Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2004/0047(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0475/2006

Testi mressqa :

A6-0475/2006

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/01/2007 - 9.3
CRE 18/01/2007 - 9.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0003

Testi adottati
PDF 561kWORD 119k
Il-Ħamis, 18 ta' Jannar 2007 - Strasburgu
L-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunita' ***II
P6_TA(2007)0003A6-0475/2006
Riżoluzzjoni
 Test konsolidat

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill fir-rigward ta' l-adozzjoni ta' direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunita? u d-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-allokazzjoni tal-kapaċita? ta' l-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u taxxar ta' ħlasijiet għall-użu ta' infrastruttura ferrovjarja (5895/2/2006 – C6-0309/2006 – 2004/0047(COD))

(Proċedura ta' kodeċiżjoni: it-tieni qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill (5895/2/2006 – C6-0309/2006)(1),

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari(2) dwar il-proposta mill-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2004)0139)(3),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 62 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A6-0475/2006),

1.  Japprova l-pożizzjoni komuni kif emendata;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 289 E, 28.11.2006, p. 30.
(2) ĠU C 227 E, 21.9.2006, p. 460.
(3) Għadha mhix ippubblikata fil-ĠU.


Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fit-tieni qari fit-18 ta' Jannar 2007 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tad-Direttiva 2007/.../KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunita' u d-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-allokazzjoni ta" kapaċità ta" infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta" piżijiet għall-użu ta" infrastruttura tal-ferroviji
P6_TC2-COD(2004)0047

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA" L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 71 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni(2),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat(3),

Billi:

(1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE tad-29 ta' Lulju 1991 dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunita'(4) kienet imfassla biex tiffaċilita l-addattament tal-linji tal-ferrovija Komunitarji għal-ħtiġiet tas-suq wieħed u biex tittejjeb l-effiċjenza tagħhom.

(2)  Id-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2001 dwar l-allokazzjoni ta" kapaċità ta" infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta" piżijiet għall-użu ta" infrastruttura tal-ferroviji(5) tikkonċerna l-prinċipji u l-proċeduri li għandhom jiġu applikati fir-rigward ta' l-istabbiliment u l-ħlas ta' piżijiet għall-infrastruttura tal-linji ferrovjarji u l-allokazzjoni ta' kapaċità ta' l-infrastruttura tal-linji ferrovjarji.

(3)  Fil-White Paper tagħha, Il-politika Ewropea dwar it-trasport għall-2010: iż-żmien li niddeċiedu, il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tkompli tibni s-suq intern fis-servizzi ferrovjarji billi tipproponi li tiftaħ is-suq fis-servizzi internazzjonali għall-passiġġieri.

(4)  L-għan ta' din id-Direttiva huwa li tindirizza l-ftuħ tas-suq għas-servizzi ferrovjarji internazzjonali fi ħdan il-Komunità, u m' għandiex għaldaqstant tikkonċerna s-servizzi bejn Stat Membru u pajjiż terz. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jeskludu mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, servizzi li jgħaddu fil-Komunità.

(5)  Is-servizzi ferrovjarji internazzjonali attwali jagħtu stampa ta' kuntrast kbir. Servizzi ta' vjaġġar fit-tul (per eżempju l-ferroviji ta' bil-lejl) jinsabu f'diffikultà u diversi minnhom ġew irtirati mill-impriżi ferrovjarji li joperawhom biex jillimitaw it-telf. Is-suq għas-servizzi internazzjonali ta' veloċità għolja, minn naħa l-oħra, ra żieda qawwija fit-traffiku u ser ikompli l-iżvilupp qawwi tiegħu bl-irduppjar u l-interkonnessjoni tan-network trans-Ewropew ta' veloċità għolja sa l-2010. Madankollu, hemm pressjoni ta' kompetittività qawwija mil-linji ta' l-ajru ta' prezz baxx fiż-żewġ każijiet u huwa għaldaqstant essenzjali li jiġu stimulati inizjattivi ġodda li jippromwovu kompetizzjoni bejn l-impriżi ferrovjarji.

(6)  Ma jkunx possibbli li jinfetaħ is-suq tas-servizzi tal-passiġġieri mingħajr dispożizzjonijiet dettaljati dwar l-aċċess ta' l-infrastruttura, progress sostanzjali dwar l-interoperabilità u qafas strett ta' sikurezza ferrovjarja fuq livell nazzjonali u Ewropew. Dawn l-elementi kollha issa huma fis-seħħ wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/12/KE (6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2001 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE, id-Direttiva 2004/51/KE (7) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li temenda d-Direttiva 91/440/KEE, id-Direttiva 2001/13/KE(8) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2001 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE, id-Direttiva 2001/14/KE, u d-Direttiva 2004/49/KE(9) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità. Jeħtieġ li dan il-qafas regolatorju ġdid ikun appoġġat minn prattika stabbilita u konsolidata mid-data proposta għall-ftuħ tas-suq tas-servizzi tal-passiġġieri. Stati Membri li daħlu fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Mejju 2004 jew wara għandu jkollhom id-dritt li jipposponu sa ħames snin id-data mmirata ta' l-2017 għal servizzi internazzjonali ta' passiġġieri.

(7)  In-numru ta' servizzi ta' linji ferrovjarji mingħajr waqfiet intermedji hu limitat ħafna. Fil-każ ta' vjaġġi mingħajr waqfiet intermedji, hu essenzjali li jiġu awtorizzati operaturi ġodda fis-suq biex itellgħu u jniżżlu passiġġieri matul ir-rotta biex jiżguraw li tali operazzjonijiet għandhom ċans realistiku ta' vijabilita ekonomika u sabiex jiġi evitat li kompetituri potenzjali jitpoġġew fi żvantaġġ ma' operaturi eżistenti, li għandhom id-dritt li jtellgħu u jniżżlu passiġġieri matul ir-rotta. Dan id-dritt għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-regolamenti Komunitarji u nazzjonali dwar il-politika ta' kompetizzjoni.

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 tas-26 ta' Ġunju 1969 dwar azzjoni mill-Istati Membri fir-rigward ta' l-obbligi inerenti fil-kunċett tas-servizz ta' trasport pubbliku bil-ferrovija, fit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni(10) awtorizza lill-Istati Membri u l-awtrotitajiet lokali bl-għotja ta' kuntratti ta' servizz pubbliku. Dawn il-kuntratti jista' jkun fihom drittijiet esklussivi biex jiġu operati ċerti servizzi. Hu għalhekk meħtieġ li jiġi żgurat li d-disposizzjonijiet ta' dak ir-Regolament ikunu konsistenti mal-prinċipju li servizzi internazzjonali tal-passiġġieri jinfetħu għall-kompetizzjoni.

(9)  Il-ftuħ ta' servizzi internazzjonali tal-passiġġieri, li jinkludu d-dritt li jittellgħu passiġġieri fi kwalunkwe stazzjon li jinsab fir-rotta ta' servizz internazzjonali u li jitniżżlu f'ieħor, inklużi l-istazzjonijiet li jinsabu fl-istess Stat Membru, għal kompetizzjoni jista' jkollu implikazzjonijiet fuq l-organizzazzjoni u l-finanzjament ta' servizzi ferrovjarji għal passiġġieri provduti taħt kuntratt ta' servizz pubbliku. L-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jillimitaw id-dritt għall-aċċess għas-suq fejn dan id-dritt ikun jikkomprometti l-bilanċ ekonomiku ta' dawn il-kuntratti ta' servizz pubbliku u fejn tingħata approvazzjoni mill-korpi regolatorji rilevanti msemmija fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14/KE abbażi ta' l-analiżi ekonomika objettiva,wara talba mill-awtoritajiet kompetenti li għamlu l-għotja tal-kuntratti ta' servizz pubbliku.

(10)  Xi Stati Membri diġà mxew biex jiftħu s-suq għal servizzi ferrovjarji għall-passiġġieri permezz ta' sejħiet għal offerti kompetittivi trasparenti u miftuħa għall-għoti ta' wħud mit-tali servizzi. Huma m'għandhomx għalfejn jipprovdu aċċess sħiħ miftuħ għas-servizzi għall-passiġġieri internazzjonali, billi din il-kompetizzjoni għad-dritt għall-użu ta' ċerti rotot ferrovjarji involviet test suffiċjenti tal-valur tas-suq għat-tħaddim ta' dawk is-servizzi.

(11)  Il-valutazzjoni ta' jekk il-bilanċ ekonomiku tal-kuntratt ta' servizz pubbliku jistax jiġi kompromess, għandha tieħu kont ta' kriterji pre-determinati bħall-impatt fuq il-profitabbilità ta' kwalunkwe servizz li hu inkluż fil-kuntratt ta' servizz pubbliku, domanda tal-passiġġieri, prezzijiet tal- biljetti, arranġamenti tal-biljetti, lokalità u numru ta' waqfiet fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera u skeda ta' ħin u frekwenza tas-servizz il-ġdid propost. Abbażi ta' din il-valutazzjoni u tad-deċiżjoni tal-korp regolatorju relevanti, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw, jimmodifikaw jew jimpedixxu d-dritt ta' aċċess għas-servizz mixtieq internazzjonali tal-passiġġieri, inkluż It-tqegħid ta" piżijiet fuq l-operatur ta' servizz internazzjonali tal-passiġġieri ġdid, f'konformità ma' l-analiżi ekonomika u skond il-liġi Komunitarja u l-prinċipji ta' ugwaljanza u non-diskriminazzjoni.

(12)  Sabiex issir kontribuzzjoni għall-operat ta' servizzi ta' passiġġieri fuq linji li jissodisfaw obbligu ta' servizz pubbliku, huwa xieraq li l-Istati Membri li jixtiequ jagħmlu dan jiġu permessi li jawtorizzaw l-awtoritajiet responsabbli għal dawk is-servizzi biex jimponu taxxa fuq is-servizzi tal-passiġieri li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni ta' dawk l-awtoritajiet. Dik it-taxxa għandha tikkontribwixxi għall-finanzjament ta' l-obbligi ta' servizz pubbliku konklużi skond il-liġi Komunitarja. It-taxxa għandha tiġi imposta skond il-liġi tal-Komunita', u b'mod partikolari skond il-prinċipji ta' ġustizzja, trasparenza, nuqqas ta' diskriminazzjoni u proporzjonalita'.

(13)  Il-korp regolatorju għandu jiffunzjona b'tali mod li jevita kwalunkwe konflitt ta' interessi u kwalunkwe involviment possibbli fl-għoti tal-kuntratt ta' servizz pubbliku taħt konsiderazzjoni. B'mod partikolari, l-indipendenza funzjonali tiegħu għandha tiġi assigurata jekk ikun konness mill-qrib, għal għanijiet legali jew organizzativi, ma' l-awtorità kompetenti involuta fl-għotja tal-kuntratt ta' servizz pubbliku taħt konsiderazzjoni. Il-kompetenza tal-korp regolatorju għandha tkun estiża biex tippermetti l-valutazzjoni ta' l-għan tas-servizz internazzjonali u, fejn adegwat, l-impatt ekonomiku potenzjali fuq kuntratti ta' servizz pubbliku eżistenti.

(14)  Din id-Direttiva tikkostitwixxi fażi ulterjuri tal-ftuħ tas-suq ferrovjarju. Xi Stati Membri diġà fetħu s-suq għas-servizzi internazzjonali tal-passiġġieri fit-territorju tagħhom. F'dan il-kuntest, din id-Direttiva m'għandhiex tinftiehem li toħloq obbligi għal dawk l-Istati Membri biex jagħtu, qabel l-1 ta' Jannar 2010, drittijiet ta' aċċess għal impriżi tal-ferroviji liċenzjati fi Stat Membru fejn drittijiet simili ma ġewx mogħtija.

(15)  Sabiex tinħoloq infrastruttura speċjalizzata, bħalma huma linji tal-ferrovija ta' veloċita? għolja, impriżi ferrovjarji jeħtieġu ppjanar u ċertezza legali proporzonati ma' l-investiment sostanzjali u fit-tul li jkun involut. Għalhekk għandu jkun possibbli għal dawn l-impriżi biex normalment jikkonkludu ftehim ta' qafas b'perjodu ta' mhux aktar minn 15-il sena. Id-Direttiva 2001/14/KE għandha tiġi emendata skond dan.

(16)  Il-korpi regolatorji nazzjonali għandhom abbażi ta' l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2001/14/KE, jagħmlu skambju ta' informazzzjoni u, fejn rilevanti f'każijiet individwali, jikkoordinaw fuq il-prinċipji u l-prattika li jagħmlu valutazzjoni dwar jekk il-bilanċ ekonomiku ta' kuntratt ta' servizz pubbliku huwiex kompromess. Huma għandhom b'mod progressiv jiżviluppaw linji gwida bbażati fuq l-esperjenzi tagħhom.

(17)  L-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għandha tkun valutata abbażi ta' żewġ rapporti li jiġu preżentati mill-Kummissjoni sena wara d-data tal-ftuħ tas-suq fis-servizzi internazzjonali u nazzjonali tal-passiġġieri, rispettivament. Għandu jiġi preżentat rapport ieħor mill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2012, li jiffoka fuq l-istat tal-preparazzjoni għall-ftuħ tas-suq ferrovjarju għal servizzi nazzjonali tal-passiġġieri u, possibilment, li jipproponi miżuri addizzjonali biex jiffaċilitaw dan il-pass.

(18)  Stat Membru li m'għandux sistema ta' linji ferrovjarji, u l-ebda prospett immedjat li jkollu waħda, ikollu obbligu sproporzjonat u futili li kieku kellu jittrasponi u jimplimenta d-Direttivi 91/440/KEE u 2001/14/KE. Għalhekk, tali Stati Membri għandu jkun eżenti, sakemm ma jkollux sistema ta' linji ferrovjarji, mill-obbligu għat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta' dawn id-Direttivi.

(19)  Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-Direttivi 91/440/KEE u 2001/14/KE għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta" Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni(11).

(20)  B'mod partikulari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta miżuri ta' ambitu ġenerali mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dawk id-Direttivi skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju stabbilita fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(21)  Peress illi l-għanijiet ta' din id-Direttiva, jiġifieri l-iżvilupp tal-linji ferrovjarji Komunitarji, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, meta tiġi meqjusa l-ħtieġa li jiġu żgurati kondizzjonijiet ġusti u non-diskriminitorji ta' aċċess għall-infrastruttura u jittieħed kont tad-dimensjoni ovvjament internazzjonali tal-mod kif partijiet importanti tan-networks tal-linji ferrovjarji joperaw, kif ukoll tal-ħtieġa għal azzjoni transnazzjonali koordinata, u jistgħu għaldaqstant jintlaħqu aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta" proporzjonalità, stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan il-għan.

(22)  Skond il-paragrafu 34 tal-ftehim Interistituzzjonali dwar leġislazzjoni aħjar(12), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom li sa fejn ikun possibbli juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta" traspożizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi.

(23)  Id-Direttivi 91/440/KEE u 2001/14/KE għandhom jiġu emendati skond dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 91/440/KEE hija b'dan emendata kif ġej:

1)  Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied ma' l-Artikolu 2:

"

4.  L-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva kwalunkwe servizz tal-linji ferrovjarji mwettaq madwar il-Komunità u li jibda u jispiċċa barra mill-Komunità.

"

2)  Ir-raba' inċiż ta' l-Artikolu 3 għandu jiġi mħassar;

3)  L-inċiż li ġej għandu jiddaħħal fl-Artikolu 3 wara l-ħames inċiż:

"
   - servizz internazzjonali tal-passiġġieri' għandu jfisser servizz għal passiġġieri fejn il-ferrovija taqsam mill-anqas fruntiera waħda ta' Stat Membru u fejn l-iskop prinċipali tas-servizz hu li jġorr passiġġieri bejn stazzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri differenti; il-ferrovija tista' tkun magħquda u/jew maqsuma, u sezzjonijiet differenti jista' jkollhom oriġini u destinazzjonijiet differenti sakemm il-vaguni kollha jaqsmu mill-anqas fruntiera waħda;
"

4)  L-inċiż li ġej għandu jiddaħħal fl-Artikolu 3 wara s-sitt inċiż:

"
   - transitu' għandu jfisser il-qsim tat-territorju Komunitarju li jiġi mwettaq mingħajr tagħbija jew ħatt ta' prodotti u/jew mingħajr ma jittellgħu jew jitniżżlu passiġġieri fit-territorju Komunitarju.
"

5)  L-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 5(3) għandu jitħassar;

6)  Il-frażi "u gruppi internazzjonali" għandha titħassar fl-Artikolu 8(1);

7)  Paragrafu (1) ta' l-Artikolu 10 għandu jitħassar;

8)  Il-paragrafi li ġejjin għandhom jiddaħħlu fl-Artikolu 10:

"

3a. Impriżi ferrovjarji fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 2 għandhom, għall-iskop li jiġu operati servizzi internazzjonali tal-passiġġieri, sa l-1 ta' Jannar 2010 jingħataw id-dritt ta' aċċess għall-infrastruttura fl-Istati Membri kollha. Impriżi ferrovjarji għandhom, matul is-servizz għal passiġġieri internazzjonali, ikollhom id-dritt li jtellgħu passiġġieri minn kwalunkwe stazzjon li jinsab fuq ir-rotta internazzjonali u jniżżluhom f'ieħor, inklużi l-istazzjonijiet li jinsabu fl-istess Stat Membru.

Id-dritt ta' aċċess għall-infrastruttura ta' l-Istati Membri li għalihom is-sehem ta' trasport internazzjonali ta' passiġġiera bil-ferrovija jikkostitwixxi iktar min-nofs tat-turnover ta' impriżi ta' linji ferrovjarji f'dak l-Istat Membru għandu jiġi garantit sa l-1 ta' Jannar 2012.

Jekk l-iskop prinċipali tas-servizz hux it-trasport ta' passiġġieri bejn stazzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri differenti għandu jkun determinat mill-korp jew kopri regolatorji relevanti msemmija fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14/KE wara talba mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti u/jew mill-impriżi tas-servizzi ferrovjarji interessati.

3b. L-Istati Membri jistgħu jillimitaw id-dritt ta' aċċess definit fil-paragrafu 3(a) dwar servizzi bejn post ta' tluq u ta' destinazzjoni li huma koperti minn kuntratt ta'servizz pubbliku wieħed jew aktar b'mod konformi mal-leġislazzjoni Komunitarja fis-seħħ. Tali limitazzjoni jista' ma jkollhiex l-effett li tnaqqas id-dritt li jittellgħu passiġġieri minn kwalunkwe stazzjon li jinsab fuq ir-rotta ta' servizz internazzjonali u li jitniżżlu f'ieħor inklużi stazzjonijiet li jinsabu fl-istess Stat Membru, minbarra fejn l-eżerċizzju ta' dan id-dritt jikkomprometti l-bilanċ ekonomiku ta' kuntratt ta' servizz pubbliku.

Jekk l-ekwilibriju ekonomiku jkunx kompromess għandu jkun determinat mill-korp jew korpi regolatorju/i relevanti msemmija fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14/KE abbażi ta' analiżi ekonomika objettiba u abbażi ta' kriterji determinati minn qabel, wara talba minn:

   l-awtorità kompetenti jew l-awtoritajiet kompetenti li jkunu taw il-kuntratt ta' servizz pubbliku;
   kwalunkwe awtorità kompetenti oħra interessata bid-dritt li tillimita l-aċċess taħt dan l-Artikolu;
   il-maniġer ta' l-infrastruttura, jew
   l-intrapriża tal-linji ferrovjarji li qed twettaq il-kuntratt ta' servizz pubbliku.

L-awtoritajiet kompetenti u l-impriżi tal-linji ferrovjarji li jipprovdu s-servizzi pubbliċi għandhom jipprovdu lill-korp jew korpi regolatorju/i relevanti bl-informazzjoni meħtieġa b'mod raġonevoli biex tinlaħaq deċiżjoni. Il-korp regolatorju għandu jikkunsidra l-informazzjoni provduta, jikkonsulta l-partijiet rilevanti kollha kif xieraq, u għandu jinforma lill-partijiet rilevanti bid-deċiżjoni raġunata tiegħu fi żmien pre-determinat u raġonevoli, u, fi kwalunkwe każ, fi żmien xahrejn minn meta jirċievi l-informazzjoni rilevanti kollha. Il-korp regolatorju għandu jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu u jispeċifikaw il-perijodu ta' żmien u l-kondizzjonijiet li fihom,

   l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti rilevanti,
   il-maniġer ta' l-infrastruttura,
   l-intrapriża tal-linji ferrovjarji li qed twettaq il-kuntratt ta' servizz pubbliku, jew
   l-intrapriża tal-linji ferrovjarji li qiegħda tfittex aċċess,
  

jistgħu jitolbu l-konsiderazzjoni mill-ġdid tad-deċiżjoni.

  

3ċ. L-Istati Membri jistgħu wkoll jillimitaw id-dritt li jittellgħu u jitniżżlu passiġġieri fi stazzjonijiet fl-istess Stat Membru fuq ir-rotta ta' servizz internazzjonali għall-passiġġieri fejn dritt esklussiv li jitwasslu passiġġieri bejn dawk l-istazzjonijiet ġie mogħti taħt kuntratt ta' konċessjoni qabel...(13) abbażi tal-proċedura ta' offerti ta' kuntratti ġusta u kompetittiva u b'mod konformi mal-prinċipji tal-liġi Komunitarja. Din il-limitazzjoni tista' tkompli tul iż-żmien oriġinali tal-kuntratt, jew għall-15-il sena, skond liema hu l-iqsar.

  

3d. Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva m'għandhomx jeħtieġu li Stat Membru jagħti, qabel l-1 ta' Jannar 2010, fir-rigward tas-servizzi internazzjonali tal-passiġġieri, id-dritt għal aċċess imsemmi fil-paragrafu 3a għall-intrapriżi tal-linji tal-ferrovija u s-sussidjarji kkontrollati indirettament jew direttament tagħhom, bil-liċenzja fi Stat Membru fejn drittijiet ta' aċċess ta' natura simili m'humiex mogħtija.

  

3e. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li d-deċiżonijiet imsemmija f' paragrafi 3b, 3ċ u 3d huma soġġetti għal reviżjoni ġudizzjarja.

  

3f. Mingħajr ħsara għall-paragrafu 3b, l-Istati Membri jistgħu, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu, jawtorizzaw lil awtorita? responsabbli għat-trasport ferrovjarju sabiex timponi taxxa fuq intrapriżi ferrovjarji li jipprovdu servizz internazzjonali tal-passiġġieri għall-operat ta' rotot li jaqgħu fil-ġuriżdizzjoni ta' dik l-awtorita? u li huma operati bejn żewġ stazzjonijiet f'dak l-Istat Membru.

F'dak il-każ, impriżi ferrovjarji li jipprovdu servizz nazzjonali tat-trasport għandhom ikunu suġġetti għall-istess taxxa fl-operat ta' dawk ir-rotot.

It-taxxa hija maħsuba biex tikkumpensa l-awtorita? għat-twettiq ta' l-obbligi ta' servizz pubbliku stabbiliti f'kuntratt ta' servizz pubbliku magħmul skond il-liġi Komunitarja. Il-kumpens m'għandux jisboq dak li hu meħtieġ biex ikopri l-ispiża li ssir fl-eżekuzzjoni ta' l-obbligi ta' servizz pubbliku wara li jittieħed kont tar-riċevuti rilevanti u profitt raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta' dawk l-obbligi.

It-taxxa għandha tiġi imposta skond il-liġi tal-Komunita', b'mod partikolari fir-rigward tal-prinċipji tal-ġustizzja, it-trasparenza, in-non-diskriminazzjoni u l-proporzjonalità, b'mod partikolari bejn il-prezz tas-servizz u l-livell tat-taxxa. It-taxxi totali imposti m'għandhomx jipperikolaw il-vijabiltà ekonomika tas-servizzi internazzjonali tal-passiġieri li huma imposti fuqhom.

L-awtoritajiet rilevanti għandhom iżommu l-informazzjoni meħtieġa biex jiżguraw li l-oriġini tat-taxxi u l-użu tagħhom jistgħu jiġu traċċati. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b'din l-informazzjoni.'';

"

9)  L-Artikolu 10(8) għandu jinbidel b' dan li ġej:

"

8.  ''8. Sa l-1 ta" Jannar 2009, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni rapport dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.

Dan ir-rapport għandu jindirizza:

   l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva fl-Istati Membri, b'mod partikulari l-impatt tagħha fl-Istati Membri żgħar, u l-funzjonament effikaċi tal-korpi varji involuti;
   l-iżvilupp tas-suq, b'mod partikolari tendenzi tat-traffiku internazzjonali, attivitajiet u qsim tas-suq ta' l-atturi kollha tas-suq, inklużi operaturi ġodda.'';

"

10)  Is-subparagrafu li ġej għandu jiżdied ma' l-Artikolu 10:

"

9.  "9. Sa l-1 ta' Jannar 2018, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni rapport dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 3b u 3d.

F'rapport li għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni sal-31 ta' Diċembru 2012, il-Kummissjoni għandha speċifikament tanalizza l-istat ta' preparament għall-ftuħ tas-suq ferrovjarju għal servizzi nazzjonali ta' passiġġieri. F'dan ir-rapport il-Kummissjoni għandha, jekk ikun xieraq, tipproponi miżuri komplementari oħra biex jiġi ffaċilitat il-ftuħ ta' dan is-suq u l-konformita' ma' l-obbligi ta' servizz pubbliku.

"

(11)  L-Artikolu 11(2) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"

2.  Il-miżuri meħtieġa biex l-Annessi jiġu adattati għandhom jiġu adottati fkonforità mal- proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 11a(3).

"

(12)  L-Artikolu 11a(3) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"

3.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

"

13)  Is-subparagrafu li ġej għandu jiżdied ma' l-Artikolu 15:

"

L-obbligi għat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva m'għandhomx japplikaw għal Ċipru u għal Malta sakemm l-ebda sistema ferrovjarja ma tiġi stabbilita fit-territorju tagħhom.

"

Artikolu 2

Id-Direttiva 2001/14/KE għandha tiġi emendata kif ġej:

1)  Il-punt li ġej għandu jiżdied mal-paragrafu (3) ta' l-Artikolu 1:

"
   e) Operazzjonijiet ta' trasport fil-forma ta' servizzi ferrovjarji li huma mwettqa fi transitu madwar il-Kommunità.
"

2)  Il-punt li ġej għandu jiżdied ma' l-Artikolu 2:

"
   n) "transitu" għandha tfisser il-qsim tat-territorju Komunitarju li jiġi mwettaq mingħajr tagħbija jew ħatt ta' prodotti, u/jew mingħajr ma jittellgħu jew jitniżżlu passiġġieri fit-territorju Komunitarju.
"

3)  Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied ma' l-Artikolu 13:

"

4.  Fejn applikant għandu l-intenzjoni li jitlob kapaċità ta' infrastruttura bil-ħsieb li jopera servizz internazzjonali tal-passiġġieri kif definit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/440/KEE, huwa għandu jinforma lill-maniġers ta' l-infrastruttura u l-korpi regolatorji konċernati. Sabiex tiġi permessa l-valutazzjoni ta' l-għan tas-servizz internazzjonali tat-trasport ta' passiġġieri bejn stazzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri differenti, u l-impatt ekonomiku potenzjali fuq kuntratti ta' servizz pubbliku eżistenti, il-korpi regolatorji għandhom jiżguraw li kwalunkwe awtorità kompetenti li tat servizz ferrovjarju għal passiġġieri definit f'kuntratt ta' servizz pubbliku, kwalunkwe awtorità kompetenti oħra interessata bid-dritt li tillimita l-aċċess taħt l-Artikolu 10 (3b) tad-Direttiva 91/440/KEE u kwalunkwe intrapriża tal-linji ferrovjarji li qed twettaq il-kuntratt ta' servizz pubbliku fuq ir-rotta ta' dan is-servizz internazzjonali għall- passiġġieri tkun infurmata.

"

4)  L-Artikolu 17(5) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"

5.  ''5. Ftehim kwadru għandhom fil-prinċipju jkopru perijodu ta' ħames snin, li jistgħu jiġġeddu għal perijodi ugwali għat-tul ta' żmien oriġinali tagħhom. Il-maniġer ta' l-infrastrutura jista' jaqbel ma' perijodi iqsar jew itwal f'każijiet speċifiċi. Kwalunkwe perijodu itwal minn ħames snin għandu jiġi ġustifikat mill-eżistenza ta' kuntratti kummerċjali, investimenti speċjalizzati jew riskji.

5a. Għal servizzi li qed jużaw infrastruttura speċjalizzata, imsemmija fl-Artikolu 24, li jeħtieġu investiment sostanzjali u fuq tul ta' żmien, ġustifikat b'mod dovut mill-applikant, ftehim kwadru jistgħu jkunu ta' perijodu ta' 15-il sena. Kwalunkwe perijodu itwal minn 15-il sena għandu jkun permissibbli biss f'każijiet eċċezzjonali, b'mod partikolari fejn hemm investiment kbir u ta' tul ta' żmien, u speċjalment fejn tali investiment hu kopert minn impenji kuntrattwali inkluż pjan pluriennali ta' ħlas ta' dejn.

Il-ħtiġiet ta' l-applikant f'dan il-każ jistgħu jitolbu definizzjoni dettaljata tal-karattersitiċi tal-kapaċità - inkluża l-frekwenza, il-volum u l-kwalità tal-passaġġi tal-ferroviji - li għandhom ikunu provduti lill-applikant għat-tul tal-ftehim kwadru. Il-maniġer ta' l-infrastruttura jista' jnaqqas kapaċità riżervata li, fuq perijodu ta' mill-anqas xahar, tkun intużat anqas mill-kwota ta' limitu msemmija fl-Artikolu 27.

Mill-1 ta' Jannar 2010 'il quddiem, għal servizzi internazzjonali ta' passiġġieri, mill-1 ta' Jannar 2010 'il quddiem, ftehim kwadru inizjali jista' jitfassal għal perijodu ta' ħames snin, li jista' jiġġedded darba, abbażi tal-karatteristiċi tal-kapaċità użati mill-applikanti li joperaw servizzi qabel l-1 ta' Jannar 2010, sabiex jittieħed kont ta' l-investimenti speċjalizzati jew ta' l-eżistenza ta' kuntratti kummerċjali. Il-korp regolatorju msemmi fl-Artikolu 30 għandu jkun responsabbli sabiex jawtorizza d-dħul fis-seħħ ta' tali Ftehim.'';

"

5)  Is-sentenza li ġejja għandha tiddaħħal qabel l-aħħar sentenza ta' l-Artikolu 30(1):

"

Barra minn hekk għandu jkun indipendenti funzjonalment minn kwalunkwe awtorità kompetenti involuta fl-għotja ta' kuntratt ta' servizz pubbliku.

"

6)  L-Artikolu 34(3) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"

3.  Il-miżuri meħtieġa biex l-Annessi jiġu adattati għandhom jiġu adottati f'konformita? mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 35(3).

"

7)  L-Artikolu 35(3) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"

3.  Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, skond id-dispożizzjonijiet ta' Artikolu 8 tagħha.

"

8)  Is-sub-paragrafu li ġej għandu jiddaħħal fl-Artikolu 38:

"

L-obbligi għal traspożizzjoni u implimentazzjoni ta' din id-Direttiva m'għandhomx japplikaw għal Ċipru u għal Malta sakemm l-ebda sistema ferrovjarja ma tiġi stabbilita fit-territorju tagħhom.

"

Artikolu 3

1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma" din id-Direttiva qabel ...(14). Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta" dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-disposizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fil-ħin tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif issir tali referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-disposizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

3.  Id-disposizzjonijiet tal-punti 2, 5, 6 u 7 ta' l-Artikolu 1 għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2010.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta" wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi ,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

(1) ĠU C 221, 8.9.2005, p.56.
(2) ĠU C 71, 22.3.2005, p. 26.
(3) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Settembru 2005 (ĠU C 227 E, 21.9.2006, p. 460), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta' l-24 ta' Lulju 2006 (ĠU C 289 E, 28.11.2006, p. 30) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Jannar 2007.
(4) ĠU L 237, 24.8.1991, p. 25. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/103/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 344).
(5) ĠU L 75, 15.3.2001, p. 29. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2004/49/KE (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44). Verżoni rettifikata fil-ĠU L 220, 21.6.2004, p. 16.
(6) ĠU L 75, 15.3.2001, p. 1.
(7) ĠU L 220, 21.6.2004, p. 58.
(8) ĠU L 75, 15.3.2001, p. 26.
(9) ĠU L 220, 21.6.2004, p.16.
(10) ĠU L 156, 28.6.1969, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KEE) Nru 1893/91 (ĠU L 169, 29.6.1991, p. 1).
(11) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).
(12) ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.
(13)+ ĠU: Jekk jogħġbok daħħal id-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.
(14)* 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

Avviż legali - Politika tal-privatezza