Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-integrazzjoni tas-sostenibilità fil-politika ta' koperazzjoni għall-iżvilupp (2006/2246(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 177, 178, 179, 180 u 181 tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija Imġedda ta' l-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli adottata mill-Kunsill Ewropew fi Brussel tal-15 u s-16 ta' Ġunju 2006, u l-Istrateġija ta' l-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli adottata preċedentement mill-Kunsill Ewropew f'Gothenburg fl-2001 u d-dimensjoni esterna ta' l-Istrateġija miżjuda mill-Kunsill Ewropew f'Barċellona fl-2002,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Implimentazzjoni ta' Johannesburg adottat mis-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (WSSD) fl-2002,
– wara li kkunsidra l-Aġenda 21 adottata fil-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp, li saret f'Rio de Janeiro fl-1992,
– wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija ffirmata f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 mill-Membri tal-Grupp ta' Stati ta' l-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku (ACP) min-naħa u mill-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra(1), b'mod partikulari l-Artikoli 19, 23 u 32 tagħha,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-2000, l-Għanijiet ta' Żvilupp għall-Millenju (MDGs) li huma stabbiliti hemm u r-Rapport tan-NU ta' l-2005 dwar 'L-Investiment fl-Iżvilupp',
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effettività ta' l-Għajnuna adottata fit-2 ta' Marzu 2005 fil-Forum Għoli ta' Pariġi,
– wara li kkunsidra l-Kunsens ta' Monterrey ta' l-2002 adottat fil-Konferenza tan-NU dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni li ġġib l-isem ta' 'L-Għajnuna ta' l-UE: L-għoti ta' aktar, b'mod aħjar u aktar malajr' (COM(2006)0087), u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni tal-11 ta' April 2006, ibbażati fuqha,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mill-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri li ltaqgħu fil-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-Politika ta' Żvilupp ta' l-Unjoni Ewropea: "il-Kunsens Ewropew "('Il-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp')(2) iffirmat fl-20 ta' Diċembru 2005,
– wara li kkunsidra l-istrateġija ta' l-UE 'L-UE u l-Afrika: Lejn sħubija strateġika', adottata mill-Kunsill Ewropew fi Brussell fil-15-16 ta' Diċembru, 2005 u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi 'Sħubija bejn l-UE u l-Karibew għat-Tkabbir, l-Istabilità u l-Iżvilupp' (COM(2006)0086),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni li ġġib l-isem 'Dwar ir-reviżjoni ta' l-Istrateġija ta' Żvilupp Sostenibbli: Pjattaforma għall-Azzjoni' (COM(2005)0658),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni li ġġib l-isem 'Reviżjoni għas-sena 2005 ta' l-Istrateġija ta' l-UE għal Żvilupp Sostenibbli: Ħarsa Lura Inizjali u Orjentazzjonijiet Futuri (COM(2005)0037) u l-Anness tagħha (SEC(2005)0225)),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni li ġġib l-isem 'Il-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp: It-tħaffif tal-progress biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' l-Iżvilupp tal-Millennju' (COM(2005)0134),
– wara li kkusidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni li ġġib l-isem 'L-immaniġġjar ta' l-ilma fil-politika u l-prijoritajiet tal-koperazzjoni għall-iżvilupp ta' l-UE tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw' (COM(2002)0132),
– wara li kkunsidra l-Inizjattiva dwar l-Ilma ta' l-UE li tnediet fil-WSSD f'Johannesburg fl-2002,
– wara li kkunsidra l-Inizjattiva Ewropea dwar l-Enerġija adottata fid-WSSD, u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni li ġġib l-isem 'Dwar l-iżvilupp fil-futur ta' l-Inizjattiva ta' l-UE għall-Enerġija u l-modalitajiet għall-istabbiliment ta' Faċilità għall-Enerġija għall-pajjiżi ACP (COM(2004)0711),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-UE u s-sitt reġjuni tal-pajjiżi ACP li għandhom jidħlu fis-seħħ fl-2008,
– wara li kkunsidra l-Programm ta' Ħidma ta' Doha, adottat mill-Kunsill Ġenerali ta' l-Organizzazzjoni Dinjija għall-Kummerċ fit-2 ta' Awissu 2004,
– wara li kkunsidra r-rapport dwar l-erbatax-il sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, tat-22 ta' April 2005 u tat-12 ta' Mejju 2006,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mis-Sur Almunia lill-membri tal-Kummissjoni li ġġib l-isem 'Indikaturi ta' żvilupp sostenibbli għall-kontroll ta' l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli' (SEC(2005)0161),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni li ġġib l-isem 'Strateġija ta' l-UE għall-Afrika: Lejn patt Ewro-Afrikan biex ikun aċċellerat l-iżvilupp fl-Afrika' (COM(2005)0489),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni li ġġib l-isem 'It-tħaffif tal-progress lejn il-kisba ta' l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp - Finanzjament għall-Iżvilupp u Effikaċja ta' l-Għajnuna' (COM(2005)0133),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni li ġġib l-isem 'Aċċellerazzjoni tal-progress lejn l-Objettivi tal-Millennju għall-Iżvilupp: Il-kontribuzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea' (COM(2005)0132),
– wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-Konferenza tan-NU dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp li ġġib l-isem 'L-iżvilupp Ekonomiku fl-Afrika - Nerġgħu nikkunsidraw l-Irwol ta' l-Investiment Barrani Dirett' ta' l-2005,
– wara li kkunsidra r-Rapport Ekonomiku dwar l-Afrika għall-2004 li jġib l-isem 'Niftħu l-Potenzjal għall-Kummerċ ta' l-Afrika' mill-Kummissjoni Ekonomika tan-NU għall-Afrika,
– wara li kkunsidra r-rapport ta' l-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni Ekonomika u għall-Iżvilupp (OECD) ta' l-2001 li jġib l-isem 'Il-Linji gwida DAC: Strateġiji għall-Iżvilupp Sostenibbli',
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew li ġġib l-isem 'Evalwazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli' tat-28 ta' April 2004,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni li ġġib l-isem 'Il-Bidla fil-Klima fil-Kuntest tal-Koperazzjoni għall-Iżvilupp' (COM(2003)0085),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Kummissjoni, li jġib l-isem 'L-integrazzjoni ta' fatturi ambjentali f'oqsma oħra ta' politika - bilanċ tal-proċess ta' Cardiff' (COM(2004)0394),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni li ġġib l-isem 'Ġlieda kontra l-Faqar Rurali: politika u approċċ tal-Komunità Ewropea għall-iżvilupp rurali u l-immaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi naturali f'pajjiżi li qed jiżviluppaw' (COM(2002)0429),
– wara li kkunsidra r-Rapport ta' Sintesi dwar l-'Evalwazzjoni tar-Regolamenti dwar l-Ambjent u l-Foresti 2493/2000 u 2494/2000' ta' Novembru 2004 li ġew kummissjonati mill-Unita' ta' Evalwazzjoni komuni bejn l-Uffiċju ta' Koperazzjoni għall-għajnuna Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Iżvilupp u d-Direttorat Ġenerali għall-Affarjiet Barranin,
– wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta' skema volontarja ta' liċenzji FLEGT (Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, Governanza u Kummerċ) għall-importazzjoni fil-Komunità Ewropea (COM(2004)0515),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Kummissjoni li jġib l-isem 'L-integrazzjoni ta' l-ambjent fil-koperazzjoni ekonomika u għall-iżvilupp tal-KE' (SEC(2001)0609),
– wara li kkunsidra 'Il-Linji gwida OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali', 2000,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 1999 dwar standards ta' l-UE għal intrapriżi Ewropej li joperaw f'pajjiżi li qed jiżviluppaw: lejn Kodiċi ta' Mġiba Ewropew(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-1 ta' Ġunju 2006 dwar intrapriżi żgħar u ta' daqs medju f'pajjiżi li qed jiżviluppaw(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2006 dwar l-effettività ta' l-għajnuna u l-korruzzjoni f'pajjiżi li qed jiżviluppaw(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-18 ta' Jannar 2006 dwar l-aspetti ambjentali ta' l-iżvilupp sostenibbli(6) u tal-15 ta' Ġunju 2006 dwar l-istrateġija riveduta għall-iżvilupp sostenibbli(7),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A6-0474/2006),
A. billi l-Iżvilupp Sostenibbli kif definit mir-rapport Brundtland ta' l-1987 tal-Kummissjoni Dinjija dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp ifisser li l-bżonnijiet tal-ġenerazzjonijiet preżenti għandhom jiġu ssodisfati mingħajr ma tkun kompromessa l-ħila ta' ġenerazzjonijiet futuri li jissodisfaw il-bżonnijiet tagħhom; filwaqt li hu meħtieġ, b'mod partikulari biex tkun salvagwardjata l-kapaċità tad-dinja li ssostni l-ħajja fid-diversità kollha tagħha, ikunu rispettati l-limiti tar-riżorsi naturali tal-pjaneta u jkunu promossi l-produzzjoni u l-konsum sostenibbli sabiex tinħall ir-rabta bejn it-tkabbir ekonomiku u d-degradazzjoni ambjentali,
B. billi l-kunċett ta' Żvilupp Sostenibbli kien objettiv fundamentali ta' l-UE mill-1997 meta kien inkorporat bħala prinċipju ta' bażi fit-Trattat, u għalhekk għandu jkun il-bażi tal-linji politiki u l-attivitajiet kollha ta' l-UE,
C. billi l-kunċett ta' l-Iżvilupp Sostenibbli ma jqisx li kwistjonijiet soċjali, ambjentali u ekonomiċi huma kontradittorji iżda li jiddependu minn xulxin u jsaħħu lil xulxin,
D. billi wieħed mill-objettivi ewlenin ta' l-Istrateġija mġedda ta' l-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli huwa li jippromwovi l-Iżvilupp Sostenibbli mad-dinja kollha b'mod attiv,
E. billi l-koperazzjoni għall-iżvilupp ta' l-UE hija mmirata biex trawwem l-iżvilupp ekonomiku, ambjentali u soċjali sostenibbli ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-integrazzjoni bla problemi u gradwali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-ekonomija dinjija, u biex tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-faqar f'pajjiżi li qed jiżviluppaw,
F. billi t-tkomplija ta' tendenzi mhux sostenibbli kemm fil-pajjiżi żviluppati kif ukoll f'dawk li qed jiżviluppaw f'ħafna oqsma bħar-riżorsi ta' l-art, it-trasport, il-bidla fil-klima, is-sajd, it-tnaqqis tal-bijodiversità jew il-konsum ta' riżorsi għandha fuq kollox effett negattiv għall-foqra fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw,
G. billi iktar minn biljun ruħ, l-aktar fil-pajjiżi l-inqas żviluppati (LDCs), jgħixu f'faqar kbir b'inqas minn USD1 kuljum, u bejn 1.5 u 3 biljun ruħ jgħixu taħt il-limitu tal-faqar ta' USD 2 kuljum,
H. billi tnejn minn kull tliet persuni fqar fid-dinja jgħixu f'żoni rurali u jiddependu fuq riżorsi naturali għall-għixien tagħhom(8), il-foresti jappoġġjaw l-għixien ta' 90% ta' aktar minn biljun persuna li jgħixu f'faqar estrem(9), u iktar minn biljun persuna madwar id-dinja, l-iktar f'komunitajiet fqar, jiddependu fuq il-ħut biex jissupplixxu ta' l-inqas 30% tal-proteini tagħhom mill-annimali(10);
I. billi l-flussi ta' Assistenza Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) għall-Afrika huma ħafna anqas mill-massimu ta' l-1990 u huwa stmat li hemm nuqqas ta' bejn USD 20-25 biljun fis-sena,
J. billi l-Istati Membri ta' l-UE impenjaw ruħhom li tintlaħaq il-mira ta' l-ODA ta' 0.7% tad-dħul gross nazzjonali (GNI) sa l-2015, u l-Istati Membri ġodda li jżidu l-ODA/GNI tagħhom b'0.33% sa l-2015,
K. billi l-qerda tal-faqar tista' twassal għal mudelli sostenibbli ta' konsum u mmaniġġjar tar-riżorsi f'pajjiżi li qed jiżviluppaw jekk magħha jsiru sforzi għal livelli aħjar ta' edukazzjoni, saħħa u kapaċità istituzzjonali; billi l-ġlieda kontra l-faqar tagħti riżultati pożittivi biss jekk ir-riżorsi ambjentali u naturali jkunu mmaniġġjati b'mod sostenibbli,
L. billi konformità ma' standards demokratiċi, u t-twaqqif u t-tisħiħ ta' istituzzjonijiet ta' l-Istat trasparenti u effiċjenti u b'mod partikulari ta' kapaċità amministrattiva, huma kruċjali biex jiġu ttrattati b'mod effettiv l-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali f'pajjiżi li qed jiżviluppaw,
M. billi l-korruzzjoni tfixkel l-effettività ta' l-għajnuna, u għalhekk tfixkel il-linji politiċi ta' l-UE għall-iżvilupp u hija ostaklu serju għall-iżvilupp f'pajjiżi msieħba ta' l-UE,
N. billi jinħtieġu approċċi ġodda biex is-swieq jaħdmu biex jintlaħaq l-Iżvilupp Sostenibbli u s-settur privat għandu jaħdem biex jinħolqu soċjetajiet ġusti u sostenibbli,
O. billi n-nuqqas ta' sistemi legali effettivi u ta' drittijiet ekonomiċi u ta' proprjetà intellettwali huwa ostaklu kbir biex jiġi stabbilit ambjent ta' investiment li jista' jwassal għal żvilupp ekonomiku sod, u b'hekk għal progress soċjali f'ħafna LDCs,
P. billi linji politiċi ta' żvilupp sodi u għajnuna sostanzjali għall-iżvilupp huma importanti, iżda ma jbiddlu xejn fl-Iżvilupp Sostenibblli sakemm ma jissarrfux b'mod effettiv f'azzjonijiet ta' żvilupp koerenti fil-pajjiżi li qed jibbenefikaw u jindirizzaw b'mod sostenibbli l-opportunitajiet u t-theddid ambjentali,
Q. billi l-pubblikazzjoni hawn fuq imsemmija li jġib l-isem 'Żvilupp Ekonomiku fl-Afrika - Nerġgħu Nikkunsidraw l-Irwol ta' l-Investiment Barrani Dirett' juri li r-rabta ta' l-għajnuna mal-ħarsien ambjentali tista' tnaqqas il-faqar b'mod effettiv,
R. billi l-qtugħ illegali ta' siġar jikkawża ħsara ambjentali, jiswa lill-gvernijiet f'pajjiżi li qed jiżviluppaw biljuni ta' dollari fi dħul mitluf, jippromwovi l-korruzzjoni, ifixkel l-istat tad-dritt u l-governanza tajba u jservi ta' finanzjament għal kunflitti bl-armi,
S. billi 2.6 biljun ruħ, jew aktar minn 40% tal-popolazzjoni tad-dinja, m'għandhomx aċċess għas-sanità bażika, u billi biljun ruħ jużaw għejun mhux sikuri ta' ilma tax-xorb,
T. billi t-tkomplija tat-tniġġis, tad-degradazzjoni u tat-tnaqqis tar-riżorsi naturali tista' twassal għal sitwazzjonijiet ta' kunflitt f'ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw,
U. billi l-ekonomiji ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw jiddgħajfu minħabba tibdil fil-prezzijiet ta' l-enerġija u jbatu minn nuqqas ta' diversifikazzjoni ta' l-enerġija, u ħafna drabi dawn il-pajjiżi jonfqu porzjon sinifikanti mill-qligħ tagħhom mill-kummerċ fuq l-importazzjoni ta' enerġija, xi ħaġa li taffettwa ħażin l-iżvilupp stabbli ta' l-ekonomiji ta' dawk il-pajjiżi,
V. billi tkabbir qawwi tal-popolazzjoni huwa wieħed mill-isfidi għall-Iżvilupp Sostenibbli minħabba l-użu ħażin ta' riżorsi naturali, u dan iwassal għal degradazzjoni ambjentali serja,
1. Jilqa' l-fatt li l-Istrateġija Mġedda ta' l-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli hawn fuq imsemmija ttenni l-promozzjoni ta' l-Iżvilupp Sostenibbli mad-dinja kollha bħala waħda mill-objettivi ewlenin tagħha;
2. Jilqa' l-fatt li l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp hawn fuq imsemmi jistabbilixxi l-qerda tal-faqar fil-kuntest ta' l-iżvilupp sostenibbli bħala objettiv primarju u predominanti tal-koperazzjoni għall-iżvilupp ta' l-UE;
3. Iqis li l-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-qerda tal-faqar filwaqt li jkun żgurat il-ħarsien ambjentali huma fost l-isfidi l-iktar kruċjali tal-linji politiċi ta' koperazzjoni għall-iżvilupp ta' l-UE u ma jistgħux jintlaħqu mingħajr ma jitwaqqfu objettivi soċjali u ambjentali, li jinkludu l-ħarsien ta' l-ambjent u l-aċċess ġust u t-tqassim tal-benefiċċji tar-riżorsi umani;
4. Jisħaq li bidla lejn aċċess u t-tqassim iktar ġust tar-riżorsi naturali jew ta' l-enerġija kundizzjoni bil-quddiem għall-Iżvilupp Sostenibbli u element intrinsiku tad-dinjità tal-bniedem;
5. Jilqa' l-inklużjoni tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għall-koperazzjoni fl-iżvilupp(11) ta' programm tematiku għall-ambjent u l-immaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi naturali li tinkludi l-enerġija;
6. Jenfasizza l-ħtieġa li jkun żgurat li t-tliet komponenti ta' l-Iżvilupp Sostenibbli, jiġifieri l-ħarsien ambjentali, l-ekwità u l-koeżjoni soċjali u l-prosperità ekonomika, jiġu integrati kif suppost u implimentati fil-linji politiċi kollha ta' koperazzjoni għall-iżvilupp; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tirrevedi dan il-proċess regolarment;
7. Jitlob mekkaniżmi msaħħin għall-monitoraġġ tal-progress biex jintlaħqu l-miri stabbiliti fil-Pjan ta' Implimentazzjoni ta' Johannesburg u ta' l-MDGs hawn fuq imsemmija, bħal impenn akbar għall-Iżvilupp Sostenibbli, filwaqt li jiżgura integrazzjoni ta' l-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali ta' l-Iżvilupp Sostenibbli u l-promozzjoni ta' l-istat tad-dritt u ta' l-istituzzjonijiet pubbliċi u oħrajn;
8. Ifakkar li l-Iżvilupp Sostenibbli huwa kwistjoni transversali li teħtieġ tisħiħ tal-koerenza politika fl-oqsma kollha sabiex jiġi żgurat li jaħdmu bla problemi;
9. Jisħaq li hemm bżonn aktar sforzi fil-ġlieda kontra l-iżviluppi attwali li mhux sostenibbli, b'mod partikulari dawk li jwasslu għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra, it-tnaqqis tar-riżorsi ta' ħut u t-telf tal-bijodiversità; rigward it-telf tal-bijodiversità, iħeġġeġ lill-partijiet interessati kollha biex jieħdu l-miżuri xierqa biex fil-fatt jintlaħaq l-objettiv li jispiċċa t-telf tal-bijodiversità sa l-2010;
10. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tintensifika l-isforzi tagħha biex tintegra tħassib ambjentali bħall-immaniġġjar tar-riżorsi naturali f'oqsma ewlenin tal-linji politiċi ta' żvilupp;
11. Jistieden il-Kummissjoni biex tirranġa l-mod li bih tipprovdi l-għajnuna biex jiġi konformi ma' l-istrateġiji nazzjonali ta' l-Iżvilupp Sostenibbli tal-pajjiżi li lilhom tipprovdi dik l-għajnuna;
12. Jistieden lill-UE biex tagħti parir lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw dwar kif jiżviluppaw il-kapaċità tagħhom li jevalwaw l-impatt ambjentali tar-riżorsi naturali tagħhom u tal-linji politiċi ta' mmaniġġjar tar-riżorsi, li mbagħad tista' tiġi implimentata bħala parti minn programmi ta' koperazzjoni ma' dawk il-pajjiżi;
13. Itenni l-importanza kritika tal-monitoraġġ ta' l-impatt ekoloġiku dinji ta' l-UE, peress li juri l-impenn ta' l-UE għall-promozzjoni ta' l-Iżvilupp Sostenibbli mad-dinja kollha;
14. Jenfasizza l-importanza li titħares il-bijodiversità u jissuġġerixxi li dan il-ħarsien jew ikun miżjud bħala kwistjoni ewlenija fl-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli, jew ta' l-anqas jingħata enfasi speċjali fil-qasam dwar l-immaniġġjar tar-riżorsi naturali;
15. Jistieden lill-Kummissjoni biex taħdem mal-pajjiżi ACP biex tipprevjeni 'dumping' illegali ta' skart tossiku kemm b'operazzjoni lokali kif ukoll b'operaturi internazzjonali li joriġinaw u joperaw fl-UE;
16. Jenfasizza l-urġenza li tingħata għajnuna lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jadattaw għall-isfidi tal-bidla fil-klima u biex jieħdu l-passi neċessarji għal appoġġ imsaħħaħ għall-investiment f'teknoloġiji nodfa u effiċjenti fid-dinja li qed tiżviluppa; jirrikonoxxi wkoll l-urġenza għall-UE biex tasal u tmur lil hinn mill-miri tagħha ta' tnaqqis fl-emissjonijiet biex tgħin tillimita l-bdil perikoluż fil-klima, li jkollu impatt fuq pajjiżi li qed jiżviluppaw u bl-iktar mod serju fuq l-ifqar;
17. Jistieden lill-UE biex tieħu l-miżuri meħtieġa biex tgħin lill-imsieħba li qed jiżviluppaw biex jonoraw l-impenji li daħlu għalihom matul in-negozjati dinjija reċenti dwar l-istrateġija ta' l-Iżvilupp Sostenibbli u b'mod partikolari fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, li minnha l-persuni huma l-ewwel li jsofru (Kyoto, Monterrey, Doha, Johannesburg);
18. Jinkoraġġixxi l-iżvilupp u t-tixrid tat-teknoloġiji ta' enerġija alternattiva u jenfasizza l-urġenza li jiżdied b'mod sostanzjali s-sehem globali tas-sorsi ta' enerġija li tiġġedded;
19. Jistieden lill-Kummissjoni biex tniedi proġetti ma' korporazzjonijiet Ewropej speċjalizzati fl-enerġija li tiġġedded li jiffaċilitaw u jtejbu t-trasferiment u l-użu ta' sorsi ta' enerġija li m'humiex ta' ħsara għall-ambjent għall-użu individwali jew ta' kumpaniji fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
20. Jenfasizza li l-infrastrutturi jistgħu jkunu element essenzjali ta' l-Iżvilupp Sostenibbli jekk ikunu konformi mal-linji gwida ambjentali u soċjali u jistieden lill-Kummissjoni biex tassigura li l-Assessjazzjoni Strateġika Ambjentali u l-Assessjazzjoni ta' l-Impatt Ambjentali jsiru u jkunu disponibbli għall-pubbliku għal kull programm u proġett li jieħu appoġġ finanzjarju mill-EU, b'mod partikolari is-Sħubija bejn l-UE u l-Afrika dwar l-Infrastruttura proposta mill-Kummissjoni fil-Kommunikazzjoni tagħha lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew (COM(2006)0376) li se tipprovdi appoġġ finanzjarju għal proġetti ta' infrastruttura trans-konfinali, li jista' jgħin biex jingħalqu l-qsim fi proġetti reġjonali infrastrutturali u li - skond il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp hawn fuq imsemmi - għandu jagħti lill-Istati Membri kollha l-opportunità li jippreżentaw proposti ta' proġetti xierqa, irrispettivament minn kwalunkwe kontribuzzjoni diretta;
21. Jinnota li s-sostenibilità ekonomika ta' kull proġett infrastrutturali - jekk xieraq, flimkien ma' riformi f'politika ta' ħlasijiet - għandha tiġi żgurata u li s-sostenibilità ekoloġika m'għandhiex tiġi mhedda;
22. Jirrikonoxxi n-numru ta' riżorsi ta' l-ilma komuni u bejn il-fruntieri fl-Afrika, il-vulnerabilità tar-riżorzi ta' l-ilma għall-bidla fil-klima, għat-teħid żejjed, u għat-tniġġiż; jistieden il-Kummissjoni biex tippromwovi l-immaniġġjar integrat tar-riżors ta' l-ilma fi ħdan is-Sħubija bejn l-UE u l-Afrika dwar l-Infrastruttura biex tkun żgurata l-provvista ta' l-ilma għas-saħħa tal-bniedem u għas-sostenibilità ekoloġika;
23. Jirrikonoxxi li l-impatti ambjentali u soċjali ta' proġetti kbar infrastrutturali jistgħu jkunu serji; jissuġġerixxi li l-kriterji pprovduti mill-Kummissjoni Dinjija dwar id-Digi, li tinkludi analiżi ta' għażliet u parteċipazzjoni tal-pubbliku, jiffurmaw il-bażi tat-teħid ta' deċiżjonijiet fir-rigward ta' proġetti kbar ta' digi;
24. Jitlob żieda fis-sehem ta' l-għajnuna għall-iżvilupp għal proġetti marbuta maż-żieda ta' l-għarfien tan-nies dwar kwistjonijiet ambjentali u ta' saħħa;
25. Jiddispjaċih li d-dimensjoni esterna ta' l-Istrateġija ta' l-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli mhix marbuta iktar mill-qrib ma' kwistjonijiet ta' saħħa pubblika bħall-HIV/AIDS u t-tuberkolożi; jisħaq li dawn il-kwistjonijiet iridu jiġu ttrattati fl-UE u l-bqija tad-dinja;
26. Jisħaq li l-involviment tas-soċjetà ċivili, ta' l-NGOs u b'mod partikulari tan-nisa fid-dibattitu u fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-Iżvilupp Sostenibbli huwa vitali biex jiżdied l-għarfien tal-pubbliku dwar il-kwistjoni; jinsisti dwar l-importanza ta' l-edukazzjoni biex jitrawmu għażliet ekoloġiċi sostenibbli, b'mod speċjali fost l-ifqar popolazzjonijiet;
27. Jistieden il-Kummissjoni biex tagħti appoġġ għall-bini ta' kapaċità u għall-parteċipazzjoni tal-komunitajiet lokali u popli indiġeni fil-pajjiżi fil-pajjiżi li għadhom jiżviluppaw fl-aċċess, fil-kontroll u fl-immaniġġjar tar-riżorsi naturali;
28. Jenfasizza li l-parteċipazzjoni mtejba għandha bżonn trasparenza fil-provvista ta' informazzjoni relevanti u aċċessibilità aħjar għad-dokumenti ta' l-UE;
29. Jitlob it-twaqqif ta' indikaturi ta' l-iżvilupp sostenibbli biex jiġu applikati fir-rigward ta' linji politiċi ta' l-UE għall-iżvilupp koperattiv u għal rappurtar u mekkaniżmi ta' insegwiment aktar b'saħħithom relatati mal-bijodiversità u s-sostenibilità ambjentali;
30. Jitlob impenn iktar serju minn Stati Membri ġodda u antiki biex jintlaħaq l-objettiv ta' kontribuzzjoni ta' 0.7% ta' l-ODA/GNI lill-koperazzjoni għall-iżvilupp;
31. Jenfasizza l-importanza li jkun hemm kompatibiltà bejn ftehim ambjentali multilaterali bħall-Protokoll ta' Kyoto u l-qafas tad-WTO, b'mod partikulari fir-rigward l-applikazzjoni ta' l-Artikolu XX tal-Ftehima Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) rigward żoni ta' eċċezzjonijiet ġenerali li saru skond miżuri bħal: (b) miżuri meħtieġa biex iħarsu l-ħajja jew is-saħħa tal-bniedem, ta' l-annimali jew tal-pjanti; u (g) miżuri marbuta mal-konservazzjoni ta' riżorsi naturali li jinħlew jekk miżuri bħal dawn jidħlu fis-seħħ flimkien ma' restrizzjonijiet fuq il-produzzjoni jew il-konsum domestiċi; jafferma mill-ġdid l-irwol ta' l-istudju ta' l-impatt tas-sostenibiltà ambjentali marbuta ma' proposti ta' kummerċ;
32. Jistieden lill-USA, iċ-Ċina u l-Indja sabiex jirratifikaw il-Protokoll ta' Kjoto u, flimkien ma' l-UE, sabiex jassumu responsabilità għall-Iżvilupp Sostenibbli madwar id-dinja;
33. Jisħaq li l-UE għandha terġa' tqis l-effett tas-sussidji għall-esportazzjoni fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u b'mod partikolari fuq l-LDCs, u għandha żżid l-isforzi tagħha biex tabolixxihom permezz ta' negozjati kummerċjali internazzjonali;
34. Jerġa' jtenni l-importanza li jittaffa d-dejn ta' l-LDCs li l-gvernijiet tagħhom jirrispettaw il-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba;
35. Jemmen li n-Netwerk Ewropew ta' Żvilupp Sostenibbli jista' jkun punt ta' riferiment għall-iskambju ta' esperjenzi u l-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri permezz ta', mekkaniżmi ta' reviżjoni bejn il-pari, per eżempju;
36. Jemmen li t-twaqqif ta' korp permanenti konsultattiv u ta' monitoraġġ dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, li jkun jinkludi Stati Membri u rappreżentanti tas-soċjetà ċivika li jannaliżaw bir-reqqa l-integrazzjoni tal-kunċett fil-linji politiċi u programmi ta' l-UE, b'enfażi partikolari fuq il-koperazzjoni għall-iżvilupp, ikun ta' importanza kbira u kruċjali għall-appoġġ tal-Grupp ta' Ħidma Intern bejn is-Servizzi tal-Kummissjoni dwar l-Integrazzjoni Ambjentali fil-Koperazzjoni għall-Iżvilupp;
37. Jenfasizza li pajjiżi żviluppati għandhom ikunu minn ta' l-ewwel fil-promozzjoni tal-kunċett ta' l-Iżvilupp Sostenibbli;
38. Jenfasizza li l-Iżvilupp Sostenibbli jimxi id f'id ma' l-istituzzjonijiet sostenibbli, għalhekk huma meħtieġa miżuri konstrinġenti, bħal pereżempju r-rabta bejn tat-tnaqqis fid-dejn mar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba; jemmen li dan jista' jikkawża dinamika 'donor-donor' u jikkostitwixxi koperazzjoni għall-iżvilupp ibbażata fuq il-prinċipji ta' l-ugwaljanza, is-sħubija u l-proprjetà;
39. Jisħaq l-importanza li jissaħħu l-Intrapriżi Żgħar u ta' daqs Medju (SMEs) bħala għodda ewlenija biex ikun promoss l-iżvilupp ambjentali, soċjali u ekonomiku f'pajjiżi li qed jiżviluppaw; għalhekk jitlob għal sforzi intensifikati flimkien ma' l-awtoritajiet tal-pajjiż msieħba fit-tfassil ta' linji politiċi, programmi u proġetti li jiffavorixxu l-iżvilupp ta' SMEs, li joperaw bi qbil mal-prinċipji ta' l-Iżvilupp Sostenibbli; jtenni l-proposta tiegħu biex jiġu appoġġjati u ffinanzjati istituzzjonijiet reġjonali li jippromwovu l-SMEs;
40. Jistieden lill-Istati Membri ta' l-OECD biex jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw billi jżidu l-aċċess għal flussi ta' investiment u swieq meħtieġa u permezz ta' programmi ta' koperazzjoni għall-iżvilupp iktar effettivi;
41. Jinkoraġġixxi enfasi fuq il-GDP meta jitkejjel il-progress fis-soċjetà li jrid ikun bilanċjat minn tħassib ugwali dwar l-aspetti kwalitattivi tat-tkabbir, peress li dan huwa rekwiżit bil-quddiem għall-Iżvilupp Sostenibbli;
42. Jenfasizza l-ħtieġa għal miżuri komplementari bħal miżuri fiskali sostenibbli u akkwist pubbliku u t-tnaqqis u l-eliminazzjoni progressiva ta' sussidji li joħoqlu distorzjoni fil-kummerċ u jagħmlu ħsara lill-ambjent;
43. Jistieden lis-settur privat ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw u ta' pajjiżi żviluppati biex jadattaw u jikkomettu ruħhom għal kodiċi ta' mġiba għall-kumpaniji li jiddeskrivu pubblikament l-impenn bażiku tagħhom għall-objettiv ta' l-Iżvilupp Sostenibbli;
44. Jistieden lill-Kummissjoni biex timmoniterja u tirrapporta regolarment dwar l-effettività tal-Kodiċi ta' Mġiba għal Intrapriżi Ewropej li joperaw f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikulari fir-rigward ta' l-implimentazzjoni ta' rekwiżiti għall-Iżvilupp Sostenibbli;
45. Jilqa' l-approċċ tal-Kummissjoni li tippromwovi fuq skala internazzjonali l-kwistjonijiet ta' Responsabiltà Soċjali tal-Kumpaniji (CSR); madankollu, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżid il-valur tas-CSR billi tfassal regoli li jorbtu iktar għal kumpaniji Ewropej li joperaw f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikulari fir-rigward l-istandards fundamentali tax-xogħol ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-ħarsien ambjentali;
46. Ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li tibbaża l-programmi ta' żvilupp tagħha fuq it-trasparenza u r-responsabiltà, peress li ħafna drabi l-korruzzjoni f'pajjiżi li qed jiżviluppaw issaħħaħ tendenzi mhux sostenibbli, pereżempju f'oqsma bħall-qtugħ illegali ta' siġar; u jenfasizza l-ħtieġa li jkun appoġġjat l-użu ta' għassiesa kontra l-korruzzjoni f'pajjiżi li qed jiżviluppaw billi jingħataw biżżejjed riżorsi għal proġetti bħal dawn;
47. Jistieden lill-Kummissjoni biex taħdem ma' l-Istati Membri biex tidentifika u tressaq il-qorti lil dawk ħatja li jimpurtaw illegalment injam u prodotti ta' l-injam mis-sors, u tagħti appoġġ lill-Istati Membri ta' l-ACP f'azzjonijiet biex jitwaqqaf il-kummerċ u s-suq ta' tali prodotti;
48. Itenni l-importanza ta' Investiment Barrani Dirett għal pajjiżi li qed jiżviluppaw u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ifasslu l-politiki għall-iżvilupp tagħhom b'mod li jtejjeb il-qagħda kurrenti ta' l-istituzzjonijiet ekonomiċi u l-ambjent ta' investiment f'pajjiżi li qed jiżviluppaw;
49. Jikkunsidra li l-awtoritajiet lokali f'pajjiżi li qed jiżviluppaw ma jkunux dejjem f'pożizzjoni li jipprovdu il-kwantitajiet ta' finanzjament meħtieġa biex isiru investimenti kbar fil-kostruzzjoni u l-manutenzjoni ta' netwerks infrastrutturali, per eżempju għall-provvista ta' l-ilma jew biex tipprovdi sanità, u għalhekk injezzjonijiet supplimentari ta' kapital privat biss, permezz ta' sħubija pubblika-privata, jkunu jistgħu jipprovdu l-kwantità meħtieġa ta' finanzjament;
50. Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tagħti appoġġ b'saħħtu lill-iskema ta' liċenzjar FLEGT u lil ftehim imfassla ta' Sħubija Volontarja (VPAs); jemmen illi għandha tingħata attenzjoni partikolari biex il-pajjiżi msieħba jiġu persważi biex jiffirmaw il-VPAs u jissieħbu fl-iskema ta' liċenzjar, filwaqt li tkun evitata l-possibiltà li dawk l-imsieħba jaħarbu l-iskema billi jesportaw lil pajjiżi terzi, fejn m'hemmx skemi ta' liċenzjar;
51. Jenfasizza l-importanza li jtejjeb id-djalogu soċjali ma' negozji lokali f'pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jitrawwmu koperazzjoni u responsabilitajiet komuni sabiex ikun hemm konsum u produzzjoni sostenibbli u appoġġ għat-tagħlim f'dan ir-rigward bejn il-pajjiżi tan-nofsinhar u bejn dawk tat-tramuntana u nofsinhar;
52. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel enfażi partikolari waqt in-negozjati għall-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika fuq strateġiji li jrawwmu diversifikazzjoni akbar fl-esportazzjoni mill-pajjiżi ta' l-ACP u tagħti appoġġ lil mudelli ta' tkabbir u żvilupp li huma ambjentalment sostenibbli u soċjalment ġusti;
53. Jerġa' jafferma li għal pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-aċċess għal sorsi ta' l-enerġija huwa prijorità ewlenija; f'dan ir-rigward, jitlob li jkun promoss l-aċċess għall-enerġija permezz ta' l-Inizjattiva ta' l-UE dwar l-Enerġija u billi jkun aġġornat il-profil ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija f'programmi ta' żvilupp;
54. Jenfasizza illi, f'kuntest ta' tkabbir urban anarkiku, l-ilma u s-sanità urbana hija kwistjoni ta' żvilupp ewlenija, peress li prattiki tajba fil-qasam ta' governanza domokratika lokali jistgħu jinbnew madwar is-servizzi pubbliċi lokali;
55. Jistieden lil pajjiżi li qed jiżviluppaw, sabiex ikun assigurat l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi ta' l-ilma tagħhom, biex jiddeċentralizzaw l-immaniġġjar ta' l-ilma għal livel lokali sabiex jinvolvu l-utenti u lil dawk li jieħdu d-deċiżjonjiet fil-formolazzjoni tal-linji politiċi dwar l-ilma f'livell kemm jista' jkun qrib il-bżonnijiet taċ-ċittadini;
56. Jistieden lill-awtoritajiet lokali fl-EU sabiex jiġu nkorraġuti jużaw parti mid-dħul mill-ħlasijiet ta' l-utenti għall-provvista tas-servizzi ta' l-ilma u s-sanità sabiex jieħdu miżuri ta' koperazzjoni deċentralizzati biex jiffinanzjaw proġetti biex jitjieb l-aċċess għall-ilma f'pajjiżi li qed jiżviluppaw;
57. Jistieden lill-UE sabiex tfassal strateġiji biex jinkoraġixxu triq ta' żvilupp ekonomiku u agrikolu kompatibbli maż-żamma jew it-tisħiħ ta' standard għoli ta' kwalità ta' l-ilma, mill-ilma ta' taħt l-art għall-ilma fornut lill-konsumatur finali;
58. Iqis li huwa neċessarju li l-kunċett ta' Żvilupp Sostenibbli jiġi integrat fil-proċess ta' riċerka u innovazzjoni;
59. Jistieden lill-partijiet kollha biex jistabbilixxu objettivi konkreti ta' żvilupp sostenibbli għaż-żmien qarib u għat-tul u biex jimmoniterjaw il-progress li sar fil-kisba ta' dawn l-objettivi;
60. Jemmen li fl-ambitu tal-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp u fir-rigward ta' l-immigrazzjoni, l-Istati Membri jaslu għal ftehima komuni biex jiffaċċjaw l-isfida ta' l-immigrazzjoni; ifakkar f'dan ir-rigward li għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-fondi mibgħuta u għall-bidla ta' linji politiċi li jikkawżaw 'brain-drain' fi proċessi ta' 'brain-gain'. jenfasizza li l-UE m'għandhiex tikkawża effetti ta' 'brain-drain' għal tul ta' żmien li huma ta' ħsara għal pajjiżi li qed jiżviluppaw;
61. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati.
WWF (2004) L-Għajnuna ta' l-UE: Tnaqqis tal-Faqar permezz ta' Ambjent Sostenibbli: Għaliex l-Għajnuna ta' l-UE għandha tindirizza kif jixraq ir-rabta bejn il-faqar u l-ambjent?