Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-integrazzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi fix-xogħol tal-Kumitati (2005/2149(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 2, l-Artikolu 3 paragrafu 2, l-Artikolu 13 u l-Artikolu 141, paragrafu 4 tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, il-Karta Soċjali Ewropea kif emendata u l-każistika tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra x-xogħlijiet tad-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill ta' l-Ewropa u b'mod partikulari, tal-Kumitat ta' Tmexxija għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-Kunsill ta' l-Ewropa,
–wara li kkunsidra r-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa organizzata f'Beijing f'Settembru 1995, id-Dikjarazzjoni u l-Programm ta' Azzjoni adottati f'Beijing kif ukoll id-dokumenti tas-sessjonijiet straordinarji suċċessivi "Beijing+5" u "Beijing+10" tan-Nazzjonijiet Uniti dwar miżuri u inizjattivi ġodda għad-dħul fis-seħħ tad-Dikjarazzjoni ta' Beijing u tal-Programm ta' Azzjoni ta' Beijing, adottati fid-9 ta' Ġunju 2000 u fil-11 ta' Marzu 2005 rispettivament,
–wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2002 li temenda d-Direttiva 76/207/KEE tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa dwar l-aċċess għall-impjiegi, it-taħriġ vokazzjonali u l-promozzjoni professjonali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2003 lill-Parlament Ewropew dwar l-integrazzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi ("gender mainstreaming")(2),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u dwar l-integrazzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-qasam tax-xogħol tal-kumitati, li imfassla wara analiżi ta' tweġibiet għal kwestjonarju mqassam fost iċ-'chairpersons' u l-Viċi-'chairpersons' inkarigati mill-integrazzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi nominati mit-tnejn u għoxrin kumitat parlamentari,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0478/2006),
A. billi l-maġġoranza tal-kumitati jagħtu dejjem jew xi drabi ċertu importanza lill-integrazzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi, filwaqt li huma f'minoranza l-kumitati li ma jinteressaw ruħhom xejn jew rarament,
B. billi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija prinċipju fundamentali tal-liġi Komunitarja u li skond l-Artikolu 2 tat-Trattat, hija parti mill-ħidma tal-Komunità,
C. billi l-Artikolu 3, paragrafu 2 tat-Trattat jistabbilixxi l-prinċipju ta' integrazzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi u jistipula li, fl-azzjonijiet kollha tagħha, il-Komunità tfittex li telimina l-inugwaljanzi u li tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa,
D. wara li kkunsidra d-dinamika mibdija mill-2005 mill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, u x-xogħol tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi,
E. billi 'chairman'/'chairwoman' jew viċi-'chairman'/'chairwoman' inkarigat/a mill-implimentazzjoni fix-xogħol tal-kumitat parlamentari rispettiv tiegħu/tagħha ta' l-integrazzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi, ħa/ħadet sehem b'mod attiv f'kull laqgħa tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi,
F. wara li kkunsidra ż-żieda kostanti tal-persentaġġ ta' nisa Membri tal-Parlament, minn 17,5% fl-1979 għal 30.33% fl-2004,
G. billi, fi ħdan l-amministrazzjoni tiegħu, in-nisa m'humiex rappreżentati biżżejjed f'karigi ta' responsabiltà fil-korpi li jieħdu deċiżjonijiet politiċi,
H. billi fi ħdan tmienja mid-Direttorati Ġenerali tiegħu, żewġ nisa biss kienu nominati Direttriċi Ġenerali, jiddispjaċih li ma kienx hemm biżżejjed kandidati nisa għall-karigi ta' Direttriċi Ġenerali u, għalhekk, iħeġġeġ lin-nisa biex jikkunsidraw serjament li jikkontestaw għal karigi ta' responsabiltà fi ħdan l-amministrazzjoni tiegħu,
I. billi, minkejja li l-maġġoranza tal-kumitati huma favur l-integrazzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-biċċa l-kbira tal-kumitati fasslu l-futur politiku tagħhom, mingħajr ma inkludew strateġija dwar l-integrazzjoni,
J. billi s'issa l-ebda kumitat ma fassal objettivi konkreti biex isseħħ strateġija dwar l-approċċ integrat għall-ugwaljanza,
K. billi nofs il-kumitati jqisu li l-kompetenza tagħhom fil-qasam qed tiżviluppa, u li l-istess proporzjon ta' kumitati jinteressaw ruħhom ħafna f'taħriġ għall-integrazzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi fi ħdan is-segretarjati tagħhom,
L. billi l-koperazzjoni politika u amministrattiva tal-kumitati parlamentari mal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi tvarja minn waħda regolari għal waħda sporadika,
M. billi, b'konformità ma' l-Artikolu 46, paragrafu 6, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, il-maġġoranza tal-kumitati jistiednu regolarment lir-rapporteurs għal opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi biex jieħdu sehem fil-laqgħat tal-kumitat responsabbli meta qed ikun diskuss ir-rapport konċernat,
N. billi, biex titjieb il-leġiżlazzjoni, il-maġġoranza tal-kumitati huma favur l-integrazzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi, u li nofshom diġà użaw il-konsulenza ta' esperti fil-qasam ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi,
Evalwazzjoni ta' l-integrazzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi
1. Jenfasizza li t-talba għall-ugwaljanza bejn is-sessi għandha tkun f'għamla ta' aproċċ prattiku li ma jwassalx għal konfrontazzjoni bejn nisa u rġiel;
2. Jenfasizza li l-integrazzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi hija evoluzzjoni pożittiva għan-nisa kif ukoll għall-irġiel;
3. Jinnota li l-integrazzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi tirrikjedi r-rijorganizzazzjoni, it-titjib, l-iżvilupp u l-evalwazzjoni tal-politiki bil-għan li fil-livelli kollha u fl-istadji kollha, il-persuni normalment assoċjati mad-deċiżjonijiet politiċi jintegraw id-dimensjoni ta' l-ugwaljanza fil-politiki kollha;
4. Jenfasizza li l-integrazzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi m'hijiex se tieħu post il-politiki mmirati speċifikament biex jirranġaw sitwazzjonijiet li jirriżultaw minn inugwaljanzi bejn is-sessi u jfakkar li l-politiki mmirati speċifikament biex jippromwovu l-ugwaljanza u l-integrazzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi huma komplementari u li dawn iridu jintużaw flimkien biex iwasslu għall-ugwaljanza bejn is-sessi;
5. Jirringrazzja lill-Presidenti Awstrijaċi u Finlandiżi li fil-Kunsill tal-Ministri saħqu fuq l-importanza li jkun hemm irgiel fl-implimentazzjoni ta' l-intergrazzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi;
6. Jenfasizza li l-integrazzjoni tinvolvi li tkun garantit it-trattament indaqs għall-irġiel u n-nisa u attenzjoni għall-mira ta' ugwaljanza bejn is-sessi jkunu parti importanti mill-attivitajiet kollha: żvilupp tal-politika, riċerka, appoġġ/djalogu, leġiżlazzjoni, allokazzjoni ta' riżorsi, u twettiq u tkomplija tal-kalendarji ta' programmi u proġetti;
7. Jimpenja ruħu biex jadotta strateġija, li fiha objettivi konkreti, ta' integrazzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki Komunitarji u jinkariga l-kumitat responsabbli tiegħu bit-tfassil tagħha sa mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu leġiżlattiv preżenti;
8. Jistieden lill-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi biex ikompli jħeġġeġ u jippromwovi dan il-proċess kollu kemm hu, mill-informazzjoni mogħtija regolarment mill-kumitati u miċ-'chairwoman' tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi kif ukoll biex iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iħejju politika simili;
9. Jisħaq l-irwol importanti li jista' jkollhom il-gruppi politiċi biex iħeġġu u jappoġġjaw in-nisa u jagħmlu mod li jistgħu jieħdu sehem bis-sħiħ fil-ħajja pubblika permezz ta' l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta' l-integrazzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi, fil-programmi u l-attivitajiet tagħhom, kif ukoll permezz ta' appoġġ għal parteċipazzjoni aħjar tan-nisa fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-elezzjonijiet nazzjonali;
10. Jifraħ lill-kumitati parlamentari li qed jużaw l-integrazzjoni ta' l-ugwaljanza f'xogħolhom, u jistieden lill-kumitati l-oħra biex jagħmlu l-istess;
11. Iħeġġeġ lis-Segretarju Ġenerali biex ikompli jħarreġ lill-uffiċjali dwar l-integrazzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi;
12. Jieħu nota tal-fatt li d-Direttorat Ġenerali għall-Politika Interna, għandu l-ogħla numru ta' amministraturi nisa u jistieden lid-Direttorati Ġenerali kollha tal-Parlament biex jużaw fil-prattika l-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar it-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward l-impjiegi;
13. Jitlob li kull segretarjat tal-kumitati fid-Direttorati għall-politika interna u esterna jaħtar membru ta' l-istaff imħarreġ apposta fl-integrazzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi u jinkuraġġixxi 'networking' fost dawk l-uffiċjali taħt il-koordinazzjoni tas-segretarjat tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi sabiex ikun hemm skambju ta' prattiki tajbin;
14. Jiddispjaċih li r-Regolamenti ta' l-Istaff ta' Uffiċjali tal-Komunità Ewropea ma jipprovdux miżuri adegwati li joffru għażliet tabilħaqq lill-membri ta' l-istaff biex dawn jirrikonċiljaw il-ħajja tal-familja mal-ħajja professjonali;
15. Jitlob li titqies l-integrazzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi meta jkunu ppubblikati avviżi għal impjiegi fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej;
Il-futur ta' l-implimentazzjoni ta' l-integrazzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi
16. Jenfasizza l-importanza ta' l-użu ta' terminoloġija u ta' definizzjonijiet preċiżi li jkunu konformi ma' standards internazzjonali fl-użu ta' termini għall-integrazzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi;
17. Jenfasizza l-ħtieġa, fil-kumitati parlamentari, li jintużaw għodod xierqa għal għarfien tajjeb ta' l-integrazzjoni ta' l-ugwaljanza, bħal indikaturi u data u statistika skond is-sess, kif ukoll it-tqassim mill-ġdid tar-riżorsi baġitarji mill-perspettiva ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi filwaqt li jħeġġuhom biex japprofittaw mill-kompetenza interna (segretarjat tal-kumitat kompetenti, dipartiment tematiku, librerija eċċ.) u tal-kompetenza esterna, fi ħdan istituzzjonijiet lokali oħra, nazzjonali u sopranazzjonali, pubbliċi u privati; f'intrapriżi, żgħar, medji u kbar u f'universitajiet li jaħdmu fil-qasam ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi;
18. Jistieden liċ-'chairwoman' tal-kumitat responsabbli biex tinforma regolarment lill-Konferenza taċ-'Chairpersons' tal-Kumitati sabiex tkun tista' tevalwa l-progress miksub f'dan il-qasam;
19. Jenfasizza li d-dħul fis-seħħ ta' l-integrazzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi jrid iqis l-ispeċifiċità ta' kull kumitat parlamentari; jitlob li l-evalwazzjonijiet isiru kull sentejn taħt il-patroċinju tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, fuq il-bażi ta' kwestjonarju mressaq liċ-'chairpersons' u lill-viċi-'chairpersons' responsabbli għall-integrazzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi fit-tnejn u għoxrin kumitat parlamentari, u inklużi n-nuqqasijiet fil-ħidma tal-kumitati u tad-delegazzjonijiet kif ukoll il-progress li sar fl-implimentazzjoni ta' l-integrazzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi f'kull kumitat;
o o o
20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill ta' l-Ewropa.