Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kundanna u l-priġunerija fil-Libja tal-ħames infermiera Bulgari u tabib Palestinjan
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Rapporti Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ta' l-UE, b'mod partikulari għas-snin 2005 u 2006,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar is-sħubija tal-Bulgarija fl-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-paragrafu 25 tar-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Novembru 2006(1), tal-paragrafu 32 tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2005(2) u tal-paragrafu 39 tat-13 ta' April 2005(3),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni tal-11 ta' Ottubru 2004 li esprimew tħassib serju dwar il-qagħda mwiegħra ta' l-istaff mediku impriġunat, kif ukoll dwar id-deċiżjoni tiegħu li jipprovdi għajnuna lis-servizzi tas-saħħa tal-Libja, l-istqarrija tal-Presidenza ta' l-UE tad-19 ta' Diċembru 2006 dwar id-deċiżjoni tal-Qorti Kriminali fil-Libja li kkundannat għal mewt lill-ħames infermiera Bulgari u tabib Palestinjan, l-istqarrija tal-Kummissarju Ferrero-Waldner wkoll tad-19 ta' Diċembru 2006 dwar il-każ ta' Bengażi u l-istqarrijiet tal-President tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Novembru 2006 u ta' l-20 ta' Diċembru 2006;
– wara li kkunsidra r-rapporti tal-Presidenza lill-Kunsill Ewropew dwar l-implimentazzjoni tas-sħubijiet Strateġiċi ta' l-UE ma' l-istati Mediterranji ta' Diċembru 2005 u Diċembru 2006,
– wara li kkunsidra l-linji gwida tal-politika ta' l-UE lejn pajjiżi terzi dwar il-Piena tal-Mewt,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura,
A. billi fid-9 ta' Frar 1999 l-awtoritajiet Libjani żammu numru ta' infermiera Bulgari li kienu qed jaħdmu fl-isptar "Al-Fatih" f'Bengażi u billi fis-7 ta' Frar 2000 beda proċess ġuridiku kontra sitt persuni ta' nazzjonalità Bulgara, waħda Palestinjana u disa' Libjani fil-Qorti Popolari Libjana bl-akkuża li kienu infettaw deliberatament mijiet ta' tfal bil-virus ta' l-HIV,
B. billi fis-6 ta' Mejju 2004 il-qorti kkundannat għall-piena tal-mewt permezz ta' sparar ħames infermieri Bulgari u tabib Palestinjan; billi fil-25 ta' Diċembru 2005 il-Qorti Għolja Libjana qatgħet id-deċiżjoni tagħha dwar l-appell għall-piena tal-mewt u ordnat ritrattazzjoni; billi saret ritrattazzjoni mill-11 ta' Mejju 2006 li kkonfermat fid-19 ta' Diċembru 2006 s-sentenzi tal-piena tal-mewt,
C. billi hemm evidenza qawwija li ntużat it-tortura fil-ħabs kontra l-akkużati sabiex jagħmlu stqarrijiet ta' ħtija foloz; u billi nkisru d-drittijiet ta' l-akkużati f'ħafna modi oħrajn skandalużi,
D. billi fl-2003, wara talba mill-awtoritajiet Libjani, numru ta' esperti ta' l-HIV/AIDS magħrufa fil-kamp internazzjonali ppreżentaw rapport li kkonkluda b'mod kategoriku li t-tixrid tal-virus ta' l-HIV sar minħabba infezzjoni ġewwa l-isptar li faqqgħet qabel il-miġja ta' l-akkużati fil-Libja; billi pubblikazzjonijiet riċenti jipprovdu evidenza xjentifika qawwija dwar l-oriġini u ż-żmien meta dehret l-infezzjoni f'Bengażi; billi din l-evidenza qawwija li turi li l-akkużati huma innoċenti ma ġietx ikkunsidrata u meqjusa,
E. billi f'Novembru 2004 l-UE nidiet "Pjan ta' Azzjoni fir-rigward ta' l-HIV f'Bengażi", li jinkludi għajnuna teknika u medika għat-tfal infettati u l-familji milquta, kif ukoll appoġġ lill-awtoritajiet Libjani biex jiġġieldu kontra l-marda ta' l-AIDS; billi ġew provduti EUR 2 500 000 mill-baġit tal-Komunità biex ikun iffinanzjat il-pjan; billi l-implimentazzjoni ta' dan il-Pjan ta' Azzjoni waslet fi stadju avvanzat, bl-appoġġ tal-Kummissjoni u ta' l-Istati Membri ta' l-UE; billi ammont kbir tat-tfal infettati ġew trattati fi sptarijiet fl-Istati Membri,
F. Billi f'Jannar 2006 ġie stabilit il-Fond Internazzjonali ta' Bengażi bħala korp mingħajr qligħ u mhux governattiv, maħluq biex jgħin jiżviluppa l-infrastruttura medika lokali f'Bengażi, sabiex jittejjeb it-trattament tal-pazjenti u sabiex tkun provduta għajnuna lill-familji milquta;
1. Jikkundanna s-sentenza tal-Qorti Kriminali fil-Libja tad-19 ta' Diċembru 2006, li sabet ħtija, fir-ritrattazzjoni, u kkundannat għall-piena tal-mewt ħames infermiera Bulgari, Kristiana Vulcheva, Nasya Nenova, Valentina Siropulo, Valya Chervenyashka, Snezhana Dimitrova u tabib Palestinjan, Ashraf al-Haiui, li diġà kienu skontaw tmien snin fil-ħabs b'rabta mal-każ ta' l-HIV/AIDS fl-isptar ta' Bengażi fl-1999;
2. Itenni l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għall-piena tal-mewt u jfakkar li l-UE tqis li t-tneħħija tal-piena tal-mewt tikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-dinjità tal-bniedem u l-iżvilupp progressiv tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza, fl-istess waqt, li l-UE issa mxiet lil hinn minn dan l-impenn u issa tappoġġja t-tneħħija tal-piena kapitali f'pajjiżi terzi;
3. Itenni t-tħassib serju tiegħu fir-rigward tal-bażi fuq liema tħarrku l-persuni akkużati, it-trattament tagħhom waqt li kienu miżmuma fil-kustodja u d-dewmien twil fil-proċess;
4. Jenfasizza li minn Jannar 2007, il-proċess ġuridiku ta' Bengażi jikkonċerna direttament ħames ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea;
5. Jistieden lill-awtoritajiet Libjani kkonċernati biex jieħdu l-miżuri neċessarji biex jirrevedu u jħassru l-kundanna għall-piena tal-mewt, u jiftħu t-triq għal riżoluzzjoni bikrija tal-każ fuq bażi umanitarja, u b'hekk joħolqu l-prerekwiżiti meħtieġa għat-tkomplija tal-politika komuni ta' impenn mal-Libja;
6. Jistieden lill-Kurunell Al Qadhafi sabiex jeżerċita l-poteri tiegħu u jeħles, b'urġenza, il-membri ta' l-istaff mediku mill-ħabs;
7. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jieħdu azzjoni mal-Gvern Libjan biex jiżguraw il-ħelsien bikri ta' l-infermiera u tat-tabib miżmuma l-ħabs;
8. Jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-vittmi ta' l-infezzjoni HIV/AIDS f'Bengażi u jinnota l-miżuri li ttieħdu mill-komunità internazzjonali sabiex jipprovdu għajnuna lit-tfal affettwati;
9. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex ikomplu jipprovdu għajnuna għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni ta' l-HIV u biex jappoġġjaw il-Fond Internazzjonali ta' Bengażi, sabiex itaffu mit-tbatija tat-tfal infettati u tal-familji tagħhom u sabiex jgħinu lill-awtoritajiet Libjani biex jevitaw u jiġġieldu t-tixrid ta' l-HIV fil-pajjiż;
10. Jenfasizza d-determinazzjoni tiegħu li jsegwi mill-qrib dan il-każ u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iżommu lill-Parlament Ewropew infurmat dwar żviluppi ġodda;
11. 11 Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jikkunsidraw, fil-każ li ma jkunx hemm riżoluzzjoni pożittiva tal-każ, reviżjoni tal-politika komuni ta' impenn mal-Libja fl-oqsma kollha rilevanti f'mod li l-Unjoni tqis xieraq;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri, lill-Gvern u l-Kungress Ġenerali tal-Poplu tal-Libja, lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill ta' l-Ewropa, lis-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti.