Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 16 ta' Novembru 2006 - Strasburgu
Ftehima ta' Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Islamika tal-Mawritanja*
 Is-sitwazzjoni fl-Istrixxa ta' Gaża
 Konvenzjoni dwar Armi Bijoloġiċi u Tossiċi
 Strateġija tal-Baħar Baltiku għad-Dimensjoni tat-Tramuntana
 L-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà fil-kuntest ta' l-ESDP
 Suċċessjoni u testmenti
 In-nisa fil-politika internazzjonali
 Ġlieda kontra l-ittraffikar tal-persuni
 Rapport annwali ta' l-Ombudsman għas-sena 2005
 Politika ta' Komunikazzjoni Ewropea
 Etjopja
 Bangladexx
 Iran

Ftehima ta' Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Islamika tal-Mawritanja*
PDF 200kWORD 33k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar il-ftehima ta' Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Islamika tal-Mawritanja (COM(2006)0506 – C6-0334/2006 – 2006/0168(CNS))

(Proċedura ta' konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Kunsill (COM(2006)0506)(1),

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta' ftehima ta' sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Islamika tal-Mawritanja

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 37 ma' l-Artikolu 300(2), tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 300(3), l-ewwel subparagrafu, tat-Trattat KE skond liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C6-0334/2006),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 51, 83(7) u 134 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.  Japprova il-konklużjoni tal-ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u l-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri u tar-Repubblika Islamika tal-Mawritanja.

(1)1 Għadha mhux ippubblikata fil-ĠU.


Is-sitwazzjoni fl-Istrixxa ta' Gaża
PDF 216kWORD 52k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Istrixxa ta' Gaża
P6_TA(2006)0492RC-B6-0588/2006

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti dwar il-Lvant Nofsani, b'mod partikolari dawk tat-2 ta' Frar 2006 dwar ir-riżultat ta' l-elezzjonijiet Palestinjani u s-sitwazzjoni f'Ġerusalemm tal-Lvant(1), ta' l-1 ta' Ġunju 2006 dwar il-kriżi umanitarja fit-territorji Palestinjani u l-irwol ta' l-UE(2) u tas-7 ta' Settembru 2006 dwar is-sitwazzjoni tal-Lvant Nofsani(3),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 242(1967) u 338(1973) tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU,

–   wara li kkunsidra r-'Roadmap għall-Paċi' tal-Kwartett tat-30 ta' April 2003,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni tal-15 ta' Settembru 2006, tas-16 u s-17 ta' Ottubru 2006 and tat-13 ta' Novembru 2006,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi l-operazzjoni militari Iżraeljana f'Gaża rriżultat f'350 mewt, inklużi ħafna ċivili, minn Ġunju 2006 u attakk Iżraeljan f'Beit Hanun fit-8 ta' Novembru 2006 irriżulta fil-qtil ta' 19-il Palestinjan, il-biċċa l-kbira tfal u nisa,

B.   billi hu mħasseb serjament dwar il-fatt li bħala riżultat tat-tkissir kbir ta' faċilitajiet pubbliċi u djar privati, id-diżordni fl-isptarijiet, fil-kliniki u l-iskejjel, iċ-ċaħda mill-aċċess għall-ilma, l-ikel u l-elettriku, id-distruzzjoni ta' art agrikola u l-imblokk totali ta' l-Istrixxa ta' Gaża, il-kriżi umanitarja laħqet livell katastrofiku,

C.   billi attakki mmirati direttament lejn propjetà ċivili u attakki sproporzjonati u indiskriminati fuq il-popolazzjoni ċivili jirrappreżentaw ksur skandaluż tad-drittijiet fundamentali kif stipulati fil-liġi internazzjonali u fil-Konvenzjoni ta' Ġinevra,

D.   billi l-Prim Ministru Iżraeljan Ehud Olmert esprima l-piena tiegħu u wera dispjaċir għal dak li qal li huwa riżultat ta' 'żball tekniku' f'Beit Hanun fit-8 ta' Novembru 2006 u l-armata Iżraeljana iddeċidiet li tagħti bidu għal investigazzjoni interna,

E.   billi d-dritt li stat jiddefendi ruħu ma jistax jiġġustifika kwalunkwe użu sproporzjonat u indiskriminat tal-forza, u l-liġi umanitarja internazzjonali tipprojbixxi bil-qawwa kollha attakki kontra ċivili,

F.   billi ċ-ċiklu ġdid ta' vjolenza qed jhedded l-isforzi li saru mill-Awtorità Nazzjonali Palestinjana bil-għan li jiġi ffurmat gvern ġdid Palestinjan ta' għaqda nazzjonali,

G.   billi l-komunità internazzjonali u l-Unjoni Ewropea qed jipprovdu appoġġ kunsiderevoli għas-soluzzjoni tal-kriżi umanitarja fl-Istrixxa ta' Gaża u x-Xatt tal-Punent, b'rispett partikolari għall-Mekkaniżmu Internazzjonali Temporanju (TIM); billi, madankollu, din l-assistenza ma tistax tilqa' għall-bżonnijiet kollha,

H.   billi hu mħasseb serjament dwar l-implikazzjonijiet tal-ħatra reċenti ta' Avigdor Lieberman bħala Viċi Prim Ministru ta' Iżrael,

I.   billi l-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani jinsab imwaħħal fuq livell politiku u diplomatiku, għalkemm is-soluzzjoni komprensiva u dejjiema għall-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina hija essenzjali sabiex ikunu stabbiliti l-paċi u s-sigurtà fir-reġjun kollu,

J.   billi l-Unjoni Ewropea, bħala membru tal-Kwartett (li jinkludi wkoll in-Nazzjonijiet Uniti, l-Istati Uniti ta' l-Amerika u r-Russja), għandha responsabiltà speċjali għall-paċi u s-sigurtà fil-Lvant Nofsani, li huwa fil-viċinat ta' l-Ewropa, u billi l-istrumenti u l-metodi għall-koordinazzjoni ta' Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni (CFSP) għandhom jittejbu, inter alia permezz ta' l-adozzjoni ta' pożizzjoni komuni fil-qafas tas-CFSP fuq il-bażi ta' l-Artikoli 15 u 16 tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea,

1.  Jesprimi l-kondoljanzi l-aktar sinċieri tiegħu lill-familji tal-vittmi tal-bumbardament reċenti f'Beit Hanun u lill-midruba innoċenti l-oħra kollha;

2.  Jesprimi l-għadab kbir tiegħu għall-operazzjoni militari Iżraeljana li twettqet f'Beit Hanun u fl-Istrixxa ta' Gaża, u jikkundanna l-użu ta' azzjoni sproporzjonata mill-Armata Iżraeljana, li qed tfixkel kull inizjattiva li jinbeda l-proċess ta' paċi;

3.  Jistieden lill-gvern Iżraeljan biex iwaqqaf immedjatament l-operazzjonijiet militari tiegħu fl-Istrixxa ta' Gaża, u jerġa' jafferma li ma teżistix soluzzjoni militari għall-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina;

4.  Jistieden lill-milizzji Palestinjani sabiex iġibu fit-tmiem l-isparar ta' rockets kontra territorju Iżraeljan, li huwa indiskriminat u jimmira intenzjonament għan-nies ċivili, biex jirrispetta l-waqfien mill-ġlied u biex iżomm milli jkompli jżid fl-eskalazzjoni tas-sitwazzjoni; jikkundanna l-attakk riċenti b'rocket fi Sderot u l-qtil ta' ċivili Iżraeljani innoċenti;

5.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-konsegwenzi gravi possibbli tal-kriżi attwali, inklużi aktar attakki militari u terroristiċi, li jfixklu s-sitwazzjoni politika fraġili fir-reġjun kollu;

6.  Jinnota l-imblukkar ta' abbozz ta' riżoluzzjoni fil-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU dwar is-sitwazzjoni fl-Istrixxa ta' Gaża permezz ta' veto ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika, u jiddispjaċih għan-nuqqas ta' pożizzjoni qawwija u ċara tal-komunità internazzjonali dwar il-kriżi attwali;

7.  Jistieden lill-gvern ta' l-Istati Uniti biex jerġa' jevalwa l-irwol tiegħu fil-Kwartett u fil-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina, bil-ħsieb ta' appoġġ għat-tmiem tal-ġlied u ta' djalogu ġdid u ġenwin bejn il-partijiet;

8.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jadottaw pożizzjoni komuni skond l-Artikolu 15 tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea sabiex jagħmlu evalwazzjoni xierqa tas-sitwazzjoni attwali u biex jippromwovu attentat serju bil-għan li tintemm il-vjolenza u jġibu l-partijiet ikkonċernati fuq il-mejda tan-negozjati;

9.  Jistieden lill-Kwartett biex jieħdu azzjoni b'urġenza sabiex jissoktaw in-negozjati ma' u bejn il-partijiet ikkonċernati u l-implimentazzjoni sħiħa tar-Roadmap fil-partijiet kollha tagħha; jiddikjara għal darb'oħra, f'dan l-istadju partikolari, li soluzzjoni għall-kunflitt tal-Lvant Nofsani hija possibbli biss bin-negozjar ta' ftehim ta' paċi sod u finali kif inhu stabbilit fir-Roadmap, mingħajr kundizzjonijiet minn qabel, ibbażat fuq l-eżistenza ta' żewġ stati demokratiċi, sovrani u vijabbli, li jgħixu fil-paċi ma' ġenb xulxin bi fruntieri sikuri u i rikonoxxuti nternazzjonalment, u li t-telf kontinwu ta' ħajjiet ta' ċivili huwa intollerabbli;

10.  Itenni s-suġġeriment tiegħu li l-preżenza ta' forza multinazzjonali fil-Libanu tista' titqies bħala mudell eżemplari li għandu jiġi segwit fl-Istrixxa ta' Gaża u fix-Xatt tal-Punent, sabiex il-popolazzjoni ċivili tkun protetta fuq iż-żewġ naħat; jistieden lill-Kunsill, sadanittant, sabiex jagħti bidu għal inizjattiva li jibgħat osservaturi militari internazzjonali fl-Istrixxa ta' Gaża, u jistieden lill-partijiet kollha biex japprovaw u jikkoperaw bis-sħiħ ma' proposta bħal din;

11.  Jistieden lill-Kunsill biex b'urġenza jlaqqa' l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael sabiex jesprimi l-pożizzjoni ta' l-Unjoni Ewropea wara l-operazzjonijiet militari Iżraeljani, rigward, b'mod partikolari, konformità sħiħa ma' l-Artikolu 2 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael(4);

12.  Jistieden lill-Kunsill sabiex huwa stess jindirizza, fil-qafas tal-Ftehim Interim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Palestina(5), lill-gvern il-ġdid Palestinjan ta' għaqda nazzjonali sabiex jiffaċċja l-kwistjoni tal-vjolenza u s-sigurtà;

13.  Jenfasizza li d-drittijiet tal-bniedem għandhom jiġu rispettati kompletament u li l-ksur tal-liġi umanitarja internazzjonali għandha tieqaf immedjatament fl-Istrixxa ta' Gaża u x-Xatt tal-Punent;

14.  Jappoġġja d-dikjarazzjoni tal-Presidenza ta' l-UE li tħeġġeġ lill-gvern Iżraeljan iwaqqaf l-attivitajiet provokattivi kollha fit-territorju Palestinjan, inkluż il-bini ta' kolonji u ħajt ta' separazzjoni, operazzjonijiet militari indiskriminati u d-distruzzjoni ta' djar Palestinjani;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jipprovdu għajnuna medika addizzjonali għall-isptarijiet Palestinjani, b'mod partikolari fl-Istrixxa ta' Gaża;

16.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehim milħuq mill-President ta' l-Awtorità Palestinjana biex jippromwovi djalogu nazzjonali bejn il-partiti politiċi Palestinjani u l-ħatra ta' Prim Ministru ġdid Palestinjan għall-formazzjoni ta' gvern Palestinjan ġdid, li għandu jaġixxi bħala sieħeb fin-negozjati għall-komunità internazzjonali; iqis li dan jista' jwassal għall-għoti mill-ġdid ta' għajnuna ekonomika lill-Awtorità Palestinjana;

17.  Jistieden lill-Kunsill u l-Kummissjoni sabiex ikomplu jiggarantixxu, flimkien mal-komunità internazzjonali, l-għajnuna umanitarja essenzjali għall-popolazzjoni Palestinjana; jitlob li t-TIM jiġi msaħħaħ u estiż fir-rigward ta' tul ta' żmien u riżorsi; jistieden lill-gvern Iżraeljan biex jerġa' jistabbilixxi b'urġenza t-trasferiment tat-taxxi u d-dħul doganali Palestinjani miżmuma;

18.  Jistieden lill-Iżrael biex ineħħi l-imblokk ekonomiku fl-Istrixxa ta' Gaża, jiffaċilita l-kummerċ bejn it-territorji Palestinjani, l-Iżrael u d-dinja kollha, jippromwovi l-iżvilupp ekonomiku fl-Istrixxa ta' Gaża għall-benefiċċju kemm tal-Palestinjani kif ukoll ta' l-Iżraeljani, u biex jippermetti l-moviment tan-nies f'Rafah, b'konformità mal-Ftehima dwar il-Moviment u l-Aċċess u mal-Missjoni ta' Assistenza fil-Fruntieri ta' l-UE, kif ukoll f'Karni u f'postijiet oħra ta' qsim tal-fruntieri fl-Istrixxa ta' Gaża; jistieden lill-UE biex terfa' r-responsabilità sħiħa tagħha għall-implimentazzjoni ta' din il-ftehima;

19.  Itenni s-sejħa tiegħu għall-ħelsien immedjat tal-ministri u leġiżlaturi Palestinjani minn idejn Iżraeljani u tas-suldat Iżraeljan maħtuf;

20.  Jistieden lill-Kunsill sabiex jagħmel kull sforz biex ilaqqa' konferenza tal-paċi internazzjonali – skond il-prinċipji tal-Konferenza ta' Madrid ta' l-1991 – sabiex tinsab soluzzjoni komprensiva, dejjiema u vijabbli għall-problemi fiz-zona, ibbażata fuq ir-riżoluzzjonijiet relevanti tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU, u jikkunsidra li approċċ unilaterali minn kwalunkwe parti kkonċernata għandu jiġi miċħud;

21.  Jikkunsidra l-involviment tal-Lega ta' l-Istati Għarab bħala essenzjali f'dan il-kuntest; jikkunsidra li l-'Pjan ta' Bejrut' tal-Lega ta' l-2002 kif ukoll l-Inizjattiva ta' Ġinevra ta' l-2003 bħala kontribuzzjonijiet għan-negozjati li għandhom jiġu kkunsidrati b'mod xieraq;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lir-Rappreżentant Għoli tas-CFSP, lill-gvernijiet u l-Parlamenti ta' l-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President ta' l-Awtorità Palestinjana, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, lill-Gvern u l-Knesset Iżraeljan, lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Uniti u l-Federazzjoni Russa, u lis-segretarju Ġenerali tal-Lega ta' l-Istati Għarab.

(1) Testi Adottati, P6_TA(2006)0041.
(2) Testi Adottati, P6_TA(2006)0237.
(3) Testi Adottati, P6_TA(2006)0348.
(4) ĠU L 147, 21.6.2000, p.3.
(5) ĠU L 187, 16.7.1997, p.1.


Konvenzjoni dwar Armi Bijoloġiċi u Tossiċi
PDF 221kWORD 54k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Konvenzjoni dwar il-projbizzjoni ta' Armi Bijoloġiċi u Tossiċi (BTWC), bombi ta' frammentazzjoni u armi konvenzjonali
P6_TA(2006)0493RC-B6-0585/2006

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-Tielet Konferenza ta' Reviżjoni tal-Konvenzjoni dwar Ċerti Armi Konvenzjonali (CCW) ta' l-1980, li ser tinżamm f'Ġinevra mis-7 sas-17 ta' Novembru 2006;

–   wara li kkunsidra s-Sitt Konferenza ta' Reviżjoni tal-Konvenzjoni dwar Armi Bijoloġiċi u Tossiċi (BTWC) ta' l-1972, li ser tinżamm f'Ġinevra mill-20 ta' Novembru sat-8 ta' Diċembru 2006;

–   wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2006/184/CFSP tas-27 ta' Frar 2006 b'appoġġ għall-Konvenzjoni dwar l-Arbi Bijoloġiċi u Tossiċi, fil-qafas ta' l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi tal-Qirda tal-Massa(1), li l-għanijiet tagħha huma li tippromwovi l-universalita' tal-BTWC u li tappoġġja l-implimentazzjoni tagħha mill-Istati Membri sabiex tiżgura li l-Istati Kontraenti jagħmlu traspożizzjoni ta' l-obbligi internazzjonali tal-BTWC fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-miżuri amministrattivi tagħħom,

–   wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni ta' l-UE rigward il-BTWC miftiehem parallelament ma' l-Azzjoni Konġunta li fiha l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jissottomettu lin-Nazzjonijiet Uniti risposti dwar miżuri li jnisslu kunfidenza u listi ta' esperti u laboratorji rilevanti lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti biex jiffaċilitaw kwalunkwe investigazzjoni dwar allegat użu ta' armi kimiċi u bijoloġiċi,

–   wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2006/242/CFSP ta' l-20 ta' Marzu 2006 dwar il-Konferenza ta' Reviżjoni tal-Konvenzjoni dwar Armi Bijoloġiċi u Tossiċi (BTWC)(2) bl-għanijiet li tkompli ssaħħaħ il-BTWC u tippromwovi l-konklużjoni b'suċċess tas-Sitt Konferenza ta' Reviżjoni,

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà u l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Profilerazzjoni ta' Armi tal-Qirda tal-Massa, adottata fil-Kunsill Ewropew ta' Brussel tat-12 u t13 ta' Diċembru 2003, u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Novembru 2005 dwar in-Non-Proliferazzjoni ta" Armi tal-Qirda tal-Massa: rwol għall-Parlament Ewropew(3),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi l-BTWC, li kienet miftuħa għall-firma fl-1972 u daħlet fis-seħħ fl-1975, hija l-ewwel konvenzjoni multilaterali għad-diżarm li tipprojbixxi kategorija sħiħa ta' armi, u billi bħalissa għandha 155 Stati Kontraenti, b'16 oħra li ffirmaw iżda għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni,

B.  B billi s-Sitt Konferenza ta' Reviżjoni, li ser isseħħ f'Ġinevra mill-20 ta' Novembru sat-8 ta' Diċembru 2006, ser tkun l-ewwel opportunità fejn l-Istati Kontraenti jistgħu jeżaminaw l-operazzjoni tal-Konvenzjoni mill-Ħames Konferenza ta' Reviżjoni li spiċċat fl-2002, u billi din ser tipprovdi lill-Istati Kontraenti bl-opportunità li jikkonfermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għall-projbizzjoni sħiħa ta' l-armi bijoloġiċi u li jindirizzaw problemi jew nuqqasijiet fl-operazzjoni tal-Konvenzjoni,

C.   billi l-ewwel parti tal-Ħames Konferenza ta' Reviżjoni spiċċat b'falliment, l-aktar minħabba l-irtirar ta' l-Amministrazzjoni ta' l-Istati Uniti min-negozjati dwar il-ħolqien ta' mekkaniżmu li jorbot legalment għat-tisħiħ tal-konformità,

D.   billi, għalkemm in-numru ta' firmatarji qed jiżdied b'mod kostanti (100 għall-ftehim ta' qafas introduttorju f'Jannar 2006), is-CCW għada 'l bogħod milli tkun universali u billi n-numru ta' firmatarji huwa sostanzjalment inqas għall-ħames protokolli tagħha li fihom id-dispożizzjonijiet prattiċi ta' implimentazzjoni tal-Konvenzjoni,

1.  Jenfasizza li l-objettiv ta' l-Unjoni Ewropea għandu jkun li tibni fuq is-suċċess tar-reġim tal-BTWC, biex tkompli ssaħħaħ il-BTWC u tippromwovi eżitu ta' suċċess għas-Sitt Konferenza ta' Reviżjoni;

2.  Jilqa' l-azzjoni diplomatika kontinwa tal-Kunsill u tal-Kummissjoni biex ikomplu għaddejjin l-isforzi internazzjonali għat-tisħiħ tal-BTWC u jirrikonoxxi l-irwol ta' l-UE fil-promozzjoni ta' l-esplorazzjoni ta' spezzjonijiet volontarji mhux vinkolanti bħala 'miżuri li jnisslu kunfidenza' kif ukoll it-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali matul il-perjodu ta' tħejjija għall-Konferenza ta' Reviżjoni;

3.  Jagħti, għalhekk, importanza kbira lill-reviżjoni bir-reqqa u sħiħa ta' l-operazzjoni tal-BTWC sabiex jidentifika, jiddiskuti u jiftiehem il-miżuri li għandhom jittieħdu biex tissaħħaħ aktar il-Konvenzjoni;

4.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jippromwovu l-adeżjoni ta' l-Istati kollha għall-BTWC, inkluż permezz ta' stedina lill-Istati kollha li mhumiex parti għal din il-konvenzjoni biex jaċċedu għall-BTWC mingħajr aktar dewmien, u biex jaħdmu għal dikjarazzjoni li l-projbizzjoni fuq l-armi bijoloġiċi u tossiċi hija regola tal-liġi internazzjonali universalment vinkolanti;

5.  Jinkoraġixxi lill-UE, għalhekk, biex tqajjem il-kwistjoni f'fora tranżatlantiċi, b'mod partikulari fin-NATO u biex tipperswadi lill-Amministrazzjoni ta' l-Istati Uniti biex titbiegħed mill-perspettiva unilaterali tagħha u biex tikkontribwixxi għat-tnedija mill-ġdid u t-titjib tal-qafas multilaterali;

6.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jippromwovu l-konformità sħiħa ma' l-obbligi skond il-BTWC u, fejn huwa meħtieġ it-tisħiħ ta' miżuri nazzjonali ta' implimentazzjoni, inkluża l-leġiżlazzjoni kriminali u l-kontroll ta' mikro-organiżmi patoġeniċi u tossini fil-qafas tal-BTWC;

7.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jikkontribwixxu għat-titjib tal-mekkaniżmi tal-verifika tal-konformità ta' l-Istati Kontraenti billi jippromwovu sforzi għat-titjib tat-trasparenza permezz ta' iżjed skambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Kontraenti, inkluża l-identifikazzjoni ta' miżuri għall-evalwazzjoni u t-tisħiħ ta' kemm hu kopert il-pajjiż u kemm huwa utli l-mekkaniżmu tal-miżuri li jnisslu kunfidenza;

8.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jippromwovu l-konformità ma' l-obbligi skond ir-riżoluzzjoni 1540 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikulari biex ikun eliminat ir-riskju tax-xiri jew l-użu ta' l-armi bijoloġiċi u tossiċi għal skopijiet terroristiċi, inkluża l-possibilità ta' l-aċċess tat-terroristi għall-materjali, it-tagħmir u l-għerf li jista' jintuża fl-iżvilupp u l-produzzjoni ta' l-armi bijoloġiċi u tossiċi;

9.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jippromwovu l-kunsiderazzjoni ta', u deċiżjonijiet dwar aktar azzjoni dwar, ix-xogħol li ttieħed s'issa skond il-programm intersessjonali għall-perjodu 2003 sa l-2005 u l-isforzi għad-diskussjoni u l-promozzjoni ta' ftehim reċiproku u azzjoni effettiva b'mod partikulari dwar: it-titjib tal-kapaċitajiet internazzjonali li jirrispondu għal, jinvestigaw u jimmitigaw l-effetti tal-każijiet ta' użu allegat ta' armi bijoloġiċi u tossiċi jew ta' mard li faqqa' b'mod suspettuż; it-tisħiħ u t-twessigħ ta' l-isforzi istituzzjonali nazzjonali u internazzjonali u mekkaniżmi eżistenti għas-sorveljanza, s-sejba, d-djanożi u l-ġlieda kontra l-mard li jittieħed li jaffettwa l-bnedmin, l-annimali u l-pjanti; il-kontenut, il-promulgazzjoni u l-adozzjoni ta' kodiċi ta' kondotta għax-xjenzati fil-qasam rilevanti għall-BTWC sabiex titqajjem kuxjenza dwar il-BTWC u biex atturi rilevanti jkunu megħjuna jikkonformaw ma' l-obbligi legali, regolatorji u professjonali u mal-prinċipji etiċi tagħhom;

10.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw programm ieħor ta' xogħol intersessjonali matul il-perjodu bejn is-Sitt u s-Seba' Konferenza ta' Reviżjoni, biex jidentifika oqsma speċifiċi u proċeduri għal aktar progress skond dan il-programm ta' ħidma u biex jippromwovi t-tlaqqigħ tas-Seba' Konferenza ta' Reviżjoni tal-BTWC sa mhux aktar tard mill-2011;

11.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jaħdmu kemm jistgħu biex jiżguraw li l-kamp ta' applikazzjoni tal-Protokoll CCW III dwar l-Armi Inċendjarji ikun estiż sabiex iwaqqaf l-użu ulterjuri ta' munizzjonijiet ta' fosfru abjad kontra objettivi militari u mhux militari kif ukoll sabiex jitwaqqaf l-użu ta' testati ta' uranju (użat);

12.  Jilqa' l-fatt li l-Protokoll V tas-CCW dwar il-Fdalijiet Splussivi tal-Gwerrer daħal fis-seħħ fit-12 ta' Novembru 2006 u għalhekk sar liġi internazzjonali vinkolanti; jenfasizza li dan ifisser li l-Istati jridu jnaddfu t-territorji tagħhom minn artillerija mhux sploduta biex jitnaqqas in-numru ta' vittmi civili wara l-kunflitti; jenfasizza wkoll li dan il-Protokoll jobbliga lil dawk il-partijiet responsabbli mill-fdalijiet biex jgħinu fit-tneħħija tagħhom, anke jekk it-territorju kkonċernat mhux taħt il-kontroll tagħhom; jinsisti li dan il-Protokoll japplika għal kull tip ta' artillerija mhux sploduta, inklużi munizzjonijiet tat-tip cluster,

13.  Huwa madankollu konvint li ħafna aktar Stati għandhom jiffirmaw u jirratifikaw is-CCW u l-ħames Protokolli tagħha u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jagħmlu kull ma hu possibbli biex jiżguraw li l-Istati Membri jiffirmaw u jirratifikaw il-Protokoll V u li l-pajjiżi kollha li jirċievu għajnuna għad-diżarm jiffirmaw u jirratifikaw il-protokoll ukoll, anke jekk s'issa għadhom m'aċċedewx għas-CCW, (eż. l-Lebanon);

14.  Jistieden lill-UE u lill-Istai Membri biex jitolbu - fl-ispirtu ta' l-għan tas-CCW li tistabbilixxi protokolli dwar is-sistemi ta' armi rilevanti fejn jinħass il-bżonn u sakemm ikun hemm Konvenzjoni speċifika dwar il-kwistjoni - il-ħolqien ta' Protokoll VI speċifiku biex jipprojbixxi, mingħajr ambigwità, il-produzzjoni, il-kumulazzjoni, it-trasferiment u l-użu ta' kull tip ta' munizzjon tat-tip cluster (bombi ta' frammentazzjoni);

15.  F'dan il-kuntest, jilqa' b'sodisfazzjon b'mod partikulari r-reazzjoni pożittiva minn koalizzjoni ta' aktar minn 30 Stat (fosthom ħafna Stati Membri ta' l-UE, inklużi l-Belġju, l-Iżvezja, il-Ġermanja, Franza, l-Awstrija, id-Danimarka, Spanja u r-Repubblika Ċeka) għas-sejħa li saret kemm minn Kofi Annan kif ukoll minn Jan Egeland fil-bidu tal-Konferenza ta' Reviżjoni tas-CCW sabiex jinbdew mingħajr dewmien negozjati biex jistabbilixxu konvenzjoni komprensiva u effettiva biex ikunu pprojbiti madwar id-dinja munizzjonijiet tat-tip cluster, kif sar fil-każ ta' mini kontra l-persunal; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri kollha biex jappoġġjaw din l-inizjattiva b'mod kemm jista' jkun attiv;

16.  Jistieden lill-Istati Membri kollha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jaħdmu bis-sħiħ biex jiżguraw li, fil-futur qrib, kemm il-BTWC kif ukoll is-CCW ikollhom segretarjat permanenti biex jissorvelja l-implimentazzjoni b'suċċess tagħhom, skond l-eżempju ta' l-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta" l-Armi Kimiċi, mwaqqfa għal dan l-iskop mill-Konvenzjoni ta' l-Armi Kimiċi;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Parlamenti u lill-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, lill-Parlamenti u lill-Gvernijiet ta' l-Istati Kontraenti tal-BTCW u tas-CCW u lill-NGOs speċjalizzati xierqa.

(1) ĠU L 65, 7.3.2006, p. 51.
(2) ĠU L 88, 25.3.2006, p.65.
(3) Testi Adottati, P6_TA(2005)0439.


Strateġija tal-Baħar Baltiku għad-Dimensjoni tat-Tramuntana
PDF 307kWORD 73k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Strateġija tal-Baħar Baltiku għad-Dimensjoni tat-Tramuntana ((2006/2171(INI))
P6_TA(2006)0494A6-0367/2006

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Novembru 2005 dwar il-futur tad-Dimensjoni tat-Tramuntana(1),

–   wara li kkunsidra l-Linji Gwida għall-Iżvilupp ta' Dikjarazzjoni Politika u ta' Dokument ta' Politika ta' Qafas għall-politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana mill-2007, kif approvat mil-Laqgħa Ministerjali tad-Dimensjoni tat-Tramuntana li saret fi Brussell fil-21 ta' Novembru 2005,

–   wara li kkunsidra r-Rapport Annwali dwar il-Progress 2005 tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2006 dwar l-Implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tad-Dimensjoni tat-Tramuntana (SEC(2006)0729),

–   wara li kkunsidra t-Tieni Dimensjoni tat-Tramuntana 2004-2006 kif approvata mill-Kunsill Ewropew li sar fi Brussell fis-16 u s-17 ta' Ottubru 2003,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet taċ-'Chairperson' tas-6 Samit ta' l-Istati tal-Baħar Baltiku li sar f'Reykjavik fit-8 ta' Ġunju 2006,

–   wara l-kkunsidra r-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat Konsultattiv taż-ŻEE dwar il-Futur tal-Politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana tal-25 ta' Ġunju 2006,

–   wara li kkunsidra l-ħidma ta' l-Intergrupp ta' l-Ewropa tal-Baltiku fil-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku adottata mill-Intergrupp ta' l-Ewropea tal-Baltiku fil-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-ħidma tal-Kunsill tal-Istati tal-Baħar Baltiku u tal-Konferenza Parlamentari tal-Baħar Baltiku,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, r-Riċerka u l-Enerġija (A6-0367/2006),

A.   billi d-Dimensjoni tat-Tramuntana tifforma qafas wiesa' li jkopri r-Reġjuni tat-Tramuntana kollha - il-Baħar Baltiku u r-Reġjuni tal-Barents u l-Artiku - u l-oqsma tal-politika kollha, kemm interni kif ukoll esterni,

B.   billi l-politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana għandha l-potenzjal biex tgħin biex tippromwovi kooperazzjoni reġjonali u transreġjonali għal tkabbir ekonomiku ulterjuri u biex tidentifika reazzjonijiet konġunti għal sfidi komuni, iżda s'issa ma kinetx kapaċi tilħaq bis-sħiħ il-potenzjal tagħha biex tindirizza l-kwistjonijiet varji pertinenti għar-reġjun,

C.   billi r-reġjun tal-Baħar Baltiku huwa zona storikament kruċjali li tgħaqqad il-Lvant u l-Punent u, bħala tali, għandha tkun fil-qalba tal-politika l-ġdida tad-Dimensjoni tat-Tramuntana,

D.   billi l-Baħar Baltiku kważi sar baħar intern, mare nostrum, ta' l-Unjoni Ewropea wara t-tkabbir ta' l-2004, u billi l-Istrateġija tal-Baħar Baltiku tista' sservi bħala kontribuzzjoni sostanzjali għall-evalwazzjoni ġdida tal-kamp ta' applikazzjoni u ta' l-attivitajiet tad-Dimensjoni tat-Tramuntana biex jirriflettu l-bidliet li seħħew minn wara t-tkabbir,

E.   billi l-Istrateġija tal-Baħar Baltiku tista' tagħmel kontribuzzjoni importanti għall-kisba ta' koordinazzjoni aħjar bejn il-korpi reġjonali li joperaw fir-reġjun tal-Baħar Baltiku,

L-għan ta' din ir-riżoluzzjoni

1.  Jaspira, permezz ta' din ir-riżoluzzjoni, biex:

   a) jappoġġja l-politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana billi tiddefinixxi r-reġjun tal-Baħar Baltiku bħala waħda miz-zoni ta' prijorità , b'hekk tippromwovi integrazzjoni reġjonali akbar fir-reġjun tal-Baħar Baltiku, li hi parti vijabbli u komponent dinamiku għal zona ekonomika u politika Ewropea usa'; jenfasizza l-appoġġ kontinwu tiegħu għal ħidma f'oqsma oħra, speċifikament fir-reġjuni ta' Barents u ta' l-Artiku, f'koperazzjoni mal-pajjiżi msieħba: in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Federazzjoni Russa;
   b) jisfrutta kemm jista' l-opportunitajiet offruti mill-ekonomiji dinamiċi tar-reġjun tal-Baħar Baltiku u joħloq sistematikament perċezzjoni għar-reġjun bħala wieħed mill-aktar zoni attraenti u kompetittivi fid-dinja;
   c) jgħin biex jitjieb l-istat ekoloġiku tal-Baħar Baltiku, li attwalment huwa wieħed miz-zoni ta' baħar l-aktar imiġġsa fid-dinja; jitnaqqas it-tniġġis u l-ewtrofikazzjoni u jevita emissjonijiet ta' żejt u sustanzi tossiċi oħrajn u li jagħmlu l-ħsara;

F'dan l-isfond, jagħmel dawn il-proposti:

2.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq proposta għal Strateġija tal-Baħar Baltiku ta' l-UE sabiex jissaħħaħ il-pilastru intern tad-Dimensjoni tat-Tramuntana, jiġu koperti b'mod orizzontali l-aspetti differenti tal-korpi u ta' l-organizzazzjonijiet reġjonali, jiġu promossi sinerġiji u tiġi evitata duplikazzjoni bejn il-korpi u l-organizzazzjonijiet reġjonali differenti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirranġaw ir-responsabiltajiet ta' l-amministraturi tagħhom sabiex ikunu jistgħu jħaddmu approċċ orizzontali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana;

3.  Jappoġġja l-ħidma tal-Kunsill ta' l-Istati tal-Baħar Baltiku; jipproponi Samit tal-Baħar Baltiku annwali li għandu jinżamm qabel il-Kunsill Ewropew tas-Sajf; jappoġġja l-ħidma tal-Konferenza Parlamentari tal-Baħar Baltiku, il-laqgħa annwali ta' speakers tal-parlamenti nazzjonali mir-reġjun u l-Forum Parlamentari tad-Dimensjoni tat-Tramuntana li ġej;

4.  Jenfasizza li l-Istrateġija tal-Baħar Baltiku tinkludi kemm miżuri li għandhom jiġu implimentati mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Membri tagħha waħidhom kif ukoll miżuri li għandhom jiġu implimentati b'kooperazzjoni mal-Federazzjoni Russa;

5.  Ifakkar il-ħtieġa li jiġi stabbilit bureau reġjunali komprensiv tal-Bank Ewropew ta' Investiment fir-reġjun tal-Baħar Baltiku;

6.  Bil-ħsieb li jinkisbu trasparenza u koerenza, jitlob għal linja baġitarja ta' l-UE proprja għall-Istrateġija tal-Baħar Baltiku, possibilment taħt l-Istrument Ewropew tal-Viċinat u s-Sħubija, li tissuplementa l-iffinanzjar kurrenti tad-Dimensjoni tat-Tramuntana mill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri, pajjiżi terzi, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, il-Bank Ewropew għall-Investiment, il-Bank ta" l-Investiment Nordiku u oħrajn; jenfasizza li l-Istrateġija għandha tirċievi finanzjar xieraq mil-linji baġitarji kollha sabiex tkun kapaċi tilħaq l-objettivi tagħha;

7.  Jinnota li r-responsabiltà għat-tniġġis tal-Baħar Baltiku hija kemm tal-Federazzjoni Russa u kif ukoll ta' l-Istati Membri; jenfasizza li l-ħarsien ta' l-ambjent tal-baħar fir-rigward, b'mod partikulari, għat-tnaqqis ta' l-ewtrofikazzjoni huwa wieħed mill-aspetti l-aktar importanti li għandhom jitqiesu fl-implimentazzjoni tal-programmi agrikoli u strutturali ta' l-Unjoni fir-reġjun; jinnota b'sodisfazzjoni li l-parti l-kbira tar-reġjun tal-Baħar Baltiku ingħatat l-istatus ta' Zona tal-Baħar Partikularment Sensittiva (PSSA) mill-Organizzazzjoni Internazzjonali Marittima (IMO); jipproponi li jiġi stabbilit netwerk ta' zoni kostali u zoni barra mix-xtut li jkunu protetti, u li jkunu ekoloġikament rappreżentattivi u siewja;

8.  Jinnota li diżastru kbir taż-żejt ikkawżat jew minn trasportazzjoni jew minn esplorazzjoni u sfruttament jista' effettivament joqtol il-biċċa l-kbira mill-ħajja tal-baħar fil-Baħar Baltiku; jitlob għal koordinazzjoni akbar biex jiġu evitati inċidenti bħal dawn u, kieku xorta waħda kellu jseħħ inċident, jitlob biex ikun hemm ftehim dwar mekkaniżmu konġunt għall-ġlieda kontra l-effetti tiegħu; huwa ta' l-opinjoni li n-normi għall-klassifikazzjoni tat-tankers taż-żejt għandhom iqisu l-kundizzjonijiet fir-reġjun, bħall-ħxuna tas-silġ waqt ix-Xitwa;

9.  Jenfasizza l-bżonn li jitħarsu u li jissaħħu l-istokkijiet tal-ħut fir-reġjun tal-Baħar Baltiku; jitlob lill-Kummissjoni biex tipprepara pjan komprensiv għall-konservazzjoni u l-istabbiliment mill-ġdid ta' l-istokkijiet naturali tas-salamun fis-sistema ta' l-ilma tal-Baħar Baltiku billi jiġu utilizzati x-xmajjar kollha fejn jirriproduċu l-ħut;

10.  Jisħaq dwar il-bżonn li titnaqqas id-dipendenza tar-reġjun fuq l-enerġija Russa u jħeġġeġ lill-Istati Membri fir-reġjun biex jeżaminaw il-possibiltà ta' suq ta' l-enerġija komuni; jitlob lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-imsieħba biex jippromwovu proġetti konġunti dwar l-effiċjenza ta' l-enerġija u dwar riżorsi ta' l-enerġija li jiġġeddu, fid-dawl tal-potenzjal tar-reġjun bħala sors ta' bijoenerġija, u biex jinkuraġġixxu l-użu ta' enerġija mill-bijomassa, mix-xemx, mir-riħ u mill-ilma; jappoġġja l-ħidma tal-Koperazzjoni fl-Enerġija fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku;

11.  Jitlob għal approċċ ibbażat fuq ġustizzja u qsim ta' responsabiltà fl-implimentazzjoni ta' politika ta' l-enerġija fuq livell nazzjonali, sabiex id-deċiżjonijiet strateġiċi bħall-bini ta' netwerks ta' l-enerġija ġodda jittieħdu wara li tkun saret konsultazzjoni ma' dawk l-imsieħba fost l-Istati Membri ta' l-UE li jistgħu jiġu affettwati b'dawk id-deċiżjonijiet;

12.  Jenfasizza li evalwazzjonijiet adegwati ta' l-impatt fuq l-ambjent għandhom ikunu prerekwiżit għall-proġetti ta' infrastruttura kollha relatati ma' l-enerġija, sabiex jiġi garantit li jintlaħqu l-istandards internazzjonali tal-ħarsien ta' l-ambjent; jitlob f'dan ir-rigward tal-Federazzjoni Russa biex tirratifika l-Konvenzjoni Espoo dwar Evalwazzjoni ta' l-Impatt Ambjentali f'Kuntest Transkonfinali;

13.  Jisħaq fuq l-importanza li l-prinċipji internazzjonalment rikonoxxuti ta' l-iżvilupp sostenibbli, tal-governabilità tajba, tat-trasparenza u l-parteċipazzjoni, ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi, tad-drittijiet tal-minoritajiet, u tal-ħarsien tal-popli indiġeni, u ta' l-adozzjoni ta' politiki ekonomiċi, ta' l-impjiegi u soċjali li jirrinforzaw lil xulxin, jiġu rispettati mill-partijiet involuti, b'konformità ma' l-Istrateġija ta' Liżbona;

14.  Ifakkar l-irwol tal-Baħar Baltiku bħala fattur li jgħaqqad fir-reġjun; jissuġġerixxi programm ġdid, li għandu jġib l-isem ta' "Baħar Baltiku Mingħajr Fruntieri", imfassal biex jiffaċilita l-qsim mingħajr xkiel ta' fruntieri fir-reġjun, inkluż bejn l-Istati Membri u l-Federazzjoni Russa; jappoġġja t-twaqqif ta' "motorway' tal-Baħar Baltiku" li tgħaqqad lir-reġjun tal-Baħar Baltiku ma' l-Istati Membri fl-Ewropa ċentrali u tal-Punent sa l-2010;

15.  Huwa tal-fehma li, sabiex jissodisfaw ir-responsabiltà tagħhom biex inaqqsu t-tniġġis tal-Baħar Baltiku, l-Istati Membri għandu jkollhom id-dritt li jżommu jew li jintroduċu miżuri protettivi aktar stretti minn dawk proposti mill-UE;

16.  Jrrikonoxxi ż-żieda fit-traffiku marittimu, prinċipalment minħabba t-tkabbir ekonomiku b'saħħtu tal-Federazzjoni Russa; iqis is-sikurezza marittima bħala waħda mill-aktar tħassib urġenti tar-reġjun; jipproponi t-tkabbir gradwali tas-Sistemi ta" l-Immaniġġjar tat-Traffiku u ta' l-Informazzjoni tal-Bastimenti (VTMIS) biex ikopru l-Baħar Baltiku kollu minflok il-Golf tal-Finlandja biss; jenfasizza l-bżonn għal impenn komuni għal implimentazzjoni rapida tal-klassifikazzjoni tal-Baħar Baltiku PSSA, inkluż projbizzjoni fuq trasport taż-żejt b'buq wieħed;

17.  Jissuġġerixxi li t-Trijangolu Nordiku tan-Netwerk Transewropew (TEN) jitkabbar sabiex ikopri r-reġjun kollu u jinkludi r-rotot ferrovjarji u tat-toroq tal-Golf ta' Barents u l-Golf ta' Bothnia fi ħdan is-sistema TEN; jitlob għat-twettiq tal-proġett "Rail Baltica"; ibassar konnessjoni permezz ta' ferrovija veloċi li tgħaqqad ir-reġjun kollu;

18.  Jitlob għat-twettiq tal-"highway" Via Baltica sa l-2013 bħala proġett ta' projorità li jgħaqqad ir-reġjun tal-Baħar Baltiku ma' l-Istati Membri fl-Ewropa ċentrali u tal-Punent; jenfasizza l-importanza ta' finanzjament Ewropew għat-twettiq tal-proġett;

19.  Jirrikonoxxi li l-biċċa l-kbira tas-swieq nazzjonali fir-reġjun huma relattivament żgħar, u dan f'ħafna każijiet irriżulta f'livell baxx ta' kompetizzjoni; jinnota l-interdipendenza ekonomika eċċezzjonali ta' l-Istati Membri fir-reġjun; jitlob għal implimentazzjoni sħiħa ta' l-erba' libertajiet bażiċi (moviment ħieles ta' persuni, moviment ħieles ta' prodotti, libertà ta" l-istabbiliment u l-moviment ħieles tal-kapital) bejn l-Istati Membri ta' l-UE li jinsabu fir-reġjun;

20.  Jinnota li l-istatus tat-territorju tal-Kaliningrad Oblast imdawwar bl-Unjoni Ewropea jitlob għall-kooperazzjoni ġenwina bejn l-awtoritajiet reġjonali, il-Federazzjoni Russa u l-Unjoni Ewropea; iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa u lill-Unjoni Ewropea biex jeżaminaw il-possibiltà li jiżviluppaw lill-Kaliningrad Oblast f'reġjun pilota aktar miftuħ, inqas militari u b'aċċess aħjar għas-suq intern; jenfasizza l-bżonn għall-implimentazzjoni sħiħa tal-libertà tan-navigazzjoni fil-Baħar Baltiku, inklużi l-Vistula Lagoon u l-Kaliningradzkij Zalif, u l-passaġġ mingħajr ħlas mill-Istrett ta' Pilava u mill-Baltijskij Proliv;

21.  Jinnota li l-Isħubija tad-Dimensjoni tat-Tramuntana fis-Saħħa Pubblika u l-Benessri Soċjali (NDPHS) għandha ssir aktar prattika fil-ġlieda kontra mard serju u għandha wkoll ittejjeb u tippromwovi s-saħħa u l-istili ta' ħajja li jippremjaw soċjalment; jitlob lill-Federazzjoni Russa u lill-UE biex jeżaminaw il-possibiltajiet li jinvolvu lill-Kaliningrad Oblast f'attivitajiet ta' l-NDPHS;

22.  Jenfasizza li l-Kaliningrad Oblast għadu territorju infestat b'ħafna problemi soċjali, ekonomiċi u ekoliġiċi, bħar-riskju ekoloġiku sinifikanti li jirriżulta mill-preżenza ta' bażijiet militari u armi fir-reġjun, ir-riskju sostanzjali għas-saħħa u l-livell għoli tal-kriminalità organizzata u tal-vizzju tad-droga;

23.  Jitlob lir-Reġjun tal-Baħar Baltiku biex jappoġġja b'mod attiv programmi li għandhom l-għan li jiġġeneraw forom ġodda ta' arti u komunikazzjoni u li jrawwmu mobilità multinazzjonali u programmi ta' skambji kulturali;

24.  Jappoġġja skambju ta' studenti fir-reġjun; jissuġġerixxi li l-universitajiet fir-reġjun jiffurmaw netwerks u jaqblu dwar qsim tax-xogħol għat-trawwim ta' ċentri ta' eċċellenza li jkunu kapaċi jikkompetu fuq livell internazzjonali;

25.  Huwa mħasseb minħabba li l-fruntiera tal-Lvant tar-reġjun qed isservi bħala passaġġ għal livell sinifikanti ta' kriminalità organizzata, bi traffikar ta' bnedmin u ta' drogi; iħeġġeġ involviment aktar b'saħħtu ta' l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) u kooperazzjoni imsaħħa fuq livelli kemm ta' l-UE u kif ukoll fuq livelli intergovernattivi dwar dawn il-kwistjonijiet;

26.  Jenfasizza l-bżonn li jirdoppjaw l-isforzi biex titjieb l-effiċjenza tal-kontrolli tal-fruntiera fuq il-fruntiera tal-Lvant, b'mod partikulari fir-rigward ta' l-aġġornar ta' l-infrastruttura eżistenti u l-promozzjoni ta' qsim legali ta' fruntieri, u jitlob sabiex jiġu indikati fondi suffiċjenti mill-Fond Ewropew għall-Fruntieri Esterni propost;

o
o   o

27.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvern tal-Federazzjoni Russa u lill-Presidenza tal-Kunsill ta' l-Istati tal-Baħar Baltiku.

(1) Testi Adottati, P6_TA(2005)0430.


L-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà fil-kuntest ta' l-ESDP
PDF 361kWORD 107k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà fil-kuntest ta' l-ESDP (2006/2033(INI))
P6_TA(2006)0495A6-0366/2006

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003,

–   wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, li ġie ffirmat f'Ruma fid-29 ta' Ottubru 2004,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsilli Ewropej tas-16 -17 ta' Ġunju 2005 u tal-15 -16 ta' Diċembru 2005, u b'mod partikulari r-rapporti tal-Presidenza dwar l-ESDP,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' April 2005 dwar l-Istrateġija ta' Sigurtà Ewropea(1),

—  wara li kkunsidra l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-proliferazzjoni ta' l-Armi tal-Qerda tal-Massa, li kienet approvata mill-Kunsill fid-9 ta' Diċembru 2003,

–   wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu 'Għal qawwa Ewropea tal-protezzjoni ċivili: għajnuna Ewropea' mressaq f'Mejju 2006 mill-ex Kummissarju Michel Barnier,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa ta' l-'Isteering Board' ta' l-Aġenzija għad-Difiża Ewropea ta' Settembru 2005,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2006 dwar ir-rapport annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar l-aspetti ewlenin u l-għażliet bażiċi tas-CFSP, inklużi l-implikazzjonijiet finanzjarji għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej - 2004(2),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A6-0366/2006),

Kunsiderazzjonijiet Ġenerali

A.   billi l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà hija parti mill-Politika Barranija u ta' Siġurtà Komuni (CFSP) u l-Politika Ewropea dwar is-Sigurtà u d-Difiża (ESDP), li taħthom tista' tittieħed il-firxa sħiħa ta' azzjonijiet politiċi possibbli mill-Unjoni Ewropea, inklużi miżuri ta' politika diplomatiċi, ekonomiċi u ta' l-iżvilupp,

B.   billi l-istħarriġ ta' l-opinjoni pubblika ta' dawn l-aħħar għaxar snin urew livell ogħli u konsistenti ta' approvazzjoni, għax irriżulta li iżjed minn 60% taċ-ċittadini ta' l-UE huma favur li l-Unjoni Ewropea jkollha politika barranija komuni u li iżjed minn 70% huma favur li l-Unjoni Ewropea jkollha politika ta' difiża komuni; billi, barra minn hekk, stħarriġ ieħor ta' l-opinjoni pubblika juri li ma hemmx appoġġ sabiex tiżdied in-nefqa militari,

C.  C billi s-sigurtà u l-ġlieda kontra t-tixrid ta' armi tal-qrid tal-massa (WMD) kif ukoll kontra t-terroriżmu internazzjonali huma meqjusin bħala prijorità għall-UE; billi huma meħtieġa reazzjoni konġunta u strateġija komuni fl-ESDP,

D.   billi l-kontrolli fuq l-esportazzjonijiet ta' l-armi għandhom ikunu issikkati mill-Unjoni Ewropea u kif ukoll fuq livell internazzjonali,

1.  Jirrikonoxxi li l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà ta' Diċembru 2003, li hi bbażata fuq inizjattiva tal-Presidenza Griega, fiha analiżi eċċellenti tat-theddid fuq id-dinja moderna u tippreżenta l-prinċipji fundamentali tal-politika barranija ta' l-UE; jenfasizza, madankollu, il-bżonn li tiġi sorveljata l-implimentazzjoni tagħha fuq bażi regolari, sabiex din tkun tista' tirreaġixxi għal żviluppi ġeopolitiċi;

2.  Jinnota li, kif mistqarr fl-ESS, it-terroriżmu internazzjonali, il-proliferazzjoni ta' WMD, il-kunflitti reġjonali, il-fallimenti l-istati dgħajfa u l-kriminalità organizzata illum jirrappreżentaw it-theddid ewlieni li qiegħda tiffaċċja l-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tagħha; jenfasizza li l-kompetizzjoni dinjija dejjem tikber għar-riżorsi ta' l-ilma u l-enerġija, kif ukoll tad-diżastri naturali u tas-sigurtà tal-fruntieri esterni ta' l-Unjoni, irid jiġi inkluż bħala objettiv strateġiku fl-iżvilupp ulterjuri ta' l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà; huwa mħasseb dwar il-prospett tat-tiġdid ta' ġirjiet għall-armamenti fuq livelli globali u reġjonali u dwar il-proliferazzjoni ta' armi konvenzjonali li għadha għaddejja;

3.  Madankollu jirrikonoxxi li l-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali ma tistax ssir permezz ta' mezzi militari biss, u li l-prevenzjoni u r-ripressjoni tat-terroriżmu teħtieġ firxa vasta ta' miżuri mhux militari, bħall-iskambju ta' informazzjoni u l-koperazzjoni tal-pulizija u ġugizzjarja, li jeħtieġu koperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u l-pilastri, u li l-bini ta' istituzzjonijiet demokratiċi, ta' infrastruttura u tas-soċjetà ċivili fi stati falluti jew li qegħdin ifallu huma meħtieġa; jisħaq li waħda mill-ikbar kontribuzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea għall-prevenzjoni tat-terroriżmu internazzjonali hija l-ħila tagħha li tkun effettiva fil-bini jew fil-bini mill-ġdid ta' l-istituzzjonijiet demokratiċi, ta' l-infrastruttura soċjali u ekonomika, tal-governabilità tajba u tas-soċjetà ċivili u l-ġlieda b'suċċess kontra r-razziżmu u l-ksenofobija;

4.  Jinnota li l-ħidma ta' l-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni hija li tipproteġi liċ-ċittadini ta' l-UE minn dan it-theddid, li tiddefendi l-interessi ġustifikati ta' l-UE u li tippromwovi l-objettivi tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti billi taħdem bħala attur globali responsabbli għall-paċi u d-demokrazija dinjija; jappoġġja b'qawwa l-idea ta' Strateġija ta' Sigurtà Ewropea li l-aqwa mezz sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi huwa l-"multilateraliżmu effettiv", jiġifieri l-istituzzjonijiet internazzjonali u l-liġi internazzjonali;

5.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-UE, permezz ta' l-ESDP, trid twettaq il-ħidmiet tagħha primarjament b'mezzi ċivili u paċifiċi, u b'mezzi militari biss meta jkunu ġew esplorati l-possibiltajiet ta' negozjati kollha kemm huma u jinstab li m'hemmx soluzzjoni oħra; fit-twettiq ta' dawn il-ħidmiet leġittimi, il-kunsiderazzjoni primarja għandha tkun ir-rispett mhux ekwivoku għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini kemm fil-fruntieri ta' l-UE u kemm 'il barra minnhom;

6.  Iqis li mill-adozzjoni ta' l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà fl-2003, l-isfidi ġeopolitiċi evolvew b'mod konsiderevoli u li għaldaqstant hemm il-ħtieġa li jiġu riveduti sa mhux iżjed tard mill-2008; huwa tal-fehma li l-Istrateġija għandha tkun riveduta kull 5 snin u li għandha tiġi diskussa fil-Parlament Ewropew u fil-parlamenti ta' l-Istati Membri;

7.  Jinnota li huwa importanti ħafna li jiġu kkoordinati b'mod effettiv l-elementi ċivili u militari tar-reazzjoni tal-komunità internazzjonali għall-kriżijiet;

8.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw id-dimensjoni parlamentari ta' l-ESDP li fiha l-iżviluppi fuq il-livell istituzzjonali u finanzjarju jmorru id f'id ma' estensjoni ta' drittijiet parlamentari ta' kontroll; ifakkar li r-responsabilità tas-sorveljanza parlamentari ta' l-ESDP hija maqsuma bejn l-parlamenti ta' l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew fuq il-bażi tad-drittijiet u d-dmirijiet rispettivi tagħhom skond trattati u kostituzzjonijiet rilevanti;

9.  Huwa favur inizjattivi għal relazzjonijiet iktar mill-qrib u skambju intensifikat ta' informazzjoni bejn il-parlamenti ta' l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew fir-rigward ta' kwistjonijiet dwar l-ESDP, sabiex id-djalogu iżjed strutturat u regolari bejn il-parlamenti jsir possibbli;

10.  Jisħaq li l-Unjoni Ewropea trid tkun f'pożizzjoni li tati kontribut ewlieni sabiex:

   a) tiddefendi lilha nnfisha kontra kwalunkwe theddida reali u ċara għas-sigurtà tagħha;
   b) tassigura l-paċi u l-istabbilità qabel xejn fl-inħawi ġeografiċi tagħha u f'partijiet oħrajn tad-dinja, skond il-prinċipji tal-Karta tan-NU;
   c) tagħmel interventi umanitarji u operazzjonijiet ta' salvataġġ;
   d) tipprevjeni u timmaniġġja l-kunflitti, tippromwovi d-demokrazija u r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem;
   e) tippromwovi d-diżarmament reġjonali u globali;

11.  Jenfasizza li, fil-każ ta' attakk mill-forzi armati ta' pajjiż terz fuq it-territorju ta' l-UE, in-NATO għandha tibqa' l-garanti tad-difiża kollettiva, iżda l-UE hija mistennija tirreaġixxi b'solidarjetà u li tipprovdi lill-Istat Membru attakkat bl-assistenza kollha meħtieġa skond l-Artikolu 51 tal-Karta tan-NU, jilqa' l-ħila dejjem tikber tan-NATO li tilgħab rwol f'operazzjonijiet barra l-Ewropa; iqis ukoll li n-NATO hija l-forum xieraq għad-djalogu transatlantiku dwar kwistjonijiet ta' sigurtà;

12.  Jirrikonoxxi li l-ħiliet tal-forzi armati ta' l-Istati Membri u d-disponibilità tagħhom għall-UE huma influwenzati mill-fatt li l-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri huma membri sew ta' l-UE u sew tan-NATO u jżommu sett wieħed ta' forzi armati għad-dispożizzjoni taż-żewġ organizzazzjonijiet; għaldaqstant jitlob li l-UE tkompli taħdem b'mod intensiv man-NATO, b'mod speċjali fil-qasam ta' l-iżvilupp tal-ħiliet;

13.  Jisħaq li l-"awtonomija strateġika" inerenti fl-Istrateġija ta' Sigurtà Ewropea, l-iżjed l-abilità biex isiru operazzjonijiet fl-ambitu tagħha b'mod indipendenti minn atturi oħrajn li jirrikjedu l-interoperabilità u katina ta' appoġġ iżjed sostenibbli u li wieħed jista' joqgħod fuqha fuq il-bażi ta' appoġġ u għajnuna reċiproka, bl-evitar ta' duplikazzjoni u użu subottimali ta' riżorsi skarsi f'livell Ewropew jew bejn l-Istati Membri; iwissi dwar duplikazzjoni mhux meħtieġa ta' sforzi bejn in-NATO u l-UE, u bejn l-Istati Membri ta' l-UE;

14.  Iqis li bħalissa l-ESDP għandha riżorsi limitati għal operazzjonijiet ċivili u militari; għalhekk jitlob li l-UE - sabiex tiżviluppa l-kredibilità tagħha bħala attur globali - tikkonċentra l-ħiliet tagħha fuq l-inħawi ġeografiċi tagħha, b'mod partikulari fil-Balkani; fl-istess ħin jipprevedi l-iżvilupp ta' iżjed ħiliet sabiex jippermettu l-UE tagħmel kontribut attiv biex jissolvew ukoll il-kunflitti f'partijiet oħra tad-dinja, bi qbil mal-prinċipji tal-Karta tan-NU;

Koperazzjoni ċivili-militari integrata

15.  Jilqa' l-enfasi ta' l-UE dwar it-tisħiħ tal-koperazzjoni ċivili u militari fl-immaniġġjar tal-kriżijiet u jirrikonoxxi li l-iżvilupp tal-ħiliet ċivili fl-immaniġġjar tal-kriżijiet kien fattur ewlieni li pprovda valur miżjud fl-iżvilupp ta' l-ESDP u fl-ispettru sħiħ ta' reazzjonijiet għall-prevenzjoni ta' kunflitti, l-interventi umanitarji, ir-rikostruzzjoni ta' wara l-kunflitti u l-bini tal-paċi; jenfasizza l-bżonn li jiġu involuti NGOs internazzjonali u lokali speċjalizzati u n-netwerks tagħhom; iħeġġeġ l-UE biex tkompli tiġġieled għall-implimentazzjoni ta' politika koerenti li tikkonċerna l-prevenzjoni ta' kunflitti fl-ispirtu tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Göteborg tal-15-16 ta' Ġunju 2001;

16.  Huwa mħeġġeġ bit-tentattivi riċenti skond is-Civilian Headline Goal 2008 li jiġi rimedjat in-nuqqas ta' enfasi li kien hemm fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet u l-ħiliet ċivili; huwa mħeġġeġ ukoll mill-potenzjal taċ-Ċellula Ċivili u Militari u miċ-Ċentru ta' l-Operazzjonijiet li jilgħabu parti importanti fl-iżvilupp ta' l-approċċ ta' l-UE lejn l-integrazzjoni tal-koperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn iċ-ċivil u l-militar; għalhekk jirrikomanda li ċ-Ċellula Ċivili u Militari u ċ-Ċentru ta' l-Operazzjonijiet jiġu aġġornati sabiex isiru Kwartieri Ewropew għat-twettiq ta' missjonijiet ċivili-militari;

17.  Jagħraf li l-ħiliet ewlenin fil-qasam ta' sistemi ta' informazzjoni bbażati fuq is-satellita u mill-ajru, ta' sistemi ta' telekomunikazzjonijiet integrati u ta' sistemi ta' trasport bil-baħar u bl-ajru, huma essenzjali għall-operazzjonijiet ta' mmaniġġjar ta' kriżi, kemm dawk ċivili u kemm dawk militari; jitlob li jitnieda proċess integrat ta' riċerka u żvilupp mill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) flimkien mal-Kummissjoni f'oqsma li jirrinforzaw approċċi ċivili-militari integrati u kkoordinati, u b'mod partikulari f'oqsma ta' sistemi ta' informazzjoni bbażati fuq is-satellita u mill-ajru kif ukoll ta' sistemi ta' telekomunikazzjonijiet integrati;

L-immaniġġjar ta' kriżijiet

18.  Jilqa' t-twaqqif tas-Sistema Globali ta' Allert u Koordinazzjoni għal Diżastri, li kienet iffinanzjata mill-Kummissjoni b'koperazzjoni mill-qrib man-Nazzjonijiet Uniti; jinnota li din is-sistema għandha ttejjeb b'mod konsiderevoli l-ħila ta' l-UE li tirreaġixxi;

19.  Jinnota l-attivitajiet tal-Faċilità għall-Operazzjonijiet ta' Emerġenzi tas-Saħħa imwaqqfa mill-Kummissjoni; jisħaq fuq l-importanza ta' din il-faċilità fir-rigward ta' l-arkivju tagħha ta' informazzjoni u dejta u fir-rigward tal-ħila tagħha li toħroġ twissijiet dwar pandemiji u epidemiji, u wkoll dwar theddid bijoloġiku u kimiku; għalhekk jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa sabiex il-Kummissjoni tkun involuta fil-koordinament tal-miżuri fil-każ ta' emerġenzi sanitarji u attakki bijoterroristiċi transkonfinali;

20.  Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni li tfassal proċedura Komunitarja għall-protezzjoni mid-diżastri, inkluż fil-każ ta' attakk terroristiku serju; jinnota li din il-proċedura hija primarjament bbażata fuq l-informazzjoni miżmuma f'bażi ta' dejta li żżomm dettalji dwar ir-riżorsi nazzjonali disponibbli għall-għoti ta' għajnuna; jinnota li l-effettività ta' din il-bażi ta' dejta, f'termini tal-ħin li jiġi ffrankat u tas-sinerġiji, tista' tkun imtejba b'mod sostanzjali jekk tintegra fiha l-bażijiet tad-dejta ta' l-Istaff Militari ta' l-UE, li fihom dettalji tar-riżorsi kollha disponibbli għall-immaniġġjar tal-kriżijiet. għaldaqstant jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jorganizzaw it-taħditiet meħtieġa u biex jaddottaw il-miżuri neċessarji sabiex din l-integrazzjoni tkun tista' ssir;

21.  Jilqa' l-isforzi tal-Kunsill li fil-każ ta' diżastru jiżgura l-iżvilupp bla telf ta' żmien u effettiv tal-bosta riżorsi ta' l-ESDP disponibbli; f'dan is-sens, jisħaq fuq l-urġenza li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fir-rigward tal-koordinazzjoni strateġika tat-trasport (bl-ajru); għalhekk iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex kemm jista' jkun malajr jagħmlu l-fondi meħtieġa disponibbli sabiex tissolva din il-problema; jitlob ukoll lill-Kunsill sabiex jeżamina bis-serjetà l-proposti magħmulin fir-rapport fuq imsemmi ippreżentat minn Michel Barnier, anke b'mod partikulari l-ħolqien ta' Kunsill Ewropew ta' Sigurtà Ċivili informali, approċċ Ewropew integrat biex jiġu antiċipati kriżijiet, l-għaqda ta' riżorsi nazzjonali li diġà jeżistu u l-istabbiliment ta' konsulati Ewropej sabiex jassistu liċ-ċittadini ta' l-UE li qegħdin barra; u jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jaħdmu flimkien sabiex gradwalment jimplimentaw dawn il-proposti;

22.  Iqis li l-iżvilupp ta' l-ESDP kkontribwixxa għall-iffurmar ta' 'zoni griżi' fir-rigward tal-poteri tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li huma konnessi mat-twettiq ta' missjonijiet primarjament ċivili; jistenna li l-adozzjoni ta' l-Istrument ta' Stabbilità għandu jipprovdi kjarifika, mingħajr ma dan ikollu effett negattiv fuq il-flessibilità fl-immaniġġjar tal-kriżijiet li ntweriet s'issa fil-prattika;

23.  Jilqa' l-progress magħmul fir-rigward tas-Civilian Headline Goal 2008 u, b'mod partikulari, fir-rigward ta' l-iżvilupp tal-pjani għall-użu ta' timijiet ta' reazzjoni ċivili u ta' gruppi integrati ta' pulizija; jinnota wkoll l-iżvilupp ta' kompetenza konnessa mal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-ittraffikar tal-bnedmin; jilqa' bl-istess mod it-twaqqif fil-Kummissjoni ta' pjattaforma għall-kriżijiet, li għandha l-għan li tħaffef il-fażi inizzjali ta' missjonijiet fuq il-post ta' l-ESDP; jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jikkoordinaw l-isforzi tagħhom u għalhekk jipproponi li jitfassal programm konġunt ta' taħriġ għall-istaff kollu li jaħdem fuq it-tfassil tal-missjonijiet;

Sigurtà tat-territorju

24.  Jinnota li l-ewwel ħidma ta' kwalunkwe politika ta' sigurtà hija li tassigura s-sigurtà fit-territorju tagħha stess; jirrikonoxxi li mill-politika Ewropea għad-difiża ċ-ċittadini ta' l-Ewropa jistennew, qabel xejn, kontribut sinifikanti għall-ħarsien tas-sigurtà personali tagħhom u għar-rispett tad-drittijiet fundamentali tagħhom bħala bnedmin;

25.  Jirrimarka li l-UE għandha tagħmel il-fruntieri tagħha iżjed siguri, tħares l-infrastrutturi vitali tagħha, telimina n-netwerks tal-finanzjament tat-terroriżmu internazzjonali u tissielet kontra l-kriminalità organizzata; f'dan ir-rigward, jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jiżviluppaw sistema ta' mmaniġġjar integrat tal-fruntieri esterni ta' l-Unjoni, mingħajr ma jillimitaw ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u fundamentali u tal-liġi umanitarja, b'mod speċjali fir-rigward tar-refuġjati u ta' persuni li jfittxu kenn;

26.  Jirrimarka li l-UE għandha:

   - tassigura ċ-ċirkolazzjoni libera tal-provvisti għall-industrija u għall-konsumaturi individwali, u b'mod partikulari tal-idrokarboni, li tinvolvi s-sigurtà tat-tbaħħir, tat-titjiriet u tal-pajplines;
   - tiddefendi lilha nnifisha kontra attakki ċibernetiċi li jistgħu jisfrattaw is-sistemi vitali ta' komunikazzjoni, dawk finanzjarji u ta' l-enerġija;

Azzjoni rapida fuq il-bażi tal-Karti tan-Nazzjonijiet Uniti

27.  Fil-waqt li jassumi li l-UE, fid-dawl ta' theddid ġdid, għandha tkun lesta li taġixxi qabel ma jiskattaw il-kriżijiet u li tieħu azzjoni preventiva bikrija sabiex tindirizza l-kunflitt u t-theddid, japprova l-fatt li l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà tibbaża lilha nnifisha mingħajr riżervi fuq il-Karta tan-NU, bħala l-qafas fundamentali għar-relazzjonijiet internazzjonali;

Regoli ta' mġiba/taħriġ

28.  Jilqa' b'sodisfazzjon kbir il-fatt li l-imġiba ta' l-istaff waqt l-operazzjonijiet kollha ta' l-ESDP huma mmexxija minn firxa ta' linji gwida u regoli ġenerali ta' mġiba li huma stipulati f'dokumenti; jilqa' s-sinjali inizzjali tal-ħarsien ta' l-istandards u regoli tad-drittijiet tal-bniedem minn dawn il-linji gwida u regoli; jinsisti li l-osservanza ta' regoli ta' dan it-tip għandha tkun kompletament obbligatorja u li l-kmandanti fil-kamp għandhom ikunu meqjusa responsabbli għad-dixxiplina u għall-kondotta tal-persunal tagħhom, anke taħt kundizzjonijiet ta' stress estrem f'sitwazzjonijiet ta' gwerra; jirrimarka b'mod favorevoli l-isforzi sabiex jiġi żgurat li d-dimensjoni tas-sessi jkollha profil aqwa fil-politika, programmi u inizjattivi varji ta' l-ESDP tal-ġejjieni;

29.  Jinnota l-isforzi tal-Kunsill sabiex jiġu żviluppati iżjed il-programmi speċifiċi ta' taħriġ ta' l-ESDP, kemm strateġiċi u kemm operattivi, għall-istaff diplomatiku, militari u ċivili; jistenna li l-esperti tal-Parlament Ewropew ikunu jistgħu jieħdu sehem f'dawn il-programmi; japprova l-approċċ li jiġu stabbiliti standards minimi għat-taħriġ ta' l-istaff dwar missjonijiet fuq il-post ta' l-ESDP, u jitlob lill-Kunsill biex jaħdem mal-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex jiġu standardizzati l-miżuri kollha ta' taħriġ fil-livelli kollha;

30.  Huwa tal-fehma li jekk l-istruttura tal-kmand, it-tagħmir jew l-armamenti ma jkunux jilħqu r-rekwiżiti ta' l-operazzjoni, is-suldati se jkunu esposti għal riskji bla bżonn; għalhekk iqis li huwa partikularment importanti li jkun żgurat li l-unitajiet li jitpoġġew taħt il-kmand ta' l-UE jkunu mgħammra kif xieraq;

31.  Huwa tal-fehma li l-użu effettiv tal-ħiliet militari ma jistax ikun possibbli mingħajr tisħiħ serju tal-ħila Ewropea tal-projjezzjoni tal-qawwa, inklużi t-trasport bl-ajru u bil-baħar; f'dan il-kuntest, jirrikonoxxi l-isforzi minn pajjiżi differenti li jkabbru l-ħiliet ta' trasport bl-ajru u l-ħiliet amfibji tagħhom, u l-pjani li jiksbu iżjed vapuri li jġorru l-ajruplani;

32.  Jinnota li f'operazzjonijiet multinazzjonali, l-użu ta' apparati u armamenti differenti (u spiss ukoll inkompatibbli) mill-unitajiet parteċipanti jwassal għal spejjeż żejda u għal inqas effiċjenza; għalhekk iqis li l-UE għandha tippromwovi miżuri sabiex tormonizza t-tgħamir u l-armamenti bil-ħsieb li tipperfezzjona r-riżorsi u l-effettività ta' l-operazzjonijiet multinazzjonali;

Informazzjoni

33.  Jikkritika l-fatt partikularment serju li l-gruppi ta' battalja li bħalissa qegħdin jiżviluppaw m'għandhomx l-istess aċċess għall-intelliġenza mill-ajru u intelliġenza mill-ispazju, u jiddispjaċih li d-dejta tas-sistemi nazzjonali tal-ġbir ta' l-informazzjoni bis-satelliti Helios, SAR–Lupe u Cosmo-Skymed m'humiex disponibbli għall-Istati Membri kollha fuq bażi komuni;

34.  Sabiex jiġu rimedjati dawn in-nuqqasijiet:

   a) jitlob bil-qawwa li l-gruppi ta' battalja li qegħdin jiżviluppaw jkollhom tagħmir komuni jew almenu kompatibbli fl-oqsma ta' l-informazzjoni u tat-telekomunikazzjonijiet;
   b) jitlob li l-ġenerazzjoni li jmiss tas-sistemi ta' informazzjoni satellitari tkun integrata f'sistema Ewropea u li l-informazzjoni tagħha tkun disponibbli għall-skopijiet militari, tal-pulizija u ta' l-immaniġġjar tad-diżastri bl-użu taċ-ċentru satellitari f'Torrejón;

35.  Jirrimarka li bħalissa n-NATO qiegħda tiżviluppa s-sistema ta' ġbir ta' informazzjoni bl-ajru AGS (Airborne Ground Surveillance) b'żieda mas-sistemi nazzjonali li diġà jeżistu jew li qegħdin jiġu żviluppati; jinsisti li din is-sistema għandha ssir disponibbli għall-Istati Membri kollha ta' l-UE, b'mod speċjali fil-kuntest tal-gruppi ta' battalja ta' l-UE;

36.  Iqis li fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet, huwa meħtieġ li tiġi żviluppata sistema konġunta għall-kmand ta' l-unitajiet multinazzjonali; għalhekk jesprimi l-fehma li l-apparati użati mis-servizzi militari, tal-pulizija u ta' l-emerġenza għandhom jikkonformaw ma' l-istess standards tekniċi, bħalma hu l-każ, ngħidu aħna, fil-Finlandja;

Sorveljanza tal-fruntieri

37.  Jisħaq fuq l-importanza tat-tħeġġiġ tal-kapaċità kollettiva ta' l-UE biex tipproteġi l-fruntieri esterni tagħha; jibqa' partikularment imħasseb dwar l-inkompatibilità u l-kwalità tat-tgħamir tas-sorveljanza tal-fruntieri u jenfasizza l-bżonn għal teknoloġija ġdida sabiex tirrimedja s-sitwazzjoni;

Transport

38.  Iqis li, minħabba li t-trasport, b'mod partikulari t-transporti strateġiċi, huwa nuqqas essenzjali fi kwalunkwe azzjoni ta' mmaniġġjar ta' kriżi ta' l-UE, ikun ta' interess kbir li jkun hemm arranġament indipendenti Ewropew li jassigura aċċess għat-transport ċivili multi-modali konvenzjonali, li jibni fuq approċċ ċivili/militari integrat u li jassigura ekonomiji ta' skala għall-parteċipanti Ewropej kollha li jieħdu sehem fl-immaniġġjar tal-kriżijiet għal skopijiet ta' ESDP u ta' għajnuna wara d-diżastri;

Dgħufijat fil-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta' l-ESDP

39.  Iqis li l-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet li tippreċedi d-deċiżjoni ta' twettiq ta' missjoni ta' l-ESDP fiha numru ta' dgħufijat, kif deher fil-każ tal-missjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo; għalhekk jistieden lill-Kunsill sabiex jirrevedi l-istadji varji ta' din il-proċedura u, jekk ikun xieraq, biex jieħu passi ħalli jelimina dawn id- dgħufijat; f'dan is-sens, ifakkar lill-Kunsill u, b'mod partikulari, lill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà tiegħu, dwar l-obbligu li jikkonsulta lill-Parlament;

40.  Itenni t-talba tiegħu għall-involviment bla ristrizzjonijiet kif ukoll id-dritt tiegħu li jkun ikkonsultat kull sena bil-quddiem dwar l-aspetti li ġejjin u l-għażliet għas-CFSP, kif stipulat fit-Trattati eżistenti; jistieden b'empatija lill-Kunsill biex isegwi politika ta' informazzjoni ferm iżjed trasparenti fil-konfront tal-Parlament, fir-rigward tas-CFSP u l-ESDP; f'dan ir-rigward, jikkritika l-proċedura għall-aċċess tal-Parlament għad-'dokumenti kunfidenzjali' tal-Kunsill, li f'ħafna każi jkun fihom biss tagħrif ġenerali ħafna;

41.  Jafferma mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu li m'għandha tibda l-ebda missjoni militari li fiha tkun involuta l-UE qabel ma l-Parlament Ewropew ikun ġie mgħarraf u kkonsultat kif xieraq;

42.  Jitlob li fuq it-tgħamir u l-armamenti militari tkun adottata f'baġits li jkunu suġġetti għal kontroll parlamentari; għalhekk huwa tal-fehma li l-baġits u l-mekkaniżmi paralleli għandhom jiġu evitati, għax dawn la jistgħu jkunu sorveljati b'mod effettiv mill-parlamenti nazzjonali u lanqas mill-Parlament Ewropew;

43.  Jinnota li l-baġit ta' l-Unjoni Ewropea fih bosta intestaturi b'aspetti ta' sigurtà, bħall-approprjazzjonijiet għall-immaniġġjar ta' kriżijiet, is-sigurtà tal-fruntieri esterni u ta' l-infrastrutturi vitali, ir-riċerka fis-sigurtà u l-implimentazzjoni tal-programmi Galileo u Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà GMES;

44.  Iħeġġeġ, b'mod partikulari, li l-baġit disponibbli għall-missjonijiet ta' mmaniġġjar ta' kriżijiet, għas-sigurtà ta' fruntieri esterni, għar-riċerka fis-sigurtà u għall-programm Galileo għandu jiżdied; fil-ġejjieni, il-qasam tar-riċerka fis-sigurtà għandu jkun orjentat lejn il-ħtiġijiet ta' finanzjament iddeterminat mill-grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riċerka fis-Sigurtà;

45.  Jitlob ukoll li l-operazzjonijiet militari ta' mmaniġġjar ta' kriżi jkunu ffinanzjati mill-baġit ta' l-UE u li, għal dan il-għan, l-Istati Membri jagħmlu disponibbli riżorsi addizzjonali;

46.  Jikkritika l-fatt li, minħabba l-mekkaniżmu ATHENA u mekkaniżmi ad hoc oħrajn iffinanzjati mill-Istati Membri u anke l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, il-Parlament Ewropew m'hux f'pożizzjoni li jeżerċita skrutinju baġitarju fuq l-operazzjonijiet militari ta' l-ESDP; jirrimarka li hemm ukoll il-ħtieġa għat-trasparenza fl-operazzjonijiet ċivili-militari (bħall-missjonijiet tal-pulizija) li jaqgħu f'zona griża bejn l-arranġamenti ad hoc u l-finanzjament tal-baġit tas-CFSP;

47.  Konsegwentament, jitlob għal metodoloġija baġitarja ġdida li ssaħħaħ t-trasparenza fl-infiq fuq l-ESDP u li tappoġġja l-iżvilupp tal-ħiliet militari u ċivili meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' l-Istrateġija ta' Sigurtà Ewropea;

   a) fil-fażi inizzjali, li għandha tibda fl-2007 u m'għandhiex iddum iżjed minn sentejn, il-Kunsill għandu jfassal dokument baġitarju li jirrifletti l-impenji magħmulin mill-Istati Membri sabiex jilħqu s-Civilian Headline Goal 2008 u l-Military Headline Goal 2010 u li jkun ibbażat fuq il-katalgi eżistenti (il-katalgu tar-rekwiżiti, il-katalgu tal-qawwiet u l-katalgu tal-progress);
   b) fit-tieni fażi, l-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom għall-ESDP permezz ta' 'baġit' virtwali li fih jimpenjaw fondi fuq bażi multi-annwali sabiex jiffinanzjaw l-apparati u l-istaff meħtieġ għall-operazzjonijiet ta' l-ESDP. Dan id-dokument, għad li ma jorbotx legalment, għandu madankollu jsir dokument politiku importanti li jakkumpanja l-baġit ta' l-UE, u għandu jindika kemm l-Istati Membri huma lesti jonfqu fuq l-ESDP. Dan għandu jiffaċilita "il-qsim tal-piż" bejn l-Istati Membri billi jassigura iżjed trasparenza fir-rigward ta' l-infiq militari, u għandu jkun diskuss b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-parlamenti ta' l-Istati Membri fuq bażi annwali;
   c) deċiżjonijiet finali dwar ir-razzjonalizzazzjoni tal-baġit għas-CFSP u l-ESDP, inkluża l-valutazzjoni ta' l-ispiża nazzjonali fil-livell ta' l-UE fid-dimensjoni tas-sigurtà u tad-difiża, għandhom jagħmlu parti minn sistema finanzjarja riveduta ta' l-Unjoni prevista għall-2008-09;

Suq Ewropew ta' tagħmir tad-difiża u riċerka koperattiva

48.  Jenfasizza li l-ESS jissuponi l-eżistenza ta' industrija tad-difiża Ewropea b'saħħitha u indipendenti u b'kapaċitajiet awtonomi ta' riċerka teknoloġika u ta' żvilupp teknoloġiku li jkollhom il-ħila jipproteġu b'mod xieraq l-interessi essenzjali ta' sigurtà ta' l-UE u ta' l-Istati Membri; mid-dibattitu pubbliku jasal għall-konklużjoni li sabiex titrabba l-kompetittività ta' l-industrija tad-difiża Ewropea u sabiex tiġi żviluppata bażi industrijali awtonoma li tipprovdi l-kapaċitajiet ta' difiża neċessarji, huwa meħtieġ li jiġu adottati regoli tas-suq intern għal prodotti relatati mad-difiża li huma adattati għall-karatteristiċi speċifiċi ta' dan is-settur; jenfasizza li dawn ir-regoli għandhom jiffaċilitaw il-koperazzjoni u l-kummerċ industrijali fil-Komunità; ifakkar li d-deroga li hemm dispożizzjoni għaliha fl-Artikolu 296 tat-Trattat KE tħalli intatt id-dmir ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji li jilleġislaw dwar l-iżvilupp tas-suq intern ta' tagħmir u servizzi relatati mad-difiża, sakemm leġiżlazzjoni bħal din tipproteġi l-interessi essenzjali ta' sigurtà ta' l-Istati Membri u ta' l-UE; jiddikjara li jeħtieġ li jintlaħaq livell għoli ta' protezzjoni;

49.  Jistenna bil-ħerqa l-komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 296, il-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva speċifika dwar kuntratti ta' difiża, u l-ħolqien ta' strument legali li jorbot dwar il-faċilitazzjoni ta' trasferimenti intra-Komunitarji ta' prodotti relatati mad-difiża li għandhom jissostitwixxu sistema komuni ssimplifikata minflok il-liċenzji nazzjonali ta' esportazzjoni li jeżistu bħalissa; huwa tal-fehma li din is-sistema għandha tħares l-interessi essenzjali ta' sigurtà ta' l-UE u ta' l-Istati Membri billi tiddefinixxi l-prinċipji ta' politika Ewropea għall-esportazzjoni fuq il-bażi tal-Kodiċi ta' Kondotta ta' l-Unjoni Ewropea dwar l-Esportazzjoni ta' l-Armi;

50.  Ifakkar li regoli bħall-Artikolu XXIII tal-Ftehima tad-WTO dwar Akkwisti tal-Gvern jirrikonoxxu l-possibilità tal-ħarsien ta' interessi essenzjali ta' sigurtà relatati ma' kuntratti ta' difiża; jenfasizza li, sabiex ikun żgurat il-ħarsien ta' dawk l-interessi ta' l-UE u ta' l-Istati Membri, ir-regoli komuni li għandhom jiġu adottati għandhom jagħtu preferenza lill-prodotti relatati mad-difiża li huma ta' oriġini Ewropea qabel dawk li joriġinaw minn pajjiżi terzi, għandhom jippermettu t-twettiq sħiħ tal-prinċipju ta' reċiproċità fir-relazzjonijiet kummerċjali, u favur l-użu tat-teknoloġija protetta mid-drittijiet Ewropej tal-proprjetà intellettwalii;

51.  Jilqa' l-Kodiċi ta' Mġiba ta' l-EDA dwar il-kuntratti ta' difiża u jistieden lill-Istati Membri kollha sabiex jikkonformaw magħha; jinsisti li l-prattika tal-kumpensi u tal-''juste retour' trid titneħħa; iqis li hu neċessarju li jiżdied ix-xogħol ta' l-EDA fil-kuntest ta' l-ESDP;

52.  Jirrikonoxxi l-importanza tar-riċerka koperattiva għall-kompetittività ta' l-industrija Ewropea; għalhekk jitlob iżjed kumplimentaritajiet bejn il-ħidma tal-Kummissjoni u l-EDA, permezz ta' djalogu iżjed effettiv dwar ir-riċerka konnessa mal-qasam ċivili, mas-sigurtà u mad-difiża fl-Ewropa; jenfasizza li l-provvista tat-teknoloġiji ta' użu dupliċi u tal-ħiliet multifunzjonali, u wkoll it-tneħħija tad-diviżjoni li tifred ir-riċerka ċivili mir-riċerka għad-difiża, għandhom ikunu fost l-għanijiet u l-objettivi ta' l-UE; minħabba d-diversità ta' l-istrutturi tal-kumpaniji f'dan is-settur meta mqabbla ma' oqsma ta' riċerka oħrajn, iqis li hu meħtieġ li tinbidel id-definizzjoni tan-negozji ta' daqs żgħir jew medju fil-qasam tar-riċerka fis-sigurtà Ewropea;

53.  Jitlob li l-Kodiċi ta' Kondotta ta' l-1998 dwar l-Esportazzjoni ta' l-Armi tidħol fis-seħħ u tkun applikata u implimentata b'mod korrett fl-Istati Membri kollha; huwa tal-fehma li d-deċiżjoni dwar liema pajjiżi destinatarji jilħqu l-kriterji tal-kodiċi ta' kondotta għandha tittieħed fuq bażi komuni;

WMD/Iran

54.  Jirrealizza li ma jista' jkun hemm l-ebda garanzija ta' suċċess fl-attentati li l-Iran jitwaqqaf milli jipproduċi uranju maħdum għall-skopijiet militari; madanakollu jqis li l-offerta konġunta tan-negozjati magħmula mir-Renju Unit, minn Franza u mill-Ġermanja (EU Three), mill-Istati Uniti, mir-Russja u miċ-Ċina tirrappreżenta l-iżjed soluzzjoni promettenti; jilqa' l-approċċ multilaterali tal-bażi ta' din l-offerta; jinnota b'ferħ s-sehem Ewropew biex dan iseħħ; jisgħobbih li d-diskussjonijiet bejn ir-Rappreżentant Għoli ta" l-UE u l-UE Tlieta fuq naħa u l-Iran fuq l-oħra għadhom s'issa ma laħqux riżultati sodisfaċenti; għalhekk, bħala konsegwenza, jaċċetta li l-kwistjoni tiġi trattata fil-livell tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jenfasizza li n-negozjati jistgħu jitkomplew meta jridu sakemm ikun hemm indikazzjonijiet minn naħa ta' l-Iran li jistgħu jkunu ta' suċċess; jilqa' r-rieda ta' l-Istati Uniti li tieħu sehem fl-istess negozjati ma' l-Iran;

Lejn Unjoni ta' Sigurtà u Difiża

55.  Jinnota li l-UE qiegħda tiżviluppa f'Unjoni ta' Sigurtà u Difiża wkoll, li tkopri s-sigurtà esterna kif ukoll l-aspetti varji tas-sigurtà interna, il-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-forom kollha tiegħu u l-immaniġġjar tal-kriżijiet bl-elementi li ġejjin:

  a) l-impenn ta' l-Istati Membri li jkunu kapaċi:
   - jiskjeraw 60 000 suldat fi żmien 60 ġurnata u jżommuhom għal sena għal operazzjonijiet taż-żamma u tal-bini tal-paċi kif kien deċiż fil-Kunsill Ewropew ta' Ħelsinki, u jibnu 13-il grupp ta' battalja li jistgħu jiġu skjerati malajr, bi tnejn ikunu 'standby' b'mod permanenti mill-2007;
   - jiżviluppaw ħiliet ta' mmaniġġjar ta' kriżijiet ċivili fil-qasam ta' l-operazzjonijiet tal-pulizija, fl-istat tad-dritt, fl-amministrazzjoni u fil-protezzjoni ċivili, kif kien ġie deċiż fil-Kunsill Ewropew ta' Santa Maria da Feira fid-19-20 ta' Ġunju 2000;
   b) struttura ta' kmand Ewropea li tikkonsisti f'Kumitat għall-Politika u s-Sigurtà, Kumitat Militari, Staff Militari (li li lkoll ilhom jaħdmu mill-2001) u Ċellula Ċivili u Militari b'Ċentru ta' Operazzjonijiet ġdid;
   (c) Forza ta' Ġendarmerija Ewropea bil-Kwartieri tagħha f'Viċenza, li għandha tintuża għall-missjoni futura tal-pulizija fil-Kosovo;
   d) l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża proposta mill-Kunsill Ewropew, li ilha taħdem mill-2004;
   e) l-Europol u l-mandat ta' arrest Ewropew;
   f) regoli komuni għall-kisba u l-esportazzjonijiet ta' l-armi;
   (g) Ir-riċerka Ewropea dwar is-sigurtà bħala priorità tematika indipendenti taħt is-Seba" Programm ta" Qafas dwar is-Sigurtà;

56.  Hu tal-fehma li dan il-proċess għandu jkun imsaħħaħ permezz ta" l-elementi li ġejjin:

   a) it-twaqqif ta" suq komuni fil-qasam tad-difiża, bħala mezz biex tinħoloq bażi teknoloġika tad-difiża Ewropea li tkun verament integrata skond il-prinċipji ta" interdipendenza u speċjalizzazzjoni fost l-Istati Membri ta" l-UE;
   b) sistema komuni ta" intelliġenza bis-satellita u bl-ajru u standards komuni għat-telekomunikazzjonijiet, li għandhom ikunu għad-dispożizzjoni tal-militar, tal-pulizija u tas-servizzi għall-immaniġġjar tad-diżastri;
   c) it-twaqqif ta" forza navali permanenti Ewropea, inkluż servizz ta' għassiesa tal-kosta, attiv fil-baħar Mediterran sabiex turi preżenza Ewropea u ssaħħaħ il-potenzjal ta" l-UE fl-immaniġġjar ta" kriżijiet f'dan ir-reġjun ta" importanza mill-akbar għall-interessi ta" sigurtà tagħha;
   d) baġit Ewropew li jkopri mhux biss l-aspetti ċivili tas-sigurtà imma anke dawk militari;
   e) viċi-ministru għall-affarijiet barranin Ewropew għall-politika tas-sigurtà u d-difiża;
   f) laqgħat aktar spissi tal-Ministri tad-Difiża ta" l-UE;
   g) forza tal-protezzjoni ċivili Ewropea kif proposta fir-rapport fuq imsemmi ta" Michel Barnier, kif ukoll Korp Ewropew tal-Paċi Ċivili u s-Sħubija għall-Bini tal-Paċi;
   h) ħila Ewropea li tkun disponibbli għat-trasport bl-ajru u bil-baħar f'każi ta" għajnuna f'diżastri, operazzjonijiet ta" salvataġġ u operazzjonijiet ta" difiża (trasport multimodali li jikkombina l-assi l-aktar xierqa);
   i) skrutinju parlamentari adegwat mill-Parlamenti ta" l-Istati Membri u mill-Parlament Ewropew;

57.  Jisħaq fuq l-importanza tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, li jġib progress kbir lejn Unjoni ta" Sigurtà u Difiża, b'mod partikulari permezz ta":

   a) l-uffiċċju ta" Ministru għall-Affarijiet Barranin Ewropew li hu fl-istess ħin Viċi President tal-Kummissjoni;
   b) il-klawsola tas-solidarjetà, għal każijiet li fihom Stat Membru jkun affettwat minn attack terroristiku, diżastru naturali jew diżastru magħmul mill-bniedem;
   c) klawsola dwar l-għajnuna reċiproka bejn l-Istati Membri fil-każ ta" aggressjoni armata kontra t-territorju ta" Stat Membru;

o
o   o

58.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti ta" l-Istati Membri u lis-Segretarji Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, in-NATO, l-OSCE u l-Kunsill ta" l-Ewropa.

(1) ĠU C 33 E, 9.2.2006, p. 580.
(2). Testijiet Adottati, P6_TA(2006)0037.


Suċċessjoni u testmenti
PDF 400kWORD 81k
Riżoluzzjoni
Anness
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar suċċessjoni u testmenti (2005/2148(INI))
P6_TA(2006)0496A6-0359/2006

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Green Paper dwar is-suċċessjoni u t-testmenti ppreżentata mill-Kummissjoni fl-1 ta" Marzu 2005 (COM(2005)0065) u l-anness tagħha (SEC(2005)0270),

–  Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-26 ta" Ottubru 2005(1),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 192, it-tieni paragrafu, tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 39 u 45 tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0359/2006),

A.   billi, skond ir-rapport imfassal fl-2002 mid-Deutsches Notarinstitut fuq talba tal-Kummissjoni, jinfetħu bejn 50 000 u 100 000 suċċessjoni transnazzjonali kull sena fl-Unjoni Ewropea,

B.   billi din l-istima ovvjament se jkollha tkun riveduta "l fuq fid-dawl ta" l-adeżjoni riċenti ta" għaxar Stati Membri ġodda ma' l-Unjoni Ewropea u t-tkabbir tagħha li jmiss li se jseħħ dalwaqt,

C.   billi bħalissa hemm differenzi importanti bejn is-sistemi tal-liġi internazzjonali privata ta" l-Istati Membri u l-liġi sustantiva rispettiva tagħhom dwar is-suċċessjoni u t-testmenti,

D.   billi dawn id-differenzi, sakemm huma kapaċi jagħmluha diffiċli u għalja li l-eredi jieħdu l-pussess ta" l-assi, jistgħu joħolqu ostakoli għall-eżerċizzju tal-moviment ħieles u l-libertà ta" l-istabbiliment imsemmija fl-Artikoli 39 u 43 tat-Trattat KE u għat-tgawdija tad-dritt li wieħed ikollu l-propjetà tiegħu stess, li huwa prinċipju ġenerali tal-liġi Komunitarja(2),

E.   billi hu ta" min jirrikkmanda li jitfassal strument legali Komunitarju li għandu x'jaqsam mal-liġi internazzjonali privata dwar is-suċċessjoni u t-testmenti, kif diġà kien mitlub fil-Pjan ta" Azzjoni ta" Vjenna ta" l-1998(3), il-programm ta" miżuri għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta" rikonoxximent reċiproku ta" deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali(4), adottat mill-Kunsill u l-Kummissjoni fis-sena 2000, il-Programm ta" l-Aja ta" l-4 ta" Novembru 2004 għat-tisħiħ tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea, u l-Pjan ta" Azzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li jimplimenta l-Programm ta" l-Aja dwar it-tisħiħ tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea(5).

F.   billi l-adozzjoni ta" inizzjattivi leġiżlattivi li jittrattaw is-suċċessjoni u t-testmenti tkun tidher li hi konsistenti ma" l-objettivi tal-liġi Komunitarja, li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fuq bażi ta" nazzjonalità u li għandha l-għan li trawwam l-integrazzjoni soċjali ta" l-individwi kollha li r-residenza prinċipali tagħhom u ċ-ċentru ta" l-interessi tagħhom ikunu jinsabu f'wieħed mill-Istati Membri, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom,

G.   billi, filwaqt li l-armonizzazzjoni tal-liġi sustantiva ta" l-Istati Membri dwar is-suċċessjoni u t-testmenti tiġi barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-kompetenza tal-Komunità Ewropea, il-Komunità hija kompetenti, skond l-Artikolu 65(b) tat-Trattat KE, li tadotta miżuri "li jippromwovu l-kompatibilità tar-regoli applikabbli fl-Istati Membri li jirrigwardaw il-kunflitt tal-liġijiet u tal-ġurisdizzjoni",

H.   billi, skond it-tieni inċiżi ta" l-Artikolu 67(5) tat-Trattat KE, kull att Komunitarju li jittratta s-suċċessjoni u t-testmenti għandu jkun adottat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat KE,

I.   billi, meta jkunu qed jiġi ttrattat is-suġġett tas-suċċessjoni u t-testmenti, huwa essenzjali li jkunu sostnuti ċerti prinċipji fundamentali tal-politika pubblika li jimponu limiti fuq il-liberta" testamentarja għall-ġid tal-familja ta' testatur u dipendenti oħra,

1.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex, matul l-2007, tressaq proposta leġiżlattiva lill-Parlament skond l-Artikoli 65(b) u 67(5), it-tieni inċiż, tat-Trattat KE sabiex ikunu ttrattati s-suċċessjoni u t-testmenti; jitlob li dik il-proposta titfassal fid-dawl tad-diskussjoni interistituzzjonali u f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet dettaljati stipulati fl-anness;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni, fil-kuntest tad-deliberazzjonijiet dwar il-Programm għall-Iffinanzjar tal-Ġustizzja Ċivili 2007-2013, sabiex tagħti bidu għal sejħa għal proposti għal kampanja ta" informazzjoni rigward kwistjonijiet ta" testmenti u suċċessjoni transkonfinali , immirata għall-avukati li jaħdmu f'dan il-qasam;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni tidentifika bħala prijorità, fi ħdan il-Programm għall-Iffinanzjar tal-Ġustizzja Ċivili għall-2007-2013, it-twaqqif ta" netwerk ta" avukati fil-qasam ċivili biex tkunu żviluppata il-fiduċja u ftehim reċiproki bejn il-professjonisti f'dan il-qasam, li tinqasam l-informazzjoni u tkun żviluppata l-aħjar prattika;

4.  Jinnota li r-rakkomandazzjonijiet stipulati fl-anness jaqblu mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u mad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadin;

5.  Iqis li l-proposta mitluba ma għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja għall-baġit tal-Komunità;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni tal-Parlament u r-rakkomandazzjonijiet dettaljati li jakkumpanjawha lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-parlamenti u lill-gvernijiet ta" l-Istati Membri.

ANNESS

RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA

Rakkomandazzjoni 1 (dwar il-forma u l-kontenut minimu ta" l-istrument li għandu jkun adottat)

Il-Parlament Ewropew iqis li l-att leġiżlattiv li se jkun adottat għandu jimmira li b'mod eżawrenti jirregola s-suċċessjoni fil-liġi intenazzjonali privata u fl-istess ħin:

   - jarmonizza r-regoli li jikkonċernaw il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli (ir-"regoli ta" kunflitt") u l-għarfien u l-infurzar ta" sentenzi u strumenti pubbliċi ġejjin minn barra, ħlief għal-liġi materjali sustantiva u l-liġi proċedurali ta" l-Istat Membru;
   - jintroduċi 'Ċertifikat Ewropew ta" Wirt".

Rakkomandazzjoni 2 (dwar il-kriterji biex tkun stabbilita ġurisdizzjoni u l-fattur objettiv li jgħaqqad)

"Il-Parlament Ewropew iqis li l-att leġiżlattiv li se jkun adottat fil-prinċipju għandu jiżgura l-koinċidenza ta" "forum' u "ius", u b'hekk jagħmilha anqas diffiċli li tkun applikata l-liġi barranija.

Għal dawk ir-raġunijiet, il-Parlament Ewropew għandu tendenza jippreferi l-post tar-residenza abitwali bħala l-kriterju li fuqu jkunu stabbiliti kemm il-ġurisdizzjoni prinċipali u l-fattur li jgħaqqad, fejn il-post tar-residenza abitwali tfisser jew:

   a) ir-residenza abitwali tal-mejjet fil-mument tal-mewt tiegħu, sakemm kien il-post ta" residenza abitwali sa mill-anqas sentejn qabel mewtu, jew, fejn ma kienx,
   b) il-post fejn il-mejjet kellu ċ-ċentru prinċipali ta" l-interessi fil-mument tal-mewt tiegħu."

Rakkomandazzjoni 3 (dwar il-libertà ta" l-għażla li trid tingħata lill-individwi)

Il-Parlament Ewropew iqis li l-att leġiżlattiv li se jkun adottat għandu jħalli ċertu livell ta" libertà ta" l-għażla, b'mod partikulari billi jippermetti li:

   - l-partijiet ikkonċernati jagħżlu, suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, il-qorti kompetenti, skond il-linji mogħtija fl-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta" Diċembru 2000 dwar il-ġurisdizzjoni u l-għarfien u l-infurzar ta" sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali(6),
   - it-testatur jagħżel liema liġi għandha tikkontrolla s-suċċessjoni, il-liġi tal-pajjiż li tiegħu għandu n-nazzjonalità jew il-liġi tal-pajjiż fejn tinsab ir-residenza abitwali tiegħu fil-ħin meta ssir l-għażla; din l-għażla trid tkun indikata fi stqarrija li tieħu l-forma ta" klawsola testamentarja;

Rakkomandazzjoni 4 (dwar il-liġi applikabbli għall-forma tat-testmenti)

Il-Parlament Ewropew hu tal-fehma li l-att leġiżlattiv li se jkun adottat ghandu jistipola regoli speċifiċi li jikkonċernaw il-liġi li hi applikabbli għall-forma ta" klawsoli testamentari - liema klawsoli għandhom jitqiesu bħala validi jekk huma meqjusa bħala tali mil-liġi ta" l-Istat li fih it-testatur fassalhom, jew mil-liġi ta" l-Istat li fih it-testatur kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-ħin meta fassal it-testment jew miet, jew mil-liġi ta" wieħed mill-Istati li tagħhom it-testatur kellu n-nazzjonalità fil-ħin meta fassal it-testment jew miet;

Rakkomandazzjoni 5 (dwar il-liġi applikabbli għall-ftehim rigward suċċessjonijiet futuri)

Il-Parlament Ewropew iqis li l-att leġiżlattiv li se jkun adottat għandu jistipola regoli speċifiċi rigward il-liġi applikabbli għall-ftehim rigward suċċessjonijiet futuri, li jridu jkunu rregolati:

   a) fil-każ tas-suċċessjoni ta" individwu wieħed, mill-liġi ta" l-Istat li fih dik il-persuna ghandha r-residenza abitwali tagħha fil-ħin li l-ftehima ġiet konkluża;
   b) fil-każ tas-suċċessjoni ta" numru ta" persuni, mill-liġi ta'kull Stat li fih kull waħda minn dawk il-persuni ghandha r-residenza abitwali tagħha fil-ħin li l-ftehima hija konkluża;

Għal ftehim rigward suċċessjonijiet futuri l-att leġiżlattiv li se jkun adottat għandu wkoll iħalli ftit lok għal-libertà ta" l-għażla, billi jippermetti li l-partijiet jiftiehmu, permezz ta" stqarrija espliċita, li l-ftehima rigward suċċessjonijiet futuri għandha ssir suġġetta għal-liġi ta" l-Istat li fih il-persuna jew waħda mill-persuni involuti jkollha r-residenza abitwali tagħha fil-ħin meta l-ftehima hi konkluża jew ta" l-Istat li tiegħu għandu n-nazzjonalità f'dak il-ħin;

Rakkomandazzjoni 6 (dwar kwistjonijiet ġenerali li jirrigwardaw il-liġi applikabbli)

Il-Parlament Ewropew iqis li l-att leġiżlattiv li se jkun adottat għandu wkoll jittratta l-kwistjonijiet ġenerali li jirrigwardaw il-liġi applikabbli.

B'mod partikulari, il-Parlament Ewropew iqis:

   - li l-liġi speċifikata fl-att leġiżlattiv li se jkun adottat għandha tkun kompetenti li tkopri, tkun xi tkun in-natura u l-lok ta" l-assi, is-suċċessjoni kollha kemm hi, mill-bidu tal-proċedura sat-trasmissjoni tal-wirt lill-persuni intitolati;
   - l-att leġislattiv li għandu jiġi adottat għandu jkun erga omnes, jiġifieri, applikabbli anke jekk il-liġi speċifikata hija l-liġi ta' pajjiż terż;
   - għall-fini tal-koordinazzjoni tas-sistema Komunitarja tar-regoli ta' kunflitt li jikkontrollaw is-suċċessjoni ma' dawk ta' pajjiżi terzi, l-att leġislattiv li għandu jiġi adottat għandu jistipola regoli speċifiċi li jikkonċernaw ir-renvoi, billi jistabbilixxi li, fejn il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni hija l-liġi ta" pajjiż terz u r-regoli ta" kunflitt ta" dak il-pajjiż jagħżlu l-liġi ta" Stat Membru jew il-liġi ta" pajjiż terz ieħor li, skond is-sistema ta" liġi privata internazzjonali, jista" wkoll japplika l-liġi tiegħu stess għall-każ inkwistjoni, għandha tapplika l-liġi ta" dak l-Istat Membru l-ieħor jew, jekk ikun xieraq, ta" dak il-pajjiż terz l-ieħor;
   - l-att leġiżlattiv li se jkun adottat għandu jispeċifika b'liema mezzi u manjieri l-awtoritajiet li huma mistennija japplikaw liġi barranija għandhom jaċċertaw il-kontenut tagħha, kif ukoll ir-rimedji f'każ li ma jirnexxilux ikun aċċertat il-kontenut;
   - l-att leġiżlattiv li se jkun adottat għandu jagħmel ir-riżoluzzjoni ta" kwistjoni preliminarja suġġetta għal-liġi speċifikata mir-regoli ta" kunflitt relevanti tal-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, filwaqt li tagħmilha ċara li s-soluzzjoni se tkun valida biss fir-rigward tal-proċedimenti li fihom tqum il-kwistjoni preliminarja;
   - l-att leġiżlattiv li se jkun adottat għandu jispeċifika li l-applikazzjoni ta" dispożizzjoni tal-liġi applikabbli tista" tiġi eskluża jekk applikazzjoni bħal din tipproduċi effett li jkun jidher biċ-ċar li hu kuntrarju għall-politika pubblika tal-forum.
  - l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu jispeċifika li fejn Stat għandu żewġ sistemi ta" liġi jew aktar jew aktar minn sett wieħed ta" regoli li jikkonċernaw is-suċċessjoni u t-testmenti applikabbli f'unitajiet territorjali differenti, kull unita' territorjali għandha tkun meqjusa bħala pajjiż għall-finijiet li tkun identifikata l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni. Barra minn hekk, l-att leġiżlattiv futur għandu jispeċifika, fir-rigward ta" Stat bħal dan, li:
   a) kull referenza għal residenza abitwali f'dak l-Istat trid tinftiehem bħala referenza għal residenza abitwali f'unita' territorjali;
   b) kull referenza għal nazzjonalità trid tkun tinftiehem bħala referenza għat-taqsima territorjali speċifikata mill-liġi ta" l-Istat. Fin-nuqqas ta" regoli bħal dawn, ir-referenza għandha tinftiehem bħala referenza għas-sistema legali li magħha l-persuna kkonċernata kellha l-eqreb rabta;

Rakkomandazzjoni 7 (dwar iċ-Ċertifikat Ewropew ta" Wirt)

Il-Parlament Ewropew iqis li l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu jimmira li jissimplifika l-proċeduri li għandhom ikunu segwiti mill-werrieta u l-legatarji biex jakkwistaw il-pussess tal-propjetà li tkun tinkludi l-assi, b'mod partikolari billi:

   - jaħseb għal regoli ta" liġi internazzjonali privata biex jiżgura l-koordinazzjoni effettiva bejn is-sistemi legali rigward l-amministrazzjoni, il-likwidazzjoni u t-trasmissjoni ta" assi, kif ukoll biex tkunu żgurata l-identifikazzjoni tal-werrieta, b'dispożizzjonijiet li jiddikjaraw: li dawn l-aspetti tas-suċċessjoni, suġġetti għal eċċezzjonijiet minħabba n-natura u l-post ta" ċerti assi, għandhom ikunu rregolati mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni; li jekk dik il-liġi tipprovdi għall-intervent ta" awtorità indikata mil-liġi nnifisha, jew maħtura skond dik il-liġi, il-poteri ta" dik l-awtorità għandhom ikunu rrikonoxxuti fl-Istati Membri kollha; li, jekk il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni hija l-liġi ta" Stat Membru, il-poteri ta" awtoritajiet bħal dawn għandhom jestendu, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor mit-testatur, għall-assi kollha, ikun fejn ikun, anke jekk, skond il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, dawk il-poteri huma llimitati għall-propjetà mobbli; li l-miżuri relatati ma" l-attività ta" dawk l-awtoritajiet preskritti mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni jistgħu jkunu mitluba mill-qrati ta' l-Istat Membru li l-liġi tiegħu tkun applikabbli għas-suċċessjoni jew li fuq it-territorju tiegħu il-mejjet kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-ħin ta' mewtu, jew li fuq it-territorju tiegħu tinsab il-propjetà li tifforma parti mill-assi;
   - jintroduċi 'Ċertifikat Ewropew tal-Werriet' li jindika, b'effett li jorbot, il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, il-benefiċjarji ta" l-assi, il-persuni responsabbli għall-amministrazzjoni ta" l-assi u l-poteri tagħhom u l-propjetà li tifforma l-assi, liema ċertifikat għandu jinħareġ minn awtorità li jkollha s-setgħa li toħroġ jew li tawtentika dokumenti uffiċjali skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali relevanti,

Iċ-ċertifikat, li għandu jispeċifika l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, għandu jitfassal skond mudell standard li għandu jkun stipolat fl-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat u għandu jikkostitwixxi titolu xieraq li fuq il-bażi tiegħu l-akkwist tal-propjetà li tkun intirtet jista" jiddaħħal f'reġistru pubbliku ta" l-Istat Membru li fih tinsab il-propjetà, mingħajr ħsara għall-konformità mar-regoli ta" dak l-Istat Membru dwar il-funzjonament ta" reġistri bħal dawn u għall-effetti li jirriżultaw mill-informazzjoni li tinsab fihom.

Barra minn hekk, l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu jiżgura l-ħarsien ta" partijiet terzi li jkunu qed jaġixxu b'bona fide li, għal konsiderazzjoni siewja, ikunu daħlu f'kuntratt ma" persuna li tkun tidher li hi intitolata li tiddisponi mill-propjetà kompriża fl-assi fuq il-bażi taċ-ċertifikat, li b'dan ikun qed jitħares l-akkwist tagħha, sakemm dik il-persuna ma tkunx taf li d-dettalji mogħtija fiċ-ċertifikat mhumiex preċiżi jew li l-awtorità kompetenti tkun ħadet passi biex tirrevoka jew temenda ċ-ċertifikat;

Rakkomandazzjoni 8 (dwar il-"lex loci rei sitae" u l-prinċipju tas-"sehem riservat")

Il-Parlament Ewropew iqis li l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu:

   - jiżgura l-koordinament tal-liġi applikabbli għas-suċċessjoni mal-liġi tal-post fejn tinsab il-propjetà, sabiex tirrendi lil din ta" l-aħħar applikabbli b'mod partikulari fir-rigward tal-proċeduri għall-akkwist tal-propjetà kompriża fl-assi u kull jedd ieħor tanġibbli ma" din, għall-aċċettazzjoni jew ir-rifjut tas-suċċessjoni u l-formalitajiet relevanti li jikkonċernaw il-pubbliċità;
   - jiżgura li l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni ma taffettwax l-applikazzjoni ta" xi dispożizzjoni ta" l-Istat fejn jinsabu ċerti propjetajiet immobbli, intrapriżi jew kategoriji speċjali oħra ta" assi u li r-regoli tiegħu jistitwixxu sistema ta" wirt partikulari fir-rigward ta" assi bħal dawn minħabba konsiderazzjonijiet ekonomiċi, ta" familja jew soċjali;
   - jiżgura li l-abilità ta" l-għażla tal-liġi applikabbli ma tmurx kontra l-prinċipji fundamentali tas-sehem riservat mill-assi tas-suċċessjoni għall-eqreb qraba tal-persuna l-mejta liema prinċipji huma stipulati mill-liġi applikabbli b'mod oġġettiv għas-suċċessjoni;

Rakkomandazzjoni 9 (dwar it-"trusts")

Il-Parlament Ewropew jirrimarka li r-regoli dwar is-sjieda tal-propjetà jaqgħu fi ħdan il-kompetenza ta" l-Istati Membri, skond l-Artikolu 295 tat-Trattat, u għalhekk jitlob li l-att leġiżlattiv li se jkun adottat m'għandux japplika għat-trusts. Madanakollu, dak l-istrument għandu jispeċifika li meta trust tinħoloq bħala riżultat ta" mewt, il-fatt li l-liġi speċifikata mill-istrument inkwistjoni tapplika għas-suċċessjoni ma jżommx liġi oħra milli tkun applikabbli għall-immaniġġjar tat-trust u li, bl-istess mod, il-fatt li l-liġi li tikkontrolla t-trust tapplika għaliha m'għandux iżomm il-liġi li tirregola s-suċċessjoni bis-saħħa ta" l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat milli jkun applikabbli għaliha.

Rakkomandazzjoni 10 (dwar "exequatur")

Il-Parlament Ewropew jissuġġerixxi lill-Kummissjoni li l-att leġiżlattiv li se jiġi adottat għandu, fir-rigward ta" l-għarfien u l-infurzar ta" deċiżjonijiet, jirriproduċi s-sistema stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 44/2001, li jirrikjedi "exequatur" biss fil-każ li sentenza mogħtija mill-qrati fi Stat Membru wieħed trid tkun infurzata fuq il-bażi ta" proċedimenti ta" infurzar fi Stat Membru ieħor;

Madankollu, jekk deċiżjoni għandha tiddaħħal f'reġistri pubbliċi, għandu jsir provvediment, minħabba r-regoli li jvarjaw ħafna bejniethom fid-diversi Stati Membri, biex dik id-deċiżjoni tkun akkumpanjata minn "ċertifikat ta" konformità" mal-politika pubblika u ma" l-imperattivi ta" l-Istat Membru li hu indirizzat, maħruġ - skond forma standard - minn awtorità ġudizzjarja lokali;

Rakkomandazzjoni 11 (dwar strumenti pubbliċi)

Il-Parlament Ewropew iqis li huwa xieraq li jkunu rregolati effetti simili għal strumenti pubbliċi relatati mas-suċċessjoni, li, b'mod partikolari, għandhom ikunu rikonoxxuti fl-Istati Membri kollha, permezz tal-provi tal-fatti u ta' dikjarazzjonijiet mill-awtoritajiet li jkunu ħarġuhom li l-istrumenti kienu mfassla fil-presenza tagħhom, fejn il-liġi ta" l-Istat Membru jistabbilixxi dan;

Skond id-dispożizzjonijiet ta" l-Artikolu 57 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 44/2001, id-dokument għandu jissodisfa r-rekwiżiti kollha ta" l-awtentiċità stipolati fl-Istat Membru fejn ikun oriġina d-dokument, u mhux se jkun rikonoxxut jekk ir-rikonoxximent tiegħu joħloq effett li jidher ċar li hu kuntrarju għall-politika pubblika fl-Istat Membru indirizzat.

Barra minn hekk, meta strument pubbliku jkun se jiddaħħal fir-reġistri pubbliċi għandu jkun speċifikat, kif imniżżel fil-każ ta" deċiżjonijiet ġudizzjarji, li d-dokument għandu jkun akkumpanjat minn "ċertifikat ta" konformità" mal-politika pubblika u ma" l-imperattivi ta" l-Istat Membru indirizzat, maħruġ - skond forma standard - mill-awtorità li għandha l-kompetenza li tfassal l-istrument f'dak il-pajjiż.

Rakkomandazzjoni 12 (dwar in-netwerk Ewropew ta" reġistri tat-testmenti)

Il-Parlament Ewropew jittama li, eventwalment, jkun stabbilit netwerk ta" reġistri nazzjonali tat-testmenti billi jintrabtu r-reġistri nazzjonali eżistenti, sabiex ikun imħaffef ix-xogħol ta" tiftix u aċċertazzjoni tal-kontenut tat-testment ta" persuna mejta.

(1) ĠU C 28, 3.2.2006, p. 1.
(2) Il-każ C-368/96, Generics (UK) u oħrajn, [1998] ECR I-7967, punt 79, u l-każistika msemmija hemmhekk.
(3) ĠU C 19, 23.1.1999, p. 1.
(4) ĠU C 12, 15.1.2001, p. 1.
(5) ĠU C 198, 12.8.2005, p. 1.
(6) ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1.


In-nisa fil-politika internazzjonali
PDF 255kWORD 95k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar in-nisa fil-politika internazzjonali (2006/2057(INI))
P6_TA(2006)0497A6-0362/2006

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra mill-ġdid il-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 2, 3(2), 13, 137(1)(i) u 141 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea proklamata fl-2000(1), u b'mod partikulari l-Artikolu 23 tagħha li jgħid li "L-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa għandha tiġi assigurata fl-oqsma kollha, inklużi l-impjieg, ix-xogħol u l-ħlas. Il-prinċipju ta' l-ugwaljanza m'għandux jostakola l-manutenzjoni jew l-adozzjoni ta' miżuri li jipprovdu għal vantaġġi speċifiċi favur is-sess anqas rappreżentat",

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ta' l-1950,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' l-Ewropa u b'mod partikulari r-riżoluzzjoni u l-pjan ta' azzjoni tiegħu adottati fit-8-9 ta' Ġunju 2006 fi Stokkolma waqt is-Sitt Konferenza Ministerjali Ewropea dwar l-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel, u b'mod partikulari t-Taqsima I, punt F ta' l-Appendiċi, li jikkonċerna l-parteċipazzjoni bilanċjata tan-nisa u l-irġiel fit-teħid ta' deċiżjonijiet,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Ateni ta' l-1992 waqt il-Konferenza Ewropea dwar in-Nisa fil-Poter, li pproklamat li n-nisa jirrapreżentaw nofs it-talenti u l-abiltajiet potenzjali ta' l-umanità u n-nuqqas ta' rappreżentazzjoni tagħhom fit-teħid ta' deċiżjonijiet hija telfa għas-soċjetà kollha kemm hi,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Pariġi ta' l-1999 waqt il-Konferenza Ewropea dwar in-Nisa u l-Irġiel fil-Poter – soċjetà li tagħti kura, ekonomija dinamika u viżjoni għall-Ewropa,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni finali tal-Konferenza annwali tan-Netwerk ta' Kumitati Parlamentari għall-Opportunitajiet Indaqs għan-Nisa u l-Irġiel (NCEO) adottata f'Ruma fil-21 ta' Novembru 2003,

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija ta' Liżbona għat-tkabbir u x-xogħol, ta' Marzu 2000, u b'mod partikulari l-enfasi tagħha fuq l-impatt pożittiv li politiki ekonomiċi sensibbli għall-ugwaljanza bejn is-sessi se jkollhom fuq l-istrateġija globali għat-tkabbir u l-kompetittività ta' l-UE,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Marzu 1995(2) u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 96/694/KE tat-2 ta' Diċembru 1996(3) dwar il-parteċipazzjoni tan-nisa u l-irġiel fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-18 ta' Jannar 2001(4) dwar ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 96/694/KE u tat-2 ta' Marzu 2000 dwar in-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet(5),

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tal-Konferenza tal-Ministri għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi li saret fil-Lussemburgu fl-4 ta' Frar 2005,

–   wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2006-2010)(COM(2006)0092) u b'mod partikulari l-proposta tagħha li jiġi appoġġjat netwerk ta' nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tan-Nazzjonijiet Uniti(NU) dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ta' l-1948,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta' kull forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) ta' l-1979, li tiddikjara, fost l-oħrajn, li l-istati firmatarji għandhom jieħdu kull miżura xierqa biex tiġi eliminata d-diskriminazzjoni kontra n-nisa fil-ħajja politika u privata ta' pajjiżhom,

–   wara li kkunsidra l-Protokoll Fakultattiv għas-CEDAW, adottat fl-1999, li jistqarr li individwi jew gruppi ta' individwi li jiddikjaraw li huma vittmi ta' ksur ta' kwalunkwe wieħed mid-drittijiet stabbiliti fil-Konvenzjoni jistgħu jippreżentaw komunikazzjonijiet taħt il-ġurisdizzjoni ta' stat firmatarju,

–   waqt li jfakkar li l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet Politiċi tan-Nisa ta' l-1952 tistqarr li n-nisa għandhom ikunu fuq livell ugwali ma' l-irġiel u għandhom ikunu, bla ebda diskriminazzjoni, intitolati li jivvutaw fl-elezzjonijiet kollha, eliġibbli li jkunu eletti fi ħdan l-entitajiet kollha eletti publikament u stabbiliti mid-dritt nazzjonali, u intitolati li jżommu kariga pubblika u li jeżerċitaw il-funzjonijiet pubbliċi kollha stabbiliti mid-dritt nazzjonali,

–   waqt li jfakkar il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi ta' l-1966 u b'mod partikulari l-Artikolu 25 tiegħu li jistqarr li kull ċittadin għandu jkollu d-dritt u l-opportunità li jieħu sehem fit-tmexxija ta' l-affarijiet pubbliċi, direttament jew permezz ta' rappreżentanti magħżula liberament u li jivvota u jiġi elett f'elezzjonijiet perjodiċi ġenwini,

–   wara li kkunsidra r-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa li saret f'Beijing f'Settembru 1995, id-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma għal Azzjoni adottati f'Beijing, kif ukoll id-dokumenti li rriżultaw minnhom li ġew adottati fis-Sessjonijiet Speċjali suċċessivi tan-NU Beijing + 5 u NU Beijing + 10 dwar azzjonijiet u inizjattivi addizzjonali biex jiġu implimentati d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing adottati rispettivament fid-9 ta' Ġunju 2000 u fil-11 ta' Marzu 2005,

–   wara li kkunsidra l-Objettivi għall-Iżvilupp tal-Millenju (MDGs), b'mod partikulari l-MDG3 dwar il-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti ta' setgħa lin-nisa bħala prerekwiżit sabiex jingħelbu l-ġuħ, il-faqar u l-mard, sabiex jintlaħqu l-ugwaljanza f'kull livell ta' l-edukazzjoni u f'kull qasam tax-xogħol, il-kontroll indaqs tar-riżorsi u r-rappreżentazzjoni indaqs fil-ħajja pubblika u politika,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU adottata fil-31 ta' Ottubru 2000 ("UNSCR 1325(2000"), b'mod partikulari l-paragrafu 1 tagħha, li tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw aktar rappreżentazzjoni tan-nisa f'kull livell ta' teħid ta' deċiżjonijiet fl-istituzzjonijiet nazzjonali, reġjonali u internazzjonali u mekkaniżmi għall-prevenzjoni, l-immaniġġjar u r-riżoluzzjoni ta' kunflitti, kif ukoll l-Istqarrija Presidenzjali adottata fl-okkażjoni tal-5 anniversarju tal-UNSCR 1325(2000) tal-UNSC f'Ottubru 2005,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Novembru 2000 dwar il-parteċipazzjoni tan-nisa fir-riżoluzzjoni paċifika ta' kunflitti(6),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-1 ta' Ġunju 2006 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa f'kunflitti armati u l-irwol tagħhom fir-rikostruzzjoni u l-proċess demokratiku f'pajjiżi li ħerġin minn kunflitt(7),

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni li saret fit-23 u l-24 ta' Mejju 2005 dwar il-Politika Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża u l-abbozz ta' linji gwida dwar l-implimentazzjoni tal-UNSCR 1325(2000) fil-kuntest tal-Politika Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża (ESDP) approvat mill-Kunsill Ewropew fis-16 ta' Diċembru 2005,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-gvern Norveġiż li jintroduċi, bil-liġi, kwota ta' 40% għar-rappreżentazzjoni tan-nisa fuq il-bordijiet ta' tmexxija ta' kumpaniji b'ishma konġunti,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0362/2006),

A.  A billi l-konferenza ta' Beijing ta' l-1995 kienet kruċjali biex tmexxi 'l quddiem l-aġenda ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi inkluż l-aspett tar-rappreżentazzjoni tan-nisa fil-politika,

B.   billi l-parteċipazzjoni bbilanċjata tan-nisa u l-irġiel fil-proċess politiku u fit-teħid ta' deċiżjonijiet tirrifletti aħjar il-mod kif inhi komposta s-soċjetà u billi din hija essenzjali għall-ġenerazzjonijiet futuri u biex is-soċjetajiet demokratiċi jimxu tajjeb,

C.   billi t-tmexxija tajba tinkludi r-rispett tal-libertajiet fundamentali u li d-drittijiet tan-nisa jiġu ttrattati bħala drittijiet bażiċi fundamentali,

D.   billi l-qagħda tan-nisa fil-politika internazzjonali tiddependi primarjament fuq is-sitwazzjoni nazzjonali tan-nisa u fuq l-istrateġiji għall-avvanz tal-mara adottati fuq livell nazzjonali,

E.   billi s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għandu rwol sinifikanti permezz tal-politika tan-NU dwar l-istaff biex iservi ta' eżempju għal xena politika globali aktar bilanċjata rigward is-sessi,

F.   billi mill-191 pajjiż li bħalissa huma membri tan-Nazzjonijiet Uniti, huma biss 47 li huma firmatarji u 115 li huma partijiet fil-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet Politiċi tan-Nisa ta' l-20 ta' Diċembru 1952 u billi, b'riżultat ta' dan, in-nisa ma jistgħux jeżerċitaw id-drittijiet politiċi tagħhom b'mod sħiħ u huma pprojbiti milli jieħdu sehem fl-elezzjonijiet jew milli jkollhom karigi pubbliċi f'għadd ta' pajjiżi,

G.   billi, skond l-Unjoni Inter-Parlamentari, mill-43961 membru tal-parlament madwar id-dinja (meta jitqiesu ż-żewġt ikmamar flimkien), 16.4% biss huma nisa (i.e. 7,195); billi l-pajjiżi Skandinavi għandhom l-ogħla numru ta' Membri Parlamentari nisa (40%), imbagħad l-Amerki (19.6%) u l-Ewropa (il-pajjiżi ta' l-OSCE, apparti l-pajjiżi Skandinavi) b'medja ta' 16.9%, kemm kemm ogħla mill-Afrika 'l isfel mis-Saħara (16.4%), l-Ażja (16.3%), il-Paċifiku (12%) u l-Istati Għarab (8.3%).

H.   billi dawn il-persentaġġi jindikaw defiċit demokratiku fundamentali kemm fuq livell Ewropew kif ukoll fil-kuntest internazzjonali usa',

I.   billi, minkejja l-eżistenza ta' ugwaljanza de jure fil-parti l-kbira tal-pajjiżi Ewropej u madwar id-dinja, jibqgħu jeżistu l-inugwaljanzi de facto fit-tqassim tal-poter, tar-responsabbiltajiet u fl-aċċess għar-riżorsi ekonomiċi, soċjali u kulturali bejn in-nisa u l-irġiel minħabba l-persistenza ta' rwoli prevalenti skond is-sess u l-impatt tagħhom fit-tqassim mhux ugwali ta' responsabbiltajiet tal-familja u fil-konċiljazzjoni tal-ħajja tal-familja mal-ħajja tax-xogħol għall-parti l-kbira tan-nisa,

J.   billi, minkejja l-leġiżlazzjoni Komunitarja u nazzjonali li ddaħħlet matul l-aħħar 30 sena, id-differenza fil-pagi ta' bejn is-sessi fl-UE hija ta' medja ta' 15% għal impjiegi ta' valur ugwali,

K.   billi llum hemm aktar nisa milli rġiel li huma lawreati mill-Università,

L.   billi, jekk il-pajjiżi jiġu rikjesti li jintroduċu listi tal-kandidati li jkunu bilanċjati bejn is-sessi, dan ma jkunx effettiv jekk in-nisa jitpoġġew kollha fin-naħa ta' isfel tal-listi, u billi lista perfettament strutturata taf ma tiksibx ir-riżultati mixtieqa jekk il-pajjiż juża sistema ta' vvutar ta' "lista miftuħa", li tagħti ċ-ċans lill-votanti biex ibiddlu l-ordni tal-kandidati fuq il-lista,

M.   wara li kkunsidra l-irwol kruċjali tal-partiti politiċi biex ikun hemm jew ma jkunx hemm żieda fir-rappreżentazzjoni tan-nisa fil-politika permezz ta' diversi mezzi; filwaqt li jinnota li aktar u aktar partiti politiċi jiddikjaraw li s-sħubija ġenerali tagħhom hija bilanċjata bejn is-sessi, il-livelli għolja tal-partiti politiċi rarament jirriflettu dan, bi 11% biss tal-kapijiet tal-partiti madwar id-dinja li huma nisa,

N.   filwaqt li jinnota b'interess qawwi li, varjetà sħiħa ta' għodda oħra huma disponibbli biex jassiguraw żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika, bħal miżuri ta' diskriminazzjoni pożittiva bil-għan li jassiguraw il-preżenza u l-attività tan-nisa fil-parlamenti u f'karigi oħra eletti,

O.   filwaqt li jenfasizza li l-pajjiżi li għaddew minn kunflitt, fejn is-sistemi elettorali ġew iddisinjati u l-elezzjonijiet ġew organizzati min-NU, għandhom tendenza akbar li jkollhom aktar nisa f'karigi eletti, minħabba l-impożizzjoni tan-NU ta' rappreżentazzjoni aktar bilanċjata bejn il-ġeneri;

P.   wara li kkunsidra l-importanza li tinbidel l-aċċettazzjoni kulturali ta' teħid bilanċjat ta' deċiżjonijiet permezz ta' kampanji li jżidu l-kuxjenza u billi bilanċ bejn is-sessi fil-politika spiss jeħtieġ tibdiliet fl-attitudnijiet pubbliċi,

Q.   filwaqt li jqis il-fatt li l-qsim ta' responsabbiltajiet tal-familja bejn in-nisa u l-irġiel għandu impatt fuq il-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa fil-politika,

R.   filwaqt li jagħraf l-irwol ewlieni ta' assoċjazzjonijiet mhux governattivi u volontarji fl-isforz biex jinfluwenzaw is-soċjetà kollha kemm hi biex taċċetta bilanċ aktar ekwitabbli bejn is-sessi fil-politika,

S.   wara li kkunsidra li n-nisa jistgħu jagħtu kontribut pożittiv, u fil-fatt għamlu dan, biex iġibu kultura ta' bidla dwar kwistjonijiet tas-sessi u dwar kwistjonijiet politiċi u soċjetali essenzjali inġenerali permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fuq livell bażiku,

T.   wara li kkunsidra l-importanza ta' edukazzjoni u taħriġ fi stadju bikri biex jiġi assigurat li n-nisa jiżviluppaw l-għarfien, il-kapaċitajiet u l-kunfidenza meħtieġa biex jipparteċipaw b'mod sħiħ fis-soċjetà u fil-politika,

U.   wara li kkunsidra l-kontribuzzjoni magħmula min-nisa biex jidhru ċari l-ħtiġijiet partikulari tan-nisa sabiex il-politika futura tintegra l-perspettiva tas-sessi u taqdi lid-demokrazija ġenerali b'mod aħjar,

V.   filwaqt li jenfasizza li r-rikonoxximent tal-kontribut pożittiv tan-nisa fil-politika internazzjonali mill-pari tagħhom huwa essenzjali sabiex jikkontribwixxi għal kultura aktar bilanċjata mill-perspettiva tas-sessi, u filwaqt li jinnota li mit-92 rebbieħ tal-Premju Nobel għall-paċi, 12 biss kienu nisa,

1.  Ifakkar li diġà ġie rikonoxxut, fuq livell Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Marzu 2000 imsemmija hawn fuq, li l-parteċipazzjoni bilanċjata miż-żewġ sessi fit-teħid tad-deċiżjonijiet hija kundizzjoni essenzjali għad-demokrazija;

2.  Jinnota li l-elezzjonijiet riċenti tellgħu lil nisa fl-ogħla funzjonijiet bħala Kapijiet ta' Stat u u tal-Gvern f'xi Stati Membri u f'pajjiżi terzi;

3.  Jifraħ lill-Kapijiet ta' Gvern li użaw kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji għall-għażla tal-membri tal-kabinett tagħhom;

4.  Jiddispjaċih ħafna li, minkejja ammont kbir ta' stqarrijiet u rakkomandazzjonijiet politiċi, programmi ta' azzjonijiet adottati globalment u leġiżlazzjoni speċifika li ddaħħlet f'livell nazzjonali, l-inugwaljanza u d-diskriminazzjoni bejn is-sessi u n-nuqqas ta' rappreżentazzjoni tan-nisa fil-politika għadhom jippersistu fl-Ewropa u fid-dinja kollha; jinnota, b'mod partikulari, li l-persentaġġ tan-nisa eletti fil-Parlament Ewropew ivarja bejn 58% u 0%, skond l-Istat Membru (b'medja ta' ftit aktar minn 30%) u li l-persentaġġ ta' nisa eletti fil-parlamenti nazzjonali ta' l-Istati Membri jvarja bejn 45% u 9%;

5.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-livell baxx ta' parteċipazzjoni tan-nisa f'ċentri ta' teħid ta' deċiżjonijiet u ta' tmexxija spiss huwa marbut ma' problemi dwar kif il-ħajja tax-xogħol tista' tiġi kkombinata mal-ħajja tal-familja, mat-tqassim mhux indaqs tar-responsabbiltajiet tal-familja u mad-diskriminazzjoni fil-post tax-xogħol u fit-taħriġ professjonali;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa li wieħed iħares lil hinn min-numri u realment jiffoka fuq kif in-nisa attivi fil-politika jinfluwenzaw it-tiswir ta' l-iggvernar u tar-riżoluzzjoni ta' kunflitti, u kif jikkontribwixxu biex ikun żgurat li r-riformi fl-iggvernar, ir-responsabiltà u l-istat tad-dritt jitpoġġew 'il quddiem fuq l-aġenda politika f'livell nazzjonali u internazzjonali;

7.  Jenfasizza li l-proporzjon baxx ta' nisa fil-politika iċaħħad lill-Ewropa minn potezjal uman prezzjuż;

8.  Jappoġġja l-ħidma mwettqa mill-Unjoni Inter-Parlamentari lejn xena politika aktar bilanċjata bejn is-sessi;

9.  Jilqa' l-inklużjoni tal-kwistjoni tal-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u l-irġiel fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet fil-livelli kollha fil-programm ta' ħidma tas-CEDAW għall-2006 u qed jistenna bil-ħerqa s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħha; jitlob li l-Kummissjoni u l-Presidenza tal-Kunsill jinfurmaw lill-Parlament dwar in-negozjati CEDAW;

10.  Jiddispjaċih li hemm daqshekk ftit nisa li jservu bħala Rappreżentanti u Mibgħuta Speċjali u Personali, u Konsulenti Personali u Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u f'pożizzjonijiet oħra ta' livell għoli fin-Nazzjonijiet Uniti b'mod ġenerali;

11.  Iħeġġeġ lis-Segretarju Ġenerali tan-NU biex jaħtar aktar nisa fil-karigi ta' Rappreżentant Speċjali u Personali u Mibgħuta tas-Segretarju Ġenerali, u Konsulenti Personali jew Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU; jisħaq li jkun xieraq li l-Istati Membri tan-NU jressqu ismijiet ta' kandidati nisa flimkien ma' dawk ta' kandidati irġiel meta s-Segretarju Ġenerali tan-NU jkun qed jikkunsidra l-mili ta' tali pożizzjonijiet ta' livell għoli;

12.  Iħeġġeġ lid-delegazzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jinkludu lin-nisa, sabiex tiġi żgurata attenzjoni lill-kwistjoni tal-ġeneru f'kull missjoni għaż-żamma tal-paċi, għar-riżoluzzjoni ta' kunflitti u għall-bini tal-paċi, u anke sabiex jiltaqgħu ma' l-organizzazzjonijiet tan-nisa fuq livell lokali waqt li jkunu qed iżuru nħawi f'kunflitt;

13.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill biex jintbagħat kwestjonarju lill-Istati Membri biex tintalab informazzjoni dwar x'passi ttieħdu lejn l-implimentazzjoni tal-UNSCR 1325(2000); jitlob lill-Kunsill biex jaqsam is-sejbiet tiegħu mal-Parlament;

14.  Jinkuraġġixxi bil-kbir l-inklużjoni ta' uffiċjali tal-pulizija, ċivili u militari nisa fil-missjonijiet ta' l-UE u tan-NU għaż-żamma tal-paċi sabiex tittejjeb il-komunikazzjoni man-nisa fil-komunitajiet lokali u mal-komunitajiet lokali b'mod ġenerali;

15.  Jiddipjaċih li bħalissa hemm biss mara waħda li qed isservi bħala Rappreżentant Personali tar-Rappreżentant Għoli ta' l-UE għall-Politika Barranija u tas-Sigurtà Komuni (CFSP) minn 14-il post ta' Rappreżentant Speċjali/Rappreżentant Personali/Mibgħut Speċjali jew Koordinatur Speċjali(8) ta' l-UE; iħeġġeġ lir-Rappreżentant Għoli ta' l-UE għas-CFSP biex jaħtar aktar nisa fil-karigi ta' Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali (SRSG), Rappreżentant jew Mibgħut Speċjali; jistieden lir-Rappreżentant Għoli ta' l-UE għall-Politika Barranija u tas-Sigurtà Komuni biex jitlob lill-Istati Membri biex flimkien ma' l-ismijiet ta' kandidati rġiel iressqulu l-ismijiet ta' kandidati nisa meta jkun qed jikkunsidra l-mili ta' tali pożizzjonijiet ta' livell għoli;

16.  Jitlob lir-Rappreżentant Għoli għas-CFSP, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha biex jirreklutaw aktar nisa bħala uffiċjali ċivili, militari u tal-pulizija, u kif ukoll biex jaħtru koordinatur għall-ġeneru f'kull missjoni tal-ESDP, kif inbeda fil-missjoni tal-EUFOR għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo;

17.  Iħeġġeġ bis-saħħa li jsir taħriġ speċifikament fuq kwistjonijiet ta' ġeneru għall-istaff kollu mibgħut fuq missjonijiet ESDP; iħeġġeġ ukoll il-publikazzjoni ta' sett ta' għodda dwar il-ġeneru ddedikat għall-implikazzjonijiet tal-ġeneru f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt u ta' wara l-kunflitti għall-istaff kollu li jifforma parti mill-operat ta' l-ESDP;

18.  Jilqa' l-ammont ikbar ta' kummissarji nisa taħt il-President tal-Kummissjoni Barroso imma jiddeplora l-fatt li għadha ma nkisbitx parità sħiħa fil-livell ta' Kummissarju biex jiġi stabbilit eżempju fl-Ewropa u fid-dinja;

19.  Jilqa' l-pjan direzzjonali ġdid tal-Kummissjoni imsemmi hawn fuq għall-ugwaljanza bejn is-sessi, b'mod partikulari d-deċiżjoni tagħha li tippromwovi netwerk ta' nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet;

20.  Jilqa' l-fatt li għandu jinħoloq Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, li għandu jieħu l-inizjattiva biex jippromwovi rappreżentazzjoni akbar tan-nisa fil-politika internazzjonali;

21.  Jitlob lill-Kummissjoni biex iżżommu infurmat regolarment dwar il-progress tax-xogħol tal-Grupp tal-Kummissarji għad-Drittijiet Fundamentali, għal kontra d-diskriminazzjoni u għall-opportunitajiet indaqs;

22.  Jiddeplora l-fatt li minn 107 delegazzjoni u uffiċju tal-Kummissjoni f'pajjiżi terzi, hemm biss 7 nisa li attwalment iservu fil-livell ta' Kap ta' tali delegazzjonijiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex taħtar iktar nisa fl-ogħla pożizzjonijiet fid-delegazzjonijiet esterni;

23.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tuża l-istrumenti ta' l-UE għar-relazzjonijiet esterni, l-iżvilupp u l-politika ta' koperazzjoni bħala vektors għall-promozzjoni tan-nisa fil-politika, b'mod partikulari il-parteċipazzjoni tan-nisa bħala votanti u kandidati politiċi, l-inklużjoni ta' kwistjonijiet ta' ġeneru fil-programmi tal-partiti politiċi waqt il-kampanji elettorali, kif ukoll waqt li jittrattaw ma' organizzazzjonijiet reġjonali oħra, b'mod partikulari fir-rigward tal-bini ta' kapaċità;

24.  Jitlob lill-Kummissjoni biex iżżid l-appoġġ tagħha għall-proġetti intenzjonati biex jiggarantixxu l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja politika fl-Ewropa u lil hinn minnha, speċifikament f'pajjiżi li qed jiżviluppaw;

25.  Jirrakkomanda li l-kumitat kompetenti tiegħu jistabbilixxi u jappoġġja koperazzjoni permanenti u regolari bejn Parlamentari nisa minn madwar id-dinja; jagħmel stedina biex jiġu pprovduti riżorsi sabiex il-Forum tan-Nisa taħt l-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE, u "fora" bħalu f'Assemblej Parlamentari oħra fejn tipparteċipa l-UE, ikunu jistgħu jseħħu u jieħdu inizjattivi flimkien;

26.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex, kif jixraq, jippromwovu programmi edukattivi li jissensibilizzaw liċ-ċittadini, b'mod partikulari liż-żgħażagħ, għad-drittijiet indaqs tan-nisa li jipparteċipaw bis-sħiħ fil-ħajja politika minn età żgħira;

27.  Jitlob lill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi futur biex jirrapporta regolarment lill-Parlament Ewropew dwar il-ġbir tiegħu ta' dejta u l-impatt tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-parità u politiki dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi mwettqa mill-Istati Membri u l-aħjar prattiki ta' partiti politiċi Ewropej u nazzjonali;

28.  Jitlob lill-Istitut Ewropew futur għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi biex jimmonitorja u jevalwa l-progress fil-kisba ta' parteċipazzjoni bilanċjata bejn in-nisa u l-irġiel fil-ħajja politika u pubblika madwar l-Ewropa billi jwaqqaf u japplika indikaturi għall-monitorjar u l-evalwazzjoni fuq il-bażi ta' dejta separata skond is-sessi li tkun komparabbli fuq livell internazzjonali, u biex imbagħad jippubblika rapporti dwar il-miżuri meħuda u l-progress miksub fl-involviment tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet u biex dawn ir-rapporti jxerridhom ma' udjenza wiesgħa;

29.  Jiltob lill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi futur biex jaħdem flimkien ma' korpi indipendenti, bħal ma huma l-osservaturi tal-parità jew korpi speċjali u indipendenti ta' medjazzjoni stabbiliti fuq livell nazzjonali, bil-għan li jimmonitorja l-politiki tal-gvern fil-qasam tal-parteċipazzjoni bilanċjata bejn in-nisa u l-irġiel fil-ħajja politika u pubblika;

30.  Jinkoraġġixxi lill-Istitut Ewropew futur għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi biex jikkollabora ma' istituzzjonijiet tar-riċerka biex ikompli jistudja l-fatturi li jostakolaw l-aċċess tan-nisa għal ħatriet pubbliċi ta' livell għoli u għall-ħajja politika, inkluż permezz tar-riċerka dwar l-isterjotipi tan-nisa fil-politika;

31.  Jinkoraġġixxi lill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi futur biex iħares lil hinn min-numri, u biex fil-fatt ikejjel kif in-nisa jinfluwenzaw l-aġendi politiċi, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq dak internazzjonali, b'mod partikulari billi jippromwovu t-tmexxija tajba, ir-responsabbiltà u l-istat tad-dritt;

32.  Jirrikonoxxi li l-istati huma l-mutur ewlieni biex isseħħ bidla effettiva fir-rappreżentazzjoni politika; iħeġġeġ lill-istati kollha biex jonoraw l-impenji tagħhom skond id-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma għal Azzjoni adottata f'Beijing f'Settembru 1995 u waqt il-laqgħat ta' Beijing + 5 u ta' Beijing + 10, u kif ukoll l-impenji tagħhom skond il-liġi internazzjonali, b'mod partikulari fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tal-UNSCR 1325(2000) u l-Istrateġija ta' Liżbona;

33.  Jitlob lill-Istati Membri kollha biex iħeġġu lin-nisa biex japplikaw għall-pożizzjonijiet ta' livell għoli fix-xena internazzjonali u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jipprovdu ismijiet ta' kandidati femminili flimkien ma' l-ismijiet tal-kandidati maskili għall-pożizzjonijiet ta' livell għoli f'negozjati u fit-tħejjija ta' politika internazzjonali, speċifikament f'organizzazzjonijiet internazzjonali;

34.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tanalizza u xxerred l-aħjar prattiki dwar miżuri internazzjonali u nazzjonali bil-għan li jżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa fl-ogħla pożizzjonijiet fil-politika internazzjonali;

35.  Jitlob lill-Istati Membri biex jattiraw, iħarrġu u jaħtru aktar nisa f'karriera fid-diplomazija u jippromwovu bilanċ bejn is-sessi għad-delegazzjonijiet tagħhom lin-Nazzjonijiet Uniti u f'laqgħat u konferenzi internazzjonali oħra;

36.  Jitlob lill-Istati Membri biex joħolqu għarfien pubbliku fil-pajjiżi tagħhom bil-ħsieb li jintemmu l-attitudnijiet negattivi tas-soċjetà dwar il-kapaċità tan-nisa li jipparteċipaw ugwalment fil-proċess politiku f'livelli nazzjonali u internazzjonali; jinkuraġġixxi lill-Istati Membri biex jippromwovu l-għan ta' bilanċ bejn is-sessi fil-karigi pubbliċi kollha;

37.  Jitlob lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri intenzjonati li jirrikonċiljaw il-ħajja soċjali, familjari u professjonali bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Barċellona tal-15 u s-16 ta' Marzu 2002 u ma' l-Istrateġija ta' Liżbona biex b'hekk jinħoloq ambjent li jippermetti lin-nisa jipparteċipaw bis-sħiħ fil-politika;

38.  Jitlob lill-Istati Membri biex jadottaw leġiżlazzjoni xierqa u/jew miżuri amministrattivi biex jappoġġjaw rappreżentanti eletti fir-rikonċiljazzjoni tar-responsabbiltajiet tagħhom familjar u pubbliċi u, b'mod partikulari, jinkoraġġixxu lill-parlamenti u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jassiguraw li l-iskedi u l-metodi ta' ħidma tagħhom jagħtu ċans lir-rappreżentanti eletti taż-żewġ sessi li jirrikonċiljaw il-ħajja tagħhom tax-xogħol ma' dik tal-familja;

39.  Jitlob lill-Istati Membri biex joffru aktar opportunitajiet ta' taħriġ għan-nisa biex dawn jiksbu l-kapaċitajiet meħtieġa biex b'hekk aktar ikunu jistgħu isegwu karriera politika u jiksbu pożizzjonijiet ta' livell għoli;

40.  Jitlob lill-partijiet politiċi fl-Ewropa kollha biex jippromwovu l-parteċipazzjoni bbilanċjata taż-żewġ sessi fil-listi tal-kandidati tagħhom;

41.  Iħeġġeġ lill-partiti politiċi fl-Ewropa kollha biex ineħħu x-xkiel li, direttament jew indirettament, jiddiskrimina kontra l-parteċipazzjoni tan-nisa, sabiex ikun żgurat li n-nisa għandhom id-dritt li jipparteċipaw bis-sħiħ f'kull livell ta' teħid ta' deċiżjonijiet fl-istrutturi kollha għat-tħejjija ta' politika u l-proċessi ta' ħatra interni u fit-tmexxija tal-partiti politiċi fuq livell indaqs ma' l-irġiel;

42.  Jinkuraġġixxi lill-awtoritajiet kompetenti biex jipprovdu taħriġ politiku, inkluż taħriġ dwar kif jitkellmu fil-pubbliku, lil nisa u rġiel li jixtiequ jinvolvu ruħhom fil-politika;

43.  Iħeġġeġ lill-partiti politiċi biex jinkludu lil nisa u rġiel kwalifikati fil-listi tal-partit għal karigi elettivi;

44.  Iħeġġeġ lill-partiti politiċi biex jappellaw lin-nisa biex jipparteċipaw u jivvutaw fl-elezzjonijiet u biex iqajmu kuxjenza dwar il-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet speċifiċi tan-nisa fil-programmi tal-partiti tagħhom;

45.  Iħeġġeġ lid-delegazzjonijiet interparlamentari u lill-missjonijiet u d-delegazzjonijiet tal-Kumitati tiegħu biex jagħtu kas, fil-qafas ta' l-attivitajiet tagħhom, tal-kwistjoni ta' l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u ta' biżżejjed tar-rappreżentanza femminili fil- koperazzjoni instituzzjonali tagħhom;

46.  Jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu għall-approċċ tiegħu lejn l-integrazzjoni tal-kwistjonijiet tas-sessi u lejn rappreżentanza bilanċjata tas-sessi fid-delegazzjonijiet u l-missjonijiet kollha, inklużi fil-missjonijiet għal osservazzjoni elettorali;

47.  Iħeġġeġ lill-Missjonijiet għal Osservazzjoni Elettorali mmexxija minn uħud mill-Membri tiegħu biex joqogħdu partikolarment attenti dwar il-kwistjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa f'kampanji politiċi, kemm jekk bħala kandidati, u kemm jekk bħala votanti;

48.  Iħeġġeġ il-promozzjoni ta' nisa żgħażagħ fl-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex ikollhom iċ-ċans li jiksbu esperjenza, ħiliet u kapaċitajiet li jistgħu jiġu trasferiti fil-qasam tal-parteċipazzjoni politika;

49.  Iħeġġeġ it-twaqqif ta' NGOs, partikularment dawk bil-għan li jippromwovu l-għoti lin-nisa tal-kapaċità li jaġixxu, li jipprovdu taħriġ fit-tmexxija, fit-teħid ta' deċiżjonijiet, fil-ħiliet tat-taħdit fil-pubbliku, fl-użu tat-teknologiji ta' l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, fil-bini tal-kunfidenza u fil-kampanji politiċi, u l-appoġġ ta' NGOs bħal dawn fejn jeżistu;

50.  Iħeġġeġ il-midja biex tirrikonoxxi l-importanza tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċess politiku, tipprovdi rappurtaġġ ġust u bilanċjat ta' kandidati rġiel u nisa u wkoll biex toqgħod attenta għall-impatt ta' programmi tal-partiti politiċi dwar il-promozzjoni tal-ħtiġijiet u l-jeddijiet u r-rappreżentazzjoni demokratika tan-nisa;

51.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra ta' l-UE, u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri, u l-membri tan-NU, kif ukoll lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1.
(2) ĠU C 168, 4.7.1995, p. 3.
(3) ĠUL 319, 10.12.1996, p.11.
(4) ĠU C 262, 18.9.2001, p. 248.
(5) ĠU C 346, 4.12.2000, p. 82.
(6) ĠU C 228, 13.8.2001, p. 186.
(7) Testi Adottati, P6_TA(2006)0245.
(8) Annalisa Gianella, ir-Rappreżentant Personali ta' Javier Solana għal-limitazzjoni ta' l-għadd u t-tixrid ta' l-Armamenti tal-Qirda tal-Massa.


Ġlieda kontra l-ittraffikar tal-persuni
PDF 316kWORD 150k
Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni - approċċ integrat u proposti għal pjan ta' azzjoni (2006/2078(INI))
P6_TA(2006)0498A6-0368/2006

Il-Parlament Ewropew,

-   wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni lill-Kunsill ta' Barbara Kudrycka f'isem il-grupp PPE-ED dwar il-ġlieda kontra l-ittraffikar tal-persuni - approċċ integrat u proposti għal pjan ta' azzjoni (B6-0613/2005),

-   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' l-1948, b'mod speċjali l-Artikoli 4 u 5 li jenfasizzaw li l-kummerċ ta' l-iskjavi għandu jkun ipprojbit fil-forom kollha tiegħu,

-   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Beijing tar-Raba' Konferenza Dinjija tan-NU dwar in-Nisa, is-segwitu ta' Beijing+5 u +10 u r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-10 ta' Marzu 2005 dwar is-segwitu tal-Pjattaforma għal Azzjoni tar-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa (Beijing + 10)(1),

-   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' l-1989 tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, b'mod partikulari l-Artikoli 1, 7, 32, 34 u 35 tagħha u l-Protokoll mhux obbligatorju għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar il-bejgħ ta' tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal u l-pornografija tat-tfal, partikolarment l-Artikolu 3 tiegħu,

-   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU ta' l-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra l-Mara(2) (CEDAW), l-aktar l-Artikoli 5 u 6 tagħha,

-   wara li kkunsidra l-Protokoll ta' Palermo tan-NU ta' l-2000 għall-Prevenzjoni, it-Trażżin u l-Ikkastigar tat-Traffikar tal-Persuni, speċjalment tan-Nisa u tat-Tfal, sabiex tissupplimenta l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Tranżnazzjonali Organizzata,

-   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Nru 29 ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol li tikkonċerna xogħol sfurzat jew obbligatorju (1930) u l-Konvenzjoni Nru 183, li tikkonċerna l-projbizzjoni u l-azzjoni immedjata għall-eliminazzjoni ta' l-agħar forom ta' tħaddim tat-tfal, adottata mill-konferenza waqt is-sebgħa u tmenin sessjoni tagħha (1999),

-   wara li kkunsidra r-Rapport Globali ta' l-ILO 2005 bit-titlu "Alleanza Globali Kontra x-Xogħol Sfurzat" bħala segwitu tad-Dikjarazzjoni ta' l-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq il-post tax-xogħol 2005,

-   wara li kkunsidra r-Rapport ta' l-2004 tad-Dipartiment ta' l-Affarijiet Barranin Amerikan dwar "ir-rabta bejn il-prostituzzjoni u t-traffikar ta' persuni għal sfruttament sesswali"(3),

-   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea ta' l-1997 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Bijomediċina u l-Artikolu 22 tal-Protokoll Adizzjonali ta' l-2002 li jikkonċerna it-Trapjant ta' Organi u Tessuti li Joriġinaw mill-Bniedem,

-   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar Azzjoni kontra t-Traffikar tal-Bnedmin, adottata mill-Kumitat tal-Ministri fit-3 ta' Mejju 2005,

-   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar is-Sitwazzjoni tal-Kriminalità Organizzata 2005 - Iffukar fuq it-theddida tal-kriminalità ekonomika,

-   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 1611/2003 tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar it-traffikar ta' organi fl-Ewropa,

-   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea(4), b'mod partikulari l-Artikoli 1, 3, 4, 5 u 6 tagħha,

-   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Brussell dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Persuni, adottata fl-20 ta' Settembru 2002 fil-Konferenza Ewropea dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Persuni - Sfida Globali għas-Seklu 21,

-   wara li kkunsidra l-programm ta' l-Aja(5) dwar il-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, li jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jiżviluppaw pjan dwar l-aħjar prattiki, standards u mekkaniżmi fil-ġlieda kontra t-traffikar,

-   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-Traffikar tal-Persuni ta' l-2725 laqgħa tal-Kunsill għall-Ġustizzja u l-Intern li saret fis-27 u fit-28 ta' April 2006(6),

-   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta' Qafas tal-Kunsill 2002/629/JHA tad-19 ta' Lulju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni(7),

-   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta' Qafas tal-Kunsill 2004/68/JHA tat-22 ta' Diċembru 2003 dwar l-esplojtazzjoni sesswali tat-tfal u l-pornografija bit-tfal(8),

-   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2004/81/KE tad-29 ta' April 2004 dwar il-permess ta' residenza maħruġ lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar ta' persuni jew li kienu s-suġġett ta' azzjoni biex tiġi ffaċilitata l-immigrazzjoni illegali, li jikkoperaw ma' l-awtoritajiet kompetenti(9),

-   wara li kkunsidra r-Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, ibbażat fuq l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni ta' Qafas tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni (COM(2006)0187),

-   wara li kkunsidra l-pjan ta' l-UE dwar l-aħjar prattiki, standards u proċeduri għall-ġlieda u l-prevenzjoni tat-traffikar tal-persuni(10)(il-"Pjan ta' Azzjoni"),

-   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Ottubru 2005 bit-titolu 'Il-Ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni - approċċ integrat u proposti għal pjan ta' azzjoni' (COM(2005)0514),

-   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2006 dwar strateġiji għall-prevenzjoni tat-traffikar tan-nisa u tfal li huma vulnerabbli għall-esplojtazzjoni sesswali(11),

-   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2000 dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar azzjonijiet ulterjuri fil-ġlieda kontra t-traffikar ta' nisa(12),

-   wara li kkunsidra r-rapport u r-rakkomandazzjonijiet tat-22 ta' Diċembru 2004 tal-Grupp ta' Esperti dwar it-Traffikar tal-Persuni, imwaqqaf fl-2003 mill-Kummissjoni,

-   wara li kkunsidra l-programmi DAPHNE sabiex tiġi miġġielda l-vjolenza kontra t-tfal, żgħażagħ u nisa(13),

-   wara li kkunsidra r-rapporti ta' l-Europol dwar it-traffikar tal-persuni, b'mod partikulari r-Rapport tiegħu ta' l-2005 dwar il-Kriminalità Organizzata fl-UE(14),

-   wara li kkunsidra l-Linji Gwida ta' l-UNICEF dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tat-Tfal Vittmi tat-Traffikar (2003) u l-Gwida ta' Riferenza dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tat-Tfal Vittmi tat-Traffikar fl-Ewropa (2006),

-   wara li kkunsidra l-Artikoli 114(3) u 94 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

-   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0368/2006),

A.   billi t-traffikar tal-persuni huwa forma moderna ta' skjavitù, reat serju u vjolazzjoni serja tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u tirriduċi lin-nies għal stat ta' dipendenza minħabba theddid, vjolenza u umiljazzjoni,

B.   billi t-traffikar tal-persuni huwa problema globali li sseħħ 'il ġewwa mill-fruntieri nazzjonali u li wkoll taqsamhom, irrispettivament minn jekk pajjiż ikunx tan-nisel, ta' tranżitu jew ta' destinazzjoni, u jikklassifika bħala wieħed mill-aktar forom ta' attivitajiet tal-kriminalità organizzata internazzjonali li jħallu qligħ;

C.   billi, skond il-Kunsill ta' l-Ewropa, it-traffikar tal-persuni jirrappreżenta t-tielet l-akbar sors ta' dħul għall-kriminalità organizzata(15),

D.   billi l-miżuri meħuda s'issa sabiex jitnaqqas it-traffikar tal-persuni ma tawx riżultati f'terminu ta' tnaqqis fin-numru ta' vittmi; billi, għall-kuntrarju, it-traffikar tal-persuni huwa l-aktar attività kriminali li qed tikber(16) b'ħeffa meta mqabbla ma' forom oħra ta' kriminalità organizzata fl-UE;

E.   billi għaldaqstant huwa meħtieġ li jkunu stipulati miri ċari u speċifiċi bħalma hija r-riduzzjoni ta' l-għadd tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin bin-nofs matul l-għaxar snin li ġejjin, għalkemm l-għan primarju għandu jkun li jiġi eliminat kompletament u mingħajr dewmien dan it-tip ta' reat,

F.   billi ħames Stati Membri għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali, ħames Stati Membri ma rratifikawx il-Protokoll għall-Prevenzjoni, t-Trażżin u l-Ikkastigar tat-Traffikar ta' Persuni, Speċjalment tan-Nisa u t-Tfal, li jissupplimenta din il-Konvenzjoni, għaxar Stati Membri ma rratifikawx il-Protokoll mhux Obbligatorju għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal li jitratta dwar il-bejgħ ta' tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal, u l-pornografija bit-tfal, u Stat Membru wieħed biss irratifika l-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar Azzjoni kontra t-Traffikar tal-Persuni,

G.   billi t-traffikar ta' persuni ma jitwettaqx biss għal skop ta' sfruttament sesswali, iżda wkoll għal sfruttament tax-xogħol, adozzjonijiet illegali, skjavitu domestiku sfurzat, bejgħ ta' organi, li jfisser li l-ġlieda kontra t-traffikar għandha tmur ferm lil hinn mill-ġlieda kontra l-prostituzzjoni sfurzata u għandha tqis il-forom kollha ta' sfruttament u oppressjoni relatati,

H.   billi t-traffikar tal-persuni mhux bilfors huwa reat li huwa speċifiku għall-ġeneru, peress li l-irġiel, u b'mod partikulari s-subien, huma wkoll vittmi ta' sfruttament sesswali u tax-xogħol; billi madankollu, il-biċċa l-kbira tal-vittmi tat-traffikar xorta waħda huma nisa u bniet,

I.   billi n-nisa u t-tfal huma partikolarment vulnerabbli u għalhekk għandhom riskju akbar li jispiċċaw vittmi tat-traffikar,

J.   billi l-vittmi tat-traffikar, li bosta minnhom huma minorenni, jiġu esposti għal vjolenza u abbuż fiżiku u psikoloġiku, jiġu miċħuda lilhom id-dinjità, il-libertà mill-iskjavitù, mit-tortura u minn trattament inuman u degradanti ieħor, is-sigurtà tal-persuna, il-libertà taċ-ċaqliq u d-drittijiet tax-xogħol, u billi ta' spiss isibu ruħhom f'relazzjoni ta' dipendenza fuq it-traffikanti tagħhom li tkun sfurzata u mhux mixtieqa;

K.   billi, minkejja l-fatt li skond il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, kull wild għandu jkun irreġistrat minnufuħ wara li jitwieled, skond il-UNICEF(17) aktar minn nofs it-twelidiet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw - eskluża ċ-Ċina - ma jiġux irreġistrati (aktar minn 50 miljun wild); billi dawn it-tfal 'inviżibbli', flimkien ma' miljuni ta' orfni u tfal tat-triq, huma l-aktar vulnerabbli għat-traffikar, u jsiru priża faċli għall-adozzjoni illegali jew għall-użu fil-kummerċ ta' l-organi tal-bniedem; billi l-konflitti, id-diżastri u s-sitwazzjonijiet ta' wara l-konflitti u d-diżastri bl-istess mod jesponu t-tfal għal riskji akbar ta' sfruttament fit-traffikar tal-persuni,

L.   billi l-kawżi ta' l-immigrazzjoni illegali huma differenti minn dawk li jikkawżaw it-traffikar tal-persuni u għaldaqstant dawn il-kwistjonijiet għandhom jitqiesu separatament,

M.   billi r-"Rapport dwar it-Traffikar tal-Persuni (2005)" tad-Dipartiment ta' l-Affarijiet Barranin Amerikan wera li mis-600,000 sa 800,000 ruħ li huma stmati li huma ttraffikati fis-sena, bejn wieħed u ieħor 80% huma nisa u bniet,

N.   billi l-biċċa l-kbira tan-nisa u l-bniet ittraffikati huma suġġetti għal tipi differenti ta' sfruttament, b'mod partikulari l-isfruttament sesswali, li huwa l-iskop ewlieni tat-traffikar, xogħol sfurzat u t-traffiku ta' l-organi,

O.   billi r-rapport ta' l-ILO ta' l-2005(18) jistima li 80% tal-vittmi tat-traffikar huma nisa u bniet; billi r-rapport jagħti stima wkoll li bejn 40% u 50% tal-vittmi kollha huma tfal; billi, skond ir-rapport, 56% tal-vittmi speċifikament fix-xogħol sfurzat huma nisa u bniet; billi 98% ta' dawk ittraffikati għall-isfruttament sesswali huma nisa u bniet,

P.   billi l-industrija tas-sess hija bbażata fuq il-prinċipju tal-provvista u d-domanda; billi r-rapport ta' l-2003 ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Migrazzjoni jirrikonoxxi li "m'hemmx dubju li ż-żjieda fid-domanda mill-konsumatur hija waħda mill-fatturi li jikkontribwixxu għall-fenomenu tax-xogħol sfurzat fl-industrija tas-sess",

Q.   billi r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-bniedem tal-vittmi tat-traffikar tal-persuni, speċjalment nisa u tfal, bit-titlu "L-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u l-perspettiva tal-ġeneru" jgħid li "filwaqt li d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u tat-tfal huma mkasbra mill-ħafna forom tat-traffikar, it-traffikar għal skopijiet ta' sess huwa tip partikolari ta' traffikar li fih id-drittijiet tan-nisa u tat-tfal huma mkasbra proprju minħabba l-fatt li huma nisa u tfal",

R.   billi l-aċċess għas-suq tax-xogħol ta' l-UE huwa kkumplikat u saħansitra ristrett u rregolat wisq, filwaqt li fl-istess ħin hemm domanda ċara għax-xogħol, liema fatturi jwasslu għall-immigrazzjoni illegali, kuntrabandu u traffikar,

S.   billi t-trattament tal-kwistjoni tal-provvista tas-servizzi hija prijorità politika għolja; billi l-eżistenza ta' sfruttament tax-xogħol ta' spiss hija ferm ittollerata mill-opinjoni pubblika,

T.   billi d-domanda fl-UE għal ħaddiema li jingħataw ħlas baxx, li m'għandhomx dokumenti u li jkunu ġwejda, tikkontribwixxi għall-kummerċ illegali tat-traffikar tal-persuni; billi l-eżistenza ta' dawn il-ħaddiema tista' tniżżel l-ispejjeż iżda tagħmel dan a skapitu tad-dinjità tal-bniedem u billi ddgħajjef l-istandards tax-xogħol, il-miżuri ta' saħħa u sikurezza, il-pagi ġusti u d-dħul lokali u/jew statali peress li ma jitħallsux taxxi u kontribuzzjonijiet soċjali;

U.   billi l-profitti għoljin mit-traffikar tal-persuni ta' spiss huma rriċiklati ('maħsula'), u jagħmlu possibbli attivitajiet kriminali organizzati oħra, inklużi r-rikatt u l-frodi u jippermettu 'l dawk responsabbli li jiksbu setgħat ekonomiċi, soċjali jew anke politiċi illeġittimi,

V.   billi d-domanda għal servizzi mogħtija minn persuni ttraffikati, pereżempju d-domanda minn irġiel li jixtiequ jixtru jew li jixtru nisa u tfal għal skopijiet ta' sess, flimkien mal-faqar, l-esklużjoni soċjali u n-nuqqas ta' alternattivi vijabbli ta' xogħol deċenti, hija l-forza ewlenija li tmexxi t-traffikar tal-persuni, u jekk ma jissaħħux ir-rieda politika u l-isforz komuni sabiex titnaqqas din id-domanda, jkun kważi impossibbli li jitwaqqaf jew saħansitra li jitnaqqas b'mod sostanzjali t-traffikar(19),

W.   billi n-nuqqas ta' prospetti ekonomiċi u soċjali sostenibbli, il-livelli għoljin ta' qgħad u l-biża' ta' faqar dejjem jikber f'ċerti pajjiżi ta' oriġini, flimkien mal-livell ta' żvilupp ekonomiku u soċjali li hemm fl-Ewropa, jikkontribwixxu għal ambjent li jagħmilha faċli li organizzazzjonijiet tal-kriminalità japprofittaw mit-traffikar;

X.   billi t-tisħiħ ta' l-infurzar tal-liġi billi jiġu kkriminalizzati t-traffikanti responsabbli u dawk intermedjarji huwa aspett kruċjali tal-ġlieda kontra t-traffikar; billi l-infurzar tal-liġi għandu jinkludi wkoll il-possibilità li jiġu kkunfiskati l-introjti tal-kriminalità; billi huwa meħtieġ li jissaħħu l-ispezzjonijiet ta' l-impjiegi, inkluż l-ikkastigar ta' l-isfruttament tax-xogħol u l-impjieg illegali; billi l-ħolqien ta' netwerk ta' spezzjonijiet nazzjonali ta' l-impjiegi, li jarmonizza l-ikkastigar ta' l-isfruttament tax-xogħol jista' jwassal għal tnaqqis f'dawn ir-reati; billi, sabiex ikunu żgurati l-investigazzjoni effettiva u l-prosekuzzjoni tal-każijiet ta' traffikar, ikun meħtieġ li jitwaqqfu unitajiet mgħammra u mħarrġa b'mod speċjali fi ħdan il-pulizija nazzjonali u l-uffiċji tal-prosekuturi,

Y.   billi l-identifikazzjoni b'ħeffa tal-vittmi hija kruċjali fil-ġlieda kontra t-traffikar,

1.  Jindirizza dawn ir-rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill:

   Qafas legali u infurzar tal-liġi
   a) it-traffikar tal-persuni għandu jkun miġġieled permezz ta' approċċ ta' politika koerenti (politika ta' migrazzjoni, ta' ġeneru, ta' impjiegi, soċjali, ta' żvilupp, esterna, ta' viċinanza u ta' ħruġ ta' viżi) u l-kriminalizzazzjoni sussegwenti, li talanqas jilħaq l-istandards tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE b'konformità mad-Deċiżjoni ta' Qafas 2002/629/JHA;
   b) jistieden lill-Komunità Ewropea sabiex tiffirma u tirratifika l-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar Azzjoni kontra t-Traffikar tal-Bnedmin mill-aktar fis; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex mingħajr aktar dewmien tagħti bidu għall-proċedura interna li tippermetti lill-Komunità Ewropea li tiffirma u tirratifika din il-konvenzjoni; u bl-istess mod jitlob lill-Kunsill sabiex jieħu d-deċiżjoni li jiffirma u jirratifika l-Konvenzjoni,
   c) il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jadottaw strateġija sabiex jimplimentaw il-Pjan ta' Azzjoni;
   d) il-Kunsill u l-Istati Membri għandhom isaħħu l-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi, u ffukat fuq il-vittmi, billi jwettqu l-Pjan ta' Azzjoni;
   e) jikkunsidra li huwa meħtieġ approċċ antidiskriminatorju kontra t-traffikar apparti approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem u li, għaldaqstant, ir-referenzi għall-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni huma kritiċi;
   f) jekk ikunu għadhom m'għamlux dan, l-Istati Membri għandhom jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti kollha, inklużi l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali, il-Protokoll għall-Prevenzjoni, it-Trażżin u l-Ikkastigar tat-Traffikar tal-Persuni, speċjalment tan-Nisa u tat-Tfal li jissumplimentah, u l-Protokoll kontra l-Kuntrabandu ta' Migranti permezz ta' l-art, tal-baħar jew ta' l-ajru, il-Protokoll mhux obbligatorju tan-NU għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, dwar il-bejgħ tat-tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal u l-pornografija tat-tfal, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti u tal-Familji tagħhom, il-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar Azzjoni kontra t-Traffikar ta' Bnedmin, Konvenzjonijiet u standards bażiċi ta' xogħol ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol, b'mod partikolari Nru 29 li tikkonċerna x-xogħol sfurzat, Nru 182 li tikkonċerna l-projbizzjoni u l-azzjoni immedjata għall-eliminazzjoni ta' l-agħar forom ta' tħaddim tat- tfal, u dawk li jikkonċernaw il-libertà ta' l-assoċjazzjoni, l-ispezzjonijiet ta' l-impjiegi u l-aġenziji ta' l-impjiegi;
   g) l-Istati Membri għandhom jimplimentaw malajr kemm jista' jkun id-Deċiżjoni ta' Qafas 2002/629/JHA u d-Direttiva 2004/81/KE u talanqas jiżguraw li l-vittmi tat-traffikar, irrilevanti jekk jikkoperawx ma' l-awtoritajiet kompetenti waqt l-investigazzjonijiet u bħala xhieda fi proċeduri kriminali, jingħataw status ta' residenza għal żmien qasir, inkluż perjodu ta' riflessjoni/rkupru għall-vittmi li jdum talanqas 30 jum, u aċċess għal informazzjoni dwar il-proċeduri legali u amministrattivi f'lingwa li l-vittmi jifhmu, flimikien ma' assitenza legali bla ħlas;
   h) l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ mid-Deċiżjoni ta' Qafas 2005/212/JHA tal-Kunsill ta' l-24 ta' Frar 2005 dwar il-Konfiska ta' l-Introjti, Mezzi u Proprjetà relatati mal-Kriminalità(20), b'mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha, bħala parti mill-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni;
   i) l-Istati Membri għandhom jerfgħu r-responsabilità tal-vittmi tat-traffikar tal-persuni, billi jtuhom l-opportunità li jirċievu għajnuna, billi, jekk ikunu jridu, jmorru lura lejn pajjiżhom jew jibqgħu fl-Unjoni(21); huma għandhom ukoll jirċievu assistenza u inkuraġġiment sabiex jikkoperaw ma' l-awtoritajiet kompetenti waqt l-investigazzjonijiet u bħala xhieda fi proċeduri kriminali;
   j) l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-introduzzjoni ta' mekkaniżmi li jinkuraġġixxu, jappoġġjaw u jipproteġu informaturi li jistgħu jiffaċċjaw ritaljazzjonijiet;
   k) l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri sabiex jiżguraw li l-identifikazzjoni tal-vittmi tat-traffikar, speċjalment tat-tfal, titwettaq minn staff ta' l-aġenzija ta' l-infurzar tal-liġi mħarrġin u kkwalifikati fil-prevenzjoni tat-traffikar, billi ssir distinzjoni aktar konsistenti bejn il-kuntrabandu u t-traffikar tal-persuni; l-aġenziji tal-gvern għandhom jiżviluppaw linji gwida biex jiżguraw li meta migranti mingħajr dokumenti jiġu intervistati, jiġu mistoqsija l-mistoqsijiet xierqa sabiex il-vittmi tat-traffikar jistgħu jkunu identifikati bħala tali;
   l) l-Istati Membri għandhom inaqqsu kemm jista' jkun ir-riskju tat-traffikar ta' organi fl-Ewropa inkluż billi jnaqqsu d-domanda, jippromwovu d-donazzjoni ta' organi b'mod aktar effettiv, iżommu leġiżlazzjoni stretta fir-rigward ta' donaturi ħajjin li m'humiex qraba, jiggarantixxu t-trasparenza ta' reġistri u listi ta' stennija nazzjonali, u jistabbilixxu responsabilità legali għall-irregolaritajiet;
   m) l-Istati Membri għandhom itejbu l-analiżi tas-sitwazzjoni attwali billi jimplimentaw metodi uniformi biex jiġbru dejta kumparabbli, partikolarment dik relatata mar-rotot tat-traffikar u tal-profili tal-vittmi, b'konformità ma' protokolli eżistenti u leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-protezzjoni tad-dejta;
   n) l-Istati Membri għandhom jimplimentaw b'mod koerenti l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni ta' Qafas 2002/629/JHA sabiex jiżguraw li persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli għal reati mwettqa għall-benefiċċju tagħhom minn kwalunkwe persuna, li taġixxi kemm individwalment jew bħala parti minn organu ta' persuna ġuridika, li għandha l-pożizzjoni dominanti fi ħdan il-persuna ġuridika, li għandha konnessjoni mat-traffikar tal-persuni jew li tuża s-servizzi tal-vittmi tat-traffikar;
   o) l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri sabiex jiżguraw li l-ħtif u t-trasport ta' persuni, inklużi l-akkomodazzjoni u l-manteniment tagħhom u t-trasferiment tal-kontroll fuqhom, jkunu definiti mil-liġi bħala reat u kkunsidrat reat li għalih hemm il-piena tal-ħabs;
   p) jikkunsidra li l-prattika tajba tal-kumpaniji, inkluż li tesiġi li sottokuntratturi jissodisfaw l-obbligazzjonijiet kuntrattwali u legali tagħhom (konformità mar-rekwiżiti tal-katina tal-produzzjoni), għandha rwol importanti li tnaqqas id-domanda, u l-irwol tal-kumpaniji, kif ukoll aġenti soċjali oħra, huwa vitali sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni tal-liġijiet kollha soċjali u tax-xogħol eżistenti u b'mod partikulari biex tiżgura li l-ħaddiema jirċievu l-benefiċċji li għalihom għandhom dritt bil-liġi; jilqa' b'sodisfazzjon id-Dikjarazzjoni ta' Ateni, li għandha l-iskop li tiżgura li l-kumpaniji ma jittollerawx xogħol sfurzat;
   (q) Huwa tal-fehma li għandhom jiġu imposti pieni ħorox ħafna fuq kumpaniji li jinstab li kienu qed jutilizzaw xogħol bi rħis fornut permezz tat-traffikar tal-persuni, partikularment fejn il-kumpaniji kkonċernati jkunu aġixxew b'mod qarrieqi.
   r) l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-penalitajiet finanzjarji imposti skond il-liġi kriminali jew ta' natura amministrattiva fuq persuni ġuridiċi li jkunu nstabu ħatja ta' traffikar għandhom jinkludu l-konfiska jew il-qabda ta' l-introjti mit-traffikar, bil-għan, bħala kwistjoni ta' prijorità, li jiżguraw kumpens u riżarċiment għall-vittmi bħala tpattija għad-danni finanzjarji, fiżiċi u psikoloġiċi li jkunu soffrew;
   s) l-Istati Membri għandhom jimplimentaw mekkaniżmi li joffru soluzzjonijiet integrati sabiex jippermettu lill-pulizija li jikkumbattu t-traffikar internazzjonali tan-nisa u t-tfal għal skopijiet ta' sfruttament sesswali, b'miżuri ta' prevenzjoni, tqawwim tal-kuxjenza, edukazzjoni u taħriġ, għajnuna u ħarsien għall-vittmi, u evalwazzjoni tar-riżorsi meħtieġa sabiex jitwettqu l-miżuri kkonċernati;
   t) jikkunsidra li l-mekkaniżmi ta' spezzjoni u l-infurzar relatati mal-liġi tax-xogħol għandhom ikunu msaħħa fl-Istati Membri kollha; iqis ukoll li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkollhom il-qafas legali meħtieġ u li l-mekkaniżmi rilevanti, taħriġ u riżorsi tekniċi adegwati jkunu disponibbli sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jissodisfaw l-obligazzjonijiet legali tagħhom, u jagħtu responsabilità lill-uffiċjali mill-entitajiet ta' spezzjoni u jipprovduhom b'informazzjoni u b'taħriġ ta' għarfien sabiex ikunu jistgħu jagħrfu l-vittmi tat-traffikar li x-xogħol tagħhom huwa sfruttat; iqis li netwerk transnazzjonali ta' ispettorati relatat ma' l-impjieg jista' jkun ta' użu fejjiedi fl-iskambju ta' l-aħjar prattiki u fil-ġlieda kontra l-isfruttament tax-xogħol; f'dan il-qasam l-Istati Membri għandhom isaħħu l-koperazzjoni u l-koordinazzjoni fuq livell ta' l-UE;
   u) l-Istati Membri għandhom jikkontrollaw aħjar l-attivitajiet ta' l-aġenziji tax-xogħol u ta' l-aġenziji li jirreklutaw ħaddiema staġjonali; il-Kunsill għandu jikkunsidra l-possibilità ta' netwerk ta' l-ispezzjonijiet tax-xogħol nazzjonali;
   (v) L-Istati Membri għandhom jappoġġjaw is-servizzi li jqabblu d-domanda għax-xogħol mal-provvista tax-xogħol, billi jimmoniterjaw l-Aġenziji Privati ta' Ingaġġ, li spiss jinħbew wara l-libsa ta' aġenziji ta' żwieġ jew turistiċi u jistgħu jwasslu għal prattiki abbużivi ta' reklutaġġ u, b'konsegwenzi, għat-traffikar,
   w) l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istaff tal-konsulati tagħhom jaqsmu esperjenzi u jirċievu taħriġ xieraq dwar kif jagħrfu applikazzjonijiet għal visa li jistgħu jinvolvu traffikar ta' persuni; ikun xieraq li l-Kunsill u l-Kummissjoni, kemm jista' jkun malajr, ilestu l-iżvilupp ta' Sistema ta' Tagħrif tal-Viża komuni;
   x) il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom iwaqqfu linji gwida ta' l-UE dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni, bħala strument ulterjuri biex titwettaq il-politika koerenti ta' l-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tat-tfal;
   Prevenzjoni u tnaqqis tad-domanda
   y) id-dibattitu dwar it-traffikar tal-persuni għandha tagħmel parti mill-edukazzjoni fl-iskejjel u jindirizza t-tnaqqis ta' l-inugwaljanzi soċjali u tal-ġeneru; il-provvista ta' informazzjoni lill-pubbliku u t-tqawwim tal-kuxjenza pubblika dwar it-traffikar bħala reat mhux aċċettabbli għandhom ikunu rikonoxxuti bħala elementi importanti ħafna fil-ġlieda kontra t-traffikar; l-Istati Membri għandhom jappoġġjaw l-introduzzjoni ta' tagħlim ta' ħiliet għall-ħajja fil-klassijiet kollha bħala mezz ta' prevenzjoni tat-traffikar tat-tfal,
   z) il-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard mill-2007, tniedi studju dwar kemm il-korrelazzjoni kawżali bejn il-leġiżlazzjoni dwar il-prostituzzjoni f'diversi Stati Membri kif ukoll it-traffikar għal skop ta' sfruttament sesswali, kif ukoll dwar il-korrelazzjoni kawżali bejn il-leġiżlazzjoni tad-diversi Stati Membri u l-politika dwar il-migrazzjoni u t-traffikar tal-bnedmin, kif ikkunsidrat mill-Kummissarju Frattini fit-8 ta' Marzu 2006; sabiex tkun żgurata l-kredibilità xjentifika ta' l-istudju, dan għandu jkun ibbażat fuq figuri kumparabbli; għaldaqstant għandu jkun imfassal u implimentat mill-aktar fis metodu standardizzat ta' ġbir ta' dejta; sussegwentement ir-riżultati għandhom jintużaw sabiex tkun implimentata l-aħjar prattika għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni għal sfruttament sesswali;
   aa) inizjattivi kontra t-traffikar min-naħa tal-gvernijiet jew is-soċjetà ċivili, b'mod partikolari kampanji prattiċi li jqajmu l-kuxjenza, għandhom ikunu appoġġjati mill-Kummissjoni, mill-Kunsill u mill-Istati Membri;
   ab) il-Kummissjoni għandha tevalwa u xxerred l-aħjar prattiki sabiex tnaqqas id-domanda fl-Istati Membri għal servizzi pprovduti minn persuni ttraffikati għal skopijiet ta' sfruttament sesswali jew ta' xogħol jew għal kwalunkwe skop ieħor;
   ac) l-Istati Membri għandhom jimplimentaw miżuri sabiex inaqqsu d-domanda u sabiex jindirizzaw kawżi oħra bħalma huma l-marġinalizzazzjoni u n-nuqqas ta' opportunitajiet indaqs għall-impjieg u għal xogħol diċenti fuq bażi ta' l-aħjar prattiki u sabiex jinkuraġġixxu s-settur tan-negozju, partikolarment dak tat-turiżmu u tal-fornituri ta' l-Internet, biex jiżviluppaw kodiċijiet ta' kondotta u jaderixxu magħhom bil-għan li jipprevjenu t-traffikar ta' persuni;
   ad) il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-25 ta' Marzu bħala l-jum kontra t-traffikar, b'bidu fl-2007, sabiex tfakkar l-abolizzjoni tal-kummerċ ta' l-iskjavi f'ħafna pajjiżi madwar id-dinja;
   ae) għandhom jittieħdu miżuri sabiex itejbu l-mekkaniżmi legali favur migrazzjoni bla periklu, sabiex ikun żgurat l-aċċess għall-informazzjoni dwar opportunitajiet ta' migrazzjoni sikura u sabiex tkun iggarantita t-trasparenza tal-proċeduri bħala l-aħjar metodu biex jonqos it-traffikar;
   af) il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom, fil-politiki interni tagħhom u fil-politiki ta' viċinanza, żvilupp u għajnuna, jikkunsidraw miżuri li jsaħħu s-sistemi nazzjonali għall-ħarsien tat-tfal, li jinkuraġġixxu r-reġistrazzjoni tat-tfal ħalli titnaqqas il-vulnerabilità tagħhom għall-adozzjonijiet illegali, żwiġijiet sfurzati, kummerċ ta' l-organi tal-bniedem u t-traffikar tat-tfal għal kwalunkwe skop, inkluż l-isfruttament sesswali;
   ag) il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikulari għall-użu mhux xieraq tat-teknoloġiji ġodda ta' komunikazzjoni u informazzjoni għat-traffikar tan-nisa u tat-tfal, u għandha tippromwovi l-konformità ma' l-inizjattivi kollha legali u teknoloġiċi li huma meħtieġa biex tingħeleb din il-problema;
   ah) il-Kummissjoni għandha tadotta proposta ta' Kodiċi ta' Kondotta għall-uffiċjali ta' l-istituzzjonijiet u l-korpi ta' l-UE, partikolarment waqt il-missjonijiet ta' l-UE f'pajjiżi terzi, li jixbaħ lill-'Kodiċi ta' Kondotta' maħruġ min-NU; il-Kodiċi għandu juri diżapprovazzjoni ċara fir-rigward tax-'xiri' ta' servizzi sesswali, forom oħra ta' sfruttament sesswali u vjolenza fuq il-ġeneru, u għandu jkun fih is-sanzjonijiet meħtieġa f'każ ta' kondotta ħażina; l-uffiċjali għandhom jiġu mogħtija informazzjoni ddettaljata dwar il-kontenut tal-Kodiċi ta' Kondotta qabel ma jintbagħtu fuq missjoni;
   ai) il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom b'mod regolari jqajmu l-kwistjoni tat-traffikar tal-persuni fid-djalogi politiċi ma' pajjiżi terzi (b'mod partikulari ma' dawk il-pajjiżi li minnhom jiġu l-biċċa l-kbira tal-vittmi tat-traffikar)(22), waqt li jieħdu mill-elementi essenzjali tal-klawsola dwar id-drittijiet tal-bniedem inkluża fil-ftehimiet ta' l-UE ma' dawk il-pajjiżi;
   aj) il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jindirizzaw il-kwistjoni tat-traffikar tal-bnedmin fi ħdan l-Unjoni u l-Istati Membri individwali u jappoġġjaw riċerka sabiex itejbu l-fehim ta' dan il-fenomenu u jsostnu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' politika effettivi;
   ak) ikun xieraq li l-Kunsill u l-Kummissjoni jsegwu kull allegazzjoni ta' traffikar ta' organi fil-qafas tad-djalogu ta' l-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi;
   Il-Ħarsien tal-vittmi
   al) il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu 'hotline' b'diversi lingwi b'numru uniku Ewropew bl-iskop li jipprovdi l-ewwel għajnuna lill-vittmi;
   am) ikun xieraq li l-Istati Membri jieħdu azzjoni kontra t-traffikar tal-persuni filwaqt li jirrispettaw lill-prostituti u ma jħallux li ssir diskriminazzjoni kontrihom jew li jkunu emarġinati jew stigmatizzati aktar, li jkabbar il-vulnerabilità tagħhom għat-traffikar u għal għamliet oħra ta' vjolenza jew abbuż,
   an) il-Kunsill għandu jinkuraġġixxi l-ħolqien ta' websajt Ewropea b'informazzjoni u ritratti tal-persuni li għebu, b'koperazzjoni mill-qrib mal-koordinaturi nazzjonali;
   ao) huma meħtieġa miżuri sabiex jiżguraw il-ħarsien mhux biss tal-vittmi ta' l-isfruttament sesswali iżda wkoll ta' l-isfruttament tax-xogħol u ta' forom oħra ta' traffikar;
   ap) il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jimplimentaw standards Ewropej ċari u linji gwida dwar l-għajnuna u l-ħarsien tal-vittmi, irrispettivament jekk ikunux kapaċi jew lesti li jservu bħala xhieda, iklużi standards speċjali għall-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal u mekkaniżmu ta' riferenza tal-vittmi li jiżgura li l-identifikazzjoni tal-vittmi tkun parti integrali mill-appoġġ u l-għajnuna;
   aq) l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-aċċess tal-vittmi għall-għajnuna fuq żmien fil-qosor u/jew fit-tul; dan l-appoġġ għandu fost l-oħrajn jinkludi, l-ewwelnett ċentri speċjalizzati ta' kenn, bil-possibilità li jkollhom aċċess għal akkomodazzjoni fi stadju aktar 'il quddiem, servizzi mediċi u terapija psikoloġika, assistenza legali, informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom u dwar l-involviment tal-vittmi bħala xhieda, korsijiet fil-lingwi u ta' taħriġ vokazzjonali, korsijiet u fil-lingwa, korsijiet ta' induzzjoni kulturali, għajnuna finanzjarja u għajnuna biex isibu impjieg, inkluża t-tutela legali speċjali għat-tfal;
   ar) l-appoġġ għall-vittmi tat-traffikar għandu jkun imfassal għall-ħtiġijiet speċjali tagħhom, minħabba l-fatt li l-vittmi tat-traffikar m'humiex grupp omoġenu; f'dan ir-rigward huma partikolarment rilevanti l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-drittijiet tat-tfal, nies indiġeni u minoranzi, peress li ħafna vittmi jew vittmi potenzjali tat-traffikar tal-persuni huma nisa, tfal u individwi li ġejjin minn grupp etniku jew grupp ta' minoranza li seta' kien suġġett għal diskriminazzjoni fil-post fejn huma oriġinaw;
   as) l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-vittmi l-aċċess għall-edukazzjoni, programmi ta' taħriġ u s-suq tax-xogħol kif ukoll ħarsien tad-drittijiet tagħhom waqt proċeduri ċivili, kriminali u amministrattivi, u aċċess għal rimedji legali;
   at) il-vittmi tat-traffikar m'għandhomx jintbagħtu lura fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom meta jista' jkun hemm suspett raġonevoli li jistgħu jsofru aktar dannu minħabba stigmatizzazzjoni u diskriminazzjoni, riskji ta' tpattija jew riskju li jerġgħu jiġu ttraffikati; jenfasizza l-importanza tar-ritorn sikur, ir-riintegrazzjoni u tal-programmi ta' inklużjoni soċjali għall-vittmi, bir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-vittmi għas-sikurezza u l-privatezza, inkluż li jkun żgurat li l-istati jkunu responsabbli, meta l-vittmi jkunu identifkati, li jwettqu evalwazzjoni tar-riskju individwalment qabel, waqt u wara li l-vittma tintbagħat lura;
   au) kemm fil-leġiżlazzjoni kif ukoll fil-prattika amministrattiva tagħhom, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-definizzjoni tan-NU għal "tfal"(23), jiġifieri kull persuna taħt it-18-il sena; għaldaqstant id-deċiżjonijiet dwar soluzzjoni fit-tul għat-traffikar tat-tfal għandhom jittieħdu jew minn awtorità li għandha r-responsabilità statutorja għall-benessri tat-tfal jew minn awtorità ġudizzjarja li r-responsabilità ewlenija tagħha hi li tiżgura l-aħjar interessi tat-tfal waqt il-proċess kollu tat-teħid tad-deċiżjonijiet; fl-azzjonijiet kollha li jirrigwardaw it-tfal, kemm jekk meħuda minn istituzzjonijiet ta' għajnuna soċjali pubbliċi jew privati, qrati tal-liġi, awtoritajiet amministrattivi jew korpi leġiżlattivi, l-aħjar interessi tat-tfal għandhom jitqiesu ta' l-ewwel; l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tifel jew tifla li jkun/tkun kapaċi jifforma/tifforma l-opinjoni tiegħu/tagħha għandu/għandha d-dritt li jesprimi/tesprimi dawn l-opinjonijiet fil-beraħ fil-kwistjonijiet kollha li jolqtuh/a u li l-opinjonijiet tat-tifel/tifla għandhom jingħataw il-kunsiderazzjoni xierqa skond l-età u l-maturità tiegħu/tagħha;
   av) l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li t-tfal vittmi tat-traffikar huma mħarsa minn prosekuzzjoni kriminali jew sanzjonijiet għal reati mwettqa b'relazzjoni ma' l-istejtus tagħhom bħala vittmi tat-traffikar; bħala regola ġenerali, it-tfal vittmi m'għandhomx ikunu mċaħħda mil-libertà tagħhom, inkluż fuq il-bażi tal-fatt li t-tfal ma jkunux akkumpanjati jew ikunu separati, jew fuq bażi ta' l-istejtus ta' migrazzjoni jew ta' residenza tagħhom, jew in-nuqqas tiegħu;
   aw) l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tfal li huma vittmi u li huma xhieda tat-traffikar jibbenefikaw minn garanziji tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom, jirċievu ħarsien speċjali, għajnuna u appoġġ sabiex jipprevjenu aktar tbatija minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess ta' ġustizzja penali u sabiex jiżguraw li fl-istadji kollha jkunu mħarsa fis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem tagħhom, l-aħjar interessi u d-dinjità tagħhom; L-Istati membri għandhom iħarsu wkoll it-tfal mill-effetti tax-xhieda tagħhom f'seduta pubblika tal-qorti (Artikolu 8(4) tal-Qafas ta' Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/220/JHA tal-15 ta' Marzu 2001 dwar il-pożizzjoni tal-vittmi fi proċeduri kriminali(24));
   ax) miżuri speċajli ta' ħarsien għat-tfal u politika ta' ħarsien tat-tfal skond il-Linji Gwida ta' l-UNICEF u l-Gwida ta' Riferenza msemmija hawn fuq, għandhom ikunu implimentati kemm fil-pajjiżi ta' l-oriġini kif ukoll f'dawk ta' destinazzjoni, fosthom aktar ħidma soċjali fit-toroq, assistenza familjari, il-bini ta' xibka ta' kenn għat-tfal, aktar informazzjoni dwar ir-riskji ta' migrazzjoni perikoluża, u r-ritorn lura skond l-opinjonijiet u l-aħjar interessi tat-tfal,
   ay) l-Istati Membri għandhom jimplimentaw b'mod sħiħ il-Konvenzjoni ta' l-Aja dwar il-Ħarsien tat-Tfal u l-Koperazzjoni fir-rigward ta' l-Adozzjoni bejn Pajjiżi sabiex ikunu evitati adozzjonijiet illegali;
   az) l-Istati Membri għandhom isaħħu s-sħubija bejn il-gvern u l-privat fil-qasam tal-ħarsien tal-vittmi, inkluż l-iffinanzjar sostenibbli ta' l-attivitajiet tagħhom;
   Il-Koordinazzjoni ta' l-azzjonijiet fuq livell nazzjonali u ta' l-UE
   ba) l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jsaħħu strutturi nazzjonali tal-koordinazzjoni kontra t-traffikar u jintegraw dawn l-istrutturi f'netwerk internazzjonali;
   bb) jenfasizza l-importanza li l-istituzzjonijiet ta' l-UE u l-Istati Membri jippromwovu strateġiji ta' prevenzjoni li jkunu speċifiċi għall-ġeneru bħala element ewlieni fil-ġlieda kontra t-traffikar tan-nisa u l-bniet, japplikaw prinċipji ta' l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jeliminaw id-domanda għal kull forma ta' sfruttament, inkluż l-isfruttament sesswali u l-isfruttament tax-xogħol domestiku,
   bc) il-Kummissjoni għandha tinkuraġġixxi u tappoġġja t-twaqqif u l-implimentazzjoni ta' pjanijiet nazzjonali sabiex jikkumbattu t-traffikar tal-persuni;
   bd) l-Istati Membri għandhom jiżguraw appoġġ finanzjarju għall-unitajiet speċjali li jinvestigaw każijiet ta' traffikar tal-persuni;
   (be) Il-koordinazzjoni u l-koperazzjoni bejn il-pajjiżi tan-nisel, ta' tranżizzjoni jew ta' destinazzjoni tat-traffikar huma ta' importanza kbira; il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw strateġiji kontra t-traffikar sabiex jikkumplimentaw ix-xogħol tan-NU, tal-Kunsill ta' l-Ewropa, ta' l-OSCE, ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, tal-proċess ta' reviżjoni ta' Beijing, tal-Patt għall-Istabilità għan-Nofsinhar ta' l-Ewropa u tal-G8;
   bf) ikun xieraq li l-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jkomplu jippromwovu l-inizjattivi reġjonali li jikkumplimentaw u jipprovdu ispirazzjoni għall-koperazzjoni madwar l-UE kollha, eż. it-Task Force tal-Baltiku Nordiku kontra t-Traffikar tal-Persuni, l-Inizjattiva Koperattiva ta' l-Ewropa tax-Xlokk, il-Proċess pan-Ewropew ta' Budapest, id-"djalogu 5+5" bejn il-pajjiżi tal-Punent tal-Mediterran, id-Djalogu Mediterranju dwar il-Migrazzjoni ta' Transitu, u pjanijiet ta' azzjoni reġjonali fl-Afrika u fil-Lvant Nofsani u l-Komunità Ekonomika tar-reġjun ta' l-Istati Afrikani tal-Punent;
   bg) filwaqt li jagħraf il-ħtieġa għal rapport speċifiku li jittratta t-traffikar ta' organi u tessuti umani, ikun xieraq li l-Kummissjoni u l-Kunsill iqisu t-traffikar ta' l-organi umani bħala parti mill-istrateġija ġenerali tagħhom biex jittrattaw mat-traffikar tal-persuni, mill-perspettiva ta' politika interna u esterna;
   bh) il-Kummissjoni u l-Grupp ta' Esperti tagħha għandhom jagħtu bidu, jippromwovu u jevalwaw riċerka dwar it-tendenzi ġodda tat-traffikar, ir-rabtiet bejn it-traffikar u d-domanda għal xogħol bi rħis, bejn it-traffikar u l-migrazzjoni u riċerka bil-għan li tkun evalwata l-effettività ta' programmi eżistenti ta' kontra t-traffikar, inkluż l-impatt tagħhom fuq il-promozzjoni u t-twettiq tad-drittijiet tat-tfal u partikolarment fid-dawl tal-Pjan t'Azzjoni;
   bi) il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom iqisu l-importanza ta' l-identifikazzjoni minn kmieni tal-vittmi tat-traffikar tal-persuni waqt il-proċess ta' żvilupp ta' Sistema ta' Tagħrif tal-Viża komuni u fl-istess waqt jiġġieldu t-traffikar fi ħdan il-fruntieri ta' kull Stat Membru u ta' l-UE fis-sħuħija tagħha;
   bj) l-Istati membri għandhom isaħħu l-koperazzjoni fi ħdan l-UE fil-ġlieda kontra t-traffikar billi regolarment jinvolvu entitajiet ta' l-UE bħalma huma l-Europol, il-Eurojust u l-Frontex;
   bk) il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Istati Membri għandhom jissorveljaw l-applikazzjoni tal-klawsola tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet ma' pajjiżi terzi, anke b'riferenza għall-addattamenti leġiżlattivi meħtieġa għall-fini tal-prosekuzzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni;
   bl) it-Task Force Finanzjarja, u speċjalment il-Grupp ta' Ħidma dwar it-Tipoloġiji, għandhom ikomplu l-ħidma tagħhom dwar il-metodi ta' riċiklaġġ tal-flus marbuta mat-traffikar tal-persuni;
   bm) ikun xieraq li jiġi stabbilit Netwerk Ewropew Kontra t-Traffikar li jkun jikkonsisti minn punti ta' kuntatt innominati minn kull Stat Membru u mill-Kummissjoni, inklużi aġenziji governattivi u mhux governattivi u li jkun ikopri l-prevenzjoni, l-għajnuna lill-vittmi, l-infurzar tal-liġi u l-koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjali;
   bn) il-Kummissjoni u l-Gvern Ġermaniż għandhom jiġbru u janalizzaw informazzjoni miksuba fir-rigward tal-prostituzzjoni sfurzata u forom oħra ta' sfruttament relatati mat-traffikar tal-persuni waqt it-Tazza tad-Dinja tal-Futbol ta' l-2006 u jaqsmu dawn l-esperjenzi bil-għan li jiżviluppaw l-aħjar prattiki għal avvenimenti fil-ġejjieni;
   bo) il-Kummissjoni għandha tindirizza l-problema tat-traffiku tat-tfal fis-settur ta' l-isports fil-kuntest tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/JHA fil-ġlieda kontra l-ittraffikar tal-persuni, b'attenzjoni partikolari għall-każijiet fejn xi clubs jjistgħu jikkunsidraw li jagħtu kuntratti lil tfal żgħar ħafna sabiex jevitaw ir-regola ta' trawwim fil-lokal (home grown players rule);
   bp) jistieden lill-Istati Membri sabiex jikkonsultaw u jaħdmu fil-qrib ma' l-NGOs u ma' l-assoċjazzjonijiet li huma attivi f'dan il-qasam fil-pajjiżi ta' oriġini, ta' transitu jew ta' destinazzjoni, speċjalment billi jipprovdu finanzjar fuq tul taż-żmien għall-attivitajiet tagħhom;
   bq) il-Kunsill u l-Istati Membri għandhom jinkuraġġixxu l-koperazzjoni ma' l-NGOs li jaħdmu fil-pajjiżi ta' l-oriġini, li għandhom jiġbru dejta, jimplimentaw attivitajiet, iħarrġu ħaddiema soċjali, u jaħdmu mal-midja tal-massa sabiex iqajjmu l-kuxjenza pubblika dwar it-traffikar tal-persuni;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill u, għall-informazzjoni, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri u l-pajjiżi ta' adeżjoni.

(1) ĠU C 320 E, 15.12.2005, p. 247.
(2) http://www.un.org/Overview/rights.html
(3) Dipartiment ta' l-Affarijiet Barranin Amerikan (2004), http://www.humantrafficking.org/countries/eap/united_states/news/2005_05/tip_factsheet_response.html,
(4) ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1.
(5) Il-Programm ta' l-Aja approvat mill-Kunsill Ewropew f'Novembru 2004.
(6) http://www.cosilium.europa.eu
(7) ĠU L 203, 1.8.2002, p. 1.
(8) ĠU L 13, 20.1.2004, p. 44.
(9) ĠU L 261, 6.8.2004, p. 19
(10) ĠU C 311, 9.12.2005, p.1.
(11) Testi Adottati, P6_TA(2006)0005.
(12) ĠU C 59, 23.2.2001, p. 307.
(13) Deċiżjoni Nru 293/2000/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Jannar 2000 li tadotta programm ta' azzjoni komunitarja (il-programm Daphne)(2000 sa 2003) dwar miżuri preventivi fil-ġlieda kontra l-vjolenza kontra t-tfal, żgħażagħ u nisa (ĠU L 34, 9.2.2000, p.1) u Deċiżjoni Nru 803/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 li tadotta programm ta' azzjoni komunitarja (2004 sa 2008) għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra t-tfal, żgħażagħ u nisa u biex tipproteġi vittmi u gruppi vulnerabbli (il-programm Daphne II) (ĠU L 143, 30.4.2004, p.1).
(14) www.europol.eu.int
(15) Il-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar azzjoni kontra t-traffikar tal-persuni - Rapport Spjegattiv, 2005
(16) "Tfal mitlufa, ġejjieni mitluf" Ir-risposta ta' l-UE għat-traffiku tat-tfal, 2004.
(17) "Il-Qagħda tat-Tfal fid-Dinja 2006: Esklużi u inviżibbli', UNICEF 2005
(18) Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (2005), Alleanza globali kontra x-xogħol sfurzat http://www.ilo.org/dyn/declaris/DECLARATIONWEB.GLOBALREPORTSLIST?var_language=EN 
(19) Gabal, I. Potírání obchodu s lidmi v ČR a možnosti optimalizace bezpečnostní politiky státu., Dokument ta' Politika tal- Ministeru ta' l-Intern tar-Repubblika Ċeka, 2006, Praga
(20) ĠU L 68, 15.3.2005, p.49.
(21) B'konformità ma' l-opinjoni PE 362.828 tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern.
(22) Ara l-pajjiżi elenkati fir-Rapport tal-5 ta' Ġunju 2006 tad-Dipartiment ta' l-Affarijiet Barranin Amerikan dwar it-Traffikar ta' Persuni.
(23) Artikolu 1, Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, NU, 1989
(24)1 ĠU L 82, 22.3.2001, p. 1.


Rapport annwali ta' l-Ombudsman għas-sena 2005
PDF 231kWORD 78k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rapport annwali dwar l-attivitajiet ta' l-Ombudsman Ewropew fis-sena 2005 (2006/2117(INI))
P6_TA(2006)0499A6-0309/2006

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-rapport annwali dwar l-attivitajiet ta' l-Ombudsman Ewropew fis-sena 2005,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 195 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 94/262/ECSC, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 1994, rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq ta' l-obbligi ta' l-Ombudsman(1),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Ottubru 2005 dwar "Il-poter ta' l-adozzjoni u t-trażmissjoni ta' komunikazzjonijiet lill-Ombudsman Ewropew u l- awtorizzazzjoni lill-uffiċjali biex jidhru quddiem l-Ombudsman Ewropew" (SEC(2005)1227),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-attivitajiet ta' l-Ombudsman, b'mod partikolari ir-riżoluzzjoni ta' l-4 ta' April 2006 dwar ir-rapport speċjali ta' l-Ombudsman b'segwitu għall-abbozz ta' rakkomandazzjoni lill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea fil-kuntest ta' l-ilment 2395/2003/GG dwar il-grad ta' trasparenza fil-laqgħat tal-Kunsill meta jkun qed jaġixxi fil-kapaċità leġiżlattiva tiegħu(2),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 195(2), it-tieni u t-tielet sentenza, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A6-0309/2006),

A.   billi r-rapport annwali ta' l-attivitajiet ta' l-Ombudsman Ewropew ġie sottomess formalment lill-President tal-Parlament fit-13 ta' Marzu 2006 u l-Ombudsman, is-Sur Nikiforos Diamandouros ippreżenta r-rapport tiegħu fit-3 ta' Mejju 2006 lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet,

B.   billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea ġiet proklamata fil-Kunsill Ewropew ta' Nizza fis-7 ta' Diċembru 2000 u billi teżisti r-rieda politika biex din tingħata forza legali li torbot,

C.   billi l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tiddikjara li kull persuna għandha d-dritt li l-affarijiet tagħha jiġu ttrattati mill-istituzzjonijiet u l-organi ta' l-Unjoni b'mod imparzjali, ġust u fi żmien raġjonevoli,

D.   billi l-Artikolu 195 tat-Trattat KE u l-Artikolu 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jiddikjaraw li kull ċittadin ta' l-Unjoni u kull persuna fiżika jew ġuridika jew li jkollha l-uffiċċju tagħha reġistrat fi Stat Membru għandha d-dritt li tirreferi għall-Ombudsman ta' l-Unjoni każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet ta' l-istituzzjonijiet jew organi tal-Komunità, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim Istanza li jaġixxu fl-irwol ġudizzjarju tagħhom,

E.   billi huwa essenzjali li l-istituzzjonijiet u l-organi tal-Komunità ikunu mgħammra bir-riżorsi ta' baġit neċessarji sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom biex jiżguraw li ċ-ċittadini jirċievu tweġiba konkreta fi żmien qasir għat-talbiet, l-ilmenti u l-petizzjonijiet tagħhom,

F.   billi l-Ombudsman wera x-xewqa li l-istituzzjonijiet u l-organi Ewropej kollha jadottaw approċċ komuni fir-rigward ta' Kodiċi ta' Mġieba Amministrattiva Tajba u r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Settembru 2001(3),

G.   billi l-2005 kellu l-ogħla numru ta' lmenti lill-Ombudsman li qatt saru(4), u billi fl-2005 l-Ombudsman ipprovda għajnuna effettiva f'iżjed minn 75% tal-każi kollha li kienu rreferiti lilu, inkluż f'ilmenti mhux ammissibbli, billi fetaħ inkjesti dwar il-każi, jew irreferihom għand xi korp kompetenti, jew billi ta parir dwar fejn wieħed għandu jmur sabiex tinstab soluzzjoni bla dewmien u effettiva għall-problema,

H.   billi, madankollu, kważi 70% ta' l-ilmenti li saru xorta waħda ma jaqgħux fit-termini ta' riferenza ta' l-Ombudsman u fi 93.7% tal-każijiet dan huwa minħabba l-fatt li, fil-kontenut, ma jaqgħux taħt dawk it-termini ta' riferenza peress li mhumiex diretti lejn istituzzjoni jew organu tal-Komunità,

I.   billi l-attivitajiet ta' l-Ombudsman u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet jistgħu jidħlu fil-kamp ta' xulxin, b'mod partikolari, fejn l-Ombudsman jeżamina jekk l-eżekuzzjoni min-naħa tal-Kummissjoni ta' proċeduri ta' ksur tal-liġi kontra Stat Membru tkunx konformi mal-prinċipji ġenerali tal-liġi ta' l-UE u l-amministrazzjoni tajba, u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet, fl-istess ħin, ikun qed jeżamina petizzjonijiet li jallegaw li sar ksur tal-liġi Komunitarja minn dak l-Istat Membru dwar l-istess suġġett,

J.   billi fl-2005 l-Ombudsman ittratta ma' total ta' 627 investigazzjoni; u billi r-riżultati ta' l-investigazzjonijiet li ġew mitmuma juri li f'114-il każ ma setgħetx tiġi aċċertata l-ebda amministrazzjoni ħażina, u billi 89 każ kienu ssetiljati mill-istituzzjoni jew mill-korp innifsu wara t-tressiq ta' ilment mill-Ombudsman u kienu ġew proposti 22 soluzzjoni bonarji;

K.   billi l-investigazzjonijiet ta' l-Ombudsman spiss jagħtu riżultati pożittivi favur min jagħmel l-ilment u jgħinu biex titjieb il-kwalità ta' l-amministrazzjoni permezz ta' l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' miżuri xierqa mill-istituzzjonijiet u l-organi kkonċernati,

L.   billi l-Ombudsman issottometta tliet rapporti speċjali lill-Parlament fl-2005; u billi s-sottomissjoni ta' rapport speċjali lill-Parlament tirrappreżenta mezz prezzjuż li bih l-Ombudsman jista' jfittex l-appoġġ politiku tal-Parlament u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet tiegħu sabiex jissodisfa x-xewqat taċ-ċittadini li jkunu nkisrulhom id-drittijiet tagħhom, kif ukoll ikompli jippromwovi t-titjib ta' l-istandards ta' l-amministrazzjoni Ewropea,

M.   billi l-akbar numru ta' investigazzjonijiet ta' ilmenti, kien dwar allegat nuqqas ta' trasparenza; u billi din hija kwistjoni ta' tħassib fir-rigward tar-responsabilità demokratika ta' l-Unjoni

N.   billi 68% ta' l-investigazzjonijiet ta' l-Ombudsman kienu dwar il-Kummissjoni; billi wkoll il-Kummissjoni adottat proċeduri interni ġodda fl-4 ta' Ottubru 2005 biex tkompli fuq investigazzjonijiet ta' l-Ombudsman,

O.   billi fl-2005 l-Ombudsman kompla jibni relazzjonijiet ta' ħidma kostruttivi ma' l-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej l-oħrajn permezz ta' laqgħat u attivitajiet konġunti; billi fl-2005 l-Ombudsman kompla jestendi u jenerġizza in-Netwerk Ewropew ta' l-Ombudsman bl-iżvilupp ta' skambji ta' informazzjoni u ta' qsim ta' l-aqwa prattika; billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet tiegħu ħa sehem f'dan in-Netwerk;

P.   billi fl-2005 l-istituzzjoni ta' l-Ombudsman iċċelebrat l-għaxar anniversarju tagħha; u billi l-attivitajiet ta' komunikazzjoni ta' l-Ombudsman fl-okkażjoni ta' dan l-anniversarju kellha l-iskop li tqajjem kuxjenza fost iċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom, dwar kif jistgħu jeżerċitaw dawn id-drittijiet u dwar it-termini ta' riferenza ta' l-Ombudsman,

1.  Jikkunsidra li l-Ombudsman kompla jsegwi b'suċċess l-objettivi li jkabbar l-effett ta' l-istituzzjoni tiegħu fuq il-promozzjoni ta' amministrazzjoni tajba u r-rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem;

2.  Iqis l-irwol ta' l-Ombudsman li jsaħħaħ it-trasparenza u r-responsabilità fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjoni u l-amministrazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea bħala kontribuzzjoni essenzjali lejn Unjoni fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu bl-aktar mod miftuħ u l-eqreb iċ-ċittadin possibbli, kif stabbilit mill-Artikolu 1(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

3.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-possibilità li l-proċeduri parlamentari interni jkunu aktar konċiżi sabiex fil-ġejjieni l-ipproċessar tar-rapport annwali ta' l-Ombudsman mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet isir b'aktar ħeffa;

4.  Jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-Komunità biex ikunu mogħnija bir-riżorsi neċessarji tal-baġit sabiex jiżguraw li ċ-ċittadini jirċievu tweġiba konkreta fi żmien qasir tat-talbiet, l-ilmenti u l-petizzjonijiet tagħhom;

5.  Itenni s-sejħa tiegħu kif espressa fir-riżoluzzjonijiet preċedenti, għal approċċ komuni mill-istituzzjonijiet kollha tal-Komunità fir-rigward tal-Kodiċi ta' Mġieba Amministrattiva Tajba fuq il-bażi tar-Riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tas-6 ta' Settembru 2001;

6.  Jaqbel ma' l-Ombudsman li l-mod u manjiera li bihom l-amministrazzjoni twieġeb għal ilmenti leġittimi huma l-qies li bih jitkejjel kemm l-istituzzjonijiet u l-organi huma qrib iċ-ċittadini, u li għad hemm ħafna lok għal titjib;

7.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li anki f'każijiet fejn amministrazzjoni ħażina ma setgħetx tiġi aċċertata, il-persuni li għamlu l-ilmenti ġew provduti b'assistenza, u l-investigazzjoni fl-istess ħin intużat bħala opportunità biex titjieb il-kwalità ta' amministrazzjoni;

8.  Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu bil-ħidma pubblika ta' l-Ombudsman li għandha bħala skop li tinforma lill-pubbliku, u jikkunsidra li l-informazzjoni ta' kwalità tista' tgħin sabiex jonqsu n-numru ta' lmenti li ma jaqgħux taħt it-termini ta' riferenza ta' l-Ombudsman; jistieden lill-Ombudsman biex fl-istess ħin, immedjatament, jgħaddi l-ilmenti li ma jaqgħux taħt it-termini ta' riferenza tiegħu, lill-aktar netwerk xieraq, mill-aspett ta' sussidjarjetà, f'livell nazzjonali jew reġjonali;

9.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-koperazzjoni kostruttiva bejn l-Ombudsman u l-istituzzjonijiet u l-organi tal-Komunità u jappoġġjah fl-irwol tiegħu ta' mekkaniżmu ta' kontroll estern u kif ukoll bħala sors prezzjuż ta' titjib kontinwu għall-amministrazzjoni Ewropea;

10.  Jinnota li l-Ombudsman issottometta tliet rapporti speċjali li tnejn minnhom diġà ġew ikkunsidrati mill-Parlament waqt li l-kunsiderazzjoni tar-rapport l-ieħor issa tista' tibda wara t-tmiem tal-konklużjoni ta' proċeduti ġudizzjarji;

11.  Huwa konvint li l-adattament neċessarju ta' l-Istatut ta' l-Ombudsman tad-9 ta' Marzu 1994, kif diġà talbet il-Kummissjoni fl-aħħar rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet dwar ir-rapport annwali ta' l-Ombudsman, għandu jitwettaq kemm jista' jkun malajr; jilqa' b'sodisfazzjon is-sottomissjoni ta' l-Ombudsman lill-President tal-proposta konkreta għal adattament bħal dan fil-11 ta' Lulju 2006;

12.  Japprezza l-koperazzjoni tajba ta' l-Ombudsman mal-Kumitat tiegħu għall-Petizzjonijiet;

13.  Jenfasizza madankollu l-bżonn ta' definizzjoni u dimarkazzjoni ċara ta' l-irwol ta' l-Ombudsman Ewropew fil-konfront ta' l-irwol tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament u jħeġġeġ lill-Ombudsman biex jibqa' fil-qafas tat-termini ta' riferenza tiegħu meta jipprova jassisti liċ-ċittadini;

14.  Iqis, madankollu, li meta l-Ombudsman u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet, li jaġixxu fil-qafas tal-mandati u l-kompetenzi rispettivi tagħhom, jinvestigaw kwistjonijiet li jkopru l-kampijiet ta' xulxin, bħal, pereżempju, il-mod kif il-Kummissjoni minn naħa waħda tmexxi proċedura ta' ksur u min-naħa l-oħra l-ksur tal-liġi nnifsu, huma jistgħu jilħqu sinerġija utli permezz ta' koperazzjoni mill-qrib;

15.  Jistieden lill-Ombudsman Ewropew biex jeżerċita l-poteri tiegħu ta' skrutinju ex officio bl-għan li jiżgura trasparenza u l-iffunzjonar korrett tal-proċeduri kollha ta' reklutaġġ, sew jekk jitwettqu permezz ta' l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) kif ukoll direttament permezz ta' korp Ewropew, inkluż is-servizz tal-persunal ta' l-Ombudsman inniffsu;

16.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rapport speċjali dwar it-trasparenza tal-laqgħat tal-Kunsill meta jaġixxi fil-kapaċità leġiżlattiva tiegħu, u jistieden lill-Kunsill biex ikun konformi mar-riżoluzzjoni tiegħu imsemmija hawn fuq ta' l-4 ta' April 2006 u, fil-futur, sabiex il-laqgħat fejn huwa jaġixxi fil-kapaċità leġiżlasttiva tiegħu jkunu miftuħa u aċċessibbli għall-pubbliku;

17.  Jistieden lill-Presidenzi futuri tal-Kunsill, bħala parti mill-isforzi biex tingħata spinta lit-trasparenza, biex jipprovdu l-paġni tagħhom fuq l-internet anki fil-lingwi uffiċjali kollha ta' l-UE (b'konformità ma' l-Anness I tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew li ltaqa' fi Brussell fil-15 u s-16 ta' Ġunju 2006) biex jippermettu u jiffaċilitaw l-aċċess għall-attivitajiet tagħhom għal numru kemm jista' jkun wiesa' taċ-ċittadini;

18.  Jipproponi wkoll, bħala parti mill-isforzi li jkun aktar qrib iċ-ċittadin, li l-portal ta' dħul http://europa.eu jkun stabbilit bħala l-paġna ta' dħul uniformi għall-istituzzjonijiet kollha tal-Komunità sabiex tkun iggarantita liċ-ċittadini ħarsa ġenerali tal-qafas istituzzjonali, it-tqassim ta' proċeduri ta' responsabilitajiet u ta' teħid ta' deċiżjonijiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea, permezz ta' struttura kemm jista' jkun ċara u sempliċi u biex tiġi evitata konfużjoni ma' siti li jeżistu parallelament;

19.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-introduzzjoni ta' proċeduri interni ġodda fil-Kummissjoni bħala l-organu prinċipali li huwa fid-dmir li jwieġeb talbiet mill-Ombudsman, fejn il-Kummissarji individwali jassumu patroċinju għal każ speċifiku, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tintroduċi dan it-tip ta' proċedura għall-ipproċessar tal-petizzjonijiet ukoll;

20.  Jilqa' b'sodisfazzjon in-netwerk Ewropew ta' l-Ombudsmen u l-kollaborazzjoni bejn l-Ombudsmen Ewropej, u ombudsmen u organi simili f'livelli nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istati Membri, u jħeġġeġ biex jissaħħaħ aktar l-iskambju ta' l-aħjar prattika;

21.  Jistieden lill-Ombudman biex jinforma lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet regolarment dwar l-attivitajiet tiegħu fl-Istati Membri u l-kuntatti tiegħu ma' l-ombudsmen nazzjonali;

22.  Jilqa' b'sodisfazzjon, b'mod partikolari, il-proċedura speċjali bil-miktub fejn ombudsman nazzjonali jew reġjonali jirċievi tweġibiet bil-miktub għal mistoqsijiet dwar il-liġi tal-Komunità u l-interpretazzjoni tagħha permess ta' l-Ombudsman Ewropew bħala kontribut prezzjuż għat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni aħjar tal-liġi tal-Komunità;

23.  Jinkuraġġixxi l-Ombudsman Ewropew biex ikompli jagħmel enfasi huwa stess fuq avvenimenti għaċ-ċittadini u, għalhekk, li potenzjalment jistgħu jilmentaw, peress li d-dimarkazzjoni tal-proċessi u tar-responsabilitajiet u t-teħid ta' deċiżjonijiet bejn il-livelli Ewropej, nazzjonali u reġjonali għadhom wisq ikkumplikati għaċ-ċittadin u għal min imexxi negozju;

24.  Jirrikonoxxi li l-isforzi ta' l-Ombudsman biex ikabbar il-kuxjenza taċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom li jirreġistraw ilment ma' l-Ombudsman; iħeġġu, madankollu, fid-dawl tan-numru kbir ta' lmenti li ma jaqgħux taħt it-termini ta' riferenza tiegħu, sabiex jintensifika l-isforzi tiegħu biex jipprovdi ammont ta' informazzjoni ċara dwar dawk it-termini ta' riferenza fuq bażi aktar regolari;

25.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-parteċipazzjoni dejjem akbar tal-midja fil-pubblikazzjoni tal-ħidma ta' l-Ombudsman;

26.  Japprova r-rapport annwali għall-2005 mressaq mill-Ombudsman Ewropew u japprezza, b'mod partikulari, il-qsim dettaljat ta' l-ilmenti f'proċeduri adottati, in-natura ta' l-allegata amministrazzjoni ħażina, l-istituzzjoni konċernata, eċċ;

27.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, u lill-ombudsmen tagħhom jew lill-entitajiet simili kompetenti.

(1) ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15. Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 2002/262/KE, ECSC, Euratom (ĠU L 92, 9.4.2002, p. 13).
(2) Testi Adottati, P6_TA(2006)0121.
(3) ĠU C 72 E 21.3.2002, p. 331.
(4) Total ta' 3920, li jfisser żieda ta' 5% meta mqabbel mas-sena ta' qabel. Madankollu 335 ilment kienu dwar l-istess suġġett u ġew trattati fl-istess investigazzjoni komuni.


Politika ta' Komunikazzjoni Ewropea
PDF 321kWORD 90k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-White Paper dwar Politika ta' Komunikazzjoni Ewropea ((2006/2087(INI))
P6_TA(2006)0500A6-0365/2006

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni "White Paper dwar Politika ta' Komunikazzjoni Ewropea" (COM(2006)0035),

–   wara li kkunsidra l-Parti II tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 195, 211 u 308 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 11, 41, 42 u 44 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni(1),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni lill-Kummissjoni "Il-Pjan ta' Azzjoni għat-titjib mill-Kummissjoni tal-kommunikazzjoni fl-Ewropa" (SEC(2005)0985),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni "Il-kontribut tal-Kummissjoni għall-perijodu ta' riflessjoni u lil hinn: Pjan-D għad-Demokrazija, Djalogu u Dibattitu" (COM(2005)0494),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-13 ta' Marzu 2002 dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar qafas ġdid għall-koperazzjoni f'attivitajiet li jirrigwardaw il-politika ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea(2)

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-10 ta' April 2003 dwar strateġija ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni għall-Unjoni Ewropea(3)

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2005 dwar l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea(4)

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjonijiet tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u tal-Kumitat għall-Affarjiet Kostituzzjonali (A6-0365/2006),

A.   billi l-komunikazzjoni hija element importanti kemm fid-demokrazija rappreżentattiva kif ukoll f'dik parteċipattiva,

B.   billi, għal din ir-raġuni, wieħed mill-vantaġġi ta' l-elementi demokratiċi ta' l-UE huwa marbut ma' l-istrutturi ta' komunikazzjoni f'livell Ewropew li joħolqu rabta bejn l-istituzzjonijiet u ċ-ċittadini,

C.   billi d-dritt għall-informazzjoni u l-libertà ta' l-espressjoni għandhom ikunu l-qofol tad-demokrazija fl-Ewropa u jsostnu s-sistemi politiċi f'livell Ewropew u nazzjonali, u b'hekk, meta huwa possibbli, informazzjoni għandha tkun disponibbli lill-pubbliku,

D.   billi l-esperjenza miksuba mill-elezzjonijiet u referendums Ewropej hija li dawk li kienu konxji u interessanti fi kwistjonijiet li jirrigwardaw l-UE kienu l-aktar probabbli li jipparteċipaw, filwaqt li kien hemm inqas probabbiltà li dawk li kienu neqsin minn informazzjoni jipparteċipaw,

E.   billi s'issa ma teżistix sfera pubblika konsolidata Ewropea iżda jeżistu sferi pubbliċi nazzjonali attivi ħafna; billi dawk l-isferi pubbliċi nazzjonali juru varjazzjonijiet kbar rigward sa l-punt sa fejn jiġu diskussi kwistjonijiet Ewropej kif ukoll il-kontenut tagħhom,

F.   billi jkun titjib importanti kieku kwistjonijiet Ewropej ikunu aktar prominenti fl-isferi pubbliċi nazzjonali,

G.   billi sabiex tinħoloq sfera pubblika Ewropea, l-ewwel pass għandu jkun li jingħeleb l-iżolament ta' l-isferi nazzjonali permezz ta' azzjoni komunikattiva Ewropea; billi dan huwa relatat mill-qrib ma' l-istrutturi tal-midja pan-Ewropej jew għallinqas transnazzjonali,

H.   billi hemm evidenza ċara li ċ-ċittadini huma neqsin mill-informazzjoni dwar kwistjonijiet Ewropej, kif intwera mir-riżultati li ħarġu minn stħarriġ tal-Eurobarometer,

I.   billi l-komunikazzjoni hija marbuta wkoll mal-kwistjoni tat-trasparenza, ta' proċeduri simplifikati, taċ-ċittadinanza u ta' valuri komuni,

J.   billi jirrimarka li kwistjonijiet Ewropej u l-valur miżjud tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità rari jiġu rrikonoxxuti waqt dibattiti nazzjonali, u politiċi nazzjonali ġieli jieħdu krettu għal suċċessi fil-kuntest Ewropew, waqt li, bil-kuntrarju, dejjem ikunu lesti jikkritikaw lill-UE, ta' spiss għal nuqqasijiet fil-politika li jinħolqu f'livell nazzjonali,

K.   billi l-Kunsill Ewropew ta' Brussel tas-16 u s-17 ta' Ġunju 2006 poġġa l-kwistjoni tar-riforma istituzzjonali lura fuq l-aġenda,

L.   billi l-għan ta' 'perjodu ta' riflessjoni' huwa sabiex l-Unjoni ssir aktar demokratika u effettiva u sabiex tissawwar 'rabta ġdida' maċ-ċittadini,

Politika ta' komunikazzjoni u l-isfera pubblika Ewropea

1.  Jilqa' l-preżentazzjoni tal-White Paper u jesprimi l-kunsens tiegħu rigward l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tibdel il-politika ta' komunikazzjoni f'politika awtonoma ġdida.

2.  Jara li hemm il-ħtieġa li titjieb il-komunikazzjoni bejn l-UE u ċ-ċittadini tagħha; għalhekk jappoġġja t-tentattiv li jiġi eżaminat bir-reqqa u jissewwa l-mod kif inhi organizzata l-komunikazzjoni maċ-ċittadini; jenfasizza li komunikazzjoni aħjar ma tistax tagħmel tajjeb għal politiki li mhumiex suffiċjenti iżda tista' ttejjeb l-għarfien tal-politiki mwettqa;

3.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni għarfet li ebda komunikazzjonijiet ma tista' tinfired mill-kontenut u li l-proċess tagħha għandu jkun "f'żewġ direzzjonijiet" li jimplika li ċ-ċittadini għandhom jiġu mismugħin, imma jiddispjaċih li dawn il-prinċipji li ġew stabbiliti fil-bidu tal-White Paper ma rriżultaw f'ebda żvilupp konkret; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippreċiża kif biħsiebha tikkunsidra l-vuċi taċ-ċittadini, u jissuġġerixxi għal dan il-għan li jiġu eventwalment integrati l-inizjattivi ta' l-istituzzjonijiet l-oħra, bħalma hi "l'Agora", korp konsultattiv b'rappreżentanza tas-soċjetà ċivili stabbilit mill-Parlament;

4.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-ħolqien ta' sfera pubblika Ewropea, strutturata primarjament bis-saħħa tal-midja nazzjonali, lokali u reġjonali, iżda waqt li tibqa' konxja ta' l-irwol importanti li għandhom gazzetti nazzjonali u reġjonali u aħbarijiet televiżivi ta' kwalità meta jkopru b'mod suffiċjenti kwistjonijiet Ewropej; u għal dak il-għan, jistieden lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu lill-istazzjonijiet awdjoviżivi pubbliċi nazzjonali biex jinfurmaw b'mod xieraq liċ-ċittadini dwar politiki mħaddma f'livell Ewropew;

5.  Jinnota li l-għan ta' politika ta' komunikazzjoni Ewropea m'għandux ikun il-ħolqien ta' sfera ta' komunikazzjoni li tikkompeti ma' l-isferi pubbliċi nazzjonali, iżda minflok, li jkun hemm allinjament mill-qrib tad-dibattiti nazzjonali mad-dibattiti f'livell ta' l-UE;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-proposti konkreti stipulati fir-riżoluzzjoni tiegħu hawn fuq imsemmija tat-12 ta' Mejju 2005 meta tkun qed tfassal politika ta' komunikazzjoni;

Definizzjoni tal-prinċipji komuni

7.  Jappoġġja l-idea li tiġi stabbilita komunikazzjoni reċiproka bejn l-UE u ċ-ċittadini tagħha, li jkollha l-kapaċità u r-rieda li tisma' iktar mill-qrib dak li jixtiequ jgħidu ċ-ċittadini dwar l-Ewropa; jirrimarka, madankollu, li l-idea li ċ-ċittadini jsiru parteċipanti attivi fil-parteċipazzjoni u fid-djalogu ma tidhirx raġonevoli, peress li mhumiex iċ-ċittadini li għandhom ifittxu l-informazzjoni, iżda għal kuntrarju, hija l-informazzjoni li għandha tfittex liċ-ċittadini;

8.  Ma jikkunsidrax li huwa xieraq li l-Parlament jiġi sottomess għal kodiċi ta' kondotta li tirregola l-komunikazzjoni tiegħu maċ-ċittadini ta' l-UE;

9.  9 Jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi abbozz ta' ftehima interistituzzjonali li jiddefinixxi l-prinċipji komuni li jistgħu jindirizzaw il-koperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet Ewropej fir-rigward ta' komunikazzjoni;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tesplora l-possibilità li jitnieda programm Komunitarju ġenwin, għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni dwar l-Ewropa, sabiex jitjiebu l-mekkaniżmi ta' sħubija interistituzzjonali li jeżistu f'dan il-qasam; jiddikjara li jekk il-Kummissjoni tressaq proposta bħal din, il-Parlament ikun involut bis-sħiħ fid-definizzjoni u fit-tqegħid f'qafas tal-kontenut preċiż u l-kamp ta' applikazzjoni tal-programm;

11.  Huwa ta' l-opinjoni li għandha ssir referenza iktar qawwija għall-prinċipji u l-valuri mħaddna fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali sabiex jiġi determinat il-kamp ta' applikazzjoni tal-politika ta' komunikazzjoni Ewropea;

12.  Ifakkar li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, diġà tistipula d-drittijiet taċ-ċittadini fir-rigward ta' l-informazzjoni u li kull strument ġdid għandu jirrispetta l-prerogattiva tal-Parlament elett, partikularment is-setgħa tiegħu li jindirizza liċ-ċittadini ta' l-Unjoni kollha; jitlob lill-Kumitat għall-Affarjiet Kostituzzjonali sabiex janalizza l-possibilitajiet tan-natura u tal-kontenut ta' strument interistituzzjonali bħal dan;

13.  Jenfasizza l-importanza ta' Kostituzzjoni għall-Ewropa li tkun tista' tagħti lill-Unjoni karattru aktar politiku u aktar demokratiku u li jagħmilha aktar attraenti f'għajnejn iċ-ċittadini; ifakkar ir-responsabbiltà politika li għandhom il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni biex jappoġġaw dan il-proċess.

It-tisħiħ ta' l-irwol taċ-ċittadini

14.  Jilqa' x-xewqa li wriet il-Kummissjoni li l-Ewropa titwassal sal-livelli kollha, fi kliem ieħor, li jiġu kkomunikati kwistjonijiet Ewropej f'livell nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex il-messaġġ jiġi diċentralizzat, u jinsisti fuq il-ħtieġa li din il-komunikazzjoni ssir fuq bażi regolari ħafna; jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni u jistenna li jiġi implimentat mill-iktar fis;

15.  Jikkunsidra li l-iżvilupp ta' amministrazzjoni Ewropea lokali, li kapaċi tassisti l-għadd kbir ta' punti attwali fejn jilqgħu u jagħtu informazzjoni dwar l-Ewropa tikkontribwixxi sabiex jitnissġu rabtiet diretti importanti bejn l-Unjoni u ċ-ċittadini tagħha, li b'mod partikulari tippermettilhom aċċess għall-inizjattivi u l-programmi Ewropej; jemmen li l-uffiċċji ta' informazzjoni tal-Kummissjoni u tal-Parlament fl-Istati Membri għandhom irwol importanti xi jwettqu rigward dan; f'dan il-kuntest jemmen li jeħtieġ evalwazzjoni fundamentali mill-ġdid tax-xogħol li sar s'issa minn dawn l-uffiċċji ta' informazzjoni, billi huwa magħruf li l-politika ta' relazzjoniet pubbliċi tagħhom ma tqisx l-interess taċ-ċittadini u li l-mezzi li jintużaw għal dan l-iskop jista' jsir użu ferm aktar effikaċi minnhom; jixtieq li għalhekk dawn ikollhom karattru aktar attiv u anqas burokratiku;

16.  Jilqa' l-inizjattiva ta' trasparenza, li tnediet mill-Kummissjoni f'Novembru 2005, li tenfasizza l-istandards għoljin ta' trasparenza li huma parti mil-leġittimità ta' kwalunkwe amministrazzjoni moderna; il-pubbliku Ewropew huwa intitolat li jistenna istituzzjonijiet effiċjenti, responsabbli u ffukati fuq l-għoti ta' servizzi;

17.  Jaħseb li r-regjuni u l-ibliet huma l-iktar pjattaformi xierqa għall-promozzjoni ta' l-idea ta' l-Ewropa fost iċ-ċittadini u jitlob għall-involviment tal-Kumitat tar-Reġjuni fl-implimentazzjoni ta' politika ta' komunikazzjoni futura;

18.  Jappoġġja l-idea li jissaħħu d-dibattiti fil-parlamenti nazzjonali u reġjonali;

19.  Jinkuraġġixxi lill-parlamenti nazzjonali biex isaħħu l-irwol ta' skrutinju tal-gvernijiet tagħhom meta jaġixxu fil-Kunsill, biex b'hekk iqajmu kuxjenza u bħala riżultat ta' dan, isaħħu r-responsabiltà demokratika ta' l-istituzzjonijiet ta' l-UE;

20.  Jenfasizza li l-parlamenti nazzjonali għandhom jagħmlu ħilithom biex jagħtu aktar kas tal-proġetti leġiżlattivi Ewropej ħafna iktar kmieni fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet;

21.  Jiġbed l-attenzjoni għall-Konklużjonijiet tal-Presidenza dwar il-Konferenza ta' l-Ispikers tal-Parlamenti ta' l-Unjoni Ewropew (Budapest, is-6 u s-7 ta' Mejju 2005) li stiednu lill-parlamenti nazzjonali biex ikollhom dibattitu annwali, l-aħjar f'sessjoni plenarja, dwar il-programm leġiżlattiv u ta' ħidma annwali tal-Kummissjoni;

22.  Jenfasizza l-importanza tal-konvokazzjoni ta' forums interparlamentari dwar il-futur ta' l-Ewropa li waħda minnhom se tiltaqa' fl-okkażżjoni tal-50 anniversarju tat-Trattat ta' Ruma; jitlob li, fi ħdan il-politika għall-komunikazzjoni ta' l-Ewropa jingħata kas tad-diskussjonijiet fil-livell tar-rappreżentanza tal-popolazzjoni Ewropea;

23.  Jenfasizza l-importanza ta' l-edukazzjoni ċivika għall-integrazzjoni ta' l-UE; Iqis li ċertu livell ta' għarfien dwar l-Ewropa huwa prerekwiżit għas-suċċess ta' komunikazzjoni interattiva ma' l-UE, u għall-kontribuzzjoni ta' sens ta' ċittadinanza Ewropea;

24.  Jiddispjaċih li tnaqqas l-appoġġ għall-programmi settorjali li għandhom effett multiplikatur qawwi, bħal Leonardo da Vinci, Socrates u Erasmus, peress li jenfasizzaw id-dimensjoni Ewropea u jiffaċilitaw l-istabbiliment ta' netwerks transnazzjonali;

25.  Jemmen li sabiex jintlaħaq iċ-ċittadin huwa importanti li permezz ta' koperazzjoni ma' istituzzjonijiet reġjonali u lokali titjieb il-komunikazzjoni u li tintwera r-relevanza u l-impatt li jkollhom deċiżjonijiet ta' l-UE fuq il-ħajja ta' kuljum; jissuġġerixxi li għandha ssir enfasi fuq il-komunikazzjoni regolari maċ-ċittadini dwar proġetti reġjonali u lokali rilevanti fejn ħadet sehem l-UE, bl-objettiv li jiġi favorit proġett komuni Ewropew;

26.  Iqis li d-dibattitu għandu jqis il-ħtiġijiet u l-attivitajiet speċifiċi ta' persuni b'diżabilità u ta' gruppi ta' minoranza kif ukoll l-udjenzi nazzjonali u lokali u l-gruppi ta' mira speċifiċi; jirrimarka li għandha tingħata aktar attenzjoni sabiex informazzjoni rilevanti għar-reġjuni jkun indirizzat lill-udjenzi partikulari, u b'hekk jorbtu kwistjonijiet Ewropej mal-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini;

27.  Jilqa' l-inizjattivi meħuda minn ċerti rappreżentanti tal-Kummissjoni u minn amministrazzjonijiet nazzjonali sabiex jikkolaboraw fuq kampanji ta' informazzjoni relatati ma' l-UE; jirrimarka li kollaborazzjoni bħal din għandha tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' rabta aktar diretta bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiggarantixxi konsultazzjoni mal-partijiet interessati u mal-pubbliku fl-istadju bikri tat-tfassil tal-politika; iqis li l-proposti ewlenin għandhom jiġu akkumpanjati mit-taqsima addizzjonali fl-evalwazzjoni ta' l-impatt li tispeċifika kif it-tħassib taċ-ċittadini tqies kif jixraq fl-abbozzar tal-proposta; jirrimarka li għandu jiġi ċċarat l-impatt tal-konsultazzjonijiet pubbliċi dwar il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet ta" l-UE;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa politika ta' komunikazzjoni dinamika u reattiva, li minflok ma tirrapporta l-iktar il-kunsens finali li jintlaħaq, tkun iktar iffukata fuq ir-rappurtar ta' l-evoluzzjoni tad-deċiżjonijiet li jiġu adottati fi stadji differenti tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet; jaħseb li l-għan tal-politika ta' komunikazzjoni ta' l-Unjoni huwa li ċ-ċittadini jkollhom stampa ċara ta' kif titfassal liġi Ewropea;

Ħidma mal-midja u teknoloġiji ġodda

30.  Jenfasizza l-importanza tal-midja bħala intermedjarji, li joħolqu opinjonijiet, u jittrasmettu messaġġi liċ-ċittadin fl-isfera pubblika Ewropea li l-Kummissjoni għandha l-għan li tiżviluppa; f'dak il-kuntest, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tappoġġja inizjattivi konkreti bħal forums ta' diskussjoni dwar kwistjonijiet kulturali u politiċi Ewropej fejn jistgħu jkunu disponibbli f'diversi lingwi materjali sabiex ħafna ċittadini Ewropej jistgħu jirrelataw ma' xulxin u jagħmlu skambji;

31.  Jenfasizza li ċ-ċittadin infurmat huwa l-bażi ta' sistema demokratika parteċipattiva li taħdem sew;

32.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tiddifenixxi, bl-ikbar preċiżjoni possibbli, liema rwol tixtieq tassenja lill-midja u jenfasizza l-ħtieġa li tinstab formula li tinvolvi l-midja nazzjonali, reġjonali u lokali aktar mill-qrib fil-politika ta' komunikazzjoni, li għaliha għandha tiġi kkunsidrata wkoll l-użu ta' midja alternattivi bħala mezz ta' komunikazzjoni;

33.  Huwa tal-fehma li għandha tkun intensifikata l-koperazzjoni transkonfinali fuq proġetti ta' politika Ewropea bejn il-midja reġjonali u lokali; jemmen li l-koperazzjoni Ewropea bejn il-midja u l-ġurnalisti hija ta' benefiċċju għar-rappurtar dwar l-Unjoni Ewropea, u jitlob lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi, bħala parti mill-baġit, Fond Ewropew għall-Ġurnaliżmu (Investigattiv) li jsostni proġetti fejn ġurnalisti minn diversi Stati Membri janalizzaw flimkien fil-fond suġġett Ewropew u japplikawh għad-differenzi li jeżistu fis-sitwazzjonijiet lokali u reġjonali;

34.  Jilqa' l-irtirar tal-proposta dwar il-ħolqien ta' aġenzija ta' l-aħbarijiet ta' l-UE;

35.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni għandha tuża lingwaġġ ċar u konċiż meta tikkomunika mal-midja u maċ-ċittadini, u li tagħmel dan b'mod sistematiku fil-lingwi uffiċjali ta' l-Istat Membru ta' l-oriġini jew ta' residenza tagħhom; jemmen li l-'jargon' ta' l-UE jżid u mhux inaqqas il-firda li hemm bejn l-istituzzjonijiet ta' l-UE u ċ-ċittadini;

36.  Jirrakkomanda l-ħolqien ta' skambji regolari ta' fehmiet dwar kwistjonijiet ta' komunikazzjoni Ewropea bejn l-istituzzjonijiet Ewropej, b'mod partikulari l-Parlament, u l-midja;

37.  Jikkunsidra li hija r-responsabiltà tal-Kummissjoni inġenerali, u ta' l-Istati Membri b'mod partikulari, li tkun provduta informazzjoni oġġettiva, ta' min joqogħod fuqha u imparzjali dwar politiki Ewropej bħala bażi għal dibattitu msejjes fuq l-għarfien; għalhekk jistieden lill-ta' l-aħħar biex jinforma lill-impjegati tas-servizz ċivili ta' l-Istati Membri dwar politiki mwettqa f'livell Ewropew;

38.  Jilqa' l-fatt li fir-rigward ta' teknoloġiji ġodda, il-White Paper huwa konformi ma' l-aħħar rapport tal-Parlament dwar l-istrateġija ta' l-UE dwar l-informazzjoni u l-komunikazzjoni;

39.  Jilqa' l-proposta mill-Kummissjoni sabiex it-teknoloġiji l-ġodda ta' komunkazzjoni jintużaw aħjar, imma jitlob li jittieħdu miżuri biex jiġi evitat li "il-firda diġitali" ma tkabbarx l-esklużżjoni ta' parti miċ-ċittadini mill-aċċess għall-informazzjoni dwar l-Unjoni; Jenfasizza f'dan ir-rigward li jkun jaqbel li f'gieħ l-approċċ komprensiv jiġu integrati l-mezzi ta' komunikazzjoni speċifiċi ta' l-istituzzjonijiet differenti bħalma se tkun il-"Web TV" tal-Parlament Ewropew, eċċ. filwaqt li xorta tibqa' tiġi rrispettata l-awtonomija tagħha; jenfasizza minbarra dan li għandu jiġi mseddaq il-valur tal-mezzi tradizzjonali ta' komunikazzjoni tal-massa bħalma hi t-televiżjoni;

Fehim ta' l-opinjoni pubblika Ewropea

40.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tinfurma lill-Parlament dwar l-evalwazzjoni tal-konsultazzjoni li għamlet;

41.  Tikkunsidra li l-istabbiliment ta' Osservatorju dwar l-Opinjoni Pubblika Ewropea fuq medda ta' żmien qasira huwa kwestjonabbli u jaħseb li qabel ma jsir dan, għandu jsir użu aktar ikkoordinat tad-dejta u r-riżorsi li diġà huma disponibbli;

42.  Josserva li ma jistax ikun hemm politika għall-komunikazzjoni sodisfaċenti mingħajr għarfien preċiż tan-nuqqas ta' informazzjoni li għandhom iċ-ċittadini ta' l-Unjoni, kemm jekk din hi dwar il-kontenut ta' l-attività tal-Komunità kemm jekk dwar l-istituzzjonijiet u l-proċeduri li taħdem bihom, għalhekk jitlob li s-servizz ta' l-ewrobarometru jiġu inkarigati biex jinvestigaw l-opinjoni pubblika b'mod speċifiku u fil-fond, hekk li tkun tista' jitkejjel eżattament u b'mod differenzjat il-livell ta' informazzjoni li għandhom iċ-ċittadini tal-Komunità dwar l-Istat ta' oriġini tagħhom, il-kategorija soċjoprofessjonali u l-orjentazzjoni politika tagħhom;

Kollaborazzjoni

43.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tfassal proposti konkreti għall-implimentazzjoni tal-politika ta' komunikazzjoni u biex tevalwa l-implikazzjonijiet legali u finanzjarji tagħha;

44.  Jaħseb li x-xogħol tal-Grupp Interistituzzjonali dwar l-Informazzjoni (IGI) għandu jiġi analizzat sabiex issir evalwazzjoni dwar jekk titjib huwiex possibbli;

45.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' involviment aktar mill-qrib tal-partiti politiċi pan-Ewropej fid-djalogu mal-kostitwenzi tagħhom dwar kwistjonijiet ta' l-UE;

46.  Jagħti importanzi speċjali għall-irwol tal-partiti politiċi rigward il-livelli kollha tad-demokrazija parlamentari; jiddispjaċih li l-potenzjal tal-partiti politiċi transnazzjonali għadu mhux qed jiġi esplojtat; jiddeplora l-fatt li għadd ta' partiti politiċi nazzjonali lanqas m'għandhom inklinazzjoni biex jadottaw dimensjoni Ewropea b'mod koerenti u konvinċenti; jistieden b'insistenza lill-partiti politiċi biex jagħtu kas ta' kwistjonijiet Ewropej fid-deċiżjonijiet li jieħdu u fil-kampanji elettorali tagħhom u biex jagħmlu mod li joffru liċ-ċittadini għażliet tabilħaqq politiċi għall-futur ta' l-Ewropa;

47.  Jenfasizza li politika ta' komunikazzjoni għandha tikkunsidra t-"tempo", partikolarment tal-kwistjonijiet Ewropej, li ħafna drabi jkunu mifrudin mill-aġendi politiki nazzjonali; jikkunsidra għalhekk li l-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament għandhom jaslu għal ftehim dwar skeda ta' skadenzi għal bosta kwistjonijiet li jistgħu aktar jinteressaw b'mod partikulari l-opinjoni pubblika Ewropea sabiex jikkonċentraw l-isforzi tagħhom għall-komunikazzjoni fuq dawn is-suġġetti:

48.  Jistieden lill-istituzzjonijiet biex jeżaminaw il-possibilità li jiġi stabbilit grupp ta' koordinazzjoni fuq it-tieni livell, fejn ikunu rappreżentati d-DGs ta' l-istituzzjonijiet varji u r-rappreżentanti tal-kumitati tal-Parlament, biex jikkoordina l-attivitajiet speċifiċi għall-implimentar tal-linji gwida stipulati fl-IGI;

49.  Jirrepeti l-fehma tiegħu li ċ-ċittadini jaraw lill-Unjoni Ewropea bħala unità sħiħa li huma mhumiex mistennija jkunu jafu d-dettalji istituzzjonali tagħha u li għalhekk jeħtieġ li l-politika ta' komunikazzjoni ta' kull istituzzjoni tkun integrata f'loġika komuni, b'rispett għall-kompetenzi u l-awtonomija ta' kull istituzzjoni; jerġa' jappella għal dibattitu interistituzzjonali kbir annwali f'dan ir-rigward, waqt sessjoni plenarja, sabiex tiġi adottata dikjarazzjoni komuni dwar l-objettivi u l-mezzi ta' din il-politika;

50.  Jappoġġja l-iżvilupp ta' djalogu u ta' dibattiti pubbliċi komuni organizzati bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-istituzzjonijiet nazzjonali u reġjonali; jenfasizza l-importanza li l-komunikazzjoni sserraħ fuq inizjattivi msaħħa minn miżuri għall-komunikazzjoni "populisti" bħall-programmi kulturali (premji letterarji u taċ-ċinema), l-avvenitmenti sportivi, eċċ.; iqis li l-komunikazzjoni trid tikkunsidra li timmira strateġikament fuq għażliet speċifiċi ta' pubbliku bħal dawk ta' l-universitajiet, awtoritajiet regjunali u organizzazzjonijiet professjonali;

51.  Jappoġġja t-tisħiħ ta' l-irwol ta' l-Ombudsman sabiex it-trasparenza tkun aktar kredibbli;

52.  Jirrimarka li l-Programm Prince tradizjonalment kien ibbażat fuq sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri; fir-rapport l-aktar reċenti dwar l-istrateġija ta' komunikazzjoni ta' l-UE, il-Parlament enfasizza l-ħtieġa ta' l-involviment parlamentari fl-istabbiliment tal-prijoritajiet tal-Programm Prince, u għalhekk huwa tal-fehma li l-MEPs għandhom ikunu involuti bis-sħiħ fl-avvenimenti organizzati taħt il-patroċinju tal-programm;

53.  Jirrakkomanda li jiżdiedu l-approprjazzjonijiet allokati għall-programmi ta' finanzjar li jeżistu sabiex ikun hemm komunikazzjoni aħjar dwar l-integrazzjoni Ewropea, bħat-Tagħlim Tul il-Ħajja, Iż-Żgħażagħ, Ewropa għaċ-Ċittadini, il-Midja u l-Kultura, sakemm l-objettivi tal-programmi individwali jkunu rispettati bis-sħiħ;

54.  Jappoġġja s-sostituzzjoni tal-ħames linji baġitarji għall-Programm Prince li jeżistu bħalissa bi programm wieħed immexxi mid-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni, peress li b'hekk ikun hemm aktar flessibilità u interlokutur ċentrali;

55.  Jenfasizza l-ħtieġa li jingħata għarfien kemm jista' jkun viżibbli u wiesa' dwar l-appoġġ finanzjarju li tagħti l-Unjoni Ewropea u l-obbligu reċiproku li tagħmel l-pubbliċità xierqa li għandu jkollha kull istituzzjoni, assoċjazzjoni jew skema li tibbenefika minn għajnuna ta' l-Unjoni;

56.  Jenfasizza li sabiex ikun hemm komunikazzjoni b'suċċess, il-parteċipazzjoni attiva ta' l-Istati Membri hija essenzjali u għalhekk jistedinhom biex isibu l-mezzi tekniċi u finanzjarji biex jikkontribwixxu għall-isforzi konġunti ta' komunikazzjoni ta' l-UE;

57.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jittrasponu b'mod xieraq u mill-iktar fis il-leġiżlazzjoni tal-Komunità sabiex jiggarantixxu li ċ-ċittadini kollha ta" l-UE jgawdu l-istess drittijiet kif mogħtija mil-leġiżlazzjoni tal-Komunità; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiggarantixxi b'mod aktar attiv li d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità jiġu applikati; jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni biex taħdem fi sħubija mal-gvernijiet ta" l-Istati Membri sabiex dawn jinfurmaw liċ-ċittadini dwar id-dritt ta" l-aċċess għall-ġustizzja u r-rimedju jekk kemm-il darba d-drittijiet tagħhom jinkisru;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel prijoritazzjonijiet aħjar għal sħubijiet ta' komunikazzjoni billi tiżviluppa relazzjonijiet speċjali ma' msieħba "b'sejħa transnazzjonali", bħalma huma l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ewropea li għaddejjin minn ristruttarurazzjoni, tal-partiti politiċi u tal-ġurnalisti; jisħaq fuq l-importanza li ma' dawn jiġu inklużi l-mezzi ta' komunikazzjoni għaż-żagħżagħ sabiex jissaħħaħ spazju Ewropew tac-cittadin;

59.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu adottati u li jitwettqu l-istrateġiji u s-sustanza tal-White Paper b'relazzjoni mad-dibattiti li għaddejjin bħalissa fis-sċċjetà Ewropea u bejn l-Istati Membri.

o
o   o

60.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.

(1) ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.
(2) ĠU C 47 E, 27.2.2003, p. 400.
(3) ĠU C 64 E, 12.3.2004, p. 591.
(4) ĠU C 92 E, 20.4.2006, p. 403.


Etjopja
PDF 207kWORD 42k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Etjopja
P6_TA(2006)0501RC-B6-0596/2006

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kriżi wara l-elezzjoni u l-vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem fl-Etjopja, b'mod partikolari dik tas-7 ta' Lulju 2005 dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Etjopja, dik tat-13 ta' Ottubru 2005 dwar is-sitwazzjoni fl-Etjopja(1) u dik tal-15 ta' Diċembru 2005 dwar is-sitwazzjoni fl-Etjopja(2) u l-kunflitt ġdid fuq il-fruntiera(3),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  Imħasseb bl-arrest u t-tkeċċija mill-Etjopja ta' żewġ uffiċjali tal-Kummissjoni fuq allegazzjoni li ppruvaw jgħinu lis-Sna Yalemzewd Bekele, avukat involuta f'kampanji favur id-drittijiet tan-nisa, li taħdem għall-Kummissjoni f'Addis Ababa, sabiex toħroġ mill-pajjiż,

B.  Billi hemm rapporti ta' arresti, fastidji, detenzjoni arbitrarja, umiljazzjoni u intimidazzjoni dejjem għaddejjin tal-politiċi fl-oppożizzjoni, ta' attivisti tas-soċjetà ċivili, ta' istudenti u ta' ċittadini komuni oħra,

C.  Billi, wara intervenzjoni ta' livell għoli mill-UE f'isimha, Yalemzewd Bekele inħelset fis-27 ta' Ottubru 2006 wara li ġiet miżmuma f'iżolament għal ftit ġranet,

D.  Billi l-Parlament Etjopjan waqqaf fl-aħħar ta' Novembru 2005 Kumitat ta' Inkjesta bil-kompitu li jinvestiga l-qtil ta' Ġunju u Novembru 2005,

E.  Billi membri tal-Kumitat ta' Inkjesta kellhom pressjoni mill-Gvern Etjopjan sabiex ibiddlu s-sejbiet u tlieta minnhom inkluż iċ-'Chairman' u l-'Viċi-Chairman' ħallew il-pajjiż wara li rrifjutaw ordnijiet tal-gvern sabiex ibiddlu s-sejbiet tar-rapport finali,

F.  Billi l-membri tal-Kumitat ta' Inkjesta rnexxilhom iħallu l-pajjiż bir-rapport finali u billi dan id-dokument jikkundanna kategorikament il-mod kif il-gvern tratta l-kriżi li ħalliet 193 ċittadin mejta wara d-dimostrazzjonijiet ta' Ġunju u Novembru 2005,

G.  Billi wara l-arresti tal-massa ta' avversarji tal-gvern, ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u ta' ġurnalisti waqt id-dimostrazzjonijiet ta' Ġunju u Novembru 2005, 111 -il mexxej tal-partit ta' l-oppożizzjoni, ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għadhom miżmuma f'kustodja u jistennew li jitressqu l-qorti akkużati fost l-oħrajn b' "inġurji kontra l-Kostituzzjoni', 'tixwix, organizzazzjoni jew tmexxija ta' rewwixta armata' u 'attentat ta' ġenoċidju',

H.  Ifakkar li l-priġunieri politiċi miżmuma wara l-elezzjoni jinkludu lil Hailu Shawel President tal-Koalizzjoni għall-Għaqda u d-Demokrazija, lill-Professur Mesfin Woldemariam eks President tal-Kunsill Etjopjan għad-Drittijiet tal-Bniedem, lil Dr Yacob Hailemariam eks mibgħut speċjali tan-NU u eks prosekutur tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għar-Ruwanda, lil Birtukan Mideksa eks-imħallef, lil Dr Berhanu Nega sindku elett ta' Addis Ababa, lil Netsanet Demissie, Direttur ta' l-Organizzazzjoni għall-Ġustizzja Soċjali fl-Etjopja u lil Daniel Bekele ta' l-ActionAid Ethiopia,

I.  Jinsab imħasseb dwar l-arresti riċenti ta' Wassihun Melese u Anteneh Getnet, membri ta' l-Assoċjazzjoni ta' l-Għalliema Etjopjani u li dawn l-arresti ġodda jidhru li huma risposta għall-ilmenti ta' l-Assoċjazzjoni ta' l-Għalliema Etjopjani kontra l-indħil tal-Gvern fl-attivitajiet tagħha u kontra l-intimidazzjoni tal-mexxejja tagħha,

J.  Billi l-Prim Ministru Meles Zenawi huwa wieħed mill-mistiedna tal-Kummissjoni għall-Ġranet Ewropej għall-Iżvilupp, li se jiġu organizzati mit-13 sas-17 ta' Novembru 2006 fi Brussell,

K.  Billi, l-Etjopja hija firmatarja tal-Ftehima AKP-UE ta' Cotonou, li l-Artikoli 9 u 96 tagħha jistabbilixxi li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali huma element essenzjali tal-koperazzjoni ACP-EU,

1.  Jilqa' l-isforzi ta' l-UE biex jiżgura l-ħelsien ta' Yalemzewd Bekele u jiddispjaċih ħafna dwar it-tkeċċija mill-Etjopja ta'l-uffiċjali tal-Kummissjoni Björn Jonsson u Enrico Sborgi;

2.  Jistieden lill-Gvern Etjopjan biex jippubblika mingħajr emendi u fis-sħuħija tiegħu, u mingħajr aktar dewmien, ir-rapport finali tal-Kumitat ta' Inkjesta; jitlob li l-qrati rilevanti jingħataw ir-rapport, u jħeġġiġhom biex iqisuh kif xieraq sabiex ikunu jistgħu jsiru kawżi ġusti;

3.  Jitlob lill-awtoritajiet Etjopjani biex ma jagħmlux atti ta' intimidazzjoni u ta' fastidju kontra l-mexxejja nazzjonali, inklużi mħallfin tal-qrati u membri ta' l-Assoċjazzjoni ta' l-Għalliema Etjopjani, li qed jaqdu l-obbligi professjonali tagħhom;

4.  Jitlob lill-Gvern Etjopjan biex jeħles immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet lill-priġunieri politiċi kollha, kemm jekk huma ġurnalisti, attivisti tat-trejdjunjins, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u kemm jekk huma ċittadini normali, u biex jissodisfa l-obbligi tiegħu b'rispett għad-drittijiet tal-bniedem, għall-prinċipji demokratiċi u għall-istat tad-dritt;

5.  Jitlob lill-gvern Etjopjan biex jiżvela n-numru totali ta' persuni miżmuma taħt arrest fil-pajjiż kollu, biex jippermetti żjajjar mill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, u biex jippermetti lill-dawk kollha miżmuma taħt arrest aċċess għall-familji tagħhom, għal avukat u għal kwalunkwe kura medika li l-kundizzjoni ta' saħħithom tista' teħtieġ;

6.  Jitlob lill-Gvern Etjopjan biex jirrispetta l-Istqarrija Universali dwar il-Jeddijiet tal-Bniedem u l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, inklużi l-jedd għall-assemblea paċifika u l-libertà ta' l-opinjoni, u sistema ġudizzjarja indipendenti;

7.  Jiddispjaċih ħafna dwar l-istedina tal-Kummissjoni lill-Prim Ministru Meles Zenawi biex jindirizza l-Ġranet Ewropej għall-Iżvilupp, b'mod speċjali rigward kwistjonijiet ta" tmexxija, deċiżjoni li tibgħat il-messaġġ żbaljat rigward il-politika Ewropea dwar ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u t-tmexxija tajba;

8.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jimmonitoraw is-sitwazzjoni fl-Etjopja u jikkunsidra li l-programmi ta' koperazzjoni għall-iżvilupp skond il-Ftehima ta' Cotonou għandhom jiddependu fuq ir-rispett għad-drittjiet tal-bniedem u t-tmexxija tajba, kif definit b'mod ċar fl-Artikoli 9 u 96;

9.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jesploraw mezzi ta' organizzazzjoni ta' djalogu inter-Etjopjan li jinkludi lill-partijiet kollha bil-parteċipazzjoni ta' partiti politiċi, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati kollha sabiex tintlaħaq soluzzjoni dejjiema għall-kriżi politika attwali;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern Etjopjan, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-President ta' l-Unjoni Afrikana.

(1) ĠU C 157 E, 6.7.2006, p.495.
(2) ĠU C 233 E, 28.9.2006, p.116.
(3) Testi Adottati, P6_TA(2005)0535.


Bangladexx
PDF 206kWORD 47k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Bangladexx
P6_TA(2006)0502RC-B6-0595/2006

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bangladexx, b'mod partikulari r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' April 2005 dwar il-Bangladexx(1),

–   wara li kkunsidra ż-żjara tat-Trojka tad-Diretturi Reġjonali ta' l-Unjoni Ewropea mit-23 sal-25 ta' Jannar 2006 f'Dhaka;

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-16 ta' Marzu 2006 mill-Presidenza f'isem l-UE li laqa' b'sodisfazzjon l-arrest ta' żewġ mexxejja terroristi mill-awtoritajiet tal-Bangladexx ;

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-30 ta' Ottubru 2006 mis-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bangladexx,

–   wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Poplu tal-Bangladexx dwar sħubija u żvilupp(2),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   filwaqt li jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li gvern provviżorju ġie ffurmat, fdat bix-xogħol ta' tħejjija għall-elezzjonijiet parlamentari li jmiss fil-Bangladexx, iżda jinnota bi tħassib li ħafna mill-kundizzjonijiet preliminari neċessarji dwar in-newtralità ta' preparazzjonijiet elettorali għad iridu jseħħu,

B.   billi jilqa' b'sodisfazzjon li l-Bangladexx huwa sieħeb importanti ħafna għall-UE, li għamel progress fil-prestazzjoni ekonomika tiegħu; filwaqt li jinnota, iżda, li l-pajjiż qed jissokta jsofri minn diffikultajiet politiċi serji, minn korruzzjoni fuq skala kbira, faqar, skuntentizza popolari mifruxa u attiviżmu militanti Islamiku;

C.   billi l-ġbir tar-reġistru elettorali hija kkritikata ħafna minn osservaturi nazzjonali u internazzjonali; skond stima tal-Kummissjoni, 13-il miljun isem mhux validi ġew miżjuda fir-reġistru;

D.   billi fl-2006 tliet ġurnalisti inqatlu u mill-anqas 95 oħra ġew attakkati, u 55 korrispondent ta' l-istampa kienu l-mira ta' intimidazzjonijiet minħabba xi artikoli ġġudikati "mhux Islamiċi; u billi matul is-sena, aktar minn 70 ġurnalist kienu mġiegħla jaħarbu mill-pajjiż minħabba theddid, skond ir-rapporti tar-"Reporters mingħajr Fruntieri" dwar il-libertà ta' l-istampa fil-Bangladexx;

E.   wara li kkunsidra l-każ partikolarment skandaluż ta' direttur tal-gazzetta tal-Bangladexx Weekly Blitz, Salah Uddin Shoaib Choudhury, ġurnalist li jaħdem favur id-djalogu bejn ir-reliġjonijiet u l-għarfien ta' Iżrael, li kien arrestat fid-29 ta' Novembru 2003 u qiegħed fil-periklu li jiġi kkundannat għall-mewt matul il-ġuri tiegħu mixli b'sedizzjoni li kellu jibda jinstema' fit-13 ta' Novembru 2006,

F.   billi l-vjolenza mwettqa minn organizzazzjonijiet paramilitari b'orjentament Islamiku naqset bħala riżultat ta' passi li kien ħa l-gvern ta' qabel fl-aħħar parti taż-żmien tiegħu fil-kariga,

G.   billi l-Bangladexx kellu tradizzjoni għal żmien twil ta' demokrazija sekulari, inkluż ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għad-drittijiet tan-nisa, għall-indipendenza tal-ġudikatura u għal-libertà ta' l-Istampa;

H.   billi l-UE laqgħet b'sodisfazzjon l-arrest ta' żewġ mexxejja suspetti terroristi; u tikkunsidra dan bħala suċċess sinifikanti, li juri l-impenn tal-Bangladexx fil-ġlieda kontra t-terroriżmu,

I.   billi fir-Rebbiegħa ta' l-2006 l-Gvern ħa miżuri drastiċi biex jikkontrolla l-estremiżmu, iżda billi gruppi Islamiċi jissoktaw fil-beraħ bil-mira tagħhom kontra membri ta' minoritajiet reliġjuzi komunitarji,

1.  Jiddeplora atti reċenti ta' vjolenza u jikkundanna bis-saħħa l-attakki fiżiċi fuq ġurnalisti, persunal ta' NGOs, membri ta' trade unions u oħrajn, u l-vjolenza relatata ma' l-elezzjoni ġenerali li ġejja u ma' l-arranġamenti tranżizzjonali;

2.  Jirrikonoxxi l-importanza ta' l-elezzjonijiet u jappella għal Gvern Provviżorju sod u deċiżiv li jikkumbatti l-instabilità u li jnissel fiduċja fil-proċess ta' elezzjonijiet parlamentari liberi u ġusti skond standards internazzjonali, bil-parteċipazzjoni tal-partiti kollha u fil-perjodu ta' żmien ippjanat;

3.  Jistieden lill-Gvern Provviżorju tal-Bangladexx, immexxi mill-President Iajuddin Ahmed, li jieħu malajr passi biex jifforma mill-ġdid il-Kummissjoni Elettorali, sabiex jiżgura li din ta' l-aħħar tkun tista' taqdi xogħolha, u tkun tista' tidher li qed taqdi xogħolha b'mod verament newtrali;

4.  Jistieden lill-Gvern Provviżorju li joħloq klima li fiha l-membri kollha ta' l-elettorat iħossuhom ġenwinament liberi li jużaw id-dritt tagħhom tal-vot, b'mod partikulari billi jiddiżarma l-partitarji tal-gruppi Islamiċi mogħtija għal azzjonijiet u propaganda karatterizzati b'intolleranza reliġjuża;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni Elettorali, b'koperazzjoni ma esperti nazzjonali u internazzjonali, biex ittejjeb il-kwalità u l-preċiżjoni tar-reġistru elettorali;

6.  Jistieden lill-BNP, l-AL u l-partiti politiċi kollha biex jilħqu ftehim dwar il-kwistjonijiet elettorali kontroversjali kollha, biex jevitaw il-vjolenza politika u l-instabilità, u biex jiżviluppaw programmi politiċi li jtejbu l-istandard tal-kundizzjonijiet ta' l-għixien tal-popolazzjoni;

7.  Jappella biex il-ġuri jerġa jsir u biex Salah Uddin Shoaib Choudhury jinħeles; il-kawża tiegħu tmur kontra l-istandards kollha tal-liġi internazzjonali u l-konvenzjonijiet kontra l-ksur tal-libertà ta' l-istampa;

8.  Jistieden lill-awtoritajiet sabiex iġibu fit-tmiem il-klima ta' impunità u sabiex iressqu quddiem il-qrati lil dawk responsabbli ta' vjolenza u persekuzzjoni kontra l-ġurnalisti fil-Bangladexx;

9.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jommonitorjaw bir-reqqa s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, is-sitwazzjoni politika u l-libertà ta' l-istampa fil-Bangladexx u biex ifasslu programmi fil-qafas tal-koperazzjoni UE-Bangladexx biex jippromwovu l-libertà ta' l-istampa u l-libertà tal-kelma;

10.  Jistieden lill-Gvern Provviżorju biex jiggarantixxi bilanċ tal-midja matul il-kampanja ta' l-elezzjoni;

11.  Itenni l-impenn tiegħu għat-tradizzjoni waħdanija tal-Bangladexx ta' tolleranza reliġjuża u s-sekulariżmu kif imħaddna fit-tradizzjonijiet kulturali tal-pajjiż għal żmien twil u fil-wirt artistiku, u kif approvat fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Parlament Ewropew;

12.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-kundanna reċenti minn qorti ta' żewġ militanti Islamiċi talli qatlu persuna kkonvertita għal Kristjaneżimu, iżda jikkundanna l-impożizzjoni tal-piena tal-mewt;

13.  Jilqa' b'soddisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibgħat Missjoni Elettorali ta' l-UE għall-Osservazzjoni ta' l-Elezzjoni (EUEOM) biex tosserva l-elezzjoni ġenerali li ġejja, u jħeġġeġ li tiġi stabbilita malajr Missjoni politika ta' Osservazzjoni ta' Elezzjonijiet mill-Parlament fuq tul ta' żmien qasir;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni li tagħmel użu mis-servizzi tajba tagħha ma' donaturi oħra u mal-Gvern tal-Bangladexx biex tippromwovi l-adozzjoni ta' miżuri effettivi skond id-dispożizzjonijiet ta' din ir-riżoluzzjoni;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern Provviżorju tal-Bangladexx, lill-Kummissjoni Elettorali tal-Bangladexx u lis-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) ĠU C 33 E, 9.2.2006, p.594.
(2) ĠU L 118, 27.4.2001, p 48.


Iran
PDF 239kWORD 80k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Iran
P6_TA(2006)0503RC-B6-0597/2006

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran, notevolment dawk dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li tagħhom kollha l-Iran huwa parti,

–   wara li kkunsidra d-Djalogu bejn l-UE u l-Iran dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–   wara li kkunsidra t-8 Rapport Annwali ta' l-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (2006) adottat mill-Kunsill fis-17 ta' Ottubru 2006,

–   wara li kkunsidra l-istqarrija ta' l-20 ta' Diċembru 2005 tal-Presidenza ta' l-UE dwar id-Djalogu bejn l-UE u l-Iran dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' l-10 sal-11 ta' April, tal-15 sas-16 ta' Mejju u tas-17 ta' Lulju 2006, l-istqarrija tas- 26 ta' Lulju 2006 tal-Kunsill dwar il-Libertà ta' l-Espressjoni, l-istqarrija tal-5 ta' Mejju 2006 tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-Iran, l-istqarrija ta' l-24 ta' Awissu 2006 tal-Kunsill dwar il-mewt ta' Akbar Mohammadi u t-tfigħ il-ħabs ta' Manouchehr Mohammadi u l-istqarrija tal-5 ta' Ottubru 2006 tal-Kunsill dwar il-Libertà ta' l-Istampa,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

Qagħda ġenerali

A.   billi l-qagħda fl-Iran rigward it-tħaddim tad-drittijiet ċivili u tal-libertajiet politiċi marret lura fl-aħħar sena, notevolment minn mindu saru l-elezzjonijiet presidenzjali ta' Ġunju 2005, minkejja diversi impenji min-naħa ta' l-awtoritajiet Iranjani biex jippromwovu valuri universali,

B.   billi l-Iran obbliga lilu nnifsu li jippromwovi u jħares id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali taħt id-diversi strumenti internazzjonali f'dan il-qasam,

Priġunieri politiċi

C.   billi l-awtoritajiet Iranjani ħabbru li rapport imħejji mill-ġudikatura ipproduċa evidenza ddettaljata dwar ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi tortura u trattament ħażin ta' priġunieri u ta' persuni taħt arrest f'ħabsijiet jew f'ċentri ta' detenzjoni, iżda li wkoll ikkonferma li kienu ttieħdu miżuri biex il-problemi identifikati jiġu indirizzati,

D.   billi, madankollu, il-prattika tat-tortura u tat-trattament ħażin tal-priġunieri, is-segregazzjoni ta' ħabsin f'ċelel waħedhom, id-detenzjoni klandestina, il-kastigi krudili, inumani u degradanti u l-impunità għall-aġenti ta' l-istat jibqgħu mifruxa,

E.   imħasseb li ċ-Ċentru għad-Difiża tad-Drittijiet tal-Bniedem (is-CDHR), mibdi fost l-oħrajn mir-rebbieħa tal-Premju Nobel għall-paċi fl-2003 Shirin Ebadi u li pprovda difiża legali pro-bono lil Zahra Kazemi, Akbar Ganji u Abdoulfatah Soltani, ġie ddikjarat bħala organizzazzjoni illegali mill-President Ahmadinejad f'Awissu 2006 u li l-Ministeru ta' l-Intern hedded li dawk li se jibqgħu jaħdmu fih se jiġu mħarrka,

Prosekuzzjoni ta' minorenni li jiksru l-liġi

F.   imħasseb bil-kbir dwar l-għadd li qed jikber ta' rapporti dwar l-issentenzjar għall-mewt u l-ġustizzjar ta' minorenni li jiksru l-liġi, filwaqt li jinnota li l-Iran iwettaq l-ogħla għadd ta' ġustizzjar ta' minorenni fid-dinja kollha,

Drittijiet tal-minoranzi

G.   billi xi drittijiet tal-minoranzi huma mogħtija mill-Kostituzzjoni Iranjana, bħalma huwa d-dritt tal-minoranzi għal ilsienhom, iżda billi ħafna drabi tali drittijiet ma jistgħux jitħaddmu fil-prattika; billi f'dawn l-aħħar xhur gruppi minoritarji għamlu dimostrazzjoni, sabiex jitħallew jeżerċitaw tali drittijiet, u dan wassal għat-tfigħ il-ħabs fuq skala kbira ta' dawk li ħadu sehem,

H.   billi l-Azeri, l-ikbar minorità etnika fl-Iran, ħassewhom apertament offiżi, bħala grupp etniku minoritarju, b'kartuns f'ġurnal ta' kuljum ta' l-Istat f'Mejju 2006; billi minoranzi oħra jibqgħu jiġu ddiskriminati u ffastidjati minħabba l-isfond reliġjuż jew etniku tagħhom, fosthom il-Kurdi u l-abitanti ta' l-inħawi madwar il-belt ta' Ahwaz, il-kapitali provinċjali tal-provinċja tal-Khuzestan, li hi ddominata mill-Għarab, liema abitanti pereżempju qed jiġu spostati mill-irħula tagħhom, skond stqarrijiet minn Miloon Kothari, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-Akkomodazzjoni Adegwata, filwaqt li xi wħud minnhom għadhom taħt arrest jew ingħataw sentenza għall-mewt,

Libertà tar-reliġjon

I.   billi, minbarra l-Iżlam, il-liġi tagħraf biss liż-Żoroastrijaniżmu, lill-Kristjaneżmu u lill-Ġudajiżmu bħala reliġjonijiet, filwaqt li dawk li jipprattikaw reliġjonijiet mhux rikonoxxuti, bħall-Baha'i u s-Sufiċi, issir diskriminazzjoni kontrihom u jitrażżnu bil-vjolenza; billi notevolment dawk li jħaddnu l-fidi Baha'i ma jistgħux jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom u jiġu, barra minn hekk, konsegwentement imċaħħda mid-drittijiet ċivili kollha, bħal ma huma d-drittijiet tagħhom għall-proprjetà, u aċċess għall-edukazzjoni ogħlja,

J.   billi anki membri tal-kleru li jopponu r-reġim teokratiku ta' l-Iran jinsabu f'riskju, kif jixhed il-każ ta' l-Ajatollah Sayed Bouroujerdi, li kien arrestat flimkien mas-segwaċi tiegħu f'Ottubru 2006, u billi għadhom miżmumin taħt arrest,

Libertà ta' l-istampa

K.   imħasseb b'mod partikulari dwar l-għadd li qed jikber ta' rapporti dwar arresti arbitrarji ta' u theddid kontra ġurnalisti, ġurnalisti fuq l-internet u webloggers; billi mill-inqas 16-il ġurnalist ġew irrappurtati bħala li ġew arrestati mill-bidu tas-sena 'l hawn, u dan ipoġġi lill-Iran fost l-agħar pajjiżi fid-dinja fir-rigward tat-taħrik ta' ġurnalisti u tar-restrizzjoni tal-libertà ta' l-istampa bl-għeluq, tista' tgħid, tal-ġurnali kollha u tar-rivisti kollha ta' fuq l-internet li jikkritikaw, li b'konnessjoni magħhom qed jiġu ffastidjati membri tal-familja, qed jiġu imposti projbizzjonijiet tas-safar fuq il-ġurnalisti u qed jiġu kkonfiskati d-dixxijiet tas-satellita,

L.   billi, skond rapporti, l-awtoritajiet Iranjani qegħdin aktar ma jmur jgħarblu s-siti fuq l-internet u jimblukkaw l-aċċess għal bosta tużżani ta' pubblikazzjonijiet fuq l-internet kif ukoll ta' bloggs politiċi, soċjali u kulturali; billi, bil-fatt li ma jħallux li jsir użu ħieles ta' l-internet, l-awtoritajiet Iranjani qed jirrestrinġu l-uniku mezz li għandu l-pubbliku Iranjan biex ikollu aċċess għal tagħrif mhux iċċensurat,

Id-drittijiet tan-nisa

M.   billi l-Iran għadu mhux parti mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Qirda ta' Kull Sura ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,

N.   billi dimostrazzjonijiet li saru favur riformi legali sabiex tintemm id-diskriminazzjoni kontra n-nisa ġew sfrattati u dawk li ħadu sehem ġew arrestati, għalkemm aktar tard reġgħu inħelsu,

Ksur ta' drittijiet Oħra

O.   billi l-President Mahmoud Ahmadinejad, f'Settembru 2006, sejjaħ fil-miftuħ għat-tkeċċija ta' l-akkademiċi liberali u sekulari kollha mill-universitajiet; billi l-gvern ta' l-Iran qed jipprojbixxi dejjem aktar studenti universitarji milli jkomplu bl-edukazzjoni għolja tagħhom minkejja l-fatt li jkunu għaddew minn eżamijiet ta' dħul kompetittivi, u billi l-ġudikatura ħarrket u kkundannat ħafna studenti għall-ħabs, multi jew swat bil-frosta tul din l-aħħar sena,

P.   billi persuni għadhom qed jittieħdu f'kustodja u xi drabi maqtula għal reati sesswali inter alia għal attività sesswali b'kunsens bejn adulti bejn persuni mhux miżżewġa u omosesswali,

Q.   billi fl-2005 fl-Iran kien hemm it-tieni l-akbar numru ta' eżekuzzjonijiet fid-dinja, b'282 kundanna għall-mewt irrappurtati li minnhom 111 każ twettqu bejn Ottubru 2005 u Settembru 2006; barra minn hekk, huwa mħasseb ħafna li persuni għadhom qed jiġu kkundanati għall-mewt permezz tat-tħaġġir, minkejja li ġie impost moratorju fuq it-tħaġġir f'Diċembru 2002, u notevolment f'dan ir-rigward ta' nisa għal reati ta' kondotta sesswali ħażina,

R.   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kap tal-Ġudikatura tar-Repubblika Iżlamika ta' l-Iran f'April 2004 biex tiġi pprojbita t-tortura u r-riformi sussegwenti fil-leġiżlazzjoni mill-Parlament Iranjan li ġew approvati mill-Kunsill tal-Gwardjani f'Mejju 2004,

S.   billi f'Diċembru 2006 se jkun hemm elezzjonijiet għall-Assemblea ta' l-Esperti, pilastru ta' l-istabiliment klerikali, li tagħżel u tagħmel superviżjoni tax-xogħol tal-mexxej suprem, kif ukoll elezzjonijiet għall-Kunsill; billi għall-elezzjonijiet għall-Kunsill ġie rrappurtat li fid-distretti elettorali ta' Rey u Shemiranat, persuni nominati kienu mċaħħda milli jirreġistraw u għall-elezzjonijiet għall-Assemblea ir-riformisti heddew li jagħmlu bojkott ta' l-elezzjonijiet jekk il-kandidati kollha ma jiġux aċċettati,

T.   juri tħassib kbir dwar in-nuqqas ta' konformità sħiħa ma' l-istandards internazzjonali fl-amminsitrazzjoni tal-ġustizzja, in-nuqqas ta' garanziji tal-proċess normali tal-liġi u n-nuqqas ta' rispett għal salvagwardji legali rrikonoxxuti fil-kamp internazzjonali,

Ksur ta' l-obbligi internazzjonali

U.   billi l-Iran ma wasalx għal qbil dwar rawnd ieħor tad-Djalogu bejn l-UE u l-Iran dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li kien stabilit fl-2002 u billi, wara r-raba' rawnd li sar fl-14 sal-15 ta' Ġunju 2004 l-Iran waqaf milli jipparteċipa, minkejja tentattivi ripetuti mill-UE matul l-aħħar sena u tul din is-sena biex toffri dati għall-ħames rawnd,

V.   billi relazzjonijiet ta' l-UE ma' l-Iran huma bbażati fuq approċċ triplu, ikkaratterizzat minn negozjati dwar ftehima tal-kummerċ u l-koperazzjoni, djalogu politiku u djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem, u billi d-djalogu politiku ġie sospiż minħabba l-pożizzjoni attwali ta' l-Iran fir-rigward tal-programm nukleari tiegħu,

Qagħda ġenerali

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar id-deterjorazzjoni tal-qagħda tad-drittjiet tal-bniedem fl-Iran minn mindu nħatar il-President Ahmadinejad f'Ġunju 2005;

2.  Jitlob lill-Iran biex jagħti lill-persuni kollha d-dritt li jeżerċitaw id-drittijiet ċivili u l-libertajiet politiċi tagħhom u jittama li l-awtoritajiet Iranjani jwettqu l-impenji tagħhom biex jippromwovu valuri universali, li għalihom l-Iran għandu obbligi skond konvenzjonijiet internazzjonali li rratifika;

Priġunieri politiċi

3.  Jitlob lill-awtoritajiet Iranjani biex jgħaġġlu l-proċess ta' investigazzjoni fl-imwiet u l-qtil b'mod suspettuż ta' intellettwali u attivisti politiċi, biex iressqu dawk li huma ħatja quddiem il-qorti u biex jipprovdu mingħajr kundizzjonijiet assistenza medika xierqa għal dawk il-priġunieri li mhumiex f'saħħithom;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani biex jeħilsu mingħajr kundizzjoni l-priġunieri tal-kuxjenza kollha, notevolment Keyvan Ansari, Keyvan Rafii, Kheirollah Derakhshandi, Abolfazl Jahandar u Koroush Zaim;

5.  Jilqa' b'sodisfazzjon f'dan il-kuntest il-ħelsien ta'l-eks Membru tal-Parlament Iranjan Sayed Ali Akbar Mousavi-Kho'ini, kif ukoll il-ħelsien li sar preċedentement ta' Ramin Jahanbegloo u Akbar Ganji; jistenna li s-Sur Ganji, li kien mistieden fil-Parlament Ewropew f'Ottubru, ikun jista jmur lura lejn l-Iran b'mod ħieles u mingħajr xkiel;

Prosekuzzjoni ta' żgħażagħ li jiksru l-liġi

6.  Sorpriż bil-qawwi mill-fatt li għad hemm każijiet ta' eżekuzzjonijiet ta' minorenni u kundanni għal tħaġġir u li minkejja l-assikurazzjonijiet tal-gvern, ġew applikati mill-inqas żewġ kundanni għat-tħaġġir;

7.  Jikkundanna b'mod qawwi l-piena tal-mewt inġenerali, u jikkundanna b'mod partikulari sentenzi tal-mewt kontra żgħażagħ u minorenni li jiksru l-liġi u l-eżekuzzjoni tagħhom, u jitlob lill-awtoritajiet Iranjani biex jirrispettaw is-salvagwardji legali rrikonoxxuti fil-kamp internazzjonali fir-rigward ta' minorenni, bħall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

Drittijiet tal-minoranzi

8.  Jitlob lill-awtoritajiet biex jirrispettaw is-salvagwardji legali rrikonoxxuti fil-kamp internazzjonali fir-rigward ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi reliġjużi, kemm dawk li huma rrikonoxxuti b'mod uffiċjali kif ukoll dawk li mhumiex; jikkundanna n-nuqqas ta' rispett attwali għal drittijiet tal-minoranzi u jitlob li l-minoranzi jkunu permessi jeżerċitaw id-drittijiet kollha tagħhom mogħtija mill-Kostituzzjoni ta' l-Iran u l-liġi internazzjonali; jitlob ukoll lill-awtoritajiet biex jeliminaw kull forma ta' diskriminazzjoni għal raġunijiet reliġjużi jew etniċi jew kontra persuni li jagħmlu parti minn minoranza, bħall-Kurdi, l-Ażeri, l-Għarab u l-Baluċi;

9.  Jibqa' mħasseb dwar il-każ ta' l-avukat Saleh Kamrani, li ddefenda lit-Torok Azeri f'kawża tal-qorti u għeb fl-14 ta' Ġunju 2006; jitlob lill-awtoritajiet Iranjani biex iwaqqfu immedjatament l-eżekuzzjoni imminenti ta' l-Għarab Abdullah Suleymani, Abdulreza Sanawati Zergani, Qasem Salamat, Mohammad Jaab Pour, Abdulamir Farjallah Jaab, Alireza Asakreh, Majed Alboghubaish, Khalaf Derhab Khudayrawi, Malek Banitamim, Sa'id Saki u Abdullah Al-Mansouri;

Libertà ta' l-Istampa

10.  Ifakkar lill-gvern ta' l-Iran bl-obbligi tiegħu bħala firmatarju tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi kif ukoll il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, li jissalvagwarda d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, b'mod partikulari l-libertà ta' l-opinjoni, u jitlob għall-ħelsien tal-ġurnalisti u l-webloggers kollha li jinsabu miżmuma l-ħabs, inklużi Motjaba Saminejad, Ahmad Raza Shiri, Arash Sigarchi u Masoud Bastani;

11.  Jikkundanna l-arresti u l-priġunerija ta' ġurnalisti ċibernetiċi u webloggers, u ċ-ċensura parallela ta' diversi pubblikazzjonijiet online, blogs u siti ta' l-internet, għax huma l-aktar sors ta' aħbarijiet bla ċensura għall-poplu Iranjan; jikkundanna wkoll il-mewġa ta' arresti arbitrarji ta' ġurnalisti, kif ukoll ir-restrizzjonijiet kbar u b'mod partikolari l-egħluq ta' mezzi ta' komunikazzjoni f'Iran;

12.  Jistieden lill-Parlament Iranjan sabiex jadatta l-Liġi Iranjana dwar l-Istampa kif ukoll il-Kodiċi Penali għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u b'mod partikulari sabiex jirrevoka d-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-espressjoni paċifika ta' l-opinjonijiet, fosthom fl-istampa.

Libertà tar-Reliġjon

13.  Isejjaħ lill-awtoritajiet Iranjani biex jeliminaw il-forom kollha ta' diskriminazzjoni bbażati fuq raġunijiet reliġjużi; b'mod partikulari jitlob li titneħħa l-projbizzjoni de facto fuq il-fidi Baha´i;

14.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-arrest taż-żewġ avukati li ngħataw sentenzi ta' priġunerija minħabba l-involviment tagħhom fid-difiża ta' persuni Sufiċi f'Qom; daqstant ieħor jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-sikurezza ta' Ayatollah Sayad Hossein Kazemeyni Boroujerdi, li ilu s-snin jiġġieled għas-separazzjoni tar-reliġjon mill-bażi politika ta' l-istat, u li reġa' ġie arrestat flimkien ma' allegatament aktar minn 400 mis-seġwaċi tiegħu;

Drittijiet tan-Nisa

15.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-diskriminazzjoni kontinwa, fil-liġi u fil-prattika, kontra n-nisa, minkejja xi progress; jikkundanna l-użu tal-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra n-nisa fl-Iran, li għadha problema serja; barra minn hekk, jikkundanna l-użu tal-vjolenza mill-forzi tas-sigurtà Iranjani kontra nisa li nġabru aktar kmieni din is-sena sabiex jiċċelebraw il-Jum Dinji tal-Mara fit-8 ta' Marzu 2006; Barra minn hekk, jikkundanna l-isfrattu vjolenti mill-forzi tas-sigurtà Iranjani ta' dimostrazzjoni paċifika fit-12 ta' Ġunju 2006 minn nisa u rġiel li qed jiġġieldu sabiex tiġi fit-tmiemha d-diskriminazzjoni kontra n-nisa fl-Iran;

16.  Iħeġġeġ lill-Iran sabiex jiffirma l-Patt tal-Qirda ta' Kull Sura ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa u apparti hekk, jitlob li l-età legali li fiha n-nisa jsiru maġġorenni fl-Iran tinbidel għal 18-il sena;

Ksur ta' Drittijiet Oħra

17.  Jikkundanna bil-qawwa it-talba miftuħa tal-President Ahmadinejad għat-tkeċċija ta' akkademiċi liberali u sekulari fl-universitajiet, u jitlob li dawk kollha li ġew imkeċċija jitħallew imorru lura u jgħallmu skond id-drittijiet bażiċi tal-libertà akkademika;

18.  Bil-qawwa jiddeplora l-imwiet ta' l-istudent attivist Akbar Mahdavi Mohammadi u l-priġunier politiku Valiollah Feyz b'riżultat ta' strajk tal-ġuħ, u jitlob għall-ħelsien ta' Manoucher Mohammadi; jitlob li l-istudenti ma jinżammux milli jsegwu edukazzjoni għolja minħabba attivitajiet politiċi paċifiċi;

19.  Jitlob li ma jsirx tħarrik għal attività sesswali b'kunsens bejn persuni adulti mhux miżżewġa; barra minn hekk, jitlob li ma jiġux mibgħuta l-ħabs jew iġġustizzjati persuni għal raġunijiet ta' orjentazzjoni sesswali;

20.  Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani sabiex jagħtu evidenza li qed jimplimentaw il-moratorju ddikjarat tagħhom fuq it-tħaġġir, u jitlob għall-implimentazzjoni immmedjata u stretta tal-projbizzjoni fuq it-tortura kif tħabbret, għaddiet mill-Parlament Iranjan u ġiet approvata mill-Kunsill tal-Gwardjani; barra minn hekk, jitlob li l-Kodiċi Penali Islamiku ta' l-Iran jiġi riformat sabiex jabolixxi t-tħaġġir;

21.  Huwa mħasseb ħafna li għall-elezzjonijiet li ġejjin, xi persuni nominati għal darba oħra ma setgħux jirreġistraw u li persuni riformisti se jibbojkottjaw l-elezzjonijiet minħabba l-proċeduri mhux demokratiċi fil-proċess sabiex wieħed jitniżżel fil-lista ta' l-elezzjonijiet;

22.  Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani biex jagħmlu sforzi sabiex jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa tal-proċess normali tal-liġi u proċeduri ġusti u trasparenti mill-ġudikatura, sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u l-ekwità tal-verdetti f'kull każ;

Inizjattivi Ewropej

23.  Jistieden lill-Iran sabiex flimkien ma' l-Unjoni Ewropea, jerġa' jibda d-Djalogu UE-Iran dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u barra minn hekk, jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jimmonitorjaw mill-qrib l-iżviluppi fl-Iran u wkoll sabiex iqajjmu każi konkreti ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem bħala kundizzjoni bażika għall-progress tar-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn l-UE u l-Iran;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni, b'koperazzjoni mill-qrib mal-Parlament Ewropew, biex tagħmel użu effettiv ta' l-Istrument għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem il-ġdid, sabiex tiġi żgurata d-demokrazija u rispett għad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, permezz ta', pereżempju, appoġġ għal mezzi ta' komunikazzjoni bla ċensura;

25.  Jistieden lill-Kunsill sabiex jeżamina l-mod li bih jista' jiġi involut il-Parlament fl-aġġornamenti regolari tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill Nru 2001/931/CFSP tas-27 ta' Diċembru 2001 dwar l-applikazzjoni ta' miżuri speċifiċi sabiex jiġi miġġieled it-terroriżmu(1), filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi li seħħew mill-2001 'l quddiem;

26.  Jilqa' l-ewwel żjara tad-delegazzjoni tal-Majlis fil-Parlament Ewropew f'Ottubru, u jesprimi t-tama tiegħu li dawn l-iskambji siewja kif ukoll din ir-riżoluzzjoni jkunu jifformaw parti minn djalogu kontinwu li għandu jwassal għal tqarrib gradwali bejn l-Iran u l-Unjoni Ewropea fuq il-bażi ta' valuri komuni mħaddna fil-Karta u fil-Konvenzjonijiet tan-NU;

o
o   o

27.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tas-CFSP, lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kummissjoni tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kap tal-Qorti Suprema ta' l-Istat ta' l-Iran u lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Islamika ta' l-Iran.

(1) ĠU L 344, 28.12.2001, p.93.

Avviż legali - Politika tal-privatezza