Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehima ta" Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Gabon (COM(2006)0454 – C6-0303/2006 – 2006/0156(CNS))
(Proċedura ta' konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Kunsill (COM(2006)0454)(1),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 300(2), l-ewwel sottoparagrafu tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 300(3), l-ewwel sottoparagrafu, tat-Trattat KE skond liema artikolu l-Kunsill ikkonsulta lill-Parlament (C6-0303/2006),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 51 u 83(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A6-0477/2006),
1. Japprova l-proposta għal regolament tal-Kunsill kif emendata u japprova l-konklużjoni tal-ftehima;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jagħaddi din il-pożizzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri u lir-Repubblika tal-Gabon.
Test propost mill-Kummissjoni
Emendi tal-Parlament
Emenda 1 Premessa 2 a (ġdida)
(2a) Il-kumpens finanzjarju tal-KE jintuża għall-iżvilupp tal-popolazzjonijiet ta' mal-kostali li huma dipendenti fuq is-sajd u kif ukoll għall-ħolqien ta' industriji żgħar lokali ta' ffriżar u pproċessar;
Emenda 2 Artikolu 3 a (ġdid)
Artikolu 3a
Waqt l-aħħar sena ta' applikazzjoni tal-Protokoll u qabel ma tiġi konkluża xi ftehima ġdida jew ma jiġi estiż il-perjodu ta' applikazzjoni tal-Ftehima annessa ma' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni tal-ftehima u l-kundizzjonijiet skond liema ġiet implimentata.
Emenda 3 Artikolu 3 b (ġdid)
Artikolu 3b
Il-Kummissjoni, kull sena, għandha tgħarraf lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riżultati tal-programm settorjali multi-annwali deskritt fl-Artikolu 7 tal-Protokoll.
Emenda 4 Artikolu 3 c (ġdid)
Artikolu 3c
Fuq il-bazi tar-rapport imressaq mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 3a u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill għandu, jekk xieraq, jagħti mandat ta' negozjar lill-Kummissjoni bil-għan li jiġi adottat Protokoll ġdid.
Emenda 5 Artikolu 3 d (ġdid)
Artikolu 3d
Il-Kummissjoni għandha tevalwa kull sena jekk l-Istati Membri li l-bastimenti tagħhom jistadu taħt il-Ftehima ikunux ikkonformaw mar-rekwiżiti ta' rrappurtaġġ.