-Konferenza ta' The Hague
 Ftehima ma' l-Istati Uniti ta' l-Amerika dwar l-użu ta' dejta fir-Rekords ta' Ismijiet ta' Passiġġieri
 Il-wirt naturali, arkitettoniku u kulturali Ewropew f'reġjuni rurali u insulari
 Sri Lanka
 Ċittadini mill-Korea ta' Fuq li jfittxu kenn, b'mod partikulari fit-Tajlandja
 Is-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe

L-adeżjoni tal-KE għall-Konferenza dwar il-Liġi Internazzjonali privata ta" The Hague ***
PDF 198kWORD 30k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew dwar proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Konferenza dwar il-Liġi Internazzjonali Privata ta" The Hague (COM(2005)0639 -7591/2006 – C6-0138/2006 – 2005/0251(AVC))
P6_TA(2006)0345A6-0250/2006

(Proċedura ta' kunsens)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (COM(2005)0639 - 7591/2006(1)),

–   wara li kkunsidra t-talba għall-kunsens magħmula mill-Kunsill skond l-Artikolu 61(c) b'rabta ma' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2) u t-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 300(3), tat-Trattat KE (C6-0138/2006),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 75(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0250/2006),

1.  Jagħti l-kunsens tiegħu għall-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Għadha mhix ippubblikata fil-ĠU.


Relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina
PDF 452kWORD 160k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina (2005/2161(INI))
P6_TA(2006)0346A6-0257/2006

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-30 anniversarju, fl-2005, mit-twaqqif ta' relazzjonijiet diplomatiċi bejn l-UE u ċ-Ċina,

–   wara li kkunsidra l-Isħubija Strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina li tnediet fl-2003,

–   wara li kkunsidra l-qafas legali prinċipali għal relazzjonijiet maċ-Ċina, jiġifieri l-Ftehima dwar il-Kummerċ u l-Koperazzjoni Ekonomika bejn il-KE u ċ-Ċina, iffirmata f'Mejju 1985, li tkopri r-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali u l-programm ta' koperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina(1),

–   wara li kkunsidra d-dokument ta' politika mill-Kummissjoni, intitolat "Sħubija li qed timmatura: interessi u sfidi komuni fir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina" (COM(2003)0533, approvat mill-Kunsill Ewropew fit-13 ta' Ottubru 2003,

–   wara li kkunsidra l-ewwel dokument ta' politika li qatt ħarġet iċ-Ċina dwar l-UE, maħruġ fit-13 ta' Ottubru 2003,

–   wara li kkunsidra d-djalogu politiku bejn l-UE u ċ-Ċina li twaqqaf b'mod formali fl-1994 bħala għarfien ta' l-istatus taċ-Ċina bħala poter emerġenti fix-xena internazzjonali,

–   wara li kkunsidra d-djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem li nbeda f'Jannar 1996, li ġie interrott u nbeda mill-ġdid fl-1997, iż-żjara tat-Trojka f'Xinjiang f'Ottubru 2005, li saret fil-qafas tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina, u s-Seminar ta' Djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li sar f'Londra f'Diċembru 2005, bil-Parlament Ewropew bħala osservatur,

–   wara li kkunsidra d-Djalogi Settorjali li għadhom sejrin bejn iċ-Ċina u l-Kummissjoni, bħad-djalogu li nbeda dan l-aħħar dwar l-impjieg u d-djalogu dwar id-drittijiet għal proprjetà intelletwali (IPR),

–   wara li kkunsidra l-Ftehima dwar ix-Xjenza u t-Teknoloġija bejn il-KE u ċ-Ċina li daħlet fis-seħħ fl-2000 u ġġeddet fl-2004(2),

–   wara li kkunsidra l-ftehima maċ-Ċina dwar koperazzjoni fil-programm ta' l-UE Galileo li jirrigwarda n-navigazzjoni bis-satellita, iffirmat fit-30 ta' Ottubru 2003.

–   wara li kkunsidra t-8 Summit bejn l-UE u ċ-Ċina li sar f'Beijing f'Settembru 2005 u d-Dikjarazzjoni Konġunta maħruġa fi tmiem tas-Summit, u d-9 Summit bejn l-UE u ċ-Ċina li se jsir fil-Finlandja fit-tieni nofs ta' l-2006,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Bidla fil-Klima, maħruġa fit-8 Summit bejn l-UE u ċ-Ċina, u l-impenn biex tiġi żviluppata u tintwera bi prova fiċ-Ċina u fl-Unjoni Ewropea teknoliġija tal-faħam avvanzata b'emissjonijiet qrib iz-zero billi l-karbonju jinġabar u jiġi maħżun (CCS),

–   wara li kkunsidra s-sessjoni ta' l-10 Kungress Nazzjonali tal-Poplu (5-14 ta' Marzu 2006) u r-rapport tal-gvern tal-Prim Ministru Wen Jiabao li ġie ppreżentat waqt dan il-kungress,

–   wara li kkunsidra l-iktar żewġ laqgħat interparlamentari riċenti tiegħu maċ-Ċina li saru f'Beijing, Shanghai u Hainan f'Marzu 2004 u fi Brussell f'Ottubru 2005 rispettivament,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet riċenti tiegħu dwar iċ-Ċina, b'mod partikulari r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ottubru 2005 dwar il-prospetti għal relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina(3), tat-8 ta' Settembru 2005 dwar ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, b'mod partikulari fir-rigward tal-libertà tar-reliġjon(4), tat-28 ta' April 2005 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja 2004 u l-politika ta' l-UE dwar il-kwistjoni(5) u tal-11 ta' April 2002 dwar Strateġija ta' l-UE fir-rigward taċ-Ċina(6),

–   wara li kkunsidra l-embargo ta' l-armi ta' l-UE introdott wara l-inċidenti ta' trażżin tal-protesti fi Tiananmen f'Ġunju 1989, kif appoġġjat mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2006 dwar l-aspetti prinċipali u l-għażliet bażiċi tal-Politika Barranija u ta' Sigurta' Komuni(7),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2005 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE, iċ-Ċina u t-Tajwan u dwar is-sigurtà fil-Lvant Imbiegħed(8),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Tibet u s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, u r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-18 ta' Novembru 2004(9), tat-13 ta' Jannar 2005(10), u tas-27 ta' Ottubru 2005(11) dwar il-każ tal-Lama Tenzin Delek Rinpoche, li ġie impriġjunat u ttorturat u b'hekk fil-periklu li jitlef ħajtu,

–   wara li kkunsidra n-nuqqas ta' progress fid-djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6-0257/2006),

A.   billi l-Isħubija Strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina hija ta' importanza kbira fir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina, billi sħubija strateġika ġenwina għandha tkun ibbażata fuq valuri komuni,

B.   billi l-aċċettazzjoni ta' politika Waħda Ċiniża twassal għal rispett ta' riżoluzzjoni paċifika tal-kwistjoni tat-Tajwan permezz ta' djalogu kostruttiv;

C.   billi, minbarra l-valuri demokratiċi, l-kredibilità, l-istabilità u r-responsabilità għandhom jikkostitwixxu l-bażi fondamentali tar-relazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina,

D.   billi t-tisħiħ tar-relazzjoni ta' l-UE maċ-Ċina ser ikun kruċjali biex jintlaħqu sfidi globali bħall-bidla fil-klima, is-sigurtà u n-non-proliferazzjoni ta' l-armi,

E.   billi ċ-Ċina fiha nnifisha tikkostitwixxi l-ikbar sfida fil-globalizzazzjoni tal-kummerċ u billi qed tesperjenza tkabbir ekonomiku qawwi ħafna, b'rati li jilħqu madwar 9% fis-sena,

F.   billi l-iżvilupp ekonomiku qawwi taċ-Ċina, flimkien ma' l-isħubija permanenti tagħha fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-isħubija tagħha fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), qed iġiegħel lill-pajjiż jerfa' responsabilità internazzjonali li qiegħda dejjem tiżdied,

G.   billi "djalogi settorjali" bejn l-UE u ċ-Ċina żdiedu b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin,

H.   billi l-UE hija l-ikbar sieħba kummerċjali taċ-Ċina u l-ikbar investitur f'dak il-pajjiż u billi ċ-Ċina hija t-tieni l-ikbar sieħba kummerċjali ta' l-UE; billi r-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi qed idellu l-kwistjoni ta' riformi demokratiċi, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt,

I.   billi sħubija fid-WTO toħloq lista ta' drittijiet u obbligi kemm għall-UE kif ukoll għaċ-Ċina; billi, barra minn hekk, ħafna minn dawn l-obbligi għadhom m'humiex qed jiġu applikati u implimentati b'mod xieraq min-naħa taċ-Ċiniża, b'mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-ħarsien tal-proprjetà intellettwali, it-trattament nazzjonali u t-trasparenza,

J.   billi 70% tal-prodotti foloz li jinqabdu fis-suq Ewropew joriġinaw miċ-Ċina, u billi kull sena madwar ħames miljun biċċa lbies u aċċessorji foloz jiġu kkonfiskati mis-servizzi tad-dwana,

K.   billi l-Istat ta' l-Ekonomija tas-Suq (MES - Market Economy Status) huwa strument ekonomiku aktar milli strument politiku; billi ċ-Ċina għandha ttejjeb il-prestazzjoni tagħha biex tingħata l-MES,

L.   billi relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina jeħtieġu aċċess reċiproku għas-suq stabbilit fuq il-bażi legali tar-regoli tad-WTO u fuq il-kompetizzjoni ugwali u ġusta,

M.   billi t-tmexxija Ċiniża, fil-White Paper tagħha dwar "Il-Bini ta' Demokrazija Politika fiċ-Ċina" (2005) tikkonferma l-preminenza tal-Partit Komunista Ċiniż (CCP) fis-sistema governattiva soċjalista taċ-Ċina,

N.   billi r-Renju Nofsani preżenti qed igawdi minn network kumpatt ta' qrati mifrux madwar il-pajjiż, li jixhed progress sinifikanti meta mqabbel mas-sitwazzjoni xi tletin sena ilu,

O.   billi waqt is-sessjoni ta' l-10 Kungress Nazzjonali tal-Poplu (5-14 ta' Marzu 2006) kelliem għall-Qorti Suprema tal-Poplu ddikjara li ċ-Ċina mhux se tabolixxi l-piena tal-mewt, li għaliha l-pajjiż jiġi kkritikat fix-xena internazzjonali, għaliex ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (PRC) għadha pajjiż li qed jiżviluppa fil-fażi bikrija tas-soċjaliżmu,

P.   billi n-numru ta' eżekuzzjonijiet li twettqu huwa sigriet ta' l-istat fiċ-Ċina, iżda li, skond stimi mogħtija minn ġuristi Ċiniżi, madwar 8,000 persuna jmutu b'dan il-mod kull sena,

Q.   billi fl-2005 l-awtoritajiet tas-sigurtà Ċiniżi rreġistraw 87,000 "każ ta' laqgħat pubbliċi b'attendenza kbira ħafna", żieda ta' 6.6% fuq l-2004,

R.   billi, skond twissijiet minn xjentisti soċjali lokali, il-linji politiċi tat-tmexxija Ċiniża għal soċjetà armonjuża u l-bini ta' rħula soċjalisti ġodda jirriflettu l-istadju attwali ta' tranżizzjoni perikoluż tal-PRC għal ekonomija tas-suq,

S.   billi l-PRC introduċiet politika ta' "tarbija waħda" fl-1976, li bħalissa qed tiġi diskussa taħt it-titolu intriganti "Iċ-Ċina se tixjieħ qabel ma tistagħna?",

T.   billi ċ-Ċina keċċiet lill-Fondazzjoni Friedrich Naumann minn Beijing fl-1996,

U.   billi f'Marzu 2004 ċ-Ċina inkludiet fil-kostituzzjoni tagħha dispożizzjoni li bis-saħħa tagħha għandhom jiġu rispettati u garantiti mill-istat id-drittijiet tal-bniedem; billi ċ-Ċina ffirmat imma ma rratifikatx il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR),

V.   billi qed ikun hemm rapporti disturbanti kontinwi dwar priġuneriji politiċi, b'mod partikulari ta' membri ta' minoranzi reliġjużi u etniċi, allegazzjonijiet ta' tortura, l-użu mifrux ta' xogħol sfurzat, l-użu ta' spiss tal-piena tal-mewt u r-repressjoni sistematika tal-libertà tar-reliġjon, tal-libertà tal-kelma u tal-mezzi tal-komunikazzjoni, inkluż l-internet,

W.   billi regolamenti ġodda dwar affarijiet reliġjużi daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 2005,

X.   billi l-Grupp ta' Ħidma tal-Kummissjoni tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar L-Għajbien Sfurzat jew Mhux Volontarju irrimarka li l-laqgħa tiegħu f'Ġinevra f'April 2006 kien jikkoinċidi ma' għeluq is-17-il sena ta' Gedhun Choekyi Nyim, il-Panchen Lama tat-Tibet, li nħataf miċ-Ċiniżi kontra r-rieda tiegħu u tal-ġenituri tiegħu meta kellu sitt snin,

Y.   billi, kważi għaxar snin wara li saret it-talba inizjali, iż-żjara fil-PRC mir-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tortura fl-aħħar seħħet bejn l-20 ta' Novembru u t-2 ta' Diċembru 2005; billi, madankollu, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU għal-Libertà tar-Reliġjon jew tat-Twemmin ma ġiex milqugħ għal żjara ta' segwitu għaż-żjara li għamel fiċ-Ċina l-predeċessur tiegħu f'Novembru 1994, u billi ċ-Ċina naqset milli toħroġ stedina permanenti lill-proċeduri tematiċi kollha tal-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

Z.   billi, fl-Appell Globali 2006 tiegħu, il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) kompla jitlob lill-PRC biex toħroġ regolamenti xierqa dwar refuġjati nazzjonali, u għal iktar aċċess għal persuni li qed jitolbu refuġju mir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea u li jafu jkunu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali,

AA.   billi, skond l-Annwarju 2005 tal-Qorti Suprema tal-Poplu, madwar 400 ċittadin ġew ikkundannati għal reati politiċi fl-2004, 25% iktar mis-sena ta' qabel,

AB.   billi skond il-Fondazzjoni Dui Hua, li ngħatat "stat speċjali ta' konsultazzjoni" mill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-NU, il-PRC bħalissa għandha bejn 3,000 u 3,500 persuna fil-ħabs għar-reat ta' "theddida għas-sigurtà pubblika",

AC.   billi l-portal ta' l-internet "Google" issottometta ruħu għal restrizzjonijiet imposti mill-awtoritajiet Ċiniżi, u ċaħad l-aċċess għal siti ta' l-internet li jkun fihom elementi ta' kritika u kliem bħal "Taiwan", "indipendenza", "Tibet" jew "Tiananmen",

AD.   billi fl-14 ta' Marzu 2006 is-servizzi ta' l-aħbarijiet barranin Reuters u BBC rrappurtaw dwar ittra miftuħa (bid-data tat-2 ta' Marzu 2006) miktuba minn diversi persuni li qabel kienu membri importanti tas-CCP, fejn ikkritikaw it-tisħiħ taċ-ċensura ta' l-istampa,

AE.   billi l-kampanja fir-Reġjun Awtonomu ta' Xinjiang Uighur li tindirizza t-"tliet elementi ta' ħażen" li huma l-estremiżmu reliġjuż, is-separatiżmu u t-terroriżmu għadha għaddejja u wasslet għal numru kbir ta' arresti s-sena l-oħra, skond il-meżżi ta' komunikazzjoni mmexxija mill-istat,

AF.   billi, minħabba l-kontrolli stretti tal-Gvern Ċiniż fuq informazzjoni dwar, u aċċess għal, inħawi Tibetani fiċ-Ċina, huwa diffiċli li wieħed jiddetermina b'mod preċiż l-ammont ta' abbużi kontra d-drittijiet tal-bniedem,

AG.   billi t-tmexxija Ċiniża tenfasizza "il-qawmien paċifiku" jew "l-iżvilupp paċifiku" taċ-Ċina fir-rigward ta' l-apparenza mill-ġdid tal-PRC fix-xena dinjija,

AH.   billi l-possibilità ta' tqarrib mill-ġdid tal-PRC mat-Tajwan għandha tinżamm ħajja; billi din il-possibilità trid tiġi segwita b'mod paċifiku bis-saħħa tad-djalogu u d-diplomazija, kif ukoll billi titqies ir-rieda tal-popli fuq iż-żewġ naħat,

AI.   billi l-kawżi għaliex qed tiħżien ir-relazzjoni bilaterali bejn iċ-Ċina u l-Ġappun huma politiċi, mhux ekonomiċi,

AJ.   billi l-approċċ preżenti Amerikan lejn iċ-Ċina bħala poter li qed jikber jista' jiġi kkaraterizzat mill-kunċett ta' "con-gagement", li hija taħlita ta' żewġ strateġiji: it-trażżin (containment) u l-impenn (engagement),

AK.   billi l-impenn u l-influwenza taċ-Ċina fl-Afrika żiedu b'mod sostanzjali f'dawn l-aħħar għaxar snin,

AL.   billi ċ-Ċina għandha rabtiet finanzjarji u kummerċjali sostanzjali mar-Repubblika Iżlamika ta' l-Iran (esplorazzjoni u importazzjoni taż-żejt u gass/esportazzjoni ta' armi), u jista' jkollha rwol kruċjali fl-isforzi biex l-Iran ikun ipperswadut biex jieħu approċċ aktar koperattiv fuq kwistjonijiet nukleari;

AM.   billi ċ-Ċina qed tikkopera ma' pajjiżi ġirien tagħha fil-kuntest ta' l-Organizzazzjoni għal Koperazzjoni ta' Shanghai (SCO),

AN.   billi ċ-Ċina u l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet ta' l-Asja tax-Xlokk (ASEAN) iddeċidew fl-2002 li jistabbilixxu z-zona ta' kummerċ ħieles ASEAN-Ċina,

AO.   billi f'dawn l-aħħar ftit snin il-Kummissjoni u l-Parlament flimkien kienu b'mod kostanti qed jiffukaw l-attenzjoni fuq il-Macao u l-Hong Kong,

Koperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina

1.  Jistenna b'ħerqa l-bidu ta' l-Isħubija Strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina u l-koperazzjoni iktar mill-qrib li din l-isħubija se toħloq fuq firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jifformulaw politika konsistenti u koerenti dwar iċ-Ċina;

2.   Jilqa' x-xogħol tal-Kummissjoni fil-qasam tad-djalogi settorjali maċ-Ċina, li bħalissa jkopri firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet, minn kwistjonijiet ambjentali għal affarijiet soċjali u d-drittijiet tal-bniedem u jitlob li l-Parlament ikun infurmat regolarment minn żmien għall-ieħor dwar il-progress li jkun sar;

3.  Jistieden liċ-Ċina u lill-UE biex jistabbilixxu l-isħubija u r-relazzjoni bilaterali tagħhom fuq il-bażi ta' l-onestà reċiproka u fuq il-bażi fondamentali tal-kredibilità, ta' l-istabilità, tar-responsabiltà u ta" ftehim reċiproku; iħeġġeġ kemm liċ-Ċina kif ukoll lill-UE biex itejbu l-koperazzjoni tagħhom fuq din il-bażi sabiex ikollhom rwol stabbli, responsabbli u kredibbli fi ħdan il-komunità internazzjonali;

4.   Jiddispjaċih li relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi akbar maċ-Ċina ma wasslux għal progress sostanzjali fil-qasam tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, li huma komponenti fundamentali fid-djalogu politiku bejn iċ-Ċina u l-UE; huwa ta' l-opinjoni, f'dan ir-rigward, li l-iżvilupp tar-relazzjonijiet kummerċjali maċ-Ċina irid jimxi id f'id ma' l-iżvilupp ta' djalogu politiku ġenwin, produttiv u effettiv;

Sitwazzjoni ekonomika

5.  Jinnota li l-UE, wara t-tkabbir, għaddiet lill-Ġappun biex saret l-ikbar sieħba kummerċjali taċ-Ċina u li, fl-istess waqt, iċ-Ċina telgħet mit-tielet l-ikbar sieħba kummerċjali ta' l-UE biex saret it-tieni l-ikbar, wara l-Istati Uniti;

6.  Jinnota li fl-2005, il-bilanċ fil-kummerċ taċ-Ċina laħaq il-USD 102 biljuni, li huwa iktar minn darbtejn l-ammont tas-sena ta' referenza preċedenti (USD 32 biljun); li fl-2005, ir-riżervi ta' muniti laħqu madwar USD 819-il biljun - żieda ta' USD 209 biljuni meta mqabbel mas-sena preċedenti; li jekk din ix-xejra tkompli, x'aktarx iċ-Ċina se jkollha għad-dispożizzjoni tagħha 'l fuq minn USD 1000 biljun fir-riżervi ta' muniti barranin fl-aħħar ta' l-2006, u b'hekk ikollha l-ikbar ħażna ta' muniti barranin fid-dinja; li tbassiriet inizjali għall-2006 jindikaw dħul ta' kapital ta' madwar USD 50 biljun, primarjament f'investimenti diretti privati fit-tul; jilqa' f'dan ir-rigward il-fatt li ċ-Ċina bdiet tnaqqas ir-rabta (pegging)tal-munita tagħha (Renminbi) mad-dollaru Amerikan u b'hekk mhix kontra l-possibilità ta' evalwazzjoni mill-ġdid tal-munita; jaħseb li għandhom jittieħdu bis-serjetà twissijiet dwar nuqqas ta' ħlas supplimentari fuq riskju għal operazzjonijiet ta' self;

7.  Jinnota l-iżvilupp ekonomiku mgħaġġel taċ-Ċina, li jagħmilha r-raba' l-ikbar ekonomija fid-dinja f'termini ta' dollari, anke meta bħalissa hija evalwata inqas; b'hekk jistieden lill-Kummissjoni biex teżerċita pressjoni politika u ekonomika bil-ħsieb li ġġib flessibilità fir-rata tal-kambju tal-munita Ċiniża, li qed tintrabat ma' valur baxx artifiċjali, sitwazzjoni li tmur kontra l-liberalizzazzjoni gradwali tal-kummerċ dinji; jistieden liċ-Ċina sabiex b'mod gradwali tifflowtja r-rata tal-kambju tagħha; jistieden liċ-Ċina biex tissostitwixxi l-irbit fiss tal-munita tagħha mad-dollaru b'rabta ma' basket ta' muniti, inkluż l-euro;

8.   Hu mħasseb dwar l-iżvilupp ta" inugwaljanza u ta" distribuzzjoni inġusta tal-ġid, il-qgħad kbir u l-urbanizzazzjoni bla kontroll, ir-rata li qed tikber ta" kriminalità u ta" korruzzjoni u mhux b'inqas il-problemi ambjentali taċ-Ċina;

9.  Jagħraf li ċ-Ċina hija iktar minn suq li qed jikber malajr; jenfasizza l-fatt li r-rivoluzzjoni teknoloġika preżenti ta' pajjiż ta' dan id-daqs għandha implikazzjonijiet enormi fuq l-ekonomija globali;

10.  Huwa tal-fehma li żvilupp ekonomiku bbilanċjat huwa ta' importanza kbira kemm għaċ-Ċina kif ukoll għall-UE; jenfasizza l-fatt li l-istaġnar ta' l-ekonomija Ċiniża minħabba tkabbir mhux ikkontrollat huwa theddida serja kemm għall-istabilità interna taċ-Ċina kif ukoll għall-benesseri ta' l-ekonomija globali; jirrikonoxxi li żvilupp ekonomiku mgħaġġel fiċ-Ċina jippreżenta sfida enormi għall-isforzi globali biex jiġu ttrattati l-problemi tal-bidla tal-klima, meta l-emissjonijiet tas-CO2 mill-impjanti li jiġġeneraw l-elettriku li jaħdmu bil-faħam huma maħsuba li jirduppjaw sa l-2030;

11.  Jilqa' l-fatt li fil-ħarifa 2006 il-Kummissjoni ħadet l-inizjattiva li tippubblika dokument ta' strateġija dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali fuq medda twila ta' żmien ta' l-Unjoni maċ-Ċina sabiex tantiċipa b'mod iktar adegwat l-impatt tat-tkabbir ekonomiku taċ-Ċina u biex tevita li jsiru deċiżjonijiet ad hoc, b'hekk tgħin biex tiżgura li ċ-Ċina ma tibqax titqies bħala theddida, iżda li titqies bħala sfida u bħala sieħba li qed tevolvi;

12.  Jenfasizza li relazzjoni kummerċjali dejjem iktar pożittiva għandha wkoll twassal għal riformi fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, u jirrikonoxxi li, sakemm ma jkun hemm kodiċi ta' kondotta li jorbot legalment dwar l-esportazzjoni ta' armi u sakemm is-sitwazzjoni fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet ċivili u politiċi - inkluża l-kwistjoni ta' Pjazza Tiananmen - ma jiġux indirizzati b'mod xieraq, l-UE m'għandhiex tneħħi l-embargo fuq l-armi;

13.  Jistieden liċ-Ċina biex tiżviluppa klima ta' investiment solida u kredibbli għall-kummerċ u l-industrija barranin u sabiex tingħata prijorità assoluta lit-titjib tas-sigurtà legali għal kumpanniji barranin;

14.  Ifakkar liċ-Ċina li aktar ftuħ tas-swieq tagħha għal kumpanniji u investimenti barranin, speċjalment fis-setturi tat-telekomunikazzjoni, tal-banek u tas-servizzi finanzjarji jrid jitqies bħala parti integrali ta' l-isħubija strateġika; jistieden liċ-Ċina biex tirriforma s-suq u s-sistema ekonomika tagħha kif xieraq, u biex tikkonforma b'mod iktar rigoruż mar-regoli dwar l-anti-dumping u biex tinforzahom b'mod iktar strett;

15.   Fid-dawl tar-riżultati ta' l-investigazzjoni tal-anti dumping fis-settur taż-żraben, fejn ġie ppruvat li ċ-Ċina kienet qed tippratika intervenzjoni mill-Istat u dumping soċjali, u fid-dawl tal-passi meħuda mill-Kummissjoni sabiex tikkoreġi dan it-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni, tħeġġeġ lill-Unjoni sabiex l-imsieħba tagħha fil-kummerċ, bħaċ-Ċina, jaderixxu mar-regoli tal-kummerċ internazzjonali ġust u fuq prinċipju ta' ekwita'; jitlob lill-Kummissjoni, sabiex meta din tikkunsidra kif il-miżuri ta' anti-dumping għandhom jintużaw - ħaġa li din ser tagħmel fi żmien qasir, tissimplifika l-proċeduri sabiex il-mekkaniżmi ta' l-antidumping jistgħu jintużaw aktar malajr mill-SMEs; barra minn hekk, isejjaħ sabiex il-proċedura ta' l-antidumping issir aktar trasparenti;

16.  Huwa tal-fehma li fil-qafas ta' l-isforzi biex is-sistema bankarja Ċiniża tiġi mmodernizzata u liberalizzata, l-UE għandha tkompli taħdem mill-qrib ma' l-awtoritajiet Ċiniżi bil-ħsieb li jiġu adottati standards ta' kontabilità internazzjonali u l-istandard ta' Basel II, li għandhom jiżguraw iktar sigurtà għal investituri mill-UE;

17.  Jilqa' l-modernizzazzjoni mgħaġġla tas-settur finanzjarju Ċiniż; jenfasizza, madankollu, l-importanza kbira li tiġi żgurata tranżizzjoni bla skossi sabiex tiġi evitata kwalunkwe instabilità finanzjarja li jista' jkollha konsegwenzi fuq is-swieq finanzjarji globali; jissuġġerixxi, b'mod partikulari, li għandha tiġi evitata 'tellieqa sal-qiegħ' li tinvolvi konkorrenza regolatorja li tagħmel ħsara bejn is-swieq finanzjarji globali; jissuġġerixxi, bil-kontra, li regolaturi ewlenin madwar id-dinja għandhom jippromwovu standards ta' l-ogħla kwalità; ifakkar li l-UE nnifisha hija impenjata favur il-konverġenza globali ta' standards fl-oqsma tal-kontabilità (Standards Internazzjonali tar-Rappurtaġġ Finanzjarju), tal-verifika (Standards Internazzjonali tal-Verifika), rekwiżiti ta' kapital għall-istituzzjonijiet ta' kreditu (Basel II), il-money laundering u l-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu (Rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma ta' Azzjoni Finanzjarja kontra l-Money Laundering (FATF)) u r-regolamentazzjoni tas-suq fit-titoli (Standards ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli); jirrimarka li l-UE tkun lesta toffri l-esperjenza u l-għajnuna tagħha lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jimplimentaw konverġenza meta tkun meħtieġa;

18.  Huwa tal-fehma li ċ-Ċina qed tiffaċċja żbilanċ konsiderevoli fl-iżvilupp reġjonali u iktar żbilanċi fid-dħul finanzjarju ġenerali, u li t-tmexxija Ċiniża ġdida għandha timpenja ruħha biex tiffaċċja dawn il-problemi bl-għajnuna u l-kompetenza tal-Kummissjoni;

19.  Jistieden liċ-Ċina biex tuża proċedura trasparenti u ġusta fl-għoti ta' kuntratti għall-akkwist pubbliku li tagħti lil organizzazzjonijiet barranin opportunitajiet indaqs biex jipparteċipaw;

20.  Huwa tal-fehma li l-piraterija u l-iffalzifikar ta' prodotti u marki Ewropej minn industriji Ċiniżi jikkostitwixxu ksur serju tar-regoli internazzjonali tal-kummerċ; iħeġġeġ liċ-Ċina biex issaħħaħ b'mod sinifikanti l-ħarsien tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali (IPR) għal invenzjonijiet Ċiniżi u barranin; jistieden liċ-Ċina biex tenforza l-liġijiet preżenti dwar il-ħarsien ta' l-IPR; jilqa' l-ħolqien tal-katedra ta' l-IPR fl-Università ta' Beijing;

21.  Jirrikonoxxi l-importanza ta' l-MES għaċ-Ċina; jenfasizza, madankollu, il-fatt li l-MES huwa strument ekonomiku aktar milli strument politiku; iħeġġeġ liċ-Ċina biex tnaqqas l-indħil ta' l-istat fl-ekonomija u biex ittejjeb il-prestazzjoni tagħha fir-rigward tal-konformità żbilanċjata tagħha ma' sistemi ta' governanza korporattiva u ta' kontabilità u l-qafas mhux effettiv tagħha relatat ma' proċeduri ta' falliment;

22.  Jinnota li l-problemi riċenti fis-settur taż-żraben juru l-ħtieġa li ċ-Ċina tadotta politika ta' anti-dumping iktar xierqa; jenfasizza l-urġenza ta' tali politika fil-kuntest ta' l-isħubija taċ-Ċina fid-WTO;

23.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jirrikonoxxu li d-diffikultajiet li qed jiffaċċjaw is-setturi tat-tessuti, tal-ħwejjeġ u taż-żraben huma sistemiċi, u jistieden lill-Kummissjoni, meta tkun qed tirrivedi l-istrateġija ekonomika u kummerċjali tagħha fir-rigward taċ-Ċina, biex tikkoreġi l-iżbilanċji attwali u biex tantiċipa l-isfidi;

24.  Jistieden liċ-Ċina biex tadotta politika ekonomika bbażata iktar fuq il-konsum soċjali (edukazzjoni, saħħa, pensjonijiet, eċċ) u domestiku u inqas fuq l-investiment u l-esportazzjoni;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja lill-awtoritajiet Ċiniżi fil-kampanja tagħhom kontra l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-piraterija ta' prodotti;

Is-sitwazzjoni interna

26.  Huwa wkoll tal-fehma li bħalissa hemm diffikulta' sabiex jitbassar l-iżvilupp futur taċ-Ċina u se jiddipendi l-iktar fuq kwistjonijiet domestiċi bħall-iżvilupp ulterjuri bla xkiel ta' l-ekonomija u t-titjib gradwali ta' l-istandards ta' l-għajxien tal-maġġoranza tal-popolazzjoni;

27.  Jaqbel għal kollox mal-konklużjoni fil-White Paper imsemmija hawn fuq dwar il-ħtieġa li jkomplu jissaħħu aktar il-kunċett tad-demokrazija u l-għarfien dwar il-kunċetti ġuridiċi fis-soċjetà Ċiniża kollha kemm hi;

28.  Jenfasizza l-fatt li l-modernizzazzjoni soċjo-ekonomika mgħaġġla tal-PRC għandha titwettaq flimkien mal-pluraliżmu politiku u l-modernizzazzjoni istituzzjonali meħtieġa u li din tista' tmantni lilha nnifisha minn sorsi indiġeni bħax-xogħlijiet tar-riformaturi liberali ta' lejn tmiem is-seklu 19, u speċjalment il-ħsibijiet bażiċi ta' Sun Yat-sen;

29.  Jinnota li s-sigurtà soċjali, is-saħħa u s-sigurta' fil-post tax-xogħol, id-dritt li tifforma trade unions, ir-relazzjonijiet industrijali u d-djalogu soċjali jirrappreżentaw sfidi ewlenin għall-ġejjieni taċ-Ċina; jistieden liċ-Ċina biex tirratifika l-konvenzjonijiet ewlenin ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, b'mod partikulari l-Konvenzjoni 87 dwar il-Libertà ta" Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt ta" Organizzazzjoni u l-Konvenzjoni 98 dwar l-innegozjar kollettiv u biex tikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta' qafas ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol fir-rigward ta' miżuri effettivi fil-ġlieda kontra kull forma ta' skjavitù modern, ħaddiema tfal u l-isfruttar, b'mod partikulari ta' ħaddiema nisa, sabiex tiżgura r-rispett għad-drittijiet fondamentali tal-ħaddiema u biex tiskuraġġixxi d-dumping soċjali; jistieden lill-Kummissjoni biex titensifika u tirrapporta lura regolarment dwar id-djalogu strutturat f'dawn l-oqsma mal-kontropartijiet tagħha fiċ-Ċina;

30.  Huwa tal-fehma li ċ-ċaħda tad-dritt li jiffurmaw trade unions indipendenti hi kontroproduttiva fid-dawl tal-protesti u d-dimostrazzjonijiet li qed jiżdiedu minn ħaddiema madwar ċ-Ċina kontra senzjar impost, paġi u benefiċċji oħra mhux imħallsa, korruzzjoni b'mod uffiċjali u mmaniġġjar ħażin; għalhekk jistieden lill-gvern Ċiniż biex jirrikonoxxi u jiggarantixxi l-istess dritt bażiku għall-libertà ta' l-espressjoni u ta" l-assoċjazzjoni u d-dritt ta' azzjoni industrijali;

31.   Jiġbed l-attenzjoni għall-problema li qed tikber tax-xogħol minn persuni taħt l-età fiċ-Ċina u l-kundizzjonijiet tax-xogħol mhux favorevoli li jħabbtu wiċċhom magħhom ħaddiema taħt l-età fil-pajjiż, minkejja l-fatt li xogħol minn persuni taħt l-età huwa projbit mill-liġi tax-xogħol Ċiniża; għalhekk iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi sabiex mhux biss itejbu l-infurzar tal-liġi, imma wkoll jindirizzaw l-għerq tal-kawżi tal-problema tax-xogħol minn persuni taħt l-età, bħad-disparitajiet ekonomiċi li qed jikbru, bħall-istruttura soċjali li qed tinbidel malajr u bħall-falliment tas-sistema edukattiva li tipprovdi edukazzjoni adegwata għat-tfal kollha u li tintlaħaq mill-bwiet ta" kulħadd;

32.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-diskriminazzjoni soċjo-ekonomika terribbli fiċ-Ċina kontra l-150 miljun ħaddiem migrant mill-kampanja; jieħu nota tal-miżuri meħuda mill-gvern Ċiniż biex isolvi l-problema, murija bil-pubblikazzjoni uffiċjali fit-28 ta' Marzu 2006 tal-linji gwida ġodda tal-gvern, u jesprimi l-intenzjoni tiegħu biex isegwi bir-reqqa r-riżultati ta" l-implimentazzjoni ta" din il-politika ġdida;

33.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea biex tkompli tissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni fil-Macao u f'Hong Kong u jittama li l-aspetti li jagħmlu kuraġġ taż-żewġ esperjenzi jservu ta' eżempju u jistimulaw biex il-proċess politiku Ċiniż jimxi 'l quddiem;

34.  Jirraġuna li sakemm is-CCP mhix suġġetta għall-ordni ta' stat kostituzzjonali, il-partit se jibqa' stat ġo stat u b'hekk ikun vulnerabbli ħafna għal każijiet serji ta' abbuż tal-poter bħall-ħażen nazzjonali ta' korruzzjoni fi ħdan l-istruttura politika, u tali sitwazzjoni ddgħajjef il-possibilità li tinħoloq soċjetà bbażata fuq l-istat tad-dritt;

35.  Jingħaqad mal-kritika, espressa fil-ġurnali ta' l-avukati taċ-Ċina, li l-Artikolu 126 tal-Kostituzzjoni Ċiniża għandu jinkludi wkoll projbizzjoni fuq l-indħil tas-CCP jew tal-Gvern Ċiniż fl-operat tal-ġustizzja;

36.  Jistenna li jsiru sforzi ġodda biex tissaħħaħ l-indipendenza tal-ġudikatura, u jittama li l-bidla gradwali ta' mħallfin mhux kwalifikati ma' ġuristi kompetenti twaqqaf il-korruzzjoni endemika fi ħdan il-ġudikatura u b'hekk titqawwa l-fiduċja popolari f'din l-istituzzjoni fondamentali ta' l-istat;

37.  Jilqa' l-wegħda li għamel il-President tal-Qorti Suprema tal-Poplu waqt l-10 Kungress Nazzjonali tal-Poplu li minn Lulju 2006 appelli kontra sentenzi li jimponu l-piena tal-mewt se jibdew isiru f'qorti miftuħa; jistenna li din il-wegħda sseħħ;

38.  Iħeġġeġ liċ-Ċina biex tabolixxi l-piena tal-mewt u tiddikjara moratorju effettiv fir-rigward ta' persuni li diġà ġew ikkundannati; jinnota s-sinjal sinifikanti li taw il-ġuristi Ċiniżi li l-piena tal-mewt għandha tiġi imposta biss f'każi fejn isiru reati serji u vjolenti, bil-maqlub tas-sitwazzjoni preżenti, fejn 68 reat jistgħu jwasslu għall-piena tal-mewt, u li nofshom ma humiex reati kapitali; huwa mħasseb dwar il-fatt li ċ-Ċina twettaq iktar eżekuzzjonijiet minn kull pajjiż ieħor fid-dinja; jistieden liċ-Ċina biex tippubblika l-figuri uffiċjali ta' l-eżekuzzjonijiet li saru fis-sena 2005/2006;

39.  Jappoġġja bil-qawwa t-talba tal-Professur Liu Renwen, ġurista u membru ta' l-Akkademja Ċiniża tax-Xjenzi Soċjali, biex jintemm il-kummerċ illegali fl-organi ta' persuni ġġustizzjati, billi jiġu imposti dispożizzjonijiet u kontrolli stretti;

40.  Huwa mħasseb serjament dwar l-azzjoni qawwija li tittieħed mill-awtoritajiet kontra "aġitaturi"; jinnota li, skond Blue Paper maħruġa mill-Akkademja tax-Xjenzi Soċjali ta' Beijing, raġunijiet għal protesti tal-massa inkludew b'mod partikulari problemi ambjentali serji ħafna li pperikolaw is-saħħa u l-eżistenza ta' ħafna bdiewa f'reġjuni li ġew industrijalizzati riċentement, kif ukoll esproprjazzjonijiet tal-mistħija ta' raba' għal skopijiet ta' bini, mingħajr ma nsemmu l-arbitrarjetà u l-korruzzjoni ta' l-awtoritajiet lokali;

41.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Gvern Ċiniż li jnaqqas id-distakk li qed jikber fid-dħul ekonomiku bejn il-popolazzjonijiet tar-reġjuni kostali u dawk tal-kampanja, li jiġu ffaċċjati problemi ambjentali serji, li titwettaq amministrazzjoni aħjar tar-riżorsi naturali u li jiġu żviluppati u stimulati teknoloġiji iktar effiċjenti;

42.  Jiġbed l-attenzjoni fuq l-impatt tat-tkabbir ekonomiku taċ-Ċina fuq ir-riżorsi naturali u fuq l-ambjent lokali u globali prinċipalment bħala riżultat ta' l-emissjonijiet ta'CO2; jistieden lill-Gvern Ċiniż biex jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex iħares l-ambjent u b'mod partikulari biex jiżgura l-provvisti ta' l-ilma għax-xorb għall-popolazzjoni u biex jieħu azzjoni kontra t-tniġġis atmosferiku u biex tinżamm il-bijodiversità; isejjaħ għal djalogu intensiv bejn iċ-Ċina u l-Unjoni Ewropea dwar riżorsi naturali u l-ambjent;

43.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jissorveljaw mill-qrib il-programmi ta' investiment tagħhom favur il-kampanja, fil-kuntest tal-biża' espressa minn riċerkaturi Ċiniżi li membri lokali tal-partit jinterpretaw referenzi għal "irħula ġodda" bħala sejħa għal proġetti ta' bini minn fuq dahar il-bdiewa, u meta wieħed iqis il-fatt stabbilit li s'issa, għoxrin fil-mija biss tas-sussidji ta' l-istat għas-settur agrarju fil-fatt waslu għand il-bdiewa li kienu intitolati għalihom;

44.  Huwa mħasseb dwar rapporti riċenti ta' abbużi serji kontinwi tad-drittijiet tal-bniedem fl-inħawi Tibetani taċ-Ċina, inklużi t-tortura, l-arrest arbitrarju u d-detenzjoni arbitrarja, l-arrest fid-dar u tipi oħra ta' sorveljanza mhux ġudizzjarja ta' dissidenti, detenzjoni mingħajr proċess legali pubbliku, repressjoni tal-libertà tar-reliġjon u restrizzjonijiet arbitrarji fuq il-libertà tal-moviment; huwa mħasseb ħafna dwar l-intensifikazzjoni tal-kampanja hekk imsejħa "edukazzjoni patrijottika" minn Ottubru 2005 fil-monasteri u l-kunventi tat-Tibet, l-isfurzar tat-Tibetani biex jiffirmaw stqarrijiet li jiddenunzjaw lid-Dalai Lama bħala separatist perikoluż u jipproklamaw it-Tibet bħala "parti miċ-Ċina", inkluż l-arrest ta' membri tal-kleru mill-Monasteru ta' Drepung f'Novembru 2005 għax irrifjutaw li jiddenunċjaw lid-Dalai Lama; jistieden liċ-Ċina biex tħalli korp indipendenti jkollu aċċess għall-Gedhun Choekyi Nyima, il-Panchen Lama tat-Tibet, u għall-ġenituri tiegħu, kif mitlub mill-Kumitat għad-Drittijiet tat-Tfal tan-NU; jistieden lill-Gvern Ċiniż biex jintensifika l-parteċipazzjoni pożittiva tiegħu f'negozjati dwar it-talbiet tad-Dalai Lama għall-awtonomija tat-Tibet;

45.  Jieħu nota li l-politika ta' "tarbija waħda" taċ-Ċina rriżultat fi żbilanċ fit-tqassim tal-popolazzjoni; iħeġġeġ liċ-Ċina biex tirrikonoxxi l-fatt li l-bilanċ futur bejn il-partijiet tal-popolazzjoni li jaħdmu u dawk li ma jaħdmux se jkollu effetti ekonomiċi kbar; jenfasizza l-fatt li l-UE qed tiffaċċja wkoll il-problema ta' popolazzjoni li qed tixjieħ; jistieden liċ-Ċina biex taħsibha mill-ġdid dwar l-implimentazzjoni konkreta tal-politika tagħha ta' "tarbija waħda" sabiex tieħu ħsieb l-iżvantaġġi ekonomiċi u soċjali ta' dik il-politika;

46.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi biex fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jipprovdu miżuri li jħarsu l-benesseri ta', u jwaqqfu l-krudeltà fuq l-annimali, speċjalment fir-rigward tat-trobbija ta' l-annimali għall-pil tagħhom; iħeġġeġ liċ-Ċina biex twaqqaf l-abbuż ta' l-annimali għal skopijiet ta' mediċina tradizzjonali, kif isir fil-każ tal-qrun tar-rinoċeronte u l-bili ta' l-orsijiet;

Drittijiet tal-Bniedem

47.  Jenfasizza l-fatt li t-twettiq tad-drittijiet bażiċi mill-PRC jirrikjedi t-twaqqif ta' Qorti Kostituzzjonali, li mingħajrha l-emendi kostituzzjonali, bħal dik ta' Marzu 2004 dwar id-drittijiet tal-bniedem, jibqgħu fil-biċċa l-kbira simboliċi;

48.  Jenfasizza li ċittadini Ċiniżi għandu jkollhom il-jedd legali għad-drittijiet bażiċi tagħhom, u jħeġġeġ lill-qrati biex jindirizzaw bis-sħiħ inġustizzji ċari fuq il-bażi tal-Kostituzzjoni, b'hekk jitwettaq proċess legali f'saħħtu li issa, bil-mod il-mod, qed iżid fil-momentum;

49.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li l-istat jastjeni milli jirregola r-reliġjon u l-espressjoni reliġjuża; jafferma l-ħtieġa, partikolarment fil-kuntest tat-taħdidiet bejn uffiċjali Ċiniżi dwar id-definizzjoni ta' "reliġjon" u speċjalment ta' "reliġjon legali", ta' liġi komprensiva dwar ir-reliġjon li tilħaq l-istandards internazzjonali u tiggarantixxi libertà reliġjuża ġenwina;

50.  Jikkundanna l-kuntradizzjoni bejn il-libertà kostituzzjonali tat-twemmin (iddikjarata fl-Artikolu 36 tal-Kostituzzjoni) u l-indħil kontwinwu ta' l-Istat fl-affarijiet ta' komunitajiet reliġjużi, b'mod partikulari fir-rigward tat-taħriġ, l-għażla, il-ħatra u l-indottrinazzjoni politika tal-ministri tar-reliġjon; jikkundanna b'mod partikulari l-fatt li l-Istat jagħti d-dritt ta' eżistenza legali lil ħames reliġjonijiet biss u barra minn hekk, ipoġġihom taħt il-kontroll ta' l-assoċjazzjonijiet reliġjużi "patrijottiċi" Ċiniżi korrispondenti, jipproteġi attivitajiet reliġjużi "normali" (zhengchang) biss u jagħmel ir-reġistrazzjoni uffiċjali tagħhom suġġetta għall-aċċettazzjoni tal-prinċipji li huma l-bażi tat-"Tliet Awtonomiji";

51.  Jistieden lill-Kunsill biex jgħarraf lill-Parlament dwar miżuri li ttieħdu bħala segwitu għad-dikjarazzjoni li saret fir-riżoluzzjoni hawn fuq imsemmija tat-8 ta' Settembru 2005 dwar id-destin ta' bosta isqfijiet maqfulin il-ħabs fil-PRC minħabba t-twemmin reliġjuż tagħhom; barra minn hekk, jistieden lill-awtoritajiet tal-PRC biex jeħilsu minnufih lill-membri kollha tal-Knisja Nisranija li għadhom qed jinżammu fil-ħabs b'mod inġust u li qed jiġu ppersegwitati;

52.  Jinnota li attwalment hemm iktar Insara madwar iċ-Ċina li jipprattikaw ir-reliġjon f'postijiet għal dan l-iskop li huma "illegali" (kemm fi knejjes Protestanti ġo djar kif ukoll ma' gruppi Kattoliċi sigrieti leali lejn il-Vatikan) milli jattendu postijiet tat-talb "patrijottiċi", u li ż-żewġ gruppi ta' prattikanti, magħmulin minn ċittadini li josservaw il-liġi, ma jikkostitwixxu l-ebda theddida għas-sigurtà pubblika; jistieden lill-Gvern Ċiniż biex jieqaf mill-persekuzzjoni u mill-priġunerija ta' gruppi Nsara bħal dawn; isostni li Nsara li ma jidentifikawx ruħhom mal-"knejjes patrijottiċi" għandhom id-dritt li jipprattikaw ir-reliġjon fil-libertà;

53.  Jikkundanna l-ksur serju tal-libertà reliġjuża bl-ordinazzjoni illegali riċenti ta' isqfijiet (30 ta' April 2006, Kunming - Yunnan; 3 ta' Mejju 2006, Wuhan - Anhui), ikkaġunat mhux ftit mill-pressjoni qawwija u mit-theddid minn korpi mhux tal-Knisja li ġie sottomess għalihom il-kleru Kattoliku leali lejn il-Vatikan;

54.  Huwa tal-fehma li l-aħħar ordinazzjonijiet inaqqsu mill-kredibilità ta' l-istqarrijiet riċenti ta' l-awtoritajiet Ċiniżi dwar ir-rieda tagħhom li jħejju t-triq għal djalogu sinċier u kostruttiv bejn il-PRC u s-Santa Sede; jirrimarka, għalhekk, dwar il-ħtieġa li tiġi rispettata l-libertà tal-Knisja u tinżamm l-awtonomija ta' l-istituzzjonijiet tagħha minn kwalunkwe indħil estern, li, barra milli jiġi espress f'imġiba li tmur kontra t-talbiet negozjati miż-żewġ naħat, idgħajjef il-kunfidenza fi djalogu reċiproku u progress fil-libertà fiċ-Ċina;

55.  Jirrimarka li r-Rapporteur Speċjali dwar it-Tortura tan-NU, wara li temm il-missjoni tiegħu, irringrazzja lill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin għall-koperazzjoni tiegħu, iżda ċanfar lill-Ministeri tas-Sigurtà ta' l-Istat u tas-Sigurtà Pubblika għax ostakolaw jew irrestrinġew l-isforzi tiegħu biex jiġbor tagħrif;

56.  Huwa mħasseb bil-kbir dwar l-istqarrija tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-Tortura li l-prattika tat-tortura għadha mifruxa fiċ-Ċina, sitwazzjoni ta' min jikkundannaha li fil-fatt qed tiġi rrikonoxxuta dejjem iżjed minn uffiċjali tal-Gvern u f'rapporti, kif ukoll mil-"livell palpabbli ta' biża' u awtoċensura" li huwa osserva waqt intervisti mad-detenuti;

57.  Japprova r-rakkomandazzjonijiet preliminari tar-Rapporteur Speċjali għall-Gvern Ċiniż, eż. dwar riforma tal-liġi kriminali billi jiġi miżjud ir-reat tat-tortura skond id-definizzjoni fil-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattament jew Kastig Krudili, Inuman jew Degradanti ieħor, kif ukoll l-istabbiliment ta' mekkaniżmu indipendenti għall-ilmenti għal detenuti li huma suġġetti għat-tortura u trattament ħażin;

58.  Jistieden lill-Gvern Ċiniż biex jirrivedi l-verdetti li ngħataw għar-reat ta' "theddida għas-sigurtà pubblika", meta wieħed iqis li fil-maġġoranza l-kbira tal-każi, l-akkużat ma kien għamel xejn ħlief li jeżerċita b'kuraġġ id-dritt kostituzzjonali fondamentali tiegħu li jikkritika fil-miftuħ il-linji politiċi tal-Gvern u tas-CCP;

59.  Għal darb'oħra jistieden lill-Gvern tal-PRC biex itejjeb il-kundizzjonijiet ta' priġunerija fil-ħabsijiet tiegħu u biex iwaqqaf u jabolixxi t-tortura ta' detenuti;

60.  Jiddispjaċih li ma sar l-ebda progress sostanzjali fir-rigward tal-ħelsien ta' priġunieri politiċi detenuti minħabba l-involviment tagħhom fid-dimostrazzjonijiet fil-Pjazza ta' Tiananmen u, bl-istess mod, jiddispjaċih li l-awtoritajiet Ċiniżi jkomplu jinjoraw sejħiet għal inkjesta sħiħa u imparzjali dwar il-ġrajjiet ta' l-1989; isejjaħ għal evalwazzjoni uffiċjali mill-ġdid tal-ġrajja il-Pjazza ta' Tiananmen mill-awtoritajiet Ċiniżi, il-pubblikazzjoni tal-lista ta' priġunieri politiċi u l-ħelsien mingħajr kundizzjonijiet tagħhom;

61.  Isejjaħ l-awtoritajiet Ċiniżi  sabiex jiżvelaw fejn jinsab l-avukat għad-drittijet tal-bniedem Gao Zhisheng u sabiex jirrilaxxawh sakemm dan mhux ser ikun mixli b'reat kriminali; bl-istess mod isejjaħ għar-rilaxx ta' Chen Guangcheng li għen persuni fl-isforzi tagħhom sabiex jieħdu azzjoni kontra l-awtoritajiet lokali tagħhom li wettqu abborti sfurzati u sterilizzazzjoni, u r-rilaxx ta' Bu Dongwei, li kien mibgħut għal sentejn u nofs 'Ri-edukazzjoni permezz ta' Xogħol' (RTL) u li hu detenut f'post mhux magħruf; jikkundanna r-repressjoni reċenti ta' l-avukati tad-difiża min-naħa ta' uffiċjali Ċiniżi bl-għan li jwaqqfu l-isfidi legali għall-awtorità tagħhom; jitlob, b'mod partikulari, il-ħelsien immedjat ta' Gao Zhisheng, wieħed mill-avukati u dissidenti Ċiniżi li l-aktar li kkritika bla tlaqliq, u li kien arrestat fuq suspett ta' attività kriminali, u ta' Chen Guangcheng, difensur tad-drittijiet tan-nies tal-kampanja li kien ikkundannat għal aktar minn erba' snin ħabs; b'hekk iħeġġeġ l-awtoritajiet sabiex jiżguraw li dawk li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem jistgħu jwettqu attivitajiet paċifiċi u leġittimi mingħajr biża' ta' arrest arbitrarju, tortura jew trattament ħażin u li jingħataw aċċess lill-rappreżentazzjoni xierqa legali fil-każ ta' arrest;

62.  Jingħaqad mar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-Tortura, mal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja u mal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem biex iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż biex jabolixxi l-"Edukazzjoni mill-ġdid permezz tax-Xogħol" u forom simili ta' "edukazzjoni mill-ġdid" sfurzata ta' detenuti fil-ħabsijiet, f'ċentri ta' detenzjoni ta' qabel il-proċess fil-qorti u fi sptarijiet psikjatriċi;

63.  Jirrifjuta s-sistema ta' psikjatrija pulizjeska msejħa Ankang, li hi mifruxa madwar il-pajjiż kollu, li tintuża fil-konfront ta' dissidenti politiċi u soċjali, li tagħti x'tifhem li twiegħed "is-saħħa permezz tal-mistrieħ u tal-paċi", imma fil-fatt tkisser lill-"pazjenti" tagħha; iwiddeb lill-awtoritajiet kontra t-twessigħ ta' l-Ankang minn 22 għal 125 klinika, iżda, għall-kuntrarju, jistedinhom ineħħu din it-tebgħa nazzjonali;

64.  Jikkundanna b'mod partikulari l-eżistenza tal-kampijiet tax-xogħol ta' Laogai mifruxin madwar il-pajjiż, li fihom il-PRC iżżomm bħala detenuti attivisti favur id-demokrazija, attivisti fil-qasam tax-xogħol u membri ta' minoranzi mingħajr proċess ġust, li jiġu sfurzati jaħdmu f'kundizzjonijiet terribbli u mingħajr trattament mediku; iħeġġeġ liċ-Ċina sabiex tirratifika l-konvenzjoni ta" l-ILO 29 u 105 dwar l-Eliminazzjoni ta' xogħol infurzat u obbligatorju; jistieden liċ-Ċina biex tippreżenta stqarrija bil-miktub li tgħid li kwalunkwe prodott esportat ma ġiex immanifatturat minn ħaddiema sfurzati f' xi kamp ta' Laogai u, jekk l-ebda assigurazzjoni ma tista' tingħata, jinsisti li l-Kummissjoni tipprojbixxi l-importazzjoni ta' tali prodotti fl-UE;

65.  Jistieden lill-PRC biex tirrispetta l-obbligi internazzjonali tagħha taħt il-Konvenzjoni ta' Ġinevra ta' l-1951 dwar l-Istat tar-Refuġjati u l-Protokoll ta' l-1967 mehmuż magħha, u biex il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati jitħalla jkollu aċċess sħiħ għall-persuni mill-Korea ta' Fuq li qed ifittxu kenn u li jafu jkunu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali;

66.  Jikkundanna b'mod qawwi d-detenzjoni u t-tortura ta' prattikanti tal-Falun Gong fil-ħabsijiet, kampijiet ta' "Edukazzjoni mil-ġdid permezz tax-Xogħol", sptarijiet psikjatriċi u "skejjel għall-edukazzjoni legali"; huwa mħasseb dwar rapporti li organi ta' prattikanti detenuti tal-Falun Gong tneħħew u nbiegħu lil sptarijiet; iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż biex itemm id-detenzjoni u t-tortura ta' prattikanti tal-Falun Gong u li jeħlishom minnufih;

67.  Jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu dwar il-każijiet numerużi ta' ksur tad-drittijiet tan-nisa u tat-tfajliet li jirriżultaw mill-konformità sfurzata mal-politika tal-Gvern Ċiniż dwar l-ippjanar tal-familja, inklużi aborti selettivi, sterilizzazzjoni sfurzata, u l-abbandun ta' tfajliet fuq skala enormi;

68.  Iħeġġeġ liċ-Ċina biex mingħajr iktar dewmien tirratifika u timplimenta l-ICCPR;

69.  Jaqbel mal-messaġġ importanti mwassal fl-ittra miftuħa tar-Reuters/BBC hawn fuq imsemmija - li sfortunatament inżammet mistura mill-pubbliku ġenerali fiċ-Ċina - li l-politika preżenti taċ-ċensura qiegħda xxekkel l-iżvilupp politiku taċ-Ċina;

70.  Jesprimi tħassib qawwi dwar it-trażżin attwali min-naħa tal-PRC tal-libertà ta' l-espressjoni u l-aċċess ħieles għall-Internet; jirrepeti t-talbiet tiegħu lil Beijing biex tieqaf milli tintimida, twaqqaf jew titfa' fil-ħabs lil dawk li jiddefendu l-libertà ta' l-espressjoni, kemm jekk ir-ripressjoni hija diretta lejn ġurnalisti jew attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem jew jekk l-aċċess għal informazzjoni ma jibqax possibbli jekk tibblokka siti ta' l-internet li ma jikkonformawx maċ-ċensura ta' l-istat; jikkundanna, għalhekk, il-liġi dwar iċ-ċensura ta' l-Internet li għaddiet mill-Kungress Nazzjonali tal-Poplu u l-eżistenza ta' sistemi ta' ċensura ta' l-Internet magħrufin kollettivament bħala "Il-Firewall il-Kbir taċ-Ċina"; jagħmel stedina b'mod partikulari biex is-sit AsiaNews.it jerġa' jitħalla jkun online mingħajr dewmien - jew f'kwalunkwe każ li ma jkunx blokkjat - meta wieħed iżomm f'moħħu li barra milli hu sors eċċellenti ta' informazzjoni dwar l-Asja u d-difiża tad-drittijiet tal-bniedem, is-sit jgħin ukoll biex irawwem id-djalogu bejn il-Vatikan u l-PRC u b'hekk l-unità tal-Knisja Ċiniża;

71.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-linji politiċi irresponsabbli tal-kumpaniji ewlenin ta' l-Internet Yahoo u Google li b'mod dirett u indirett baxxew rashom għat-talbiet tal-Gvern Ċiniż għal ċensura ;

72.  Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jiftħu mill-ġdid l-uffiċċju tal-Fondazzjoni Friedrich Naumann f'Beijing, sabiex il-Fondazzjoni titħalla tkompli bix-xogħol tagħha għall-iżvilupp u d-demokrazija;

73.  Jirrikonoxxi l-influwenza globali li qed tiżdied taċ-Ċina iżda b'mod partikulari f'pajjiżi differenti bħall-Belorussja, il-Venezwela, is-Sudan, iż-Żimbabwe, il-Burma/Myanmar, l-Iran u l-Korea ta' Fuq, li r-rekord tagħhom tad-drittijiet tal-bniedem l-UE tikkritika b'mod qawwi;

74.  Jitlob lill-awtoritajiet Ċiniżi u lill-Kunsill biex itejbu d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem billi jintroduċu l-interpretazzjoni simultanja waqt il-laqgħat; jitlob li Membri tal-Parlament Ewropew ikunu involuti b'mod iktar attiv fid-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem flimkien mal-kollegi tagħhom mill-parlament Ċiniż;

75.  Jiddispjaċih li l-awtoritajiet f'Xinjiang b'mod regolari jiġbru flimkien individwi jew organizzazzjonijiet li allegatament huma involuti fit-"tliet elementi ta' ħażen", li tagħmilha diffiċli li wieħed jiddetermina jekk rejds, detenzjonijiet jew kundanni ġudizzjarji partikulari humiex immirati lejn dawk li qed ifittxu b'mod paċifiku li jesprimu l-fehmiet politiċi u reliġjużi tagħhom jew lejn dawk li huma involuti fil-vjolenza; iqis bħala kontroproduttiva l-qerda minn uffiċjali ta' kotba bil-lingwa Uighuriża, bil-għan li jgħawġu l-fatti storiċi u jrawmu sentiment ta' separatiżmu etniku;

76.  Ħerqan biex jiltaqa' mal-Kap Eżekuttiv u l-membri kollha tal-Kunsill Leġiżlattiv tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong li ġie elett permezz ta' sistema elettorali bbażata fuq il-prinċipji tad-demokrazija b'aktar minn partit wieħed, ir-responsabilità tal-gvern lejn il-leġiżlatura u l-governanza ġenwinament effettiva, li se tkun ta' benefiċċju ċar għan-nies kollha ta' Hong Kong;

77.  Jirrikonoxxi r-rwol dejjem akbar li ċ-Ċina għandha bħala potenza globali fuq livell dinji; f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-gvern Ċiniż biex jimpenja ruħu bis-sħiħ f'dak li għandu x'jaqsam mar-responsabiltajiet dejjem akbar tiegħu u biex jieħu sehem attiv fl-organizzazzjonijiet u l-fora internazzjonali u sabiex jippromwovi l-paċi u s-soluzzjoni paċifika tal-kunflitti u biex jappoġġja l-valuri universali tad-demokrazija, id-drittjiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

Politika barranija/Relazzjonijiet mal-ġirien

78.  Jiġbed l-attenzjoni għat-tħassib tad-dinja ta' barra, speċjalment il-ġirien reġjonali ta' Beijing, fir-rigward tar-rata ta' tkabbir b'ċifri doppji kull sena min-nofs id-90ijiet fin-nefqa militari taċ-Ċina; jirrakkomanda b'mod qawwi - kif approvat minn bosta riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew - li l-embargo ta' l-armi ta' l-UE kontra ċ-Ċina għandu jinżamm sakemm ma jsirx iktar progress fuq kwistjonijiet ta' drittijiet tal-bniedem; ifakkar f'dan il-kuntest fil-ħtieġa li tiġi inkluża f'aktar negozjati dwar il-Politika Ewropea dwar il-Viċinanzi u dwar il-Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni, l-adeżjoni għall-embargo ta' l-UE fuq il-kummerċ fl-armi mal-PRC;

79.  Jenfasizza r-rabta diretta bejn l-interess ovvju taċ-Ċina li tikseb aċċess għall-ogħla teknoloġija militari Ewropea u li jitneħħa l-embargo fuq l-armi kontra l-PRC, rabta li għandha konsegwenzi sinifikanti għall-koeżjoni tar-relazzjoni transatlantika u l-pożizzjoni tass-suq fl-Ewropa ta' l-industrija ta' l-armi ta' l-ogħla teknoloġija;

80.  Jesprimi tħassib dwar il-profondità tal-koperazzjoni maċ-Ċina fil-programm Galileo u jsejjaħ biex tiġi introdotta iktar protezzjoni biex ikun żgurat li ċ-Ċina, u msieħba oħrajn, ma jkunux jistgħu jittrasferixxu teknoloġiji sensittivi li jintużaw fil-programm għal applikazzjonijiet militari;

81.  Josserva li l-Liġi taċ-Ċina kontra s-Seċessjoni ta' l-14 ta' Marżu 2005 u l-istazzjonar preżenti ta' iktar minn 800 missila mal-kosta fix-xlokk tal-PRC li tħares lejn it-Tajwan igiddbu l-prinċipju ta' reunifikazzjoni paċifika; jistieden liċ-Ċina u lit-Tajwan biex jistabbilixxu fiduċja u rispett reċiproku u biex ifittxu bażi komuni waqt li jqiegħdu fil-ġenb id-differenzi li jeżistu bejniethom, biex jistabbilixxu l-bażi politika neċessarja għal żvilupp paċifiku u sod tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ naħat tal-Fliegu, biex jibdew mill-ġdid djalogu dwar dawk ir-relazzjonijiet sabiex jissaħħu l-iskambji u l-koperazzjoni ekonomika, sabiex isir progress b'mod partikulari fuq it-"tliet ħolqiet diretti" bejn iż-żewġ naħat tal-Fliegu ta' Tajwan (il-posta, it-trasport u l-kummerċ);

82.  Huwa tal-fehma li fir-rigward ta' l-għażla possibbli ta' proċess paċifiku ta' reunifikazzjoni maċ-Ċina, ir-rieda u l-approvazzjoni ta' 23 miljun ċittadin tat-Tajwan żgur li jridu jitqiesu, u jkunu rispettati, u hekk ukoll is-sovranità u l-integrità tat-Tajwan, fin-negozjati maċ-Ċina dwar l-istat tat-Tajwan; jirrimarka li l-bidu ta' proċess demokratiku ġenwin fil-PRC jista' jgħin biex titnaqqas it-tensjoni u titlesta t-triq għall-kontinwazzjoni ta' djalogu sostanzjali bejn iż-żewġ naħat;

83.  Jistieden liċ-Ċina biex tappoġġja l-possibilità li t-Tajwan ikollu l-istejtus ta' osservatur fl-Assemblea Dinjija tas-Saħħa ta' l-Organizzazzjoni għas-Saħħa fid-Dinja, sabiex tipproteġi s-saħħa tal-poplu tat-Tajwan, ta' rappreżentanti internazzjonali u ħaddiema barranin fuq il-gżira, u tal-popolazzjoni kollha tad-dinja; ifakkar f'dan il-kuntest li infezzjonijiet bħall-HIV/AIDS, it-tuberkulożi, il-malarja, is-SARS, u riċentement, l-influwenza avjarja ma jafux fruntieri u jeħtieġu koperazzjoni mad-dinja kollha - kif ukoll, u speċjalment, mat-Tajwan bħala wieħed mill-iktar ċentri internazzjonali importanti fil-Paċificu tal-Punent; itenni s-sejħa tiegħu biex it-Tajwan ikun rappreżentat aħjar f'fora u f'organizzazzjonijiet internazzjonali, sabiex tasal fi tmiemha l-esklużjoni mhux ġusta ta' 23 miljun ruħ mill-komunità internazzjonali;

84.  Jikkonkludi li r-relazzjoni problematika bejn Beijing u Tokjo hija kkawżata minn sens reċiproku ta' sfida: Il-Ġappun qed iħossu sfidat mill-qawmien ekonomiku taċ-Ċina u ċ-Ċina mit-tentattiv tal-Ġappun biex ikollu rwol politiku ikbar u iktar attiv fir-reġjun; jistieden liż-żewġ pajjiżi biex ma jagħmlux azzjonijiet li jistgħu joffendu t-tifkira storika jew is-sensibilitajiet tal-pajjiż l-ieħor;

85.  Jilqa' l-inizjattiva Amerikana għall-bidu ta' djalogu strateġiku ma' l-Ewropa dwar il-qawmien taċ-Ċina - element ewlieni ġdid fil-politika tad-dinja "l-ġdida" lejn id-dinja "l-antika" - u jħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha biex jiżviluppaw, kunsens strateġiku dwar kif għandha tiġi ttrattata ċ-Ċina;

86.  Jenfasizza l-importanza globali tar-relazzjonijiet taċ-Ċina fil-qasam ta' l-enerġija, kemm dawk li diġà jeżistu kif ukoll dawk li qed jitfaċċaw issa; jiġbed l-attenzjoni għall-impatt fuq is-suq dinji ta' l-enerġija taż-żieda fil-konsum ta' enerġija fiċ-Ċina, li se timxi id f'id mat-tkabbir ekonomiku tagħha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jinkludu kwistjonijiet dwar l-enerġija fl-istrateġija fit-tul tagħhom għar-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina biex meta jkun xieraq iqajmu l-kwistjoni fil-kuntatti tagħhom maċ-Ċina;

87.  Jirrikonoxxi l-importanza ekonomika speċjali tal-Kontinent Afrikan għall-PRC (30% ta' l-importazzjoni taż-żejt/suq li qed jikber għal tagħmir militari Ċiniż), iżda jħeġġeġ lit-tmexxija Ċiniża biex tirrispetta r-responsabilitajiet taċ-Ċina bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u biex fir-relazzjonijiet tagħha ma' stati Afrikani tippromwovi l-governanza tajba, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-prevenzjoni ta' kunflitti;

88.  Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet taċ-Ċina biex ikollhom rwol attiv sabiex jitkattar ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u ssir bidla demokratika fil-Burma/Myanmar;

89.  Jistenna li l-PRC tapplika l-proklamazzjoni tagħha kontra t-terroriżmu u l-proliferazzjoni nukleari b'mod konkret fir-relazzjonijiet ta' influwenza li ċ-Ċina għandha ma' l-Iran; jenfasizza li pożizzjoni deċiżiva tal-PRC fir-rigward ta' l-Iran tista' turi r-rieda u l-ħila taċ-Ċina li tieħu fuqha responsabilità internazzjonali;

90.  Jilqa' l-impenn taċ-Ċina għat-Taħdidiet bejn is-Sitt Partiti, u jħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż biex jagħmel iktar biex jippromwovi s-sigurtà u l-istabilità fl-Asja tal-Lvant, b'mod partikulari fil-peniżola Koreana, u biex ikollu rwol iktar proattiv fil-promozzjoni tad-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-Korea ta' Fuq;

Konklużjonijiet

91.  Jikkonkludi li relazzjoni ekonomika u kummerċjali kredibbli, stabbli u responsabbli bejn l-UE u ċ-Ċina għandha tkun ibbażata, fuq in-naħa Ewropea, fuq l-iżvilupp ta' strateġija fit-tul u, fuq in-naħa Ċiniża, fuq l-iżvilupp ta' klima soda ta' investiment, fuq it-titjib fis-sigurtà legali għal kumpaniji barranin, fuq il-ftuħ kontinwu tas-swieq tagħha, u qabel kollox, fuq l-osservanza ta' regoli ġusti u ugwali dwar il-kummerċ u fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tad-WTO, inkluża l-konformità mal-ftehim tat-TRIPS fir-rigward tal-ħarsien ta' l-IPR;

92.  Jenfasizza l-importanza li jiġi indirizzat l-kunċett ta" responsabilità soċjali korporattiva u l-bżonn ta" promozzjoni ta" l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ekoloġikament sostenibbli fir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina; jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu ħsieb li dawn il-prinċipji jiġu applikati;

93.  Jasal għall-konklużjoni li s-sitwazzjoni ġewwiena taċ-Ċina għandha titjieb billi jissaħħaħ il-proċess indiġenu ta' demokratizzazzjoni, billi tiżdied il-professjonalità tal-ġudikatura, billi tiġi abolita għal kollox l-piena tal-mewt u fuq kollox, billi jiġi implimentat il-programm soċjali tal-Gvern, approvat mill-10 Kungress Nazzjonali tal-Poplu, favur il-komunitajiet tal-kampanja li għadhom lura sabiex tinqeda l-popolazzjoni taċ-Ċina u tiġi promossa l-istabilità fir-reġjun, u billi jitħarsu l-minoritajiet u d-diversità kulturali, speċjalment fir-reġjuni tat-Tibet u ta' Xinjiang;

94.  Jikkonkludi li politika kredibbli u responsabbli dwar id-drittijiet tal-bniedem tista' tiġi stabbilita mill-ġdid fiċ-Ċina biss billi jiġu rispettati d-drittijiet bażiċi taċ-ċittadini tagħha, kif iddikjarati fil-Kostituzzjoni tar-Repubblika Popolari;

95.  Jasal għall-konklużjoni li ċ-Ċina tista' tikkontribwixxi b'mod qawwi għal relazzjonijiet kredibbli, stabbli u responsabbli ma' pajjiżi barranin u fil-viċinanzi billi tirrikonoxxi l-pożizzjoni ewlenija tagħha bħala parti interessata serja fil-liġi internazzjonali - u s-sistema ta' promozzjoni tal-paċi, pass ewlieni li l-UE tista' tippromwovi b'mod sinifikanti billi tifformula ma' l-Istati Uniti strateġija komuni ġdida dwar iċ-Ċina;

o
o   o

96.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jippreżenta din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri u l-pajjiżi applikanti u dawk kandidati għas-sħubija, lill-gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u lill-Kungress Nazzjonali tal-Poplu taċ-Ċina, u lill-awtoritajiet tat-Tajwan.

(1) ĠU L 250, 19.9.1985, p. 2.
(2) ĠU L 6, 11.1.2000, p.40.
(3) Testi Adottati, P6_TA(2005)0381.
(4) ĠU C 193 E, 17.8.2006, p. 347.
(5) ĠU C 45 E, 23.2.2006, p 107.
(6) ĠU C 127 E, 29.5.2003, p 652.
(7) Testi Adottati, P6_TA(2006)0037.
(8) ĠU C 157 E, 6.7.2006, p 471.
(9) ĠU C 201 E, 18.8.2005, p 122.
(10) ĠU C 247 E, 6.10.2005, p 158.
(11) Testi Adottati, P6_TA(2005)0416.


Is-sistemi ta' l-ittikkettar tal-prodotti tas-sajd
PDF 216kWORD 51k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tnedija ta' dibattitu dwar approċċ komunitarju rigward is-sistemi ta' l-ittikkettar tal-prodotti tas-sajd (2005/2189(INI))
P6_TA(2006)0347A6-0219/2006

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lil Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew li biha jitnieda dibattitu dwar approċċ komunitarju rigward is-sistemi ta' l-ittikkettar tal-prodotti tas-sajd (COM(2005)0275),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

–  Wara li kkunsidra r-Rapport Nru 780 tas-26 sessjoni tal-Kumitat għas-Sajd ta' l-Organizzjazzjoni ta' l-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) tan-NU li saret f'Ruma bejn is-7 u l-11 ta' Marzu 2005,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Pjan ta' Azzjoni komunitarju għall-integrazzjoni tar-rekwiżiti tal-ħarsien ta' l-ambjent fil-politika komuni dwar is-sajd (COM(2002)0186),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar "Il-futur għas-suq tal-prodotti tas-sajd fl-Unjoni Ewropea : respsonsabbiltà, sħubija u kompetitività"(COM(1997)0719),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta' l-20 ta' Diċembru 2002, dwar il-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni tas-Sajd(1),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  Wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel (A6-0219/2006),

A.   billi t-tqegħid fis-suq ta' prodotti tas-sajd sostanzjati minn ċertifikazzjoni ta' min joqgħod fuqha li l-qbid, it-trobbija, il-ġbir jew l-ipproċessar tagħhom sar skond kriterji ta' sostenibbiltà ambjentali jista' jikkontribwixxi b'mod sinifikattiv biex kemm il-produtturi kif ukoll il-konsumaturi jappoġġjaw aktar l-objettivi tas-sajd sostenibbli,

B.   billi, madankollu, m'hemmx kriterju wieħed adottat internazzjonalment dwar it-tifsira tas-sostenibbiltà fir-rigward tal-prodotti tas-sajd,

C.   billi fi skema ta' l-ittikettar ekoloġiku tal-prodotti, l-approċċ ekoloġiku għandu jkun dejjem ibbażat fuq evalwazzjonijiet ta' firxa wiesgħa,

D.   billi, fi programm ta' ttikettar u ċertifikazzjoni ekoloġika, trid tingħata prijorità lil skema ta' kjarifika bbażata fuq numru ta' kriterji,

E.   billi l-FAO ilha tistudja l-aspetti ta' l-ittikettar ekoloġiku għall-prodotti tas-sajd u ta' l-akwakultura mill-1998, u l-Kumitat tas-Sajd tagħha ħareġ linji gwida dwar dan f'Mejju ta' l-2005,

F.   billi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) studjat il-kwistjoni wara l-laqgħa f'Doha fl-2001, fejn deher ċar il-biża' tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li l-ittikettar ekoloġiku jista' jwassal għal mekkaniżmu ta' protezzjoniżmu għall-prodotti tal-pajjiżi iktar żviluppati,

G.   billi l-ittikettar ekoloġiku tal-prodotti tas-sajd ser iservi biex jittejjeb il-ġbir ta' informazzjoni dwar attivitajiet speċifiċi tas-sajd (itejjeb il-kwantità u l-affidabilità tad-data),

H.   billi l-proliferazzjoni attwali ta' tiketti ekoloġiċi u kriterji għall-ittikettar ekoloġiku, u n-nuqqas ta' fiduċja u l-konfużjoni li dawn joħolqu fil-konsumaturi, tista' twassal biex dan l-istrument ikun skreditat,

I.  Billi l-Komunità Ewropea reċentement iffirmat il-Ftehima dwar il-Programm Internazzjonali għall-Konservazzjoni tad-Dniefel u l-iskema ta' ċertifikazzjoni ekoloġika marbuta magħha ('Dolphin Safe'),

J.  Billi kien ippruvat ukoll li hemm konfużjoni bejn tikketta ekoloġika u tikketta ta' kwalità,

K.  Billi, skond ir-Regolament (KE) Nru 2371/2002, kull attività ta' sajd li ssir fl-Unjoni Ewropea għandha bilfors tkun sostenibbli peress li trid tkun konformi man-normi komunitarji,

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li biha nediet id-dibattitu dwar approċċ komunitarju rigward is-sistemi ta' l-ittikkettar tal-prodotti tas-sajd;

2.  Jiddispjaċih, iżda, għad-dewmien min-naħa tal-Kummissjoni biex tippreżenta l-Komunikazzjoni tagħha, li ppermetta l-proliferazzjoni ta' l-ittikettar ekoloġiku privat mingħajr ebda forma ta' kontroll pubbliku, bil-problemi ta' kredibbiltà u konfużjoni għall-konsumaturi u l-produtturi li din iġġib magħha;

3.  Jiġbed l-attenzjoni, barra minn hekk, għall-objettivi reali ta' ħafna minn dawn it-tikketti li, meta wieħed jikkunsidra l-importanza dejjem akbar li l-konsumaturi jagħtu lill-iżvilupp sostenibbli, huma sempliċiment użati bħala mezz biex jiżdied il-bejgħ, mingħajr ma l-konsumatur jingħata garanzija reali tal-benefiċċji ta' dawn il-prodotti għas-sostenibbiltà;

4.  Iqis li l-varjetà ta' skemi eżistenti jżid il-kumplessità tal-problema u li l-proposti futuri għandhom ikunu mfassla b'mod li ma jagħtix vantaġġ kummerċjali lil dawk li diġà qed joperaw fis-suq;

5.  Jifhem li l-uniku għan tal-Kummissjoni huwa li tiftaħ dibattitu ġenerali u li għalissa ma tapprofondixxix il-kriterji li jridu jmexxu l-ittikettar ekoloġiku komunitarju; madankollu, jiddispjaċih li bil-Komunikazzjoni tagħha l-Kummissjoni ftit li xejn qed tikkontribwixxi għad-dibattitu li hi stess qed tipproponi li tniedi, li issa jidher li tħalla miftuħ iżżejjed u b'nuqqas ta' riflessjoni;

6.  Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' ambizzjoni tal-Komunikazzjoni u jqis li l-għażla li saret (li tikkonsisti f'li jkunu stabbiliti rekwiżiti minimi għal programmi fakultattivi ta' l-ittikkettar ekoloġiku) ma tweġibx b'mod sħiħ għall-kwistjonijiet imqajjma; tqis li l-ittikkettar kollu li jintuża fis-suq għandu jkun ikkontrollat b'mod indipendenti, biex ikun affidabbli u kredibbli għall-konsumatur;

7.  Jitlob rikonoxximent akbar fuq skala Ewropea tas-sajd mhux industrijali; jitlob, għaldaqstant, li qabel it-twaqqif possibbli ta' sistema ta' ttikkettar ekoloġiku, jiġu kkonsultati l-partijiet ikkonċernati, inklużi r-rappreżentanti tas-sajd mhux industrijali, u li jitqiesu s-suġġerimenti tagħhom;

8.  Iqis li tikketta se tkun effikaċi bis-sħiħ biss jekk tkun unika u tinftiehem faċilment mill-konsumaturi, u tippermettilhom li jorjentaw l-għażla tagħhom lejn prodotti li jippreservaw is-sostenibbiltà tar-riżorsi tas-sajd;

9.  Jinkoraġġixxi għalhekk lill-Kummissjoni biex tippromwovi iktar dibattitu wiesa' li fih jistgħu jipparteċipaw il-partijiet kollha kkonċernati, u li fih tista' ssir riflessjoni fil-fond dwar l-ammont u l-importanza tal-kwistjonijiet li għadhom miftuħa;

10.  Jaqbel, fil-prinċipju, ma' l-għanijiet tas-sostenibbiltà, l-armonizzazzjoni, it-traċċabilità, it-trasparenza, l-oġġettività u n-non-diskriminazzjoni, li jissemmew fil-punt 4 tal-Komunikazzjoni; iqis li l-ħolqien ta' tikketta ekoloġika unika ta' l-UE huwa kkumplikat mill-lat burokratiku;

11.  Huwa konvint li l-użu ta' tikketti ekoloġiċi ta' min joqgħod fuqhom huwa strument effettiv ħafna fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux regolat u mhux rapportat, minħabba li dan jirrikjedi dokumentazzjoni ċara ħafna li fiha jrid jintwera minn fejn hu ġej il-ħut, li tagħmel aktar diffiċli l-aċċess tas-sajd illegali fis-swieq;

12.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiċċara il-fehim tagħha ta' tikketta pubblika komunitarja, peress li fl-analiżi tagħha ta' l-għażla 2 ('Il-ħolqien ta' sistema waħda Komuunitarja ta' ttikettar ekoloġiku għal ħut u l-prodotti tas-sajd') u ta' l-għażla 3 ('Twaqqif ta' rekwiżiti minimi għal sistemi volontarji ta' ttikettar ekoloġiku) fil-Komunikazzjoni tinħoloq konfużjoni dwar jekk humiex qed ikunu meqjusa l-kunsiderazzjonijiet li saru f'fora internazzjonali dwar is-sidien ta' sistema ta' ttikettar ekoloġiku;

13.  Iqis li, ladarba jkun stabbilit programm ta' ttikettar u ċertifikazzjoni ekoloġika, il-Kummissjoni trid tippromwovih u tispjegah lill-parteċipanti kollha fil-proċess; barra minn hekk il-Kummissjoni għandha tiżgura wkoll li l-fiduċja tista' tkun garantita b'mod sħiħ fir-rigward ta' l-osservanza tar-regoli stipulati mill-entitajiet responsabbli mill-ittikettar u ċ-ċertifikazzjoni sabiex il-konsumaturi ma jkunux mqarrqa;

14.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, f'perjodu ta' sitt xhur, tfassal Komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skond il-konklużjonijiet ta' dibattitu wiesa', dwar ir-rekwiżiti minimi u linji gwida li magħhom trid tkun konformi sistema komunitarja ta' ttikettar ekoloġiku għall-prodotti tas-sajd;

15.  Iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni biex tqis kriterji internazzjonali f'dan ir-rigward, b'mod partikolari l-kriterji stabbilit mill-FAO fit-tfassil tal-bażi ta' sistema ta' ttikettar ekoloġiku għall-prodotti tas-sajd fl-UE, u fosthom li s-sistema:

   a) tkun konsistenti kemm mal-Kodiċi ta' Kondotta ta' l-FAO għal Sajd Responsabbli kemm mar-riżoluzzjonijiet ta' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, fosthom in-NU u d-WTO;
   b) hija volontarja u tiggarantixxi ħarsien akbar ta' l-ambjent mingħajr ma tagħti lok għall-interpretazzjoni li prodott mhux ittikettat ekoloġikament huwa ta' kwalità inferjuri;
   c) tkun trasparenti fil-fażijiet kollha tagħha, inkluża l-istruttura organika tagħha u d-dispożizzjonijiet finanzjarji;
   d) ma tkunx diskriminatorja u ma toħloqx ostakli għall-kummerċ, b'mod partikulari fir-rigward ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw, waqt li tiggarantixxi kompetizzjoni ġusta;
   e) tkun promossa mill-Kummissjoni, li tkun responsabbli biex tistabbilixxi r-regoli tat-tħaddim tas-sistema, waqt li tiggarantixxi l-indipendenza ta' entitajiet speċjalizzati fl-akkreditazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni, strumenti essenzjali ta' garanzija tal-proċess u tal-kredibbiltà ta' dak li hemm fit-tikketta;
   f) tinkopora ċerti kriterji ta' sostenibbiltà li jridu jkunu stabbiliti fl-livell ta' strettezza akbar minn dawk li japplikaw għas-sistema komunitarja ta' l-immaniġġjar tar-riżorsi u li jridu jkunu bbażati fuq analiżi xjentifiċi serji; dawn il-kriterji jistgħu jkunu kemm ġenerali kemm speċifiċi skond il-prodotti tas-sajd differenti;
   g) tiżgura li t-tikketti jkun fihom informazzjoni li tgħid il-verità, li tfisser li qed tingħata garanzija tal-katina ta' kustodja tal-prodott mill-bastiment tas-sajd sal-konsumatur aħħari, jiġifieri tiżgura l-monitoraġġ ta' ċertifikazzjoni, biex b'hekk taċċerta li l-prodott jikkonforma ma' l-ispeċifikazzjonijiet previsti;
   h) tinkorpora proċedimenti ta' awditjar u verifika ta' min joqgħod fuqhom u indipendenti;
   i) tiżgura l-ammont ta' riklamar essenzjali tas-sistema;
   j) tagħżel tikketta li fiha jkun inkluż ir-riżultat finali ta' l-evalwazzjoni tal-prodott miktub b'mod faċli u li jinftiehem mill-konsumatur;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri.

(1) ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.


Is-Sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani
PDF 298kWORD 77k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani
P6_TA(2006)0348RC-B6-0469/2006

Il-Parlament Ewropew,

-   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, partikularment ir-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-1 ta' Ġunju 2006 dwar il-kriżi umanitarja fit-territorji Palestinjani u l-irwol ta' l-UE(1),

-   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1701(2006), 1559(2004), 520(1982), 426(1978), 338(1973) u 242(1967),

-   wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlament Ewropew ta' l-20 ta' Lulju 2006,

-   wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Ko-chairperson tal-Konferenza ta' Ruma dwar il-Libanu li saret fis-26 ta' Lulju 2006,

-   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill straordinarju dwar l-Affarjiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni (GAERC) tal-25 ta' Awissu 2006,

-   wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Bureau ta' l-Assembleja Parlamentari Ewro-Mediterranja (EMPA) adottata fl-24 ta' Awissu 2006,

-   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenza ta' Stokkolma għar-Rikostruzzjoni Bikrija tal-Libanu li saret fil-31 ta' Awissu 2006,

-   wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra dwar il-liġi umanitarja internazzjonali,

-   wara li kkunsidra l-intervent tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fit-Territorji Okkupati Palestinjani, waqt is-sessjoni speċjali tal-Kunsill tan-NUgħad-Drittijiet tal-Bniedem, tal-5 ta' Lulju 2006, f'Ġinevra;

-   wara li kkunsidra l-Artikoli 15, 16 u 19 tat-Trattat UE,

-   wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi l-kunflitt fil-Libanu irriżulta f'katastrofi umanitarja li ħalliet mijiet mejta u mġarrba fuq iż-żewġ naħat, ħsara kbira fl-infrastruttura ċivili u mijiet ta' eluf ta' nies barra minn posthom, u liema katastrofi ma ntemmitx mal-waqfien l-isparar,

B.   maħsud ħafna bl-esplużjoni ta' l-ostilitajiet fin-nofsinhar tal-Libanu, bl-attakki tal-Hizbollah, ir-reazjoni esagerata fl-użu tal-forza mill-armata Iżraelita, li kienet theddida serja għall-paċi internazzjonali u għas-sigurtà,

C.   jinnota s-sejħa mill-Kummissarju l-Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU sabiex isir eżami ta' ksur tal-liġi internazzjonali waqt il-kunflitt,

D.   jikkunsidra l-gravità tal-bumbardamenti Iżraeliti u ta' l-isparar ta' ròkits mill-Hizbollah u l-militanti Palestinjani kontra l-popolazzjoni ċivili,

E.   billi r-riżoluzzjoni 1701 talbet lill-Gvern Libaniż sabiex jestendi l-awtorità tiegħu fuq it-territorju tal-pajjiż permezz tal-forżi leġittimi tiegħu, u ddeċidiet li żżid is-saħħa tal-Forza Interim tan-NU tal-Libanu (UNIFIL) u testendi l-mandat tagħha,

F.   billi r-riżoluzzjoni 1701 tistieden lill-Gvern Izraelit sabiex jirtira t-truppi tiegħu kollha minn Nofsinhar tal-Libanu sabiex jibda l-iskjerament tal-UNIFIL u jtemm l-imblokk ta' l-ajruporti u tal-portijiet fil-Libanu,

G.   jinsisti li l-Libanu kompletament demokratiku u sovran għandu rwol importanti fl-implimentazzjoni ta' soluzzjoni waħda għall-kriżi mal-Lvant Nofsani u fl-iżvilupp ta' Sħubija Ewro-Meditarranja b'saħħitha,

H.   jenfasizza li l-kriżi umanitarja fit-Territorji Okkupati qegħda teħżien minkejja l-Mekkaniżmu Temporanju Internazzjonali (TIM) imwaqqaf mill-Komunità Internazzjonali sabiex titkompla l-assistenza lill-poplu Palestinjan,

I.   peress li l-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani jinsab f'falliment politiku u diplomatiku għalkemm hemm bżonn ta' soluzzjoni ġusta u dejjiema għall-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina sabiex ikunu stabbiliti l-paċi u s-sigurtà fir-reġjun kollu,

J.   billi l-Unjoni Ewropea għandha responsabiltà speċjali għall-paċi u s-sigurtà fil-Lvant Nofsani, li huwa l-viċinat ta' l-Ewropa, u għalhekk l-istrumenti u l-metodi għall-koordinazzjoni tal-Politika Barranija u tas-Sigurtà Komuni (CFSP) għandhom jittejbu billi tkun adottata Pożizzjoni Komuni fil-qafas tas-CFSP u skond l-Artikolu 15 u 16 tat-Trattat ta' l-UE,

1.  Jesprimi t-tħassib serju dwar l-estensjoni u l-intensità tal-kunflitt militari fin-Nofsinhar tal-Libanu u jiddispjaċih għall-midruba ċivili fil-Libanu u fl-Iżrael, għas-suldati u l-osservaturi tan-NU fil-Libanu u/jew fl-Iżrael, u l-qerda kbira fl-infrastruttura; jerġa' jikkonferma li m'hemmx soluzzjoni militari għall-kunflitt fil-Lvant Nofsani;

2.  F'dan is-sens jenfasizza li l-ebda waqfien l-isparar ma jista' jinżamm għal żmien twil mingħajr rieda tajba politika tal-partijiet involuti direttament u ta' dawk involuti indirettament sabiex ifejqu l-għeruq u l-kawżi ta' din il-kriżi riċenti;

3.  Itenni t-talba għar-rilaxx immedjat tas-suldati Israeliti miżmuma u tal-membri tal-Gvern Palestinjan u tal-membri tal-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan miżmuma fil-ħabs mill-Iżrael;

4.  Jilqa' l-adozzjoni unanima tar-Riżoluzzjoni 1701 mill-NUSC, li taħseb għall-kundizzjonijiet sabiex jitwaqfu l-operazzjonijiet militari u ssaħħaħ il-UNIFIL permezz ta' mandat b'saħħtu immirat sabiex iżid il-kapaċità li jkun evitat ksur tal-waqfien l-isparar, jassisti l-Gvern Libaniż fl-eżerċizzju sħiħ tas-sovranità u fil-kontroll effettiv fuq it-territorju tal-pajjiż, inklużi l-ibħra territorjali, jappoġġja l-implimentazzjoni sħiħa tar-Riżoluzzjoni tal-UNSC 1559 u jikkontribwixxi lejn il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivi u ta' l-UNIFIL innifisha;

5.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Gvern Libaniż sabiex iqiegħed it-truppi tiegħu fin-nofsinhar tal-Libanu u l-ftehim ta' l-armata Iżraelita li tirtira wara l-Linja l-Blu kif maħsub mill-UNSC 1701; jilqa' l-appoġġ qawwi tal-gvern Libaniż għal rwol imsaħħaħ ta' l-UNIFIL;

6.  Jikkunsidra li l-mandat ta' l-UNIFIL għandu jirrapreżenta impenn serju sabiex tkun provduta għajnuna xierqa lill-Gvern Libaniż fl-istabbiliment ta' kontroll effettiv u arranġamenti ta' sigurtà kif determinat fir-Riżoluzzjonijiet UNSC 1559 u 1701;

7.  Jilqa' l-esitu tal-laqgħa tal-GAERC imsemma hawn fuq, partikolarment l-appoġġ sħiħ tal-Kunsill fl-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1701, u l-impenn ta' l-Istati Membri li jipprovdu madwar 7000 suldat minn massimu ta' 15000 truppa ta' l-UNIFIL;

8.  Jissottolinea l-irwol attiv li ħadu Franza u l-Italja; jappoġġja bi sħiħ id-deċiżjoni li Franza tkompli tmexxi l-UNIFIL sa Frar ta' l-2007 u wara tieħu t-tmexxija u l-kontroll l-Italja; jenfasizza li, minkejja kollox, id-duplikazzjoni ta' l-istrutturi ta' tmexxija għandhom ikunu evitati;

9.  Madankollu jenfasizza l-importanza li l-mandat u r-regoli ta' ingaġġ ikunu definiti tajjeb, li l-istruttura u l-kompetenzi ta' l-UNIFIL, jekk ikun neċessarju ikunu miftehma f'Riżoluzzjoni ġdida tan-NUSC Uniti li għandha tikkunsidra l-lezzjonijiet meħudha minn ingaġġi għaż-żamma tal-paċi preċedenti tan-Nazzjonijiet Uniti, notament fil-Bosnja u fil-Herzegovina;

10.  Jikkunsidra vitali li kull importazzjoni ta' armamenti fil-Libanu jaslu biss għand l-armata Libaniża uffiċjali u jitlob lill-gvern Libaniż sabiex jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tar-riżoluzzjoni 1559, b'koperazzjoin ma' l-UNIFIL; jenfasizza wkoll l-importanza li l-Istati Membri kollha ta' l-UE jieħdu passi skond ir-rekwiżiti tar-Riżoluzzjoni 1701 rigward il-provvista ta' l-armi (ġodda); u jenfasizza li dan għandu jwassal għad-disarmament tal-milizja kollha, inkluża dik tal-Hizbollah, u tevita d-dħul ta' l-armi fil-Libanu;

11.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jirrispettaw b'mod rett il-Kodiċi ta' Imġieba ta' l-Esportazzjoni ta' l-Armi f'dak li jirrigwarda l-konsenja ta' l-armi lir-reġjun;

12.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea biex tinvolvi ruħha f'ħidma mal-partijiet kollha kkonċernati u tappella lil dawn ta' l-aħħar sabiex jirrispettaw b'mod skrupluż l-impenji tagħhom għall-implimentazzjoni sħiħa tar-Rizoluzzjoni 1701 tal-UNSC, b'mod li jippermettu l-aċċess għall-għajnuna umanitarja b'urġenza u r-ritorn ta' persuni spustati taħt l-aħjar kundizzjonijiet ta' sigurtà; f'dan ir-rigward, jitlob b'insistenza t-tneħħija ta' l-imblukkar bil-baħar u bl-ajru fuq il-Libanu u, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Riżoluzzjoni 1701 tal-UNSC, ifakkar li l-ħolqien ta' miżuri effettivi, fil-qasam ta' l-armi, ta' materjal relatat, ta' taħriġ u assistenza, huwa prijorità;

13.  Jinnota li sforzi qawwija, urġenti u effettivi huma neċessarji għar-rikostruzzjoni tal-Libanu; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Konferenza ta' Stokkolma għar-Rikostruzzjoni tal-Libanu, fejn pajjiżi donaturi ddeċidew li jikkontribwixxu għall-bini mill-ġdid tal-pajjiż, u l-Kummissjoni u l-Istati Membri ħabbru li se jagħtu EUR120 miljun f'għajnuna umanitarja;

14.  Jistieden lill-Kunsill u l-Kummissjoni biex ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jistabbilixxu sħubija ħajja mal-forzi politiċi demokratiċi u mas-soċjetà ċivili sabiex jappoġġjaw demokrazija akbar fil-Libanu wara l-ġrajjiet ta' Marzu 2005;

15.  Jistieden b'urġenza lill-Iran u lis-Sirja biex ikollhom irwol kostruttiv, b'mod speċjali fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjonijiet 1559 u 1701; jistieden partikolarment lis-Sirja biex issaħħaħ il-kontrolli fuq in-naħa tagħha tal-fruntiera Libaniża-Sirjana bi qbil mar-Riżoluzzjoni 1701, li tobbliga lill-pajjiżi ġirien li jżommu milli armi jiġu forniti lil entitajiet mhux governattivi;

16.  Jistieden lill-Kunsill u l-Kummissjoni biex jerġgħu jibdew djalogu ġenwin mas-Sirja sabiex idaħħlu dan il-pajjiż fl-isforzi għall-paċi għal soluzzjoni komprensiva tal-konflitt; jistenna li r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU previst fir-Riżoluzzjoni 1701 dwar id-delineazzjoni tal-fruntieri internazzjonali fil-Libanu, inkluża l-kwistjoni dwar ir-reġjun ta' l-irziezet ta' Shebaa, jikkontribwixxi għall-progress f'din il-kwistjoni;

17.  Jitlob li ssir inkjesta komprensiva internazzjonali u ta' livell għoli, taħt il-patroċinju tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, fil-Libanu u l-Iżrael bil-mandat li tinvestiga rapporti dwar ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, it-tbatija tal-vittmi, il-ksur tal-liġi umanitarja;

18.  Iqis f'dan il-kuntest li l-Unjoni Ewropea, bħala donatur prinċipali, u l-komunita internazzjonali għandhom jistudjaw il-metodi għal kundizzjonijiet possibbli ta' responsabilità;

19.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-azzjoni bikrija taċ-ċentru ta' monitorjar u ta' informazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea biex jittratta l-problema taż-żejt li kkontamina aktar minn 50km tal-kosta Libaniża; Jenfasizza l-bżonn li jittieħdu miżuri għall-ġlieda kontra t-tniġġis ta' ċerti reġjuni u speċjalment kontra l-impatt diżastruż tat-safef ta' żejt max-xatt tal-Libanu; Jistieden l-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jipprovdu assistenza u reazzjoni fi ħdan il-qafas tal-Protokoll dwar il-prevenzjoni ta' u r-reazzjoni għat-tniġġis tal-Konvenzjoni ta' Barċellona u ċ-Ċentru Reġjonali għal Reazzjoni Urġenti għat-Tniġġis tal-Baħar għall-Mediterran li topera fi ħdan il-qafas tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Mediterran;

20.  Jiddeplora bil-qawwa s-sitwazzjoni deterjoranti tal-popolazzjoni u l-infrastruttura ċivili f'Gaza u fix-Xatt tal-Punent; Jitlob lin-naħat kollha biex iwaqqfu ċ-ċirku vizzjuż ta' attakki u kontrattakki li rriżultaw f'mijiet ta' mwiet u fi ħsarat estensivi fl-infrastruttura ċivili;

21.  Jenfasizza l-bżonn li l-Proċess ta' Paċi għall-Lvant Nofsani jerġa' jitpoġġa fuq nett fl-aġenda politika internazzjonali; Jistieden lill-Kwartett (NU, UE, USA u Russja) biex jerġa' jqajjem mill-ġdid ir-Roadmap fid-dawl ta' l-Assemblea Ġenerali annwali tan-NU ta' Settembru 2006; jerġa' jafferma li s-soluzzjoni ta' żewġ stati, bi stat Iżraeljan u stat Palestinjan jeżistu ma ġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà, hija kundizzjoni essenzjali għal soluzzjoni paċifika u dejjiema fil-Lvant Nofsani;

22.  Jistieden lill-Kunsill u l-Kummissjoni sabiex ikomplu jiggarantixxu mal-komunità internazzjonali l-għajnuna umanitarja essenzjali għall-popolazzjoni Palestinjana; jitlob li t-TIM jiġi msaħħaħ u estiż fiż-żmien u fir-riżorsi; jistieden lill-gvern Israeljan biex jerġa' jistabbilixxi b'urġenza t-trasferiment tat-taxxi u d-dħul mid-dwana Palestinjani miżmuma; jistieden l-Iżrael sabiex jippermetti l-moviment ta' persuni fir-rispett tal-Ftehim dwar il-Moviment u l-Aċċess f'Refah u bejn il-fruntieri f'Gaza;

23.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-President ta' l-Awtorità Palestinjana, Mahmoud Abbas, fl-isforzi tiegħu li jippromwovi djalogu nazzjonali bejn il-partiti Palestinjani differenti, bil-għan li jistabbilixxi gvern ġdid Palestinjan;

24.  Iqis li l-preżenza ta' forza multinazzjonali fil-Libanu tista' titqies bħala mudell li għandu jservi ta' eżempju fil-proċess ta' negozjati għal soluzzjoni tal-konflitt bejn Iżrael u l-Palestina;

25.  Jistieden lill-Kunsill sabiex jagħmel kull sforz biex isejjaħ għal konferenza internazzjonali għall-paċi - bħall-Konferenza ta' Madrid ta' l-1991 - biex tinstab soluzzjoni komprensiva, dejjiema u vijabbli għall-problemi fir-reġjun, ibbażata fuq riżoluzzjonijiet rilevanti tan-NUSC, li jinkludu d-dritt ta' Iżrael li jgħix f'konfini sikuri u rikonoxxuti u d-dritt ta' stat vijabbli għall-Palestinjani bbażat fuq it-Territorji Okkupati u jittrattaw kwistjonijiet dwar is-sigurtà u diżarm b'mod komprensiv; jikkunsidra li approċċ unilaterali mill-partijiet kollha konċernati għandu jiġi miċħud;

26.  Jikkunsidra essenzjali, f'dan il-kuntest, l-involviment tal-Lega tal-pajjiżi Għarab jikkunsidra li l-"Pjan ta' Bejrut" ta' l-2002, li sar qbil dwaru fost il-Pajjiżi Membri tal-Lega tal-pajjiżi Għarab, u l-Inizjattiva ta' Ġinevra bħala kontribuzzjonijiet għan-negozjati li għandhom jiġu kkunsidrati b'mod xieraq;

27.  Jikkunsidra li l-EMPA, l-unika istituzzjoni parlamentari tal-Proċess ta' Barċellona li tgħaqqad il-membri eletti tal-poplu tax-xatt ta' nofsinhar tal-Mediterran u l-Unjoni Ewropea, għandha tassumi r-responsabilità bil-ħsieb li tiffaċilita d-djalogu u l-koperazzjoni bejn il-partijiet konċernati mis-sitwazzjoni tal-Lvant Nofsani; jappoġġa t-talba tal-Bureau ta' l-EMPA biex isejjaħ laqgħa straordinarja tal-Kunsill tal-Euromed tal-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin tal-Proċess ta' Barċellona kemm jista' jkun malajr;

28.  Jemmen li fi żmien medju u twil, il-bini ta' istituzzjonijiet li jgħaqqdu l-pajjiżi tal-baċir Mediterran, bħal Bank għall-Iżvilupp Ewro-Mediterranju, ikunu l-aqwa garanzija għal paċi dejjiema u żvilupp uman; u jistieden lill-Istati Membri biex iħabirku għall-ħolqien ta' istituzzjonijiet bħal dawn, pjuttost milli jfittxu ftehimiet bilaterali;

29.  Huwa favur li tintbagħat delegazzjoni investigattiva l-Libanu, il-Palestina u Iżrael sabiex timmonitorja s-sitwazzjoni, u tiffoka b'mod speċjali fuq il-kundizzjonijiet umanitarji u politiċi;

30.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti ta' l-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti ta' Iżrael, tal-Libanu u ta' l-Awtorità Palestinjana, lis-Sirja u l-Iran, lill-Istati Uniti ta' l-Amerika u lir-Russja, lis-segretarju Ġenerali tal-Lega tal-pajjiżi Għarab.

(1) Testi Adottati, P6_TA(2006)0237.


In-nirien fil-foresti u l-għargħar
PDF 313kWORD 68k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar in-nirien tal-foresti u l-għargħar
P6_TA(2006)0349RC-B6-0460/2006

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 6 u 174 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Jannar 2006 dwar ir-riżultat tal-Konferenza ta' Montreal dwar il-bidla fil-klima(1), ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Settembru 2002 dwar l-għargħar fl-Ewropa(2), ir-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' April 2005 dwar in-nixfa fil-Portugall(3), ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2005 dwar in-nixfa fi Spanja(4), ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2005 dwar id-diżastri naturali (in-nirien u l-għargħar) fl-Ewropa(5) u r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-18 ta' Mejju 2006 dwar id-diżastri naturali (in-nirien fil-foresti, in-nixfa u l-għargħar) - aspetti dwar l-agrikoltura(6), aspetti dwar żvilupp reġjonali(7) u aspetti dwar l-ambjent(8),

–   wara li kkunsidra l-Protokoll ta' Kyoto għall-Konvenzjoni ta' Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima (UNFCCC) tal-11 ta' Diċembru 1997 u r-ratifika mill-Komunità tal-Protokoll ta' Kyoto fil-31 ta' Mejju 2002,

–   wara li kkunsidra r-regolament 'Forest Focus', ir-Regolament (KE) Nru 2152/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003(9),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-18 ta' Novembru 1998 dwar Strateġija għall-Foresti għall-Unjoni Ewropea (COM(1998)0649), u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-16 ta' Frar 2006 dwar l-implimentazzjoni ta' Strateġija għall-Foresti ta' l-Unjoni Ewropea(10)0,

–   wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni tad-29 ta' Settembru 2004 għal regolament dwar l-Istrument Finanzjarju għall-Ambjent (LIFE+) (COM(2004)0621 u l-Posizzjoni tal-Parlament tas-7 ta' Lulju 2005(11)1,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1698/2005 tal-Kunsill dwar il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/144/KE dwar il-linji gwida strateġiċi tal-Komunità għall-iżvilupp rurali,

–   wara li kkunsidra l-istrument ta' reazzjoni rapida u ta' tlestija għal emerġenzi kbar (COM(2005)0113),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-titjib tal-Mekkaniżmi għall-Protezzjoni tal-Komunita' Ċivili (COM(2005)0137 u s-sejħa ta' Michel Barnier għall-ħolqien ta' korp għall-protezzjoni Ċivili Ewropea, li għandu jissejjaħ 'Assistenza Ewropea',

–   wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' Fond Ewropew ta' Solidarjeta' (COM(2005)0108) u l-Posizzjoni tal-Parlament tat-18 ta' Mejju 2006(12),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar pjan ta' Azzjoni għall-Bijomassa (COM(2005)0628) u dwar Strateġija ta' l-UE għall-bijofjuwils (COM(2006)0034),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2006 dwar l-istrateġija riveduta għall-iżvilupp sostenibbli(13),

–   wara li kkunsidra l-punt numru 12 tal-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell tal-15 u s-16 ta' Ġunju 2006 dwar ir-risposta ta' l-Unjoni f'każ ta' emerġenzi, kriżi u diżastri,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi fl-2006 l-Unjoni Ewropea ġarrbet nirien tal-foresti qerrieda, speċjalment fl-Istati Membri tan-nofsinhar, li kkawżaw imwiet u ħsara materjali konsiderevoli,

B.   billi fl-UE l-erja totali ta' veġetazzjoni u msaġar affettwati min-nirien hija ta' aktar minn 200,000 ettaru, li nofshom huma fi Spanja; billi l-Istati Membri l-oħra affettwati ma jinkludux biss il-Portugall, il-Greċja, Franza, l-Italja u Ċipru, iżda wkoll oħrajn li tradizzjonalment jitqiesu li għandhom riskju inqas, bħall-Olanda, l-Irlanda, il-Litwanja, ir-Renju Unit, l-Awstrija, l-Iżvezja, ir-Repubblika Ċeka u l-Polonja,

C.   billi n-nirien fil-foresti kienu serji ħafna f'reġjuni bħall-Galicia, fejn sa l-14 ta' Awissu 2006 kienu affettwati 88,473 ettaru, u dan wassal biex mietu 4 persuni, indarbu 514-il ruħ, inqatlu annimali u saret ħsara materjali u ekoloġika konsiderevoli, anke fi 17-il Sit ta' Importanza Komunitarja (SCIs) inklużi fin-Netwerk Natura 2000 u f'zoni oħra ta' importanza ekoloġika, li uħud minnhom jiffurmaw kanali għal speċji bejn siti protetti,

D.   billi fi snin reċenti nixfiet persistenti u temperaturi għoljin wasslu għall-proliferazzjoni ta' nirien fil-foresti fl-Ewropa, u b'hekk żdiedet id-deżertifikazzjoni f'ħafna reġjuni u ġew affettwati l-agrikoltura, it-trobbija ta' l-annimali u l-wirt tal-foresti,

E.   billi l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) bassret li fl-Ewropa tan-nofsinhar se jiżdied l-istress min-nixfa, li n-nirien fil-foresti se jseħħu iktar spiss u li se jiżdied l-istress mis-sħana, filwaqt li fit-tramuntana ta' l-Ewropa se tiżdied ix-xita, u f'ħafna reġjuni ta' l-Ewropa se jiżdiedu l-kobor u l-frekwenza ta' l-għargħar minħabba l-bidla fil-klima,

F.   billi l-vulnerabilità ta" l-Ewropa għan-nixfa li qed dejjem aktar tkun minħabba użu mhux sostenibbli ta" l-ilma, tal-ħamrija u tar-riżorsi bijoloġiċi, kif ukoll minħabba bidla fil-klima, li wkoll toħloq riskju għall-provvista ta' l-ikel ta" l-Ewropa,

G.   billi dawn in-nirien parzjalment ġew ikkaġunati min-nixfa u mit-temperaturi għolja ta' dan is-sajf kif ukoll mill-bidliet soċjoekonomiċi u kulturali li seħħew fl-aħħar snin fi nħawi rurali: abbandun ta' nħawi rurali, żamma insuffiċjenti ta' foresti, tħawwil ta' varjetajiet insuffiċjenti ta' siġar u inċidenza konsiderevoli ta' attività kriminali,

H.   billi l-abbandun ta' nħawi rurali, kif ukoll tnaqqis fil-profitt miksub mill-foresti u l-ispejjeż kbar għaż-żamma tagħhom, affettwaw l-immaniġġjar tajjeb min-naħa tas-sidien, bil-konsegwenza li kien hemm żieda fil-bijomassa fil-veġetazzjoni ta' taħt is-siġar il-kbar u tfaċċaw żoni kbar ta' msaġar b'siġar li jikbru sfiq f'xulxin u li jaqbdu malajr, filwaqt li f'dawk il-postijiet fejn il-foresti huma rilevanti soċjoekonomikament in-nirien huma sustanzjalment inqas komuni,

I.   billi l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali ta' diżastri naturali li huma ta' ħsara għall-ekonomiji reġjonali, l-attività produttiva u t-turiżmu,

J.   billi l-ħsara kbira lid-djar, lill-infrastruttura u lill-agrikoltura kkawżata mill-għargħar, b'mod partikulari fl-Awstrija, fl-Ungerija, fil-Polonja u f'partijiet oħra ta' l-Ewropa,

K.   billi n-nirien u l-għargħar huma spiss transnazzjonali fin-natura tagħhom u għalhekk huwa neċessarju li jissaħħu l-miżuri konġunti għall-ġlieda kontra d-diżastri naturali u li jissaħħu l-mekkaniżmi tal-Komunità għall-protezzjoni ċivili,

L.   billi l-politika għall-iżvilupp rurali m'hijiex se tkun biżżejjed biex tingħeleb din il-problema u l-intestatura għall-għajnuna lill-bdiewa għall-ħolqien u l-manutenzjoni ta' waqqafa tan-nar m'għadhiex tidher fir-regolament ta' qafas għall-Fond Ewropew Agrikolu l-ġdid għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD),

M.   billi l-Kunsill Ewropew ta' Brussell tal-15 u s-16 ta' Ġunju 2006 adotta r-rapport tal-President dwar it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' reazzjoni ta' l-Unjoni f'każijiet ta' emerġenza u kriżi, u laqa' r-rapport ippreżentat minn Michel Barnier f'Mejju 2006,

N.   billi, wara l-konklużjonijiet tal-Presidenza ta' dak il-Kunsill, il-grupp ta' tmexxija ta' kriżi ad hoc ibbażat fi Brussell għandu jibda jaħdem mill-1 ta' Lulju 2006,

O.   billi l-Parlament bi ħsiebu jkompli x-xogħol tiegħu dwar id-diżastri naturali, li sar b'mod partikulari minn Awissu 2005 'l hawn, permezz ta' seduta ta' smigħ pubblika dwar in-nirien u l-għargħar li għandha ssir f'Ottubru 2006,

P.   billi m'hemm l-ebda leġiżlazzjoni Ewropea speċifika biex taffronta n-nixfiet u n-nirien, għalkemm qed titlesta direttiva speċifika dwar il-prevenzjoni ta' l-għargħar,

1.  Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-qraba ta' dawk li mietu kif ukoll ma' l-abitanti taz-zoni li saritilhom il-ħsara, b'mod partikulari fil-Galicia, u jirringrazzja lil dawk kollha - professjonisti u voluntiera - li għenu biex jintfew in-nirien u biex jiġu salvati l-vittmi ta' l-għargħar;

2.  Jagħraf is-solidarjetà li wrew l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u pajjiżi oħra mar-reġjuni milquta kemm fl-Istati Membri kif ukoll fil-pajjiżi applikanti u l-għajnuna ta' min ifaħħarha li ġiet ipprovduta lill-awtoritajiet u s-servizzi tas-salvataġġ tagħhom; huwa tal-fehma li d-dimensjonijiet ta' dawn il-fenomeni u l-konsegwenzi tagħhom imorru lil hinn mil-livell reġjonali u nazzjonali u jitolbu impenn Ewropew effettiv u urġenti;

3.  Huwa mħasseb dwar l-għadd, li qed jikber, ta' diżastri li, skond l-esperti, jista' jiġi attribwit l-aktar għall-bidla fil-klima; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri biex jagħmlu dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu l-għanijiet ta' Kyoto, u jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu inizjattivi sabiex tiggarantixxi l-konformità ma' l-impenji ta' Kyoto u li jkun hemm żviluppi fuqhom; jemmen li l-ħsara kkaġunata mill-avvenimenti ta' dan l-aħħar tkompli tenfasizza li l-mitigazzjoni se tkun tiswa ħafna inqas mill-konsegwenzi tat-tisħin globali;

4.  Huwa tal-fehma li r-riżoluzzjoni tiegħu fuq imsemmija tal-15 ta' Ġunju 2006 fiha elementi u prinċipji importanti li għandhom jiġu kkunsidrati u jitlob għall-implimentazzjoni f'waqtha ta' l-istrateġija;

5.  Jemmen li l-prevenzjoni globali u reġjonali, aktar milli t-tiswija tal-ħsara, għandu jkollha l-irwol ewlieni; jinnota wkoll li l-ħsara kkaġunata mid-diżastri naturali setgħet tkun parzjalment evitata u li għandha sservi bħala inċentiv għall-iżvilupp u għall-implimentazzjoni ta' politiki ta' prevenzjoni u ta' leġiżlazzjoni adegwata dwar il-konservazzjoni u l-użu xieraq ta' l-art, inklużi prattiki sostenibbli għall-farms u għall-foresti u mmaniġġjar effiċjenti tar-riskji;

6.  Jemmen li diżastri bħal dawn jistgħu jiġu indirizzati b'mod effiċjenti biss fil-livell Komunitarju, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà: jagħtu lok għal rispons effettiv fuq livell Ewropew imtejjeb, jekk ikun meħtieġ permezz ta' strumenti Komunitarji ġodda għall-prevenzjoni u l-affrontar tal-problema;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni biex timmobilizza l-Fond ta' l-Unjoni Ewropea għas-Solidarjetà sabiex jiġi applikat bi flessibilità, u b'hekk iħaffef l-implimentazzjoni tiegħu sabiex jindirizza l-ħsara serja kkaġunata min-nirien, meta wieħed iżomm quddiem għajnejh li l-ħsara taffettwa l-mod kif tgħix il-popolazzjoni, speċjalment fir-reġjuni l-inqas prosperi li jridu jħabbtu wiċċhom ma' l-effetti negattivi fuq l-infrastruttura, il-potenzjal ekonomiku, ix-xogħol, il-wirt naturali u kulturali, l-ambjent u t-turiżmu, li lkoll għandhom effett negattiv fuq il-koeżjoni ekonomika u soċjali;

8.  Jagħmel stedina sabiex jiġu allokati riżorsi adegwati lill-protezzjoni ċivili għal emerġenzi kbar, u huwa ddispjaċut bir-rispons biered tal-Kunsill għall-proposta biex jinħoloq korp Ewropew tal-protezzjoni ċivili (Rapport Barnier);

9.  Jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni sabiex tittejjeb il-kapaċità ta' l-UE li tirreaġixxi malajr f'każ ta' diżastri;

10.  Jagħmel stedina għal użu aħjar tar-riżorsi finanzjarji u tekniċi eżistenti u għal titjib xjentifiku fir-rigward tal-prevenzjoni tad-diżastri u tat-taffija tal-konsegwenzi tagħhom;

11.  Jistieden sabiex tiġi adottata skond il-proċedura ta' ko-deċiżjoni, u lill-Istati Membri biex jimplimentaw kemm jista' jkun malajr, il-leġislazzjoni proposta li tistabilixxi mekkaniżmu Komunitarju ta' protezzjoni ċivili u rigward l-evalwazzjoni u l-immaniġġjar ta' l-għargħar;

12.  Jistieden lill-Presidenza Finlandiża ta' bħalissa biex tagħti attenzjoni partikulari lill-iżvilupp tal-kapaċità ta' l-Unjoni biex tirreaġixxi malajr għal tali diżastri u lill-proposti magħmula mill-Kummissjoni u mill-Parlament Ewropew dwar it-tisħiħ tal-kapaċità tal-Komunità fil-protezzjoni ċivili u sabiex tipproponi l-adozzjoni ta' l-istrumenti legali sa tmiem l-2006, skond il-mandat mogħti mill-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta' Ġunju 2006;

13.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex toħloq programm ta' tpartit ta' esperjenza dwar l-implimentazzjoni ta' teknoloġiji ġodda għall-kontroll tar-riskji u ta' l-effetti tan-nirien tal-foresti u għall-azzjoni ulterjuri dwarhom, kif ukoll it-tħejjija ta' proċedura Ewropea ta' approvazzjoni għall-kwalifikazzjoni ta' personal tekniku, sabiex jitjieb it-taħriġ tagħhom;

14.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li l-għanijiet tar-Regolament 'Forest Focus' fil-qasam tal-prevenzjoni ma ntlaħqux; jinnota li l-għadd ta' nirien fl-inħawi li nħarqu, minflok ċkien, kiber minn mindu daħal fis-seħħ; jistieden lill-Kummissjoni biex, fir-rapport li tippreżenta qabel tmiem l-2006, tinkludi proposti speċifiċi sabiex issolvi dawn il-problemi;

15.  Jinnota li, minkejja l-fatt li s-Sistema għal Informazzjoni dwar Nirien fil-Foresti Ewropea (EFFIS) irnexxielha tarmonizza d-dejta dwar in-nirien fl-Istati Membri u tipprovdi tagħrif aġġornat dwar il-fatturi ta' riskju naturali, ma tippermettix l-investigazzjoni tan-nisel antropoġeniku, ma tiddeterminax il-fatturi soċjoekonomiċi ta' riskju u ma tevalwax ir-riperkussjonijiet tan-nirien; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposta sabiex tissuplimenta din is-sistema b'dejta oħra li tagħmilha possibbli li jiġu kkoreġuti dawn in-nuqqasijiet;

16.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreżenta, fil-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Bijomassa, proposti konkreti għall-foresti fin-nofsinhar ta' l-Ewropa rigward l-użu ta' bijomassa tal-foresta għal skopijiet ta' enerġija, li jinvolvu għajn ġdida ta' dħul għas-sid u fl-istess ħin jikkontribwixxu għal immaniġġjar aħjar tal-foresti;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-'Pjan ta' Azzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar sostenibbli tal-foresti' l-ġdid, tmexxi 'l quddiem il-politika Ewropea dwar il-foresti, u b'hekk tagħti preminenza lill-bosta funzjonijiet tal-biedja Ewropea b'għan li jinqasam fi tnejn: biex iżżomm u tipprovdi x-xogħol għall-popolazzjoni rurali u żżid sustanzjalment il-massa ta' foresta; hekk ukoll jitlob li jittieħdu miżuri li jgħinu l-prevenzjoni tan-nirien fis-silvikultura sabiex is-sidien u l-organizzazzjonijiet tagħhom jiġu mgħejuna jimplimentaw attivitajiet bħat-tqaċċit tas-siġar minn fuq, iż-żbir mhux kummerċjali, il-qtugħ, it-tneħħija tal-bijomassa tal-foresta, il-ħolqien ta' linji ta' kontroll u ta' waqqafa tan-nirien, il-bini ta' toroq fil-foresti u d-depożitu ta' l-ilma;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq komunikazzjoni sabiex fis-soċjetà jinħoloq għarfien dwar il-valur tal-foresti tagħna u tar-riżorsi tagħhom u tal-benefiċċji li ġġib magħha l-konservazzjoni tagħhom, b'mod li jippromwovi l-involviment tas-soċjetà ċivili permezz tal-volontarjat organizzat jew ta' modi oħra, pereżempju l-involviment ta' assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-foresti u ta' l-inħawi naturali;

19.  Jistieden lill-Istati Membri biex isaħħu l-pieni għal atti kriminali li jagħmlu ħsara lill-ambjent u b'mod partikulari għal dawk li jikkaġunaw nirien tal-foresti, u jemmen li investigazzjoni fil-pront u effettiva li tiddetermina r-responsabilitajiet, segwiti minn kastig proporzjonat, jiskuraġġixxi mġiba negliġenti u deliberatament kriminali;

20.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tressaq proposti speċifiċi għal direttiva dwar il-ġlieda kontra n-nirien tal-foresti u nixfiet fl-Unjoni, bil-ħsieb li titjieb il-koordinazzjoni tal-politiki ta' l-Istati Membri u li jsir l-aħjar użu mill-istrumenti Komunitarji eżistenti;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel analiżi fil-fond tal-konsegwenzi u tar-riperkussjonijiet tad-diżastri naturali, speċjalment dawk li jolqtu l-foresti ta' l-Unjoni, inkluż l-impatt fuq in-Netwerk tan-Natura 2000, u biex tressaq proposti għall-iżvilupp ta' politika Komunitarja għall-kontroll tan-nirien tal-foresti u għal protokoll konġunt dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra nirien bħal dawn;

22.  Huwa favur strateġija komunitarja għall-koordinazzjoni tal-miżuri għall-prevenzjoni tan-nirien fil-qafas tar-regolament dwar l-iżvilupp rurali; jagħmel stedina għal politika ta' rijafforestazzjoni msejsa fuq ir-rispett għall-karatteristiċi bijoklimatiċi u ambjentali, li tuża varjetajiet li jirreżistu aħjar in-nar u n-nixfa u li jkunu adattati aktar għall-klima;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tintroduċi mill-ġdid l-għajnuniet lill-bdiewa biex joħolqu u jżommu waqqafa tan-nar bħala parti mir-regoli ta' implimentazzjoni għall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (l-EAFRD) il-ġdid;

24.  Huwa tal-fehma li l-Azzjoni Volontarja ta' Protezzjoni Ċivili għandha tiġi promossa u appoġġjata mingħajr telf ta' żmien, b'attivitajiet bażiċi ta' taħriġ u b'tagħmir li jista' jutilizza teknoloġiji avvanzati, minħabba li din hija wieħed mill-ikbar riżorsi disponibbli għall-Istati Membri biex jaffrontaw stati ta' emerġenza maħluqa minn diżastri naturali;

25.  Jiddipjaċih li r-Russja ttraskurat il-koperazzjoni mal-pajjiżi ġirien tagħha meta seħħewlha n-nirien tal-foresti ta' dan l-aħħar; jitlob li l-Kummissjoni tqajjem din il-kwistjoni fil-qafas tal-Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn l-UE u r-Russja;

26.  Jistieden lill-Bureau tiegħu sabiex jawtorizza delegazzjoni għall-iktar zoni li ntlaqtu ħażin, qabel is-smigħ pubbliku li hu ppjanat għal Ottubru 2006, li matulu se jiġi kkunsidrat ir-rapport Barnier;

27.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali milquta min-nirien u mill-għargħar.

(1) Testi adottati, P6_TA(2006)0019.
(2) ĠU C 272 E, 13.11.2003, p. 471.
(3) ĠU C 33 E, 9.2.2006, p.599.
(4) ĠU C 92 E, 20.4.2006, p. 414.
(5) ĠU C 193 E, 17.8.2006, p.322.
(6) Testi adottati, P6_TA(2006)0222.
(7) Testi adottati, P6_TA(2006)0223.
(8) Testi adottati, P6_TA(2006)0224.
(9)9 ĠU L 324, 11.12.2003, p. 1.
(10)10 Testi adottati, P6_TA(2006)0068.
(11)11 ĠU C 157 E, 6.7.2006, p. 451.
(12) Test adottati, P6_TA(2006)0218.
(13) Testi adottati. P6_TA(2006)0272.


L-Aġenda ta' Żvilupp ta' Doha
PDF 204kWORD 43k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sospensjoni tan-negozjati dwar l-Aġenda ta' Żvilupp ta' Doha
P6_TA(2006)0350RC-B6-0465/2006

Il-Parlament Ewropew

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Doha ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) ta' l-14 ta' Novembru 2001,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-4 ta' April 2006 dwar l-evalwazzjoni tad-Doha Round wara l-Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Hong Kong(1),

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tas-Sitt Sessjoni tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO, adottata fit-18 ta' Diċembru 2005(2),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi d-Doha Round tnieda fl-2001 bil-għan li jirranġa l-iżbilanċi eżistenti fis-sistema ta' kummerċ multilaterali, li ħareġ mit-twemmin komuni illi sistema multilaterali biss, ibbażata fuq kummerċ ħieles u ġust, regoli ġusti u ekwi, setgħet tistimula żvilupp ġenwin u tpoġġi l-ħtiġijiet u l-interessi tal-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw fil-qalba tal-programm ta' Ħidma ta' Doha;

B.   billi jekk ma jiġix konkluż id-Doha Round il-kredibilità tas-sistema ta' kummerċ multilaterali tiġi sfidata u jirriżulta ċaqliq lejn ftehimiet ta' kummerċ bilaterali u reġjonali, li ta' spiss jaċċentwaw żbilanċi bejn id-dinja żviluppata u d-dinja li għadha qed tiżviluppa;

C.   billi l-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw u l-pajjiżi l-inqas żviluppati (LDCs) ibatu l-iktar mis-sospensjoni tar-Round peress li r-ribilanċjament tar-regoli tal-kummerċ li ilhom mistennija, li jpoġġu l-kummerċ għas-servizz ta' l-iżvilupp sostenibbli u jirrispettaw is-sistema iktar wiesgħa ta' gvernar globali, ma jistax jintlaħaq barra l-qafas multilaterali;

D.   billi t-tiġbid ta' l-atmosfera kurrenti ta' inċertezza dwar il-futur tal-multilateraliżmu u tad-WTO innifisha żżid l-inċertezza ekonomika u politika globali u ġġib magħha konsegwenzi ekonomiċi, finanzjarji u soċjali;

E.   billi l-istruttura kurrenti tad-WTO teħtieġ li tiġi riformata biex tiffaċilita negozjati u żżid ir-responsabbiltà u t-trasparenza,

1.  Itenni l-impenn sħiħ tiegħu favur l-approċċ multilaterali għall-politika kummerċjali u l-irwol li d-WTO għandu jkollha bħala l-entità li tagħti garanzija ta' kummerċ internazzjonali bbażat fuq ir-regoli; għalhekk, jesprimi dispjaċir għas-sospensjoni sine die tan-negozjati tad-Doha Round f'Lulju 2006 u jinsab iddispjaċut b'mod speċjali illi flessibiltà insuffiċjenti minn uħud mill-parteċipanti ewlenin wasslet għat-twaqqif;

2.  Hu mħasseb illi jekk ma jintlaħaqx ftehim dwar id-DDA jista' jkun hemm riskju ta' kollass ta' din is-sistema kummerċjali multilaterali preżenti; jenfasizza li ċaqliq lejn ftehim bilaterali/reġjonali jwassal għal negozjati żbilanċjati u inqas trasparenti, li ħafna drabi jpoġġu lill-ifqar pajjiżi f'pożizzjoni ta' żvantaġġ;

3.  Jenfasizza li l-konsegwenzi f'perjodu qasir jew medju ta' din is-sospensjoni jaffetwaw l-iktar lill-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw u lil pajjiżi l-inqas żviluppati (LDCs), speċjalment jekk l-impenji favur l-iżvilupp meħuda f'Hong Kong ma jibqgħux rispettati aktar;

4.  Hu mħasseb illi s-sospensjoni tan-negozjati multilaterali jistgħu jirriżultaw fi tkabbir ta' tilwim kummerċjali, li permezz tiegħu Membri tad-WTO jippruvaw jieħdu permezz tal-litigazzjonijiet dak li ma setax jinkiseb bin-negozjati;

5.  Iħeġġeġ impenn qawwi mill-parteċipanti ewlenin kollha, inklużi l-UE, l-Istati Uniti u l-G-20 biex jaslu fi ftehim bilanċjat fuq kull wieħed mis-suġġetti ewlenin tan-negozjati tar-Round, ipoġġu l-iżvilupp fil-qalba tal-konklużjonijiet u jevalwaw iktar ir-riżultat biex jassiguraw li d-DDA eventwalment tirriżulta fi tkabbir ekonomiku sostenibbli u li jagħmel sens b'mod partikolari għall-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw; jenfasizza illi, sabiex jiġi implimentat bi sħiħ il-mandat ta' Doha, is-suċċessi posittivi tan-negozjati għandhom jiġu preservati u l-offerti magħmula sa issa dwar diversi elementi ta' l-aġenda ta' negozjar għandhom jiffurmaw il-bażi tan-negozjati;

6.  Jikkunsidra li l-pajjiżi żviluppati għandhom ikomplu joħolqu kundizzjonijiet kummerċjali iktar favorevoli għall-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw u LDCs, indipendentament mir-riżultat finali tar-round; jistieden lill-pajjiżi żviluppati u lil dawk fi stadju ta' żvilupp avvanzat biex isegwu l-inizjattiva ta' l-UE "Kollox barra Armi", li tiggarantixxi 100% ta' aċċess għas-suq ħieles minn dazji u kwoti għall-LDCs;

7.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' riformi istituzzjonali sabiex jittejjeb il-fonzjonament tad-WTO u jtenni l-importanza li tiżdied ir-responsabbiltà u l-leġittimità demokratika tan-negozjati u l-organizzazzjoni tad-WTO; huwa konvint li l-proċess multilaterali, ibbażat fuq approċċ axxendenti u trasparenti għandu jkun fil-qalba tan-negozjati; jenfasizza fl-istess ħin il-ħtieġa ta' proċess inklussiv li jinvolvi lill-membri kollha;

8.  Hu konvint li għandna nużaw is-sospensjoni tan-negozjati bħala sejħa biex tirrifletti fuq il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jitjiebu n-negozjati tal-kummerċ fil-futur;

9.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jistabilixxu ftehima biex jassiguraw il-parteċipazzjoni sħiħa tal-Parlament Ewropew fin-negozjati internazzjonali kummerċjali ta' l-Unjoni Ewropea;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri u lid-Direttur Ġenerali tad-WTO.

(1) Testi Adottati, P6_TA(2006)0123.
(2) Numru tad-dokument 05-6248, simbolu tad-dokument WT/MIN(05)/DEC)


L-iffalsifikar tal-prodotti mediċinali
PDF 206kWORD 40k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-iffalsifikar tal-prodotti mediċinali
P6_TA(2006)0351RC-B6-0467/2006

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-istqarrija dwar il-ġlieda kontra l-iffalsifikar tal-Kapijiet ta' Stat u tal-Gvern tal-G8 waqt is-samit ta' San Pietruburgu fil-15,16 u 17 ta' Lulju 2006.

–   wara li kkunsidra l-istqarrija ta' Ruma waqt il-Konferenza Internazzjonali tad-WTO tat-18 ta' Frar 2006,

–   wara li kkunsidra l-inizjattivi tal-Kummissjoni fil-qasam ta' l-osservanza tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali u l-pjan ta' azzjoni tiegħu kontra l-iffalsifikar u l-piraterija, adottati f'Ottubru 2005,

–   wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tat-13 ta' Settembru 2005 (C-176/03) li saħħet il-kapaċità tal-Komunità Ewropea li tilleġiżla sanzjonijiet penali fil-qasam ta' l-iffalsifikar,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tad-WTO dwar is-saħħa pubblika, l-innovazzjoni, ir-riċerka essenzjali u l-proprjetà intelletwali, li ġiet ivvutata fid-29 ta' Mejju 2006,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   wara li kkunsidra l-konsegwenzi estremament gravi ta' l-iffalsifikar tal-mediċini, li jirriskja wkoll li jipperikola s-saħħa u l-ħajja ta' miljuni ta' persuni;

B.   wara li kkunsidra li skond id-WHO mediċina falsifikata hi mediċina li, deliberatament u b'mod frawdalenti, ikollha tikketta li jkun fiha informazzjoni falza rigward l-identità u s-sors veru tagħha. Din tista' tkun speċjalità oriġinali jew ta' prodott ġeneriku u, fost il-prodotti foloz, hemm uħud li jkun fihom ingredjenti tajbin jew ingredjenti ħżiena, jew inkella l-ebda prinċipji attivi u hemm oħrajn li l-prinċipji attivi tagħhom ikunu fi kwantità mhux suffiċjenti jew li l-pakkett tiegħu jkun ġie ffalsifikat,

C.   wara li nnota li dawn il-mediċini foloz qed jiċċirkolaw essenzjalment fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u li qed jintużaw bir-riskju ta' mard mortali bħall-malarja, it-tuberkulożi u l-HIV/AIDS,

D.   wara li kkunsidra li l-iffalsifikar tal-mediċini llum jolqot, skond l-istimi tad-WTO, 10% tas-suq dinji u filwaqt li skond il-US Food and Drug Administration il-perċentwal hu ta' 10%; filwaqt li sa 70% tal-mediċini kontra l-malarja li jiċċirkolaw fil-Kamerun huma fil-fatt foloz, ċifra li hi kkonfermata għal sitt pajjiżi oħra Afrikani mid-WHO fl-2003; filwaqt li 25% tal-mediċini li jintużaw fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw aktarx li huma foloz (50% fil-Pakistan jew fin-Niġerja),

E.   wara li nnota li, skond id-WHO, minn miljun mewta annwali kkaġunata mill-malarja, 200 000 minnhom huma kkawżati minn mediċini mogħtija ħażin jew mit-teħid ta' mediċini foloz,

F.   wara li kkunsidra li l-iffalsifikar tal-mediċini qed jolqot lill-kontinenti kollha u prinċipalment l-Afrika, l-Asja, l-Amerika t'Isfel u r-Russja,

G.   wara li kkunsidra li l-fatturi l-iktar komuni indikati mid-WHO li jiffavorixxu l-eżistenza ta' mediċini foloz huma: in-nuqqas ta' leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-iffalsifikar tal-mediċini, id-dgħjufija tas-sanzjonijiet penali, id-dgħjufija jew l-assenza ta' l-awtoritajiet nazzjonali ta' rregolar farmaċewtiku, in-nuqqas ta' mediċini jew il-provvisti mhux konsistenti tagħhom, in-nuqqas ta' kontroll tal-mediċini għall-esportazzjoni, it-trażazzjonijiet kummerċjali li jimplikaw diversi intermedjarji, il-korruzzjoni u l-kunflitti ta' interess;

H.   billi dan l-ittraffikar ta' mediċini foloz hu wkoll konsegwenza ta' nuqqas ta' konoxximent u impenn politiċi, sistemi regulatorji dgħajfa, kapaċità inadegwata ta' infurzar u, speċjalment f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, in-nuqqas ta' aċċess tal-popolazzjonijiet għal mediċini ġenwini, ikkontrollati mill-awtoritajiet pubbliċi;

I.  Jiddispjaċih li l-Unjoni Ewropea daħlet biss tard ħafna fil-qasam tal-ġlieda internazzjonali kontra l-iffalsifikar, filwaqt li l-porożità qed iżżid il-fruntieri u t-teknoloġiji l-ġodda (Internet) qed jirriskjaw li jkabbru l-fenomenu tal-piraterija;

1.  Iqis li l-Unjoni Ewropea għandha, b'kull urġenza, issib il-mezzi biex tmexxi sew il-ġlieda tagħha kontra l-prattiċi illiċiti fil-qasam tal-piraterija u ta' l-iffalsifikar tal-mediċini;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tmur lilhinn mill-komunikazzjoni tagħha intitolata 'Strateġiji għall-infurzar ta' l-osservanza tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali fil-pajjiżi terzi'; jinkoraġġixxi, b'mod partikulari, lill-Unjoni Ewropea biex tieħu l-miżuri adegwati biex tiġġieled kontra l-pesta ta' l-iffalsifikar tal-mediċini fit-territorju tagħha;

3.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea biex tieħu inizjattivi biex, fil-pajjiżi li jkollhom riżorsi dgħajfa, issaħħaħ il-kapaċitajiet ta' rregolar u ta' kontroll tal-kwalità tal-prodotti u materjal mediċinali li jitpoġġew fis-suq u li ttejjeb l-aċċess għal mediċini għal prezz aċċessibbli;

4.  Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea biex ikollha rwol mexxej fil-promozzjoni ta' Konvenzjoni dinjija li jkollha l-għan li fil-leġiżlazzjoni ta' kull pajjiż toħloq inkriminazzjoni penali speċifika (reat jew delitt) li tikkonċerna l-iffalsifikar ta' mediċini jew il-ħabi jew it-tixrid ta' mediċini foloz;

5.  Jitlob li tissaħħaħ il-kooperazzjoni kemm fuq il-livell nazzjonali kif ukoll fuq dak transnazzjonali bejn l-awtoritajiet differenti imdaħħla fl-azzjonijiet ta' kontra l-iffalsifikar;

6.  Jinsisti fuq l-importanza tal-miżuri preventivi fil-programmi ta' azzjoni: fl-istabbiliment ta' strutturi, il-kooperazzjoni, kampanji ta' sensibilizzazzjoni li preferibilment jitmexxew mill-awtoritajiet pubbliċi, il-volontà politika, fl-aħħar minn l-aħħar, biex l-azzjonijiet tagħhom iħallu frott;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lis-Segretarju Ġenerali tad-WHO.


Il-Liġi Ewropea dwar il-Kuntratti
PDF 269kWORD 36k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Liġi Ewropea dwar il-Kuntratti
P6_TA(2006)0352B6-0464/2006

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Marzu 2006 dwar il-liġi Ewropea dwar il-kuntratti u r-reviżjoni ta' l-acquis: prospettivi għall-futur(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 1989 dwar azzjoni sabiex il-liġi privata ta' l-Istati Membri tkun alineata(2), tas-6 ta' Mejju 1994 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċertu setturi tal-liġi privata ta' l-Istati Membri(3), tal-15 ta' Novembru 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġi ċivili u kummerċjali ta' l-Istati Membri(4) u tat-2 ta' Settembru 2003 dwar il-Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill - Liġi Ewropea dwar il-Kuntratti aktar koerenti - Pjan t'Azzjoni(5),

–   wara li kkunsidra l-Ewwel Rapport Annwali ta' Progress tal-Kummissjoni, tat-23 ta' Settembru 2005, dwar il-Liġi Ewropea tal-Kuntratti u r-Reviżjoni ta' l-Acquis (COM(2005)0456), li fih il-Kummissjoni tistqarr li r-reviżjoni ta' l-acquis relatat mal-konsumatur "min-naħa tagħha, tagħti kontribut għall-iżvilupp tal-Kwadru Komuni ta' Referenza (CFR) aktar wiesa",

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-11 ta' Ottubru 2004 dwar il-liġi Ewropea dwar il-kuntratti u r-reviżjoni ta' l-acquis: prospettivi għall-futur (COM(2004)0651), li fiha l-Kummissjoni tistqarr li se tuża lis-CFR bħala "kaxxa ta' l-għodda", fejn ikun xieraq, meta jiġu ppreżentati proposti biex jittejbu l-kwalità u l-koerenza ta' l-acquis eżistenti u ta' strumenti legali futuri fil-qasam tal-liġi kuntrattwali,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Marzu 2006 indikat li għadu mhux ċar fejn se twassal l-inizjattiva dwar il-liġi Ewropea dwar il-kuntratti f'dak li għandu x'jaqsam ma' riżultati prattiċi jew skond liema bażi legali se jiġi adottat kwalunkwe strument li jorbot,

B.   billi r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Marzu 2006 talbet, fost informazzjoni oħra, stqarrija mill-Kummissjoni dwar kif tipproponi li tqis ir-riżultati tas-CFR-net workshops u tal-gruppi ta' riċerka fix-xogħol sussegwenti tagħha,

1.  Itenni l-konvinzjoni tiegħu li suq intern uniformi ma jistax ikun kompletament funzjonali mingħajr ma jittieħdu passi oħra lejn l-armonizzazzjoni tal-liġi ċivili;

2.  Ifakkar li l-inizjattiva dwar il-liġi Ewropea dwar il-kuntratti hija l-aktar inizjattiva importanti għaddejja bħalissa fil-qasam tal-liġi ċivili;

3.  Jappoġġa bis-saħħa approċċ lejn CFR usa' dwar kwistjonijiet ġenerali dwar il-liġi dwar il-kuntratti li jmorru lil hinn mill-qasam tal-ħarsien tal-konsumatur;

4.  Jenfasizza li, apparti l-ħidma fuq ir-reviżjoni ta' l-acquis dwar il-konsumatur, għandha titkompla l-ħidma fuq CFR usa'; jistieden lill-Kummissjoni biex, b'mod parallel mal-ħidma fuq ir-reviżjoni ta' l-acquis dwar il-konsumatur, tavvanza bil-proġett għal CFR usa';

5.  Jenfasizza li - minkejja li l-għan finali u l-forma legali tas-CFR għadhom mhux ċari - il-ħidma fuq il-proġett għandha ssir sew, waqt li jitqies li r-riżultat finali fit-tul jista' jkun strument li jorbot; għandhom jinżammu miftuħa id-diversità ta' għażliet varji possibbli għall-għan u l-forma legali ta' strument futur;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu kont tal-perspettiva fuq tul ta' żmien ta' CFR meta tippreżenta proposti leġislattivi ġodda;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni biex kontinwament tinvolvi lill-Parlament fil-ħidma tagħha fuq is-CFR.

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi Adottati, P6_TA(2006)0109.
(2) ĠU C 158, 26.6.1989, p.400.
(3) ĠU C 205, 25.7.1994, p.518.
(4) ĠU C 140E, 13.6.2002, p.538.
(5) ĠU C 76E, 25.3.2004, p.95.


Il-parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-ħidma tal-Konferenza ta' The Hague
PDF 201kWORD 35k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-ħidma tal-Konferenza ta' The Hague wara l-adeżjoni tal-Komunità
P6_TA(2006)0353B6-0459/2006

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea fil-Konferenza ta' The Hague dwar il-Liġi Internazzjonali Privata (COM(2005)0639),

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2006 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea fil-Konferenza ta' The Hague dwar il-Liġi Internazzjonali Privata(1),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi l-adeżjoni tal-Komunità għall-Konferenza ta' The Hague dwar il-Liġi Internazzjonali Privata(CODIP) għandha ttejjeb il-konsistenza fl-oqsma tal-liġi internazzjonali ċivili u kummercjali u tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità u għandha żżid b'mod konsiderevoli l-influwenza tal-Komunità f'dan il-forum,

B.   billi l-konvenzjonijiet CODIP huma punt ta' riferenza indispensabbli fid-dritt ċivili u kummerċjali,

C.   billi, sa mit-Trattat ta' Amsterdam, il-Komunità kellha l-ħila tadotta miżuri relatati ma' koperazzjoni ġudizzjali fi kwistjonijiet ċivili li għandhom implikazzjonijiet transkonfinali kemm kien meħtieġ għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern,

D.   billi l-Parlament huwa involut bħala ko-leġiżlatur għall-adozzjoni ta' dawn il-miżuri, fejn huwa mhux sempliċement ikkonsultat,

E.   billi numru ta' strumenti adottati jew kontemplati mill-Komunità jidħlu f'xulxin bi kwistjonijiet li ġew ittrattati jew jistgħu jiġu ttrattati fil-futur mill-Konferenza ta' The Hague,

F.   billi barra minn dan il-Komunità sejra tintalab tipparteċipa b'mod attiv biex jiġu ffissati l-prijoritajiet tal-CODIP u biex tiżgura li dawn jgħaqqdu mal-programm ta' The Hague dwar koperazzjoni ġudizzjali, mal-pjan ta' azzjoni dwar servizzi finanzjarji u l-istrateġija tas-suq intern u, b'mod aktar ġenerali, mal-programm tax-xogħol tal-Kummissjoni,

G.   billi jeħtieġ li l-Kummissjoni tikkonsulta lill-Parlament dwar abbozz ta' mandati għan-negozjazzjoni u dwar il-bżonn ta' klawsoli ta' distakkament,

H.   billi hemm għalhekk il-bżonn li l-Parlament ikun involut mill-viċin fil-proċeduri tal-Konferenza ta' The Hague u li jkun ikkonsultat dwar il-riżultat tad-deliberazzjonijiet tagħha biex jiżgura wkoll skrutinju aktar demokratiku tal-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni fil-Konferenza bħala l-uniku rappreżentant tal-Komunità nnifisha, u miżura akbar ta' trasparenza u ftuħ għall-proċeduri tagħha, li huma ta' interess konsiderevoli għaċ-cittadini komuni u għall-esperti legali,

1.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jistaqsu lill-Parlament biex jagħti l-fehmiet tiegħu każ b'każ dwar il-bżonn li l-Komunità tidħol fil-konvenzjonijiet eżistenti li ġew ratifikati minn numru sinifikanti ta' l-Istati Membri;

2.  Jiddeċiedi li jinvestiga sewwa mal-Konferenza modi oħra ta' koperazzjoni u li jkun ta' l-ewwel biex iwaqqaf 'forum parlamentari' b'membri parlamentari nazzjonali li jsegwu x-xogħol tal-Konferenza u wkoll jagħtu informazzjoni dwaru;

3.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jipproponu proċeduri xierqa biex il-Parlament ikun jista' jagħmel l-irwol tiegħu proprju fil-kuntest tal-Konferenza ta' The Hague dwar id-Dritt Privat Internazzjonali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.

(1) Testi Adottati, P6_TA(2006)0345.


Ftehima ma' l-Istati Uniti ta' l-Amerika dwar l-użu ta' dejta fir-Rekords ta' Ismijiet ta' Passiġġieri
PDF 345kWORD 76k
Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill dwar in-negozjati għal ftehima ma' l-Istati Uniti ta' l-Amerika dwar l-użu tar-rekords ta' ismijiet ta' passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni tat-terroriżmu u r-reati transnazzjonali, inluża l-kriminalità organizzata, u għall-ġlieda kontrihom. (2006/2193(INI))
P6_TA(2006)0354A6-0252/2006

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni lill-Kunsill minn Sophia in 't Veld f'isem il-Grupp ALDE dwar il-kontenut tal-ftehima ma' l-Istati Unit ta' l-Amerika dwar l-użu ta' Rekords ta' Ismijiet ta' Passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni tat-terroriżmu u r-reati transnazzjonali, inluża l-kriminalità organizzata, u għall-ġlieda kontrihom (B6-0382/2006),

–   wara li kkunsidra r-Regola 114(3) u r-Regola 94 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0252/2006),

A.   jfakkar ir-riżoluzzjonijiet tiegħu ta" qabel dwar il-kwistjoni tal-PNR(1), li fihom l-Parlament esprima mill-bidu:

   - li huwa li lest li jawtorizza l-aċċess mill-awtoritajiet pubbliċi għad-dejta personali tal-passiġġieri għal raġunijiet ta" sigurtà meta jkun neċessarju għar-raġunijiet ta' identifikazzjoni u ta" "cross-checking" ma" "watch list" ta" persuni perikolużi jew kriminali u terroristi magħrufa (kif isir fl-UE permezz tal-Konvenzjoni ta" Schengen jew taħt id-Direttiva 2004/82/KE(2), li jagħtu aċċess għal dejta ta" identifikazzjoni mmaniġġjata mill-linji ta" l-ajru permezz tas-Sistema ta' Tagħrif bil-Quddiem dwar il-Passiġġieri (APIS)), u
   - it-tħassib qawwi tiegħu rigward aċċess sistematiku mill-awtoritajiet pubbliċi għal dejta bħan-numru tal-karta tal-kreditu, indirizz ta" l-email, affiljazzjoni ma" xi grupp partikolari, informazjoni "frequent flyer" marbuta ma' l-imġieba ta" passiġġieri "normali"(jiġifieri, nies li mhumiex irreġistrati bħala kriminali jew perikolużi fil-pajjiż li se jilqagħhom) sabiex jiġi ċċekjat biss ma' disinn teoretiku jekk xi passiġġier jistax jikkonstitwixxi tehdida "potenzjali" għat-titjira, għall-pajjiż ta" destinazzjoni jew għal xi pajjiż ieħor li l-persuna involuta tkun għamlet tranżitu minnu;

B.   konxju mill-fatt li aċċess sistematiku għal dejta dwar l-"imġieba", anke jekk mhix aċċettabbli fl-Unjoni Ewropea, hu bħalissa meħtieġ minn pajjiżi inklużi l-Istati Uniti ta' l-Amerika, il-Kanada u l-Awstralja għall-protezzjoni tas-siġurtà interna, imma jirrimarka li:

   - fil-każ tal-Kanada u l-Awstralja, leġiżlazzjoni domestika tipprovdi għal aċċess għal dejta li hu limitat fl-applikazzjoni u ż-żmien u rigward l-ammont ta" dejta koperta u hi taħt kontroll ta" awtorità ġudizzjarja, fuq kunsiderazzjoni li dawn is-sistemi jiġu kkunsidrati adegwati mill-Parlament u mill-awtroritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-dejta fl-UE,
   - fil-każ ta" l-Istati Uniti, anke wara negozjati mal-Kummissjoni u ftit rieda tajba imsemmija fl-"impennji", għad m'hemmx protezzjoni legali tad-dejta ta' l-Istati Uniti fil-qasam tat-trasport bl-ajru; għalhekk, id-dejta kollha tal-PNR tista" tinqara, bl-eċċezzjoni waħdanija għal dejta "sensittiva", u d-dejta tista' tinżamm għal snin wara li jkun saret tfittxija ta' siġurtà; aktar minn hekk, m'hemmx protezzjoni ġudizzjarja għal ċittadini li mhumiex Amerikani,

C.   jikkunsidra li mindu saru l-atroċitajiet tal-11 ta' Settembru 2001, numru ta' miżuri ta' siġurtà singoli kienu introdotti madwar id-dinja, li ħafna drabi jinvolvu l-ġbir sistematiku u l-monitoraġġ tad-dejta personali taċ-ċittadini kollha, partikolarment dejta dwar trasferimenti ta' flus u telekomunikazzjoni u dejta tal-passiġġieri; jikkunsidra li, fl-assenza ta' politika ta' sigurtà Ewropea koerenti, il-pożizzjoni taċ-ċittandin vis à vis din il-qagħda tista' tkun imdħajjfa;

D.   waqt li jfakkar li l-Parlament ressaq proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Europej sabiex jikseb l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/496/KE(3) dwar il-konklużjoni ta' ftehima ma' l-Istati Uniti ta' l-Amerika, negozjata fuq il-bażi tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/535/KE(4), minħabba li d-deċiżjoni kienet nieqsa minn bażi legali u minn ċarezza legali u għaliex il-ġbir tad-dejta personali awtorizzata permezz tal-ftehima kien eċċessiv meta mqabbel mal-bżonn dettat mill-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu;

E.   jilqa' l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/496/KE u tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/535/KE mill-Qorti tal-Ġustizza(5),

F.   jiddispjaċih li l-Qorti tal-Ġustizzja ma rrisponditx għat-tħassib tal-Parlament rigward l-istruttura legali tal-ftehim u dwar il-kongruwenza tal-kontenut tiegħu mal-prinċipji ta' protezzjoni tad-dejta stipulati fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (ECHR);

G.   jikkunsidra l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja qalet li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/496/KE ma setgħatx tkun addottata b'mod validu fuq il-bażi ta' l-Artikolu 95 tat-Trattat tal-KE b'mod konġunt mad-Direttiva 95/46/KE(6), għaliex it-trasferiment lejn l-Uffiċċju tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri ta' l-Istati Uniti (CBP) u l-użu minnu ta' dejta tal-PNR jirrigwarda l-operazzjonijiet ta' l-ipproċessar tad-dejta li jikkonċernaw is-siġurtà pubblika u l-attivitajiet ta' l-istat fl-oqsma tal-liġi kriminali, li ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 95/46/KE u ta' l-ewwel pilastru;

H.   jikkunsidra l-volontà espressa tal-Kummissjoni u tal-Kunsill li jikkoperaw mill-qrib mal-Parlament sabiex jiżguraw konformità sħiħa mas-sentenza tal-Qorti; madanakollu, jiddispjaċih li l-Kunsill ma involviex lill-Parlament fin-negozjati li għaddejjin;

I.   jaqsam l-opinjoni adottata fl-14 ta" Ġunju 2006 mill-Grupp ta' Ħidma ta' l-Artikolu 29 dwar segwitu neċessarju tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja(7),

J.   jikkonsidra l-importanza tal-kwistjoni sal-punt li l-Unjoni Ewropea għandha, f'kull każ, tilħaq ftehim ma" l-Istati Uniti ta' l-Amerika dwar ftehim internazzjonali xieraq li, bir-rispett xieraq lejn id-drittijiet fundamentali, jistipula:

   a) liema dejta hi neċessarja għal skopijiet ta" identifikazzjoni u li għandha tkun trasferita b'mod sistematiku b'metodu awtomatiku (APIS) u liema dejta għandha x'taqsam ma" l-"imġieba" tal-passiġġier tista" tkun trasferita fuq bażi ta" każ b'każ fir-rigward tan-nies li jkunu rrekordjati fuq "watch list" ta" siġurtà pubblika bħala "perikolużi" minħabba attività kriminali jew terrorista,
   b) il-lista ta" reati serji li fir-rigward ta" tagħhom tista' ssir kwalunkwe rikjesta addizzjonali,
   c) il-lista ta" awtoritajiet u agenziji li jistgħu jaqsmu d-dejta u l-kundizzjonijiet tal-protezzjoni tad-dejta li għandhom jkunu irrispettati,
   d) il-perjodu taż-żamma tad-dejta għaż-żewġ tipi ta" dejta, filwaqt li jkun ċar li dejta li għandha x'taqsam mal-prevenzjoni ta" reati serji għandha tiġi skambjata skond il-ftehim UE-Stati Uniti dwar koperazzjoni ġudizzjarja(8) u estradizzjoni(9),   
   e) l-irwol li għandu jkollhom l-linji ta" l-ajru, is-Sistemi Kompjuterizzati tar-Riservar jew organizzazzjonijiet privati (bħas-SITA u l-AMADEUS) meta jsir it-trasferiment tad-dejta tal-passiġġieri u l-mezzi kkunsidrati (APIS, PNR, eċċ.) għal skopijiet ta" sigurtà pubblika,   
   f) il-garanziji li jingħataw lill-passiġġieri sabiex ikunu jistgħu jikkoreġu d-dejta li għandha x'taqsam magħhom jew jipprovdu spjegazzjoni f'każ ta" diskrepanza bejn id-dejta relatata ma" kuntratt ta" vjaġġ u d-dejta murija fuq id-dokumenti ta" identità, viżi, passaporti, u dokumenti uffiċjali oħra,  
   g) ir-responsabiltajiet tal-linji ta" l-ajru fil-konfront tal-passiġġieri u ta" l-awtoritajiet pubbliċi fil-każ ta" traskrizzjoni jew żbalji ta" kodifikazzjoni u fir-rigward ta" protezzjoni tad-dejta pproċessata,  
   h) id-dritt ta" appell lil xi awtorità indipendenti u mekkaniżmi ta" rimedju f'każ ta" ksur tad-drittijiet tal-passiġġieri;
   i) il-ħtieġa ta' konformità stretta ma' l-Artikolu 6(d) tar-Regolament tal-Kunsill ta' l-24 ta' Lulju 1989 (KEE) Nru 2299/89(10) dwar kodiċi ta' kondotta għas-sistemi kompjuterizzati tar-riservar, li jitlob il-kunsens minn qabel tal-passiġġier għal kwalunkwe trasferiment ta' tagħrif personali;

1.  Jindirizza dawn ir-rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill:

   Prinċipji ġenerali
   a) sabiex jiġi evitat vojt legali fuq livell Ewropew mill-1 ta" Ottubru 2006 għat-trasferiment ta" dejta tal-passiġġieri u biex ikun żgurat li d-drittijiet u l-libertajiet tal-passiġġieri huma mħarsa b'aktar reqqa minn kif qed ikunu mħarsa fil-preżent taħt l-intrapriżi unilaterali mressqa mill-amministrazzjoni Amerikana,
   b) sabiex ftehimiet ġodda f'dan il-qasam jiġu bbażati fuq l-prinċipji ta" l-UE dwar l-protezzjoni tad-dejta kif meħuda mill-Artikolu 8 ta' l-ECHR.
   Fir-rigward tal-proċedura tan-negozjati:
  c) sabiex jiġi negozjat, kif suġġett mir-restrizzjonijiet fil-kalendarju,
   - ftehim internazzjonali ġdid għal żmien qasir biex ikopri l-perjodu bejn l-1 ta" Ottubru 2006 sa Novembru 2007 (oriġinarjament dan il-perjodu kien kopert mill-ftehim bejn l-Istati Uniti u l-Komunita' Ewropea li ġie annullat mill-Qorti),
   - għal żmien medju sa zmien fit-tul, avviċinament fuq livell ta" l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) aktar koerenti lejn skambju ta" dejta tal-passiġġieri sabiex jiġu żgurati kemm is-sigurtà tat-traffiku ta" l-ajru kif ukoll ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fuq livell globali;
   d) sabiex il-President jingħata l-mandat, mgħejjun mill-Kummissjoni, li jinforma lill-Parlament Ewropew bin-negozjati dwar il-Ftehim u biex jinvolvi rapreżentanti tal-kumitat relevanti bħala osservaturi fid-djalogu ma" l-amministrazzjoni Amerikana;
   Fir-rigward tal-kontenut tal-Ftehim għal perjodu ta' żmien qasir
   e) sabiex l-ewwelnett jingħelbu in-nuqqasijiet msemmija fl-ewwel reviżjoni konġunta UE/Stati Uniti tal-ftehima(11) u sabiex ikunu ikkunsidrati r-rakkomandazzjonijiet tas-Superviżur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta u l-Grupp ta" Ħidma ta' l-Artikolu 29(12),
   f) sabiex jiġi inkluz il-kontenut ta' l-impennji fil-qofol tal-ftehim biex dawn ikunu jistgħu jorbtu b'mod legali, bir-riżultat li jkun neċessarju li ż-żewġ partijiet jistabbilixxu jew jimmodifikaw kull leġiżlazzjoni eżistenti u biex l-ġudikatura tipproteġi persuni koperti mill-ftehim;
  g) sabiex bħala prova ta' rieda tajba min-naħa ta" l-amministrazzjoni Amerikana, jiġu inkorporati immedjatament fil-ftehim, l-impennji li ġejjin (li għadhom ma ġewx implimentati kollha aktar minn sentejn minn wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehim):
   - l-limitu bi skop strett, kif kien stipulat taħt l-Impenn 3, sabiex dejta dwar l-imġieba ma tintużax biex jiġu ċċekkjati reati kriminali finanzjarji jew biex issir prevenzjoni ta" l-influwenza avjarja; limitazzjoni bħal din għandha wkoll tkun stipulata għal trasferiment ulterjuri ta" din it-tip ta' dejta;
   - bidla għas-sistema PUSH (kif disposta taħt l-Impenn 13) bħall-każ tal-ftehim tal-KE mal-Kanada u l-Awstralja, peress li ir-rekwiżiti tekniċi kollha qegħdin hemm u dan diġà sar, pereżempju mis-SITA;
   - dispożizzjoni ta" l-informazzjoni lill-passiġġieri dwar ir-regoli tal-PNR, u l-introduzzjoni ta" proċeduri ta" ilmenti ġudizzjarji xierqa kif stipulati taħt l-Impennji 36-42 u mill-ftehimiet dwar il-PNR mal-Kanada u ma" l-Awstralja;
   - il-bżonn li jkunu żgurati l-istruzzjonijiet u taħriġ adegwat ta" l-istaff li jaħdem bid-dejta, u l-bżonn li s-sistemi ta' l-informatika jkunu sikuri;
   - ir-reviżjoni annwali konġunta, kif dispost taħt l-Impenn 43, għandu tabilħaqq isir kull sena, u għandu jsir b'koperazzjoni ma' l-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-dejta u għandu jkun ippublikat kollu u għandu jevalwa mhux biss l-implimentazzjoni ta' l-"undertakings", imma wkoll ir-riżultati tal-ftehim fl-eliminazzjoni tat-terroriżmu u l-kriminalità;
   Fir-rigward tal-kontenut tal-Ftehim għal perjodu ta' żmien medju
   h) sabiex l-UE tiġi pprovduta b'qafas legali ċar, b'mod partikulari permezz ta" l-adozzjoni, meqjusa urġenti, tad-Deċiżjoni ta'Abbozz ta" Qafas għall-Protezzjoni tad-Dejta,
   i) sabiex tiġi evitata d-diviżjoni artifiċjali bejn il-"pilastri" billi jinħoloq qafas konsistenti bejn il-pilastri għall-protezzjoni tad-dejta fl-Unjoni billi tiġi attivata il-klawżola passarelle skond l-Artikolu 42 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea sabiex ikun żgurat li l-Ftehim il-ġdid ikun konkluż flimkien mal-Parlament u jkun suġġett għall-iskrutinju tal-Qorti tal-Ġustizzja,
   j) sabiex jiġi limitat l-ammont ta' dejta li tista' tintalab u sabiex dejta sensittiva tkun iffilterjata fil-post ta' oriġini tagħha kif hu mitlub mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 95/46/KE; jinnota li l-linji ta" l-ajru huma mitluba biss li jressqu d-dejta li tkun tinsab għad-dispożizzjoni tagħhom, biex b'hekk fil-prattika is-CBP Amerikan rari jirċievi l-23 kategorija ta' dejta kollha rikjesti; jikkonkludi li għal skopijiet tal-Ftehim, b'mod partikolari biex jiġu evitati u miġġielda t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali, inkluż kriminalità organizzata, anke dejta ta" l-APIS għandha tkun biżżejjed; jistieden lill-Presidenza tal-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex iqajjmu din il-kwistjoni fin-negozjati;

2.  Itenni t-talba tiegħu ta" qabel li ftehim ġdid għandhu jagħti lill-passiġġieri Ewropej l-istess livell ta' protezzjoni ta' dejta li jgawdu minnu ċ-ċittadini Amerikani;

3.  Jenfasizza l-pożizzjoni tiegħu ta" qabel li l-Unjoni Ewropea għandha tevita ħolqien indirett ta" sistema ta" PNR Ewropew permezz ta" transfer tad-dejta rilevanti mis-CBP ta' l-Istati Uniti lill-pulizija u lill-awtoritajiet ġudizzjarji fl-Istati Membri; jikkonsidra li ġabra sistematika tad-dejta ta' ċittadini "normali" barra l-qafas ta' proċedura ġudizzjarja jew barra investigazzjoni tal-pulizija għandha tibqa" mhux permessa fl-Unjoni Ewropea u li għandu jsir skambju ta' din id-dejta meta jkun neċessarju skond il-ftehim eżistenti bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti dwar assistenza legali reċiproka u estradizzjoni;

4.  Jipproponi li jitniedi djalogu fejn rappreżentanti parlamentari jieħdu sehem, qabel tmiem l-2006, bejn l-Unjoni Ewropea, l-istati Uniti, il-Kanada u l-Awstralja bl-għan li flimkien jippreparaw għar-reviżjoni ta' l-2007 u jistabbilixxu standard globali għat-trasmissjoni ta" PNR, jekk dan ikun neċessarju;

5.  Jirrakkomanda bil-qawwa li l-Parlament jorganizza sessjoni konġunta f'dan ir-rigward mal-Kungress ta' l-Istati Uniti, peress li huwa r-rappreżentant demokratiku taċ-ċittadini kkonċernati, sabiex jinbeda djalogu biex ikunu miġġieleda t-terroriżmu u l-konsegwenzi tiegħu fuq il-libertajiet ċivili u d-drittijiet tal-bniedem;

o
o   o

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u, għall-informazzjoni, lill-Kummissjoni.

(1) Riżoluzzjoni tat-13 ta' Marzu 2003 dwar it-trasferiment ta' dejta personali mil-linji ta' l-ajru fil-każ ta' titjiriet transatlantiċi (ĠU C 61 E, 10.3.2004, p.381), Riżoluzzjoni tad-9 ta' Ottubru 2003, dwar it-trasferiment ta' dejta personali mil-linji ta' l-ajru fil-każ ta' titjiriet transatlantiċi: l-istat tan-negozjati ma' l-Istati Uniti (ĠU C 81 E, 31.3.2004, p. 105) u r-riżoluzzjoni tal-31 ta' Marzu 2004, dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinnota l-livell xieraq ta' protezzjoni provduta għal dejta personali li tinsab fir-Rekords ta' Ismijiet tal-Passiġġieri (PNRs) trasferiti lill-Uffiċċju tad-Dwana u tal-Ħarsien tal-Fruntieri ta' l-Istati Uniti (ĠU C 103 E, 29.4.2004, p. 665).
(2) Direttiva 2004/82/KE tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-obbligu tal-linji tat-trasport sabiex jikkomunikaw id-dejta dwar il-passiġieri li qed jiġu trasportati (OJ L 261, 6.8.2004, p. 24).
(3) Deċiżjoni 2004/496/KE tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2004 dwar il-konklużjoni ta' ftehima bejn il-Komunita' Ewropea u l-Istati Uniti dwar il-mod kif jiġu trattati u trasferiti dejta dwar l-identifikazzjoni ta' prassi (PNR) min-naħa tal-linji ta' l-ajru ta' l-uffiċċju doganali u għall-protezzjoni tal-fruntieri għas-sigurta' interna ta' l-Istati Uniti (ĠU L 183, 20.5.2004, p. 83).
(4) Deċiżjoni 2004/535/KE tal-Kummissjoni ta' l-14 ta' Mejju 2004 dwar il-livell ta' protezzjoni xierqa għad-dejta personali li jinsabu fil-lista ta' l-ismijiet tal-passiġieri tal-linji ta' l-ajru li jiġu trasferiti lejn l-Uffiċċju Doganali u għall-Protezzjoni tal-fruntieri ta' l-Istati Uniti (ĠU L 235, 6.7.2004, p. 11).
(5) Sentenza tat-30 ta' Mejju 2006 fil-Każijiet Konġunti C-317/04 u C-318/04.
(6) Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-individwi f'dak li jirrigwarda l-ipproċessar tad-dejta personali u l-moviment liberu ta' din id-dejta (OJ L 281, 23.11.1995, p. 31).
(7) Opinjoni 5/2006 dwar is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea tat-30 ta' Mejju 2006 fil-każijiet konġunti C-317/04 u C-318/04 dwar it-trasferiment ta' listi ta' ismijiet tal-passiġieri (PNR) lill-Istati Uniti(ara: http://ec.europa.eu/justice_home/fsj/privacy/workinggroup/wpdocs/2006_mt.htm)
(8) ĠU L 181, 19.7.2003, p. 34.
(9) ĠU L 181, 19.7.2003, p. 27.
(10) ĠU L 220, 29.7.1989, p. 1.
(11) Reviżjoni konġunta ta' l-implimentazzjoni mill-Uffiċċju tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri ta' l-Istati Uniti ta' l-Impennji imniżżla fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/535/KE ta' l-14 ta' Mejju 2004 (Verżjoni Revista tat-12.12.2005).
(12) (ara: http://ec.europa.eu/justice_home/fsj/privacy/workinggroup/wpdocs/2006_mt.htm)


Il-wirt naturali, arkitettoniku u kulturali Ewropew f'reġjuni rurali u insulari
PDF 310kWORD 60k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ħarsien tal-wirt naturali, arkitettoniku u kulturali Ewropew f'reġjuni rurali u insulari (2006/2050(INI))
P6_TA(2006)0355A6-0260/2006

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 151 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' l-UNESCO tas-16 ta' Novembru 1972 dwar il-Ħarsien tal-Wirt Kulturali u Naturali Dinji,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa tat-3 ta' Ottubru 1985 dwar il-Ħarsien tal-Wirt Arkitettoniku ta' l-Ewropa (Granada),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa tas-16 ta' Jannar 1992 dwar il-Ħarsien tal-Wirt Arkitettoniku ta' l-Ewropa (Valletta),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Pajsaġġ ta' l-20 ta' Ottubru 2000 adottata mill-Kunsill ta' l-Ewropa (Firenze),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Qafas tal-Kunsill ta' l-Ewropa tas-27 ta' Ottubru 2005 dwar il-Valur tal-Wirt Kulturali għas-Soċjetà (Faro),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-13 ta' Mejju 1974 dwar il-ħarsien tal-wirt kulturali Ewropew(1), ta' l-14 ta' Settembru 1982 dwar il-ħarsien tal-wirt arkitettoniku u arkeoloġiku Ewropew(2), tat-28 ta' Ottubru 1988 dwar il-konservazzjoni tal-wirt arkitettoniku u arkeoloġiku tal-Komunità(3), tat-12 ta' Frar 1993 dwar il-preservazzjoni tal-wirt arkitettoniku u l-ħarsien tal-beni kulturali(4) u tas-16 ta' Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Ħarsien tal-Wirt Kulturali u Naturali Dinji fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea(5),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 508/2000/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-14 ta' Frar 2000 li tistabbilixxi l-programm Culture 2000(6),

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2005 fl-ewwel qari bil-mira li tiġi adottata d-Deċiżjoni Nru .../2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-programm Culture 2007 (2007-2013)(7),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A6-0260/2006),

A.   billi l-wirt kulturali huwa element ewlieni fl-identità u fl-iżvilupp storiku tal-ġnus ta' l-Ewropa,

B.   billi l-'wirt kulturali' jinkludi kemm elementi tanġibbli kif ukoll intanġibbli, li b'mod kostanti jistagħnew mill-kontribuzzjonijiet kulturali u kreattivi ta' kull ġenerazzjoni suċċessiva,

C.   billi l-wirt kulturali jinkludi kemm il-wirt arkitettoniku kif ukoll il-wirt naturali ikkaratterizzati mill-mod ta' għajxien tal-bniedem matul iż-żminijiet u f'postijiet differenti,

D.   billi l-Unjoni Ewropea hija ddedikata għall-ħidma li tippromwovi u tikkonserva d-diversità kulturali u l-kwalità tal-ħajja u tħares l-ambjent,

E.   billi l-konservazzjoni ta' bosta elementi tal-wirt kulturali toħloq il-pedament għal aktar żvilupp soċjali u ekonomiku u b'hekk issaħħaħ il-ħarsien ambjentali, l-opportunitajiet ta' impjieg u l-integrazzjoni Ewropea,

F.   billi l-wirt kulturali huwa ta' importanza sinifikanti f'zoni rurali li, filwaqt li jagħmlu 90% tat-territorju Ewropew, qed ibatu mill-konsegwenzi ta' l-abbandun, tat-tnaqqis fil-popolazzjoni u ta' l-istaġnar ekonomiku,

G.   billi l-gżejjer Ewropej, b'mod partikulari l-iżgħar fosthom, irnexxielhom bejn wieħed u ieħor jippreservaw mingħajr bidliet il-konfigurazzjonijiet oriġinali tagħhom u l-wirt kulturali konsiderevoli tagħhom jeħtieġu appoġġ, ħarsien u promozzjoni,

H.   billi huwa importanti li jiġu konservati u żviluppati mhux biss monumenti iżda wkoll elementi kulturali oħrajn li jiffurmaw u jagħmlu possibbli kundizzjonijiet ta' l-għajxien xieraq għall-abitanti ta' l-UE ta' llum,

I.   billi l-wirt kulturali Ewropew fis-sħuħija tiegħu, indipendentement mid-dimensjoni Ewropea, nazzjonali jew lokali tiegħu, huwa ta' valur fondamentali għaċ-ċittadini Ewropej,

1.  Jistieden lill-Kunsill biex jirrikonoxxi b'mod espliċitu l-kontribuzzjoni tal-wirt kulturali għall-integrazzjoni Ewropea fir-rigward ta' l-identità u ċ-ċittadinanza Ewropea, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli, l-iskambji interkulturali u d-diversità kulturali;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni biex fit-tfassil tal-proposti leġiżlattivi tagħha, timplimenta b'mod effettiv il-klawsola orizzontali ta' l-Artikolu 151(4) tat-Trattat KE fir-rigward tal-kultura, u tikkunsidra fid-dettall l-implikazzjonijiet tal-leġiżlazzjoni proposta għall-kultura u għall-wirt kulturali bil-għan li tiżgura li miżuri għall-promozzjoni tagħhom ikunu inkorporati fil-linji politiċi ta' l-Unjoni Ewropea;

3.  Huwa tal-fehma li l-wirt kulturali jrid jitħares bħala xi ħaġa sħiħa indiviżibbli li teħtieġ l-adozzjoni ta' miżuri konġunti ta' ħarsien;

4.  Jenfasizza li l-iżvilupp sostenibbli jeħtieġ li jkun hemm approċċ integrat lejn l-ambjent kulturali, naturali u arkitettoniku kemm f'zoni urbani kif ukoll f'dawk rurali waqt li jisħaq li hemm bżonn li tingħata attenzjoni b'mod partikulari għall-wirt kulturali Ewropew f'zoni rurali;

5.  Jenfasizza wkoll li trid tingħata attenzjoni partikulari għall-ħarsien u l-promozzjoni tal-wirt naturali u arkitettoniku taz-zoni insulari Ewropej;

6.  Huwa tal-fehma li kull azzjoni li tittieħed f'zoni rurali u insulari trid tqis dawn il-prinċipji li ġejjin:

   - bilanċ sostenibbli bejn il-popolazzjoni u l-ambjent,
   - approċċ integrat għal zoni li tradizjonalment huma agrikoli,
   - parteċipazzjoni mill-popolazzjoni lokali fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta' linji politiċi u l-alinjament bejn il-fehmiet tagħhom u d-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-awtoritajiet ċentrali;
   - djalogu kontinwu ma' organizzazzjonijiet soċjali, privati u volontarji li huma involuti b'mod attiv fil-qasam tal-wirt kulturali,

7.  Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea, lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet lokali u lill-organizzazzjonijiet kulturali u mhux governattivi biex jieħdu azzjoni biex jipproteġu u jirrijabilitaw il-wirt kulturali ta' l-Ewropa, b'mod partikulari komunitajiet żgħar tradizzjonali, u li titqajjem kuxjenza mal-pubbliku dwar l-importanza ta' dan;

8.  Jaħseb li l-fatturi li għandhom jitqiesu sabiex jiġi żviluppat dan is-settur partikolari, b'kunsiderazzjoni xierqa għall-prinċipju ta' sussidjarjetà, għandhom jinkludu:

   - stħarriġ sistematiku tal-wirt rurali,
   - il-ħolqien ta' qafas leġiżlattiv biex jiġi garantit il-ħarsien tiegħu, li jinkorpora kemm inċentivi għall-konservazzjoni ta' bini u komunitajiet tradizzjonali kif ukoll miżuri li jiżguraw li attivitajiet fir-rigward ta' bini ġdid ikunu kompatibbli ma' bini storiku li jinsab fil-viċinanzi u ma' l-arkitettura lokali,
   - għajnuna finanzjarja għar-restawr ta' monumenti lokali u t-tkomplija ta' metodi tradizzjonali tal-biedja,
   - restawr komprensiv ta' abitazzjonijiet tradizzjonali u ta' forom tradizzjonali ta' l-arkitettura, li jinvolvu l-użu xieraq ta' materjali moderni u l-inkorporazzjoni ta' utilitajiet moderni fi strutturi tradizzjonali b'mod li ma jaffettwawx il-karattru tagħhom,
   - konservazzjoni tal-kompetenza lokali u tal-professjonijiet tradizzjonali;

9.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jipprovdu meta meħtieġ inċentivi għat-twaqqigħ jew il-modifikazzjoni ta' bini li jistona u li jnaqqas mill-karattru arkitettoniku partikolari tal-komunità jew lokalità fejn jinsabu jew ma' l-ambjent naturali u l-bini ieħor fil-viċinanzi;

10.  Jistieden lill-Istati Membri, b'koperazzjoni mal-Kummissjoni, biex jippromwovu l-ħarsien u l-konservazzjoni tal-wirt kulturali tagħhom permezz tal-fondi strutturali u ta' inizjattivi li jeżistu bħal LEADER +, URBAN II u INTERREG III li fil-perjodu finanzjarju li jmiss (2007-2013) se jiġu inkorporati fl-istrumenti finanzjarji l-ġodda ta' koeżjoni politika u tal-politika agrikola komuni;

11.  Jistieden lill-Istati Membri biex iżommu f'moħħhom li strateġiji ta' inċentivi finanzjarji jridu jinvolvu koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali u lokali u korpi u istituzzjonijiet lokali oħrajn (mingħajr ma wieħed jinsa li l-biċċa l-kbira tal-wirt reġistrat huwa ta' natura reliġjuża) waqt li jfittxu biex jipproteġu u jtejbu l-ambjent naturali u kulturali tal-lokalitajiet ikkonċernati;

12.  Jikkunsidra li jista' jsir użu sinifikanti mill-wirt naturali, arkitettoniku u kulturali Ewropew permezz ta' l-iżvilupp, f'zoni rurali u insulari, ta' forom alternattivi ta' turiżmu, bħat-turiżmu kulturali, dak tal-mixi, dak ekoloġiku u dak marittimu; jisħaq dwar il-bżonn li jiġu promossi politiki li jippermettu liċ-ċittadini Ewropej kollha sabiex igawdu l-benefiċċji tat-turiżmu alternattiv;

13.  Jistieden lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu u jappoġġjaw l-iżvilupp ta' turiżmu alternattiv sostenibbli, li jagħtu prijorità lil komunitajiet tradizzjonali żgħar bl-għajnuna ta' strumenti finanzjarji tal-Komunità bħall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Ewropew għas-Sajd, eċċ.;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni, fi ħdan il-qafas tal-programmi Komunitarji preżenti, bħall-Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni, biex jippromwovu miżuri biex jappoġġjaw is-snajja', l-arti applikata u l-attivitajiet professjonali, b'mod partikulari dawk li huma fil-periklu li jisparixxu u li huma meħtieġa għal restawr u konservazzjoni xierqa tal-wirt arkitettoniku;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu t-taħriġ għal professjonisti speċjalizzati fl-użu u fil-ġestjoni ta' l-ispazju, ta' l-arkitettura, tar-restawr u t-tiswija tal-bini u attivitajiet relatati, sabiex jiġu kkonservati l-kwalitajiet partikulari tal-wirt kulturali waqt li jkunu konformi mal-ħtiġijiet ta' llum; jistieden ukoll li jkun hemm miżuri biex jittejjeb it-taħriġ ta' ħaddiema tas-sengħa u ta' fornituri ta' materjali tradizzjonali u għall-għażla ta' metodi li jinvolvu l-użu kontinwu tagħhom;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni, fi ħdan il-qafas tas-Seba' Programm ta' Qafas għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta' dimostrazzjoni (2007-2013) biex tappoġġja l-isforzi biex jiġu żviluppati għodod, tekniki u metodi ġodda ta' konservazzjoni tal-wirt kulturali;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ma jipprovdux fondi Komunitarji għal proġetti li jista' jintwera biċ-ċar li se jwasslu għall-qerda ta' elementi ta' valur tal-wirt kulturali tagħna;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni, fi ħdan il-qafas ta' programmi Komunitarji preżenti, biex tadotta miżuri li jiffaċilitaw aktar aċċessibilità u jinkoraġixxu kumpanniji żgħar, snajja' u negozji tradizzjonali u tradizzjonijiet u drawwiet lokali, permezz ta' kampanja kbira biex jiġu promossi rħula u komunitajiet fl-Istati Membri, sabiex tikkontribwixxi b'mod deċiżiv lejn l-iżvilupp ta' l-ekonomija lokali u sabiex twaqqaf l-esodu rurali;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi l-qsim u l-iskambju ta' esperjenzi f'dan il-qasam permezz ta' konferenzi u laqgħat internazzjonali;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni, l-aktar fi ħdan il-qafas tal-programm 'Kultura' (2007-2013) biex tagħti l-opportunità lil networks sħab fl-Istati Membri varji li jimplimentaw proġetti plurijennali biex jippromwovu komunitajiet tradizzjonali ppreservati tajjeb b'popolazzjoni ta', ngħidu aħna, inqas minn 1000 ruħ;

21.  Iqis li miżuri bħal dawn se jippermettu li jiġu organizzati attivitajiet kulturali li jfittxu li jiżviluppaw il-wirt kulturali ta' dawn il-komunitajiet bil-mira iktar fit-tul li tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn komunitajiet tradizzjonali fl-Ewropa u jkunu jistgħu jiżviluppaw il-kulturi lokali speċifiċi tagħhom flimkien mad-dimensjoni Ewropea tagħhom;

22.  Jixtieq l-iżvilupp fil-ġejjieni ta' azzjoni favur komunitajiet żgħar, tradizzjonali simili għal dik li tistabilixxi l-bliet kapitali tal-kultura;

23.  Iqis li l-'Premju ta' l-Unjoni Ewropea għall-Wirt Kulturali' li huwa amministrat mill-'Europa Nostra' huwa inizjattiva ta' valur li għandha titkompla fil-ġejjieni; jaħseb li f'dan ir-rigward u f'kuntest aktar wiesgħa għandha tiġi introdotta kategorija ġdida ta' premji għall-aqwa restawr f'sens ġenerali ta' komunità tradizzjonali sabiex dawk il-komunitajiet li jirnexxielhom jikkonservaw bis-sħiħ jew parti mill-elementi tradizzjonali tagħhom jitħeġġu jsaħħu l-isforzi tagħhom f'dan il-kamp;

24.  Jilqa' l-proposta riċenti fi ħdan il-qafas tal-Kunsill għat-tfassil ta' lista tal-Wirt Ewropew u jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġjaha; huwa tal-fehma li f'dan il-kuntest, għandha tingħata importanza partikulari lill-wirt kulturali lokali ta' zoni rurali u insulari, u jridu jitqiesu wkoll l-aspetti intanġibbli tal-wirt kulturali; huwa tal-fehma li pajjiżi kandidati għandhom ukoll jiġu mistiedna biex jipparteċipaw f'din l-inizjattiva;

25.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jippromwovu 'Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali' sabiex il-pubbliku Ewropew isir iktar konxju ta' l-importanza li jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiġi promoss il-wirt kulturali tagħhom;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkooperaw mal-Kunsill ta' l-Ewropa bil-għan li jsir iktar promozzjoni ta' komunitajiet tradizzjonali u tal-wirt arkitettoniku f'zoni rurali u insulari bħala parti mill-inizjattiva 'Jiem Ewropej tal-Wirt Kulturali' sabiex il-pubbliku Ewropew isir iktar konxju tal-valur ta' monumenti arkitettoniċi lokali;

27.  Jitlob lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex iqisu d-diversi konvenzjonijiet tal-Kunsill ta' l-Ewropa u tal-UNESCO dwar il-ħarsien tal-wirt naturali, arkitettoniku u kulturali Ewropew, u sabiex isaħħu l-koperazzjoni tagħhom ma' dawk l-organizzazzjonijiet skond l-Artikolu 151, paragrafu 3 tat-Trattat KE;

28.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri u lill-Kunsill ta' l-Ewropa.

(1) ĠU C 62, 30.5.1974, p 5.
(2) ĠU C 267, 11.10.1982, p 25.
(3) ĠU C 309, 5.12.1988, p 423.
(4) ĠU C 72, 15.3.1993, p 160.
(5) ĠU C 262, 18.9.2001, p 48.
(6) ĠU L 63, 10.3.2000, p 1.
(7) Testi adottati P6_TA(2005)0397.


Sri Lanka
PDF 305kWORD 60k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Sri Lanka
P6_TA(2006)0356RC-B6-0471/2006

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu ta' qabel tat-18 ta' Mejju 2000(1), ta' l-14 ta' Marzu 2002(2) u ta' l-20 ta' Novembru 2003(3), ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Jannar 2005(4) dwar id-diżastru taz-tsunami fl-Oċean Indjan, u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2006(5) dwar is-sitwazzjoni fis-Sri Lanka,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta' Mejju 2006(6) li tipprojbixxi formalment il-Liberation Tigers of Tamil Eelam (LTTE),

–   wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Ko-chairman tal-Konferenza ta' Tokjo tat-30 ta' Mejju 2006,

–   wara li kkunsidra l-appell tal-Ko-Presidenti tat-Tokyo Donor Conference (ta' l-UE, ta' l-Istati Uniti, tal-Ġappun u tan-Norveġja) tat-12 ta' Awissu 2006 sabiex iż-żewġ naħat iwaqqfu kull ksur tal-waqfien l-isparar ta' l-2002,

–   wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Presidenza ta' l-Unjoni Ewropea dwar is-Sri Lanka tas-17 ta' Awissu 2006,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Tokjo dwar ir-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp tas-Sri Lanka ta' l-10 ta' Ġunju 2003, li għamlet konnessjoni bejn l-appoġġ tad-donaturi u l-progress fil-proċess tal-paċi,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim għal-Waqfien ta' l-Isparar iffirmat bejn il-Gvern tas-Sri Lanka u l-LTTE li daħal fis-seħħ fit-23 ta' Frar 2002,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Oslo ta' Diċembru ta' l-2002, fejn il-Gvern tas-Sri Lanka u l-LTTE ftehmu sabiex jfittxu soluzzjoni bbażata fuq struttura federali fi Sri Lanka magħquda;

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi, fl-aħħar ftit xhur, is-sitwazzjoni fis-Sri Lanka ħżienet miżerjament b'mijiet ta' mwiet, madwar 200000 ruħ spustati minn djarhom, 500 000 persuna ċivili fil-peninsula ta' Jaffna nieqsa mill-ikel essenzjali u mill-provista ta' l-ilma, u x-xogħol ta' rikostruzzjoni vitali wara z-Tsunami ġiet interotta;

B.   billi l-Missjoni ta' Monitoraġġ tas-Sri Lanka (SLMM) skopriet li l-LTTE kienet responsabbli għall-bumbardament ta' karozza tal-linja li kienet qed iġġorr persuni ċivili f'attakk b'majn splussiva fil-15 ta' Ġunju 2006 li qatlet 64 ruħ u darbet aktar minn 80 f'Kebetigollewa fit-Tramuntana tas-Sri Lanka u kkundannat l-inċident bħala ksur kbir tal-Ftehim għal-Waqfien ta' l-Isparar;

C.   billi n-nuqqas ta' ħtif ta' l-opportunità li jerġgħu jinbdew in-negozjati għall-paċi naqqset ħafna l-possibilità ta' progress politiku reali,

D.   billi l-SLMM saret taf li 17-il ħaddiem fl-għajnuna impjegati mill-aġenzija umanitarja Franċiża Action Against Hunger, inqatlu b'tiri mit-truppi tal-gvern fil-Muttur,

E.   billi l-SLMM tbattlet u ħafna mill-monitoraġġi tagħha ġew irtirati mis-Sri Lanka tat-Tramuntana u tal-Lvant wara l-ultimatum iddikjarat mill-LTTE,

F.   ifakkar l-importanza tar-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u tan-normi umanitarji mill-partijiet kollha f'kunflitt, mhux biss bħala tweġiba immedjata għas-sitwazzjoni li qed tiħżien, imma bħala element fundamentali fil-bini ta' riżoluzzjoni ġusta u dejjiema tal-kunflitt,

G.   billi qatt ma ġie implimentat l-ebda ftehim għall-qsiem ta' l-għajnuna internazzjonali fil-konsegwenzi taz-Tsunami, ir-rikostruzzjoni kienet waħda bil-mod u hemm tħassib reali li l-fondi setgħu kienu misappropjati,

1.  Jiddeplora l-bidu mill-ġdid ta' vjolenza fuq skala kbira u mifruxa u t-tkissir tan-negozjati għall-paċi; jitħasseb bid-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni tas-sigutà b'kunflitti militari fil-Lvant u fit-Tramuntana; jenfasizza li introduzzjoni mill-ġdid u immedjata tal-Ftehim dwar il-Waqfien ta' l-Isparar eżistenti hija essenzjali sabiex isir kull tip ta' progress lejn soluzzjoni politika u paċi dejjiema;

2.  Jikkundanna l-attakki ta' kuljum f'Jaffna, f'Trincomalee u f' Batticaloa u l-madwar, li rriżultaw f'sofferenza umanitarja kbira u fil-mewt ta' mijiet ta' persuni ċivili u personal militari; jinnota li l-Komunità Musulmana fil-Lvant tal-pajjiż soffriet bla proporzjon mill-ġlied li reġa beda u f'Muttar biss ġew spustati 50 000 ruħ;

3.  Jiddeplora ħafna l-qtil ta' 17-il persuna mis-Sri Lanka li kienu jaħdmu ma' l-Organizzazzjoni mhux Governattiva Franċiża Action Against Hunger f'Muttur; jagħraf l-inizjattiva tal-Gvern għal investigazzjoni sħiħa ta' l-inċident u tal-parteċipazzjoni ta' espert forensiku ssekondat mill-Gvern ta' l-Awstralja; itenni t-talba tiegħu għal investigazzjoni effettiva u imparzjali fl-allegati atroċitajiet u fil-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem bl-appoġġ sħiħ tal-liġi użat kontra dawk li jinstabu kompliċi f'dawn l-attivitajiet;

4.  Jikkundanna l-operazzjoni ta' l-14 ta' Awissu 2006 kontra l-Mullaitivu li rriżultat fil-mewt ta' 51 tifel u żgħażugħ;

5.  Jilqa' t-tħabbira mill-President tas-Sri Lanka Mahinda Rajapaska, ta' l-intenzjoni tiegħu li jistieden kummissjoni grupp internazzjonali indipendenti ta' persuni importanti bħala osservaturi ta' investigazzjonijiet rigward ħtif, għejbien u qtil extraġudizzjarji sabiex tinvestiga l-qtil riċenti, l-għejbien u l-ħtif fis-Sri Lanka; Jikkunsidra li l-ħatra ta' kummissjoni indipendenti, kredibbli u effettiva, b'mod interim, għandha tkun mossa kuraġġjuża li tista' twaqqaf iċ-ċirku vizzjuz ta' vjolenza fis-Sri Lanka; jirrakkomanda li l-Gvern tas-Sri Lanka jfittex il-parir tal-Kummissarju tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Louise Arbour għat-twaqqif tal-Kummissjoni, sabiex ikunu żgurati l-indipendenza u l-effettività tagħha;

6.  Jissottlinea l-bżonn ta' ftehim fit-tul u wiesa' dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn il-partijiet u l-iffaċilitar tiegħu permezz ta' missjoni ta' monitoraġġ effettiva, indipendenti u internazzjonali, li tikkumplimenta l-ftehim attwali, kif kien irrakkomandat mir-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Philip Alston, b'aċċess bla xkiel għall-gvern u għaz-zoni kkontrollati mil-LTTE;

7.  Jenfasizza l-bżonn li t-truppi tal-Gvern ingaġġati f'operazzjonijiet ta' kontro-ribelljoni u ta' sigurtà domestika jeżerċitaw trażżin massimu skond id-dritt internazzjonali sabiex inaqqsu kull riskju li jindarbu persuni ċivili innoċenti, u li jġibu ruħhom b'mod impekkabbli fl-azzjonijiet kollha tagħhom; Jirrakkomanda li l-Gvern tas-Sri Lanka jsaħħaħ il-Korp tal-Pulizija Nazzjonali tiegħu sabiex jiżgura investigazzjoni effettiva mill-pulizija tal-qtil extragudizzjarji kollha; jirrakkomanda l-ħatra immedjata mill-Kunsill Kostituzzjonali ta' membri tal-Kummissjoni tal-Pulizija Nazzjonali, skond il-Kostituzzjoni, u jikkonferma l-irwol priċipali tagħhom fil-promozzjoni u d-dixxiplina ta' l-uffiċjali tal-pulizija jkun ikkonfermat; jirrakkomanda programmi għar-reklutaġġ ta' Tamil u ta' uffiċjali tal-Pulizija li jitkellmu l-lingwa Tamil, speċjalment sabiex jaħdmu fit-Tramuntana u fil-Lvant, u programmi ta' taħriġ fl-identifikazzjoni u l-investigazzjoni kriminali għall-pulizija ta' riserva;

8.  Itenni l-kundanna tiegħu ta' l-abbuż mit-tfal permezz ta' reklutaġġ ta' tfal suldati, li huwa reat tal-gwerra, u jistieden lill-gruppi ribelli sabiex iwaqqfu din il-prattika, jeħilsu dawk miżmuma minnhom u jagħmlu dikjarazzjoni ta' prinċipju li fil-futur ma jirreklutawx tfal; iħeġġeġ lill-Gvern tas-Sri Lanka sabiex jimplimenta miżuri legali sabiex jipprevjeni din il-prattika u jagħmilha reat kriminali; jilqa' l-ħatra ta' l-Ambaxxatur Alan Rock tal-Kanada bħala Konsulent Speċjali ta' Radhika Coomaraswamy, Rappreżentanta Speċjali tan-NU għat-Tfal u l-Kunflitti Armati, sabiex imexxi missjoni ta' tiftix ta' fatti fuq din il-kwistjoni fis-Sri Lanka;

9.  Jikkundanna l-intrasiġenza tat-tmexxija ta' l-LTTE matul is-snin, li repetutament ċaħdet ħafna metodi ta' avvanz, inkluża d-devoluzzjoni fuq il-livell provinċjali jew Kunsilli Provinċjali; id-devoluzzjoni fuq il-livell reġjonali jew Kunsilli Reġjonali; kif ukoll il-kunċett ta' federazzjoni b'devoluzzjoni fuq il-livell nazzjonali;

10.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li l-elementi fuq iż-żewġ naħat tal-qasma fis-Sri Lanka huma ddeterminati fuq il-kunflitt u jinsisti li jirtiraw mill-fruntiera għall-ġid tan-nies kollha tas-Sri Lanka;

11.  Għalhekk jitlob li jkun hemm tmiem immedjat, komprensiv u verifikabbli ta' l-ostilitajiet, inklużi l-omiċidji politiċi u l-attentati suwiċidji, u jistieden lil Prabhakaran u Karuna sabiex jerġgħu jibdew in-negozjati għall-paċi mal-Gvern tas-Sri Lanka fuq bażi kostruttiva mingħajar dewmien;

12.  Jitlob li jkun hemm rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u lejn in-normi umanitarji mill-partijiet kollha f'kunflitt, mhux biss bħala tweġiba immedjata għas-sitwazzjoni li qed tiħżien, imma bħala element fundamentali fil-bini ta' riżoluzzjoni ġusta u dejjiema tal-kunflitt;

13.  Jistieden lill-partijiet kollha fil-kunflitt sabiex jiggarantixxu s-sigurtà ta' l-SLMM f'kull ħin; jiddispjaċih dwar l-inistenza ta' l-LTTE li tirtira ċ-ċittadini ta' l-UE mill-SLMM; ifaħħar is-superviżuri Daniżi, Finlandiżi u Żvediżi li issa qed jitilqu għax-xogħol imprezzabbli tagħhom; jappoġġja l-Iżlanda u n-Norveġja għaż-żieda tan-numru ta' superviżuri li pprovdu lill-SLMM u jesprimi t-tama li l-SLMM jkun jista' jaqdi dmirijietu mingħajr biża' ta' azzjonijiet ostili; jistieden lill-Kunsill sabiex jagħti appoġġ finanzjarju jew tekniku għal kull miżura li tista' tirrikompensa t-telfa u tirranġa t-tgħamir ta' l-SLMM sabiex jiffaċċja l-isfidi tal-ħidma tiegħu;

14.  Jistieden lill-Gvern u lil-LTTE sabiex jagħtu aċċess bla xkiel lill-ħaddiema fl-għajnuna umanitarja, ta' l-organizzazzjonijiet tan-NU u tqassam is-superviżuri kollha f'kull parti tal-pajjiż u tiżgura s-sigurtà tagħhom;

15.  Jistieden lill-Gvern tas-Sri Lanka sabiex jiddikjara b'mod ċar liema huma r-rekwiżiti ta' l-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi (OMG) sabiex ikunu attivi fit-Tramuntana u fil-Lvant u sabiex iħaffu l-proċess tal-ħruġ ta' permessi tax-xogħol għall-personal internazzjonali li qed jaħdem ma' l-OMG, u jiżguraw li l-proċess ikun effiċjenti u trasparenti;

16.  Filwaqt li l-LTTE jibqa' proskritt, jitlob lill-Istati Membri ta' l-UE u l-komunità internazzjonali f'sens usa' biex jieħdu azzjoni robusta u determinata b'mod attiv biex jinvestigaw l-aġenti ta' l-LTTE; jikkunsidra li din għandha tinkludi projbizzjoni ta' l-ivvjaġġar infurzata b'mod xieraq biex ixxekkel il-moviment ta' min jirrekluta u l-messaġġiera; l-arrest u r-ripatrijazzjoni ta' dawk involuti f'attivitajiet ta' appoġġ terroristiku; konfiska ta' assi assoċjati ma' l-LTTE bħall-flotta ta' vapuri kummerċjali; l-iffriżar ta' kontijiet tal-bank ta' persuni suspetti; u l-għeluq ta' kumpaniji jew intrapriżi assoċjati ma' l-LTTE; tista' titqies t-tneħħija tal-proskrizzjoni jekk ikun hemm waqfien ta' l-isparar effettiv, tmiem tat-terroriżmu u l-bidu ta' negozjati serji fuq bażi kostruttiva;

17.  Jinnota l-għeluq ta' l-Organizzazzjoni ta' Riabilitazzjoni tat-Tamil fir-Renju Unit u l-investigazzjonijiet kurrenti fl-uffiċċji ta' l-Organizzazzjoni ta' Riabilitazzjoni tat-Tamil u fil-Kumitat ta' Koordinazzjoni Dinji tat-Tamil fl-Istati Uniti u fl-Awstralja;

18.  Jinsisti li jridu jittieħdu iżjed miżuri effettivi mill-gvernijiet kollha ta' l-Istati Membri ta' l-UE biex iżommu milli jkun hemm l-indotrinazzjoni u l-intimidazzjoni tar-residenti ta' Tamils fil-pajjiżi tagħhom u l-estorsjoni tal-flus biex jiġu ffinanzjati l-attivitajiet ta' l-LTTE;

19.  Itenni l-istededina tiegħu, bħala ġest immedjat ta' rieda tajba, għaż-żewġ naħat sabiex iwaqqfu l-użu ta' majn splussivi kontra l-personal (APL) u jassisstu t-tneħħija tagħhom u, għal dan l-iskop, jistieden lill-Gvern tas-Sri Lanka sabiex jagħti eżempju billi jiffirma l-Konvenzjoni ta' Ottawa li tipprojbixxi l-użu ta' l-APL u jistiden lil-LTTE sabiex tiffirma d-'Dikjarazzjoni ta' Impenn' tal-Geneva Call;

20.  Jinnota d-deċiżjoni tal-partiti politiċi tat-Tamil, tal-Ħaddiema tal-Kungress ta' Ceylon u tal-Front ta' l-Up Country People, sabiex jissieħbu mal-koalizzjoni governattiva;

21.  Jistieden lill-Gvern tas-Sri Lanka, lill-Partit Nazzjonali Unit u lill-partiti oħra sabiex jifthemu dwar koperazzjoni mill-qrib biex jieħdu azzjoni robusta kontra t-terroriżmu u jindirzzaw l-ilmenti leġittimi tat-Tamil, u jagħmlu ġest kuraġġjuż ta' rikonċiljazzjoni man-nies Tamil tas-Sri Lanka; jikkunsidra reviżjoni tal-Kostituzzjoni tas-Sri Lanka jkun pass kbir fil-ħolqien ta' qafas xieraq għal din l-azzjoni, bħala l-aktar demokrazija dejjiema ta' l-Asja, sabiex l-istat ikun definit bħala sekulari, repubblika demokratika fejn kull reliġjon hija rispettata;

22.  Jilqa' l-impenn espress mill-President Rajapaksa lejn 'devoluzzjoni massima' għall-popli tat-Tamil u jitlob li jkun dan jingħata s-sustanza; f'dan is-sens iħeġġeġ sabiex ix-xogħol tal-Kumitat Rappreżentattiv tal-Partiti Kollha jitħaffef sabiex jipproduċi proposti realistiċi u aċċettabbli fi żmien gimgħat mill fi żmien xhur, u dan jirbaħ il-qlub tal-komunitajiet Tamil fl-interessi ta' soluzzjoni mifthema; itenni l-istqarrija tal-Ko-Chairman tat-30 ta' Mejju 2006, fejn stieden lill-Gvern tas-Sri Lanka sabiex 'juri li huwa lest jagħmel bdil politiku drammatiku sabiex jintroduċi sistema ġdida ta' gvernar li ttejjeb id-drittjiet tan-nies tas-Sri Lanka'; jistieden lill-Gvern tas-Sri Lanka u l-Ko-Chairperson itennu d-Dikjarazzjoni ta' Tokjo, u lil-LTTE sabiex jirrispettawha;

23.  Jesprimi t-tħassib dwar l-impatt tal-kunflitt il-ġdid dwar ir-rikostruzzjoni u l-konsenja ta' l-għajnuna internazzjonali, jinnota li għalkemm l-UE allokat kważi 125EUR miljun għall-għajnuna umanitarja u ta' rikostruzzjoni wara z-Tsunami għas-Sri Lanka, il-blokk politiku persistenti dwar l-'Istruttura ta' Immaniġġjar ta' l-Operazzjonijiet wara z-Tsunami' ikompli jittardja l-ħelsien ta' 50EUR miljun oħra f'għajnuna, u jxekkel ix-xogħol ta' rikostruzzjoni fit-Tramuntana u fil-Lvant tas-Sri Lanka; jinnota wkoll id-deċiżjoni tal-Bank ta' Żvilupp Asjatiku li jerġa jalloka xi fondi u d-diffikultajiet li jitmexxew 'il quddiem ħafna proġetti ta' infrastruttura;

24.  Jappoġġja l-pjan ta' azzjoni attwali ta' l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni ta' l-Affarjiet Umanitarja tan-NU għall-benefiċċju tal-popolazzjoni spustjata;

25.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet ta' l-Istati Membri sabiex jirdoppjaw l-isforzi tagħhom sabiex iġibu paċi stabbli u ġusta fl-Isri Lanka u jagħtu lura s-sigurtà u l-prosperità;

26.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Gvern tan-Norveġja u lill-Ko-Chairpersons l-oħra tal-Konferenza tad-Donaturi ta' Tokjo, lill-President u lill-Gvern tas-Sri Lanka u l-partijiet l-oħra fil-kunflitt.

(1) ĠU C 59, 23.2.2001, p. 278.
(2) ĠU C 47 E, 27.2.2003, p. 613.
(3) ĠU C 87 E, 7.4.2004, p. 527.
(4) ĠU C 247 E, 6.10.2005, p. 147.
(5) Testi adottati, P6_TA(2006)0227.
(6) Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/379/KE tad-29 ta' Mejju 2006 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti lejn ċerti persuni u entitajiet bil-ħsieb li jikkumbattu t-terroriżmu u li jħassar id-Deċiżjoni 2005/930/KE (ĠU L 144, 31.5.2006, p. 21).


Ċittadini mill-Korea ta' Fuq li jfittxu kenn, b'mod partikulari fit-Tajlandja
PDF 205kWORD 37k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ċittadini mill-Korea ta' Fuq li jfittxu kenn, b'mod partikulari fit-Tajlandja
P6_TA(2006)0357RC-B6-0489/2006

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Korea ta' Fuq,

–   wara li kkunsidra r-regoli stabbiliti fil-Konvenzjoni ta' l-1951 dwar l-Istat ta' Refuġjati u l-Protokoll ta' l-1967 tagħha,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi fis-snin riċenti għexieren ta' eluf ta' ċittadini mill-Korea ta' Fuq ħarbu mill-pajjiż tagħhom minħabba għaks u ġuħ mifrux, filwaqt li ħafna minnhom irriskjaw ħajjithom waqt li kienu qed jivjaġġaw miċ-Ċina biex jaslu fit-Tajlandja, il-Vjetnam, il-Kambodja, il-Korea t'Isfel u pajjiżi oħra ta' l-Asja tax-Xlokk,

B.   billi r-Repubblika Populari Demokratika tal-Korea (DPRK) irratifikat il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

C.   billi t-Tajlandja saret destinazzjoni ta' tranżitu għaċ-ċittadini tal-Korea ta' Fuq li jaħarbu l-pajjiż tagħhom, u b'hekk ipoġġu l-awtoritajiet Tajlandiżi f'sitwazzjoni diffiċli fir-rigward tar-Repubblika Populari Demokratika tal-Korea, pajjiż li miegħu għandhom relazzjonijiet ta' ħbiberija,

D.   billi n-numru ta' refuġjati mill-Korea ta' Fuq, Burma, Laos u miċ-Ċina fi tranżitu f'territorju Tajlandiż żdied b'mod konsiderevoli fl-aħħar sena;

E.   billi l-awtoritajiet Tajlandiżi jixtiequ jinfurzaw il-liġi dwar l-imigrazzjoni illegali;

F.   billi fit-22 t'Awwissu 2006 il-pulizija Tajlandiża arrestat grupp ta' 175 persuna li kienet qed tfittex kenn - 37 raġel, 128 mara u 10t itfal - li kienu qed jistaħbew għal dawn l-aħħar xahrejn f'dar abbadunata fil-kapitali Tajlandiża, Bangkok,

G.   billi dawn il-persuni li qed ifittxu l-kenn, li jagħmlu l-ikbar grupp ta' ċittadini mill-Korea ta' Fuq li qatt ġew arrestati fit-Tajlandja, ġew mixlija bid-dħul illegali u tressqu quddiem qorti fejn ġew multati THB 6 000 (USD 160) kull wieħed u ntbagħtu l-ħabs għal 30 ġurnata peress li ma setgħux iħallsu,

H.   billi 16-il membru ta' dan il-grupp ingħataw stat ta' refuġjati mill-Uffiċju ta' Bangkok tal-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Refuġjati (UNHCR) u huma skedati li jħallu t-Tajlandja fi ftit jiem biex imorru l-Korea t'Isfel, li tagħti ċ-ċittadinanza lil dawk li jaħarbu mit-Tramuntana,

I.   billi l-gvernijiet huma marbuta bl-obbligu tagħhom bħala partijiet fil-Konvenzjoni ta' l-1951 dwar l-Istat ta' Refuġjati u bill-Protokoll ta' l-1967 mehmuż magħha li jagħtu lill-UNHCR aċċess għaċ-ċittadini kollha, fosthom iċ-ċittadini tal-Korea ta' Fuq li jkunu qed ifittxu kenn f'pajjż oħra,

J.   billi s-sitwazzjoni ta' dawk li qed ifittxu l-kenn li fadal tibqa' prekarja u teħtieġ li tissolva malajr,

1.  Jiddispjaċih, kif għamel fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, li eluf ta' ċittadini tal-Korea ta' Fuq qed jaħarbu l-pajjiż tagħhom minħabba għaks, ġuħ u tnaqqis fl-iżvilupp ekonomiku;

2.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Tajlandiżi biex ma jerġgħux jibgħatu lejn pajjiżhom lir-refuġjati mill-Korea ta' Fuq, peress li huma u l-familji tagħhom hemmhekk ikollhom konsegwenzi qarsa;

3.  Jistieden lit-Tajlandja, li hi magħrufa sew għat-tradizzjoni twila tagħha ta' ospitalità lejn ir-refuġjati u li hi membru responsabbli tal-komunità internazzjonali, biex b'kooperazzjoni mill-qrib mal-UNHCR u organizzazzjonijiet umanitarji oħra, tfittex li ssib soluzzjoni malajr u aċċettabbli għar-refuġjati mill-Korea ta' Fuq billi tibagħthom f'pajjiż terz li jagħżlu huma wara l-iskadenza tas-sentenza tagħhom ta' 30 ġurnata ħabs;

4.  Jistieden lill-pajjiżi li jistgħu jieħdu refuġjati biex jgħarrfu dan kemm jista' jkun malajr sabiex jiżguraw li dawk ma jinżammux f'detenzjoni;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni tar-refuġjati mill-Korea ta' Fuq b'kollaborazzjoni mal-UNHCR u, jekk ikun hemm bżonn, biex tipprovdi għajnuna finanzjarja xierqa;

6.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jindirizzaw il-kwistjoni tar-refuġjati u ta' persuni li qed ifittxu kenn mill-Korea ta' Fuq waqt is-Samit ASEM (Laqgħa bejn l-Asja u l-Ewropa) li ġej fl-10 u l-11 ta' Settembru 2006;

7.  Jistieden lill-gvern tar-Repubblika Populari Demokratika tal-Korea biex josserva l-proċeduri speċjali stabbiliti mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvern tar-Renju tat-Tajlandja, lill-gvern tar-Repubblika tal-Korea, lill-Gvern tar-Repubblika Populari Demokratika tal-Korea u lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati.


Is-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe
PDF 238kWORD 49k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe
P6_TA(2006)0358RC-B6-0495/2006

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Jannar 2004(1), tas-16 ta' Diċembru 2004(2) u tas-7 ta' Lulju 2005(3),

–   wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2006/51/CFSP tat-30 ta' Jannar 2006 li ġġedded miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe sa l-20 ta' Frar 2007(4),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 898/2005(5) tal-15 ta' Ġunju 2005 li jestendi l-lista ta' dawk il-persuni fiż-Żimbabwe li fuqhom hemm miżuri restrittivi,

–   wara li kkunsidra r-rapport ta' l-International Crisis Group ta' l-24 ta' Awissu 2006 'Żimbabwe: Strateġija ta' Oppożizzjoni',

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi s-sitwazzjoni umanitarja, politika u ekonomika tal-biża' fiż-Żimbabwe qed tkompli tmur għall-agħar, u minħabba l-hekk imsejħa 'Operazzjoni Murambatsvina' (inkeċċu l-ħmieġ) 700,000 ruħ spiċċaw b'xejn, 4 miljun ruħ huma f'riskju li jmutu bil-ġuħ u qed jgħixu permezz ta' għajnuniet ta' ikel, u r-repressjoni politika qed tkompli b'pass mgħaġġel,

B.   billi l-gvern taż-Żimbabwe ppropona Abbozz ta' Liġi dwar l-Interċettazzjoni tal-Komunikazzjonijiet, li għandha tippermetti lis-servizzi militari ta' intelliġenza, lill-pulizija u lill-uffiċċju tal-President li jimmoniterjaw il-korrispondenza elettronika, l-aċċess għall-internet u l-konversazzjonijiet bit-telefown,

C.   billi l-elezzjonijiet għas-Senat tas-26 ta' Novembru 2005 kienu att ċiniku ta' patroċinju politiku mmirat biex jikkonsolida l-poter awtoritarju ta' Zanu-PF fuq iż-Żimbabwe,

D.   billi l-oppożizzjoni ewlenija fiż-Żimbabwe, il-Moviment għal Bidla Demokratika (MDC), b'dispjaċir inqasam f'żewġ partiti f'Ottubru 2005,

E.   billi l-iżvilupp ta' l-Afrika huwa prijorità għad-demokraziji tal-Punent; jirrikonoxxi, madankollu, li l-għajnuna biss issolvi ftit problemi u li l-gvernijiet ta' l-Afrika huma mistennija li jagħmlu dak li wiegħdu permezz ta' impenn għad-demokrazija, għall-istat tad-dritt u għar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem,

F.   billi r-rata tal-qgħad fiż-Żimbabwe hija ta' aktar minn 70 fil-mija u r-rata ta' l-inflazzjoni hija l-ogħla waħda fid-dinja,

G.   huwa mħasseb dwar rapporti minn organizzazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem li migranti miż-Żimbabwe huma vulnerabbli għat-trattament ħażin u għall-abbuż fl-Afrika ta' Isfel,

H.   billi l-Unjoni Afrikana (AU), il-Komunità għall-Iżvilupp ta' l-Afrika ta' Isfel (SADC) u, b'mod partikulari, l-Afrika ta' Isfel, ma rnexxilhomx jieħdu pożizzjoni b'saħħitha biżżejjed kontra r-reġim taċ-ċanfir ta' Mugabe,

1.  Jikkundanna d-dittatura ta' Mugabe għall-oppressjoni bla waqfien tal poplu taż-Żimbabwe u jesprimi d-dispjaċir kbir tiegħu għaliex partijiet reġjonali bħall-AU, l-SADC u l-Afrika ta' Isfel irrifjutaw li jieħdu pożizzjoni iktar b'saħħitha kontra l-abbużi tar-reġim u naqsu milli jinsistu li l-gvern taż-Żimbabwe għandu jirranġa għemilu u jerġa' jdaħħal id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

2.  Jesiġi li r-reġim ta' Mugabe jżomm il-wegħda tiegħu li jipprovdi djar biżżejjed għal dawk kollha li tkeċċew minn darhom waqt il-kampanja atroċi 'Operazzjoni Murambatsvina';

3.  Jiddispjaċih li l-progress taż-Żimbabwe fil-ġlieda kontra l-HIV-AIDS qed tiddgħajjef minħabba l-prattiki abużivi tal-gvern bħall-programm tiegħu ta' żgumbrament li ostakola l-aċċess għall-kura tas-saħħa u minħabba linji politiċi ta' 'welfare' soċjali mhux xierqa li komplew iżidu l-vulnerabilità ta' pazjenti bl-AIDS;

4.  Jinnota bi tħassib kbir li bħalissa fiż-Żimbabwe hemm waħda mill-agħar epidemiji ta' l-HIV-AIDS fid-dinja, u aktar minn 3,200 ruħ fil-ġimgħa qed imutu minħabba l-marda; jitlob lill-Gvern taż-Żimbabwe biex jieħu azzjoni urġenti biex itejjeb l-aċċess għall-kura antiretrovirali, li bħalissa qed jeħduha biss 8% ta' dawk infettati bil-marda;

5.  Jirrifjuta li jirrikonoxi l-leġittimità tas-'Senat' imwaqqaf reċentement fiż-Żimbabwe peress li 15 fil-mija biss tal-poplu taż-Żimbabwe ħadu sehem fil-proċess skreditat ta' l-elezzjoni, u r-riżultat kien ukoll iggarantit minn qabel biex jiffavurixxi lil Zanu-PF;

6.  Jitlob li jiġu rtirati l-Abbozz ta' Liġi dwar l-Interċettazzjoni tal-Komunikazzjonijiet, l-Abbozz ta' Liġi dwar it-Trażżin tat-Terroriżmu u l-Abbozz ta' Liġi dwar l-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi, li kollha kemm huma se jintużaw bħala skużi għal trażżin iktar b'saħħtu ta' kwalunkwe avversarju tar-reġim ta' Mugabe;

7.  Jesprimi kosternazzjoni kbira għall-attentati sigrieti tar-reġim ta' Mugabe biex jieħu l-kontroll tas-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar taż-Żimbabwe (ZRCS), billi jirrakkomanda bil-forza l-impjieg ta' membri u partitarji tar-reġim; jinnota li l-akbar donaturi taż-ZRCS huma d-Danimarka, ir-Renju Unit u Stati Membri oħra ta' l-UE; jibża' li din il-mossa hija l-bidu ta' l-użu ta' l-appoġġ ta' l-ikel taż-ZRCS bħala arma politika, u b'hekk ħafna nies vulnerabbli taż-Żimbabwe ma jirċivux l-għajnuna vitali;

8.  Jinsisti bil-qawwa li r-reġim ta' Mugabe m'għandu jieħu l-ebda benefiċċju jew propaganda kemm mit-tħejjija għat-Tazza tad-Dinja ta' l-2010 kif ukoll mit-turnew innifsu; għalhekk, jistieden lill-Afrika ta' Isfel, li se tospitaha, u lill-FIFA, biex jeskludu liż-Żimbabwe milli tieħu sehem fil-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja, milli tilgħab logħbiet ta' ħbiberija jew milli tilqa' timijiet nazzjonali involuti fl-avveniment;

9.  Jistieden lil Robert Mugabe biex iżomm il-wegħda tiegħu stess li jirriżenja mill-aktar fis possibbli, riżenja li tkun l-akbar pass wieħed possibbli biex jerġgħu jitqajmu s-soċjetà, il-politika u l-ekonomija taż-Żimbabwe, u biex jibdew negozjati pożittivi transizzjonali bejn Zanu-PF, il-partiti ta' l-MDC u movimenti oħra ta' l-oppożizzjoni;

10.  Jilqa' l-laqgħa li saret bejn iż-żewġ partiti ta' l-MDC fl-Afrika ta' Isfel fis-26 ta' Awissu 2006 u jistieden lil dawk kollha li jopponu r-reġim ta' min jikkundannah ta' Mugabe biex jingħaqdu u jiżguraw li l-attivitajiet tagħhom jagħtu lin-nies taż-Żimbabwe oppożizzjoni soda demokratika, rappreżentattiva u magħquda, lesta mill-aspetti kollha li tassumi r-responsabilitajiet ta' gvern, u biex iġġib bidla politika u ekonomika għall-ġid taż-Żimbabwe;

11.  Ifaħħar il-Kungress tat-Trejdjunjins taż-Żimbabwe għall-protesti tiegħu kontra l-kundizzjonijiet ta' għajxien tal-biża' imposti fuq il-poplu taż-Żimbabwe mir-reġim ta' Mugabe u jinsisti li dimostrazzjonijiet bħal dawn għandhom jitħallew isiru mingħajr ma jkunu ostakolati mill-pulizija;

12.  Jirrikonoxxi li s-sanzjonijiet immirati ta' l-UE kontra kemm iż-Żimbabwe kif ukoll kontra ċerti individwi fiż-Żimbabwe naqsu milli jkollhom l-impatt mixtieq fuq dawk li huma responsabbli b'mod dirett għat-tifqir taż-Żimbabwe u għat-tbatijiet li ġarrab il-poplu taż-Żimbabwe; jistieden lill-Kunsill biex jiżgura li l-Istati Membri kollha japplikaw l-miżuri restrittivi eżistenti b'mod strett, inklużi l-embargo ta' l-armi u l-projbizzjoni tal-vjaġġi, u għandhom jeżaġeraw aktar fl-istrettezza milli fil-permissività;

13.  Barra minn hekk jistieden lill-Kunsill biex iwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tas-sanzjonijiet u minbarra biex iżid il-lista ta' individwi - li bħalissa fiha 120 ruħ - sabiex tinkludi ħafna iktar ministri tal-gvern taż-Zimbabwe, deputati u gvernaturi, membri, partitarji u ħaddiema ta' Zanu-PF, minbarra l-membri tal-familji tagħhom, u negozjanti u individwi prominenti oħra assoċjati ma' Zanu-PF;

14.  Jistieden liċ-Ċina u lil pajjiżi oħra li jkomplu jfornu l-armi u appoġġ ieħor lir-reġim ta' Mugabe biex jieqfu u jingħaqdu mal-komunità internazzjonali fl-isforzi tagħha biex tbiddel is-sitwazzjoni għall-ġid taż-Żimbabwe;

15.  Jikkundanna l-fatt li filwaqt li n-Nazzjonijiet Uniti qed titlob 257 miljun USD f'għajnuna umanitarja għaż-Żimbabwe, ir-reġim ta' Mugabe għadu kif xtara b'240 miljun USD tnax-il ajruplan militari tat-tip K8 miċ-Ċina; jinnota wkoll li l-armata taż-Żimbabwe ħabbret li xtrat 127 karozza għal uffiċjali għolja, u li se tixtri 194 karozza oħra fix-xhur li ġejjin;

16.  Iħeġġeġ lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jagħmel rapport urġenti dwar is-sitwazzjoni politika u s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiż-Żimbabwe;

17.  Itenni t-talba tiegħu biex l-SADC tagħlaq iċ-ċentru reġjonali tagħha għat-taħriġ fiż-żamma tal-paċi f'Harare u li terġa' tiftħu fit-territorju ta' stat membru ieħor ta' l-SADC;

18.  Jinsisti li l-għajnuna kollha għaż-Żimbabwe trid tingħata permezz ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi ġenwini u għandha tasal għan-nies li għalihom hija intiża, bl-anqas involviment mir-reġim ta' Mugabe; huwa inkwetat li l-UE ffinanzjat seba' proġetti fiż-Żimbabwe fl-2005 bi spiża ta 70 miljun EUR, u proġetti oħra fl-2006, inklużi 3.7 miljun EUR permezz ta' l-Istruttura ta' l-Ilma ta' l-UE, u jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti l-garanziji tagħha li xejn mil l-għajnuna ma kienet ta' benefiċċju għar-reġim ta' Mugabe;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri, lill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-G8, lill-gvern u lill-parlament taż-Żimbabwe u lill- Afrika ta' Isfel, lis-Segretarju Ġenerali tal-'Commonwealth', lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, liċ-'Chairmen' tal-Kummissjoni u tal-Kunsill Eżekuttiv ta' l-Unjoni Afrikana, lill-Parlament Panafrikan lis-Segretarju Ġenerali ta' l-SADC, u lill-President tal-FIFA.

(1) ĠU C 92 E, 16.4.2004, p. 417.
(2) ĠU C 226 E, 15.9.2005, p.358.
(3) ĠU C 157 E, 6.7.2006, p. 491.
(4) ĠU L 26, 31.1.2006, p. 28.
(5) ĠU L 153, 16.6.2005, p. 9.

Avviż legali - Politika tal-privatezza