Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2004/0049(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0479/2006

Testi mressqa :

A6-0479/2006

Dibattiti :

PV 17/01/2007 - 9
CRE 17/01/2007 - 9

Votazzjonijiet :

PV 18/01/2007 - 9.5
CRE 18/01/2007 - 9.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0005

Testi adottati
PDF 770kWORD 379k
Il-Ħamis, 18 ta' Jannar 2007 - Strasburgu
Id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tat-trasport ferrovjarju internazzjonali ***II
P6_TA(2007)0005A6-0479/2006
Riżoluzzjoni
 Test konsolidat

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill fir-rigward ta' l-adozzjoni ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tat-trasport ferrovjarju internazzjonali (5892/1/2006 – C6-0311/2006 – 2004/0049(COD))

(Proċedura ta' kodeċiżjoni: it-tieni qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill (5892/1/2006 – C6-0311/2006)(1),

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari(2) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2004)0143),(3)

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 62 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A6-0479/2006),

1.  Japprova l-pożizzjoni komuni kif emendata;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 289 E, 28.11.2006, p. 1.
(2) ĠU C 227 E, 21.9.2006, p. 490.
(3) Għadha mhix ippubblikata fil-ĠU.


Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fit-tieni qari fit-18 ta' Jannar 2007 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru .../2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri ferrovjarji
P6_TC2-COD(2004)0049

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 71(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni(2),

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat(3),

Billi:

(1)  Fil-qafas tal-politika komuni tat-trasport, huwa importanti li d-drittijiet ta' l-utent tal-passiġġieri ferrovjarji jkunu mħarsa u tittejjeb il-kwalità u l-effiċjenza tas-servizzi tal-passiġġieri ferrovjarji sabiex ikun hemm għajnuna fit-tkabbir tas-sehem tat-trasport ferrovjarju meta mqabbel ma' mezzi oħra tat-trasport.

(2)  Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ''L-Istrateġija dwar il-Politika tal-Konsumatur għall-2002-2006(4)" tistabilixxi l-għan li jinkiseb livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur fil-qasam tat-trasport, kif jitlob l-Artikolu 153(2) tat-Trattat.

(3)  Ġialadarba l-passiġġier tal-ferroviji huwa l-parti d-dgħajfa fil-kuntratt tat-trasport, għandhom jiġu mħarsa d-drittijiet tal-passiġġier f'dan ir-rigward.

(4)  Id-drittijiet ta' l-utenti għas-servizzi ferrovjarji jinkludu li jirċievu informazzjoni rigward is-servizz ta' qabel u matul il-vjaġġ. Kull meta hu possibbli, impriżi ferrovjarji u bejjiegħa tal-biljetti għandhom jipprovdu din l-informazzjoni minn qabel u mill-iktar fis possibbli.

(5)  Ħtiġiet aktar dettaljati rigward l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ivvjaġġar se jitniżżlu fl-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà (TSI) msemmija fid-Direttiva 2001/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2001 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali(5).

(6)  It-tisħiħ tad-drittijiet tal-passiġġieri ferrovjarji għandu jinbena fuq is-sistema ta' liġi internazzjonli diġà eżistenti fuq is-suġġett li tinsab fl-Appendiċi A - Regoli Uniformi rigward il-Kuntratt għat-Trasport Internazzjonali ta' Passiġġieri u Bagalji bil-Ferrovija (CIV) mal-Konvenzjoni rigward it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta' Mejju 1980, kif modifikat mill-Protokoll għall-modifikazzjoni tal-Konvenzjoni rigward it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tat-3 ta' Ġunju 1999 (il-Protokoll ta' l-1999). Madankollu huwa mixtieq li l-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jiġi estiż sabiex jipproteġi mhux biss il-passiġġieri internazzjonali imma wkoll dawk domestiċi.

(7)  L-impriżi ferrovjarji għandhom jikkoperaw sabiex jiġi ffaċilitat it-trasferiment ta' passiġġieri ferrrovjarji minn operatur għal ieħor permezz tal-fornitura ta' biljetti integrati, kull meta dan ikun possibbli.

(8)  It-twassil ta' informazzjoni u biljetti lill-passiġġieri ferrovjarji għandu jkun faċilitat bl-adattazjoni ta' sistemi kompjuterizzati bi speċifikazzjonijiet komuni.

(9)  L-implimentazzjoni ulterjuri tas-sistemi ta' informazzjoni dwar l-ivjaġġar u riservazzjoni għandha tiġi esegwita skond it-TSIs.

(10)  Is-servizzi tal-passiġġieri ferrovjarji għandhom jibbenefikaw liċ-ċittadini in ġenerali. Għaldaqstant persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa, kemm jekk ikkawżata minn diżabilità, età jew fattur ieħor, għandhom ikollhom opportunitajiet għall-ivvjaġġar bil-ferrovija li jistgħu jitqabblu ma' dawk ta' ċittadini oħra. Persuni b'diżabilità u persuni b'mobbiltà mnaqqsa għandhom l-istess dritt bħaċ-ċittadini l-oħra kollha għall-moviment liberu, għall-libertà ta' l-għażla u għan-non-diskriminazzjoni. Fost oħrajn, għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-għoti ta' informazzjoni lil persuni b'diżabbiltà u lil persuni b'mobbiltà mnaqqsa rigward l-aċċessibbiltà tas-servizzi ferrovjarji, l-aċċess għal kondizzjonijiet ta' vetturi tar-roti u l-faċilitajiet abbord. Sabiex passiġġieri b'indeboliment sensorju jkun mogħtija l-aħjar informazzjoni dwar dewmien, għandhom jintużaw, kif jixraq, sistemi viżivi u awditivi. Għandu jkun possibbli għal persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa li jixtru l-biljetti minn fuq il-ferrovija mingħajr tariffi żejda.

(11)  L-impriżi ferrovjarji u d-diretturi ta' l-istazzjonijiet għandhom jikkunsidraw il-bżonnijiet ta' persuni b'diżabbiltà jew ta' persuni b'mobbiltà mnaqqsa, permezz ta' konformità mat-TSIs għal persuni b'mobbilita mnaqqsa, sabiex jiżguraw li, b'konformità mar-regoli Komunitarji ta' akkeist pubbliku, kull bini u vetturi ferrovjarji jkunu aċċessibbli billi progressivament jitneħħew l-ostakli fiżiċi u t-tfixikil funzjonali meta jinxtara materjal ġdid jew isir xogħol ta' kostruzzjoni jew xogħol maġġuri ta' rinnovazzjoni.

(12)  L-impriżi ferrovjarji għandhom ikunu obbligati li jkunu assikurati, jew li jkollhom arranġamenti ekwivalenti, għar-responsabbilità tagħhom lejn il-passiġġieri ferrovjarji fil-każ ta' inċident. Huwa mixtieq li jkun determinat ammont minimu ta' assikurazzjoni għall-impriżi ferrovjarji.

(13)  It-tisħiħ tad-drittijiet ta' kumpens u assistenza fil-każ ta' dewmien, ta' telf ta' konnessjoni ma' ferrovija oħra jew ta' kanċellament ta' servizzi għandu jwassal għal inċentivi akbar għas-suq tal-passiġġieri ferrovjarji, għall-benefiċċju tal-passiġġieri.

(14)  Huwa mixtieq li dan ir-Regolament għandu joħloq sistema ta' kumpens għall-passiġġieri fil-każ ta' dewmien, li hija marbuta mar-responsabbiltà ta' l-impriża tal-ferrovija, fuq l-istess bażi bħas-sistema internazzjonali pprovduta mill-COTIF u b'mod partikolari l-appendiċi CIV għalih dwar id-drittijiet tal-passiġġieri.

(15)  Hija ħaġa mixtieqa wkoll li l-vittmi ta' inċidenti u dawk li jiddependu fuqhom ikunu meħlusa minn preokkupazzjonijiet finanzjarji għaż-żmien qasir fil-perjodu eżatt wara l-inċident.

(16)  Huwa fl-interess tal-passiġġieri ferrovjarji li jittieħdu miżuri xierqa, bi ftehim ma' l-awtoritajiet pubbliċi, sabiex jiżguraw is-sigurtà personali tagħhom fl-istazzjonijiet kif ukoll fuq il-ferroviji.

(17)  Il-passiġġieri ferrovjarji għandhom ikunu kapaċi li jagħmlu lment lil kwalunkwe intrapriża ferrovjarja jew bejjiegħ tal-biljetti involut rigward id-drittijiet u l-obbligi mogħtija minn dan ir-Regolament, u għandhom ikun intitolati li jirċievu risposta f'perjodu ta' żmien raġjonevoli.

(18)  Il-kontenut ta' dan ir-Regolament għandu jkun rivedut fir-rigward ta' l-aġġustament ta' ammonti finanzjarji għall-inflazzjoni u l-informazzjoni u l-ħtiġiet ta' kwalità tas-servizz fid-dawl ta' żviluppi fis-suq kif ukoll fid-dawl ta' l-effetti ta' dan ir-Regolament fuq il-kwalità tas-servizz.

(19)  Dan ir-Regolament għandu jkun bla ħsara għad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru, 1995, dwar il-ħarsien ta' l-individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' informazzjoni personali u dwar il-moviment ħieles ta' informazzjoni bħal din(6).

(20)  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu penali applikabbli għall-ksur ta' dan ir-Regolament u jiżguraw li dawn il-penali jiġu applikati. Il-penali, li jistgħu jinkludu l-ħlas ta' kumpens lill-persuna in kwistjoni, iridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(21)  Peress li l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, prinċipalment l-iżvilupp tal-ferroviji tal-Komunità u l-introduzzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri, ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri, u għalhekk jistgħu jintlaħqu aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarità kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(22)  L-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jintroduċi drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport ferrovjarju nazzjonali u internazzjonali. Uħud mid-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jkunu jeħtieġu aġġustamenti kbar f'xi Stati Membri. Konsegwentament, Stati Membri li jinsabu f'sitwazzjoni straordinarja għandu jkollhom l-għażla li jagħtu eżenzjonijiet temporanji minn ċerti miżuri stipulati f'dan ir-Regolament rigward il-vjaġġi nazzjonali fuq it-territorju tagħhom jew fuq biċċa minnu. F'uħud mill-Istati Membri, il-kuntratti ta' servizz pubbliku jipprovdu għal sistema ta' kumpens xieraq li jitħallas lill-awtoritajiet fil-każ ta' dewmien. L-Istati Membri li jipprovdu għal sistema bħal din fil-kuntratti tagħhom ta' servizz pubbliku għandu jkollhom l-għażla li jkunu temporanjament eżenti mid-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament f'dak li jirrigwarda l-kumpens fil-każ ta' dewmien.

(23)  Il-miżuri meħtieġa għall-implementazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni(7).

(24)   B'mod partikulari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta miżuri ta' ambitu ġenerali mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament jew sabiex jissupplimenawh biż-żieda ta' elementi ġodda mhux essenzjali. Dawn il-miżuri għandhom ikunu adottati f'konformità mal-proċedura regolatorja bi skrutinju stipulata fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli fir-rigward ta' dan li ġej:

   a) l-informazzjoni li trid tingħata mill-impriżi ferrovjarji, il-konklużjoni ta' kuntratti ta' trasport, il-ħruġ ta' biljetti u l-implimentazzjoni ta' Sistema ta' Informazzjoni u Riservazzjoni Kompjuterizzata għat-Trasport Ferrovjarju,
   b) ir-responsabbiltà ta' l-impriżi ferrovjarji u l-obbligi tagħhom ta' l-assigurazzjoni għal passiġġieri u l-bagalji tagħhom,
   c) ċ) l-obbligi ta' l-impriżi ferrovjarji għal passiġġieri f'każ ta' dewmien,
   d) il-protezzjoni ta' persuni b'diżabbiltà u ta' persuni b'mobbiltà mnaqqsa li jivvjaġġaw bil-ferrovija u l-assistenza għalihom,
   e) l-immaniġġar tar-riskji tas-sigurtà tal-passiggġeri u l-indirizzar ta' l-ilmenti, u
   f) regoli ġenerali dwar l-infurzar.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.  Dan ir-regolament għandu japplika għall-vjaġġi u s-servizzi kollha fil-Komunità kollha forniti minn wieħed jew aktar mill-impriżi ferrovjarji liċenzjati skond id-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE tad-19 ta' Ġunju 1995 dwar il-liċenzjar ta' l-impriżi ferrovjarji(8).

Kuntratti ta' servizz pubbliku għandhom jiggarantixxu mill-anqas il-livell ta' protezzjoni provdut f'dan ir-Regolament.

2.  Dan ir-Regolament ma japplikax għall-impriżi ferrovjarji u għall-fornituri ta' servizzi li m'għandhomx liċenzja skond id-Direttiva 95/18/KE.

3.  Għal perjodu massimu ta' 10 snin, f'ċirkostanzi eċċezzjonali li jimpedixxu l-implimentazzjoni immedjata jew fiż-żmien qasir ta' dan ir-Regolament minħabba l-investiment kbir meħtieġ u d-diffikultajiet prattiċi ffaċċjati meta jsir il-bdil strutturali neċessarju fis-servizzi ferrovjarji u l-immodernizzar tal-vetturi ferrovjarji, Stat Membru jista', fuq bażi trasparenti u mhux diskriminatorja, jagħti eżenzjoni temporanja mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, partikularment id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 9, 10, 17 u 18, għal servizzi partikulari jew għal taqsimiet speċifiċi.

4.  Dawk l-Istati Membri li l-kuntratti ta' servizz pubbliku tagħhom diġà fihom arranġamenti għar-rimborż u l-kumpens għal dewmien, konnessjonijiet mitlufa u kanċellazzjonijiet jistgħu jagħtu eżenzjoni temporanja lill-impriżi ferrovjarji mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 17 u 18 sa massimu ta' għaxar snin, limitata għas-servizz provdut u għat-taqsima speċifika. Eżenzjoni bħal din hija permissibbli fir-rigward ta' arranġamenti li jipprovdu livell ta' protezzjoni għad-drittijiet tal-passiġġieri li huwa ekwivalenti għal dak mogħti taħt dan ir-Regolament.

5.  L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'eżenzjonijiet mogħtija taħt il-paragrafu 4. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi jekk eżenzjoni bħal din hix konformi ma' dan l-Artikolu u li ma tmurx kontra l-interessi tal-Komunità.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-għan ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

   1. "impriża ferrovjarja" tfisser impriża ferrovjarja kif definita fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/14/KE(9), u kwalunkwe impriża pubblika jew privata, li l-attività tagħha hi li tipprovdi t-trasport ta' merkanzija u/jew passiġġieri bil-ferrovija fuq il-bażi li l-impriża għandha tiżgura l-ġbid; dan jinkludi wkoll impriżi li jipprovdu biss il-ġbid;
   2. "trasportatur" tfisser l-impriża ferrovjarja kuntrattwali li magħha l-passiġġier ikkonkluda l-kuntratt ta' trasport jew serje ta' impriżi ferrovjarji suċċessivi li jinżammu responsabbli abbażi ta' dan il-kuntratt;
   3. "trasportatur sostituttiv" tfisser impriża ferrovjarja, li ma kkonkludietx il-kuntratt ta' trasport mal-passiġġier, iżda li lilha l-impriża ferrovjarja li hi parti għall-kuntratt fdat, bis-sħiħ jew parzjalment, it-twettiq tat-trasport bil-ferrovija;
   4. "amministratur ta' l-infrastruttura" tfisser kwalunkwe korp jew impriża li huma responsabbli b'mod partikolari għall-istabbiliment u l-manteniment ta' infrastruttura ferrovjarja, jew ta' parti minnha, kif definit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/440/KEE(10), li jista' wkoll jinkludi l-amministrazzjoni ta' sistemi ta' kontroll u sikurezza ta' l-infrastruttura; il-funzjonijiet ta' l-amministratur ta' l-infrastruttura fuq netwerk jew parti minn netwerk jistgħu jiġu allokati lil korpi jew impriżi differenti;
   5. "amministratur ta' l-istazzjon" tfisser entità organizzattiva fi Stat Membru, li ngħatat r-responsabilità għall-amministrazzjoni ta' stazzjon ferrovjarju u li tista' tkun l-amministrattur ta' l-infrastruttura;
   6. "operatur tal-vjaġġi" tfisser, organizzatur jew bejjiegħ, minbarra impriża ferrovjarja, fit-tifsira ta' l-Artikolu 2, punti (2) u (3) tad-Direttiva 90/314/KEE(11);
   7. "bejjiegħ tal-biljetti" tfisser kull bejjiegħ bl-imnut ta' servizzi ta' trasport ferrovjarju li jikkonkludi kuntratti ta' trasport u li jbiegħ biljetti f'isem l-impriża ferrovjarja jew għalih innifsu;
   8. "Kuntratt ta' trasport" tfisser kuntratt ta' trasport bi ħlas jew mingħajr ħlas bejn impriża ferrovjarja jew bejjiegħ tal-biljetti u l-passiġġier għall-provvediment ta' servizz ta' trasport wieħed jew aktar;
   9. "riservazzjoni" tfisser awtorizzazzjoni, fuq il-karti jew f'forma elettronika, li tagħti d-dritt għal trasport soġġett għal arranġamenti personalizzati ta' trasport ikkonfermati preċedentement;
   10. "biljett globali" tfisser biljett jew biljetti li jirrapreżentaw kuntratt ta' trasport konkluż għall-użu ta' servizzi ferrovjarji suċċessivi mħaddma minn impriża ferrovjarja waħda jew aktar;
   11. "vjaġġ internazzjonali" tfisser vjaġġ għall-passiġġieri bil-ferrovija bejn żewġ Stati Membri taħt kuntratt ta' trasport uniku li bih, bejn il-post tat-tluq u l-post tad-destinazzjoni, passiġġier jaqsam minn ta' l-inqas fruntiera waħda ta' Stat Membru u fejn, taħt l-istess kuntratt, il-passiġġier jivjaġġa minn ta' l-inqas fuq servizz internazzjonali wieħed. Il-passiġġier jista', skond il-postijiet tat-tluq u tad-destinazzjoni fil-kuntratt ta' trasport, jivjaġġa wkoll fuq servizz domestiku wieħed jew aktar;
   12. "vjaġġ domestiku" tfisser vjaġġ għall-passiġġier bil-ferrovija taħt kuntratt ta' trasport uniku li bih passiġġier ma jaqsamx il-fruntiera ta' Stat Membru;
   13. "sevizz internazzjonali" tfisser servizz ferrovjarju li jibda u jintemm fil-Komunità u jaqsam ta' l-inqas fruntiera waħda ta' Stat Membru;
   14) 14 "servizz domestiku" tfisser servizz ferrovjarju għall-passiġġieri li ma jaqsamx fruntiera ta' Stat Membru;
   15. "dewmien" tfisser id-differenza fil-ħin bejn il-ħin meta l-passiġġier kien previst jasal skond il-ħinijiet pubblikati u l-ħin tal-wasla attwali jew mistennija tiegħu jew tagħha;
   16. "biljett staġunali" jfisser kuntratt ta' trasport li jippermetti lid-detentur tiegħu li jivjaġġa għal ċertu perjodu ta' żmien fuq ċertu rotta;
  17. "Sistema ta' Informazzjoni u Riservazzjoni Kompjuterizzata għat-Trasport Ferrovjarju (CIRSRT)" tfisser sistema kompjuterizzata li fiha informazzjoni dwar servizzi ferrovjarji offruti minn impriżi ferrovjarji; l-informazzjoni maħżuna fic-CIRSRT dwar sevizzi għall-passiġġieri għandha tinkludi informazzjoni dwar:
   a) skedi u ħinijiet tas-servizzi għall-passiġġieri;
   b) disponibbiltà ta' post fuq is-servizzi għall-passiġġieri;
   ( ċ) nollijiet u kondizzjonijiet speċjali;
   d) aċċessibbiltà tal-ferroviji għal persuni b'diżabbiltà u għal persuni b'mobbiltà mnaqqsa;
   e) faċilitajiet li bihom jistgħu jsiru riservazzjonijiet jew jinħarġu biljetti jew biljetti globali sal-punt safejn uħud minn jew il-faċilitajiet kollha jsiru disponibbli għall-utenti;
   18) 18. "persuna b'diżabbiltà" jew "persuna b'mobbiltà mnaqqsa" tfisser kull persuna li l-mobbiltà tagħha fl-użu tat-trasport hija mnaqqsa minħabba diżabilità fiżika (tas-sensi jew relatata mal-lokomozzjoni, permanenti jew temporanja), diżabilità jew nuqqas intelletwali , jew kull kawża oħra ta' diżabilità minħabba l-età, u liema sitwazzjoni teħtieġ attenzjoni xierqa u adattazzjoni għall-bżonnijiet partikulari tiegħu jew tagħha fis-servizz disponibbli għall-passiġġieri kollha;
   19. "Kondizzjonijiet Ġenerali tat-trasport" tfisser il-kondizzjonijiet tat-trasportatur fil-forma ta' kondizzjonijiet ġenerali jew tariffi legalment fis-seħħ f'kull Stat Membru u li saru, bil-konklużjoni tal-kuntratt tat-trasport, parti integrali minnu;
   20) 20. "vettura" tfisser vettura bil-mutur jew trejler li jinġarru fl-okkażjoni tat-trasport tal-passiġġieri.

KAPITOLU II

KUNTRATT TA' TRASPORT, INFORMAZZJONI U BILJETTI

Artikolu 4

Disposizzjonijiet dwar il-kuntratt ta' trasport

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu, il-konklużjoni u t-twettiq ta' kuntratt għat-trasport ta' persuni u tal-bagalji, il-pramms tat-tfal, is-siġġijiet tar-roti, ir-roti u t-tagħmir ta' l-isport tagħhom u l-forniment ta' informazzjoni u ta' biljetti għandu jkun irregolat mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu II u t-Titolu III ta' l-Anness I.

Artikolu 5

Pramms tat-tfal, siġġijiet tar-roti, roti u tagħmir ta' l-isport

Il-ferroviji kollha, inklużi dawk internazzjonali u ta' veloċità għolja, għandhom jipprovdu żona speċjalment maħsuba sabiex il-passiġġieri jkunu jistgħu jtellgħu fuq il-ferrovija pramms tat-tfal, siġġijiet tar-roti, roti u tagħmir ta' l-isport, jekk ikun xieraq, bi ħlas.

Artikolu 6

Esklużjoni tar-rinunzji u stipulazzjoni tal-limiti

1.  L-obbligi lejn il-passiġġieri skond dan ir-Regolament ma jistgħux jiġu limitati jew irrinunzjati, b'mod partikolari permezz ta' xi deroga jew klawżola restrittiva fil-kuntratt ta' trasport.

2.  L-impriżi ferrovjarji jistgħu joffru kondizzjonijiet kuntrattwali aktar favorevoli għall-passiġġieri mill-kondizzjonijiet imniżżla f'dan ir-Regolament.

Artikolu 7

L-obbligazzjoni li tkun ipprovduta informazzjoni li tikkonċerna l-interruzzjoni ta' servizzi ferrovjarji

L-impriżi ferrovjarji għandhom jgħarrfu lill-pubbliku permezz ta' mezzi xierqa, u qabel l-implimentazzjoni tagħhom, dwar deċiżjonijiet biex ikunu interrotti servizzi ferrovjarji.

Artikolu 8

Informazzjoni dwar l-ivjaġġar

1.  Mingħajr ħsara għall-Artikolu 10, l-impriżi ferrovjarji u l-bejjiegħa tal-biljetti li joffru kuntratti tat-trasport f'isem intrapriża waħda jew aktar ferrovjarja għandhom, meta mitluba, jipprovdu lill-passiġġier għall-anqas l-informazzjoni stabbilita fl-Anness II, Parti I relatata mal-vjaġġi li għalihom ikun offrut kuntratt ta' trasport mill-intrapriża ta' trasport ferrovjarju kkonċernata. Il-bejjiegħa tal-biljetti li joffru kuntratti ta' trasport f'isimhom stess, u l-operaturi ta' l-ivvjaġġar, għandhom jipprovdu din l-informazzjoni fejn din tkun disponibbli.

2.  L-impriżi ferrovjarji għandhom, waqt il-vjaġġ, jipprovdu lill-passiġġier għall-anqas l-informazzjoni stabbilita fl-Anness II, Parti II.

3.  L-informazzjoni stabbilita fil-paragrafi 1 u 2, inkluż, fejn provduta permezz ta' sistemi ta' bejgħ elettroniċi, għandhom ikunu pprovduti f'format li jkun aċċessibbli u li jinftiehem. F'dan ir-rigward, għandha tingħata attenzjoni partikulari għall-ħtiġijiet ta' nies b'indeboliment tas-smigħ u/jew tal-vista.

Artikolu 9

Id-disponibbiltà ta' biljetti, permezz ta' biljetti u riservazzjonijiet

1.  L-impriżi ferrovjarji u l-bejjiegħa tal-biljetti għandhom joffru, fejn disponibbli, biljetti, permezz ta' biljetti u riservazzjonijiet.

2.  Mingħajr ħsara għall-paragrafu 4, l-impriżi ferrovjarji għandhom iqassmu l-biljetti lill-passiġġieri permezz ta' mill-inqas wieħed mill-punti ta' bejgħ li ġejjin:

   a) l-uffiċċji tal-biljetti jew il-magni tal-bejgħ;
   b) it-telefon/l-internet jew kull teknoloġija ta' l-informatika oħra li tkun disponibbli b'mod estensiv;
   ( ċ) abbord il-ferroviji.

3.  Bla ħsara għall-paragrafi 4 u 5, l-impriżi ferrovjarji għandhom iqassmu l-biljetti għas-servizzi pprovduti taħt kuntratti ta' servizz pubbliku permezz ta' mill-inqas wieħed mill-punti ta' bejgħ li ġejjin:

   a) uffiċċji tal-biljetti jew magni tal-bejgħ;
   b) abbord il-ferroviji.

4.  L-impriżi ferrovjarji għandhom joffru l-possibbiltà li jinkisbu l-biljetti għas-servizz rispettiv abbord il-ferrovija, sakemm dan mhux illimitat jew miċħud minħabba raġunijiet ta' sigurtà jew ta' politika kontra l-frodi jew minħabba riservazzjoni ferrovjarja obbligatorja jew raġunijiet kummerċjali raġonevoli.

5.  Fejn ma jkunx hemm uffiċċju tal-biljetti jew makna tal-bejgħ fl-istazzjon tat-tluq, il-passiġġieri għandhom ikunu infurmati fl-istazzjon:

   a) dwar il-possibilità li jinxtraw il-biljetti permezz tat-telefon jew ta' l-internet jew abbord il-ferrovija, u dwar il-proċedura għal xiri bħal dan;
   b) dwar l-eqreb stazzjon tal-ferrovija jew post fejn ikunu disponibbli uffiċċji tal-biljetti u/jew magni tal-bejgħ.

Artikolu 10

Informazzjoni dwar l-ivvjaġġar u sistemi ta' riservazzjoni

1.  Sabiex jipprovdu l-informazzjoni u joħorġu l-biljetti msemmija f'dan ir-Regolament, l-impriżi ferrovjarji u l-bejjiegħa tal-biljetti għandhom jagħmlu użu mis-CIRSRT li trid tiġi stabbilita bil-proċeduri msemmija f'dan l-Artikolu.

2.  L-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi għall-Interoperabbiltà (TSI) msemmija fid-Direttiva 2001/16/KE għandhom jiġu applikati għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.

3.  Fuq proposta li għandha tiġi preżentata mill-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea (ERA) il-Kummissjoni għandha tadotta t-TSI ta' l-applikazzjonijiet telematiċi għall-passiġġieri sal-...(12). It-TSI għandhom jippermettu l-għoti ta' informazzjoni, imniżżel fl-Anness II, u l-ħruġ ta' biljetti kif irregolat b'dan ir-Regolament.

4.  L-impriżi ferrovjarja għandhom jadattaw is-CIRSRT tagħhom skond il-ħtiġiet imniżżla fit-TSI skond pjan ta' diffużjoni imniżżel f'dawn it-TSI.

5.  Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tad-Direttiva 95/46/KE l-ebda impriża ferrovjarja kif ukoll bejjiegħ tal-biljetti m'għandu jiżvela informazzjoni personali dwar riservazzjonijiet individwali lil impriżi ferrovjarji u/jew bejjiegħa tal-biljetti oħra.

KAPITOLU III

IR-RESPONSABBILTÀ TA' L-IMPRIŻI FERROVJARJI GĦALL-PASSIĠĠIERI U L-BAGALJI TAGĦHOM

Artikolu 11

Responsabbiltà għall-passiġġieri u l-bagalji

Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu, ir-responsabbiltà ta' l-impriżi ferrovjarji fir-rigward tal-passiġġieri u l-bagalji tagħhom għandha tkun regolata minn Kapitoli I, III u IV tat-Titolu IV, Titolu VI u Titolu VII ta' Anness I.

Artikolu 12

Assigurazzjoni

1.  L-obbligu mniżżel fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/18/KE safejn dan hu relatat mar-resposabbilita' għall-passiġġieri għandu jinftiehem li jeħtieġ li impriża ferrovjarja għandha tkun assigurata b'mod xieraq jew tagħmel arranġamenti ekwivalenti għal kopertura tar-responsabbilitaijiet tagħha taħt dan ir-Regolament.

2.  L-ammont minimu ta'assigurazzjoni għall-impriżi ferrovjarji għandha tkun ta' EUR XXX.

Artikolu 13

Danni fil-każ tal-mewt jew korriment ta' passiġġieri

M'għandux ikun hemm l-ebda limitu finanzjarju għar-responsabbiltà ta' impriża ferrovjarja għad-danni fil-każ tal-mewt jew il-korriment fiżiku ta' passiġġier.

Artikolu 14

Ħlasijiet minn qabel

1.  Kif jingħad fl-Artikolu 56(1) ta' l-Anness I, jekk passiġġier jinqatel jew jindarab, l-intrapriża ferrovjarja għandha, bla dewmien, u f'kull każ mhux aktar tard minn ħmistax-il jum wara li tkun stabbilita l-identità tal-persuna naturali intitolata għall-kumpens, tagħmel dawk il-ħlasijiet bil-quddiem kif ikun meħtieġ sabiex tissodisfa ħtiġijiet ekonomiċi immedjati fuq bażi li tkun proporzjonali għal ħsara mġarrba.

2.  Bla ħsara għall-paragrafu 1, ħlas bil-quddiem mhux anqas minn EUR 21 000 għal kull passiġġier f'każ ta' mewt.

3.  Ħlas bil-quddiem ma jikkostitwixxix ammissjoni ta' responsabbiltà u jista' jitpaċċa minn kwalunkwe somma mħallsa wara abbażi ta' dan ir-Regolament iżda ma jingħatax lura, ħlief fil-każijiet fejn id-dannu jkun sar bin-negliġenza jew ħtija tal-passiġġier jew fejn il-persuna li rċeviet il-ħlas bil-quddiem ma kenitx il-persuna intitolata għall-kumpens.

Artikolu 15

Kontestazzjoni ta' responsabbilità

Anke jekk impriza ferrovjarja tikkontesta r-responsabilità tagħha għall-korriment fiżiku ta' passiġġier li hi ġġorr, hi għandha tibqa' l-uniku interlokutur u l-unika entità li mingħandha l-passiġġier jistà jitlob kumpens, bla ħsara għal riparazzjoni li l-impriża ferrovjarja tista' tfittex minn partijiet terzi.

KAPITOLU IV

DEWMIEN, KONNESSJONIJIET MITLUFA U KANĊELLAZZJONIJIET

Artikolu 16

Responsabbiltà għal dewmien, konnessjonijiet mitlufa u tħassir

Suġġetta għad-dispożizzjonijiet ta' dan il-kapitolu r-responsabilità ta' l-impriżi ferrovjarji fir-rigward ta' l-ittardjar, konnessjonijiet mitlufa u kanċellazzjonijiet għandha tkun irregolata mill-Kapitolu II tat-Titolu IV ta' l-Anness I. Il-paragrafu 2 ta' l-Artikolu 32 ta' l-Anness I għandu japplika wkoll għall-Artikoli 17 u 18 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 17

Rimbors u tibdil tar-rotta

F'każ li jkun mistenni b'mod raġonevoli li d-dewmien fil-wasla tad-destinazzjoni finali taħt il-kuntratt tat-trasport se jkun aktar minn 60 minuta il-passiġġier għandu immedjatament jingħata l-għażla bejn:

   a) rimbors sħiħ ta' kemm jiswa l-biljett, taħt il-kondizzjonijiet li bihom ikun tħallas, għall-parti jew partijiet tal-vjaġġ teigħu li m'għamilx u għall-parti jew partijiet li diġà saru jekk il-vjaġġ internazzjonali ma jkunx għad fadallu skop fir-rigward tal-pjan oriġinali tal-vjaġġ tal-passiġġier, flimkien ma', fejn rilevanti, servizz għar-ritorn lejn l-ewwel punt ta' tluq ma' l-ewwel opportunità. Il-ħlas tar-rimbors għandu jsir skond l-istess kondizzjonijiet tal-ħlas tal-kumpens imsemmija fl-Artikolu 18; jew
   b) tkomplija jew tibdil tar-rotta, taħt kondizzjonijiet tat-trasport komparabbli, lejn id-destinazzjoni finali ma' l-ewwel opportunità; jew
   ( ċ) tkomplija jew tibdil tar-rotta, taħt kondizzjonijiet tat-trasport komparabbli, lejn id-destinazzjoni finali f'data aktar tard skond il-konvenjenza tal-passiġġier.

Artikolu 18

Kumpens tal-prezz tal-biljett

1.  Mingħajr ma jitlef id-dritt għat-trasport, passiġġier jista' jitlob kumpens għal ittardjar mill-intrapriża ferrovjarja jekk qed jiffaċċja bejn il-post ta' tluq u dak ta' destinazzjoni msemmija fuq il-biljett li għalih il-biljett ma jkunx ġie rrimbursat skond l-Artikolu 14. Il-kumpensi minimi għall-ittardjar għandhom ikunu kif ġej:

   a) 25% tal-prezz tal-biljett f'każ ta' dewmien ta' 60 minuta sa 119-il minuta,
   b) 50% tal-prezz tal-biljett f'każ ta' dewmien ta' 120 minuta jew aktar.

Passiġġieri li jkollhom biljett ferrovjarju staġunali u li jiffaċċjaw ittardjar jew kanċellazzjonijiet rikorrenti matul il-perjodu ta' validità tal-biljett staġunali tagħhom jistgħu jitolbu kumpens. Dan jista' jitħallas jew fis-sura ta' tnaqqis fil-prezz meta jinxtara biljett staġunali ġdid jew fis-sura ta' estensjoni tal-perjodu ta' validità tal-biljett staġunali eżistenti.

L-impriżi ferrovjarji għandhom jiddeterminaw minn qabel, f'konsultazzjoni mill-qrib ma' rappreżentanti ta' l-utenti jew ma' l-awtoritajiet fir-rigward ta' kuntratti ta' servizz pubbliku, il-kriterji għall-puntwalità u l-affidabilità tas-servizz ikkonċernat li għandhom ikunu użati għall-għanijiet ta' l-applikazzjoni ta' dan il-paragrafu.

L-impriżi ferrovjarji għandhom jiddeterminaw ukoll l-arranġamenti għall-implimentazzjoni rilevanti, b'mod partikolari biex ikun ippruvat li d-detentur ta' biljett ferrovjarju staġunali jkun fil-fatt uża s-servizzi ttardjati.

Fejn il-kuntratt ta' trasport huwa għal vjaġġ bir-ritorn, il-kumpens għal dewmien 'l hemm jew 'l hawn għandu jiġi kkalkulat fuq nofs il-prezz imħallas għall-biljett. Bl-istess mod il-prezz għal dewmien fis-servizz taħt kwalunkwe kuntratt ta' trasport ieħor li jippermetti diversi proporzjonalment għall-prezz sħiħ.

Il-kumpens għall-ittardjar għandu dejjem ikun ikkalkulat f'relazzjoni mal-prezz li l-passiġġier ikun fil-fatt ħallas għas-servizz ittardjat. Fil-każ ta' kuntratt ta' trasport bħal m'hu pass ta' l-ivvjaġġar li jintitola lill-pussessur għal numru ta' vjaġġi, il-kumpens għandu jkun ikkalkulat f'relazzjoni mal-prezz ta' vjaġġ wieħed individwali.

Il-kalkolu tal-perjodu ta' ttardjar m'għandux jieħu kont ta' ttardjar li l-intrapriża ferrovjarja jkun jista' juri li seħħ barra mit-territorju tal-Komunità.

2.  Il-kumpens tal-prezz tal-biljett għandu jitħallas fi żmien xahar wara li tkun tressqet it-talba għall-kumpens. Il-kumpens jista' jitħallas b'vawċers u/jew servizzi oħra jekk it-termini huma flessibbli (b'mod partikulari f'dak li jirrigwarda l-perjodu ta' validità u d-destinazzjoni). Il-kumpens għandu jitħallas fi flus fuq talba tal-passiġġier.

3.  Il-kumpens tal-prezz tal-biljett m'għandux jitnaqqas permezz ta' spejjeż ta' transazzjonijiet finanzjarji bħal miżati, spejjeż tat-telefon jew bolol. L-impriżi ferrovjarji jistgħu jdaħħlu livell minimu li taħtu ma jsirux ħlasijiet ta' kumpens. Dan il-livell ma jistax ikun aktar minn EUR 4.

4.  Il-passiġġier m'għandu l-ebda dritt għal kumpens jekk jiġi infurmat bid-dewmien qabel jixtri l-biljett, jew jekk id-dewmien, minħabba kontinwazzjoni fuq servizz differenti jew tibdil tar-rotta, jibqa' taħt is-60 minuta.

Artikolu 19

Assistenza

1.  F'każ ta' dewmien fil-wasla jew fit-tluq, il-passiġġieri għandhom jinżammu infurmati dwar is-sitwazzjoni u l-ħin stmat tat-tluq u l-ħin stmat tal-wasla mill-impriża ferrovjarja jew mill-amministratur ta' l-istazzjon hekk kif tali informazzjoni tkun disponibbli.

2.  F'każ ta' kwalunkwe dewmien kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta' aktar minn siegħa, il-passiġġieri għandhom jiġu offruti b'xejn:

   a) ikliet u xarbiet f'relazzjoni raġonevoli mal-ħin ta' stennija, jekk ikunu disponibbli abbord il-ferrovija jew fl-istazzjoni jew jistgħu jkunu pprovduti;
   b) lukanda jew akkomodazzjoni oħra, u trasport bejn l-istazzjon ferrovjarju u l-post ta' akkomodazzjoni, f'każijiet fejn jeħtieġu waqfa ta' lejl jew aktar jew tkun teħtieġ waqfa addizzjonali, fejn u meta jkun fiżikament possibbli;
   ( ċ) jekk il-ferrovija tkun imwaħħla fuq il-linji, trasport mill-ferrovija sa l-istazzjon ferrovjarju, sal-punt tat-tluq alternattiv jew sad-destinazzjoni aħħarija tas-servizz, fejn u meta jkun fiżikament possibbli.

3.  Jekk is-servizz ferrovjarju ma jkunx jista' jitkompla aktar, l-impriżi ferrovjarji għandhom jorganizzaw kemm jista' jkun malajr servizzi ta' trasport alternativ għall-passiġġieri.

4.  L-impriżi ferrovjarji għandhom, fuq talba tal-passiġġier, jiċċertifikaw fuq il-biljett li s-servizz tal-ferrovija kellu dewmien, wassal għal li ma ntlaħqetx il-konnessjoni jew li ġiet ikkanċellata, skond il-każ.

5.  Fl-applikazzjoni tal-paragrafi 1, 2 u 3, l-impriża ferrovjarja li tkun qed topera għandha tagħti attenzjoni partikolari għall-bżonnijiet persuni b'diżabbiltà u/jew ta' persuni b'mobbiltà mnaqqsa u l-persuni li jkunu qed jakkumpanjawhom.

Kapitolu V

persuni b'diżabbiltà u PERSUNI B'MOBBILTÀ MNAQQSA

Artikolu 20

Id-dritt għal trasport

1.  Minkejja r-regoli dwar l-aċċess msemmija fil-paragrafi 2 u 3, intrapriża ferrovjarja, bejjiegħ tal-biljetti jew operatur ta' l-ivvjaġġar m'għandhomx, għal raġunijiet ta' mobbiltà mnaqqsa, jirrifjutaw li jaċċettaw riservazzjoni jew li joħorġu biljett. Ir-riservazzjonijiet u l-biljetti għandhom ikunu offruti lil persuni b'diżabbiltà u lill-persuni b'mobbiltà mnaqqsa mingħajr ebda żieda fil-prezz.

2.  L-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi ta' l-istazzjonijiet, bl-involviment attiv ta' l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi ta' persuni b'diżabbiltà u ta' persuni b'mobbiltà mnaqqsa, għandhom jistabbilixxu regoli ta' aċċess mhux diskriminatorji applikabbli f'dak li għandu x'jaqsam mat-trasport ta' persuni b'diżabbiltà u ta' persuni b'mobbiltà mnaqqsa, sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti applikabbli ta' sikurezza stabbiliti mil-liġi.

3.  Intrapriża ferrovjarja, bejjiegħ tal-biljetti jew operatur ta' l-ivvjaġġar jistgħu jirrifjutaw li jaċċettaw riservazzjoni minn persuni b'diżabbiltà jew minn persuna b'mobbiltà mnaqqsa, jew li joħorġulhom biljett, jew jirrikkjedu li persuna bħal din tkun akkumpanjata minn persuna oħra, biss fejn dan huwa strettament meħtieġ sabiex ikunu konformi mar-regoli ta' aċċess imsemmija fil-paragrafu 2.

Artikolu 21

Informazzjoni lil persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa

1.  Fuq talba, impriża ferrovjarja, bejjiegħ tal-biljetti jew operatur tal-vjaġġi għandhom jagħtu lil persuni b'diżabbiltà u lil persuni b'mobbiltà mnaqqsa l-informazzjoni dwar l-aċċessibilità tas-servizzi ferrovjarji u dwar il-kundizzjonijiet ta' l-aċċess ta' vetturi ferrovjarji bi qbil mar-regoli ta' aċċess imsemmija fl-Artikolu 20(2) u għandhom jinfurmaw lil persuni b'diżabbiltà u lil persuni b'mobbiltà mnaqqsa dwar il-faċilitajiet abbord.

2.  Meta impriża ferrovjarja, bejjiegħ tal-biljetti u/jew operatur tal-vjaġġi jużaw id-deroga fl-Artikolu 20(3), huma għandhom fuq talba jinfurmaw bil-miktub lil persuna b'diżabbiltà jew lil persuna b'mobbiltà mnaqqsa kkonċernata dwar ir-raġunijiet tagħhom għaliex jagħmlu hekk fi żmien ħamest ijiem ta' ħidma taċ-ċaħda biex jagħmlu r-riżervazzjoni jew biex joħorġu l-biljett jew l-impożizzjoni tal-kundizzjoni biex tkun akkumpanjata.

Artikolu 22

Aċċessibbiltà

1.  L-impriża ferrovjarja u l-amministratur ta' l-istazzjon għandhom jiżguraw li stazzjonijiet, pjattaformi, vetturi ferrovjarji u faċilitajiet oħra ikunu aċċessibbli għal persuni b'diżabbiltà u għal persuni b'mobbiltà mnaqqsa.

2.  Fejn m'hemmx aċċess għal persuni b'diżabbiltà u għal persuni b'mobbiltà mnaqqsa, l-impriża ferrovjarja u/jew l-amministratur ta' l-istazzjon għandhom jiżguraw illi:

   a) stazzjonijiet, pjattaformi u faċilitajiet oħra jsiru aċċessibbli għal persuni b'diżabbiltà u għal persuni b'mobbiltà mnaqqsa meta jsiru rinnovazzjonijiet kbar;
   b) il-vetturi ferrovjarji l-ġodda kollha li jinxtraw ikunu aċċessibbli għal persuni b'diżabbiltà u għal persuni b'mobbiltà mnaqqsa.

Artikolu 23

Assistenza fl-istazzjonijiet ferrovjarji

1.  Fil-ħin tat-tluq, tranżitu minn jew wasla fi stazzjon tal-ferrovija bil-persunal ta' persuna b'diżabbiltà jew ta' persuna b'mobbilita' mnaqqsa, l-amministratur ta' l-istazzjon għandu jipprovdi assistenza mingħajr ħlas b'mod li l-persuna tkun tista' titla' fuq is-servizz li se jitlaq, jew li tinżel mis-servizz li jkun wasal li għalih hu jew hi tkun xtrat il-biljett, bla ħsara għar-regoli ta' aċċess imsemmija fl-Artikolu 20(2). Fil-ħin tat-tluq, tranżitu minn jew wasla fi stazzjon tal-ferrovija mingħajr persunal ta' persuna b'diżabbiltà jew ta' persuna b'mobbiltà mnaqqsa, l-impriża ferrovjarja u l-amministratur ta' l-istazzjon għandhom jagħmlu l-isforzi raġunevoli kollha biex joffru assistenza tali jew jaħsbu għal faċilitajiet alternattivi jew arranġamenti li jiggarantixxu livell ekwivalenti jew ogħla ta' aċċessibilità li jippermettu li dik il-persuna tkun tista' tivvjaġġa.

2.  L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal deroga mill-paragrafu 1 fil-każ ta' persuni li jkunu qed jivjaġġaw fuq servizzi li huma oġġett ta' kuntratt ta' servizz pubbliku akkwistat skond il-liġi Komunitarja li tkun fis-seħħ, basta l-awtorità kompetenti tkun ħasbet għal faċilitajiet jew arranġamenti alternattivi li jiggarantixxu aċċessibbiltà għas-servizzi tat-trasport ekwivalenti jew ta' livell ogħla.

3.  Fi stazzjonijiet mingħajr persunal, l-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi ta' l-istazzjonijiet għandhom jiżguraw li informazzjoni li tkun faċilment aċċessibbli rigward l-eqreb stazzjonijiet bil-persunal u rigward l-iktar forom ta' għajnuna li jkunu disponibbli bla dewmien tkun disponibbli b'mod dirett għal persuni b'diżabilità jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa kemm ġewwa kif ukoll barra mill-istazzjon.

4.  Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, persuna akkumpanjata minn tfal żgħar għandha titqies ukoll bħala persuna b'mobbiltà mnaqqsa.

Artikolu 24

Assistenza abbord

Bla ħsara għar-regoli ta' aċċess kif imsemmija fl-Artikolu 20(2), impriża ferrovjarja għandha tipprovdi lil persuna b'diżabbiltà u persuna b'mobbiltà mnaqqsa assistenza mingħajr ħlas fuq ferrovija u waqt it-tlugħ u l-inżul minn ferrovija.

Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, l-assistenza abbord għandha tikkonsisti fl-isforzi raġunevoli kollha biex joffru assistenza lil persuna b'diżabbiltà u persuna b'mobbiltà mnaqqsa sabiex tippermetti lil din il-persuna jkollha aċċess għall-istess servizzi fil-ferrovija bħall-passiġġieri l-oħra f'każ li l-mobbiltà tal-persuna hi mnaqqsa tant li ma tħallihiex ikollha aċċess għal dawk is-servizzi b'mod indipendenti u sikur . Meta ma jkunx hemm persunal li jakkumpanja fuq il-ferrovija, impriżi ferrovjarji jistgħu jipprovdu għal faċilitajiet jew arranġamenti alternattivi sabiex tingħata din l-assistenza.

Artikolu 25

Kondizzjonijiet li fuqhom tingħata l-assistenza

L-impriżi ferrovjarji, l-amministraturi ta' l-istazzjonijiet, il-bejjiegħa tal-biljetti u operaturi tal-vjaġġi għandhom jikkooperaw biex jipprovdu assistenza lil persuni b'diżabbiltà u lil persuni b'mobbiltà mnaqqsa skond l-Artikoli 23 u 24 u skond il-punti li ġejjin.

   (a) L-assistenza għandha tingħata bil-kondizzjoni li l-impriża ferrovjarja, l-amministratur ta' l-istazzjon, il-bejjiegħ tal-biljetti jew l-operatur tal-vjaġġi li mingħandu nxtara l-biljett, jiġi notifikat bil-ħtieġa tal-persuna għal tali assistenza mill-inqas 48 siegħa qabel ma tkun meħtieġa l-assistenza. Fejn il-biljett jippermeti aktar minn vjaġġ wieħed, tkun biżżejjed notifika waħda basta tingħata informazzjoni adegwata dwar il-ħin tal-vjaġġi sussegwenti.
   (b) L-impriżi ferrovjarji, l-amministraturi ta' l-istazzjoniijiet, l-bejjiegħa tal-biljetti u l-operaturi tal-vjaġġi għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirċievu n-notifiki.
   ( ċ) Jekk ma ssir l-ebda notifika skond il-paragrafu 2, l-impriża ferrovjarja u l-amministratur ta' l-istazzjon għandhom jagħmlu l-isforzi kollha raġonevoli biex jipprovdu l-assistenza b'tali mod li l-persuna b'diżabbiltà u/jew il-persuna b'mobbiltà mnaqqsa tkun tista' tivjaġġa.
   (d) Bla ħsara għall-kompetenzi ta' entitajiet oħra fir-rigward ta' zoni li qegħdin barra mil-lokal ta' l-istazzjonijiet tal-ferrovija, is-sid ta' l-istazzjon jew il-persuna delegata minnu għandu jagħżel numru ta' punti, ġewwa u barra mill-istazzjon tal-ferrovija, li fihom persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa jistgħu jħabbru l-wasla tagħhom fl-istazzjon tal-ferrovija u, jekk jeħtieġ, jitolbu għall-assistenza.
  (e) L-assistenza għandha tingħata bil-kundizzjoni li l-persuna tippreżenta ruħha fil-punt magħżul mhux inqas minn 30 minuta qabel:
   il-ħin tat-tluq pubblikat, jew
   il-ħin li fih il-passiġġieri huma mitluba jippreżentaw ruħhom.

Artikolu 26

Kumpens marbut mat-tagħmir tal-mobbiltà u tagħmir ieħor speċifiku

Jekk l-impriża ferrovjarja hi responsabbli mit-telf sħiħ jew parzjali, jew ħsara fit-tagħmir tal-mobbiltà jew tagħmir ieħor speċifiku użat minn persuni b'diżabbiltà jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa, għandha tkun obbligata tħallas kumpens lill-passiġġier b'mod proporzjonali għat-telf li jkun sofra.

KAPITOLU VI

SIGURTÀ, ILMENTI U KWALITÀ TAS-SERVIZZ

Artikolu 27

Sigurtà personali tal-passiġġieri

Fi ftehim ma' l-awtoritajiet pubbliċi, l-impriżi ferrovjarji, l-amministraturi ta' l-infrastrutturi u l-amministraturi ta' l-istazzjonijiet għandhom jieħdu l-miżuri xierqa fl-oqsma rispettivi ta' responsabbiltà u jadattawhom mal-livell ta' sigurtà definit mill-awtoritajiet pubbliċi biex jiżguraw is-sigurtà personali tal-passiġġieri fl-istazzjonijiet tal-ferrovija u fuq il-ferroviji u li jimmaniġġaw ir-riskji. Għandhom jikkooperaw u jagħmlu skambju ta' informazzjoni dwar l-aħjar prattiċi dwar il-prevenzjoni ta' atti, li aktarx ixejnu l-livell ta' sigurtà.

Artikolu 28

Ilmenti

1.  L-impriżi ferrovjarji għandhom iwaqqfu mekkaniżmu biex jitratta l-ilmenti għad-drittijiet u l-obbligi koperti minn dan ir-Regolament. L-impriża ferrovjarja għandha tagħmel dan f'kooperazzjoni mal-bejjiegħ tal-biljetti. Għandha tgħarraf b'mod wiesa' lill-passiġġieri bid-dettalji tal-kuntatti u l-lingwa/i ta' ħidma.

2.  Il-passiġġieri jistgħu jippreżentaw ilment lil kwalunkwe impriża ferrovjarja jew lill-bejjiegħ tal-biljetti involut. Fi żmien xahar, id-destinatarju ta' l-ilment għandu jagħti tweġiba raġunata jew f'każijiet ġustifikati, jinforma lill-passiġġier sa liema data fi żmien ta' inqas minn tliet xhur mid-data ta' l-ilment wieħed jista' jistenna tweġiba għall-ilment.

3.  L-impriża ferrovjarja għandha tippubblika fir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 29(3) in-numru u l-kategoriji ta' l-ilmenti rċevuti, l-ilmenti trattati, il-ħin tat-tweġiba u l-azzjonijiet għal titjib possibbli li ttieħdu.

Artikolu 29

Standards u rapport ta' kwalità tas-servizz

1.  L-impriżi ferrovjarji għandhom jiddefinixxu l-istandards ta' kwalità tas-servizzi għal-servizzi internazzjonali u jimplimentaw sistema ta' ġestjoni ta' kwalità biex tinżamm il-kwalità tas-servizz.

2.  L-impriżi ferrovjarji għandhom jissorveljaw il-prestazzjoni tagħhom stess kif riflessa fl-istandards ta' kwalità tas-servizzi.

3.  L-impriżi ferrovjarji għandhom jippubblikaw, kull sena, rapport dwar il-prestazzjoni fil-kwalità tas-servizz tagħhom flimkien mar-rapport annwali tagħhom. Dawn ir-riżultati għandhom ikunu ppubblikati wkoll fuq is-sit ta' l-internet ta' l-impriżi ferrovjarji, fuq is-sit ta' l-internet ta' l-awtoritajiet kompetenti u fis-sit ta' l-internet ta' Aġenzija Ferrovjarja Ewropea, fejn għandhom ikunu ppreżentati b'mod aċċessibbli, sabiex ikun possibbli li wieħed iqabbel ir-riżultati ta' l-impriżi ferrovjarji.

Artikolu 30

Rimedju

L-impriża ferrovjarja għandu jkollha d-dritt li titlob lura mill-amministratur ta' l-infrastruttura kwalunkwe kumpens imħallas minnha lill-passiġġieri. Din ir-responsabilità ta' l-amministratur ta' l-infrastruttura għandha tkun bla ħsara għall-applikazzjoni ta' l-iskema tat-twettiq stipulata fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14/KE. Il-kumpens imsemmi fil-Kapitlu IV għandu jkun proporzjonali għall-prezz ta' l-użu tal-linji tal-ferrovija jekk l-ebda sistema ta' kumpens ma tkun provduta skond l-iskema tat-twettiq.

KAPITOLU VII

INFORMAZZJONI U INFURZAR

Artikolu 31

Informazzjoni lill-passiġġieri dwar id-drittijiet tagħhom

1.  L-impriżi ferrovjarji, l-amministraturi ta' l-istazzjonijiet u l-operaturi tal-vjaġġi għandhom jinfurmaw lill-passiġġieri bid-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom skond dan ir-Regolament. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tagħmel sintesi tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament disponibbli għall-impriżi ferrovjarji, l-amministraturi ta' l-istazzjonijiet u l-operaturi tal-vjaġġi f'lingwa li tinftiehem mill-passiġġieri.

2.  L-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi ta' l-istazzjonijiet għandhom jiżguraw li l-passiġġieri jkunu infurmati b'mod xieraq, fl-istazzjon u fuq il-ferrovija, bid-dettalji ta' kif jista' jiġi kkuntattjat il-korp maħtur mill-Istati Membri skond l-Artikolu 32.

Artikolu 32

L-infurzar

1.  Kull Stat Membru għandu jaħtar entità jew entitajiet responsabbli mill-infurzar ta' dan ir-Regolament. Kull entità għandha tieħu l-miżuri neċessarji biex tiżgura li d-drittijiet tal-passiġġieri huma rrispettati.

Fl-organizzazzjoni, d-deċiżjonijet ta' finanzjament, l-istruttura legali u t-teħid ta' deċiżjonijiet tagħha kull entità għandha tkun indipendenti minn kwalunkwe amministratur ta' l-infrastruttura, entità li għandha f'idejha l-imposizzjoni tad-drittijiet, mill-entità li talloka jew mill-impriża ferrovjarja.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-entità jew entitajiet maħtura skond dan il-paragrafu u bir-responsabbiltajiet rispettivi tagħha jew tagħhom.

2.  Kull passiġġier jista' jilmenta mal- korp maħtur taħt il-paragrafu 1, jew ma' kwalunkwe korp xieraq ieħor maħtur minn xi Stat Membru, fuq allegat ksur ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 33

Kooperazzjoni bejn entitajiet ta' infurzar

L-entitajiet ta' infurzar kif imsemmija fl-Artikolu 32 għandhom jaqsmu l-informazzjoni dwar il-prinċipji u l-prattika tal-ħidma u t-teħid ta' deċiżjonijiet tagħhom bil-għan li jikkoordinaw il-prinċipji ta' teħid ta' deċiżjonijiet tagħhom fil-Komunità kollha. Il-Kummissjoni għandha tappoġġahom f'dan il-kompitu.

KAPITOLU VIII

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 34

Pieni

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad- disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk ir-regoli u l-miżuri lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn....(13) u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffetwahom.

Artikolu 35

Annessi

L-Anness II għandu jiġi mmodifikati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 37(2).

Artikolu 36

Disposizzjonijiet emendatorji

1.  Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' l-Artikoli 2, 10 u 12 għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 37(2).

2.  L-ammonti finanzjarji msemmija f'dan ir-Regolament, ħlief fl-Anness I, għandhom jiġu modifikati f'relazzjoni ma' l-inflazzjoni skond il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 37(2).

Artikolu 37

Proċedura ta' Kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejuna mill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 11a tad-Direttiva 91/440/KEE.

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, skond id-dispożizzjonijiet ta' Artikolu 8 ta' l-istess Deċiżjoni.

Artikolu 38

Rapport

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati ta' dan ir-Regolament sa...(14), b'mod partikolari dwar il-livelli ta' kwalità tas-servizzi.

Ir-rapport għandu jkun ibbażat fuq informazzjoni li għandha tingħata skond dan ir-Regolament u skond l-Artikolu 10b tad-Direttiva 91/440/KEE. Ir-rapport għandu jkollu miegħu, fejn meħtieġ, proposti xierqa.

Artikolu 39

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ tmintax-il xahar wara d-data tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

ANNESS I

ESTRATT MIR-REGOLI UNIFORMI DWAR IL-KUNTRATT GĦAT-TRASPORT INTERNAZZJONALI TA' PASSIĠĠIERI U BAGALJI BIL-FERROVIJA (CIV)

APPENDIĊI B

GĦALL-KONVENZJONI DWAR TRASPORT INTERNAZZJONALI BIL-FERROVIJA (COTIF) TAD-9 TA' MEJJU 1980, KIF MODIFIKATA BIL-PROTOKOLL GĦALL-MODIFIKA TAL-KONVENZJONI DWAR IT-TRASPORT INTERNAZZJONALI BIL-FERROVIJA TAT-3 TA' ĠUNJU 1999

TITOLU II

KONKLUŻJONI U PRESTAZZJONI TAL-KUNTRATT TA' TRASPORT

Artikolu 6

Kuntratt ta' Trasport

1.  Bil-kuntratt ta' trasport, it-trasportatur għandu jidħol għall-impenn li jġorr il-passiġġier kif ukoll, fejn xieraq, il-bagalji u vetturi għall-post tad-destinazzjoni u li jikkunsinna l-bagalji u l-vetturi fil-post tad-destinazzjoni.

2.  Il-kuntratt ta' trasport għandu jiġi kkonfermat b'biljett jew aktar maħruġ lill-passiġġier. Madankollu, soġġett għall-Artikolu 9, l-assenza, l-irregolarità jew it-telf ta' biljett m'għandhomx jaffettwaw l-eżistenza jew il-validità tal-kuntratt li għandha tibqa' soġġetta għal dawn ir-Regoli Uniformi.

3.  Il-biljett għandu jkun evidenza prima facie tal-konklużjoni u l-kontenut tal-kuntratt ta' trasport.

Artikolu 7

Biljett

1.  Il-Kondizzjonijiet Ġenerali ta' Trasport għandhom jiddeterminaw il-forma u l-kontenut tal-biljetti kif ukoll il-lingwa u l-karattri li bihom huma għandhom jiġu stampati u magħmulin.

2.  Dan li ġej, ta' l-inqas, għandu jiddaħħal fil-biljett:

   a) it-trasportatur jew it-trasportaturi;
   b) stqarrija li t-Trasport huwa soġġett, minkejja kwalunkwe klawsola kuntrarja, għal dawn ir-Regoli Uniformi; din tista' tkun indikata bl-akronimu CIV;
   ( ċ) kwalunkwe stqarrija oħra meħtieġa biex tipprova l-konklużjoni u l-kontenut tal-kuntratt ta' Trasport u li tippermetti lill-passiġġier jafferma d-drittijiet li jirriżultaw minn dan il-kuntratt.

3.  Il-passiġġier għandu jiżgura, x'ħin jirċievi l-biljett, li dan ħareġ skond l-istruzzjonijiet tiegħu.

4.  Il-biljett għandu jkun trasferibbli jekk ma jkunx ħareġ f'isem il-passiġġier u jekk il-vjaġġ ma jkunx beda.

5.  5 Il-biljett jista' jiġi stabbilit fil-forma ta' reġistrazzjoni ta' data elettronika, li tista' tiġi ttrasformata f'simboli miktuba leġġibbli. Il-proċedura użata għar-reġistrazzjoni u t-trattament ta' data għandha tkun ekwivalenti mill-perspettiva funzjonali, b'mod partikolari sa fejn jikkonċerna l-valur evidenzjali tal-biljett irrappreżentat b'dik id-data.

Artikolu 8

Pagament u rimbors tal-ħlas tat-trasport

1.  Soġġett għal ftehim kuntrarju bejn il-passiġġier u t-trasportatur, il-ħlas tat-trasport għandu jitħallas minn qabel.

2.  Il-Kondizzjonijiet Ġenerali tat-trasport għandhom jiddeterminaw taħt liema kondizzjonijiet għandu jsir rimbors tal-ħlas tat-trasport.

Artikolu 9

Id-dritt li tinġarr. Esklużjoni milt-trasport

1.  Il-passiġġier għandu, mill-bidu tal-vjaġġ tiegħu, ikollu fil-pussess tiegħu biljett validu u jippreżentah fl-ispezzjoni tal-biljetti. Il-Kondizzjonijiet Ġenerali tat-Trasport jistgħu jipprovdu:

   a) li passiġġier li ma jipproduċix biljett validu għandu jħallas, b'żieda mal-ħlas tat-trasport, ħlas addizzjonjali;
   b) li passiġġier li jirrifjuta li jħallas x'ħin jintalab il-ħlas tat-trasport jew il-ħlas addizzjonali jista' jiġi mitlub li jtemm il-vjaġġ tiegħu;
   ( ċ) jekk u taħt liema kondizzjonijiet għandu jsir rimbors tal-ħlas addizzjonali.

2.  2 Il-Kondizzjonijiet Ġenerali tat-trasport jistgħu jipprovdu li l-passiġġieri li:

   a) jippreżentaw periklu għas-sigurtà u l-iffunzjonar tajjeb ta' l-operazzjonijiet jew għas-sigurtà ta' passiġġieri oħra,
   b) joħolqu inkonvenjent lil passiġġieri oħra b'mod intollerabbli,
  

għandhom jiġu esklużi mit-trasport jew jistgħu jiġu mitluba jtemmu l-vjaġġ tagħhom u li tali persuni m'għandhomx ikunu intitolati għal rimbors tal-ħlas tat-trasport tagħhom jew ta' kwalunkwe ħlas għat-trasport ta' bagalji reġistrati li setgħu ħallsu.

Artikolu 10

Ikkompletar ta' formalitajiet amministrattivi

Il-passiġġier għandu jikkonforma mal-formalitajiet meħtieġa mid-dwana jew l-awtoritajiet amministrattivi oħra.

Artikolu 11

Kanċellazzjoni u ttardjar tal-ferroviji. Konnessjonijiet li ma ntlaħqux

It-trasportatur għandu, fejn neċessarju, jiċċertifika fuq il-biljett li l-ferrovija ġiet ikkanċellata jew il-konnessjoni ma ntlaħqitx.

Titolu III

ĠARR TA' BAGALJI TA' L-IDEJN, ANNIMALI, BAGALJI REĠISTRATI U VETTURI, BĦAL PRAMMS TAT-TRABI, SIĠĠIJIET TAR-ROTI, ROTI U TAGĦMIR TA' L-ISPORT

Kapitolu I

Disposizzjonijiet Komuni

Artikolu 12

Artikoli u annimali aċċettabbli

1.  Il-passiġġier jista' jieħu miegħu artikoli li jistgħu jiġu mmaniġġjati faċilment (bagalji ta' l-idejn) u wkoll annimali ħajjin skond il-Kondizzjonijiet Ġenerali tat-Trasport. Barra minn dan, il-passiġġier, jista' jieħu miegħu artikoli ingombranti skond id-disposizzjonijiet speċjali, li hemm fil-Kondizzjonijiet Ġenerali tat-Trasport. Artikoli u annimali li x'aktarx idejqu jew joħolqu inkonvenjent lill-passiġġieri jew jikkawżaw ħsara m'għandhomx jiġu permessi bħala bagalja ta' l-idejn.

2.  Il-ferroviji kollha, inklużi dawk internazzjonali u ta' veloċità għolja, għandhom jipprovdu żona speċjalment maħsuba sabiex il-passiġġieri jkunu jistgħu jtellgħu fuq il-ferrovija pramms tat-trabi, siġġijiet tar-roti, roti u t-tagħmir ta' l-isport.

3.  Il-passiġġier, jista' jikkunsinna l-artikoli u l-annimali bħala bagalji rreġistrati skond il-Kondizzjonijiet Ġenerali tat-trasport.

4.  It-trasportatur jista' jippermetti t-trasport ta' vetturi fl-okkażjoni tat-trasport ta' passiġġieri skond disposizzjonijiet speċjali li hemm fil-Kondizzjonijiet Ġenerali tat-trasport.

5.  It-trasport ta' merkanzija perikoluża bħala bagalja ta' l-idejn, bagalja rreġistrata kif ukoll bħala ġewwa jew fuq vetturi li, skond dan it-Titolu jinġarru bil-ferrovija, għandu jikkonforma mar-Regolament li jikkonċerna t-trasport ta' Merkanzija Perikoluża bil-Ferrovija (RID).

Artikolu 13

Eżami

1.  Fejn ikun hemm raġuni tajba għas-suspett ta' nuqqas ta' osservanza tal-kondizzjonijiet tat-Trasport, it-trasportatur għandu jkollu d-dritt li jeżamina jekk l-artikoli (il-bagalji ta' l-idejn, il-bagalji rreġistrati, il-vetturi inkluż it-tagħbija tagħhom) u l-annimali ttrasportati jikkonformawx mal-kondizzjonijiet tat-Trasport, sakemm il-liġijiet u l-preskrizzjonijiet ta' l-Istat li fih isir l-eżami ma jipprojbixxux tali eżami. Il-passiġġier għandu jkun mistieden biex jattendi għall-eżami. Jekk ma jidhirx jew ma jkunx jista' jintlaħaq, it-trasportatur għandu jitlob l-preżenza ta' żewġ xhieda indipendenti.

2.  Jekk ikun stabbilit li l-kondizzjonijiet tat-Trasport ma ġewx irrispettati, it-trasportatur jista' jitlob lill-passiġġier iħallas l-ispejjeż li joriġinaw mill-eżami.

Artikolu 14

Ikkompletar ta' formalitajiet amministrattivi

Il-passiġġier għandu jikkonforma mal-formalitajiet meħtieġa mid-dwana jew l-awtoritajiet amministrattivi oħra meta, waqt li jkun qed jiġi ttrasportat, ikollu artikoli (bagalji ta' l-idejn, bagalji rreġistrati, vetturi inkluż it-tagħbija tagħhom) jew annimali ttrasportati. Hu għandu jkun preżenti waqt l-ispezzjoni ta' dawn l-artikoli ħlief fejn hu previst mod ieħor mil-liġijiet u l-preskrizzjonijiet ta' kull Stat.

Kapitolu II

Bagalji ta' l-Idejn u Annimali

Artikolu 15

Superviżjoni

Għandha tkun ir-responsabbiltà tal-passiġġier li jissorvelja l-bagalja ta' l-idejn u l-annimali li hu jieħu miegħu.

Kapitolu III

Bagalji Rreġistrati

Artikolu 16

Kunsinna ta' bagalji rreġistrati

1.  L-obbligazzjonijiet kuntrattwali relatati mat-trasferiment tal-bagalji rreġistrati għandhom jiġu stabbiliti b'vawċer tar-reġistrazzjoni tal-bagalja maħruġ lill-passiġġier.

2.  Soġġett għall-Artikolu 22, l-assenza, l-irregolarità jew it-telf ta' vawċer tar-reġistrazzjoni tal-bagalja m'għandhomx jaffettwaw l-eżistenza jew il-validità tal-ftehim li jikkonċernaw it-trasferiment tal-bagalji rreġistrati, li għandhom jibqgħu soġġetti għal dawn ir-Regoli Uniformi.

3.  Il-vawċer tar-reġistrazzjoni tal-bagalja għandu jkun evidenza prima facie tar-reġistrazzjoni tal-bagalja u l-kondizzjonijiet tat-trasport tagħha.

4.  Soġġett għal evidenza kuntrarja, għandu jiġi preżunt li meta t-trasportatur għabba l-bagalja rreġistrata din kienet apparentament f'kondizzjoni tajba, u li n-numru u l-massa tal-punti tal-bagalja jikkorrispondu ma' l-informazzjoni mdaħħla fuq il-vawċer tar-reġistrazzjoni tal-bagalja.

Artikolu 17

Vawċer tar-reġistrazzjoni tal-bagalja

1.  Il-Kondizzjonijiet Ġenerali ta' Trasport għandhom jiddeterminaw il-forma u l-kontenut tal-vawċer tar-reġistrazzjoni tal-bagalja kif ukoll il-lingwa u l-karattri li bihom dan għandu jiġu stampat u magħmul. L-Artikolu 7 § 5 għandu japplika mutatis mutandis.

2.  Dan li ġej, ta' l-inqas, għandu jiddaħħal fil-vawċer tar-reġistrazzjoni tal-bagalja:

   a) it-trasportatur jew it-trasportaturi;
   b) stqarrija li t-Trasport huwa soġġett, minkejja kwalunkwe klawsola kuntrarja, għal dawn ir-Regoli Uniformi; din tista' tkun indikata bl-akronimu CIV;
   ( ċ) kwalunkwe stqarrija oħra meħtieġa biex tipprova l-obbligi kuntrattwali li jirrigwardaw it-trasferiment tal-bagalji rreġistrati u li tippermetti lill-passiġġier jafferma d-drittijiet li jirriżultaw minn dan il-kuntratt ta' Trasport.

3.  Il-passiġġier għandu jiżgura, x'ħin jirċievi l-vawċer tar-reġistrazzjoni tal-bagalja, li dan ħareġ skond l-istruzzjonijiet tiegħu.

Artikolu 18

Reġistrazzjoni u Trasport

1.  Ħlief fejn il-Kondizzjonijiet Ġenerali ta' Trasport jipprovdu mod ieħor, il-bagalji għandhom jiġu rreġistrati biss fuq preżentazzjoni ta' biljett validu ta' l-inqas sad-destinazzjoni tal-bagalji. F'każi oħra r-reġistrazzjoni tal-bagalji għandha titwettaq skond il-preskrizzjonijiet fis-seħħ fil-post tal-konsenja.

2.  Meta l-Kondizzjonijiet Ġenerali ta' Trasport jipprovdu li l-bagalji jistgħu jiġu aċċettati għal Trasport mingħajr il-preżentazzjoni ta' biljett, id-disposizzjonijiet ta' dawn ir-Regoli Uniformi li jiddeterminaw id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġier fir-rigward tal-bagalji rreġistrati tiegħu għandhom japplikaw mutatis mutandis għal dak li jikkonsenja l-bagalji rreġistrati.

3.  It-trasportatur jista' jibgħat il-bagalji rreġistrati b'ferrovija oħra jew b'mezz ta' trasport ieħor u b'rotta differenti minn dik meħuda mill-passiġġier.

Artikolu 19

Pagament ta' ħlasijiet għat-Trasport ta' bagalji rreġistrati

Soġġett għal ftehim kuntrarju bejn il-passiġġier u t-trasportatur, il-ħlas għall-Trasport ta' bagalji rreġistrati għandu jkun pagabbli mar-reġistrazzjoni.

Artikolu 20

Immarkar ta' bagalji rreġistrati

Il-passiġġier għandu jindika fuq kull punt tal-bagalji rreġistrati f'post viżibbilment ċar, b'mod suffiċjentement reżistenti u leġġibbli:

   a) l-isem u l-indirizz tiegħu;
   b) il-post tad-destinazzjoni.

Artikolu 21

Id-dritt li tiddisponi minn bagalji rreġistrati

1.  Jekk iċ-ċirkostanzi jippermettu u jekk b'dan ma jinkisrux il-ħtiġiet tad-dwana jew il-ħtiġiet ta' awtoritajiet amministrattivi oħra, il-passiġġier jista' jitlob li l-bagalji jingħataw lura fil-post tal-kunsinna maċ-ċediment tal-vawċer tar-reġistrazzjoni tal-bagalja u, jekk il-Kondizzjonijiet Ġenerali ta' Trasport jeħtieġu hekk, mal-preżentazzjoni tal-biljett.

2.  Il-Kondizzjonijiet Ġenerali ta' Trasport jista' jkun fihom disposizzjonijiet oħra li jirrigwardaw id-dritt li tiddisponi minn bagalji rreġistrati, b'mod partikolari modifikazzjonijiet tal-post tad-destinazzjoni u l-konsegwenzi finanzjari possibbli li jridu jinġarru mill-passiġġier.

Artikolu 22

Kunsinna

1.  Il-bagalji rreġistrati għandhom jiġu kkonsenjati maċ-ċediment tal-vawċer tar-reġistrazzjoni tal-bagalja u, fejn xieraq, mal-pagament ta' l-ammonti ta' ħlas mal-kunsinna.

It-trasportatur għandu jkun intitolat, iżda mhux obbligat, li jeżamina jekk id-detentur tal-vawċer hux intitolat jew le li jirċievi kunsinna.

2.  Għandha tkun ekwivalenti għall-kunsinna lid-detentur tal-vawċer tar-reġistrazzjoni tal-bagalja jekk, skond il-preskrizzjonijiet fis-seħħ fil-post tal-kunsinna:

   a) il-bagalja ġiet mgħoddija f'idejn l-awtoritajiet tad-dwana jew ta' l-octroi fil-bini jew l-imħażen tagħhom, meta dawn m'humiex soġġetti għas-superviżjoni tat-trasportatur;
   b) annimali ħajjin ġew mgħoddija f'idejn partijiet terzi.

3.  Id-detentur tal-vawċer tar-reġistrazzjoni tal-bagalja jista' jitlob il-kunsinna tal-bagalji fil-post tad-destinazzjoni hekk kif jinqabeż il-ħin miftiehem u, fejn xieraq, il-ħin neċessarju għall-operazzjonijiet mwettqa mill-awtoritajiet tad-dwana jew awtoritajiet oħra.

4.  Meta ma jkunx hemm ċediment tal-vawċer tar-reġistrazzjoni tal-bagalja, it-trasportatur għandu biss ikun obbligat jikkunsinna l-bagalji lill-persuna li tipprova d-dritt tagħha għal dan; jekk il-prova offruta tidher insuffiċjenti, t-trasportatur jista' jitlob li tingħata s-sigurtà.

5.  Il-bagalja għandha tiġi kkonsenjata fil-post tad-destinazzjoni li għalih ġiet irreġistrata.

6.  Id-detentur ta' vawċer tar-reġistrazzjoni tal-bagalja li l-bagalja tiegħu ma ġietx konsenjata jista' jitlob li jkollu fuq il-vawċer il-jum u l-ħin meta talab il-kunsinna skond paragrafu 3.

7.  Il-persuna intitolata tista' tirrifjuta li taċċetta l-bagalja jekk it-trasportatur ma' jikkonformax mat-talba tiegħu li jwettaq eżami tal-bagalja rreġistrata sabiex tiġi stabbilita l-ħsara allegata.

8.  Fil-każi l-oħra kollha l-kunsinna tal-bagalja għandha titwettaq skond il-preskrizzjonijiet fis-seħħ fil-post tad-destinazzjoni.

Kapitolu IV

Vetturi

Artikolu 23

Kondizzjonijiet ta' Trasport

Id-disposizzjonijiet speċjali li jirregolaw it-Trasport ta' vetturi, li jinsabu fil-Kondizzjonijiet Ġenerali ta' Trasport, għandhom jispeċifikaw b'mod partikolari l-kondizzjonijiet li jirregolaw l-aċċettazzjoni għat-Trasport, ir-reġistrazzjoni, it-tagħbija u t-Trasport, il-ħatt u l-kunsinna kif ukoll l-obbligi tal-passiġġier.

Artikolu 24

Vawċer tat-Trasport

1.  L-obbligi kuntrattwali relatati mat-Trasport ta' vetturi għandhom jiġu stabbiliti b'vawċer tat-Trasport maħruġ lill-passiġġier. Il-vawċer tat-Trasport jista' jiġi integrat fil-biljett tal-passiġġier.

2.  Il-disposizzjonijiet speċjali li jirregolaw it-Trasport ta' vetturi, li jinsabu fil-Kondizzjonijiet Ġenerali ta' Trasport, għandhom jiddeterminaw il-forma u l-kontenut tal-vawċer tat-Trasport kif ukoll il-lingwa u l-karattri li bihom dan għandu jiġu stampat u magħmul. L-Artikolu 7 § 5 għandu japplika mutatis mutandis.

3.  Dan li ġej, ta' l-inqas, għandu jiddaħħal fil-vawċer tat-Trasport:

   a) it-trasportatur jew it-trasportaturi;
   b) stqarrija li t-Trasport huwa soġġett, minkejja kwalunkwe klawsola kuntrarja, għal dawn ir-Regoli Uniformi; din tista' tkun indikata bl-akronimu CIV;
   ( ċ) kwalunkwe stqarrija oħra meħtieġa biex tipprova l-obbligi kuntrattwali li jirrigwardaw it-Trasport ta' vetturi u li tippermetti lill-passiġġier jafferma d-drittijiet li jirriżultaw mill-kuntratt ta' Trasport.

4.  Il-passiġġier għandu jiżgura, x'ħin jirċievi l-vawċer tat-Trasport, li dan ħareġ skond l-istruzzjonijiet tiegħu.

Artikolu 25

Liġi applikabbli

Soġġett għad-disposizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu, id-disposizzjonijiet tal-Kapitolu III relatati mat-Trasport ta' bagalji għandhom japplikaw għall-vetturi.

Titolu IV

Responsabbiltà tat-Trasportatur

Kapitolu I

Responsabbiltà f'każ ta' Mewt ta', jew Korriment Personali lill-, Passiġġieri

Artikolu 26

Bażi tar-responsabbiltà

1.  It-trasportatur għandu jkun responsabbli għat-telf jew il-ħsara li tirriżulta minn mewt ta', korrimenti personali lill-, jew ħsara fiżika jew mentali oħra lill-, passiġġier, ikkawżata b'inċident li joriġina mill-operat tal-linja tal-ferrovija u li jseħħ waqt li l-passiġġier ikun ġewwa, dieħel jew nieżel minn vetturi tal-linja tal-ferrovija, tkun xi tkun l-infrastruttura tal-linja tal-ferrovija wżata.

2.  Anke jekk intrapriza ferrovjarja tikkontesta r-responsabilità tagħha għall-korriment fiżiku ta' passiġġier li hi ġġorr, hi għandha tibqa' l-uniku interlokutur u l-unika entità li mingħandha l-passiġġier jistà jitlob kumpens, bla ħsara għal riparazzjoni li l-impriża ferrovjarja tista' tfittex minn partijiet terzi.

3.  It-trasportatur għandu jinħeles minn din ir-responsabbiltà

   a) jekk l-inċident ġie kkawżat minn ċirkostanzi mhux konnessi ma' l-operat tal-linja tal-ferrovija u li t-trasportatur, minkejja li ħa l-kura meħtieġa fiċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, ma setax jevita u li ma setax jipprevjeni l-konsegwenzi tagħhom;
   b) sal-punt li l-inċident huwa dovut għat-tort tal-passiġġier;
   ( ċ) jekk l-aċċident huwa dovut għall-imġiba ta' parti terza li t-trasportatur, minkejja li ħa l-kura meħtieġa fiċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, ma setax jevita u li ma setax jipprevjeni l-konsegwenzi tagħhom; impriża oħra li tuża l-istess infrastrutura tal-linja tal-ferrovija ma tistax titqies bħala parti terza; id-dritt għar-rikors m'għandux jiġi affettwat.

4.  Jekk l-inċident huwa dovut għall-imġiba ta' parti terza u jekk, minkejja dan, it-trasportatur m'huwiex meħlus kompletament mir-responsabbiltà tiegħu skond paragrafu 3, ittra ċ), hu għandu jkun responsabbli b'mod sħiħ sal-limiti stabbiliti f'dawn ir-Regoli Uniformi iżda mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt ta' rikors li t-trasportatur jista' jkollu kontra l-parti terza.

5.  Dawn ir-Regoli Uniformi m'għandhom jaffettwaw l-ebda responsabbiltà li tista' taqa' fuq it-trasportatur f'każijiet mhux previsti f' paragrafu 1.

6.  Jekk it-Trasport irregolat minn kuntratt ta' Trasport wieħed jitwettaq minn trasportaturi suċċessivi, it-trasportatur marbut skond il-kuntratt ta' Trasport li jipprovdi s-servizz ta' Trasport li fil-kors tiegħu seħħ l-inċident, għandu jkun responsabbli f'każ ta' mewt ta', u korrimenti personali lill-, passiġġieri. Meta dan is-servizz ma ġiex ipprovdut mit-trasportatur, iżda minn trasportatur sostitut, iż-żewġ trasportaturi għandhom ikunu responsabbli b'mod konġunt u separatament skond dawn ir-Regoli Uniformi.

Artikolu 27

Ħsarat f'każ ta' mewt

1.  F'każ ta' mewt tal-passiġġier il-ħsarat għandhom jinkludu:

   a) kwalunkwe spejjeż meħtieġa wara l-mewt, b'mod partikolari dawk tat-trasport tal-ġisem u l-ispejjeż tal-funeral;
   b) jekk il-mewt ma sseħħx mill-ewwel, il-ħsarat previsti fl-Artikolu 28.

2.  Jekk, mal-mewt tal-passiġġier, il-persuni li kellu, jew li kien ser ikollu, dmir legali li jmantni jiġu mċaħda mill-appoġġ tagħhom, tali persuni għandhom ukoll jiġu kkompensati għal dak it-telf. Id-drittijiet ta' azzjoni għal ħsarat ta' persuni li l-passiġġier kien qed imantni mingħajr ma kien marbut bil-liġi li jagħmel dan, għandhom jiġu rregolati bil-liġi nazzjonali.

Artikolu 28

Ħsarat f'każ ta' korriment personali

F'każ ta' korriment personali jew kwalunkwe ħsara fiżika jew mentali oħra lill-passiġġier, il-ħsarat għandhom jinkludu:

   a) kwalunkwe spejjeż, b'mod partikolari dawk tal-kura u tat-trasport;
   b) kumpens għal telf finanzjarju, dovut għal inkapaċità ta' xogħol, totali jew parzjali, jew għal ħtiġijiet miżjuda.

Artikolu 29

Kumpens għal korrimenti fiżiċi oħra

Il-liġi nazzjonali għandha tiddetermina jekk u sa liema limitu għandu t-trasportatur iħallas id-danni għal korrimenti fiżiċi oħra barra dawk li hemm disposizzjoni għalihom fl-Artikoli 27 u 28.

Artikolu 30

Forma u ammont ta' ħsarat f'każ ta' mewt jew korriment personali

1.  Il-ħsarat taħt l-Artikolu 27, paragrafu 2 u l-Artikolu 28, ittra b) għandhom jingħataw fil-forma ta' ħlas f'daqqa. Madankollu, jekk il-liġi nazzjonali tippermetti pagament ta' kull sena, il-ħsarat għandhom jingħataw f'dik il-forma jekk jiġi mitlub hekk mill-passiġġier korrut jew mill-persuni intitolati msemmijin fl-Artikolu 27, paragrafu 2.

2.  L-ammont ta' ħsarat li jridu jingħataw skond paragrafu 1 għandhom jiġu determinati skond il-liġi nazzjonali. Madankollu, għall-iskopijiet ta' dawn ir-Regoli Uniformi, il-limitu superjuri għal kull passiġġier għandu jiġi stabbilit għal 175 000 unità ta' kont bħala ħlas f'daqqa jew bħala pagament ta' kull sena annwali li jikkorrispondi għal dik is-somma, fejn il-liġi nazzjonali tipprovdi għal limitu superjuri ta' inqas minn dak l-ammont.

Artikolu 31

Sistemi oħra ta' trasport

1.  Soġġett għal paragrafu 2, id-disposizzjonijiet relatati mar-responsabbiltà tat-trasportatur f'każ ta' mewt ta', jew korriment personali lill-, passiġġieri m'għandhomx japplikaw għal telf jew ħsarat li joriġinaw fil-kors tat-Trasport li, skond il-kuntratt ta' Trasport, ma kienx Trasport bil-ferrovija.

2.  Madankollu, fejn il-vetturi tal-linji tal-ferrovija jinġarru bil-vapur, id-disposizzjonijiet relatati mar-responsabbiltà f'każ ta' mewt ta', jew korrimenti personali lill-, il-passiġġieri għandhom japplikaw għat-telf jew il-ħsara msemmija fl-Artikoli 26, paragrafu 1 u l-Artikolu 33, paragrafu 1, ikkawżata b'inċident li jirriżulta mill-operat tal-linja tal-ferrovija u li jseħħ waqt li l-passiġġier ikun ġewwa, dieħel jew nieżel mill-imsemmija vetturi.

3.  Meta, minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali, l-operat tal-linja tal-ferrovija jiġi temporanjament sospiż u l-passiġġieri jinġarru minn sistema oħra ta' trasport, it-trasportatur għandu jkun responsabbli skond dawn ir-Regoli Uniformi.

Kapitolu II

Responsabbiltà f'każ ta' Nuqqas ta' Żamma ma' l-Iskeda tal-Ħin

Artikolu 32

Responsabbiltà f'każ ta' kanċellazzjoni, ittardjar tal-ferroviji jew konnessjonijiet li ma ntlaħqux

1.  It-trasportatur għandu jkun responsabbli għall-passiġġier għal telf jew ħsara li tirriżulta mill-fatt li, minħabba kanċellazzjoni, ittardjar ta' ferrovija jew konnessjoni li ma ntlaħqitx, il-vjaġġ tiegħu ma jistax jitkompla fl-istess jum, jew li kontinwazzjoni tal-vjaġġ fl-istess jum ma tistax tintalab b'mod raġonevoli minħabba ċirkostanzi speċifiċi. Il-ħsarat għandhom jinkludu l-ispejjeż raġonevoli ta' akkomodazzjoni kif ukoll l-ispejjeż raġonevoli li jkun hemm bżonn biex jiġu nnotifikati l-persuni li qed jistennew lill-passiġġier.

2.  It-trasportatur għandu jiġi meħlus minn din ir-responsabbiltà, meta l-kanċellazzjoni, l-ittardjar jew il-konnessjoni li ma ntlaħqitx hija attribwibbli għal waħda minn dawn il-kawżi li ġejjin:

   a) ċirkostanzi mhux konnessi ma' l-operat tal-linja tal-ferrovija li t-trasportatur, minkejja li ħa l-kura meħtieġa fiċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, ma setax jevita u li ma setax jipprevjeni l-konsegwenzi tagħhom,
   b) tort fuq il-parti tal-passiġġier; jew
   ( ċ) l-imġiba ta' parti terza li t-trasportatur, minkejja li ħa l-kura meħtieġa fiċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, ma setax jevita u li ma setax jipprevjeni l-konsegwenzi tagħhom; impriża oħra li tuża l-istess infrastrutura tal-linja tal-ferrovija ma tistax titqies bħala parti terza; id-dritt għar-rikors m'għandux jiġi affettwat.

3.  Il-liġi nazzjonali għandha tiddetermina jekk u sa liema livell għandu t-trasportatur iħallas il-ħsarat għal ħsara barra minn dik prevista f' § 1. Din id-disposizzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 44.

Kapitolu III

Responsabbiltà fir-rigward ta' Bagalji ta' l-Idejn, Annimali, Bagalji Rreġistrati u Vetturi

Taqsima 1

Bagalji ta' l-idejn u annimali

Artikolu 33

Responsabbiltà

1.  F'każ ta' mewt ta', jew korriment personali lill-, passiġġieri, it-trasportatur għandu jkun responsabbli ukoll għat-telf jew ħsara li tirriżulta minn telf totali jew parzjali ta', jew ħsara lill-oġġetti li l-passiġġier kellu fuqu jew miegħu bħala bagalja ta' l-idejn; dan għandu japplika wkoll għall-annimali li l-passiġġier kien ġab miegħu. L-Artikolu 26 għandu japplika mutatis mutandis.

2.  F'rigward ieħor, it-trasportatur m'għandux ikun responsabbli għat-telf totali jew parzjali ta', jew ħsara lill-, oġġetti, bagalji ta' l-idejn jew annimali li s-superviżjoni tagħhom hija r-responsabbiltà tal-passiġġier skond l-Artikolu 15, sakemm dan it-telf jew ħsara ma jkunx ikkawżat bil-ħtija tat-trasportatur. L-Artikoli l-oħra tat-Titolu IV, bl-eċċezzjoni ta' l-Artikolu 51, u t-Titolu VI m'għandhomx japplikaw f'dan il-każ.

Artikolu 34

Limitu ta' ħsarat f'każ ta' telf ta' jew ħsara lill-oġġetti

Meta t-trasportatur huwa responsabbli taħt l-Artikolu 33 § 1, hu għandu jħallas kumpens sa limitu ta' 1 400 unità ta' kont għal kull passiġġier.

Artikolu 35

Esklużjoni tar-responsabbiltà

It-trasportatur m'għandux ikun responsabbli għall-passiġġier għal telf jew ħsara li toriġina mill-fatt li l-passiġġier ma jikkonformax mal-formalitajiet meħtieġa mill-awtoritajiet tad-dwana jew awtoritajiet amministrattivi oħra.

Taqsima 2

Bagalji Rreġistrati

Artikolu 36

Bażi tar-responsabbiltà

1.  It-trasportatur għandu jkun responsabbli għat-telf jew ħsara li tirriżulta minn telf totali jew parzjali ta', jew ħsara lill-, bagalja rreġistrata bejn il-ħin li t-trasportatur ħadha f'idejh u l-ħin tal-kunsinna kif ukoll mill-ittardjar tal-kunsinna.

2.  It-trasportatur għandu jiġi meħlus minn din ir-responsabbiltà sal-punt fejn it-telf, il-ħsara jew l-ittardjar fil-kunsinna ġie ikkawżat b'tort tal-passiġġier, b'ordni mogħtija mill-passiġġier barra milli riżultat ta' tort tat-trasportatur, b'difett inerenti fil-bagalja rreġistrata jew b'ċirkostanzi li t-trasportatur ma setax jevita u li ma setax jipprevjeni l-konsegwenzi tagħhom.

3.  It-trasportatur għandu jiġi meħlus minn din ir-responsabbiltà sal-punt li t-telf jew ħsara joriġina mir-riskji speċjali inerenti f'waħda jew iżjed miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

   a) l-assenza jew inadegwatezza ta' l-ippakkjar;
   b) in-natura speċjali tal-bagalja;
   ( ċ) il-kunsinna bħala bagalja ta' oġġetti mhux aċċettabbli għat-Trasport.

Artikolu 37

Obbligu ta' provi

1.  L-obbligu li jiġi pprovat li t-telf, il-ħsara jew l-ittardjar fil-kunsinna kien tort ta' waħda mill-kawżi speċifikati fl-Artikoli 36, paragrafu 2 għandu jaqa' fuq it-trasportatur.

2.  Meta t-trasportatur jistabbilixxi li, wara li kkunsidra ċ-ċirkostanzi ta' każ partikolari, it-telf jew il-ħsara setgħu oriġinaw minn riskju speċjali wieħed jew aktar imsemmija fl-Artikolu 36, paragrafu 3, għandu jkun preżunt li minn hemm oriġinat. Il-persuna intitolata għandha, madankollu, jkollha d-dritt li tipprova li t-telf jew il-ħsara ma kienx attribwibbli la fis-sħiħ u lanqas f'parti għal wieħed minn dawk ir-riskji.

Artikolu 38

Trasportaturi suċċessivi

Jekk trasport irregolat b'kuntratt wieħed jitwettaq minn trasportaturi diversi suċċessivi, kull trasportatur bl-att proprju li jieħu f'idejh il-bagalja bil-vawċer tar-reġistrazzjoni tal-bagalja jew il-vettura bil-vawċer ta' Trasport, għandu jsir parti għall-kuntratt ta' Trasport fir-rigward tat-tmexxija tal-bagalja jew tat-Trasport tal-vetturi, skond it-termini tal-vawċer tar-reġistrazzjoni tal-bagalja jew tal-vawċer tat-Trasport u għandu jassumi l-obbligi li joriġinaw minn hemm. F'tali każ kull trasportatur għandu jkun responsabbli għat-Trasport matul ir-rotta sħiħa sal-kunsinna.

Artikolu 39

Trasportatur sostitut

1.  Fejn it-trasportatur ħalla t-twettiq ta' Trasport, fis-sħiħ jew f'parti, f'idejn trasportatur sostitut, kemm jekk skond id-dritt taħt il-kuntratt ta' Trasport li jagħmal dan, jew le, it-trasportatur għandu madankollu jibqa' responsabbli fir-rigward tat-Trasport sħiħ.

2.  Id-disposizzjonijiet kollha ta' dawn ir-Regoli Uniformi li jirregolaw ir-responsabbiltà tat-trasportatur għandhom japplikaw ukoll għar-responsabbiltà tat-trasportatur sostitut għat-Trasport imwettaq minnu. L-Artikoli 48 u 52 għandhom japplikaw jekk titressaq azzjoni kontra l-impjegati jew kwalukwe persuna oħra li t-trasportatur sostitut jagħmel użu mis-servizzi tagħha għat-twettiq tat-Trasport.

3.  Kwalunkwe ftehim speċjali li taħtu liema t-trasportatur jassumi obbligi mhux imposti minn dawn ir-Regoli Uniformi jew jirrinunzja drittijiet mogħtija minn dawn ir-Regoli Uniformi m'għandu jkollu l-ebda effett fir-rigward tat-trasportatur sostituttiv li ma jkunx aċċettah espliċitament u bil-miktub. Kemm jekk it-trasportatur sostituttiv ikun aċċettah u kemm jekk le, it-trasportatur għandu xorta jibqa' marbut mill-obbligi jew ir-rinunzji li jirriżultaw minn tali ftehim speċjali.

4.  Meta u safejn it-trasportatur u t-trasportatur sostituttiv ikunu t-tnejn responsabbli, ir-responsabbilt għandha tkun konġunta u separata.

5.  L-ammont aggregat tal-kumpens pagabbli mit-trasportatur, it-trasportatur sostituttiv u s-servi tagħhom u persuni oħra li jkunu jużaw is-servizzi tagħhom għat-twettiq tat-trasportazzjoni m'għandux jaqbeż il-limiti previsti f'dawn ir-Regoli Uniformi.

6.  Dan l-Artikolu m'għandux jippreġudika d-drittijiet ta' rikors li jistgħu jkunu jeżistu bejn it-trasportatur u t-trasportatur sostituttiv.

Artikolu 40

Preżunzjoni ta' telf

1.  Il-persuna intitolata tista', mingħajr ma tkun mitluba tipprovdi provi ulterjuri, tikkunsidra oġġett tal-bagalja bħala mitluf meta dan ma jkunx ġie kkunsinnat lilu jew impoġġi għad-disposizzjoni tiegħu fi żmien erbatax-il jum wara talba għall-kunsinja tkun saret skond l-Artikolu 22, paragrafu 3.

2.  Jekk oġġett ta' bagalja li jkun meqjus li ntilef jiġi rikopert fi żmien sena wara t-talba għall-kunsinna, it-trasportatur irid jinnotifika lill-persuna intitolata jekk l-indirizz tiegħu jkun magħruf jew ikun jista' jiġi aċċertat.

3.  Fi żmien tletin jum wara l-irċevuta tan-notifika msemmija f'paragrafu 2, il-persuna intitolata tista' titlob li l-oġġett tal-bagalja jkun ikkunsinnat lilha. F'dak il-każ hija trid tħallas l-ispejjeż relatati mat-Trasport ta' l-oġġett mill-post tal-kunsinna għall-post fejn il-kunsinna tiġi mwettqa u tirrimborsa l-kumpens irċevut minbarra, skond il-każ, kwalunkwe spiża inkluża fih. Madankollu hija għandha żżomm id-drittijiet tagħha li titlob kumpens għal dewmien tal-kunsinna previst fl-Artikolu 43.

4.  Jekk l-oġġett tal-bagalja rikopert ma jkunx miġbur fi żmien il-perijodu stipulat f'paragrafu 3 jew jekk dan ma jkunx rikopert aktar minn sena wara t-talba għall-kunsinna, it-trasportatur għandu jeħles minnu skond il-liġijiet u l-preskrizzjonijiet fis-seħħ fil-post fejn l-oġġett tal-bagalja jkun qiegħed.

Artikolu 41

Kumpens għal telf

1.  F'każ ta' telf totali jew parzjali ta' bagalja reġistrata, it-trasportatur irid iħallas, bl-esklużjoni tal-ħsarat l-oħrajn kollha:

   a) jekk l-ammont tat-telf jew ħsara mġarrba tkun ippruvata, kumpens ta' daqs dak l-ammont imma mhux aktar minn 80-il unità ta' kont għal kull kilogramm ta' massa qasira gross jew 1200-il unità ta' kont għal kull oġġett tal-bagalja;
   b) jekk l-ammont tat-telf jew ħsara mġarrba ma tkunx stabbilita, ħsarat ta' likwidazzjoni ta' 20-il unità ta' kont għal kull kilogramm ta' massa qasira gross jew 300-il unità ta' kont għal kull oġġett tal-bagalja.

Il-metodu ta' kumpens, għal kull kilogramm nieqes jew għal kull oġġett tal-bagalja, għandu jiġi ddeterminat mill-Kondizzjonijiet Ġenerali tat-Trasport.

2.  Barra minn hekk it-trasportatur irid jirrimborsa l-ispiża għat-trasport tal-bagalja u ammonti oħrajn imħallsa fir-rigward tat-trasport ta' l-oġġett mitluf kif ukoll id-dazji tad-dwana u tas-sisa li jkunu diġà tħallsu.

Artikolu 42

Kumpens għal telf

1.  F'każ ta' ħsara fuq bagalja reġistrata, it-trasportatur irid iħallas kumpens ekwivalenti għat-telf fil-valur tal-bagalja, bl-esklużjoni tal-ħsarat l-oħra kollha.

2.  Il-kumpens m'għandux ikun ta' aktar minn:

   a) jekk il-bagalja kollha naqsilha l-valur minħabba ħsara, l-ammont li kien ikun pagabbli f'każ ta' telf totali;
   b) jekk parti biss tal-bagalja naqsilha l-valur minħabba ħsara, l-ammont li kien ikun pagabbli kieku dik il-parti ntilfet.

Artikolu 43

Kumpens għal dewmien tal-kunsinna

1.  F'każ ta' dewmien tal-kunsinna ta' bagalja reġistrata, it-trasportatur irid iħallas għal kull perijodu sħiħ ta' erbgħa u għoxrin siegħa wara li l-kunsinna tkun intalbet, iżda soġġett għal massimu ta' erbatax-il jum:

   a) jekk il-persuna intitolata jkollha provi li sofriet telf jew ħsara b'dan, kumpens daqs l-ammont tat-telf jew ħsara, sa mhux aktar minn 0.80-il unità ta' kont għal kull kilogramm ta' massa gross tal-bagalja jew 14-il unità ta' kont għal kull oġġett tal-bagalja, kunsinnat tard;
   b) jekk il-persuna intitolata ma jkollhiex provi li ġarrbet telf jew ħsara b'dan, ħsarat ta' likwidazzjoni ta' 0,14-il unità ta' kont għal kull kilogramm ta' massa gross tal-bagalja jew 2,80-il unità ta' kont għal kull oġġett tal-bagalja, kunsinnati tard.

Il-metodi ta' kumpens, skond kull kilogramm nieqes jew skond l-oġġetti tal-bagalja, għandu jkun determinat mill-Kondizzjonijiet Ġenerali tat-Trasport.

2.  F'każ ta' telf totali tal-bagalja, il-kumpens previst f'paragrafu 1 m'għandux ikun pagabbli flimkien ma' dak previst fl-Artikolu 41.

3.  F'każ ta' telf ta' parti tal-bagalja, il-kumpens previst f'paragrafu 1 għandu jkun pagabbli fir-rigward ta' dik il-parti tal-bagalja li ma tkunx intilfet.

4.  F'każ ta' ħsara tal-bagalja li ma tirriżultax minn dewmien ta' kunsinna, il-kumpens previst f'paragrafu 1 għandu, fejn xieraq, ikun pagabbli flimkien ma' dak previst fl-Artikolu 42.

5.  It-total ta' kumpens previst f'paragrafu 1 flimkien ma' dak pagabbli taħt l-Artikoli 41 u 42 m'għandu fl-ebda każ jaqbeż il-kumpens li kien ikun pagabbli f'każ ta' telf totali tal-bagalja.

Taqsima 3

Vetturi

Artikolu 44

Kumpens għal dewmien

1.  F'każ ta' dewmien fit-tagħbija għal raġuni attribwita lit-trasportatur jew dewmien tal-kunsinna ta' vettura, u jekk il-persuna intitolata jkollha provi li ġarrbet telf jew ħsara b'dan, it-trasportatur irid iħallas kumpens mhux aktar mill-ammont ta' l-ispiża tat-Trasport.

2.  Jekk, f'każ ta' dewmien tat-tagħbija għal raġuni attribwita għat-trasportatur, il-persuna intitolata tagħżel li ma tipproċedix bil-kuntratt tat-trasport, l-ispiża tat-trasport għandha tkun rimborsata lilha. Barra minn hekk il-persuna intitolata tista', jekk ikollha provi li ġarrbet telf jew ħsara bħala riżultat tad-dewmien, titlob kumpens ta' mhux aktar mill-ispiża tat-Trasport.

Artikolu 45

Kumpens għal telf

F'każ ta' telf totali jew parzjali ta' vettura l-kumpens pagabbli lill-persuna intitolata għat-telf jew il-ħsara ppruvati għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-valur tas-soltu tal-vettura. Dan għandu ma jaqbiżx 8000-il unità ta' kont. Trejler mgħobbi jew mhux mgħobbi għandu jkun ikkunsidrat bħala vettura separata.

Artikolu 46

Obbligu fir-rigward ta' oġġetti oħra

1.  Fir-rigward ta' oġġetti li jitħallew fil-vettura jew jitpoġġew f'kaxxi (eż. kaxxi tal-valiġġa jew ta' l-iski) marbutin mal-vettura, it-trasportatur għandu jkun responsabbli biss għal telf jew ħsara kkawżati tort tiegħu. Il-kumpens totali pagabbli m'għandux jaqbeż 1400-il unità ta' kont.

2.  Safejn jirrigwarda oġġetti stivati fuq barra tal-vettura, inklużi l-kaxex imsemmija f'paragrafu 1, it-trasportatur għandu jkun responsabbli biss fir-rigward ta' oġġetti ppustjati fuq barra tal-vettura jekk jiġi ppruvat li t-telf jew ħsara jirriżultaw minn azzjoni jew ommissjoni, li t-trasportatur ikkommetta b'intenzjoni biex jikkawża tali telf jew ħsara jew bi traskuraġni u kien jaf li tali telf jew ħsara probabbli jirriżultaw.

Artikolu 47

Liġi applikabbli

Soġġett għad-disposizzjonijiet ta' din it-Taqsima, id-disposizzjonijiet ta' Taqsima 2 relatati mar-responsabbiltà għall-bagalji għandha tapplika għall-vetturi.

Kapitolu IV

Disposizzjonijiet Komuni

Artikolu 48

Telf ta' dritt li jiġu invokati l-limiti tar-responsabbiltà

Il-limiti tar-responsabbiltà previsti f'dawn ir-Regoli Uniformi kif ukoll id-disposizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jillimitaw il-kumpens għal ammont fiss, m'għandhomx japplikaw jekk jiġi ppruvat li t-telf jew il-ħsara jirriżultaw minn att jew ommissjoni, li t-trasportatur ikun ikkommetta b'intenzjoni li jikkawża tali telf jew ħsara, jew bi traskuraġni u bl-għarfien li tali telf jew ħsara probabbli jirriżultaw.

Artikolu 49

Konverżjoni u interess

1.  Fejn il-kalkolu tal-kumpens jeħtieġ il-konverżjoni ta' somom espressi f'rata barranija, il-konverżjoni għandha tkun bir-rata ta' kambju applikabbli fil-jum u l-post tal-ħlas tal-kumpens.

2.  Il-persuna intitolata tista' titlob interessi fuq il-kumpens, ikkalkolata fuq ħamsa fil-mija kull sena, mill-jum tal-pretensjoni previst fl-Artikolu 55 jew, jekk ebda pretensjoni bħal din ma tkun saret, mill-jum li fih il-proċeduri legali jkunu ġew istitwiti.

3.  Madankollu, fil-każ ta' kumpens pagabbli skond l-Artikoli 27 u 28, l-interessi għandhom jingħaddu biss mill-jum li fih l-avvenimenti relatati ma' l-istima ta' l-ammont ta' kumpens ikunu seħħu, jekk dak il-jum ikun aktar tard minn dak tal-pretensjoni jew mill-jum li fih il-proċedimenti ġuridiċi jkunu ġew istitwiti.

4.  Fil-każ ta' bagalji, l-interessi għandhom ikunu pagabbli biss jekk il-kumpens jaqbeż 16-il unità ta' kont għal kull vawċer tar-reġistrazzjoni tal-bagalji.

5.  Fil-każ ta' bagalji, jekk il-persuna intitolata ma tissottomettix lit-trasportatur, fi żmien raġonevoli mogħti lilha, id-dokumenti ta' appoġġ meħtieġa biex l-ammont tal-pretensjoni jiġi stabbilit finalment, l-ebda interess m'għandu jingħadd bejn l-għeluq taż-żmien mogħti u s-sottomissjoni reali ta' tali dokumenti.

Artikolu 50

Responsabbiltà f'każ ta' inċidenti nukleari

Skond ir-Regoli Uniformi għal telf jew ħsara kkawżati minn inċident nukleari għandha titneħħa r-responsabbiltà minn fuq it-trasportatur meta l-operatur ta' l-istallazzjoni nukleari jew persuna oħra li tissostitwih ikunu responsabbli għat-telf jew ħsara skond il-liġijiet u l-preskrizzjonijiet ta' Stat li jirregola r-responsabbiltà fil-qasam ta' l-enerġija nukleari.

Artikolu 51

Persuni li għalihom it-trasportatur huwa responsabbli

It-trasportatur għandu jkun responsabbli għall-impjegati tiegħu u persuni oħrajn li juża s-servizzi tagħhom għat-twettiq tat-Trasport, meta dawn l-impjegati u persuni oħrajn ikunu qed jiffunzjonaw fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tal-funzjonijiet tagħhom. L-amministraturi ta' l-infrastruttura tal-ferrovija li biha jitwettaq it-Trasport għandhom ikunu kkunsidrati bħala persuni li t-trasportatur jagħmel użu tas-servizzi tagħhom għat-twettiq tat-Trasport.

Artikolu 52

Azzjonijiet oħrajn

1.  Fil-każijiet kollha fejn dawn ir-Regoli Uniformi għandhom japplikaw, kwalunkwe azzjoni fir-rigward ta' responsabbiltà, għal tkun xi tkun ir-raġuni, jistgħu jitressqu kontra t-trasportatur biss soġġett għall-kondizzjonijiet u l-limitazzjonijiet stabbiliti minn dawn ir-Regoli Uniformi.

2.  L-istess għandu japplika għal kwalunkwe azzjoni mressqa kontra l-impjegati u persuni oħrajn li t-trasportatur huwa responsabbli għalihom skond l-Artikolu 51.

Titolu V

Responsabbiltà tal-Passiġġier

Artikolu 53

Prinċipji speċjali ta' responsabbiltà

Il-passiġġier għandu jkun responsabbli għat-trasportatur għal kwalunkwe telf jew ħsara:

   a) li tirriżulta minn nuqqas li jaqdi l-obbligi tiegħu skond
   1. l-Artikoli 10, 14 u 20,
   2. id-disposizzjonijiet speċjali għat-Trasport ta' vetturi, li jinsabu fil-Kondizzjonijiet Ġenerali tat-Trasport, jew
   3. ir-Regolament dwar it-Trasport Internazzjonali ta' Merkanzija Perikoluża bil-Ferrovija (RID), jew
   b) ikkawżati minn oġġetti u annimali li hu jġib miegħu, sakemm hu ma jagħtix provi li t-telf jew ħsara kienu kkawżati minn ċirkostanzi li hu ma setax jevita u li l-konsegwenzi tagħhom ma setax jipprevjeni, minkejja l-fatt li hu eżerċita d-diliġenza meħtieġa ta' passiġġier kuxjenzjuż. Din id-disposizzjoni m'għandhiex taffettwa r-responsabbiltà tat-trasportatur skond l-Artikoli 26 u 33, paragrafu 1.

Titolu VI

Dikjarazzjoni tad-Drittijiet

Artikolu 54

Aċċertazzjoni ta' telf jew ħsara parzjali

1.  Meta telf parzjali, jew ħsara ta', oġġett trasportat fil-karigu tat-trasportatur (valiġġa, vetturi) jiġi skopert jew meqjus mit-trasportatur jew allegat mill-persuna intitolata, it-trasportatur irid, mingħajr dewmien, u jekk possibbli fil-preżenza tal-persuna intitolata, jikteb rapport fejn jiddikjara, skond in-natura tat-telf jew ħsara, il-kondizzjoni ta' l-artikolu u, sa fejn possibbli, il-qies tat-telf jew ħsara, il-kaġun u ż-żmien ta' meta seħħet.

2.  Kopja tar-rapport irid ikun provdut mingħajr ħlas lill-persuna intitolata.

3.  Jekk il-persuna intitolata ma taċċettax ir-riżultat fir-rapport, hi tista' titlob li l-kondizzjoni tal-valiġġa jew il-vettura u l-kawża u l-ammont tat-telf jew ħsara jkunu aċċertati minn espert imqabbad mill-partijiet tal-kuntratt tat-Trasport jew minn qorti jew tribunal. Il-proċedura ta' wara għandha tkun irregolata mill-liġijiet u l-preskrizzjonijiet ta' l-Istat li fih tali aċċertazzjoni sseħħ.

Artikolu 55

Pretensjonijiet

1.  Pretensjonijiet relatati mar-responsabbiltà tat-trasportatur f'każ ta' mewt, jew korriment personali, il-passiġġieri jridu jindirizzaw bil-miktub lit-trasportatur li kontrieh tista' titressaq azzjoni. Fil-każ ta' Trasport irregolat minn kuntratt wieħed u mwettaq minn trasportaturi suċċessivi l-pretensjonijiet jistgħu jiġu indirizzati wkoll lill-ewwel jew l-aħħar trasportatur kif ukoll lit-trasportatur li jkollu l-post prinċipali tan-negozju jew il-fergħa jew l-aġenzija tiegħu li kkonkluda l-kuntratt tat-Trasport fl-Istat fejn il-passiġġier ikollu d-domiċilju jew ir-residenza abitwali tiegħu.

2.  Pretensjonijiet oħrajn relatati mal-kuntratt tat-Trasport iridu jkunu indirizzati bil-miktub lit-trasportatur speċifikat fl-Artikolu 56, paragrafi 2 u 3.

3.  Id-dokumenti li l-persuna intitolata taħseb li huwa xieraq li tissottomettihom mal-pretensjoni għandhom ikunu ppreżentati fil-forma oriġinali jew il-kopji tagħhom, fejn xieraq, il-kopji debitament ċertifikati jekk it-trasportatur ikun jeħtieġ hekk. Mal-ftehim tal-pretensjoni, it-trasportatur jista' jitlob iċ-ċediment tal-biljett, il-vawċer tar-reġistrazzjoni tal-valiġġa u l-vawċer tat-trasport.

Artikolu 56

Trasportaturi li tista' titressaq azzjoni kontrihom

1.  Azzjoni bbażata fuq ir-responsabbiltà tat-trasportatur f'każ ta' mewt ta', jew korriment personali għall-passiġġieri, jistgħu jitressqu biss kontra trasportatur li huwa responsabbli skond l-Artikolu 26(6).

2.  Soġġett għal paragrafu 4 azzjonijiet oħrajn imressqa minn passiġġieri abbażi tal-kuntratt tat-Trasport jistgħu jitressqu biss kontra l-ewwel trasportatur, l-aħħar trasportatur jew it-trasportatur li jkun wettaq il-parti tat-Trasport li fiha l-avveniment li jkun wassal għall-proċedimenti jkun seħħ.

3.  Meta, fil-każ ta' Trasport imwettaq minn trasportaturi suċċessivi, it-trasportatur li jrid iwassal il-bagalji jew il-vettura jkun imdaħħal bil-kunsens tiegħu fil-vawċer tar-reġistrazzjoni tal-bagalji jew il-vawċer tat-trasport, azzjoni tista' titressaq kontrih skond paragrafu 2 anke jekk huwa ma jkunx irċieva l-bagalji jew il-vettura.

4.  Azzjoni għall-irkupru ta' somma mħallsa skond il-kuntratt tat-Trasport tista' titressaq kontra t-trasportatur li jkun ġabar dik is-somma jew kontra t-trasportatur li tkun inġabret f'ismu.

5.  Azzjoni tista' titressaq kontra trasportatur għajr dawk speċifikati f'paragrafi 2 u 4 meta tkun istitwita permezz ta' kontrorikjam jew permezz ta' eċċezzjoni fil-proċedimenti relatati ma' pretensjoni prinċipali bbażata fuq l-istess kuntratt ta' Trasport.

6.  Sakemm dawn ir-Regoli Uniformi japplikaw għat-trasportatur sostitut, azzjoni tista' titressaq kontrih ukoll.

7.  Jekk il-kwerelant ikollu għażla bejn bosta trasportaturi, id-dritt tiegħu għall-għażla għandu jkun mitmum hekk kif huwa jressaq azzjoni kontra wieħed minnhom; dan għandu japplika wkoll jekk il-kwerelant għandu għażla bejn trasportatur wieħed jew aktar u trasportatur sostitut.

Artikolu 58

Tneħħija tad-dritt għall-azzjoni f'każ ta' mewt jew korriment personali

1.  Kwalunkwe dritt għal azzjoni mill-persuna intitolata bbażat fuq ir-responsabbiltà tat-trasportatur f'każ ta' mewt jew korriment personali ta' passiġġieri, għandu jitneħħa jekk avviż ta' l-inċident tal-passiġġier ma jkunx mogħti mill-persuna intitolata, fi żmien tnax-il xahar minn meta jkun sar konxju tat-telf jew ħsara, lil wieħed mit-trasportaturi li lilu tista' tiġi indirizzata pretensjoni skond l-Artikolu 55, paragrafu 1. Fejn il-persuna intitolata tagħti avviż verbali ta' l-inċident lit-trasportatur, it-trasportatur għandu jforniha b'konferma ta' tali avviż verbali.

2.  Madankollu, id-dritt għal azzjoni m'għandux jitneħħa jekk

   a) fi żmien il-perijodu previst f'paragrafu 1, il-persuna intitolata tkun indirizzat pretensjoni lil wieħed mit-trasportaturi nnominati fl-Artikolu 55, paragrafu 1;
   b) fi żmien il-perijodu previst f'§ 1 it-trasportatur li jkun responsabbli jkun sar jaf bl-inċident tal-passiġġier b'xi mod ieħor;
   ( ċ) avviż ta' l-inċident ma jkunx ingħata, jew ikun ingħata tard, bħala riżultat ta' ċirkostanzi mhux attribwiti għall-persuna intitolata;
   d) il-persuna intitolata tagħti provi li l-inċident kien ikkawżat bil-ħtija fuq il-parti tat-trasportatur.

Artikolu 59

Tneħħija tad-dritt għal azzjoni li tirriżulta mit-Trasport tal-bagalji

1.  L-aċċettazzjoni tal-bagalji mill-persuna intitolata għandha tneħħi d-drittijiet kollha għal azzjoni kontra t-trasportatur li tirriżulta mill-kuntratt tat-Trasport f'każ ta' telf, ħsara jew dewmien parzjali tal-kunsinna.

2.  2 Madankollu, id-dritt għal azzjoni m'għandux jitneħħa:

   a) f'każ ta' telf jew ħsara parzjali, jekk
   1. it-telf jew ħsara jkun aċċertat skond l-Artikolu 54 qabel l-aċċettazzjoni tal-bagalji mill-persuna intitolata,
   2. l-aċċertazzjoni li tkun suppost saret skond l-Artikolu 54 titħalla barra ħtija biss tat-trasportatur;
   b) f'każ ta' telf jew ħsara li ma jkunux jidhru li l-eżistenza tagħhom tkun aċċertata wara l-aċċettazzjoni tal-bagalji mill-persuna intitolata, jekk hija
   1. titlob aċċertazzjoni skond l-Artikolu 54 immedjatament wara li tiskopri t-telf jew ħsara u mhux aktar tard minn tliet ijiem wara l-aċċettazzjoni tal- bagalji, u
   2. barra minn hekk, ikollha provi li t-telf jew ħsara jkunu seħħu bejn iż-żmien li tkun ittieħdet mit-trasportatur u l-ħin tal-kunsinna;
   ( ċ) f'każ ta' dewmien tal-kunsinna, jekk fi żmien wieħed u għoxrin jum il-persuna intitolata tkun aċċertat id-drittijiet tagħha kontra wieħed mit-trasportaturi speċifikati fl-Artikolu 56, paragrafu 3;    d) jekk il-persuna intitolata tagħti provi li t-telf jew ħsara jkunu kkawżat bil-ħtija fuq il-parti tat-trasportatur.

Artikolu 60

Limitazzjoni ta' l-azzjonijiet

1.  Il-perijodu ta' limitazzjoni ta' azzjonijiet għal ħsarat bbażati fuq ir-responsabbiltà tat-trasportatur f'każ ta' mewt jew korriment personali ta' passiġġieri għandu jkun:

   a) fil-każ ta' passiġġier, tliet snin mill-jum wara l-inċident;
   b) fil-każ ta' persuni intitolati oħrajn, tliet snin mill-jum wara l-mewt tal-passiġġier, soġġett għal massimu ta' ħames snin mill-jum wara l-inċident.

2.  Il-perijodu ta' limitazzjoni għal azzjonijiet oħrajn li jirriżultaw mill-kuntratt tat-trasport għandu jkun ta' sena. Madankollu, il-perijodu tal-limitazzjoni għandu jkun sentejn fil-każ ta' azzjoni għal telf jew ħsara li jirriżultaw minn att jew ommissjoni mwettqa bl-intenzjoni li jiġu kkawżati tali telf jew ħsara, jew bi traskuraġni u bl-għarfien li tali telf jew ħsara probabbli jirriżultaw.

3.  Il-perijodu tal-limitazzjoni previst f'paragrafu 2 għandu jgħodd għal azzjonijiet:

   a) għall-kumpens ta' telf totali, mill-erbatax-il jum wara l-għeluq tal-perijodu ta' żmien previst fl-Artikolu 22, paragrafu 3;
   b) għal kumpens ta' telf parzjali, ħsara jew dewmien ta' kunsinna, mill-jum meta l-kunsinna tkun saret;
   ( ċ) fil-każijiet l-oħrajn kollha li jinvolvu t-trasport ta' passiġġieri, mill-jum ta' l-għeluq tal-validità tal-biljett.

Il-jum indikat għall-bidu tal-perijodu tal-limitazzjoni m'għandux ikun inkluż fil-perijodu.

   4. 4. [...]
   5. 5. [...]

6.  Altrimenti, is-sospensjoni u l-interruzzjoni tal-perijodi tal-limitazzjoni għandhom jiġu regolati mil-liġi nazzjonali.

Titolu VII

Relazzjonijiet bejn Trasportaturi

Artikolu 61

Apporzjonament ta' l-ispiża tat-Trasport

1.  Kwalunkwe trasportatur li jkun ġabar jew li kellu jiġbor spiża ta' Trasport irid iħallas lit-trasportaturi konċernati s-sehem rispettiv tagħhom ta' tali spiża. Il-metodi ta' pagament għandhom jiġu ffissati permezz ta' ftehim bejn it-trasportaturi.

2.  L-Artikolu 6, paragrafu 3, l-Artikolu 16, paragrafu 3 u l-Artikolu 25 għandhom japplikaw ukoll għar-relazzjonijiet bejn trasportaturi suċċessivi.

Artikolu 62

Dritt għal rikors

1.  Trasportatur li jkun ħallas kumpens skond dawn ir-Regoli Uniformi għandu jkollu dritt għal rikors kontra t-trasportaturi li jkunu ħadu sehem fit-trasport skond id-disposizzjonijiet li ġejjin:

   a) it-trasportatur li jkun ikkawża t-telf jew ħsara għandu jkun l-uniku responsabbli għalihom;
   b) meta t-telf jew ħsara jkunu ġew ikkawżati minn bosta trasportaturi, kull wieħed għandu jkun responsabbli għat-telf jew ħsara li jkun ikkawża; jekk tali distinzjoni tkun impossibbli, il-kumpens għandu jkun proporzjonat bejniethom skond l-ittra ċ);
   ( ċ) jekk ma jkunx jista' jiġi ppruvat liema mit-trasportaturi jkun ikkawża t-telf jew ħsara, il-kumpens għandu jkun proporzjonat bejn it-trasportaturi kollha li jkunu ħadu sehem fit-Trasport, għajr dawk li jkollhom provi li t-telf jew ħsara ma jkunux ikkawżati minnhom; tali apporzjonament għandu jkun proporzjonat skond is-sehem rispettiv tagħhom ta' l-ispiża tat-Trasport.

2.  Fil-każ ta' insolvenza ta' xi wieħed minn dawn it-trasportaturi, is-sehem mhux imħallas li jkun dovut minnu għandu jiġi apporzjonat fost it-trasportaturi l-oħra kollha li jkunu ħadu sehem fit-trasport, fi proporzjon tas-sehem rispettiv tagħhom ta' l-ispiża tat-Trasport.

Artikolu 63

Proċedura għal rikors

1.  Il-validità tal-ħlas magħmul mit-trasportatur li jeżerċita dritt għal rikors skond l-Artikolu 62 ma tistax tiġi kkuntestata mit-trasportatur li kontrih ikun ġie eżerċitat id-dritt għal rikors, meta kumpens ikun ġie determinat minn qorti jew tribunal u meta t-trasportatur imsemmi l-aħħar, debitament moqdi bin-notifika tal-proċedimenti, ikun ġie mogħti opportunità li jintervjeni fil-proċedimenti. Il-qorti jew tribunal imqabbad mill-azzjoni prinċipali għandu jiddetermina ż-żmien li għandu jingħata għal tali notifika tal-proċedimenti u għal intervenzjoni fil-proċedimenti.

2.  Trasportatur li jeżerċita d-dritt tiegħu għal rikors irid jippreżenta l-pretensjoni tiegħu f'wieħed u l-istess proċediment kontra t-trasportaturi kollha li magħhom ma jkunx laħaq ftehim, altrimenti hu għandu jitlef id-dritt tiegħu għal rikors fil-każ ta' dawk li kontrihom hu ma jkunx ħa proċedimenti.

3.  Il-qorti jew tribunal għandu jagħti d-deċiżjoni tiegħu f'sentenza waħda u l-istess dwar il-pretensjonijiet ta' rikors kollha mressqa quddiemu.

4.  It-trasportatur li jkun jixtieq jinforza d-dritt tiegħu għal rikors jista' jressaq l-azzjoni tiegħu fil-qrati jew it-tribunali ta' l-Istat li fit-territorju tiegħu, wieħed mit-trasportaturi li jkunu ħadu sehem fit-Trasport ikollu l-post prinċipali tan-negozju tiegħu, jew il-fergħa jew aġenzija li tkun ikkonkludiet il-kuntratt tat-Trasport.

5.  Meta l-azzjoni trid titressaq kontra bosta trasportaturi, it-trasportatur kwerelant għandu jkun intitolat li jagħżel il-qorti jew tribunal li fih hu ser iressaq il-proċedimenti minn fost dawk kompetenti skond paragrafu 4.

6.  6 Il-proċedimenti tar-rikors ma jistgħux jingħaqdu ma' proċedimenti għal kumpens meħuda mill-persuna intitolata taħt il-kuntratt tat-Trasport.

Artikolu 64

Ftehim rigward rikors

It-trasportaturi jistgħu jikkonkludu ftehim li jidderoga mill-Artikoli 61 u 62.

ANNESS II

INFORMAZZJONI MINIMA LI GĦANDHA TIĠI PPROVDUTA MILL-IMPRIŻI FERROVJARJI U/JEW MINN BEJJIEGĦA TAL-BILJETTI

Parti I: Informazzjoni ta' qabel il-vjaġġ

Kondizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-kuntratt

Skedi ta' żmien u kondizzjonijiet għall-vjaġġi l-aktar mgħaġġla

Skedi ta' żmien u kondizzjonijiet għall-irħas nollijiet

Aċċessibbiltà, kondizzjonijiet ta' l-aċċess u disponibbiltà ta' faċilitajiet abbord għal persuni b'diżabbiltà u persuni b' mobbilta mnaqqsa

Aċċessibbiltà u kondizzjonijiet ta' l-aċċess għar-roti

Disponibbiltà ta' postijiet fiż-żoni tat-tipjip u ta' mingħajr tipjip, ta' l-ewwel u t-tieni klassi kif ukoll ta' kuċċetti u vaguni ta' l-irqad

Kwalunkwe attività li probabbilment tfixkel jew iddewwem is-servizzi

Disponabbiltà ta' servizzi abbord

Proċeduri għar-riklamazzjoni ta' bagalji mitlufa

Proċeduri għas-sottomissjoni ta' ilmenti

Parti II: Informazzjoni waqt il-vjaġġ

Servizzi abbord

L-istazzjon li jmiss

Dewmien

Servizzi prinċipali ta' kollegament

Kwistjonijiet ta' sigurtà u sikurezza

(1) ĠU C 221, 8.9.2005, p. 8.
(2) ĠU C 71, 22.3.2005, p. 26.
(3) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Settembru 2005 (ĠU C 227 E, 21.9.2006, p. 490), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta' l-24 ta' Lulju 2006 (ĠU C 289 E, 28.11.2006, p. 1) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Jannar 2007.
(4) ĠU C 137, 8.6.2002, p. 2.
(5) ĠU L 110, 20.4.2001, p. 1. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2004/50/KE (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 114). Verżjoni kkoreġuta fil-ĠU L 220, 21.6.2004, p. 40.
(6) ĠU L 281, 23.11.1995, p.31. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru. 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).
(7) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata bid-deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).
(8) ĠU L 143, 27.6.1995, p. 70. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44).
(9) Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta" Frar 2001 dwar l-allokazzjoni ta" kapaċità ta" infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta" piżijiet għall-użu ta" infrastruttura tal-ferroviji (ĠU L 75, 15.3.2001, p. 29). Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2004/49/KE.
(10) Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE tad-29 ta' Lulju 1991 dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (ĠU L 237, 24.8.1991, p. 25). Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/103/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 344).
(11) Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta' Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (ĠU L 158, 23.6.1990, p. 59).
(12)* Sena wara l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament.
(13)* Sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
(14)* Tliet snin mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Avviż legali - Politika tal-privatezza